Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0416

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-20 ta’ Lulju 2017.
    Luís Manuel Piscarreta Ricardo vs Portimão Urbis, E.M., S.A. – em liquidação et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Faro.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23 – Artikolu 1(1)(b) – Artikolu 2(1)(d) – Trasferiment ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘ħaddiem’ u ta’ ‘trasferiment ta’ negozju’.
    Kawża C-416/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:574

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    20 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23 – Artikolu 1(1)(b) – Artikolu 2(1)(d) – Trasferiment ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘ħaddiem’ u ta’ ‘trasferiment ta’ negozju’”

    Fil-Kawża C-416/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

    Luís Manuel Piscarreta Ricardo

    vs

    Portimão Urbis SA, fi stralċ,

    Município de Portimão,

    Emarp – Empresa Municipal de Águas e Resíduos de Portimão SA

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal L. M. Piscarreta Ricardo, minn M. Ramirez Fernandes, avukat,

    għal Emarp – Empresa Municipal de Águas e Resíduos de Portimão SA, minn R. Rosa, avukat,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn S. Feio, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. França u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b) u tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Luís Manuel Piscarreta Ricardo, minn naħa, u l-impriża muniċipali Portimão Urbis SA, fi stralċ (iktar ’il quddiem “Portimão Urbis”), il-Município de Portimão (muniċipalità ta’ Portimão, il-Portugall) u l-impriża muniċipali Emarp – Empresa Municipal de Águas e Resíduos de Portimão SA (iktar ’il quddiem “Emarp”), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità tat-tkeċċija ta’ L. M. Piscarreta Ricardo.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva 2001/23 tikkostitwixxi kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1977, L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 1998, L 201, p. 88). (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/187”).

    4

    Il-premessi 3 u 8 tad-Direttiva 2001/23 jgħidu:

    “(3)

    Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.

    […]

    (8)

    Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtieġu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jiġi ċċarat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [77/187] skond kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.”

    5

    L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “a)

    Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

    b)

    Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.

    ċ)

    Din id-Direttiva għandha tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk jaħdmu bi skop ta’ lukru kemm jekk le. Ir-riorganizzazzjoni amministrattiva ta’ l-awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, mhijiex trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva.”

    6

    L-Artikolu 2(1)(d) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“impjegat [il-ħaddiem]” bħala “kull persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-impjieg.”

    7

    L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2001/23 jipprevedi:

    “Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg.

    Madanakollu, l-Istati Membri m’għandhomx jeskludu mill-iskop ta’ din id-Direttiva kuntratti ta’ mpjieg jew relazzjonijiet ta’ mpjieg biss minħabba:

    […]

    b)

    li huma relazzjonijiet ta’ mpjieg irregolati minn kuntratt ta’ mpjieg fiss fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1991 li jissupplimentaw il-miżuri biex jiġi nkoraġġit titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol li għandhom relazzjoni tax-xogħol għal perjodu fiss jew relazzjoni ta’ xogħol temporanja [(ĠU 1991, L 206, p. 19)] […]

    […]”

    8

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:

    “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.”

    9

    Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

    “1.   It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.

    L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ewwel subparagrafu ma japplikax għal ċerti kategoriji speċifiċi ta’ mpjegati li mhumiex koperti mil-liġijiet jew mill-prattika ta’ l-Istati Membri għar-rigward ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija.

    2.   Jekk il-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg.”

    10

    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, hija, essenzjalment, identika għal dik tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187.

    Id-dritt Portugiż

    11

    L-Artikolu 285 tal-Código do Trabalho (kodiċi tax-xogħol) jipprevedi:

    “1.   Fil-każ ta’ trasferiment, taħt kwalunkwe titolu, tal-proprjetà ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju li jikkostitwixxi entità ekonomika, għandhom jiġu ttrasferiti lill-persuna li lilha jsir trasferiment id-drittijiet u l-obbligi tal-persuna li timpjega fil-kuntest tal-kuntratti ta’ xogħol tal-ħaddiema kkonċernati, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-ħlas tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tad-dritt industrijali.

    2.   Il-persuna li twettaq trasferiment hija responsabbli in solidum għall-obbligi dovuti fid-data tat-trasferiment, matul is-sena ta’ wara din.

    3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti japplikaw ukoll għat-trasferiment, għaċ-ċessjoni jew għat-twettiq mill-ġdid tal-ġestjoni diretta tal-attività tal-impriża, tan-negozju jew tal-entità ekonomika, u, fil-każ ta’ ċessjoni jew twettiq mill-ġdid tal-ġestjoni diretta tal-attività, hija responsabbli in solidum il-persuna li kienet tmexxi l-operat preċedentement.

    4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti ma humiex applikabbli fil-każ tal-ħaddiem li, qabel it-trasferiment, ġie ttrasferit mill-persuna li twettaq trasferiment għal negozju ieħor jew għal entità ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 194, filwaqt li jibqa’ impjegat magħha, bl-eċċezzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-persuna li lilha jsir trasferiment fil-qasam ta’ ħlas tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tad-dritt industrijali.

    5.   Hija kkunsidrata bħala entità ekonomika l-mezzi organizzati kollha bl-għan li titwettaq attività ekonomika, prinċipali jew aċċessorja.

    6.   Il-ksur tar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1 iktar ’il fuq u fl-ewwel parti tal-paragrafu 3 jikkostitwixxi ksur gravi ħafna.”

    12

    Skont l-Artikolu 295 tal-kodiċi tax-xogħol, dwar l-effetti tat-tnaqqis jew tas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol:

    “1.   Matul it-tnaqqis jew is-sospensjoni [tal-kuntratt ta’ xogħol], id-drittijiet, l-obbligi u l-garanziji tal-partijiet li ma humiex obbligati li effettivament jaħdmu għandhom jinżammu.

    2.   It-tul tat-tnaqqis jew tas-sospensjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-anzjanità.

    3.   It-tnaqqis jew is-sospensjoni ma għandhiex taffettwa t-tul tal-kuntratt u ma timpedixxix lill-partijiet milli jirrexxindu l-kuntratt skont ir-regoli ġenerali.

    4.   Meta l-perijodu ta’ tnaqqis jew ta’ sospensjoni tal-kuntratt jispiċċa, id-drittijiet, l-obbligi u l-garanziji tal-partijiet li jirriżultaw minn xogħol effettiv għandhom jiġu stabbiliti mill-ġdid.

    5.   Il-fatt li l-persuna li timpjega timpedixxi lill-ħaddiem milli jerġa’ jibda jaħdem fi tmiem l-perijodu ta’ tnaqqis jew ta’ sospensjoni jikkostitwixxi ksur serju.”

    13

    Skont l-Artikolu 317(4) tal-kodiċi tax-xogħol:

    “Il-leave jwassal għas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, bl-effetti previsti fl-Artikolu 295.”

    14

    L-Artikolu 62 tal-Lei n.° 50/2012 aprova o regime jurídico da actividade empresarial local e das participações locais e revoga as Leis n.os 53-F/2006, de 29 de dezembro, e 55/2011, de 15 de novembro (Liġi Nru°50/2012 dwar ir-regolamentazzjoni tan-negozji lokali u tal-entitajiet lokali, li tħassar il-Liġijiet Nri 53-F/2006, tad-29 ta’ Diċembru, u 55/2001, tal-15 ta’ Novembru), tal-31 ta’ Awwissu 2012 (Diário da República, l-ewwel Serje, Nru 169, tal-31 ta’ Awwissu 2012), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“RJAEL”), dwar ix-xoljiment tal-impriżi lokali, jipprevedi:

    “1.   Bla ħsara għall-Artikolu 35 tal-kodiċi dwar il-kumpanniji kummerċjali, l-impriżi lokali għandhom ikunu suġġetti għal deċiżjoni ta’ xoljiment, fi żmien sitt xhur, jekk tkun teżisti waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    […]

    5.   Bla ħsara għall-paragrafu li ġej, is-sistema tal-kuntratt ta’ xogħol tapplika għall-persuni li effettivament jeżerċitaw funzjonijiet fl-impriżi lokali li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, u li ma jaqgħux taħt strumenti tal-mobbiltà previsti mill-Liġi Nru l2-A/2008 tas-27 ta’ Frar 2008.

    6.   L-impriżi lokali fil-proċess ta’ stralċ jistgħu jittrasferixxu lill-entitajiet pubbliċi parteċipanti l-ħaddiema tagħhom taħt kuntratt ta’ xogħol, konformement mal-Artikolu 58 tal-Liġi Nru l2-A/2008 tas-27 ta’ Frar 2008, biss sa fejn dawn ikunu assenjati u jkunu meħtieġa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet li huma s-suġġett tal-integrazzjoni jew tal-internalizzazzjoni.

    […]

    11.   Il-paragrafi 6 sa 10 japplikaw biss għall-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat konkluż mill-inqas sena qabel id-data tad-deliberazzjoni li takkumpanja x-xoljiment tal-impriża lokali, u li għalihom, fil-każ tal-kostituzzjoni ta’ rabta legali ta’ impjieg pubbliku għal żmien indeterminat, l-ebda kumpens ma jkun dovut għat-tmiem tal-post tax-xogħol preċedenti.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    L. M. Piscaretta Ricardo kien irreklutat, f’Ottubru 1999, għal żmien indeterminat, mill-muniċipalità ta’ Portimão sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ “uffiċjal tat-turiżmu”.

    16

    F’Ottubru 2008, L. M. Piscaretta Ricardo waqaf mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ma’ dan il-muniċipalità sabiex iwettaq dawn il-funzjonijiet, taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, fi ħdan l-impriża muniċipali Portimão Turis SA (iktar ’il quddiem “Portimão Turis”).

    17

    Peress li ddeċieda, f’Marzu 2010, jgħaqqad diversi impriżi muniċipali, il-muniċipalità ta’ Portimão inkorpora lil Portimão Turis ma’ Portimão Urbis. Minn din id-data, L. M. Piscaretta Ricardo eżerċita l-funzjonijiet ta’ amministratur u sussegwentement ta’ direttur f’din l-aħħar impriża.

    18

    F’Settembru 2011, L. M. Piscaretta Ricardo talab u ingħata leave mingħajr ħlas għal perijodu ta’ sentejn. F’Lulju 2013, fuq it-talba tal-persuna kkonċernata, dan il-leave ġie mġedded għal perijodu ekwivalenti.

    19

    F’Ottubru 2014, il-muniċipalità ta’ Portimão ddeċieda li jxolji lil Portimão Urbis, li huwa kien l-uniku azzjonist tagħha. Parti mill-attivitajiet ta’ din l-impriża ġiet ittrasferita mill-ġdid lill-muniċipalità ta’ Portimão, jiġifieri l-ġestjoni tas-sistema ta’ trasport, il-ġestjoni tal-apparat tal-iżvilupp ekonomiku, bħas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, iċ-ċentru tal-fieri u tal-wirjiet u l-pavaljun għal skopijiet varji, il-ġestjoni tal-bejgħ itineranti kif ukoll dik tas-swieq u l-fieri tradizzjonali.

    20

    Il-parti l-oħra tal-attivitajiet ta’ Portimão Urbis ġiet esternalizzata lil Emarp, li l-muniċipalità ta’ Portimão kien ukoll l-uniku azzjonist tagħha, jiġifieri, minn naħa, il-ġestjoni tal-ispazju pubbliku, li tinkludi l-attività ta’ reklamar relatata magħha, l-okkupazzjoni tat-toroq pubbliċi u l-parkeġġ pubbliku urban fil-miftuħ u taħt l-art, u min-naħa l-oħra, il-ġestjoni tal-apparat kollettiv u l-provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-edukazzjoni, l-azzjoni soċjali, il-kultura u l-isport, jiġifieri t-tmexxija tat-teatru muniċipali ta’ Portimão, tar-razzett edukattiv, tad-dar Manuel Teixeira Gomes u taċ-ċentri komunitarji.

    21

    Konformement ma’ dawn id-deċiżjonijiet, parti mill-ħaddiema ta’ Portimão Urbis kienet is-suġġett ta’ “ftehim ta’ trasferiment ta’ interess pubbliku” u, għalhekk, ġew direttament impjegati mill-ġdid mill-muniċipalità ta’ Portimão. Fir-rigward tal-parti l-oħra tal-ħaddiema, din kienet is-suġġett ta’ “trasferiment ta’ pożizzjoni kuntrattwali” u ġew impjegati minn Emarp.

    22

    Peress li, madankollu, L. M. Piscaretta Ricardo ma ttieħed inkunsiderazzjoni la mill-pjan ta’ internalizzazzjoni u lanqas mill-pjan ta’ esternalizzazzjoni, imsemmija fil-punt preċedenti, huwa ġie informat li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kien ġie tterminat wara t-trasferiment ta’ attività definittiva ta’ Portimão Urbis.

    23

    L. M. Piscaretta Ricardo, għaldaqstant, ressaq kawża quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex it-tkeċċija tiegħu tiġi ddikjarata illegali, billi jsostni li kien seħħ trasferiment ta’ negozju ta’ Portimão Urbis lill-muniċipalità ta’ Portimão u lil Emarp.

    24

    Portimão Urbis, Emarp u l-muniċipalità ta’ Portimão jikkontestaw dan l-argument. Huma jsostnu li, peress li L. M. Piscaretta Ricardo kien jinsab f’pożizzjoni ta’ leave mingħajr ħlas, jiġifieri huwa ma kienx effettivament jeżerċita funzjonijiet, il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ma seta’ jiġi ttrasferit la lil wieħed u lanqas lill-ieħor mill-persuni li lilhom sar trasferiment. Huma jsostnu wkoll li ma seħħ l-ebda trasferiment ta’ negozju, peress li Portimão Urbis kienet ġiet xolta skont liġi u għalhekk kienet waqfet twettaq l-attività tagħha.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li, fil-kawża prinċipali, jeżistu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li ħaddiem li ma jkunx effettivament jeżerċita funzjonijiet, pereżempju minħabba s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, jistax jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “impjegat [ħaddiem]” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2001/23. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk id-drittijiet u l-obbligi ta’ Portimão Urbis, li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol eżistenti mar-rikorrent, għandhomx jew le jitqiesu bħala li ġew ittrasferiti lill-muniċipalità ta’ Portimão u lil Emarp, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

    26

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa dubjuż jekk l-Artikolu 62(5)(6) u (11) tar-RJAEL jistax jitqies, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fih, bħala li huwa konformi mal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2001/23.

    27

    Konsegwentement, it-Tribunal Judicial da Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro) ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 1 […](1)(b) […] tad-Direttiva […] 2001/23 […] huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha impriża muniċipali (li l-uniku azzjonist tagħha huwa l-muniċipalità) tiġi llikwidata (fuq deċiżjoni tal-organu eżekuttiv tal-muniċipalità), fejn l-attivitajiet tagħha jiġu ttrasferiti parzjalment lill-muniċipalità u parzjalment lil impriża muniċipali oħra (li l-għanijiet tagħha ġew emendati f’dan is-sens – u li hija wkoll kollha kemm hija miżmuma mill-muniċipalità), jiġifieri, f’dawn iċ-ċirkustanzi jista’ jitqies li seħħ trasferiment ta’ negozju, fis-sens tal-imsemmija direttiva?

    2)

    Ħaddiem li ma jinsabx f’sitwazzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ funzjonijiet (b’mod speċifiku, minħabba li l-kuntratt tax-xogħol tiegħu jinsab sospiż) jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘ħaddiem’ fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2001/23 […] u, konsegwentement, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt tax-xogħol għandhom jitqiesu li ġew ittrasferiti lill-persuna li lilha jsir trasferiment, konformement ma’ kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23[…]?

    3)

    Il-provvista ta’ restrizzjonijiet għat-trasferiment ta’ ħaddiema, b’mod speċifiku skont it-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol jew tul ta’ żmien tiegħu, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ negozju, b’mod partikolari tat-tip previst fl-Artikolu 62(5), (6) u 11 tar-RJAEL hija ammissibbli fis-sens li għandha titqies konformi mad-dritt tal-Unjoni?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    28

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn impriża muniċipali, li l-uniku azzjonist tagħha huwa muniċipalità, li ġiet xolta b’deċiżjoni tal-organu eżekuttiv ta’ dan il-muniċipalità, u li l-attivitajiet tagħha jiġu ttrasferiti parzjalment lill-imsemmi muniċipalità, sabiex jiġu eżerċitati direttament minnu, u parzjalment lil impriża muniċipali oħra rrikostitwita għal dan il-għan, li dan l-istess muniċipalità huwa wkoll l-uniku azzjonist, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

    29

    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1)(ċ) tagħha, id-Direttiva 2001/23 tapplika għall-impriżi pubbliċi u privati li jeżerċitaw attività ekonomika, kemm jekk dawn l-impriżi jaħdmu bi skop ta’ lukru kif ukoll jekk le. Għall-kuntrarju, skont din l-istess dispożizzjoni, riorganizzazzjoni amministrattiva tal-awtoritajiet pubbliċi amministrattivi jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn awtoritajiet pubbliċi amministrattivi ma jikkostitwixxux trasferiment fis-sens ta’ din id-direttiva.

    30

    F’dan il-każ, l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkonsistiet fit-trasferiment tal-attivitajiet ta’ impriża muniċipali, parzjalment, għal muniċipalità u, parzjalment, għal impriża oħra muniċipali.

    31

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-fatt li, fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni, il-persuna li wettqet it-trasferiment kienet impriża muniċipali u l-persuni li lilhom sar it-trasferiment kienu muniċipalità u impriża muniċipali oħra ma jipprekludix, waħdu, li d-Direttiva 2001/23 tkun tapplika għall-imsemmija operazzjoni.

    32

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà iddeċidiet li l-fatt li l-persuna li twettaq trasferiment tkun persuna ġuridika tad-dritt pubbliku ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23, kemm jekk din il-persuna ġuridika tkun impriża pubblika responsabbli għal servizz pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punti 2526) kemm jekk tkun Komun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, EU:C:2011:24, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Sussegwentement, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta li, sabiex din tkun tapplika, it-trasferiment għandu jirrigwarda entità li teżerċita attività ekonomika, kemm jekk tkun bi skop ta’ lukru kif ukoll jekk le.

    34

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-kunċett ta’ “attività ekonomika” jinkludi kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari. Bħala prinċipju huma esklużi mill-kwalifika ta’ attività ekonomika, l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika, peress li s-servizzi li huma żgurati fl-interess pubbliku u mingħajr skop ta’ lukru u li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawk proposti minn operaturi bi skop ta’ lukru jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “attivitajiet ekonomiċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C-108/10, EU:C:2011:542, punti 4344 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan il-każ, l-attivitajiet varji mwettqa minn Portimão Urbis u li ser jitwettqu mill-muniċipalità ta’ Portimão kif ukoll minn Emarp, kif deskritti fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, ma jidhrux li jwettqu prerogattivi ta’ setgħa pubblika, b’tali mod li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala attivitajiet ekonomiċi, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23.

    36

    Barra minn hekk, skont it-termini tal-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva, dawn tal-aħħar għandhom japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

    37

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-portata ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi evalwata abbażi biss ta’ interpretazzjoni testwali. Minħabba differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2001/23 kif ukoll diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq il-kunċett ta’ trasferiment legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni biżżejjed flessibbli ta’ dan il-kunċett sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva li huwa, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, li jipproteġi lill-impjegati f’każ li tinbidel il-persuna li timpjega tal-impriża (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, EU:C:2011:24, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li t-trasferiment jirriżulta minn deċiżjonijiet unilaterali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u mhux minn qbil tal-intenzjonijiet ma jeskludix l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP, C-151/09, EU:C:2010:452, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Minn dan isegwi li l-fatt li trasferiment, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta mix-xoljiment ta’ impriża muniċipali abbażi ta’ deċiżjoni tal-organu eżekuttiv tal-muniċipalità kkonċernat ma jidhirx li jostakola, fih innifsu, l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23, peress li tali operazzjoni tippreżupponi bdil tal-persuna li timpjega tal-impriża.

    40

    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, sabiex din tkun tapplika, it-trasferiment għandu jirrigwarda lil entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha wara li tkun ittieħdet lura mill-persuna li timpjega l-ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et.C-458/12, EU:C:2014:124, punt 30).

    41

    F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju kkonċernat, it-trasferiment jew le ta’ assi tanġibbli, bħalma huma l-bini jew proprjetà, il-valur tal-elementi intanġibbli fil-mument tat-trasferiment, it-teħid lura jew le tal-parti l-kbira tal-impjegati mill-persuna li timpjega l-ġdida, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment u t-tul ta’ żmien ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn tal-aħħar. Huwa paċifiku li dawn l-elementi jikkostitwixxu biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir u għalhekk ma jistgħux, għalhekk, jiġu evalwati b’mod iżolat (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punt 32).

    42

    Minn dan jirriżulta li l-importanza rispettiva li għandha tingħata lil dawn il-kriterji differenti tvarja neċessarjament skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati fl-impriża, fin-negozju jew f’parti min-negozju inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punti 3334 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li s-sempliċi teħid lura, minn entità ekonomika, tal-attività ekonomika ta’ entità oħra ma twassalx għall-konklużjoni taż-żamma tal-identità ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, l-identità ta’ tali entità ma tistax tiġi ridotta għall-attività li hija twettaq. Din tirriżulta minn pluralità inseparabbli ta’ elementi bħall-persunal li jikkomponiha, il-persunal ta’ sorveljanza tagħha, l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħha, il-metodi ta’ operat tagħha jew anki, fejn xieraq, ir-riżorsi operazzjonali disponibbli għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, EU:C:2011:24, punt 41).

    44

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, barra minn hekk, li hija ż-żamma mhux tal-organizzazzjoni speċifika imposta mill-imprenditur għad-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti, iżda tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplementarjetà bejn dawn il-fatturi li tikkostitwixxi l-element rilevanti sabiex jiġi konkluż li tkun inżammet l-identità tal-entità ttrasferita. Iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id-diversi fatturi ttrasferiti tippermetti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment juża lil dawn tal-aħħar, anki jekk dawn ikunu integrati, wara t-trasferiment, fi struttura organizzattiva ġdida differenti, sabiex ikompli attività ekonomika identika jew analoga (sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg, C-466/07, EU:C:2009:85, punti 46 sa 48, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et., C-160/14, EU:C:2015:565, punti 3334). Minn dan jirriżulta li l-fatt li entità ekonomika tiġi xolta u l-attivitajiet tagħha jiġu ttrasferiti lil żewġ entitajiet oħra ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ostakolu għall-applikabbiltà tad-Direttiva 2001/23.

    45

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi mfakkra fil-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-identità tal-entità ttrasferita ġietx miżmuma.

    46

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn impriża muniċipali, li l-uniku azzjonist tagħha huwa muniċipalità, ġiet xolta b’deċiżjoni tal-organu eżekuttiv ta’ dan il-muniċipalità, u li l-attivitajiet tagħha jiġu ttrasferiti parzjalment lill-imsemmi muniċipalità, sabiex jiġu eżerċitati direttament minnu, u parzjalment lil impriża muniċipali oħra rrikostitwita għal dan il-għan, li dan l-istess muniċipalità huwa wkoll l-uniku azzjonist, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, sakemm l-identità tal-impriża inkwistjoni tinżamm wara t-trasferiment, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi.

    Fuq it-tieni domanda

    47

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk persuna, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li, minħabba s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, ma teżerċitax effettivament il-funzjonijiet tagħha, taqax taħt il-kunċett ta’ “impjegat [ħaddiem]”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2001/23 u jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt għandhomx jitqiesu li ġew ittrasferiti lill-persuna li lilha jsir trasferiment, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

    48

    Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li skont l-Artikolu 2(1)(d) tal-imsemmija direttiva, l-“impjegat [ħaddiem]” huwa deskritt bħala “kull persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-impjieg.”

    49

    Sussegwentement, kif jirriżulta mit-termini stess tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, il-protezzjoni li din id-direttiva hija intiża sabiex tiżgura tikkonċerna biss il-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol li tkun teżisti fid-data tat-trasferiment (digriet tal-15 ta’ Settembru 2010, Briot, C-386/09, EU:C:2010:526, punt 27).

    50

    Barra minn hekk, fir-rigward tad-Direttiva 77/187, li ġiet sussegwentement ikkodifikata mid-Direttiva 2001/23, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, ħlief għal dispożizzjoni kuntrarja speċifika, peress li l-benefiċċju ta’ din id-direttiva jista’ jiġi invokat biss mill-ħaddiema li l-kuntratt tagħhom jew ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tkun għadha fis-seħħ fid-data tat-trasferiment, l-eżistenza jew le ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol f’din id-data għandha tiġi evalwata skont id-dritt nazzjonali, sakemm, madankollu, jiġu osservati r-regoli obbligatorji tal-imsemmija Direttiva 77/187 dwar il-protezzjoni tal-impjegati kontra t-tkeċċija minħabba t-trasferiment (digriet tal-15 ta’ Settembru 2010, Briot, C-386/09, EU:C:2010:526, punt 28).

    51

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li filwaqt li, fid-data ta’ xoljiment ta’ Portimão Urbis, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien marbut magħha b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, f’din l-istess data, huwa ma kienx effettivament jeżerċita il-funzjonijiet tiegħu, minħabba l-fatt li huwa kien jibbenefika minn leave mingħajr ħlas u minħabba li dan il-leave kellu bħala effett, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwassal għas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

    52

    Issa, il-qorti tar-rinviju speċifikat li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi li, tul is-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, id-drittijiet, l-obbligi u l-garanziji tal-partijiet li ma humiex obbligati li effettivament jaħdmu għandhom jinżammu. Għalhekk, jidher li l-imsemmija leġiżlazzjoni tipproteġi, bħala ħaddiem, lil persuna, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ma teżerċitax effettivament il-funzjonijiet tagħha minħabba s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    53

    Konsegwentement, bla ħsara għal din il-verifika, jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi ta’ tali persuna, li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tagħha, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, għandhom jiġu ttrasferiti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment minħabba l-fatt tat-trasferiment ta’ impriża.

    54

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li persuna, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li, minħabba s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, ma teżerċitax effettivament il-funzjonijiet tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “impjegat [ħaddiem]”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2001/23, sa fejn din tidher li tkun protetta bħala ħaddiem mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Bla ħsara għal din il-verifika, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tagħha għandhom jitqiesu bħala ttrasferiti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

    Fuq it-tielet domanda

    55

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/23 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest tat-trasferiment ta’ impriża lokali, tissuġġetta ż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema għal ċerti restrizzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tat-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol jew it-tul tiegħu.

    56

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentarju u fattwali li huwa l-kompitu tagħha li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Sommer Antriebs- und Funktechnik, C-369/14, EU:C:2015:491, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li t-trasferiment tal-ħaddiema ta’ impriża lokali huwa suġġett, b’mod partikolari, għall-eżistenza minn qabel ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, konkluż mill-inqas sena qabel id-data tad-deliberazzjoni li takkumpanja x-xoljiment ta’ din l-impriża.

    58

    Madankollu, kif tfakkar fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, fid-data ta’ waqfien tal-attività ta’ Portimão Urbis, L. M. Piscarreta Ricardo kellu kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat konkluż diversi snin qabel din id-data.

    59

    Issa, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li qorti nazzjonali tista’, fi kwalunkwe ħin, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni, jekk hija tqis li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt hija meħtieġa sabiex hija tagħti s-sentenza tagħha.

    60

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li, f’dan il-kuntest, risposta għad-domanda magħmula hija meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiemha. B’mod partikolari, hija ma spjegatx għalfejn ir-restrizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif speċifikati fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ L. M. Piscarreta Ricardo.

    61

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet domanda preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    62

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn impriża muniċipali, li l-uniku azzjonist tagħha huwa muniċipalità, ġiet xolta b’deċiżjoni tal-organu eżekuttiv ta’ dan il-muniċipalità, u li l-attivitajiet tagħha jiġu ttrasferiti parzjalment lill-imsemmi muniċipalità, sabiex jiġu eżerċitati direttament minnu, u parzjalment lil impriża muniċipali oħra rrikostitwita għal dan il-għan, li dan l-istess muniċipalità huwa wkoll l-uniku azzjonist, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, sakemm l-identità tal-impriża inkwistjoni tinżamm wara t-trasferiment, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi.

     

    2)

    Persuna, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li, minħabba s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, ma teżerċitax effettivament il-funzjonijiet tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “impjegat [ħaddiem]”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2001/23, sa fejn din tidher li tkun protetta bħala ħaddiem mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Bla ħsara għal din il-verifika, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tagħha għandhom jitqiesu bħala ttrasferiti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

     

    3)

    It-tielet domanda magħmula mit-Tribunal Judicial da Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro, il-Portugall) hija inammissibbli.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Top