This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0438
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 19 September 2018.#European Commission v French Republic and IFP Énergies nouvelles.#Appeal — State aid — State aid scheme implemented by France — Unlimited State guarantee conferred on the Institut français du pétrole (IFP) by the grant of the status of publicly owned industrial and commercial establishment (EPIC) — Decision declaring that measure as partially not constituting State aid and as partially constituting State aid compatible with the Internal market, subject to certain conditions — Concept of ‘aid scheme’ — Presumption of the existence of an advantage — Burden and standard of proof.#Case C-438/16 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Settembru 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża u IFP Énergies nouvelles.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza – Garanzija illimitata tal-Istat mogħtija lill-Institut Français du Pétrole (IFP) permezz tal-għoti tal-istatus ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIK) – Deċiżjoni li tiddikjara li din il-miżura parzjalment ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u li parzjalment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet – Kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” – Preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ – Oneru u livell tal-prova.
Kawża C-438/16 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Settembru 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża u IFP Énergies nouvelles.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza – Garanzija illimitata tal-Istat mogħtija lill-Institut Français du Pétrole (IFP) permezz tal-għoti tal-istatus ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIK) – Deċiżjoni li tiddikjara li din il-miżura parzjalment ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u li parzjalment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet – Kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” – Preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ – Oneru u livell tal-prova.
Kawża C-438/16 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:737
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
19 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza – Garanzija illimitata tal-Istat mogħtija lill-Institut Français du Pétrole (IFP) permezz tal-għoti tal-istatus ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIK) – Deċiżjoni li tiddikjara li din il-miżura parzjalment ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u li parzjalment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet – Kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” – Preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ – Oneru u livell tal-prova”
Fil-Kawża C‑438/16 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-4 ta’ Awwissu 2016,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u D. Grespan, bħala aġenti,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,
IFP Énergies nouvelles, stabbilit f’Rueil-Malmaison (Franza), irrappreżentat minn E. Morgan de Rivery u E. Lagathu, avukati,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2017,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Mejju 2016, Franza u IFP Énergies nouvelles vs Il-Kummissjoni (T‑479/11 u T‑157/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:320), sa fejn, biha, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(3) sa (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 12 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/26/UE tad-29 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 35/08 (eks-NN 11/08) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku “Institut Français du Pétrole” (ĠU 2012, L 14, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-[108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni, kien imfassal b’dan il-mod: “Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…]” |
3 |
Il-punt 1.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-garanziji”), intitolat “Tipi ta’ garanzija”, jipprovdi: “Fil-forma l-aktar komuni tagħhom, il-garanziji huma assoċjati ma’ self jew obbligu finanzjarju ieħor aċċettat minn min jissellef fil-konfront ta’ min jisilfu; dawn jistgħu jingħataw bħala garanziji individwali jew fi ħdan skemi ta’ garanzija. Madankollu, jista’ jkun hemm diversi forom ta’ garanzija, skond il-bażi legali tagħhom, it-tip ta’ tranżazzjoni koperta, it-tul ta’ żmien, eċċ. Għalkemm din il-lista mhix waħda eżawrjenti, jistgħu jiġu identifikati l-forom ta’ garanzija li ġejjin: […]
[…]” |
4 |
Il-punt 2.1 tal-avviż dwar il-garanziji, intitolat “Rimarki ġenerali”, jipprovdi: “L-Artikolu [107(1) TFUE] jistipula li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, safejn tkun tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni. Dawn il-kriterji ġenerali japplikaw ugwalment għall-garanziji. Fir-rigward ta’ forom oħra ta’ għajnuna potenzjali, garanziji mogħtija direttament mill-Istat, jiġifieri minn awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali, kif ukoll garanziji mogħtija permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat minn korpi oħra kontrollati mill-Istat bħal impriżi u imputabbli lil awtoritajiet pubbliċi, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju, il-kunċett ta’ riżorsi ta’ l-Istat għandu għalhekk jiġi ċċarat fir-rigward tal-garanziji mill-Istat. Il-benefiċċju ta’ garanzija mill-Istat huwa li r-riskju assoċjat mal-garanzija jittieħed mill-Istat. It-teħid ta’ dan ir-riskju mill-Istat għandu normalment jiġi remunerat bi premium xieraq. Fejn l-Istat iċedi l-premium kollu jew parti minnu, ikun hemm kemm benefiċċju għall-impriża kif ukoll tnaqqis tar-riżorsi ta’ l-Istat. Għalhekk, anke jekk jirriżulta li qatt ma jsir pagament mill-Istat taħt garanzija, xorta waħda jista’ jkun hemm għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu [107(1) TFUE]. L-għajnuna tingħata fil-mument li ssir il-garanzija, mhux meta l-garanzija tiġi invokata u lanqas meta l-pagamenti jsiru skond it-termini tal-garanzija. Jekk garanzija tikkostitwixxix jew le għajnuna mill-Istat, u, jekk iva, x’jista’ jkun l-ammont ta’ dik l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat fil-mument meta tingħata l-garanzija. […]” |
5 |
Skont il-punt 2.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, intitolat “Għajnuna lil min jissellef”: “Normalment, l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa min jisselleff. Kif indikat taħt il-punt 2.1, normalment it-teħid ta’ riksju għandu jitħallas permezz ta’ premju xieraq. Meta min jissellef mhuwiex meħtieġ li jħallas il-premju, jew iħallas premju baxx, dan jikseb vantaġġ. F’paragun ma’ sitwazzjoni mingħajr garanzija, il-garanzija mill-Istat tippermetti lil min jissellef biex jikseb termini finanzjarji aħjar għal self minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. Tipikament, bil-benefiċċju tal-garanzija mill-Istat, min jissellef jista’ jikseb rati aktar baxxi u/jew joffri inqas sigurtà. F’xi każijiet, min jissellef ma jsibx, mingħajr garanzija mill-Istat, istituzzjoni finanzjarji li tkun lesta ssellef bi kwalunkwe termini. […]” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni
6 |
IFP Énergies nouvelles (iktar’ il quddiem l-“IFPEN”) imsejjaħ qabel it-13 ta’ Lulju 2010 bħala Institut Français du Pétrole, huwa stabbiliment pubbliku Franċiż, inkarigat b’mod partikolari b’missjoni ta’ riċerka u ta’ żvilupp fl-oqsma tal-esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass, tat-teknoloġija ta’ raffinar u tal-petrokimiċi, b’missjoni ta’ taħriġ għall-inġiniera u t-tekniċi kif ukoll b’missjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumentazzjoni tas-setturi. |
7 |
Sal-2006, l-IFPEN kien ikkostitwit fil-forma ta’ persuna ġuridika tad-dritt privat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, taħt il-kontroll ekonomiku u finanzjarju tal-Gvern Franċiż. |
8 |
Abbażi tal-loi no 2005-781, du 13 juillet 2005, de programme fixant les orientations de la politique énergétique (il-Liġi Nru 2005-781, tat-13 ta’ Lulju 2005, ta’ programm li jiffissa l-orjentazzjonijiet tal-politika enerġetika) (JORF tal-14 ta’ Lulju 2005, p. 11570), l-IFPEN ġie ttrasformat, b’effett mis-6 ta’ Lulju 2006, fi stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (iktar ’il quddiem “SPIK”). |
9 |
Skont id-dritt Franċiż, l-iSPIK igawdu minn personalità ġuridika distinta mill-Istat, minn awtonomija finanzjarja u minn kompetenzi speċjali, li ġeneralment jinkludu l-eżerċizzju ta’ missjoni waħda jew iktar ta’ servizz pubbliku. Bħala persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku, dawn l-istabbilimenti ma jaqgħux taħt id-dritt komuni tal-proċeduri ta’ insolvenza skont il-prinċipju ġenerali li l-assi pubbliċi ma jistgħux ikunu suġġetti għal qbid. |
10 |
Peress li l-ispeċifiċitajiet tal-istatus legali ta’ SPIK ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni, din, fid-Deċiżjoni 2010/605/UE tagħha tas-26 ta’ Jannar 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat C‑56/07 (ex E 15/05) mogħtija minn Franza lil Poste (ĠU 2010, L 274, p. 1, iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni ‘La Poste’”), eżaminat dan l-istatus fid-dawl tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat fl-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, wara li kkonstatat li, minħabba l-istatus tagħhom, l-iSPIK jibbenefikaw minn garanzija impliċita u illimitata tal-Istat, il-Kummissjoni qieset li, f’dan il-każ partikolari, tali garanzija kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li kienet tippermetti lil Poste li tikseb kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli minn dawk li kienet tikseb kieku kellha tkun ikkunsidrata fuq il-merti tagħha biss. |
11 |
Huwa fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni “La Poste” li l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni, matul l-2006, bit-trasformazzjoni tal-IFPEN f’persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat bħala SPIK. Din l-informazzjoni ġiet trażmessa lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa matul l-2005 u li tirrigwarda l-eżami, fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ta’ finanzjament pubbliku mogħti lill-IFPEN mill-awtoritajiet Franċiżi. |
12 |
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tissepara l-eżami tal-kwistjoni jekk it-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK setgħetx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE mill-eżami tal-finanzjament pubbliku tal-IFPEN. B’hekk, minn naħa, fis-16 ta’ Lulju 2008, hija għalqet l-eżami tal-finanzjament pubbliku mogħti lil IFPEN bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2009/157/KE dwar il-miżura ta’ għajnuna implimentata minn Franza favur il-grupp IFP [C 51/05 (ex NN 84/05)] (ĠU 2009, L 53, p. 13). Madankollu, f’dak l-istess jum, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 259, p. 12), din iddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-garanzija illimitata mill-Istat Franċiż favur l-IFPEN u stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. |
13 |
Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. |
14 |
F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-ewwel lok, abbażi ta’ raġunament analogu għal dak li kienet adottat fid-deċiżjoni “La Poste”, li t-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK kienet tat lil dan l-istabbiliment, b’effett mis-6 ta’ Lulju 2006, il-benefiċċju ta’ garanzija illimitata u impliċita mill-Istat. |
15 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat, essenzjalment, li l-partikolaritajiet marbuta mal-istatus ta’ SPIK kienu jimplikaw li l-Istat għandu r-rwol ta’ garanti finali fuq il-ħlas tad-djun tal-IFPEN. B’dan il-mod, hemm fl-istess waqt vantaġġ għal dan l-istabbiliment u piż fuq ir-riżorsi pubbliċi, għaliex l-Istat jirrinunzja għar-remunerazzjoni li normalment takkumpanja l-garanziji. Barra minn hekk, il-garanzija toħloq riskju ta’ impenn potenzjali u futur fuq ir-riżorsi tal-Istat, fejn dan jista’ jkun obbligat iħallas id-djun tal-IFPEN. |
16 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-garanzija illimitata tal-Istat li tirriżulta mill-istatut ta’ SPIK tal-IFPEN setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sa fejn din kienet tkopri attivitajiet ekonomiċi tagħha. Din għalhekk iddeċidiet li tillimita l-portata tal-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat biss għall-attivitajiet ta’ natura ekonomika mwettqa minn IFPEN. |
17 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat jekk din il-garanzija impliċita u illimitata tagħtix vantaġġ selettiv lill-IFPEN, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-relazzjonijiet tagħha mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, mal-fornituri kif ukoll mal-klijenti. |
18 |
Qabel kollox, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan l-istabbiliment ma kienx ħa vantaġġ ekonomiku reali mill-garanzija tal-Istat inerenti għall-istatus tiegħu bħala SPIK matul il-perijodu mit-trasformazzjoni tiegħu fi SPIK, f’Lulju 2006, sal-aħħar tal-2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkonċernat”). Madankollu, din l-istituzzjoni enfasizzat li tali konklużjoni kienet tiswa biss għall-passat, peress li din ma setgħetx tippreżumi l-imġiba futura tal-operaturi tas-suq, u lanqas l-evoluzzjoni tal-perċezzjoni tal-impatt tal-garanzija tal-Istat fuq ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-IFPEN. |
19 |
Sussegwentement, fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-fornituri, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-IFPEN kien ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti minn tnaqqis tal-prezzijiet applikati mill-fornituri tiegħu. Dan it-tnaqqis fil-prezzijiet irriżulta minn evalwazzjoni iktar favorevoli minn dawn tal-aħħar tar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas minn IFPEN, billi dan l-istabbiliment ma setax jitqiegħed f’likwidazzjoni ġudizzjarja minħabba l-istatus tiegħu ta’ SPIK. F’dan ir-rigward, din ikkunsidrat, essenzjalment, li fl-assenza tal-garanzija mill-Istat, fornitur li jkun jixtieq jibbenefika minn garanzija paragunabbli jkollu jirrikorri għas-servizzi ta’ stabbiliment ta’ kreditu jew ta’ assigurazzjoni speċjalizzat. Għalhekk, it-tnaqqis fil-prezzijiet seta’ jiġi stmat f’termini tal-ispiża tal-kopertura tar-riskju ekwivalenti. |
20 |
Finalment, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet mal-klijenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tal-garanzija mogħtija mill-Istat lil IFPEN, il-klijenti tiegħu kienu assigurati li din tal-aħħar ma kienet qatt ser tkun f’sitwazzjoni ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, u għaldaqstant dejjem ser tkun tista’ tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha, jew, fl-ipoteżi li din ma tkunx tista’, li jirċievu kumpens għal dan in-nuqqas. Issa, fl-assenza ta’ din il-garanzija, klijent li jkun jixtieq jibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni jkun imġiegħel jissottoskrivi garanzija ta’ prestazzjoni ma’ intermedjarju finanzjarju. Għalhekk, IFPEN ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, konsistenti fl-assenza ta’ ħlas ta’ primjum korrispondenti għal garanzija ta’ prestazzjoni, tal-inqas, ta’ sforz aqwa, vantaġġ li din offriet lill-klijenti tiegħu. |
21 |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-vantaġġ ekonomiku miksub minn IFPEN minħabba l-garanzija tal-Istat kien selettiv, sa fejn il-kompetituri ta’ IFPEN, suġġetti għal proċeduri ta’ insolvenza taħt il-liġi komuni, ma jibbenefikawx minn garanzija tal-Istat paragunabbli. |
22 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mill-Istat billi ħadet kont tar-regoli esposti fil-qasam komunitarju tal-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni (ĠU 2006, C 323, p. 1). Din ikkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-“grupp IFPEN” kienet kompatibbli mas-suq intern, mingħajr preġudizzju għal xi kundizzjonijiet spjegati fid-deċiżjoni kkontestata. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
23 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fid-9 ta’ Settembru 2011 (Kawża T‑479/11) u fil-5 ta’ April 2012 (Kawża T‑157/12), ir-Repubblika Franċiża u IFPEN ippreżentaw kull wieħed rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
24 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u IFPEN ikkritikaw lill-Kummissjoni talli kisret l-obbligi tal-prova dwar l-għajnuna mill-Istat u interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “vantaġġ selettiv”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
25 |
Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Diċembru 2013, il-Qorti Ġenerali ssospendiet il-proċedura fil-Kawżi T‑479/11 u T‑157/12 sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑559/12 P, dwar il-legalità tad-deċiżjoni “La Poste”. |
26 |
Fit-3 ta’ April 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217). |
27 |
B’deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2015, il-Qorti Ġenerali għaqdet il-Kawżi T-479/11 u T‑157/12 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza. |
28 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikorsi ppreżentati mir-Repubblika Franċiża u minn IFPEN f’dawn il-kawżi u annullat id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din kienet ikklassifikat bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-garanzija li tirriżulta mill-istatus tal-IFPEN bħala SPIK u sa fejn hija kienet iddeterminat il-konsegwenzi ta’ din il-kwalifika. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors. |
29 |
L-aggravji tas-sentenza appellata, rilevanti għal dan l-appell, huma essenzjalment dawn li ġejjin. |
30 |
Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali spjegat, fil-punti 78 sa 89 tas-sentenza appellata, li l-metodu magħżul mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE – li jikkonsisti fl-eżami tal-benefiċċju li IFPEN ħa mill-istatus tiegħu bħala SPIK fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, kif ukoll mal-fornituri u l-klijenti – ma kienx żbaljat. |
31 |
Madankollu, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-mod li bih il-Kummissjoni kienet applikat dan il-metodu għall-każ partikolari kien jippreżenta nuqqasijiet kbar, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-allegat vantaġġ li minnu kien ibbenefika IFPEN minħabba l-garanzija illimitata tal-Istat inerenti fl-istatus tiegħu ta’ SPIK, fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u l-klijenti. B’mod partikolari, fil-punt 94 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li din il-garanzija kienet ħolqot għall-benefiċċju ta’ IFPEN “vantaġġ ekonomiku reali”, kienet ibbażata fuq raġunament purament ipotetiku. |
32 |
B’hekk, minn naħa, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn IFPEN u l-fornituri tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 95 tal-istess sentenza, li, skont il-Kummissjoni, il-vantaġġ li dan l-istabbiliment seta’ ġibed mill-garanzija illimitata mill-Istat kien jikkonsisti fi tnaqqis fil-prezzijiet li l-fornituri tiegħu kienu tawh minħabba n-nuqqas ta’ riskju ta’ inadempjenza. |
33 |
Madankollu, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li l-ebda element ma jipprova l-eżistenza, fuq is-suq ikkonċernat jew fil-ħajja kummerċjali b’mod ġenerali, ta’ fenomenu ta’ tnaqqis tal-prezzijiet konċess, mill-fornituri, lill-istabbilimenti li jgawdu minn garanzija tal-Istat kontra r-riskju ta’ insolvenza. |
34 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet identifikat il-vantaġġ li dan l-istabbiliment seta’ jieħu mill-garanzija mill-Istat inerenti għall-istatus tiegħu bħala l-assenza ta’ ħlas ta’ primjum korrispondenti għal garanzija ta’ prestazzjoni jew ta’ sforz aqwa, vantaġġ li dan l-istabbiliment seta’ joffri lill-klijenti tiegħu. |
35 |
Madankollu, fil-punt 114 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li tali raġunament kien jippreżupponi li, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-klijenti tal-istituti ta’ riċerka, bħall-IFPEN, jirrikorru għal dan it-tip ta’ garanziji sabiex jipproteġu ruħhom kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-kontroparti kontraenti tagħhom u li, fil-preżenza ta’ garanzija bħal dik li minnha jibbenefika l-IFPEN, il-klijenti tiegħu ma kellhomx bżonn li huma stess jakkwistaw garanzija ekwivalenti. |
36 |
Issa, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element ta’ prova li jista’ juri n-natura fondata jew reali ta’ din l-ipoteżi. |
37 |
Sussegwentement, fil-punti 133 sa 181 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni dwar il-portata u l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217). |
38 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li l-possibbiltà li tintuża preżunzjoni bħala mezz ta’ prova tiddependi mill-plawżibbiltà tal-ipoteżijiet li din hija bbażata fuqhom u fakkret, fil-punti 139 u 140 ta’ din is-sentenza, li l-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), kienet ibbażata fuq premessa doppja, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset bħala plawżibbli, jiġifieri l-eżistenza ta’ influwenza favorevoli tal-garanzija fuq l-evalwazzjoni mill-kredituri tar-riskju ta’ inadempjenza tal-benefiċjarju u tnaqqis fl-ispiża tal-kreditu. Issa, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda element, fid-deċiżjoni kkontestata, li jista’ juri l-plawżibbiltà ta’ dawn l-ipoteżijiet, b’mod partikolari l-fatt li l-istatus ta’ SPIK ta’ IFPEN kien tali li jinċita lill-fornituri biex jaċċettaw tnaqqis fil-prezzijiet. |
39 |
B’hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 142 tas-sentenza tagħha, li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-preżunzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu. Fil-fatt, din il-preżunzjoni tippermetti biss li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ li jieħu s-sura ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli u għalhekk tapplika biss għar-relazzjonijiet bejn SPIK u l-istituzzjonijiet finanzjarji u bankarji. |
40 |
Fil-punti 162 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll fuq l-argument imressaq mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Unjoni fil-qasam, li jgħid li meta tevalwa skema ta’ għajnuna, din l-istituzzjoni tista’ tillimita ruħha sabiex tistudja l-karatteristiċi ġenerali tas-sistema inkwistjoni sabiex tivverifika jekk din tinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat. |
41 |
F’dan ir-rigward, mingħajr ma tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-IFPEN u mir-Repubblika Franċiża kontra dan l-argument, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkwalifika l-garanzija inkwistjoni bħala “skema ta’ għajnuna”, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument imsemmi bħala infondat. |
42 |
Fil-fatt, għalkemm il-Qorti Ġenerali, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, qieset li l-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK b’mod ġenerali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999, min-naħa l-oħra din iddeċidiet, fil-punti 169 sa 172 ta’ din is-sentenza, li t-trasformazzjoni ta’ IFPEN fi SPIK, sa fejn setgħet tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, tikkostitwixxi għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna li għandha tiġi nnotifikata, jiġifieri għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) ta’ dan ir-regolament. |
43 |
Finalment, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, fil-punt 187 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni setgħet, fil-prinċipju, tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217). Madankollu, fil-punti 188 u 189 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din il-preżunzjoni kienet ġiet ikkonfutata mill-Kummissjoni stess, peress li din kienet ikkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li IFPEN ma kien ħa l-ebda vantaġġ ekonomiku reali fil-forma ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli li ngħataw lilu mill-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji minħabba l-istatus tiegħu ta’ SPIK. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan, fil-punt 190 ta’ din is-sentenza, li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni kien wera li l-IFPEN ma kien kiseb l-ebda benefiċċju mit-trasformazzjoni tiegħu fi SPIK fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji matul il-perijodu kkonċernat. |
44 |
Skont ir-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 197 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx, fid-deċiżjoni kkontestata, ipprovat l-eżistenza ta’ vantaġġ li IFPEN seta’ kiseb mill-garanzija tal-Istat marbuta mal-istatus ta’ SPIK tiegħu, kemm fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji kif ukoll f’dawk mal-fornituri u mal-klijenti. |
45 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(3) sa (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li bihom il-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-garanzija li tirriżulta mill-istatus ta’ SPIK ta’ IFPEN bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u ddeterminat il-konsegwenzi ta’ dik il-klassifikazzjoni. |
It-talbiet tal-partijiet
46 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
47 |
Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
48 |
L-IFPEN jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-appell
49 |
Il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha. |
Fuq l-ewwel aggravju
50 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, maqsum fi tliet partijiet, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta pprekludietha milli tillimita l-eżami tagħha għall-karatteristiċi ġenerali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u li kkonkludiet b’mod żbaljat li l-garanzija li jibbenefika minnha IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, billi bbażat ruħha fuq l-assenza ta’ vantaġġ reali għal dan l-istabbiliment fil-passat (l-ewwel u t-tieni partijiet). Il-Kummissjoni tilmenta wkoll li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha billi laqgħet ilment li ma ġiex imqajjem minn IFPEN u li ma kienx suffiċjentement iddettaljata mir-Repubblika Franċiża (it-tielet parti). |
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
51 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, indirizzat kontra l-punti 162 u 164, kif ukoll kontra l-punti 168 sa 173 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-garanzija li jibbenefika minnha IFPEN ma kinitx taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” msemmija fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999 u li, konsegwentement, hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-karatteristiċi ġenerali ta’ din il-garanzija biex turi li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
52 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li dan il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” jkopri miżuri li huma kkaratterizzati bil-fatt li ċerti elementi ma humiex iddefiniti u jibqgħu indeterminati fil-mument tal-adozzjoni tagħhom, u f’ċerti każijiet, saħansitra waqt l-applikazzjoni tagħhom. B’hekk, meta l-Kummissjoni tistudja l-portata ta’ tali miżuri sabiex tiddetermina jekk dawn jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija tista’ tillimita ruħha sabiex teżamina l-karatteristiċi ġenerali tagħhom. |
53 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li l-garanzija tal-Istat li minnha jgawdi IFPEN, li ma hijiex marbuta ma’ proġett speċifiku u li ngħatat lilha għal perijodu u f’ammont indeterminati, għandha tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ għajnuna”. Skont il-Kummissjoni, dan huwa każ, b’mod partikolari, ta’ “skema ta’ skemi ta’ għajnuna”, għaliex l-għoti tal-garanzija lill-IFPEN minnha nnifisha tappartjeni lil skema ta’ għajnuna iktar vasta, jiġifieri l-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat marbuta bil-liġi mal-istatus ta’ SPIK. |
54 |
Il-Kummissjoni tikkontesta, għalhekk, l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 168 sa 170 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK għandha tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ għajnuna”, peress li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ SPIK, bl-għoti tal-garanzija li tirriżulta minnu, tikkostitwixxi għajnuna individwali li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. |
55 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kummissjoni tirrileva li, kuntrarjament għall-konstatazzjoni li tidher fil-punt 171 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżit ta’ notifika tal-għajnuna xejn ma jipprova li l-garanzija li jgawdi minnha l-IFPEN ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna. Fil-fatt, kemm l-iskemi ta’ għajnuna kif ukoll l-għajnuna individwali għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni. |
56 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha l-effett li ċċaħħadha mill-possibbiltà li tadotta miżuri effettivi sabiex titlob lill-awtoritajiet Franċiżi li jtemmu l-garanzija għal SPIK determinat. Fil-fatt, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri utli biss għall-iskemi ta’ għajnuna, u mhux għajnuna individwali. |
57 |
L-IFPEN isostni li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija manifestament inammissibbli minn żewġ naħat. |
58 |
F’dan ir-rigward, l-IFPEN jinnota, l-ewwel nett, li r-raġunament espost mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq interpretazzjoni innovattiva tal-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna”, li tgħid li l-garanzija li minnha jgawdi l-IFPEN hija “skema ta’ skemi ta’ għajnuna”. B’hekk, l-ewwel parti hija bbażata fuq argument ġdid li ma jistax jiġi ammess fl-istadju tal-appell, fid-dawl tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
59 |
It-tieni nett, l-IFPEN jirrileva li, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali stess fil-punt 164 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kkontestata ma kkwalifikatx bħala “skema ta’ skemi ta’ għajnuna” l-għoti tal-garanzija favur l-IFPEN. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tar-regoli tal-liġi sostantiva u proċedurali tal-Unjoni li jeskludu li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li l-miżura eżaminata tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna. |
60 |
Fuq il-mertu, l-IFPEN kif ukoll il-Gvern Franċiż jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
61 |
Minn naħa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999, “skema tal-għajnuna” tfisser kwalunkwe att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa iżjed miżuri ta’ implimentazzjoni, l-għotjiet tal-għajnuna individwali jistgħu jsiru lill-impriżi ddefiniti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kwalunwke att li abbażi tiegħu l-għajnuna mhux marbuta ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lill-impriża waħda jew diversi għal perijodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit. |
62 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(e) ta’ dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “għajnuna individwali” bħala kull għajnuna li ma tingħatax abbażi ta’ skema ta’ għajnuna, jew li tingħata abbażi ta’ skema ta’ għajnuna li għandha tkun innotifikata. |
63 |
Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tista’, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, tillimita ruħha biex teżamina l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari sabiex tivverifika jekk din l-iskema tinkludix elementi ta’ għajnuna (sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 130, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 122). |
64 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 169 sa 172 tas-sentenza appellata, li l-garanzija li jibbenefika minnha l-IFPEN ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna u li l-Kummissjoni ma setgħetx, għaldaqstant, tibbaża ruħha fuq il-karatteristiċi ġenerali ta’ din il-miżura sabiex turi li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li l-miżura eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx, b’mod ġenerali, il-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK, iżda, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 21 sa 24 ta’ din id-deċiżjoni, miżura speċifika, jiġifieri t-trasformazzjoni ta’ IFPEN fi SPIK. |
66 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ma tinkludi ebda dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha tista’ tingħata għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, din il-miżura tillimita ruħha biex tippermetti lil persuna ġuridika partikolari, f’dan il-każ lill-IFPEN, il-benefiċċju ta’ garanzija illimitata u impliċita tal-Istat marbut mal-istatus ta’ SPIK, li jinvolvi l-għoti lil dan l-operatur ta’ tali garanzija. |
67 |
Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-miżura msemmija ma taqax taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” msemmija fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999. |
68 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat, skont l-IFPEN, li, peress li l-Kummissjoni għamlet l-għażla li tanalizza l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna individwali ad hoc, huwa fid-dawl ta’ din il-klassifikazzjoni waħedha li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-validità tad-deċiżjoni kkontestata. |
69 |
B’mod partikolari, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 171 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 256 sa 259 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika, u li, billi t-tibdil tal-istatus tal-IFPEN ma kienx ġie formalment innotifikat lilha, iżda biss indikat b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ proċedura oħra, dan l-obbligu ma kienx ġie osservat mill-awtoritajiet Franċiżi, b’mod li t-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK kienet tikkostitwixxi għajnuna illegali. |
70 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 172 tas-sentenza appellata, li, sa fejn it-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK setgħet tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, hija tikkostitwixxi għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna li kellha tiġi nnotifikata, jiġifieri għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament Nru 659/1999. |
71 |
Barra minn hekk, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” ma tistax tinvalida din il-konklużjoni, peress li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali kunċett huwa assenti mir-Regolament Nru 659/1999. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar, li jelenka l-kategoriji differenti ta’ għajnuna, jillimita ruħu biex jiddefinixxi l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali, mingħajr ma jipprevedi l-possibbiltà li miżura li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” msemmija fl-Artikolu 1(d) tal-imsemmi regolament, tista’ tkun tappartjeni, fiha nnifisha, għal skema ta’ għajnuna iktar wiesgħa. |
72 |
L-istess japplika għall-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-klassifikazzjoni tat-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK bħala “għajnuna individwali”, stabbilita mill-Qorti Ġenerali, għandha bħala effett li ċċaħħadha mill-possibbiltà li tadotta miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 108(1) TFUE, sabiex titlob lill-awtoritajiet Franċiżi li jwaqqfu l-garanzija għal SPIK partikolari. |
73 |
F’dan ir-rigward, biżżejjed li jiġi osservat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura ta’ għajnuna individwali tal-miżura eżaminata, li jinsabu fil-punti 169 sa 172 tas-sentenza appellata, huma bbażati fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi relatati mat-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK, u ma humiex, fil-prinċipju, trasponibbli għall-istabbilimenti kollha ta’ dan it-tip. |
74 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, din il-parti għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
75 |
Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK ma tagħtix vantaġġ lill-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, billi bbażat ruħha biss fuq l-assenza ta’ vantaġġ reali għal dan l-istabbiliment f’dawn ir-relazzjonijiet matul il-perijodu kkonċernat. |
76 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva, qabel kollox, li peress li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk din il-garanzija kinitx, fid-dawl tan-natura ġenerali tagħha, tista’ tagħti vantaġġ lill-IFPEN fil-futur, u dan indipendentement min-nuqqas ta’ benefiċċju reali f’termini ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu matul il-perijodu kkonċernat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li hija eżaminat l-effetti reali tal-garanzija fuq dak il-perijodu bl-uniku skop li tivverifika jekk vantaġġ konkret kienx immaterjalizza ruħu fuq dak il-perijodu u mhux biex tfittex jekk il-garanzija kinitx tikkostitwixxi jew le għajnuna mill-Istat, kwistjoni li kienet tiddependi esklużivament fuq l-evalwazzjoni tal-impatti potenzjali ta’ dik il-miżura. |
77 |
Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali iwassal sabiex jingħata trattament iktar favorevoli lill-Istati Membri li ma jinnotifikawx l-għoti ta’ garanziji illimitati meta mqabbla ma’ dawk li jagħmlu dan skont l-Artikolu 108 TFUE, filwaqt li, skont prinċipju stabbilit fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri tal-ewwel ma jistgħux jiġu ppreferuti meta mqabbla ma’ dawk tal-aħħar. |
78 |
Fil-fatt, meta Stat Membru jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħti garanzija ta’ dan it-tip, billi hija ma tistax tkun taf l-effetti reali tal-miżura, il-Kummissjoni teżamina biss l-effetti potenzjali tagħha. Jekk, bil-kontra, Stat Membru jagħti tali garanzija mingħajr ma jinnotifikaha minn qabel, dan jista’ mbagħad juri li din il-miżura ma pproduċietx effett konkret u, għaldaqstant, jeskludi l-klassifika tagħha bħala “għajnuna mill-Istat”. Minħabba f’hekk, l-Istati Membri jiġu inkoraġġiti sabiex ma jinnotifikawx l-għoti ta’ garanziji illimitati. |
79 |
Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jitqies li l-garanzija li jibbenefika minnha l-IFPEN ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna, iżda għajnuna individwali, il-Qorti Ġenerali kellha tibbaża l-analiżi tagħha fuq l-effetti potenzjali tal-garanzija, jiġifieri fuq l-effetti li din il-miżura kienet tista’ tipproduċi. |
80 |
L-IFPEN u l-Gvern Franċiż jikkontestaw dan l-argument. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
81 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, hekk kif ġie deċiż fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999. |
82 |
Għaldaqstant, kien ġustament li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, li l-ġurisprudenza dwar l-obbligi probatorji imposti fuq il-Kummissjoni fil-qasam ta’ skemi ta’ għajnuna ma kinitx applikabbli f’dan il-każ. |
83 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
84 |
Fir-rigward tal-argument invokat sussidjarjament mill-Kummissjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, hekk kif issostni din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita l-eżami tagħha għall-impatt potenzjali li l-miżura inkwistjoni kienet kapaċi toħloq u li din kellha wkoll teżamina l-effetti reali li kienet tipproduċi l-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK. |
85 |
Madankollu, dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata. |
86 |
Fil-fatt, fil-punti 79 u 182 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet aċċettat li, matul il-perijodu kkonċernat, l-IFPEN ma kienx ħa vantaġġ ekonomiku reali mill-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu ta’ SPIK fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, fil-premessa 199 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet osservat li l-vantaġġ potenzjali li l-IFPEN seta’ ħa mill-garanzija illimitata fil-forma ta’ rata tas-suq iktar favorevoli ma kienx seħħ matul il-perijodu rilevanti. |
87 |
Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni sempliċi fis-sens tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), li tgħid li l-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti għall-istatus ta’ SPIK twassal għal titjib fil-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja kkonċernata, kienet ġiet ikkonfutata f’dan il-każ. |
88 |
B’hekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma indikat li hija kellha tivverifika l-impatt reali tal-miżura inkwistjoni fuq il-perijodu kkunsidrat sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tirrileva li, peress li l-Kummissjoni stess kienet ikkonstatat in-nuqqas ta’ effetti reali fuq dan il-perijodu, il-preżunzjoni sempliċi stabbilita permezz tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), kienet ikkonfutata. |
89 |
Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha. |
Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
90 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet lil hinn mill-motivi mressqa mill-partijiet f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. |
91 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-analiżi tagħha dwar l-eżistenza ta’ tali vantaġġ ma kienet is-suġġett ta’ ebda kritika min-naħa tal-IFPEN fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Min-naħa tar-Repubblika Franċiża, din illimitat ruħha sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ għall-motiv biss li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat dan, mingħajr ma ressqet l-ebda argument insostenn ta’ din il-pretensjoni. |
92 |
Konsegwentement, billi laqgħet ilment li ma kienx tqajjem minn waħda mill-partijiet rikorrenti fl-ewwel istanza u li kien tqajjem biss b’mod insuffiċjentement iddettaljat mill-parti rikorrenti l-oħra, il-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-kompetenza ġudizzjarja tagħha. |
93 |
L-IFPEN u l-Gvern Franċiż jikkontestaw dan l-argument. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
94 |
Għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li mill-punti 58 u 185 tas-sentenza appellata, jirriżulta li r-Repubblika Franċiża effettivament ikkontestat, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. |
95 |
Bl-istess mod, hekk kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-IFPEN ikkontesta diversi drabi, fir-rikors u fir-replika tiegħu ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ tali vantaġġ. |
96 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
97 |
Peress li ma ntlaqgħat ebda parti mill-ewwel aggravju, dan għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
98 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, essenzjalment, kontra l-punti 134 sa 137 u 188 sa 193 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, wettqet żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-portata tal-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), u, min-naħa l-oħra, talli b’mod żbaljat ikkunsidrat li din il-preżunzjoni kienet, f’dan il-każ, ġiet ikkonfutata fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. |
99 |
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni tfakkar, qabel kollox, li, skont din is-sentenza, hija ma hijiex marbuta li turi l-effetti reali ta’ garanzija biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ fi ħdan l-entità li tibbenefika mill-istatus ta’ SPIK. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, hija tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni sempliċi, li tirriżulta mill-garanzija nnifisha. |
100 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 188 sa 192 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni ta’ vantaġġ kienet ġiet ikkonfutata minħabba n-nuqqas ta’ effett reali fuq ir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji matul il-perijodu kkonċernat, peress li din l-aħħar ċirkustanza ma kinitx biżżejjed sabiex tikkonfuta lil din il-preżunzjoni. Sabiex jiġi stabbilit li l-preżunzjoni msemmija ġiet ikkonfutata, kien jeħtieġ li jintwera li l-garanzija inkwistjoni ma setgħetx, minħabba l-karatteristiċi tal-IFPEN, fil-futur iġġib vantaġġ lil dan l-istabbiliment fir-relazzjonijiet tiegħu mal-operaturi msemmija. |
101 |
Finalment, il-Kummissjoni tikkonkludi li, billi b’hekk naqqset il-portata tal-preżunzjoni ta’ vantaġġ, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, kif ukoll ir-regoli dwar il-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
102 |
L-IFPEN u r-Repubblika Franċiża jikkontestaw dan l-argument. |
103 |
L-IFPEN josserva li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-preżunzjoni li tirriżulta mis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217). |
104 |
L-IFPEN jenfasizza li din il-preżunzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li jgħid li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li miżura tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Tali preżunzjoni għandha għalhekk tiġi interpretata ristrettivament u, sussegwentement, għandha tiġi applikata biss meta l-eżistenza ta’ vantaġġ reali tkun plawżibbli. |
105 |
L-IFPEN iżid li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx ir-raġunijiet għalfejn huwa plawżibbli li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ vantaġġ favur l-IFPEN. Minħabba f’hekk, id-deċiżjoni msemmija ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 296 TFUE. |
106 |
Fir-rigward tal-inverżjoni tal-preżunzjoni, l-IFPEN josserva li l-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament, fil-punti 189 sa 192 tas-sentenza appellata, li matul il-perijodu kkonċernat, dak l-istabbiliment ma kien ħa ebda benefiċċju mill-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu ta’ SPIK fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element li jista’ jistabbilixxi l-possibbiltà ta’ tibdil fis-sitwazzjoni wara l-2010, li wassal lill-IFPEN sabiex jissellef somom b’kundizzjonijiet differenti minn dawk tas-suq. |
107 |
Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Franċiża tqis li t-tieni aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat. F’dan ir-rigward, dan il-gvern jirreferi, essenzjalment, għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tar-risposta tiegħu għat-tieni parti tal-ewwel aggravju. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
108 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 13). |
109 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tielet minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tista’ tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
110 |
Għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 71 tas-sentenza appellata, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill-Istat jirriżulta li l-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri inkriminanti b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63). |
111 |
Madankollu, mis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punti 98 u 99) jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni tista’ tinvoka preżunzjoni sempliċi li tipprovdi li l-għoti ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur impriża li ma hijiex suġġetta għall-proċeduri normali ta’ amministrazzjoni u ta’ stralċ iwassal għal titjib tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, huma imposti fuq il-baġit tagħha. B’hekk, fil-kuntest ta’ proċedura dwar għajnuna eżistenti, sabiex jiġi pprovat il-vantaġġ mogħti permezz ta’ tali garanzija lill-impriża benefiċjarja, huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza stess ta’ din il-garanzija, mingħajr ma jkollha bżonn turi l-effetti reali prodotti minnha mill-mument tal-għoti tagħha. |
112 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi meta ddefinixxiet il-portata tal-preżunzjoni sempliċi tal-eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), u, konsegwentement, li din kienet ġiet ikkonfutata f’dan il-każ. |
113 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 134 sa 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, enfasizzat li l-possibbiltà li tintuża preżunzjoni bħala mezz ta’ prova tiddependi mill-plawżibbiltà tal-ipoteżijiet li din hija bbażata fuqhom. B’mod partikolari, il-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217) hija bbażata fuq il-premessa doppja, li l-plawżibbiltà tagħha hija aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li, minn naħa, l-eżistenza ta’ garanzija tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru għandha influwenza favorevoli fuq l-evalwazzjoni mill-kredituri tar-riskju ta’ inadempjenza tal-benefiċjarju ta’ din il-garanzija u, min-naħa l-oħra, din l-influwenza favorevoli tfisser tnaqqis tal-prezz tal-kreditu. |
114 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 188 sa 190 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet, f’dan il-każ, ġiet ikkonfutata, peress li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni kien wera li, matul il-perijodu kkonċernat, l-IFPEN ma kienx kiseb vantaġġ ekonomiku reali mill-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK tiegħu. |
115 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 134 sa 137 u 188 sa 190 tas-sentenza tagħha huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi. |
116 |
Fil-fatt, hekk kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 123 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li l-IFPEN igawdi minn garanzija tal-Istat kien ta’ natura li jippermetti lill-Kummissjoni li tinvoka l-preżunzjoni ta’ vantaġġ, kif stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), peress li din il-preżunzjoni hija bbażata fuq l-idea li, permezz tal-garanzija marbuta mal-istatus, SPIK jibbenefika jew jista’ jibbenefika minn kondizzjonijiet finanzjarji iktar vantaġġużi minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. B’hekk, biex tinvoka din il-preżunzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi l-effetti reali prodotti mill-garanzija inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 99). |
117 |
B’hekk, għalkemm huwa minnu li tali preżunzjoni hija biss preżunzjoni sempliċi, u għaldaqstant konfutabbli, madankollu tista’ tiġi kkonfutata biss billi jintwera li, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih tinsab il-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK ikkonċernat, dan tal-aħħar ma ngħatax fil-passat u, skont kull plawżibbiltà, fil-futur mhux ser jikseb xi vantaġġ ekonomiku reali minn din il-garanzija. |
118 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 134 sa 137 u 188 sa 190 tas-sentenza appellata, l-unika ċirkustanza li l-benefiċjarju ta’ tali garanzija fil-passat ma ħa l-ebda vantaġġ ekonomiku reali mill-istatus tiegħu ta’ SPIK ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ. |
119 |
Konsegwentement, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 134 sa 137 tas-sentenza appellata, li l-possibbiltà li tiġi invokata l-preżunzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ effetti reali fil-konfront tal-benefiċjarju tal-garanzija, u, sussegwentement, fil-punti 188 sa 190 ta’ din is-sentenza, li, fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, l-imsemmija preżunzjoni kienet ikkonfutata. |
120 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tieni aggravju jintlaqa’. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
121 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha dirett kontra l-punti 134 sa 161 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li hija ma setgħetx tinvoka preżunzjoni sempliċi tal-eżistenza ta’ vantaġġ favur l-IFPEN fil-kuntest tar-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu. |
122 |
Skont il-Kummissjoni, tali konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata, essenzjalment, minn naħa, fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), u tal-Avviż dwar il-Garanziji, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq l-allegat nuqqas ta’ influwenza plawżibbli tal-garanzija fuq ir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri u l-klijenti tiegħu. |
123 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), il-Kummissjoni ssostni li minn din is-sentenza bl-ebda mod ma jirriżulta li l-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ma tistax tapplika għar-relazzjonijiet ta’ SPIK mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu. F’dan ir-rigward, din tenfasizza li l-vantaġġ identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija hija bbażata fuq żewġ elementi, jiġifieri t-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ kreditu u n-nuqqas ta’ ħlas mill-iSPIK tal-primjum xieraq li jikkorrispondi għat-teħid ta’ riskju sostnut mill-Istat. Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet bejn SPIK, bħall-IFPEN, u l-kredituri kummerċjali tiegħu. |
124 |
Barra minn hekk, il-fatt li s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), u l-Avviż dwar il-garanziji jirreferu, fil-kuntest tal-eżami tal-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, biss għal self mogħti minn stabbilimenti bankarji jew finanzjarji ma jeskludix li l-imsemmija preżunzjoni tista’ tiġi applikata wkoll fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ SPIK mal-kredituri kummerċjali tiegħu, sa fejn huwa biss bħala eżempju li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, wettqet tali referenza. |
125 |
Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-allegata assenza ta’ influwenza plawżibbli tal-garanzija fuq ir-relazzjonijiet ta’ SPIK bħall-IFPEN mal-fornituri u l-klijenti tiegħu, il-Kummissjoni tinnota, qabel kollox, li ma jistax jiġi raġonevolment sostnut li l-kredituri kummerċjali huma b’mod ġenerali indifferenti għar-rimbors tal-krediti tagħhom. B’mod kuntrarju, f’kull operazzjoni ta’ kreditu, kemm jekk ikun kreditu finanzjarju jew kreditu kummerċjali, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ rimbors huwa element li għandu piż fuq ir-relazzjoni bejn il-kontropartiijiet kontraenti. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-assigurazzjoni għal kreditur kummerċjali tal-IFPEN li sejjer jiġi rimborsat il-kreditu tiegħu mill-Istat f’każ ta’ nuqqas min-naħa tal-IFPEN għandu, fil-prinċipju, importanza mhux żgħira għal dan il-kreditur. |
126 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni tosserva li, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-plawżibbiltà tal-ipoteżi ta’ influwenza favorevoli mill-eżistenza ta’ garanzija Statali fuq ir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-fornituri tiegħu, li kienet twassal għal prezzijiet iktar baxxi min-naħa ta’ dawn tal-aħħar, ma kinitx evidenti fiha nnifisha. Issa, skont il-Kummissjoni, għalkemm tnaqqis fil-prezz jista’ tirriżulta minn numru ta’ fatturi u mhux biss mill-eżistenza ta’ garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK, madankollu ma għandhiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217) dwar ir-relazzjoni ta’ SPIK mal-fornituri tiegħu. |
127 |
L-IFPEN isostni li, permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni trid fir-realtà tikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ prova mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 90 sa 131 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
128 |
Fuq il-mertu, l-IFPEN kif ukoll ir-Repubblika Franċiża jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni. |
129 |
L-IFPEN josserva li, sa fejn l-għoti tal-garanzija inerenti fl-istatus ta’ SPIK jikkostitwixxi għajnuna individwali u li l-preżunzjoni stabbilita bis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217) ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet korrettament, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha teżamina l-effetti reali tal-garanzija, sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN. |
130 |
Barra minn hekk, l-IFPEN isostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fl-appell tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, din ma identifikatx vantaġġ fil-konfront tal-kredituri tiegħu, b’mod partikolari l-fornituri u l-klijenti tiegħu. |
131 |
F’dan ir-rigward, dan jenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-appell tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, minn naħa, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu, li dawn tal-aħħar huma eżentati milli jħallsu kummissjoni fuq il-fattorat biex jittrasferixxu krediti tagħhom lejn l-IFPEN, peress li huma jibbenefikaw mill-garanzija impliċita tal-Istat, u, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, li, permezz tal-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu ta’ SPIK, l-IFPEN seta’ joffri lill-klijenti tiegħu garanzija ta’ eżekuzzjoni tajba jew tal-aħjar sforzi. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat korrettament, fil-punti 99 sa 108 u fil-punti 111 sa 120 tas-sentenza appellata, li l-ipoteżi invokata mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-allegat vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti u l-fornituri tiegħu, kienet teoretika u mhux plawżibbli. |
132 |
Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat. Fil-fatt, skont dan l-Istat Membru, il-Qorti Ġenerali kellha raġun li ma testendix din il-garanzija għar-relazzjonijiet tal-iSPIK mal-fornituri u l-klijenti tiegħu. |
133 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tfakkar li l-preżunzjoni stabbilita mis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217) ma hijiex ibbażata fuq ipoteżi dwar ir-relazzjonijiet tal-iSPIK mal-fornituri jew mal-klijenti tiegħu, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tinvokaha f’tali ċirkustanzi. |
134 |
F’kull każ, kif innotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 136 tas-sentenza appellata, il-possibbiltà ta’ rikors għal tali preżunzjoni bħala metodu ta’ prova tiddependi fuq il-plawżibbiltà tal-ipoteżijiet li din hija bbażata fuqhom. |
135 |
F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, minn naħa, fuq l-ipoteżi li tgħid li l-iSPIK li jibbenefika minn garanzija tal-Istat jgawdi minn tnaqqis fil-prezzijiet mogħtija mill-fornituri tiegħu. Issa, il-Qorti Ġenerali nnotat korrettament li tnaqqis fil-prezzijiet fir-relazzjonijiet bejn fornitur u l-iSPIK ikkonċernat huwa bbażat fuq pluralità ta’ fatturi, b’mod partikolari l-volum tal-ordnijiet magħmula, it-termini ta’ ħlas konċessi mill-fornitur, jew it-tul tar-relazzjonijiet kuntrattwali. Għalhekk, tnaqqis fil-prezzijiet ma jirriżultax mill-eżistenza ta’ garanzija tal-awtoritajiet pubbliċi favur l-iSPIK. |
136 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, l-Istat Membru msemmi jsostni li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkunsidra, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ddefinietx il-vantaġġ li jirriżulta għall-IFPEN mill-eżistenza tal-garanzija tal-Istat u li, għaldaqstant, il-preżunzjoni li hija xtaqet tinvoka kienet, f’dan ir-rigward, nieqsa mis-suġġett. Fil-fatt, skont ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni ma wrietx kif il-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti fl-istatus ta’ SPIK għandha bħala konsegwenza titjib fil-pożizzjoni tiegħu fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
137 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-IFPEN, il-Kummissjoni ma tipprovax, permezz tat-tielet aggravju tagħha, tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-fatti u tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. |
138 |
Fil-fatt, permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 134 sa 160 tas-sentenza appellata, li hija ma setgħetx tinvoka l-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), sabiex turi l-eżistenza, għall-benefiċċju tal-IFPEN, fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu, ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija tal-Istat. |
139 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament l-eżistenza ta’ preżunzjoni sempliċi ta’ vantaġġ marbut mal-garanzija relatata mal-istatus ta’ SPIK f’dak li jikkonċerna biss ir-relazzjonijiet li dan ikollu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 168 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din is-sentenza ma jirriżultax li tali preżunzjoni ma tistax, bħala prinċipju, tapplika għal relazzjonijiet oħra tal-iSPIK, b’mod partikolari għal dawk eżistenti mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu. |
140 |
Qabel kollox, kuntrarjament għal dak li indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 147 tas-sentenza appellata, ma tista’ tinsilet ebda kunsiderazzjoni utli mill-fatt li, fid-deċiżjoni “La Poste”, li kienet ikkontestata fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), il-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ favur l-iSPIK kienet saret mill-Kummissjoni billi eżaminat biss ir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, mingħajr ma wettqet l-eżami tar-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u l-klijenti. Fil-fatt, tali ċirkustanza bl-ebda mod ma ġiet identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 94 sa 99 ta’ din l-aħħar sentenza, fejn il-preżunzjoni sempliċi ta’ vantaġġ marbut mal-garanzija relatata mal-istatus ta’ SPIK ġiet stabbilita. |
141 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali ġibdet, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, mir-riferenza għas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814), magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 96 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), għandu jiġi enfasizzat li, fl-ewwel minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-qrati nazzjonali kienu kompetenti sabiex jannullaw, abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE, garanzija tal-Istat, f’sitwazzjoni li fiha għajnuna illegali kienet ġiet eżegwita permezz ta’ din il-garanzija, li kienet ingħatat minn awtorità pubblika sabiex tkopri self mogħti minn kumpannija finanzjarja għall-benefiċċju ta’ impriża li ma kinitx tista’ tikseb tali finanzjament taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. |
142 |
Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814), il-kwalifika tal-garanzija pprovduta mill-awtorità pubblika bħala “għajnuna mill-Istat” favur min jissellef ma ġietx diskussa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li kien stabbilit li, fil-mument tal-kostituzzjoni tal-garanzija msemmija, min jissellef kien diġà jinsab f’diffikultà, b’mod li, fin-nuqqas ta’ tali garanzija, ma kienx ikun kapaċi jikseb finanzjament fis-suq tal-kapitali. |
143 |
B’hekk, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 152 tas-sentenza appellata, ir-referenza għal din is-sentenza ma tagħti l-ebda indikazzjoni utli dwar il-portata tal-preżunzjoni sempliċi ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217). |
144 |
Bl-istess mod, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma setgħet tasal għal ebda konklużjoni fuq il-portata tal-imsemmija preżunzjoni mir-referenza magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 97 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), fil-punti 1.2, 2.1 u 2.2 tal-Avviż dwar il-garanziji. |
145 |
Ċertament, huwa minnu li dawn il-punti tal-Avviż dwar il-garanziji jirreferu biss għall-vantaġġ li l-benefiċjarju ta’ garanzija tal-Istat jista’ jieħu fil-forma ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli, bħal rata ta’ self iktar baxxa jew ta’ rekwiżiti inqas stretti f’termini ta’ kollateral. Madankollu, ir-referenza magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-imsemmija punti tal-Avviż dwar il-garanziji kienet iġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), li fiha kien biss inkwistjoni l-vantaġġ li l-iSPIK inkwistjoni seta’ jikseb mill-garanzija li tirriżulta mill-istatus tiegħu fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. |
146 |
Finalment, għandu jiġi rrilevat li l-argument li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li tagħmel, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, mill-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), b’mod partikolari fil-punt 104 tagħha, huwa, minn tal-inqas, nieqes miċ-ċarezza. Fil-fatt, ma jistax jinftiehem kif dawn l-osservazzjonijiet jikkonfermaw, hekk kif il-Qorti Ġenerali madankollu stabbilixxiet, li l-modalità ta’ prova ssimplifikata aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi jekk garanzija impliċita u illimitata tal-Istat, inerenti għall-istatus ta’ SPIK, tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku hija applikabbli biss fil-każ ta’ persuna li tissellef li, permezz tal-imsemmija garanzija, tibbenefika minn rata ta’ interessi iktar baxxa jew tista’ tipprovdi inqas sigurtà. |
147 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), hija kkonfinata għar-relazzjonijiet li jinvolvu tranżazzjoni ta’ finanzjament, self jew, b’mod iktar wiesa’, kreditu min-naħa tal-kreditur ta’ SPIK, b’mod partikolari għar-relazzjonijiet bejn dan l-iSPIK u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. |
148 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi milqugħ. |
149 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li din is-sentenza lanqas ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-preżunzjoni msemmija tista’ tiġi estiża, b’mod awtomatiku, għar-relazzjonijiet ta’ SPIK mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat, minn qabel, jekk, fid-dawl tal-imġiba tal-imsemmija parteċipanti, il-vantaġġ li l-istabbiliment jista’ jikseb minnu huwiex simili għal dak li huwa jikseb mir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. |
150 |
Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, il-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), hija bbażata fuq l-ipoteżi li tgħid li, permezz tal-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu, SPIK ikkonċernat jibbenefika jew jista’ jibbenefika minn kondizzjonijiet finanzjarji iktar vantaġġużi minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. B’hekk, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni msemmija għar-relazzjonijiet tal-iSPIK mal-fornituri u mal-klijenti tkun iġġustifikata biss sa fejn tali kundizzjonijiet iktar vantaġġużi jkunu jinsabu wkoll fir-relazzjonijiet ma’ dawn tal-aħħar fis-swieq ikkonċernati. |
151 |
Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tipprova tapplika l-preżunzjoni imsemmija, hija għandha teżamina l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jinsab is-suq affettwat mir-relazzjonijiet inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni hija marbuta li tivverifika jekk l-aġir tal-atturi fis-suq ikkonċernat jiġġustifikax ipoteżi ta’ vantaġġ analogu għal dak li jinsab fir-relazzjonijiet tal-iSPIK mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. |
152 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata peress li, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(3) sa (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali
153 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni. |
154 |
Peress li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża dwar l-argumenti li fuqhom huma bbażati t-tieni u t-tielet aggravji, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex dawn jiġu diskussi. |
Fuq l-ispejjeż
155 |
Peress li l-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.