EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0303

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017.
Solar Electric Martinique vs Ministre des Finances et des Comptes publics.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva tal-VAT – Direttiva 2006/112/KE – Xogħlijiet ta’ kostruzzjoni – Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej – Dispożizzjonijiet magħmula applikabbli bid-dritt nazzjonali – Tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni fuq immobbli – Klassifikazzjoni bħala tranżazzjoni unika – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.
Kawża C-303/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:773

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva tal-VAT – Direttiva 2006/112/KE – Xogħlijiet ta’ kostruzzjoni – Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej – Dispożizzjonijiet magħmula applikabbli bid-dritt nazzjonali – Tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni fuq immobbli – Klassifikazzjoni bħala tranżazzjoni unika – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni”

Fil-Kawża C‑303/16,

li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2016, fil-kawża

Solar Electric Martinique

vs

Ministre des Finances et des Comptes publics

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Solar Electric Martinique, minn F. Fabiani u F. Joly, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn S. Ghiandoni u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(5) u tal-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), kif ukoll tal-Artikolu 14(3) u tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), li ssostitwixxiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, is-Sitt Direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Solar Electric Martinique u l-ministre des Finances et des Comptes publics (ministru tal-finanzi u tal-kontabbiltà pubblika, Franza) dwar stimi ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li l-kumpannija ġiet suġġetta għalihom għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2007.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Applikazzjoni territorjali”, jipprovdi:

“1.   [G]ħall-iskop ta’ din id-Direttiva:

‘territorju ta’ Stat Membru’ tfisser it-territorju tal-pajjiż kif iddefinit għal kull Stat Membru fil-paragrafi 2 u 3,

[…]

3.   It-territorji li ġejjin ta’ Stati Membri individwali jitħallew barra mit-territorju tal-pajjiż:

[…]

It-territorji li ġejjin ta’ Stati Membri individwali jitħallew barra ukoll mit-territorju tal-pajjiż:

[…]

Ir-Repubblika Franċiża:

id-dipartimenti barranin [id-dipartimenti extra-Ewropej]

[…]”

4

L-Artikolu 5 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Provvista ta’ oġġetti [Kunsinna ta’ oġġetti]”, jipprovdi:

“1.   ‘Provvista ta’ oġġetti’ tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.

[…]

5.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jagħtu ċertu xogħolijiet ta’ kostruzzjoni biex ikunu provvisti fis-sens ta’ paragrafu 1.

[…]”

5

L-Artikolu 6 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Provvista ta’ servizzi”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

“1.   ‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni [tranżazzjoni] li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti [kunsinna ta’ oġġetti] skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.

Operazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu inter alia:

assenjazzjoni ta’ proprjetà inkorporali, kemm jekk hija u kemm jekk mhix suġġetta għal att li jikkostitwixxi titolu,

obbligazzjoni biex ma jsirx jew biex ikun tollerat att jew sitwazzjoni,

l-eżekuzzjoni ta’ servizzi skond ordni magħmula minn jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi.”

6

Skont l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva tal-VAT, din ma tapplikax għad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej.

7

L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva tal-VAT irriproduċa l-formulazzjoni tal-Artikolu 5(5) tas-Sitt Direttiva.

8

Skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT, titqies bħala “provvista ta’ servizzi” kwalunkwe tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti.

Id-dritt Franċiż

9

Skont il-paragrafu 1 tal-punt IV tal-Artikolu 256 tal-code général des impôts (kodiċi ġenerali tat-taxxi, iktar ’il quddiem il-“KĠT”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-taxxi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, “ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għandhom jitqiesu bħala provvista ta’ servizzi suġġetti għall-[VAT].”

10

L-Artikolu 266 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.   L-ammont taxxabbli huwa kkostitwit:

[…]

f)

Għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, mill-prezz tal-kuntratti, stimi jew fatturi;

[…]”

11

L-Artikolu 268 bis ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Meta persuna twettaq simultanjament tranżazzjonijiet li huma relatati ma’ diversi kategoriji previsti fl-artikoli ta’ dan il-kapitolu, id-dħul mill-bejgħ tagħha għandu jiġi stabbilit billi għal kull grupp ta’ tranżazzjonijiet jiġu applikati r-regoli stabbiliti minn dawn l-artikoli.”

12

Skont l-Artikolu 295 tal-KĠT:

“1.   Huma eżentati mill-[VAT]:

[…]

Fid-dipartimenti ta’ Guadeloupe, ta’ Martinique u ta’ Réunion:

a.

L-importazzjonijiet ta’ […] prodotti li l-lista tagħhom hija stabbilita permezz ta’ digrieti konġunti tal-ministru tal-ekonomija u tal-finanzi u tal-ministru […] inkarigat mid-dipartimenti extra-Ewropej;

b.

Il-bejgħ […] tal-prodotti ta’ produzzjoni lokali simili għal dawk li l-importazzjoni tagħhom fid-dipartimenti hawn fuq imsemmija huwa eżentat mid-dispożizzjonijiet preċedenti;

[…]”

13

Il-punt I tal-Artikolu 50 duodecies tal-Anness IV ta’ dan il-kodiċi jsemmi, fost il-prodotti li jistgħu jiġu importati fid-dipartimenti ta’ Guadeloupe, ta’ Martinique u ta’ Réunion mingħajr ma jkunu suġġetti għall-VAT, l-“apparat semikonduttur fotosensittiv, inklużi ċelloli fotovoltajċi anki meta jkunu inkorporati f’moduli jew ikkostitwiti f’pannelli”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Solar Electric Martinique, li bħala attività għandha b’mod partikolari l-bejgħ u l-installazzjoni ta’ apparat relatat mal-enerġija solari fid-dipartiment ta’ Martinique, issuġġettat għall-VAT l-operazzjonijiet ta’ installazzjoni fuq il-bejt ta’ bini domestiku ta’ pannelli fotovoltajċi u ta’ tisħin tal-ilma solari biss fir-rigward tal-kost tas-servizzi ta’ installazzjoni.

15

Wara verifika li tirrigwarda l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2007, l-amministrazzjoni fiskali qieset li dawn l‑operazzjonijiet kellhom in-natura ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u kellhom, konsegwentement, jinkludu l-kost tal-apparat ipprovdut. Konsegwentement, din l-amministrazzjoni ikkoreġiet il-bażi taxxabbli ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

16

Fil-21 ta’ Settembru 2010, Solar Electric Martinique ressqet rikors quddiem it-tribunal administratif de Fort-de-France (qorti amministrattiva ta’ Fort-de-France, Franza) intiż għall-kanċellament tal-istimi tal-VAT li ġiet suġġetta għalihom bħala riżultat ta’ din il-korrezzjoni.

17

Peress li t-talba tagħha ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2012, Solar Electric Martinique appellat minn din tal-aħħar quddiem il-cour administrative d’appel de Bordeaux (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Bordeaux, Franza), li, permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, ċaħdet l-azzjoni mressqa quddiemha.

18

Solar Electric Martinique appellat fil-kassazzjoni quddiem il‑Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), u dan billi b’mod partikolari sostniet li l-imsemmija qorti amministrattiva tal-appell kienet wettqet żball ta’ liġi meta qieset li x-xogħlijiet ta’ installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u ta’ tisħin tal‑ilma solari li hija kienet wettqet kienu jikkostitwixxu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, minkejja li dan l-apparat seta’ jitpoġġa mingħajr ma jiġu kkawżati danni gravi għall-bini kkonċernat, u li normalment ma kinux parti mill-kostruzzjoni tal-bini.

19

Il-qorti tar-rinviju tispjega li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ apparat imsemmija fl-Artikolu 295 tal-KĠT u fil-punt I tal-Artikolu 50 duodecies tal-Anness IV ta’ dan il-kodiċi ma humiex suġġetti għall-VAT ħlief għall-kost tal-operazzjonijiet ta’ installazzjoni, bl-esklużjoni tal-kost tal-akkwist tal-apparat, sakemm ma jitqiesx li dawn l-operazzjonijiet ta’ installazzjoni għandhom in-natura ta’ servizzi ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, u għaldaqstant ikunu suġġetti għall-VAT fuq il-prezz kollu ffatturat lix-xerrej.

20

Din il-qorti tippreċiża li, filwaqt li l-Artikolu 295 tal-KĠT japplika biss fid-dipartimenti extra-Ewropej, jiġifieri barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione loci tas-Sitt Direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 256 ta’ dan il-kodiċi relatati max-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni japplikaw ukoll fi Franza metropolitana u jiżguraw it-traspożizzjoni fid-dritt Franċiż tal‑Artikolu 5(5) u tal-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva, li d‑dispożizzjonijiet tagħhom ġew riprodotti fl-Artikolu 14(3) u fl‑Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT.

21

Skont il-qorti tar-rinviju, hemm lok għal applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, minkejja li l-kawża li hija għandha tiddeċiedi tirrigwarda tranżazzjonijiet li seħħew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione loci ta’ dawn id-direttivi, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-bejgħ u l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u ta’ tisħin tal-ilma solari fuq bini jew bil-għan li binjiet jiġu pprovduti bl-elettriku jew bl-ilma sħun jikkostitwixxux tranżazzjoni unika li għandha n-natura ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, fis-sens tal-imsemmija direttivi.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“[I]l-bejgħ u l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u ta’ tisħin tal-ilma solari fuq binjiet jew bil-għan li binjiet jiġu pprovduti bl-elettriku jew bl‑ilma sħun jikkostitwixxu[…] operazzjoni unika [tranżazzjoni unika] li għandha n-natura ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(5) u l-Artikolu 6(1) tas‑[Sitt Direttiva] li saru l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-[VAT]?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

23

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jseħħu kollha fid-dipartiment ta’ Martinique, li huwa wieħed mid-dipartimenti extra-Ewropej tar-Repubblika Franċiża.

24

Skont l-Artikolu 3(3) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT, dawn id-dipartimenti huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi.

25

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li hija għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt ikunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba rinviju minn dan tal-aħħar lejn il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 45).

26

Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk stabbiliti mill-imsemmi att, ikun jeżisti interess ċert tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet meħuda minn dak l-att jingħataw interpretazzjoni uniformi, u dan sabiex jiġu evitati diskrepanzi futuri fl-interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 46).

27

Għalhekk, interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar hija ġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, bil-għan li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2012:868, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-bejgħ u l‑installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u ta’ tisħin tal-ilma solari fuq bini jew bil-għan li binjiet jiġu pprovduti bl-elettriku jew bl-ilma sħun jikkostitwixxux tranżazzjoni unika li għandha n-natura ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, fis-sens tas-Sitt Direttiva u tad-Direttiva tal-VAT, filwaqt li tippreċiża, minn naħa, li l-Artikolu 256 tal-KĠT jiżgura t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija direttivi fid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li dawn il-kunċetti jkollhom l-istess portata f’dak li jikkonċerna d-dipartimenti extra-Ewropej, li huma territorji espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttivi.

29

L-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni sabiex, bl-għan li jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, il-kunċett ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kif ukoll dak ta’ tranżazzjoni unika li għandha n-natura ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jiġu interpretati b’mod uniformi hija ċertament konċepibbli.

30

Madankollu, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 sa 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva u tad-Direttiva tal-VAT ma jistgħux jitqiesu li ġew trasposti mill-Artikolu 256 tal-KĠT.

31

Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 5(5) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva tal-VAT jistabbilixxu l-possibbiltà għall-Istat Membri li jqisu bħala provvista t-twettiq ta’ ċerti xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, l-Artikolu 256 tal-KĠT għall-kuntrarju jipprevedi li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huma kklassifikati bħala provvisti ta’ servizzi.

32

Fit-tieni lok, l-Artikoli 256 u 295 tal-KĠT ma jistgħux jikkostitwixxu, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 tas-sentenza preżenti, riferiment dirett u inkundizzjonat għall-imsemmija dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn id-direttivi.

33

Minn naħa, l-għażla magħmula fl-Artikolu 256 tal-KĠT ma tippermettix li, a contrario, wieħed jinferixxi li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, wara kollox bħall-operazzjonijiet kollha li ma jikkostitwixxux kunsinna ta’ oġġetti, jaqgħu taħt l-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT.

34

Min-naħa l-oħra, meta jagħti sistema ta’ eżenzjoni derogatorja mir-regoli applikabbli fit-territorju metropolitan Franċiż lill-kunsinni ta’ oġġetti mwettqa f’territorji espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva u tad-Direttiva tal-VAT, l-Artikolu 295 tal-KĠT ma jistax jitqies li qiegħed iwettaq riferiment dirett u inkundizzjonat għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi.

35

Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet speċifikament għaliex, fir-rigward tad-dipartimenti extra-Ewropej li fil-konfront tagħhom is-Sitt Direttiva u d-Direttiva tal-VAT ma japplikawx, jeżistu dispożizzjonijiet speċjali li jipprevedu l-eżenzjoni tal-bejgħ ta’ pannelli fotovoltajċi u ta’ tisħin tal-ilma solari.

36

Konsegwentement, fir-rigward tas-soluzzjonijiet mogħtija għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni kkonċernati, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex konformi ma dawk magħżula kemm mis-Sitt Direttiva kif ukoll mid-Direttiva tal-VAT, sa fejn din tagħti eżenzjoni li ma hijiex prevista minn dawn id-direttivi. Għaldaqstant wieħed ma jistax jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttivi saru applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-istess direttivi.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat).

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domanda magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2016.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top