EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0315

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-30 ta’ Marzu 2017.
József Lingurár vs Miniszterelnökséget vezető miniszter.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kúria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEŻR – Appoġġ għall-iżvilupp rurali – Ħlasijiet Natura 2000 – Benefiċċju rriżervat għall-persuni privati – Żona forestali parzjalment proprjetà tal-Istat.
Kawża C-315/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:244

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

30 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika agrikola komuni — Finanzjament mill-FAEŻR — Appoġġ għall-iżvilupp rurali — Ħlasijiet Natura 2000 — Benefiċċju rriżervat għall-persuni privati — Żona forestali parzjalment proprjetà tal-Istat”

Fil-Kawża C‑315/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (qorti suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

József Lingurár

vs

Miniszterelnökséget vezető miniszter,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn E.E. Sebestyén kif ukoll minn M.Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Aquilina u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 42 u 46 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 26).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn József Lingurár u l-Miniszterelnökséget vezető miniszter (ministru responsabbli għat-tmexxija tal-uffiċċju tal-prim ministru, l-Ungerija) dwar id-deċiżjoni li tirrifjuta li tagħtih l-appoġġ Natura 2000 għal żona forestali proprjetà tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1698/2005:

“L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi għall-iżvilupp rurali fil-livell territorjali adatt, skont l-arranġamenti istituzzjonali tagħhom, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”

4

L-Artikolu 36(b)(iv) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-appoġġ previst taħt it-titjib tal-ambjent u tal-kampanja jirrigwarda l-miżuri mmirati lejn l-użu sostenibbli tal-art forestali permezz ta’ ħlasijiet Natura 2000.

5

L-Artikolu 42 tal-imsemmi regolament dwar il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-miżuri favur użu sostenibbli tal-art forestali, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-appoġġ taħt din is-subtaqsima għandu jingħata biss għal foresti u żoni ta’ boskijiet ta’ proprjetà ta’ sidien privati jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, jew ta’ muniċipalitajiet jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom. […]

Din ir-restrizzjoni m’għandhiex tapplika għall-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(i), (iii), (vi) u (vii).”

6

L-Artikolu 46 ta’ dan l-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(iv), għandu jingħata kull sena u għal kull ettaru ta’ foresta lil sidien privati ta’ foresti jew assoċjazzjonijiet tagħhom sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż imħallsa u d-dħul mitluf li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ foresti u art oħra ta’ boskijiet minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttivi 79/409/KEE [tal-Kunsill, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)] u u 92/43/KEE [tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 102)] fiż-żona kkonċernata. L-appoġġ għandu jkun iffissat bejn l-ammont minimu u dak massimu mniżżla fl-Anness.”

7

L-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiddelimitaw iż-żoni eliġibbli għall-pagamenti previsti […] fl-Artikolu 36 punti (b)(i), (iii), (iv) u (vi) ta’ dak l-Artikolu, b’kont meħud tal-paragrafi 2 sa 5.”

8

L-Artikolu 30(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 305), jippreċiża:

“Il-foresti u ż-żoni msaġġra li ġejjin għandhom ikunu esklużi mill-ambitu ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005:

a)

foresta jew art oħra msaġġra li tkun il-proprjetà ta’ gvernijiet ċentrali jew reġjonali, jew ta’ korporazzjonijiet ikkontrollati mill-gvern;

b)

foresta jew art oħra msaġġra li tkun il-proprjetà tal-Kuruna;

c)

il-foresti li huma l-proprjetà ta’ persuni legali li mill-inqas 50 % tal-kapital tagħhom ikun jappartjeni lil waħda mill-istituzzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).”

Id-dritt Ungeriż

9

L’Európai Mezőgazdasági Vidékfejlesztési Alapból a Natura 2000 erdőterületeken történő gazdálkodáshoz nyújtandó kompenzációs támogatás részletes szabályairól szóló 41/2012. (IV. 27) VM rendlet. [Digriet 41/2012 tal-ministru tal-iżvilupp rurali (IV. 27) dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-appoġġ kumpensatorju tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali mogħti favur l-esplojtazzjoni agrikola ta’ żoni forestali Natura 2000, Magyar Közlöny 2012/51. (IV. 27.)] jipprovdi fl-Artikolu 4 tiegħu:

“[…]

(4)   Ma jistgħux jibbenefikaw mill-appoġġ il-plottijiet forestali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 li huma l-proprjetà tal-Istat jew ta’ muniċipalità.

(5)   Ma għandhomx id-dritt li jitolbu l-appoġġ il-muniċipalitajiet, l-awtoritajiet baġitarji u l-impriżi li fihom l-Istat Ungeriż għandu mill-inqas 50 % tad-drittijiet tal-proprjetà.

[…]”

10

L-Artikolu 16(6) tal-erdőről, az erdő védelméről és az erdőgazdálkodásról szóló 2009. évi XXXVII. törvény [Liġi XXXVII tal-2009 dwar il-foresti, il-protezzjoni tal-foresti u l-esplojtazzjoni forestali, Magyar Közlöny 2009/71. (V. 25)] jipprevedi:

“F’żona forestali muniċipali, il-plot forestali huwa l-unità bażika tal-attività ta’ ġestjoni forestali, tal-amministrazzjoni tal-foresti u tar-reġistru tal-foresti li huwa fiżikament preżenti f’biċċa waħda u li jista’ jitqies bħala omoġenju abbażi tal-karatteristiċi tal-komunitajiet bijotiċi li jistgħu jinsabu fih kif ukoll tal-attività ta’ ġestjoni forestali sostenibbli eżerċitata hemmhekk.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq, fit-13 ta’ Mejju 2013, talba għall-ħlas tal-kumpens għall-foresti kklassifikati bħala Natura 2000 fir-rigward ta’ 29 plott forestali, li jikkorrispondu għal 82 ettaru, quddiem l-Uffiċċju tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali. Din it-talba ġiet miċħuda għar-raġuni li l-Istat Ungeriż kellu drittijiet tal-proprjetà fuq parti minn dawn il-plottijiet, li tikkorrispondi għal 0.182 % tas-superfiċje totali.

12

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni ta’ dan l-uffiċċju quddiem il-Budapest Környéki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol tad-distrett ta’ Budapest, l-Ungerija) li ċaħdet din l-azzjoni.

13

Il-qorti tar-rinviju, adita bl-appell mis-sentenza tal-ewwel istanza, tiddubita dwar il-kompatibbiltà tal-interpretazzjoni adottata mill-qorti tal-ewwel istanza fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1698/2005 mal-għan attribwit lil din id-dispożizzjoni.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (qorti suprema, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-Artikolu 46 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma teskludix totalment lill-individwi mill-qafas tal-appoġġ intiż għall-użu sostenibbli ta’ żoni ta’ foresti meta ż-żona hija parzjalment il-proprjetà tal-Istat?

2)

Sa fejn l-appoġġ ma huwiex eskluż totalment, l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1698/2005 jista’ jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl taż-żona partikolari, li hija parzjalment il-proprjetà tal-Istat, l-operatur tal-foresti privat jew il-proprjetarju privat għandu dritt għall-appoġġ pro rata għad-drittijiet tal-proprjetà tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

15

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-esklużjoni totali ta’ żona forestali kklassifikata bħala Natura 2000 mill-benefiċċju tal-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(iv), ta’ dan ir-regolament, għar-raġuni li parti żgħira minn din iż-żona hija l-proprjetà tal-Istat, irrispettivament mir-relazzjoni bejn is-superfiċje ta’ din iż-żona proprjetà tal-Istat u dik proprjetà ta’ sid privat.

16

Sa fejn il-Gvern Ungeriż isostni li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jagħtuh is-setgħa jadotta l-miżuri relatati mal-evalwazzjoni tal-ammont tal-appoġġ Natura 2000, billi jiddetermina, b’mod partikolari, il-konsegwenzi fil-każ ta’ proprjetà konġunta, privata u tal-Istat, ta’ żona forestali kklassifikata bħala Natura 2000, għandha, l-ewwel nett, tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ tali setgħa.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm, minħabba n-natura tagħhom stess u l-funzjoni tagħhom fl-iskema ta’ sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jeħtieġu, madankollu, għall-implementazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 35; tal-15 ta’ Mejju 2014, Szatmári Malom, C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 54, u tas-7 ta’ Lulju 2016, Občina Gorje, C‑111/15, EU:C:2016:532, punt 34).

18

Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament jekk ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jaħbux in-natura tiegħu ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni u jekk jispeċifikaw l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni mogħti minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 36, tal-15 ta’ Mejju 2014, Szatmári Malom, C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 55 u tas-7 ta’ Lulju 2016, Občina Gorje, C‑111/15, EU:C:2016:532, punt 35).

19

Huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament inkwistjoni, interpretati fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan, li għandu jiġi stabbilit jekk dawn jipprojbixxux, jimponux jew jippermettux lill-Istati Membri jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata tidħolx fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lil kull Stat Membru (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 37, u tas-7 ta’ Lulju 2016, Občina Gorje, C‑111/15, EU:C:2016:532, punt 36).

20

F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1698/2005 u Nru 1974/2006 ma jistabbilixxux il-modalitajiet ta’ ħlas tal-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(iv) tar-Regolament Nru 1698/2005 meta żona forestali kklassifikata bħala Natura 2000 tkun proprjetà kemm tal-Istat kif ukoll ta’ sidien privati. Fil-fatt, l-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-prinċipju tal-għoti tal-appoġġ permezz tal-ħlasijiet Natura 2000 għall-foresti u għaż-żoni ta’ boskijiet li huma l-proprjetà ta’ sidien privati jew tal-assoċjazzjonijiet tagħhom, jew ta’ muniċipalitajiet jew tal-assoċjazzjonijiet tagħhom. Ir-Regolament Nru 1974/2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1698/2005, jistabbilixxi, fl-Artikolu 30(4)(a), il-limiti ta’ dan il-prinċipju, peress li huwa speċifikat fih li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 42(1), il-foresti u ż-żoni l-oħra ta’ boskijiet li jkunu l-proprjetà ta’ gvernijiet ċentrali jew reġjonali, jew ta’ korporazzjonijiet ikkontrollati mill-gvern.

21

Fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1698/2005, l-implementazzjoni tal-programmi għall-iżvilupp rurali taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li, konformement mal-Artikolu 50(1) u (7) ta’ dan ir-regolament, iż-żoni forestali kklassifikati bħala Natura 2000 li jibbenefikaw mill-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(iv) tal-imsemmi regolament għandhom ikunu ddelimitati, konformement mad-Direttivi 79/409 u 92/43, mill-Istati Membri, għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tillimitax ruħha tiddetermina l-modalitajiet tal-iffissar tal-ammonti tal-appoġġ previst minn din id-dispożizzjoni, hekk kif isostni l-Gvern Ungeriż.

22

F’dan il-każ, l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali twassal, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għal inverżjoni tar-relazzjoni bejn ir-regola preskritta minn din id-dispożizzjoni u l-eċċezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 30(4)(a) tar-Regolament Nru 1974/2006. Fil-fatt, il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 huwa l-ħlas tal-appoġġ Natura 2000 lis-sidien privati u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom. Issa, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għalkemm hija biss parti negliġibbli miż-żona forestali inkwistjoni li taqa’ taħt il-proprjetà tal-Istat, ir-rifjut tal-ħlas tal-appoġġ fit-totalità tiegħu lis-sid privat, propjetarju tal-parti l-kbira ta’ din iż-żona, għandu bħala konsegwenza li l-eċċezzjoni ssir ir-regola.

23

Għaldaqstant, interpretazzzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li twassal għall-esklużjoni totali mill-iskema ta’ appoġġ Natura 2000 ta’ żona forestali għar-raġuni li parti minn din iż-żona hija l-proprjetà tal-Istat tkun tmur kontra l-kliem stess tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 li jistabbilixxi l-prinċipju tal-għoti tal-appoġġ għall-foresti u għaż-żoni ta’ boskijiet li huma l-proprjetà ta’ sidien privati jew tal-assoċjazzjonijiet tagħhom.

24

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 30(4)(a) tar-Regolament Nru 1974/2006, il-foresti u ż-żoni l-oħra ta’ boskijiet li b’mod partikolari huma proprjetà tal-Istat huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Madankollu, peress li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi implementat dan l-Artikolu 30(4)(a), twassal għall-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1), ta’ żona forestali kollha kklassifikata bħala Natura 2000, anki jekk kważi t-totalità ta’ din iż-żona taqa’ taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni, hija d-definizzjoni stess tal-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni li hija kkontestata minn tali interpretazzjoni.

25

Peress li konsegwenza daqshekk drastika tan-natura mħallta ta’ żona forestali kklassifikata bħala Natura 2000 ma hijiex espliċitament prevista mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1698/2005 u Nru 1974/2006, miżura bħal din ma tistax taqa’ taħt il-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lil kull Stat Membru għall-implementazzjoni tal-ħlasijiet Natura 2000.

26

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-konsegwenzi li għandhom jinstiltu min-natura mħallta ta’ żona forestali kklassifikata bħala Natura 2000, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, konformement mal-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1698/2005, l-appoġġ Natura 2000 huwa intiż sabiex jikkumpensa l-ispejjeż sostnuti u t-telf ta’ dħul minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-foresti u taż-żoni l-oħra ta’ boskijiet li jirriżultaw mill-implementazzjoni tad-Direttivi 79/409 u 92/43.

27

Issa, il-fatt li parti minn plott ta’ żona forestali klassifikata bħala Natura 2000 ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ Natura 2000, għar-raġuni li din hija proprjetà tal-Istat, ma jwassalx għall-għajbien tan-neċessità ta’ kumpens għar-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-plottijiet ta’ din iż-żona proprjetà ta’ sid privat minħabba l-implementazzjoni tar-rekwiżiti previsti minn dawn id-direttivi.

28

Għalhekk, l-esklużjoni totali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1698/2008 ta’ żona forestali kklassifikata bħala Natura 2000 li hija l-proprjetà kemm ta’ sid privat kif ukoll tal-Istat neċessarjament telimina l-għan kumpensatorju tas-sistema ta’ ħlasijiet Natura 2000.

29

It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fil-kuntest tal-eżerċizzju mill-Istat Membru tas-setgħa tiegħu ta’ implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dak ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 40).

30

Issa, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-interpretazzjoni tagħha jimplementaw b’mod effettiv l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 30(4)(a) tar-Regolament Nru 1974/2006 billi jipprevedu l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-appoġġ Natura 2000 tas-superfiċji proprjetà tal-Istat, esklużjoni totali ta’ żona forestali mill-benefiċċju tal-appoġġ Natura 2000 minħabba l-preżenza, tkun xi tkun il-kobor tagħha, ta’ żona proprjetà tal-Istat ma tirriflettix b’mod proporzjonali r-realtà tar-relazzjonijiet ta’ proprjetà.

31

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, anki jekk 99.818 % taż-żona forestali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, it-totalità ta’ din iż-żona hija mċaħħda mill-ħlasijiet Natura 2000 għar-raġuni li 0.182 % ta’ din iż-żona ma taqax fl-imsemmi kamp.

32

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż jirreferi għan-natura indiviżibbli taż-żona forestali kklassifikata bħala Natura 2000 sabiex jiġġustifika tali konsegwenza.

33

Issa, l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1698/2005 jipprevedi li l-ħlasijiet Natura 2000 għandhom jingħataw kull sena u għal kull ettaru ta’ superfiċje forestali.

34

Barra minn hekk, l-Artikolu 16(6) tal-Liġi XXXVII tal-2009 jipprevedi li l-plott forestali huwa l-unità bażika tal-attività ta’ ġestjoni forestali.

35

Konsegwentement, limitazzjoni tal-esklużjoni mill-benefiċċju tal-kumpens tal-appoġġ Natura 2000 ta’ żona forestali eliġibbli għal tali appoġġ għall-plott biss jew għall-ettaru biss li parti minnu huwa proprjetà tal-Istat, anki nuqqas totali ta’ esklużjoni meta dik il-parti tkun negliġibbli, tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kuntrarjament għall-esklużjoni sħiħa ta’ din iż-żona, mingħajr ebda rigward għar-relazzjoni bejn is-superfiċje tal-imsemmija żona proprjetà tal-Istat u dik proprjetà ta’ dan is-sid privat.

36

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta żona forestali eleġibbli għall-appoġġ Natura 2000 hija parzjalment proprjetà tal-Istat u parzjalment proprjetà ta’ sid privat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn is-superfiċje ta’ din iż-żona proprjetà tal-Istat u dik proprjetà ta’ dan is-sid privat għall-kalkolu tal-ammont tal-appoġġ li għandu jitħallas lil dan tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta żona forestali eleġibbli għall-appoġġ Natura 2000 hija parzjalment proprjetà tal-Istat u parzjalment proprjetà ta’ sid privat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn is-superfiċje ta’ din iż-żona proprjetà tal-Istat u dik proprjetà ta’ dan is-sid privat għall-kalkolu tal-ammont tal-appoġġ li għandu jitħallas lil dan tal-aħħar.

 

Firem


( 1 ) * Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top