Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0494

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Marzu 2018.
    Giuseppa Santoro vs Comune di Valderice u Presidenza del Consiglio dei Ministri.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale civile di Trapani.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Kuntratti konklużi ma’ persuna li timpjega li jaqgħu taħt is-settur pubbliku – Miżuri intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
    Kawża C-494/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:166

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    7 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Kuntratti konklużi ma’ persuna li timpjega li jaqgħu taħt is-settur pubbliku – Miżuri intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

    Fil-Kawża C‑494/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Trapani (il-Qorti ta’ Trapani, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Settembru 2016, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Settembru 2016, fil-kawża

    Giuseppa Santoro

    vs

    Comune di Valderice,

    Presidenza del Consiglio dei Ministri,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C.G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: R. Schiano, amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2017,

    għal G. Santoro, minn S. Galleano, V. De Michele, M. De Luca u E. De Nisco, avvocati,

    għall-Comune di Valderice, minn G. Messina, avvocatessa,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis, vice avvocato generale dello Stato, kif ukoll minn C. Colelli u G. D’Avanzo, avvocati dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [għal żmien determinat], konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Giuseppa Santoro u l-Comune di Valderice (il-Komun ta’ Valderice, l-Italja), fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi bejn il-parti kkonċernata u dan il-komun.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

    4

    Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, hija fformulata kif ġej:

    “1.

    Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

    a)

    raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

    b)

    iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

    c)

    in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

    2.

    L-Istati Membri wara l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

    a)

    għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

    b)

    għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit”.

    Id-dritt Taljan

    5

    L-Artikolu 97 tal-Kostituzzjoni jirrikjedi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jirreklutaw biss permezz ta’ proċeduri ta’ għażla.

    6

    Kif jirriżulta mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 5(1) tad-decreto legislativo n. 368 – Attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368, li jittrasponi d-Direttiva 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP), tas‑6 ta’ Settembru 2001(GURI Nru 235, tad‑9 ta’ Ottubru 2001), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

    “Jekk ir-relazzjoni ta’ xogħol titkompla għal wara t-tletin ġurnata, f’każ ta’ kuntratt għal żmien inqas minn sitt xhur u meta ż-żmien totali msemmi fil-paragrafu 4-bis ikun skada, jew għal wara l-ħamsin ġurnata fil-każijiet l-oħra, il-kuntratt jitqies għal żmien indeterminat b’effett mill-iskadenza tal-imsemmija termini”.

    7

    L-Artikolu 5(4-bis) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprovdi:

    “Mingħajr preġudizzju għas-sistema tal-kuntratti suċċessivi kif prevista fil-paragrafi preċedenti, meta, b’riżultat ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ekwivalenti, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess impjegat taqbeż, globalment, il-perijodu ta’ sitta u tletin xahar, inklużi l-prorogi u t-tiġdid, indipendentement mill-perijodi ta’ interruzzjoni bejn il-kuntratti, ir-relazzjoni ta’ xogħol titqies bħala li hija ta’ żmien indeterminat skont il-paragrafu 2 […]”.

    8

    Skont l-Artikolu 36 tad-decreto legislativo n. 165 – Norme generali sull’ordinamento del lavoro alle dipendenze delle amministrazioni pubbliche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 165, li jipprovdi regoli ġenerali dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol fl-amministrazzjonijiet pubbliċi), tat‑30 ta’ Marzu 2001 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 106, tad‑9 ta’ Mejju 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001”):

    “1.   Għar-rekwiżiti marbutin mal-bżonnijiet ordinarji tagħhom, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jirreklutaw esklużivament permezz ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat […].

    2.   Sabiex jissodisfaw rekwiżiti ta’ natura esklużivament temporanja u eċċezzjonali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jirrikorru għall-forom kuntrattwali flessibbli ta’ reklutaġġ u ta’ impjieg tal-persunal previsti mill-Kodiċi Ċivili u mil-liġijiet dwar ir-relazzjonijiet ta’ xogħol fl-impriża, bl-osservanza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ fis-seħħ […].

    […]

    5.   Fi kwalunkwe każ, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi fil-qasam tar-reklutaġġ jew tal-impjieg ta’ ħaddiema mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistax iwassal għall-istabbiliment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, bla ħsara għar-responsabbiltà u għas-sanzjonijiet li dawn jistgħu jinkorru. Il-ħaddiem ikkonċernat għandu dritt għall-kumpens għad-dannu li jirriżulta mix-xogħol imwettaq bi ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi. L-amministrazzjonijiet għandhom l-obbligu li jirkupraw is-somom imħallsa f’dan ir-rigward mingħand id-diriġenti responsabbli meta l-ksur ikun intenzjonali jew meta dan jirriżulta minn nuqqas intenzjonat jew minn negliġenza serja. Id-diriġenti li jaġixxu bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu huma wkoll responsabbli, fis-sens tal-Artikolu 21 ta’ dan id-digriet. Dan il-ksur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta ssir l-evalwazzjoni tal-ħidma tad-diriġent bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286 tat‑30 ta’ Lulju 1999.

    […]

    5 quater.   Il-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat stabbiliti bi ksur ta’ dan l-artikolu huma nulli u jiddeterminaw ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni. Id-diriġenti li jaġixxu bis ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu huma wkoll responsabbli, fis-sens tal-Artikolu 21. Ebda bonus […] ta’ prestazzjoni ma għandu jingħata lil diriġenti responsabbli minn irregolaritajiet fl-użu tax-xogħol flessibbli”.

    9

    L-Artikolu 32(5) tal-legge n. 183 – Deleghe al Governo in materia di lavori usuranti, di riorganizzazione di enti, di congedi, aspettative e permessi, di ammortizzatori sociali, di servizi per l’impiego, di incentivi all’occupazione, di apprendistato, di occupazione femminile, nonché misure contro il lavoro sommerso e disposizioni in tema di lavoro pubblico e di controversie di lavoro (il-Liġi Nru 183 fuq id-delegi lill-gvern fil-qasam ta’ xogħol iebes, ta’ riorganizzazzjoni ta’ entitajiet, ta’ leave, aspettattivi u assenzi permessi, ta’ miżuri ta’ protezzjoni soċjali, ta’ servizzi għall-impjieg, ta’ miżuri ta’ inċentivi għax-xogħol, ta’ apprendistat u tal-impjieg tan-nisa, kif ukoll miżuri kontra x-xogħol mhux iddikjarat u dispożizzjonijiet ta’ impjieg fis-settur pubbliku u ta’ tilwim dwar xogħol), tal‑4 ta’ Novembru 2010 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 262, tad‑9 ta’ Novembru 2010, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 183/2010”), jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ konverżjoni tal-kuntratt għal żmien determinat, il-qorti għandha tikkundanna lill-persuna li timpjega sabiex tħallas lill-ħaddiem kumpens globali inkluż bejn 2.5 u 12‑il ħlas mensili tal-aħħar remunerazzjoni globali reali tiegħu, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 604 tal-15 ta’ Lulju 1966.”

    10

    Skont l-Artikolu 8 tal-legge n. 604 – Norme sui licenziamenti individuali (il-Liġi Nru 604, dwar it-tkeċċijiet individwali), tal‑15 ta’ Lulju 1966 (GURI Nru 195 tas‑6 ta’ Awwissu 1966):

    “Meta jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija minħabba raġuni valida jew ġustifikata ma jkunux jeżistu, il-persuna li timpjega għandha l-obbligu li tirreintegra lill-ħaddiem f’terminu ta’ tliet ġranet jew, fin-nuqqas ta’ dan, li tikkumpensah billi tħallaslu allowance ta’ ammont inkluż bejn minimu ta’ 2.5 u massimu ta’ 6 ħlasijiet mensili tal-aħħar remunerazzjoni globali reali, billi tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ ħaddiema impjegati, tad-daqs tal-impriża, tal-anzjanità fis-servizz tal-ħaddiem u tal-imġieba u tal-kundizzjonijiet tal-partijiet. Il-limitu massimu ta’ din il-firxa ta’ allowance jista’ jilħaq l‑10 xhur ta’ remunerazzjoni jekk l-anzjanità fis-servizz tal-ħaddiem tkun ogħla minn 10 snin u 14‑il xahar ta’ remunerazzjoni jekk din tkun ogħla minn 20 sena u l-impriża timpjega iktar minn 15‑il ħaddiem”.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11

    Mis-sena 1996 sas-sena 2002, G. Santoro kienet teżerċita attività professjonali bħala ħaddiema soċjali fis-servizz tal-Comune di Valderice (il-Komun ta’ Valderice), u sussegwentement, hija ġiet impjegata minn dan l-istess komun permezz ta’ kuntratt ta’ kollaborazzjoni kkoordinata u kontinwa sa tmiem is-sena 2010. Fl‑4 ta’ Ottubru 2010, il-parti kkonċernata kkonkludiet kuntratt ta’ impjieg part‑time mal-imsemmi komun, b’terminu ffissat sal‑31 ta’ Diċembru 2012. Dan il-kuntratt ġie estiż tliet darbiet, sal‑31 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri għal terminu totali ta’ ħames snin.

    12

    G. Santoro ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale di Trapani (il-Qorti ta’ Trapani, l-Italja), intiż, b’mod partikolari, sabiex tiġi kkonstatata n-natura abbużiva ta’ dawn il-kuntratti għal żmien determinat, sabiex il-Komun ta’ Valderice jiġi kkundannat jikkumpensa in natura d-dannu mġarrab, billi jordna li tiġi stabbilita relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, u, sussidjarjament, sabiex dan il-komun jiġi kkundannat jagħtiha kumpens pekunjarju għal dan id-dannu billi jħallasha u billi jagħtiha salarju, mill-perspettiva legali, identiku għal dak ta’ ħaddiem tal-imsemmi komun impjegat għal żmien indeterminat u li għandu l-istess anzjanità fis-servizz bħal tagħha.

    13

    Konformement mal-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001, il-ksur, mill-amministrazzjoni pubblika, tal-projbizzjoni milli jiġi konkluż b’mod ripetut kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma jistax jagħti lok għall-konverżjoni tal-imsemmi kuntratt ta’ xogħol f’kuntratt għal żmien indeterminat. Konsegwentement, ħaddiema bħal G. Santoro tista’ tirrikjedi biss il-kumpens għad-dannu mġarrab, li jkun limitat, skont l-Artikolu 32(5) tal-Liġi Nru 183/2010, għall-ħlas ta’ allowance globali inkluż bejn 2.5 u 12‑il ħlas mensili tal-aħħar remunerazzjoni globali reali ta’ dan il-ħaddiem. Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dan il-kumpens jissostitwixxi biss id-dħul li l-imsemmija ħaddiema kienet tirċievi “fl-istennija” li l-kontroversja tiġi deċiża favuriha.

    14

    It-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova, l-Italja) kienet talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni tal-konverżjoni f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi konklużi mal-amministrazzjoni pubblika kinitx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fis-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 57), il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet din id-domanda fis-sens li din il-projbizzjoni ma hijiex inkompatibbli mal-klawżoli tal-Ftehim qafas, bil-kundizzjoni li l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat jipprevedi l-applikazzjoni ta’ “miżura effettiva oħra intiża sabiex tevita u, jekk ikun il-każ, sabiex tippenalizza użu abbużiv ta’ kuntratti għal terminu fiss [żmien determinat] suċċessivi minn persuna li tħaddem li taqa’ taħt is-settur pubbliku”.

    15

    Wara din is-sentenza, it-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova), tat lill-ħaddiema milquta mhux biss kumpens ekwivalenti għal mill-inqas ħames ħlasijiet mensili, iżda wkoll “kumpens tar-reintegrazzjoni” ekwivalenti għal ħmistax-il ħlas mensili mill-aħħar remunerazzjoni globali reali ta’ dawn il-ħaddiema. Din id-deċiżjoni ġiet espressament ikkonfermata mill-Corte d’appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova, l-Italja), li qieset li din kienet tikkostitwixxi tweġiba għall-ħtieġa li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema tas-settur pubbliku, konformement mas-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517).

    16

    Madankollu, fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Marzu 2016 (Nru 5072/2016), il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, l-Italja) iddeċidiet li, fil-każ ta’ użu ta’ kuntratti għal żmien determinat minn amministrazzjoni pubblika, użu illegali minħabba l-projbizzjoni fl-Artikolu 36(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001, ’il barra mill-implementazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ rimedji kontra d-diriġenti responsabbli, huwa previst biss li l-ħaddiem milqut għandu dritt, minbarra għall-allowance b’rata fissa msemmija fil-punt preċedenti, għal kumpens għad-dannu marbut mat-“telf ta’ opportunità”. Dan tal-aħħar jirriżulta mill-fatt li l-impjieg għal żmien determinat seta’ “tellef lill-ħaddiem opportunitajiet oħra ta’ xogħol stabbli”. Din il-qorti qieset li l-miżura deċiża mit-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova) ma kinitx xierqa minħabba l-fatt li l-persuna li tikkonkludi kuntratt ma’ amministrazzjoni pubblika ma tistax titlef impjieg li jista’ jinkiseb biss permezz ta’ suċċess f’kompetizzjoni ta’ reklutaġġ.

    17

    Skont il-qorti tar-rinviju, dan l-element ma huwiex għal kollox konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517), fid-dawl, b’mod partikolari, tad-differenza fit-trattament li teżisti bejn il-ħaddiema impjegati li jikkonkludu kuntratt ma’ amministrazzjoni pubblika u dawk li jikkonkludu kuntratt ta’ xogħol ma’ entità rregolata mid-dritt privat. Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tal-ewwel għandhomx jibbenefikaw minn miżura mhux inqas favorevoli minn dik li minnha jibbenefikaw tat-tieni, jiġifieri allowance intiż li jikkumpensa l-assenza ta’ trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Trapani (il-Qorti ta’ Trapani) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Kumpens fl-ammont ta’ bejn 2.5 u 12‑il ħlas fix-xahar tal-aħħar remunerazzjoni (Artikolu 32(5) tal-Liġi Nru 183) mogħti lill-ħaddiem fis-settur pubbliku li kien vittma ta’ tiġdid suċċessiv illegali ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, bil-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jikseb il-kumpens sħiħ għad-dannu biss billi jipprova t-telf ta’ opportunitajiet oħra ta’ xogħol jew billi jipprova li, kieku kienet ġiet organizzata kompetizzjoni b’mod regolari, huwa kien jgħaddi minnha, jirrappreżenta miżura ekwivalenti u effettiva, fis-sens tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517) u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C-61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401)?

    2)

    Il-prinċipju ta’ ekwivalenza msemmi (b’mod partikolari) mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenzi għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Istat Membru jiddeċiedi li ma japplikax il-konverżjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol (irrikonoxxuta fis-settur privat) għas-settur pubbliku, huwa madankollu obbligat jiggarantixxi l-istess vantaġġ lill-ħaddiem, jekk ikun il-każ permezz ta’ kumpens għad-dannu li għandu jikkorrispondi neċessarjament għall-valur tal-impjieg għal żmien indeterminat?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    19

    Il-Gvern Taljan jesprimi dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-domandi magħmula. Huwa jsostni li d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju ma jiddeskrivix b’mod ċar il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġaladarba hija ma tispeċifika la s-settur ta’ attività pubblika li fih ħadmet ir-rikorrenti u lanqas il-funzjonijiet fdati lilha.

    20

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika eventwali, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Hewlett‑Packard Belgium, C‑572/13, EU:C:2015:750, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14 EU:C:2015:400, punt 25, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 30).

    22

    Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi l-kuntest fattwali u ġuridiku b’mod suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-portata tad-domandi magħmula. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħadmet għall-istess persuna li timpjega, bejn l‑4 ta’ Ottubru 2010 u l‑31 ta’ Diċembru 2016, taħt kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, u hija tindika li ġiet adita b’talbiet ibbażati fuq l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat. Min-naħa l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari turi b’mod ċar u tesponi r-raġunijiet li wasslu lil din il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha ssir ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tqis in-neċessità li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar jekk l-allowance previst fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi Nru 183/2010 jikkostitwixxix miżura adegwata ta’ kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat u hija tindika li r-risposta għal din id-domanda hija neċessarja għaliha biex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

    23

    Għalhekk id-domandi magħmula huma ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    24

    Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissanzjonax l-użu abbużiv, minn persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku, ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi bil-ħlas, lill-ħaddiem ikkonċernat, ta’ allowance intiż sabiex tiġi kkumpensata l-assenza ta’ trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, iżda li tipprevedi l-għoti ta’ allowance inkluż bejn 2.5 u 12‑il ħlas mensili tal-aħħar remunerazzjoni tal-imsemmi ħaddiem, flimkien mal-possibbiltà, għal dan tal-aħħar, li jikseb kumpens sħiħ għad-danni billi jipprova t-telf ta’ opportunitajiet li jsib impjieg jew li, jekk tkun ġiet organizzata b’mod regolari kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, huwa jkun għadda b’suċċess minn din il-kompetizzjoni.

    25

    Jeħtieġ li jitfakkar li l-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandu bħala għan li jimplementa wieħed mill-għanijiet li dan tal-aħħar jixtieq jilħaq, jiġifieri li jirregola l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, meqjusa bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jipprevedi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minima intiżi li jevitaw li s-sitwazzjoni tal-impjegati tispiċċa fil-prekarjat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 63; tas‑26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 25, kif ukoll tat‑3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 54).

    26

    Għalhekk, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jimponi lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, l-adozzjoni ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li huwa jelenka, meta d-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (c) ta’ din il-klawżola 5, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol u n-numru ta’ drabi li dawn jistgħu jiġġeddu (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    F’dan ir-rigward l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, inkwantu għandhom l-għażla li jirrikorru għal waħda jew għal numru mill-miżuri ddikjarati fl-imsemmi punt 1(a) sa (c) tal-klawżola 5, jew ukoll għal miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    B’hekk, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jagħti għan ġenerali lill-Istati Membri, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbużi, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-motivi biex jilħqu dan l-għan, dejjem sa fejn ma jqiegħdux inkwistjoni l-għan jew l-effettività tal-Ftehim qafas (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi fl-ipoteżi fejn madankollu ġew ikkonstatati abbużi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu mhux biss ta’ natura proporzjonata, iżda wkoll effettivi u dissważivi biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati bis-saħħa tal-Ftehim qafas (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ tali regoli jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, dawn madankollu ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Għalhekk, meta jkun seħħ użu abbużiv suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-punt 2 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprovdu l-bidla f’kuntratti għal żmien indeterminat tal-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat, kif ukoll ma jipprovdix il-kundizzjonijiet preċiżi li taħthom dawn l-aħħar kuntratti jistgħu jintużaw, huwa jħalli ċertu setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri f’dan is-sens (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 47).

    33

    Għaldaqstant il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprekludix, fiha nnifisha, li Stat Membru jirriżerva eżitu differenti għall-abbuż ta’ użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi, skont jekk l-imsemmija kuntratti jew relazzjonijiet ikunx ġew konklużi ma’ persuna li timpjega li tappartjeni għas-settur privat jew ma’ persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 48).

    34

    Madankollu, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, fis-settur pubbliku biss, it-tibdil ta’ sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, tista’ tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-Ftehim qafas, l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat għandu jinkludi, fl-imsemmi settur, miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, jiġi ppenalizzat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 49).

    35

    Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001 jipprevedi li l-ksur, mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklutaġġ jew l-impjieg ta’ ħaddiema ma jistax iwassal għat-tfassil ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bejn l-imsemmija amministrazzjonijiet u l-ħaddiema kkonċernati, inkwantu dawn għandhom dritt għal kumpens għad-dannu mġarrab. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 32(5) tal-Liġi Nru 183/2010 jipprevedi li, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat, il-qorti għandha tikkundanna lill-persuna li timpjega tħallas lill-ħaddiem ikkonċernat allowance globali inkluż bejn 2.5 u 12‑il ħlasijiet mensili tal-aħħar remunerazzjoni globali reali tiegħu.

    36

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti ta’ Kassazzjoni), il-ħaddiem jista’ wkoll jitlob kumpens għad-danni li jirriżultaw mit-telf ta’ opportunitajiet ta’ impjieg.

    37

    Madankollu l-qorti tar-rinviju tqis li l-allowance prevista fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi Nru 183/2010 ma tikkostitwixxix miżura adegwata ta’ kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, u li jista’ jkun diffiċli ħafna, jew saħansitra impossibbli, li tiġi prodotta l-prova rikjesta tat-telf ta’ opportunitajiet ta’ impjieg. Fil-fatt, huwa impossibbli li tiġi prodotta l-prova ta’ telf ta’ opportunità ta’ suċċess f’kompetizzjoni amministrattiva. Għaldaqstant, il-possibbiltà, għall-ħaddiem ikkonċernat, li juri l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta minn tali telf ta’ opportunità hija purament teoretika. B’hekk, skont din il-qorti, ma jistax jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jirregolaw l-evalwazzjoni tad-dannu jkunu tali li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, minn dan il-ħaddiem, tad-drittijiet mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-dritt tiegħu għall-kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba l-użu abbużiv, mill-ex persuna li timpjega tiegħu li taqa’ taħt is-settur pubbliku, ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.

    38

    B’hekk, konformement mal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali josservawx il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    39

    Minn naħa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jeħtieġ li jitfakkar li minn dan tal-aħħar jirriżulta li l-persuni li jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma għandhomx ikunu żvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk li jinvokaw id-drittijiet ta’ natura purament interna.

    40

    Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħall-miżuri adottati mil-leġiżlatur nazzjonali fil-kuntest tad-Direttiva 1999/70, sabiex jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat mill-persuni li jimpjegaw li jaqaw taħt is-settur pubbliku, il-miżuri adottati mil-leġiżlatur sabiex jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ dan it-tip ta’ kuntratti mill-persuni li jimpjegaw li jaqgħu taħt is-settur privat jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-modalitajiet ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri ma jistgħux jiġu pparagunati fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li dawn il-miżuri jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    41

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi li jippermettu dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

    42

    Qabel kollox, hekk kif diġà tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprekludix, fiha nnifisha, li Stat Membru jirriżerva eżitu differenti għall-abbuż ta’ użu ta’ sensiela ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, skont jekk l-imsemmija kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg ikunux ġew konklużi ma’ persuna li timpjega li tappartjeni għas-settur privat jew ma’ persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku.

    43

    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali trendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni, din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha kif ukoll l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication, C‑426/05, EU:C:2008:103, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 47).

    44

    Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, konformement mas-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517), u tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), id-dritt nazzjonali jipprevedix miżura effettiva oħra biex jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ sensiela ta’ kuntratt għal żmien determinat, iżda wkoll sabiex jiġi debitament issanzjonat dan l-abbuż u jiġu kkanċellati l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlatur nazzjonali, li jinkludu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-mekkaniżmi ta’ sanzjoni.

    45

    Mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt intern, peress li din il-missjoni taqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju, li f’dan il-każ, għandha tiddetermina jekk ir-rekwiżiti mfakkra fit-tliet punti preċedenti humiex sodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha.

    46

    Għalhekk, din tal-aħħar tistaqsi jekk il-ħaddiema tas-settur pubbliku għandhomx jibbenefikaw, minbarra mill-allowance b’rata fissa prevista fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi Nru 183/2010, minn miżura mhux inqas favorevoli minn dik li minnha jibbenefikaw il-ħaddiema tas-settur privat, li tikkonsisti f’allowance intiża li tikkumpensa l-assenza ta’ tibdil tar-relazzjoni tax-xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat.

    47

    Madankollu, kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri ma għandhomx obbligu, fir-rigward tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li jipprovdu għall-bidla ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat. Għalhekk, lanqas ma jista’ jiġi impost fuqhom li jagħtu, fin-nuqqas ta’ dan, allowance intiża sabiex tikkumpensa l-assenza ta’ tali bidla fil-kuntratt.

    48

    Il-qorti tar-rinviju tosserva, barra minn hekk, li l-kumpens għal dan id-dannu huwa purament teoretiku, inkwantu ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’liema mod il-ħaddiem ikkonċernat jista’ jinvoka dritt għall-kumpens għad-dannu mġarrab jekk, b’mod partikolari, tkun ġiet organizzata kompetizzjoni ta’ reklutaġġ mill-amministrazzjoni jew jekk kien ibbenefika minn proposti ta’ impjieg għal żmien indeterminat.

    49

    Il-Gvern Taljan isostni, f’dan ir-rigward, li l-qrati nazzjonali japplikaw kriterji partikolarment favorevoli, kemm fir-rigward tal-istabbiliment kif ukoll tal-evalwazzjoni tad-dannu li jirriżulta mit-telf ta’ opportunitajiet ta’ impjieg, billi jirrikjedi bħala prova biss, permezz ta’ preżunzjoni, mhux biss it-telf ta’ vantaġġ, iżda tas-sempliċi possibbiltà li dan jinkiseb u dan billi twettaq l-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab, anki fl-assenza ta’ provi konkreti prodotti mill-ħaddiem ikkonċernat.

    50

    Fid-dawl tad-diffikultajiet inerenti għat-turija tal-eżistenza ta’ telf ta’ opportunità, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li mekkaniżmu ta’ preżunzjoni intiż li jiggarantixxi lill-ħaddiem li ġarrab, minħabba l-użu abbużiv ta’ sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat, telf ta’ opportunitajiet ta’ impjieg, il-possibbiltà li jiġu kkanċellati l-konsegwenzi ta’ dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni tista’ tissodisfa r-rekwiżit ta’ effettività.

    51

    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-miżura adottata mil-leġiżlatur nazzjonali, sabiex jissanzjona l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat mill-persuni li jimpjegaw li jaqgħu taħt is-settur privat, jikkostitwixxi l-iktar protezzjoni wiesgħa li tista’ tiġi rrikonoxxuta lil ħaddiem m jistax, fih innifsu, jkollu l-konsegwenza li jtaffi n-natura effettiva tal-miżuri nazzjonali applikabbli għall-ħaddiema li jaqgħu taħt is-settur pubbliku.

    52

    F’dan ir-rigward, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġbor fiha miżuri oħra intiżi sabiex jipprevjenu u jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat. B’hekk, l-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001 jipprevedi li l-amministrazzjonijiet għandhom jirkupraw, mid-diriġenti responsabbli, l-ammonti mħallsa lill-ħaddiema bħala kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mar-reklutaġġ jew mal-impjieg, meta l-imsemmi ksur jirriżulta minn nuqqas intenzjonat jew minn negliġenza serja. Barra minn hekk, tali ksur jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xogħol ta’ dawn id-diriġenti, li ma jkunux jistgħu, minħabba dan il-ksur, jingħataw bonus għal riżultat. Barra minn hekk, l-Artikolu 36(6) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprevedi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi li jkunu kisru d-dispożizzjonijiet relatati mar-reklutaġġ jew mal-impjieg ma jkunux jistgħu jirreklutaw, ikun taħt liema titolu jkun, matul tliet snin wara dan il-ksur.

    53

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn l-elementi, dwar is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu deċiżi kontra l-amministrazzjonijiet pubbliċi u d-diriġenti tagħhom, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, humiex ta’ natura effettiva u dissważiva biex jiggarantixxu l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati bis-saħħa tal-Ftehim qafas.

    54

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tissanzjonax l-użu abbużiv, minn persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku, ta’ sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat bil-ħlas, lill-ħaddiem ikkonċernat, ta’ allowance intiża li tikkumpensa l-assenza ta’ bidla tar-relazzjoni tax-xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, iżda li, min-naħa l-oħra, tipprevedi l-għoti ta’ kumpens inkluż bejn 2.5 u 12‑il ħlasijiet mensili tal-aħħar remunerazzjoni tal-imsemmi ħaddiem, flimkien mal-possibbiltà, għal dan tal-aħħar, li jikseb il-kumpens sħiħ tad-dannu billi juri, permezz ta’ preżunzjoni, it-telf ta’ opportunitajiet li jsib xogħol jew li, fil-każ li ġiet organizzata b’mod regolari kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, ikun għadda b’suċċess minn din il-kompetizzjoni, sa fejn tali leġiżlazzjoni tinkludi mekkaniżmu ta’ sanzjoni effettiv u dissważiv, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ispejjeż

    55

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [għal żmien determinat], konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tissanzjonax l-użu abbużiv, minn persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku, ta’ sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat bil-ħlas, lill-ħaddiem ikkonċernat, ta’ allowance intiża li tikkumpensa l-assenza ta’ bidla tar-relazzjoni tax-xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, iżda li, min-naħa l-oħra, tipprevedi l-għoti ta’ kumpens inkluż bejn 2.5 u 12‑il ħlasijiet mensili tal-aħħar remunerazzjoni tal-imsemmi ħaddiem, flimkien mal-possibbiltà, għal dan tal-aħħar, li jikseb il-kumpens sħiħ tad-dannu billi juri, permezz ta’ preżunzjoni, it-telf ta’ opportunitajiet li jsib xogħol jew li, fil-każ li ġiet organizzata b’mod regolari kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, ikun għadda b’suċċess minn din il-kompetizzjoni, sa fejn tali leġiżlazzjoni tinkludi mekkaniżmu ta’ sanzjoni effettiv u dissważiv, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top