Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0363

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Jannar 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Artikolu 108(2) TFUE – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikolu 14(3) – Kumpannija benefiċjarja ddikjarata falluta – Proċeduri ta’ insolvenza – Reġistrazzjoni tad-djun fl-iskeda tal-kredituri – Waqfien tal-attivitajiet – Sospensjoni tal-proċeduri ta’ falliment għall-finijiet ta’ eżami tal-possibbiltà li l-attivitajiet jinbdew mill-ġdid – Obbligu ta’ informazzjoni – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni.
Kawża C-363/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:12

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Jannar 2018 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Artikolu 108(2) TFUE – Regolament Nru (CE) 659/1999 – Artikolu 14(3) – Kumpannija benefiċjarja ddikjarata falluta – Proċeduri ta’ insolvenza – Reġistrazzjoni tad-djun fl-iskeda tal-kredituri – Waqfien tal-attivitajiet – Sospensjoni tal-proċeduri ta’ falliment għall-finijiet ta’ eżami tal-possibbiltà li l-attivitajiet jinbdew mill-ġdid – Obbligu ta’ informazzjoni – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C‑363/16,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 108(2) TFUE, ippreżentat fit-30 ta’ Ġunju 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u B. Stromsky, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn K. Boskovits u V. Karra, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħaditx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/541/UE tat-22 ta’ Frar 2012 dwar għajnuna mill-Istat SA.26534 (C 27/10 ex NN 6/09) mogħtija mill-Greċja lill-United Textiles SA (ĠU 2012, L 279, p. 30), u, f’kull każ, billi ma informatx b’mod suffiċjenti, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li hija ħadet, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 sa 4 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll taħt it-Trattat FUE.

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), tħassar mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9). Madankollu, fid-dawl ta’ meta seħħew il-fatti, ir-Regolament Nru 659/1999 jibqa’ applikabbli għal din it-tilwima.

3

Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 659/1999 kienet tgħid li:

“Billi f’każijiet ta’ għajnuna llegali li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; billi l-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri m'għandhomx, billi jipprevjenu l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi l-qawmien mill-ġdid tal-kompetizzjoni effettiva; billi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni”.

4

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 kien jistabbilixxi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] skond l-Artikolu [278 TFUE], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-[Unjoni].”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

5

United Textiles SA hija kumpannija tat-tessuti Griega li l-attività tagħha hija l-produzzjoni ta’ ħwejjeġ, ta’ fibri u ta’ drapp. Is-sitwazzjoni ta’ din il-kumpannija ddeterjorat mill-inqas mill-2004, bi tnaqqis progressiv fil-bejgħ. L-impjanti tagħha waqfu joperaw mill-2008, minħabba nuqqas ta’ kapital operattiv. Minn dak iż-żmien ’l hawn, kważi s-self bankarju kollu tagħha sar dovut. F’Marzu 2009, il-produzzjoni kważi waqfet għal kollox.

6

Fl-2007, ir-Repubblika Ellenika tat lill-United Textiles garanzija għar-rifinanzjament ta’ self bankarju eżistenti u għall-għoti ta’ self ġdid (iktar ’il quddiem l-“għajnuna mill-Istat tal-2007”). Fl-2009, ir-Repubblika Ellenika wettqet skedar mill-ġdid tad-djun dovuti ta’ United Textiles fir-rigward tas-sigurtà soċjali għall-perijodu mill-2004 sal-2009 (iktar ’il quddiem l-“għajnuna mill-Istat tal-2009”).

7

Fil-22 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2012/541, innotifikata lir-Repubblika Ellenika fit-23 ta’ Frar 2012 u li l-Artikoli 1 sa 4 tagħha huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 1

1.   L-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Greċja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, favur [United Textiles S.A.], fil-forma ta’ garanzija Statali mogħtija fl-2007 u ta’ skedar mill-ġdid li sar fl-2009 ta’ obbligi [djun] mhux imħalsin lill-assigurazzjoni soċjali, hija inkumpatibbli mas-suq intern.

[...]

Artikolu 2

1.   Il-Greċja se [għandha] tirkupra mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1).

[...]

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1) ikun immedjat u effettiv.

2.   Il-Greċja [għandha] tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja [għandha] tissottometti t-tagħrif li ġej lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħax fuq l-irkupru) li għandhom jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u ta’ dawk li jkunu ppjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju jkun ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Greċja [għandha] żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna stipulata fl-Artikolu 1(1) ikun tlesta. Hija [għandha] tissottometti minnufih, jekk issir talba mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk li jkunu ppjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. [Hija għandha] [t]ipprovdi ukoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u ta’ mgħaxijiet fuq l-irkupru li jkunu diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarju.”

8

Fil-21 ta’ Ġunju 2012, l-awtoritajiet Elleniċi kompetenti ċċertifikaw dejn ta’ EUR 19 181 729.10 inkluż l-ammont tal-għajnuna mill-Istat tal-2007. Fid-29 ta’ Awwissu 2012, dawn l-awtoritajiet iċċertifikaw dejn supplimentari ta’ EUR 15 827 427.78 inkluż l-ammont tal-għajnuna mill-Istat tal-2009.

9

F’dan il-kuntest u wara talbiet għal informazzjoni, l-awtoritajiet Elleniċi informaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2012, li United Textiles kienet ġiet uffiċjalment iddikjarata falluta fid-19 ta’ Lulju 2012.

10

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment, it-terminu mogħti għall-finijiet tan-notifika tad-dejn beda jiddekorri fit-30 ta’ Lulju 2012.

11

Ir-Repubblika Ellenika pproċediet għan-notifiki tad-djun li jirrigwardaw u li jinkludu l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati abbażi tal-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2012/541.

12

Id-djun ġew innotifikati lir-Reġistru tal-Qorti tal-Fallimenti fit-3 ta’ Awwissu 2012 għall-għajnuna mill-Istat tal-2007 u fl-14 ta’ Settembru 2012 għall-għajnuna mill-Istat tal-2009. L-aħħar notifika saret fis-7 ta’ Frar 2013.

13

Fl-2013, inbdiet proċedura ta’ bejgħ b’irkant pubbliku tal-assi ta’ United Textiles.

14

Permezz ta’ messaġġi elettroniċi tas-7 u tas-17 ta’ Diċembru 2015, l-amministratur tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ United Textiles informa lill-Kummissjoni dwar tentattivi tal-Gvern Elleniku sabiex din l-impriża tibda’ topera mill-ġdid.

15

L-imsemmija istituzzjoni talbet lill-awtoritajiet Elleniċi, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 2015, sabiex jiċċaraw jekk effettivament kinux jeżistu proġetti sabiex United Textiles tibda’ topera mill-ġdid.

16

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2016, dawn l-awtoritajiet indikaw lill-Kummissjoni li huma kienu ddeċidew, permezz ta’ att ta’ kontenut leġiżlattiv tat-30 ta’ Diċembru 2015 (iktar’ il quddiem l-“AKL”), li jissospendu, għal perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-att fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika, il-proċedura ta’ bejgħ b’irkant pubbliku tal-assi ta’ United Textiles, sabiex tiġi eżaminata iktar fil-fond il-possibbiltà li titkompla l-attività ta’ din l-impriża fil-kuntest usa’ tal-politika ta’ stimolu tal-industrija Ellenika u ta’ sigurtà tal-impjiegi. L-imsemmija awtoritajiet indikaw ukoll li huma kellhom l-intenzjoni li, fi kwalunkwe każ, jittieħed inkunsiderazzjoni l-avviż tal-Kummissjoni intitolat “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli [mas-suq komuni u] li ngħatat kontra l-liġi” (ĠU 2007, C 272, p. 4).

17

F’laqgħa f’Ateni (il-Greċja), fil-11 ta’ Frar 2016, u permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2016, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Elleniċi sabiex jipproċedu immedjatament għall-irkupru sħiħ tal-għajnuna jew li jkomplu l-proċedura ta’ falliment ta’ United Textiles.

18

Permezz ta’ ittra tat-11 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Elleniċi infurmaw lill-Kummissjoni li l-pjan ta’ bidu mill-ġdid tal-operat eżaminat mir-Repubblika Ellenika jinkludi irkupru totali u immedjat tal-għajnuna mill-Istat mogħtija, flimkien mal-interessi, qabel it-tkomplija eventwali tal-attività ta’ United Textiles. Permezz ta’ din l-ittra, huma talbu terminu ta’ 30 jum ta’ xogħol sabiex jikkonkludu l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-imsemmi pjan.

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

20

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ ilmenti, ibbażati fuq il-ksur, rispettivament, tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 2012/541 kif ukoll tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni.

21

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li r-Repubblika Ellenika ma ħaditx, fit-terminu previst, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna inkompatibbli u, fit-tieni lok, li dan l-Istat ma informahiex b’mod suffiċjenti dwar il-miżuri meħuda skont l-imsemmija deċiżjoni.

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna inkompatibbli

L-argumenti tal-partijiet

22

Il-Kummissjoni tqis li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2012/541, jiġifieri fil-25 ta’ Ġunju 2012, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx żgurat l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Din l-istituzzjoni tosserva li hija ma kinitx estendiet it-terminu ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

23

Il-Kummissjoni tqis li, sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ rkupru ta’ għajnuna inkompatibbli, Stat Membru jista’ jirkupra mingħand l-impriża benefiċjarja l-ammont kollu ta’ din l-għajnuna, flimkien mal-interessi, jew, fin-nuqqas ta’ dan, jikseb id-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ din l-impriża mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet finanzjarji tal-imsemmija impriża u, fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment, jinkludi fl-iskeda tal-passiv dik dwar l-imsemmija għajnuna. F’din l-aħħar ipoteżi, l-istralċ tal-impriża inkwistjoni għandu jkun akkumpanjat minn waqfien definittiv tal-attività tagħha.

24

Skont il-Kummissjoni huwa evidenti li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx ssodisfat dawn l-obbligi.

25

Għal dak li jirrigwarda l-waqfien definittiv tal-attività tal-impriża benefiċjarja, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tiġi ggarantita l-eliminazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv, din l-impriża għandha tieqaf teżisti mill-mument fejn hija tinsab fl-impossibbiltà assoluta li tħallas lura l-għajnuna li rċeviet. F’din l-ipoteżi, l-imsemmija impriża tintrabat fi proċess irriversibbli li jwassal għat-tmiem tal-eżistenza tagħha u li ma jistax jitwaqqaf, anki temporanjament, għar-raġuni li l-Istat Membru jkun jixtieq jeżamina l-possibbiltà ta’ rkupru totali u ta’ tkomplija tal-attività tal-impriża benefiċjarja.

26

F’dan il-każ, l-awtoritajiet Elleniċi li, skont l-Artikolu 17 tal-AKL, issospendew il-proċedura ta’ falliment fil-fażi tal-bejgħ b’irkant pubbliku tal-assi ta’ United Textiles sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ tkomplija tal-attività ta’ din l-impriża, ma ssodisfawx il-kundizzjoni ta’ waqfien definittiv tal-attività tal-imsemmija impriża. Fil-fatt, dawn l-awtoritajiet issospendew effettivament il-proċedura ta’ falliment sabiex jitwettaq eżami ipotetiku tal-possibbiltà ta’ tkomplija tal-attività ta’ United Textiles. Huma għalhekk invertew il-proċess li jwassal għat-tmiem tal-eżistenza ta’ din il-kumpannija.

27

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li ċ-ċirkustanza li impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat ikunu f’diffikultà jew f’falliment ma jaffettwax l-obbligu ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna.

28

Hija tosserva, barra minn hekk, li l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi fl-iskeda tal-passiv jiġi rreġistrat id-dejn relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata.

29

Dan l-Istat Membru josserva, minn naħa, li huwa abbażi tad-Deċiżjoni 2012/541 li United Textiles kienet, fid-19 ta’ Lulju 2012, ġiet iddikjarata falluta u li, minħabba f’hekk, hija ma teżerċita ebda attività fis-suq, b’tali mod li ma teżisti l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Elleniċi kienu żammew kuntatt kontinwu mas-servizzi tal-Kummissjoni sabiex tingħata l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-proċedura ta’ falliment u, b’mod partikolari, dwar ir-reġistrazzjoni fl-iskeda tal-passiv tad-dejn relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna illegali, dwar il-klassifikazzjoni tad-djun f’din l-iskeda u dwar il-waqfien tal-attività ta’ United Textiles. Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija ħadet il-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna mogħtija illegalment lil United Textiles matul il-proċedura ta’ falliment tagħha.

30

Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li din il-proċedura ta’ falliment għandha tkun irriversibbli u twassal għall-waqfien definittiv tal-attività tal-impriża li bbenefikat mill-għajnuna illegali, ir-Repubblika Ellenika tosserva li la l-ġurisprudenza u lanqas il-prassi tal-Kummissjoni ma jimponu li l-falliment ta’ impriża jirriżulta fi proċess irriversibbli li jwassal għat-tmiem tal-eżistenza tagħha. L-għan u l-loġika tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat huma l-eliminazzjoni tal-vantaġġi kompetittivi miksuba minn impriża bis-saħħa tal-għajnuna, u mhux it-tmiem definittiv tal-eżistenza ta’ din l-impriża.

31

Minn dan jirriżulta, skont ir-Repubblika Ellenika, li, meta, matul il-proċedura ta’ falliment, tkun ingħatat prova li l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna waqfet l-attivitajiet tagħha, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni tkun intemmet, peress li l-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna mill-Istat ikun tħassar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jeskludi li pjan ta’ tkomplija sostenibbli tal-attivitajiet ta’ din l-impriża, li jipprevedi l-irkupru sħiħ tal-għajnuna kkonċernata qabel ma jitkomplew l-attivitajiet, jista’ jiġi ppreżentat fil-laqgħa tal-kredituri.

32

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika tiddeduċi mill-avviż tal-Kummissjoni ċċitat fil-punt 16 ta’ din is-sentenza u li l-punt 67 tiegħu jsemmi espressament il-possibbiltà li jiġi propost pjan ta’ kontinwazzjoni tal-attivitajiet, li l-ftuħ u t-tkomplija tal-proċedura ta’ falliment ma jipprekludux, f’ċerti każijiet, it-tkomplija tal-attività tal-impriża, sakemm l-għajnuna mogħtija tiġi effettivament irkuprata.

33

Għaldaqstant, is-sospensjoni għal sitt xhur, skont l-Artikolu 17 tal-AKL, tal-proċedura ta’ bejgħ b’irkant pubbliku tal-assi ta’ din il-kumpannija, tista’ titqies bħala miżura raġonevoli u limitata rationae temporis.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern huwa obbligat, skont l-Artikolu 288 TFUE, li jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dan għandu jwassal għall-irkupru effettiv tas-somom dovuti sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-vantaġġ kompetittiv mogħti minn din l-għajnuna (sentenza tat-24 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑529/09, EU:C:2013:31, punt 91).

35

Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri fid-dawl tal-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-irkupru ta’ għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm dawn tal-aħħar jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha previsti mis-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom, inklużi l-miżuri provviżorji, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑527/12, EU:C:2014:2193, punt 38).

36

Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment għandha tiġi rkuprata minn impriżi benefiċjarji f’diffikultà jew fi stat ta’ falliment, għandu jitfakkar li tali diffikultajiet ma jaffettwawx l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 71). Għalhekk, l-Istat Membru huwa obbligat, skont il-każ, jikseb l-istralċ tal-kumpannija, jirreġistra d-dejn tiegħu fil-passiv tagħha jew jieħu kull miżura oħra li tippermetti l-ħlas lura tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑280/05, mhux ippubblikata, EU:C:2007:753, punt 28).

37

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn din l-għajnuna jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi fl-iskeda tal-passiv jiġi rreġistrat id-dejn relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata (sentenza tat-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Madankollu, għandu jiġi osservat li tali reġistrazzjoni tippermetti li jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ rkupru biss jekk, fil-każ li l-awtoritajiet statali ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ammont kollu tal-għajnuna, il-proċedura ta’ falliment twassal għall-istralċ tal-impriża, jiġifieri l-waqfien definittiv tal-attività tagħha, li l-awtoritajiet statali jistgħu jikkawżaw fil-kapaċità tagħhom bħala azzjonisti jew kredituri (sentenza tas-13 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑454/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:650, punt 36).

39

Minn dan jirriżulta li l-waqfien definittiv tal-attivitajiet tal-impriża benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat huwa meħtieġ biss fil-każ fejn l-irkupru tal-ammont sħiħ tal-għajnuna jibqa’ impossibbli matul il-proċedura ta’ falliment.

40

Għal dak li jirrigwarda l-aspetti ratione temporis tal-irkupru tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern, minn naħa, għandu jitfakkar li rkupru tardiv, jiġifieri wara t-termini stabbiliti, ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti tat-Trattat (sentenza tas-12 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑411/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:832, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat, kif għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, li jidher improbabbli li d-diversi stadji ta’ proċedura ta’ falliment, mill-petizzjoni inizjali għal falliment sad-dikjarazzjoni ta’ falliment u r-reġistrazzjoni fl-iskeda tal-passiv sal-istralċ tal-benefiċjarju u l-irkupru sħiħ tal-għajnuna kkonċernata jew, skont il-każ, il-waqfien definittiv tal-attivitajiet tal-imsemmi benefiċjarju, iseħħu, normalment, fit-terminu ta’ erba’ xhur stabbilit normalment mill-Kummissjoni sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna illegali.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-reġistrazzjoni fl-iskeda tal-passiv tad-dejn relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata għandha titqies li hija, bħala prinċipju, miżura xierqa li tista’ tiżgura l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, sakemm tali miżura hija segwita mill-irkupru tal-ammont sħiħ tal-imsemmija għajnuna jew mill-istralċ tal-impriża u mill-waqfien definittiv tal-attivitajiet tagħha, jekk tali rkupru jibqa’ impossibbli matul il-proċedura ta’ falliment.

43

Sabiex tali miżura tkun effettiva b’mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżit għal eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, hija għandha, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha, isseħħ fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑331/09, EU:C:2011:250, punti 60 sa 65; tat-13 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑454/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:650, punti 38 sa 42, u tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punti 73 sa 75).

44

Għalhekk, sabiex tkun tista’ tiġi evalwata, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ ksur taħt l-Artikolu 108(2) TFUE, għandu tiġi ddeterminata d-data li fiha r-Repubblika Ellenika kellha tirreġistra d-djun relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-data ta’ riferiment għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE hija dik prevista fid-deċiżjoni li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha jkun qiegħed jiġi kkontestat jew, jekk ikun il-każ, dik li l-Kummissjoni tkun iffissat suċċessivament (sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑37/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:90, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Issa, fejn, f’każ partikolari, iċ-ċirkustanzi jew ir-raġunijiet relatati mal-proċeduri interni jipprekludu l-Istat Membru milli jirreġistra fl-iskeda tal-passiv id-dejn relatat mal-għajnuna kkonċernata fit-terminu previst, dan l-Istat għandu, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jissottometti dawn il-problemi għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni billi jipproponi emendi xierqa għad-deċiżjoni inkwistjoni. L-imsemmi Stat u l-Kummissjoni għandhom, skont ir-regola li timponi fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali, li toħroġ, b’mod partikolari mill-Artikolu 4(3) TUE, jikkollaboraw b’bona fide sabiex jegħlbu d-diffikultajiet filwaqt li josservaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑37/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:90, punt 67).

47

Madankollu, sakemm l-Istat Membru ma jkunx talab estensjoni tat-terminu stabbilit permezz tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija illegalment, id-data ta’ riferiment għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE u, b’mod partikolari, għar-reġistrazzjoni fl-iskeda tal-passiv tad-dejn relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata tibqa’ dik prevista f’din id-deċiżjoni.

48

Għaldaqstant, jekk, fid-data prevista fid-deċiżjoni li tordna l-imsemmi rkupru jew, skont il-każ, fid-data stabbilita, sussegwentement, mill-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-miżuri kollha neċessarji li jippermettu li jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni u, b’mod partikolari, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mill-Istat kkonċernata, għandu jitqies, għall-finijiet tal-proċedura għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, li dan l-Istat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u li, għaldaqstant, kull miżura oħra li tittieħed wara t-terminu stabbilit ma tkunx rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk dan l-Istat Membru jkunx ħa l-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni fid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni stabbilit mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑378/98, EU:C:2001:370, punt 28).

49

F’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika kienet obbligata, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2012/541, tiżgura l-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna inkwistjoni. Dan l-Istat Membru kellu dan il-għan, skont l-Artikolu 3(2), terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

50

Peress li ma ngħatat l-ebda estensjoni ta’ dan it-terminu mill-Kummissjoni, id-data ta’ riferiment għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE hija dik prevista fid-deċiżjoni 2012/541.

51

Peress li l-imsemmija deċiżjoni ġiet innotifikata lir-Repubblika Ellenika fit-23 ta’ Frar 2012, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu li kien ġie stabbilit sabiex dan l-Istat Membru jirkupra l-għajnuna mogħtija illegalment kien jiskadi fil-25 ta’ Ġunju 2012, peress li s-23 ta’ Ġunju 2012 kien is-Sibt.

52

Madankollu, huwa minnu li kien biss fid-19 ta’ Lulju 2012 li United Textiles ġiet uffiċjalment iddikjarata falluta.

53

Barra minn hekk, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li t-terminu mogħti għall-finijiet tan-notifika tal-djun beda jiddekorri fit-30 ta’ Lulju 2012 u li l-awtoritajiet Elleniċi nnotifikaw id-djun lir-Reġistru tal-Qorti tal-Falliment fit-3 ta’ Awwissu 2012, għall-għajnuna mill-Istat tal-2007, u fl-14 ta’ Settembru 2012, għall-għajnuna mill-Istat tal-2009.

54

Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Ellenika waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-aħħar notifika seħħet fis-7 ta’ Frar 2013.

55

Għaldaqstant, peress li r-Repubblika Ellenika ma ħaditx, fit-termini preskritti, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2012/541, hemm lok li jintlaqa’ l-ewwel ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq nuqqas ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

56

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, f’kull każ, ir-Repubblika Ellenika ma informahiex b’mod suffiċjenti dwar il-miżuri meħuda għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2012/541. Qabelxejn, il-Kummissjoni tikkonstata li kien permezz tal-ittra tal-awtoritajiet Elleniċi tad-19 ta’ Jannar 2016 li hija kienet ġiet informata bis-sospensjoni tal-proċedura ta’ bejgħ b’irkant pubbliku tal-assi ta’ United Textiles. Sussegwentement, il-Kummissjoni tosserva li dan l-Istat Membru ma pprovda ebda informazzjoni tanġibbli li tgħid li United Textiles ma toperax fis-suq u li din il-kumpannija waqfet teżerċita kull attività wara Diċembru 2015. Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Elleniċi ma pprovdew, mill-ittra tagħhom tal-11 ta’ April 2016, ebda informazzjoni dwar United Textiles.

57

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija informat b’mod suffiċjenti lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2012/541.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/541 jimponi fuq ir-Repubblika Ellenika l-obbligu li tipprovdi ċerta informazzjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna f’terminu ta’ xahrejn mid-data ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni. Peress li l-imsemmija deċiżjoni ġiet innotifikata lir-Repubblika Ellenika fit-23 ta’ Frar 2012, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu li ngħata lilha sabiex tipprovdi din l-informazzjoni skada fit-23 ta’ April 2012.

59

L-Artikolu 4(2) tal-istess deċiżjoni jipprevedi l-obbligu għal dan l-Istat Membru, minn naħa, li jżomm lill-Kummissjoni regolarment informata bil-progress li jkun sar fir-rigward tal-miżuri meħuda għall-irkupru tal-għajnuna sakemm jitwettaq l-irkupru ta’ din l-għajnuna u, min-naħa l-oħra, li jittrażmetti informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u tal-interessi ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

60

Fir-rigward tal-obbligu previst fl-imsemmi Artikolu 4(1), għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma ssodisfax tali obbligu, peress li, kif jirriżulta mill-annessi tal-proċess, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx ikkomunikat mal-Kummissjoni qabel Mejju 2012. Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Ellenika waqt is-seduta jirriżulta li l-informazzjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna li kellha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni ma ġietx ipprovduta fit-terminu stabbilit f’dan l-Artikolu 4(1).

61

Fir-rigward tal-obbligu previst fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2012/541, għalkemm mill-annessi tal-proċess jirriżulta li kien hemm korrispondenza frekwenti bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika, minn Mejju 2012, dwar il-progress tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ United Textiles, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-Istat Membru ma informax debitament u minn qabel lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-AKL li permezz tiegħu l-bejgħ b’irkant pubbliku tal-assi il-United Textiles ġie sospiż. Kien biss wara l-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2015, li permezz tagħha hija talbet lir-Repubblika Ellenika sabiex tiċċara s-sitwazzjoni, li dan l-Istat Membru informa lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2016, li huwa kien issospenda l-imsemmi bejgħ b’irkant pubbliku għal perjodu ta’ sitt xhur sabiex jevalwa pjan sabiex United Textiles tibda’ topera mill-ġdid. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Elleniċi ma pprovdew, fl-ittra tagħhom tal-11 ta’ April 2016, ebda informazzjoni dwar United Textiles.

62

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li ġie stabbilit in-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li l-Kummissjoni tiġi informata dwar il-miżuri meħuda skont id-Deċiżjoni 2012/541.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma ħadiex, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2012/541 u billi ma informatx b’mod suffiċjenti lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda skont din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 sa 4 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll taħt it-Trattat FUE.

Fuq l-ispejjeż

64

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ħaditx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/541/UE tat-22 ta’ Frar 2012 dwar għajnuna mill-Istat SA.26534 (C 27/10 ex NN 6/09), mogħtija mill-Greċja lill-United Textiles SA, u billi ma informatx b’mod suffiċjenti lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda skont din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 sa 4 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll taħt it-Trattat FUE.

 

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top