EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0330

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-1 ta’ Ġunju 2017.
Piotr Zarski vs Andrzej Stadnicki.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Kuntratti ta’ kiri kummerċjali għal żmien indeterminat – Tardività ta’ ħlasijiet ta’ kera – Kuntratti ta’ kiri kummerċjali għal żmien indeterminat konklużi qabel l-iskadenza tal-perijodu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskluda lil dawn il-kuntratti mill-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-imsemmija direttiva.
Kawża C-330/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:418

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

1 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali — Direttiva 2011/7/UE — Kuntratti ta’ kiri kummerċjali għal żmien indeterminat — Tardività ta’ ħlasijiet ta’ kera — Kuntratti konklużi qabel l-iskadenza tal-perijodu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-imsemmija direttiva għal dawn il-kuntratti”

Fil-Kawża C-330/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (qorti distrettwali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

Piotr Zarski

vs

Andrzej Stadnicki,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, C. Vajda u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Piotr Zarski, minn B. Stankiewicz u Z. Korsak kif ukoll minn A. Ostrowska-Maciąg, radcy prawni,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u A. C. Becker kif ukoll minn J. Szczodrowski, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1), il-punt 1 tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 6, tal-Artikolu 8 u tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Piotr Zarski u Andrzej Stadnicki dwar il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru mogħtija minn P. Zarski sabiex jirkupra l-arretrati tal-kera mingħand A. Stadnicki.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2000/35/KE

3

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2000, L 200, p. 35) jipprevedi:

“Fit-transposizzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeskludu:

[…]

(b)

kuntratti li kienu ġew konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002 […]”

Id-Direttiva 2011/7

4

Il-premessa 12 tad-Direttiva 2011/7 tipprevedi:

“Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li kien finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri minn rati baxxi ta’ imgħax fuq ħlasijiet tard u/jew proċeduri bil-mod għar-rimedju. Jeħtieġ tibdil deċiżiv lejn kultura ta’ ħlas fil-ħin, inkluż dik fejn l-esklużjoni tad-dritt li jintalab imgħax għandha dejjem titqies bħala kondizzjoni jew prassi kuntrattwali inġusta għall-aħħar biex titreġġa’ lura din it-tendenza u jiġi skoraġġit il-ħlas tard. Tali tibdil għandu jinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-perjodi ta’ ħlas u dwar il-kumpens tal-kredituri għall-ispejjeż imġarrba, u, fost l-oħrajn, li l-esklużjoni tad-dritt għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.”

5

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/7:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u medji (SMEs)].”

6

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni;

[…]”

7

Taħt it-titolu “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.

3.   Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.”

8

L-Artikolu 12(4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk jeskludux il-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013.”

9

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Id-Direttiva 2000/35/KE hija mħassra b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha. Madankollu, hija għandha tibqa’ applikabbli għal kuntratti konklużi qabel dik id-data li għaliha ma tapplikax din id-Direttiva skont l-Artikolu 12(4).”

Id-dritt Pollakk

10

Id-Direttiva 2011/7 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Pollakk permezz tal-liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 dwar it-terminu ta’ ħlas fit-tranżazzjonijiet kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“liġi tat-8 ta’ Marzu 2013”), li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ April 2013 u li ħassret il-liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003 dwar it-termini ta’ ħlas fit-tranżazzjonijiet kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003”).

11

L-Artikolu 4 tal-liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

tranżazzjoni kummerċjali, kuntratt li għandu bħala għan il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas jew provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas, jekk il-partijiet kif imsemmija fl-Artikolu 2 jidħlu għal dan il-kuntratt b’konnessjoni mal-attività li jeżerċitaw;

[…]”

12

L-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.   Mid-data li fiha jiġu eżiġibbli l-interessi li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 7(1) jew fl-Artikolu 8(1), il-kreditur għandu d-dritt li jirċievi mingħand id-debitur u mingħajr ma jitolbu qabel, l-ekwivalenti ta’ ammont ta’ EUR 40 ikkonvertit fi [zloty Pollakki] PLN b’rata medja ffissata mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja fl-aħħar jum ta’ xogħol tax-xahar ta’ qabel li matulu l-ħlas li jikkostitwixxi kumpens għall-irkupru jkun sar eżiġibbli.

2.   Barra mill-ammont li jsir riferiment għalih fil-paragrafu 1, il-kreditur għandu wkoll dritt għar-rimbors, f’ammont raġonevoli, tal-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti b’eċċess ta’ dak l-ammont.

3.   Id-dritt għall-ammont li jsir riferiment għalih fil-paragrafu 1 jirriżulta minn tranżazzjoni kummerċjali, suġġetta għall-punt 2 tal-Artikolu 11(2).”

13

L-Artikolu 15 tal-liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 jipprevedi:

“1.   It-tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi qabel il-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi huma koperti bid-dispożizzjonijiet applikabbli sa dak iż-żmien.

[…]”

14

B’mod differenti mill-Artikolu 10(1) tal-liġi tat-8 ta’ Marzu 2013, ebda dispożizzjoni tal-liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003 dwar it-termini ta’ ħlas fit-tranżazzjonijiet kummerċjali ma kienet tipprevedi id-dritt għall-kreditur li jinvoka kumpens f’daqqa ta’ EUR 40 għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Il-partijiet fil-kawża prinċipali huma impriżi li, fl-20 ta’ Settembru 2010, ikkonkludew kuntratt ta’ kera għal tul indeterminat skont liema l-kerrej, A. Stadnicki, uża l-ispazji tal-uffiċċji li huma proprjetà ta’ sid il-kera P. Zarski, inkambju għal ħlas ta’ kera. Sid il-kera talab lill-kerrej il-ħlas ta’ rkupru ta’ ammont f’daqqa ta’ EUR 40 għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kirjiet mħallsa tardivament mid-9 ta’ April 2014 sax-xahar ta’ Frar 2015.

16

Is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy (qorti distrettwali tal-belt ta’ Varsavja, il-Polonja) ċaħdet ir-rikors ta’ P. Zarski, ibbażat fuq l-Artikolu 10(1) tal-liġi tat-8 ta’ Marzu 2013, minħabba li, konformement mal-Artikolu 15 ta’ din il-liġi, din ma tapplikax għall-kuntratti konklużi qabel it-28 ta’ April 2013. P. Zarski, appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

17

Din il-qorti tistaqsi, l-ewwel nett, dwar jekk il-kirja tal-post hijiex servizz fis-sens tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/7.

18

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fuq il-punt ta’ jekk, fil-każ ta’ kuntratt ta’ kera għal tul indeterminat, it-tranżazzjoni kummerċjali tikkorrispondix għall-kuntratt jew għat-“tranżazzjoni” iżolata u distinta li huwa kkostitwit minn kull ħlas ta’ kera. Skont din il-qorti, il-kuntratt huwa kompost minn serje ta’ operazzjonijiet li jikkostitwixxu sekwenza ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. Ċertament, il-liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 tillimita, it-tranżazzjonijiet kummerċjali għall-kuntratti. Madankollu, jissussisti dubju dwar il-punt ta’ jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jipproteġix biss att legali bħalma huwa kuntratt jew jekk jiggarantixxix ukoll “fatt ekonomiku mwettaq minn parti ekonomika”, bħalma huwa l-ħlas inkambju tal-provvista ta’ merkanzija jew ta’ servizzi.

19

Skont il-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/7, li jekk kull kuntratt huwa tranżazzjoni kummerċjali, kull tranżazzjoni kummerċjali ma tikkostitwixxix neċessarjament kuntratt. B’hekk diversi tranżazzjonijiet kummerċjali individwali jistgħu jirriżultaw f’kuntratt qafas wieħed. Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-dritt tal-kreditur li jikseb ħlas mingħajr tardività f’tranżazzjoni kummerċjali tindika li l-imsemmija protezzjoni ma għandhiex tiġi limitata għall-kuntratti, iżda li tiġi estiża għall-operazzjonijiet kummerċjali.

20

Jekk il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” għandu jinftiehem bħala tranżazzjoni iżolata u distinta li hija kkostitwita minn kull ħlas ta’ kera, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Istati Membri humiex f’qagħda li jeskludu, skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7, l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-kuntratti ta’ kera konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013, meta l-ħlasijiet ta’ kera tardivi jsiru wara din id-data.

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 12(4), tal-imsemmija direttiva juża l-kunċett ta’ “kuntratt” u mhux ta’ “tranżazzjoni”, filwaqt li, f’diversi dispożizzjonijiet oħra, jissemma l-kunċett ta’ “tranżazzjoni”. Madankollu, hija tqis li jissussisti dubju fuq il-punt ta’ jekk l-għan tad-Direttiva 2011/7 ma huwiex li jipproteġi r-relazzjonijiet individwali permanenti jew perijodiċi u jekk ma jkunx jaqbel, għaldaqstant, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva, li tingħata l-preferenza lill-prinċipju tal-applikazzjoni immedjata tal-liġi l-ġdida.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (qorti distrettwali ta’ Varsavja, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“1)

Il-lokazzjoni ta’ bini hija servizz fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u fis-sens tal-Artikolu 3 (kif ukoll tal-premessi 2, 3, 7, 11, 18 u 23) tad-Direttiva 2011/7?

2)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni għal żmien indeterminat, it-tranżazzjoni kummerċjali tkun il-kuntratt jew tkun it-‘tranżazzjoni’ iżolata, distinta, li hija kkostitwita minn kull ħlas tal-kirja bħala korrispettiv għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ bini u ta’ utilitajiet fis-sens tal-Artikolu 1(1), tal-punt 1 tal-Artikolu 2, u tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 8 (kif ukoll tal-premessi 1, 3, 4, 8, 9, 26, 35) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun li t-tranżazzjoni kummerċjali hija kull ħlas tal-kirja bħala korrispettiv għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ bini u ta’ utilitajiet, l-Artikolu 1(1), il-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 12(4) (kif ukoll il-premessa 3) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-applikazzjoni ta[l-imsemmija] Direttiva għall-kuntratti ta’ lokazzjoni konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013 meta l-ħlas tardiv tal-kirjiet individwali jseħħ wara dik id-data?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

23

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi preliminari, li għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(4), tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva il-ħlasijiet tardivi fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2013, anki jekk din it-tardività sseħħ sussegwentement għal din id-data jew jekk dawn il-ħlasijiet jikkostitwixxu tranżazzjonijiet kummerċjali li jaqgħu neċessarjament fil-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-imsemmija direttiva.

24

L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7 jippermetti lill-Istati Membri li jiddeċiedu, waqt it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jekk iridux jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013.

25

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis,C-135/15, EU:C:2016:774, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7 ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, dan għandu għalhekk jiġi interpretat awtonomament u uniformament. Tali interpretazzjoni għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni kemm il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, kemm tal-kuntest li qiegħed fih u kif ukoll tal-għan mixtieq minn din id-direttiva (is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas,C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 33).

27

B’hekk, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni juża l-espressjoni “kuntratti konklużi” u mhux dik ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali”, imsemmija f’dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva.

28

Għalhekk, u mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat, fil-kuntest ta’ din id-domanda preliminari, jekk il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” jista’ jkopri, kif tidher li qed tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fi kwalunkwe ipoteżi, kien prudenti li ma jużax, b’xi mod, din l-espressjoni meta ddeċieda l-portata tal-fakultà rrikonoxxuta lill-Istati Membri fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7.

29

L-eżami tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni twassal għaldaqstant sabiex jiġi kkunsidrat li, bl-użu tal-espressjoni “kuntratti konklużi”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7 ir-relazzjonijiet kuntrattwali konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013, fl-intier tagħhom, inklużi l-effetti li jirriżultaw mill-imsemmija relazzjonijiet kuntrattwali u li jimmaterjalizzaw irwieħhom wara din id-data.

30

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni u, b’mod iktar partikolari, mill-portata tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/7.

31

Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 13 iħassar id-Direttiva 2000/35 b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013, filwaqt li jipprevedi li din id-direttiva tibqa’ madankollu applikabbli għall-kuntratti konklużi qabel din id-data u li għaliha ma tapplikax id-Direttiva 2011/7, skont l-Artikolu 12(4) tagħha.

32

Minn dan isegwi li, meta Stat Membru jkun uża l-fakultà rrikonoxxuta lilu fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7, il-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013 jibqgħu, bla ħsara tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2000/35, irregolati minn din l-aħħar direttiva, inklużi għall-effetti futuri tagħhom, minkejja l-fatt li din l-aħħar direttiva hija, bħala prinċipju, imħassra, mill-istess data. F’dan il-każ, id-Direttiva 2011/7 ma tistax tapplika għall-effetti ta’ tali kuntratti, li jseħħu mis-16 ta’ Marzu 2013, peress li dawn ma jistgħux fl-istess ħin jiġu koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/35 u tad-Direttiva 2011/7.

33

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-kontestazzjonijiet dwar il-ħlasijiet dovuti wara s-16 ta’ Marzu 2013 ma jistgħux jiġu koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/7 meta l-kuntratt, li skontu dawn il-ħlasijiet għandhom jiġu osservati, kien konkluż qabel din id-data u li l-Istat Membru kkonċernat uża l-fakultà prevista fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7.

34

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni u t-tielet domandi magħmula hija li l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva il-ħlasijiet tardivi fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2013, anki jekk din it-tardività sseħħ sussegwentement għal din id-data.

Fuq l-ewwel domanda

35

Inkunsiderazzjoni tar-risposta għat-tieni u t-tielet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

36

Fil-fatt, peress li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2013 u peress li r-Repubblika tal-Polonja użat il-fakultà prevista fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7, l-imsemmi kuntratt ma jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni temporali ta’ din id-direttiva, u b’hekk huwa inutli li jiġi ddeterminat jekk għandux jiġi eskluż ukoll mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva il-ħlasijiet tardivi fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2013, anki meta din it-tardività sseħħ sussegwentement għal din id-data.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top