Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0325

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-17 ta’ Mejju 2018.
Industrias Químicas del Vallés, SA vs Administración General del Estado u Sapec Agro, SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Direttiva 91/414/KEE – Direttiva 2010/28/UE – Artikolu 3(1) – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid, mill-Istati Membri, tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati – Terminu – Proroga.
Kawża C-325/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:326

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

17 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Direttiva 91/414/KEE – Direttiva 2010/28/UE – Artikolu 3(1) – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid, mill-Istati Membri, tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati – Terminu – Proroga”

Fil-Kawża C‑325/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

Industrias Químicas del Vallés SA

vs

Administración General del Estado,

Sapec Agro SA

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Industrias Químicas del Vallés SA, minn C. Fernández Vicién, C. Vila Gisbert, I. Moreno‑Tapia Rivas u J. Robles, abogados,

għal Sapec Agro SA, minn G. Pérez del Blanco u T. González Cueto, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u F. Moro, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑1 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/28/UE tat‑23 ta’ April 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tal-metalaxyl bħala sustanza attiva (ĠU 2010, L 104, p. 57).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Industrias Químicas del Vallés SA (iktar ’il quddiem “IQV”) u l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja) u Sapec Agro SA fir-rigward ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq (ATS) tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 91/414

3

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332) ġiet imħassra bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414 (ĠU 2009, L 309, p. 1). Madankollu, fid-dawl tal-fatt li tali revoka daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Ġunju 2011 u li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew qabel din id-data, hemm lok li wieħed iħares lejn id-Direttiva 91/414, kif emendata bid-Direttiva 2010/28. Il-ħames sas-seba’ u d-disa’ premessa tad-Direttiva 91/414 kienu jistipulaw:

“Billi, minħabba l-perikoli involuti, jeżistu regoli f’ħafna mill-Istati Membri li jirregolaw l-awtorizzazzjoni ta’ profitti għall-ħarsien tal-pjanti; billi dawn ir-regoli fihom differenzi fil-kontenut li jikkostitwixxu ostakoli mhux biss għall-kummerċ tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti iżda wkoll għall-kummerċ fi prodotti li ġejjin mill-pjanti u b’hekk jaffettwaw direttament l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern;

Billi għalhekk huwa importanti li jiġu eliminati tali ostakoli permezz ta’ l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri;

Billi regoli uniformi għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet u l-proċeduri neċessarji għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti;

[…]

Billi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni iridu jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni, li b’mod partikulari, trid tipprevieni l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti meta t-theddida li dawn jippreżentaw għas-saħħa, l-ilma ta’ taht l-art u l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali tieħu prijorità fuq l-għan li tittejjeb il-produzzjoni tal-pjanti”.

4

L-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jipprevedu:

“B’deroga mill-Artikolu 4 u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 jew għad-Direttiva [tal-Kunsill 1979/033/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1978 li tiprojbixxi it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom ċerti sustanzi attivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 33)], Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva.

[…]

Matul il-perjodu ta’ 12-il sena li għalih jirreferi l-ewwel subparagrafu jista’, wara eżami ta’ tali sustanzi attivi mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19, jiġi deċiż bil-proċedura stabbilita f’dak l-Artikolu illi s-sustanza tista tiġi inkluża fl-Anness I u taħt liema kondizzjonijiet jew, f’każijiet fejn ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew it-tagħrif u l-informazzjoni ma jkunux ġew mogħtija fil-perjodu preskritt, li tali sustanzi attivi ma jiġux inklużi fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom li l-awtorizzazzjonijiet relevanti jiġu mogħtija, irtirati jew varjati skond kif xieraq matul perjodu stabbilit.”

5

L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-applikanti għal awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti sabiex jissottomettu ma’ l-applikazzjoni tagħhom:

(a)

dokument li jissoddisfa, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III;

u

(b)

għal kull sustanza attiva fil-prodott għall-ħarsien tal-pjanti, dokument li jissoddisfa, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.”

6

L-Anness I tal-istess direttiva kien fih il-lista tas-sustanzi attivi li kienu inklużi fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bil-għan li jitqiegħdu fis-suq. Dak l-anness ġie emendat bosta drabi, fosthom permezz tad-Direttiva 2010/28 li żiedet il-metalaxyl. L-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414/KEE pprevedu l-kundizzjonijiet li kellhom jiġu ssodisfatti, rispettivament, mid-dokument sabiex tiġi inkluża sustanza attiva fl-Anness I u mid-dokument sabiex jiġi awtorizzat prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

Id-Direttiva 2010/28

7

Il-premessa 8 tad-Direttiva 2010/28 tistabbilixxi:

“(8)

Bla ħsara għall-obbligi stipulati fid-Direttiva [91/414] konsegwenza tal-inklużjoni tas-sustanzi attivi fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl sabiex jaċċertaw li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva [91/414], u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stipulati fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, jibdlu jew jirtiraw, skont il-każ, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [91/414]. Permezz ta’ deroga mill-iskadenza stabbilita hawn fuq, għandu jingħata perjodu itwal għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fajl komplut tal-Anness III ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu maħsub skont il-prinċipji uniformi stipulati fid-Direttiva [91/414].”

8

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“L-Anness I mad-Direttiva [91/414] qed jiġi emendat kif stabbilit fl-Anness ma’ din id-Direttiva.”

9

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   F’konformità mad-Direttiva [91/414], l-Istati Membri għandhom, meta jkun meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl bħala sustanza attiva sal‑31 ta’ Diċembru 2010.

Sa dik id-data, dawn għandhom, b’mod partikolari, jivverifikaw li l-kundizzjonijiet fl-Anness I għal dik id-Direttiva dwar il-metalaxyl jiġu ssodisfati, minbarra dawk identifikati fil-Parti B tar-reġistrazzjoni dwar dik is-sustanza attiva, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkollu, jew ikollu aċċess għal, dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II għal dik id-Direttiva skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-metalaxyl bħala l-unika sustanza attiva jew inkella bħala waħda minn bosta sustanzi attivi li jiġu kollha elenkati fl-Anness I tad-Direttiva [91/414] sa mhux aktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2010, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jivvalutaw il-prodott skont il-prinċipji uniformi stipulati fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva u billi titqies il-parti B tal-annotazzjoni fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li tikkonċerna l-metalaxyl. Fuq il-bażi ta’ dik il-valutazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva [91/414].

Wara li ssir din id-determinazzjoni l-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta’ prodott li jkun fih il-metalaxyl bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2014; jew

(b)

fil-każ ta’ prodott li fih il-metalaxyl bħala waħda minn diversi sustanzi attivi, fejn hu meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sat‑30 ta’ Ġunju 2014 jew sad-data ffissata għat-tali emenda jew irtirar fid-Direttiva jew Direttivi rispettivi li żiedu s-sustanza jew sustanzi relevanti fl-Anness I tad-Direttiva [91/414], skont liema waħda hi l-aktar riċenti.”

10

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jiddisponi:

“Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ nhar l‑1 ta’ Lulju 2010.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

IQV hija kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol li l-attivitajiet tagħha jinkludu l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti kimiċi u ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. B’mod partikolari hija timporta l-metalaxyl fi Spanja u tbigħ f’diversi Stati Membri prodotti li fihom din is-sustanza attiva.

12

Sapec Agro hija kumpannija rregolata mid-dritt Portugiż, li l-għan tagħha huwa l-iżvilupp ta’ prodotti u ta’ soluzzjonijiet għas-saħħa tal-pjanti kif ukoll ta’ nutrijenti attivi. Din il-kumpannija għandha awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl.

13

Fit‑2 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 2003/308/KE li tikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414 u t-tneħħija ta’ l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 38, p. 495). Din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja bis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443). Wara dan l-annullament, ġiet adottata d-Direttiva 2010/28. Hija daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2010 u, għalhekk, f’din l-istess data, il-metalaxyl ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

14

Fit‑30 ta’ April 2010, infetħet proċedura ta’ eżami mill-ġdid ex officio fi Spanja dwar l-ATS ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom bħala sustanza attiva l-metalaxyl, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28.

15

F’dan ir-rigward, IQV ippreżentat talba għall-eżami mill-ġdid tal-prodotti tagħha għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl fi ħdan l-amministrazzjoni Spanjola kompetenti, li magħha kien hemm fajl li l-amministrazzjoni ddikjarat bħala komplut fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414.

16

Fid‑29 ta’ Ġunju 2010, Sapec Agro wkoll ippreżentat talba għall-eżami mill-ġdid tal-prodotti tagħha għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl.

17

Fit‑30 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri ġurnata qabel l-iskadenza tat-terminu tal‑31 ta’ Diċembru 2010 stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28, Sapec Agro talbet lill-amministrazzjoni Spanjola kompetenti tagħtiha terminu addizzjonali sabiex tkun tista’ tikkompleta l-fajl li hija kienet issottomettiet, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414.

18

Fit‑3 ta’ Marzu 2011, id-Dirección General de Recursos Agrícolas y Ganaderos (id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Agrikoli u tat-Trobbija, Spanja) tat lil Sapec Agro l-proroga tat-terminu mitluba.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2011 id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Agrikoli u tat-Trobbija ddikjara li d-dokument sottomess minn Sapec Agro dwar is-sustanza attiva metalaxyl kien komplut fir-rigward tal-Anness II tad-Direttiva 91/414.

20

IQV ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem is-Secretaría General de Medio Rural del Ministerio de Medio Ambiente y Medio Rural y Marino (is-Segretarjat Ġenerali tal-Affarijiet Rurali tal-Ministeru għall-Ambjent u għall-Affarijiet Rurali u Marittimi, Spanja). Dan l-appell ġie miċħud bid-deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2011, minħabba nuqqas ta’ locus standi.

21

IQV ippreżentat rikors kontenzjuż amministrattiv kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, li ġie wkoll miċħud mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid, Spanja) minħabba nuqqas ta’ locus standi.

22

IQV appellat fil-kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni li jingħata terminu addizzjonali lil Sapec Agro, wara l‑31 ta’ Diċembru 2010, sabiex tkun tista’ tikkompleta l-fajl tagħha kienet illegali, mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tad-Direttiva 2010/28, iżda wkoll minħabba l-ħtieġa li jiġu protetti l-investimenti magħmula sabiex tiġi prodotta d-data li għandha tiġi kkomunikata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sustanza attiva mill-Kummissjoni jew tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mill-Istat Membru kkonċernat.

23

Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa meħtieġ, sabiex issib soluzzjoni għall-kawża li biha ġiet adita, li tinterpreta l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28 fid-dawl tal-premessa 8 ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tindika li s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443) tidher li hija rilevanti f’dan il-qasam u tidher li hija favur il-legalità tal-proroga tat-terminu mogħtija mid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Agrikoli u tat-Trobbija.

24

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, kuntrarjament għall-fatti li oriġinaw il-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-fatti inkwistjoni fil-kawża pendenti quddiemha ma jikkonċernawx aġir kontradittorju tal-awtoritajiet li wassal għal konfużjoni għall-parti kkonċernata, u li t-terminu inkwistjoni, kif id-Direttiva 2010/28 tippreċiża b’mod ripetut, skada fil‑31 ta’ Diċembru 2010.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-data ta’ skadenza prevista fid-Direttiva [2010/28], bil-kliem ‘sal‑31 ta’ Diċembru 2010’ fl-Artikolu 3(1) jew ‘Sa dik id-data’ fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1), ukoll b’riferiment għall‑31 ta’ Diċembru 2010, fir-rigward tat-terminu ta’ sitt xhur imsemmi fil-premessa 8 tad-Direttiva [2010/28], hija terminu perentorju minħabba l-għan segwit mis-sistema tad-Direttiva [91/414], li tipprekludi li l-Istati jistgħu jestenduha, b’mod li l-kalkolu tagħha huwa esklużivament iddeterminat [mid-Direttiva 2010/28]?

2)

Fil-każ li dan it-terminu jista’ jiġi pprorogat, id-deċiżjoni dwar tali proroga għandha tittieħed mingħajr ma tkun suġġetta għar-regoli speċifiċi tal-proċedura li jirregolaw il-preżentazzjoni u l-adozzjoni tagħha, jew din id-deċiżjoni taqa’ fil-kompetenza tal-Istati, li għandhom jiddeċiedu skont il-leġiżlazzjoni interna tagħhom sa fejn huma d-destinatarji tad-dispożizzjonijiet tal-proċedura prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2010/28]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu li huwa jipprevedi, li skada fil‑31 ta’ Diċembru 2010, sabiex jippermetti lill-Istati Membri jemendaw jew jirtiraw, konformement mad-Direttiva 91/414, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl bħala sustanza attiva, jikkostitwixxix terminu perentorju jew jekk dan jistax jiġi pprorogat minn dawn l-Istati.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Thomas Philipps, C‑419/15, EU:C:2016:468, punt 18, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28, l-ewwel subparagrafu tiegħu jiddisponi li “[f]’konformità mad-Direttiva [91/414], l-Istati Membri għandhom […] jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl bħala sustanza attiva sal‑31 ta’ Diċembru 2010.” It-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi li, “[s]a dik id-data, [l-Istati Membri] għandhom, b’mod partikolari, jivverifikaw li l-kundizzjonijiet fl-Anness I għal dik id-Direttiva dwar il-metalaxyl jiġu ssodisfati, minbarra dawk identifikati fil-Parti B tar-reġistrazzjoni dwar dik is-sustanza attiva, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkollu, jew ikollu aċċess għal, dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II għal dik id-Direttiva”.

29

Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li d-data tal‑31 ta’ Diċembru 2010 li tissemma fiha kienet tidher li hija skadenza, u li għaliha ma hija prevista ebda possibbiltà ta’ proroga.

30

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih tinsab id-dispożizzjoni inkwistjoni, l-eżami tiegħu jidher li jattribwixxi natura perentorja lit-terminu previst u, għaldaqstant, mhux prorogabbli.

31

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jelenka b’mod ċar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza, fil‑31 ta’ Diċembru 2010, tal-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-imsemmi artikolu, b’mod partikolari tal-obbligu tad-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-metalaxyl, li jkollu, f’din id-data, fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414 jew li jkollu aċċess għalih. Dawn il-konsegwenzi jinkludu l-emenda jew l-irtirar ta’ tali awtorizzazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat.

32

B’hekk, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28 jistabbilixxi, konformement mal-għan previst fis-seba’ premessa tad-Direttiva 91/414, qafas uniformi fl-Unjoni kollha, li jinkludi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jipproċedu bl-emenda jew bl-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl, kif ukoll l-obbligi imposti fuq id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-fajls relatati mal-imsemmija prodotti. Il-fatt li l-Istati Membri jitħallew jidderogaw mill-iskadenza tal‑31 ta’ Diċembru 2010 jipperikola n-natura uniformi ta’ dan il-qafas u, għaldaqstant, l-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament bejn id-detenturi ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet eżistenti.

33

It-tieni nett, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2010/28 jipprevedi, b’deroga mill-ewwel paragrafu tal-istess artikolu, termini itwal minn dak previst f’dan l-aħħar paragrafu sabiex jippermettu lill-Istati Membri jipproċedu għal rievalwazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati li jkun fihom il-metalaxyl bħala l-unika sustanza attiva jew flimkien ma’ sustanzi attivi oħra. Issa, li kieku l-Istati Membri kienu fid-dritt, kif isostni l-Gvern Spanjol, li jipprorogaw, għal raġunijiet debitament iġġustifikati, it-terminu previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28, l-inklużjoni, fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, ta’ tali deroga espliċita mit-terminu previst fl-ewwel paragrafu, kien ikun inutli.

34

It-tielet nett, in-natura mhux prorogabbli tat-terminu previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28 hija kkorroborata wkoll mill-formulazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi jew li ma tinkludix sustanza attiva fl-Anness I ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom li l-awtorizzazzjonijiet rilevanti jiġu mogħtija, irtirati jew varjati skont kif xieraq, “matul il-perjodu stabbilit”. Issa, dan il-perijodu għandu jinftiehem bħala dak bi skadenza li tikkorrispondi mad-data msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28, jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2010.

35

Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-iskop tad-Direttiva 2010/28, għandu jiġi osservat li din tal-aħħar hija direttiva ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 91/414. Hija għandha għalhekk, bis-saħħa ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi interpretata, sa fejn ikun possibbli, konformement mal-att bażiku tagħha, jiġifieri d-Direttiva 91/414 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, Feinchemie Schwebda u Bayer CropScience, C‑361/06, EU:C:2008:296, punt 49, u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 33).

36

Skont il-ħames, is-sitt u d-disa’ premessa tagħha, id-Direttiva 91/414 għandha l-għan li telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punt 74).

37

F’dan il-kuntest, il-fatt li tiġi permessa l-proroga tat-terminu previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28 jimplika r-riskju li prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva metalaxyl, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Anness I tad-Direttiva 91/414, kif emendata bid-Direttiva 2010/28, b’mod partikolari l-livell ta’ purità stabbilit, jibqgħu fis-suq wara d-data tal‑31 ta’ Diċembru 2010. Tali konsegwenza tmur kontra l-għan li għandu jintlaħaq li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 29 sa 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-terminu previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28 jikkostitwixxi terminu perentorju, li ma jistax jiġi pprorogat mill-Istati Membri.

39

Is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443), ma hijiex ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda terminu stabbilit mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-inklużjoni tal-metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, u l-possibbiltà għal din l-istituzzjoni, u mhux għall-Istati Membri, li temenda dan it-terminu. Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, mill-Istati Membri, ta’ ATS eżistenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl, il-kwistjoni tirrigwarda, fir-rigward ta’ terminu stabbilit mill-Kummissjoni u inkorporat fid-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, jekk l-Istati Membri jistgħux, b’mod unilaterali, jipprorogaw dan it-terminu.

40

Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li l-parti kkonċernata kienet tpoġġiet f’pożizzjoni fejn kien impossibbli li tippreżenta fajl komplut fit-terminu stabbilit, parzjalment minħabba l-aġir kontradittorju tal-awtoritajiet kompetenti, inkluża l-Kummissjoni. Issa, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, Sapec Agro ma kinitx, f’dan il-każ, affettwata minn dan it-tip ta’ ċirkustanzi lil hinn mill-kontroll tagħha. Għall-kuntrarju, l-obbligu, fit-terminu stabbilit, li jkollha jew li jista’ jkollha aċċess għal fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414 kien ġie stabbilit b’mod ċar mill-bidu tal-proċedura, peress li dan kien previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28.

41

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu li huwa jipprevedi, li skada fil‑31 ta’ Diċembru 2010, sabiex jippermetti lill-Istati Membri jemendaw jew jirtiraw, konformement mad-Direttiva 91/414, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl bħala sustanza attiva, jikkostitwixxi terminu perentorju, liema terminu ma jistax jiġi pprorogat minn dawn l-Istati.

Fuq it-tieni domanda

42

It-tieni domanda hija bbażata fuq il-premessa li d-data tal‑31 ta’ Diċembru 2010, prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/28, tikkostitwixxi terminu li jista’ jiġi pprorogat mill-Istati Membri. Issa, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li d-data inkwistjoni ma tistax tiġi pprorogata minn dawn l-Istati.

43

Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tingħata risposta għal din it-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/28/UE tat‑23 ta’ April 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tal-metalaxyl bħala sustanza attiva għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu li huwa jipprevedi, li skada fil‑31 ta’ Diċembru 2010, sabiex jippermetti lill-Istati Membri jemendaw jew jirtiraw, konformement mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl bħala sustanza attiva, jikkostitwixxi terminu perentorju, liema terminu ma jistax jiġi pprorogat minn dawn l-Istati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ispanjol.

Top