EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0268

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Binca Seafoods GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Regolament (KE) Nru 834/2007 – Produzzjoni u tikkettar ta’ prodotti organiċi – Regolament (KE) Nru 889/2008 – Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 1358/2014 – Interess ġuridiku – Kunċett ta’ ‘benefiċċju personali’.
Kawża C-268/16 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:1001

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Appell – Regolament (KE) Nru 834/2007 – Produzzjoni u tikkettar ta’ prodotti organiċi – Regolament (KE) Nru 889/2008 – Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 1358/2014 – Interess ġuridiku – Kunċett ta’ ‘benefiċċju personali’”

Fil-Kawża C-268/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2016,

Binca Seafoods GmbH, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Schmidt, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Lewis u G. von Rintelen kif ukoll minn K. Walkerová, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Binca Seafoods GmbH (iktar ’il quddiem “Binca”) titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Marzu 2016, Binca Seafoods vs Il-Kummissjoni (T‑94/15, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2016:164), li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1358/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 fir-rigward tal-oriġini tal-annimali tal-akkwakultura organika, il-prattiki tat-trobbija tal-akkwakultura, l-għalf għall-annimali tal-akkwakultura organika u l-prodotti u s-sustanzi permessi għall-użu fl-akkwakultura organika (ĠU 2014, L 365, p. 97, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament bażiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ produzzjoni organika waqt li jiżgura l-iffunzjonar effettiv tas-suq intern, jiggarantixxi kompetizzjoni ġusta, jiżgura l-kunfidenza tal-konsumatur u jipproteġi l-interessi tal-konsumatur.

Huwa jistabbilixxi objettivi komuni u prinċipji komuni biex jiġu sostnuti r-regoli stabbiliti taħt dan ir-Regolament dwar:

a)

l-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-kontroll tagħhom;

[…]

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-agrikoltura, inkluża l-akkwakultura, fejn tali prodotti jitpoġġew fis-suq jew hemm l-intenzjoni li jitpoġġew fis-suq:

a)

prodotti agrikoli ħajjin jew mhux ipproċessati;

b)

prodotti agrikoli pproċessati għall-użu bħala ikel;

ċ)

għalf;

d)

materjal li jkattar il-veġetazzjoni u ż-żrieragħ għall-kultivazzjoni.

Il-prodotti tal-kaċċa u s-sajd ta’ annimali salvaġġi ma’ għandhomx jiġu kkunsidrati bħala produzzjoni organika

[…]”

3

L-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku jgħid:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘produzzjoni organika’ tfisser l-użu tal-metodu ta’ produzzjoni b’mod konformi mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament fl-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni;

[…]

d)

‘operatur’ tfisser persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli għall-iżgurar li l-ħtiġiet ta’ dan ir-Regolament jintlaħqu fil-kummerċ organiku taħt il-kontroll tagħhom;

[…]”

4

L-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku, li jipprevedi r-regoli applikabbli għall-produzzjoni ta’ annimali tal-akkwakultura, huwa fforamualt kif ġej:

“1.   Flimkien mar-regoli ġenerali ta’ produzzjoni ta’ l-impriżi agrikoli stabbiliti fl-Artikolu 11, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għal produzzjoni tal-bhejjem [annimali tal-akkwakultura]:

a)

rigward l-oriġini ta’ l-annimali ta’ l-akwakultura:

i)

l-akwakultura organika għandha tkun ibbażata fuq it-trobbija ta’ ġidd [stokk] ta’ età żgħira li toriġina minn broodstock organiku u impriżi organiċi;

ii)

meta ħażniet ta’ età żgħira minn broodstock jew impriżi organiċi ma jkunux disponibbli, annimali prodotti mhux organikament jistgħu jinġiebu f’impriża taħt kondizzjonijiet speċifiċi;

[…]

ċ)

rigward tgħammir:

[…]

iii)

għandhom jiġu stabbiliti kondizzjonijiet speċifiċi skond l-ispeċi għall-ġestjoni, it-tgħammir u l-produzzjoni żgħażugħa ta’ broodstock;

[…]”.

5

L-Artikolu 38 ta’ dan ir-regolament bażiku jawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tadotta l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

6

Skont l-Artikolu 42 tiegħu, ir-Regolament bażiku għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Ir-Regolament ta’ implementazzjoni

7

Fil-verżjoni tiegħu inizjali, l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU 2008 L 250, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2009 skont l-Artikolu 97 tiegħu, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-prodiotti ġejjin mill-akkwakultura.

L-ewwel regolament ta’ emenda tar-Regolament ta’ implementazzjoni

8

Bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 710/2009 tal-5 ta’ Awwissu 2009 (ĠU 2009, L 204, p. 15, iktar ’il quddiem l-“ewwel regolament ta’ emenda tar-Regolament ta’ implementazzjoni”), l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ implementazzjoni ġiet estiża għal ċerti annimali tal-akkwakultura u regoli ta’ produzzjoni speċifiċi għall-prodotti li ġejjin mill-akkwakultura ġew inkorporati fir-Regolament ta’ implementazzjoni.

9

L-ewwel regolament ta’ emenda tar-Regolament ta’ implementazzjoni daħħal, taħt it-Titolu II tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-Kapitolu 2a, intitolat “Il-produzzjoni tal-annimali tal-akkwakultura”. Fit-Taqsima 2 tal-imsemmi kapitolu, dwar l-oriġini tal-annimali tal-akkwakultura, l-Artikolu 25e jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom annimali tal-akkwakultura li ma humiex imrobbija b’mod organiku jistgħu jiddaħħlu f’azjenda.

10

Fil-verżjoni inizjali tiegħu, li tirriżulta mill-ewwel regolament li jemenda r-Regolament ta’ implementazzjoni, l-Artikolu 25e ipprovda:

“1.   Għall-għanijiet tat-tgħammir jew tat-titjib tal-istokk ġenetiku u f’każ fejn ma jkunx hemm annimali organiċi tal-akkwakultura disponibbli, jistgħu jiddaħħlu fl-istabbiliment annimali selvaġġi tal-akkwakultura maqbudin jew annimali tal-akkwakultura mhux organiċi. It-tali annimali għandhom jinżammu skont ġestjoni organika għal mill-anqas tliet xhur qabel ma jkunu jistgħu jintużaw għat-tgħammir.

2.   Għall-għanijiet tat-tismin u f’każ fejn ma jkunx hemm annimali organiċi tal-akkwakultura żgħar disponibbli, jistgħu jiddaħħlu fl-istabbiliment annimali tal-akkwakultura żgħar mhux organiċi. Tal-inqas l-aħħar żewġ terzi ta’ tul iċ-ċiklu tal-produzzjoni għandu jseħħ skont ġestjoni organika.

3.   Il-perċentwal massimu ta’ ħut żgħir tal-akkwakultura mhux organiku mdaħħal fl-istabbiliment għandu jkun ta’: 80 % sal-31 ta’ Diċembru 2011, 50 % sal-31 ta’ Diċembru 2013 u 0 % sal-31 ta’ Diċembru 2015.

4.   Għal skopijiet ta’ tkabbir kontinwu, il-ġabra tal-ġuvenili [ħut li għadu qed jikber] selvaġġi tal-akkwakultura hija ristretta speċifikament għall-każijiet li ġejjin:

a)

influss naturali ta’ ħut jew larvi krustaċji u ġuvenili meta jimtlew l-għadajjar, sistemi jew għeluq ta’ konteniment;

b)

ferħ tas-Sallura Ewropea, sakemm ikun hemm fis-seħħ pjan ta’ ġestjoni tas-sallura approvat għal-lokazzjoni u r-riproduzzjoni artifiċjali tas-sallura tibqa mhux solvuta;”

11

L-Artikolu 25i, intitolat “Il-projbizzjoni tal-ormoni” inserit fit-Taqsima 4 dwar it-trobbija tal-annimali, tal-Kapitolu 2a, tat-Titolu II tar-Regolament ta’ implementazzjoni jistipula:

“L-użu tal-ormoni u tad-derivati tal-ormoni mhuwiex permess.”

12

L-Artikolu 25k, intitolat “Ir-regoli speċjali dwar l-għalf għall-annimali tal-akkwakultura li huma karnivori”, introduċa fir-Regolament ta’ implementazzjoni bl-ewwel regolament li jemenda r-Regolament ta’ implementazzjoni, huwa, fil-verżjoni li ġejja mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) tal-Kummissjoni Nru 505/2012 tal-14 ta’ Ġunju 2012 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament 889/2008 (ĠU 2012, L 154, p. 12), ifformulat kif ġej:

“1.   L-għalf għall-annimali tal-akkwakultura li huma karnivori għandu jinġieb skont il-prijoritajiet li ġejjin:

a)

prodotti organiċi tal-għalf li ġejjin mill-akkwakultura;

b)

ikel u żejt tal-ħut mill-bċejjeċ maqtugħin mill-akkwakultura organika;

c)

ikel u żejt tal-ħut u ingredjenti li ġejjin mill-ħut u li ġejjin mill-bċejjeċ maqtugħin mill-ħut li jkun diġà nqabad għall-konsum min-nies permezz tas-sajd sostenibbli;

d)

materjali tal-għalf organiku li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali.

[…]

3.   Il-porzjon tal-għalf jista’ jinkludi sa massimu ta’ 60 % ta’ prodotti organiċi tal-pjanti.

4.   Astażantin li jkun ġej l-aktar minn sorsi organiċi, bħal mill-qxur tal-krustaċej organiċi, jista’ jintuża fil-porzjon tal-għalf tas-salamun u tat-troti fil-limitu tal-ħtiġijiet fiżjoloġiċi tagħhom. Jekk ma jkunux disponibbli s-sorsi organiċi, jistgħu jintużaw sorsi naturali tal-astażantin (bħall-ħmira tat-tip ‘Phaffia’).”

13

Skont l-Artikolu 2 tiegħu, l-ewwel regolament ta’ modifika kien japplika mill-1 ta’ Lulju 2010.

14

Madankollu, fl-Artikolu 95 tar-Regolament tal-implementazzjoni, l-ewwel regolament li jemenda r-Regolament ta’ implementazzjoni żied il-paragrafu li ġej:

“11.   Għal perjodu ta’ żmien li jiskadi fl-1 ta’ Lulju 2013, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza ‘l dawk l-unitajiet tal-produzzjoni tal-annimali tal-akkwakultura u tal-alka li, qabel ma jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, ikunu stabbiliti u jkunu jipproduċu skont regoli organiċi aċċettati b’mod nazzjonali, iżommu l-istat organiku tagħhom waqt li jkunu qed jadattaw ruħhom għar-regoli ta’ dan ir-Regolament, dejjem jekk ma jkunx hemm tniġġis mhux dovut tal-ilmijiet b’sustanzi li mhumiex permessi fil-produzzjoni organika. L-operaturi li jibbenefikaw minn din il-miżura għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti bil-faċilitajiet, il-vaski tal-ħut, il-gaġeġ u l-lottijiet tal-alka kkonċernati.”

15

L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2 tal-ewwel regolament li jemenda r-Regolament ta’ implementazzjoni kien jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jista’ jkun rivedut fuq il-bażi ta’ proposti rilevanti mill-Istati Membri, li jkunu akkumpanjati minn motivazzjoni ġġustifikata kif dovut, bil-ħsieb li jkun immodifikat mill-1 ta’ Lulju 2013.”

It-tieni regolament ta’ emenda tar-Regolament ta’ implementazzjoni

16

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1030/2013 tal-24 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 283, p. 15, iktar ’il quddiem it-“tieni regolament ta’ modifika tar-Regolament ta’ implementazzjoni”), id-data tat-tmiem il-perijodu tranżitorju li matulu l-ewwel Regolament li jemenda r-Regolament ta’ implementazzjoni ma setax jiġi rivedut (iktar ’il quddiem il-“perijodu tranżitorju”), li kienet iffissata għall-1 ta’ Lulju 2013 mill-Artikolu 95(11) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, ġiet issostitwita bid-data tal-1 ta’ Jannar 2015.

It-tielet regolament ta’ emenda tar-Regolament ta’ implementazzjoni

17

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1364/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-[Regolament ta’ implementazzjoni] fir-rigward ta’ użu ta’ ħut li għadu qiegħed jikber tal-akkwakultura mhux organiku u żerriegħa tal-frott tal-baħar bil-qoxra bivalvi li mhumiex organiċi fl-akkwakultura organika (ĠU 2013, L 343, p. 29), iktar ’il quddiem it-“tielet regolament ta’ emenda tar-Regolament ta’ implementazzjoni”), emenda l-Artikolu 25e tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

18

Il-perijodu li fih il-perċentwal massimu ta’ ħut li għadu qiegħed jikber tal-akkwakultura mhux organiku li daħal fl-azjenda għandu jkun ta’ 50 % ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2014.

19

Id-data sa meta l-perċentwali massimu kellu jitnaqqas għal 0 %, stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2015, ma nbidlitx.

Ir-regolament kontenzjuż

20

L-Artikolu 1(1) tar-regolament kontenzjuż issostitwixxa l-Artikolu 25e(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ġej:

“4.   Għal skopijiet ta’ tkabbir kontinwu, il-ġabra tal-ġuvenili selvaġġi tal-akkwakultura hija ristretta speċifikament għall-każijiet li ġejjin:

a)

influss naturali ta’ ħut jew larvi krustaċji u ġuvenili meta jimtlew l-għadajjar, sistemi jew għeluq ta’ konteniment;

b)

ferħ tas-Sallura Ewropea, sakemm ikun hemm fis-seħħ pjan ta’ ġestjoni tas-sallura approvat għal-lokazzjoni u r-riproduzzjoni artifiċjali tas-sallura tibqa mhux solvuta;

c)

il-ġabra tal-ħut żgħir selvaġġ ta’ speċijiet apparti mis-sallura Ewropea biex ikomplu jikbru f’pixxikultura estensiva tal-akkwakultura tradizzjonali fl-artijiet mistagħdra, bħall-għadajjar tal-ilma salmastru, iż-żoni tal-marea u l-laguni kostali, magħluqa permezz ta’ ilqugħ naturali u xtut, sakemm:

i)

l-istokkjar mill-ġdid huwa konformi mal-miżuri ta’ ġestjoni approvati mill-awtoritajiet rilevanti responsabbli mill-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut konċernati sabiex jiżguraw l-isfruttar sostenibbli tal-ispeċijiet konċernati, u

ii)

il-ħut jintemgħa esklussivament b’għalf naturali disponibbli fl-ambjent.”

21

Il-premessi 3 u 4 ta’ dan ir-regolament iġġustifikaw iż-żidiet imdaħħla fl-Artikolu 25e(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ġej:

“ (3)

Skont l-Artikolu 15(1)(a)(ii) tar-Regolament [bażiku], l-annimali prodotti b’mod mhux organiku jistgħu jiddaħħlu f’azjenda skont kundizzjonijiet speċifiċi, meta ma jkunx disponibbli stokk żagħżugħ minn stokk matur organiku jew mill-azjendi. Ir-Regolament [ta’ Implementazzjoni] jistabbilixxi r-restrizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-annimali tal-akkwakultura maqbuda mis-selvaġġ, inkluż il-ġabra ta’ ġuvenili [ħut żgħir] tal-akkwakultura selvaġġa. Xi prattiki tradizzjonali ta’ pixxikultura estensiva fl-artijiet mistagħdra, bħall-għadajjar tal-ilma salmastru, iż-żoni tal-marea u l-laguni kostali, magħluqa bid-digi u x-xtut, ilhom jeżistu għal sekli sħaħ u huma ta’ valur f’termini ta’ wirt kulturali, konservazzjoni tal-bijodiversità u perspettiva ekonomika għall-komunitajiet lokali. F’ċerti kundizzjonijiet, dawk il-prattiki ma jaffettwawx l-istatus tal-istokk tal-ispeċi konċernata.

(4)

Għalhekk, il-ġabra tal-ħut żgħir selvaġġ għal skopijiet ta’ tkabbir f’dawk il-prattiki tradizzjonali tal-akkwakultura hija kkunsidrata bħala konformi mal-għanijiet, il-kriterji u l-prinċipji tal-produzzjoni tal-akkwakultura organika, sakemm il-miżuri ta’ ġestjoni approvati mill-awtorità rilevanti responsabbli mill-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut konċernati huma fis-seħħ biex jiżguraw l-isfruttar sostenibbli tal-ispeċijiet konċernati, li l-istokkjar mill-ġdid huwa konformi ma’ dawk il-miżuri, u li l-ħut jiġi mitmugħ għalf esklussivament disponibbli b’mod naturali fl-ambjent.”

22

L-Artikolu 1(3) tar-regolament kontenzjuż ikkompleta l-Artikolu 25k(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ġej:

“e) prodotti tal-għalf derivati minn ħut sħiħ maqbud fis-sajd ċertifikat bħala sostenibbli taħt skema rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22)”.

23

L-Artikolu 1(5) tar-regolament kontenzjuż ukoll daħħal, fl-Artikolu 25i tar-Regolament ta’ implementazzjoni, paragrafu ġdid ifformulat kif ġej:

“5.   L-istidina prodotta permezz tal-fermentazzjoni tista’ tintuża fil-porzjon tal-għalf għall-ħut tal-familja Salmonidae meta s-sorsi tal-għalf elenkati fil-paragrafu 1 ma jipprovdux ammont suffiċjenti ta’ istidina biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-dieta tal-ħut u jipprevjenu l-formazzjoni tal-katerretti.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

24

Binca, kumpannija rregolata taħt id-dritt Ġermaniż, li tibbenefika miċ-ċertifikazzjoni ekoloġika, timporta fil-Ġermanja l-ħuta msejħa “pangasius”, prodotta fil-Vjetnam fi ħdan ir-razzett tal-akkwakultura bl-isem Binca Organic Farm fil-kuntest tal-akkwakultura organika, u wara tbigħha lil imsieħba fin-negozju stabbiliti fil-Ġermanja, fl-Awstrija u fil-pajjiżi Skandinavi.

25

Binca tixtri l-pangasius f’forma ffriżata, permezz ta’ impriża stabbilita fil-Vjetnam (iktar ’il quddiem l-“intermedjarja”), li hija elenkata u ċċertifikata li hija favur l-ambjent, li tipproċessa u tiffriża ħut mill-akkwakultura u tibgħat il-fattura tal-merkanzija kkonsenjata lil Binca, li taġixxi bħala esportatur.

26

Binca tixtri hija stess l-ingredjenti tal-ikel tal-ħut hija stess, li tikkunsinna lill-intermedjarju, u tnaqqas l-ammont korrispondenti mill-prezz tax-xiri mħallas lill-intermedjarju.

27

Permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kummissjoni f’Settembru 2014, Binca ressqet proposti għal emendi għar-regolament ta’ implementazzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 25e(3), kif emendat bir-tielet Regolament li jemenda r-Regolament ta’ implementazzjoni, bil-għan li testendi, sal-2021, il-possibbiltà li tintroduċi fl-azjendi ta’ ħut żgħar mhux ġejjin mill-akkwakultura organika.

28

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni informat lil Binca li l-proċess ta’ emenda tar-Regolament ta’ implementazzjoni kien beda u li ser jitqiesu l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati kollha.

29

Ir-regolament kontenzjuż ġie adottat fit-18 ta’ Diċembru 2014.

30

Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2015, Binca, b’riferiment għall-Artikolu 265 TFUE, talbet li l-Kummissjoni testendi l-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 95(11) tar-Regolament ta’ implementazzjoni sal-1 ta’ Jannar 2018, għall-pangasius li joriġina mill-Vjetnam.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

31

Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2015, Binca ppreżentat rikors intiż għall-annullament tar-regolament kontenzjuż. Hija sostniet li kienet ġiet iddiskriminata minħabba li, fir-regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kienet ipprevediet miżuri tranżitorji u regoli ta’ deroga speċifiċi għal akkwakulturi organiċi oħra barra minn dik tagħha stess. Dan ir-regolament għaldaqstant allegatament ibbenefika lill-kompetituri tagħha, iżda ma kienet prevista l-ebda miżura tranżitorja u ta’ deroga li setgħet ibbenefikat minnha. Skont Binca, tali miżuri tranżitorji u ta’ deroga jirrigwardaw b’mod partikolari l-oriġini ta’ annimali li għadhom qed jikbru.

32

Binca indikat li operaturi ekonomiċi oħra setgħu jkomplu jużaw it-tikketta “organiku” taħt ċerti kundizzjonijiet, li ma kinux madankollu offerti lilha. F’dan ir-rigward, fir-rikors tagħha ssemmiet speċifikament nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-produzzjoni tal-ħut fid-delta ta’ Mekong (il-Vjetnam) u ż-żoni fl-Ewropa tal-ilma salmastru.

33

B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

34

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Binca bħala inammissibbli peress li ma kellhiex interess ġuridiku għall-annullament kontra r-regolament kontenzjuż.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35

Permezz tal-appell tagħha, Binca titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

li tannulla d-digriet appellat; u

tannulla r-regolament kontenzjuż.

36

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

li tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil Binca għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

37

Insostenn tal-appell tagħha, Binca, essenzjalment, tinvoka ħames aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u li tikkonstata ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-tieni, fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, it-tielet, fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u l-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raba’, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, il-ħames, fuq ksur tal-libertà tal-impriża.

L-argumenti tal-partijiet

38

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Binca tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni li wasslet għal klassifikazzjoni mill-ġdid żbaljata tar-rikors tagħha. Filwaqt li hija allegat li hemm diskriminazzjoni mqabbla mal-kompetituri li setgħu jżommu t-tikketta “organiku” minħabba estensjoni arbitrarja u selettiva tal-perijodu tranżitorju, il-Qorti Ġenerali allegatament ittrattat dan ir-rikors bħala li jtendi biss li jikseb estensjoni tal-perijodu tranżitorju.

39

Il-Kummissjoni ssostni li l-motivazzjoni tad-digriet appellat hija bbażata prinċipalment, u ġustament, fuq l-interess ta’ Binca li titlob l-annullament tar-regolament kontenzjuż sabiex tkompli tbigħ il-pangasius bit-tikketta “organiku”, peress li t-talba tagħha kienet iddefinixxiet espressament b’mod speċifiku, bħala l-għan tar-rikors, l-estensjoni tal-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 95(11) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Dan l-għan huwa wkoll segwit bil-proċeduri extraġudizzjarji meħuda minn Binca u msemmija fid-digriet appellat.

40

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, Binca ma tinsabx fl-istess kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bħad-destinatarji tar-regolament kontenzjuż li huma l-operaturi tal-irzizet tal-akkwakultura, peress li hija involuta fl-importazzjoni ta’ pangasius bħala prodott bijoloġiku.

41

Il-Kummissjoni żżid li Binca ma ppreżentat l-ebda element konvinċenti tali li jiġġustifika li hemm relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejnha u l-produtturi l-oħra tal-ħut li ġej mill-akkwakultura organika. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali allegatament ma wettqitx żball ta’ liġi meta ma eżaminatx f’iktar dettall l-argumenti ta’ Binca dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiemha, iddeċidiet dwar dan ir-rikors bħala li jirrigwarda biss l-estensjoni, favur Binca, tal-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 95(11) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Peress li r-regolament kontenzjuż ma biddilx dan il-perijodu tranżitorju, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fid-digriet appellat, li l-annullament tar-regolament ma jbiddilx il-kuntest legali applikabbli. Mingħajr ma eżaminat il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, ikkonkludiet, fil-punt 73 tad-digriet appellat, li Binca ma kellhiex interess ġuridiku għall-annullament tar-regolament kontenzjuż, u li, għaldaqstant, ir-rikors tagħha kien inammissibbli.

43

Permezz tal-appell tagħha, Binca tissottometti li, fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar kellha tikkonstata li dan ir-rikors kien qed jilmenta dwar inugwaljanza fit-trattament introdott bir-regolament kontenzjuż, li l-applikazzjoni wasslet għal kompetizzjoni distorta.

44

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni, C-682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 25; tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55, kif ukoll id-digriet tas-6 ta’ April 2017, Proforec vs Il-Kummissjoni, C-176/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:290, punt 32).

45

F’dan il-każ, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li jikkostitwixxi l-prerekwiżit essenzjali u fundamentali għal kwalunkwe proċeduri legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 58). B’mod partikolari, sabiex rikors għal annullament ta’ att ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika jkun ammissibbli, huwa meħtieġ li r-rikorrent jiġġustifika b’mod xieraq l-interess li għandu għalih l-annullament ta’ dan l-att (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitx vs Il-Kummmissjoni, C‑682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punti 26 sa 28, u d-digriet tas-6 ta’ April 2017, Proforec vs Il-Kummissjoni, C-176/16P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:290, punti 33 u 34).

46

F’dan il-każ, mill-punti 60 u 62 tad-digriet appellat, jirriżulta li Binca sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-regolament kontenzjuż ippermetta lil uħud mill-kompetituri tagħha, iżda mhux lilha, li jkomplu l-bejgħ tal-prodotti tagħhom bit-tikketta “organiku” u li, sa fejn hija ma setgħetx tibqa’ tbigħ il-pangasius b’din it-tikketta, il-konsumaturi jibdlu l-għażla tagħhom fuq ħut li jappartjenu lil speċi oħra li ġejjin mill-akkwakultura organika. Għaldaqstant Binca sostniet li, f’każ ta’ annullament tar-regolament kontenzjuż, hija setgħet iżżomm il-klijenti tagħha peress li l-kompetituri tagħha ma jibqgħux awtorizzati jużaw it-tikketta “organiku”.

47

Mill-punt 70 tad-digriet appellat jiriżulta wkoll li Binca allegat, quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tar-rikors għal annullament tagħha, dehrilha possibbli li tikseb kundizzjonijiet ġusti u ugwali bejnha u l-produtturi l-oħra tal-ħut li ġej mill-akkwakultura organika, b’mod li dawn tal-aħħar ma jkunux iżjed jużaw, bħalha, it-tikketta “organiku” fis-suq.

48

Minn dan isegwi li Binca argumentat, quddiem il-Qorti Ġenerali, li kellha interess li titlob l-annullament tar-regolament kontenzjuż sa fejn tali annullament ikun tali li jirrimedja għall-inugwaljanza fit-trattament li dan ir-regolament ħoloq bejnha u produtturi oħra ta’ ħut ġejjin mill-akkwakultura organika u mhux biss sa fejn ir-regolament kontenzjuż ma estendiex il-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 95(11) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

49

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 69 tad-digriet appellat, Binca ammettiet quddiem il-Qorti Ġenerali li, permezz tar-rikors tagħha, hija ma tistax tibbenefika minn estensjoni tal-perijodu tranżitorju, previst fl-Artikolu 95(11) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, kif emendat mit-tieni regolament li jemenda r-Regolament ta’ implementazzjoni, filwaqt li ssostni li jkun possibbli li tintemm id-diskriminazzjoni li tagħha hija vittma, billi ċċaħħad lill-produtturi l-oħra ta’ ħut ġejjin mill-akkwakultura organika mill-użu tat-tikketta “organiku”.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, meta qieset b’mod żbaljat li r-rikors ippreżentat quddiemha minn Binca kien intiż għall-annullament tar-regolament kontenzjuż għar-raġuni biss li dan tal-aħħar ma kienx jestendi l-imsemmi perijodu tranżitorju, li wassal għal klassifikazzjoni mill-ġdid żbaljata tar-rikors, wettqet żball ta’ liġi.

51

Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra invokati minn Bianca, id-digriet appellat għandu jiġi annullat.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

52

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun tinsab fi stadju li tista’ tiġi deċiża.

53

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tagħti deċiżjoni finali dwar jekk Binca kellhiex interess ġuridiku.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li Binca, fir-rikors introduttiv tagħha fl-ewwel istanza, sostniet li kien hemm lok li r-regolament kontenzjuż jiġi annullat minħabba inugwaljanza arbitrarja fit-trattament bejn l-akkwakulturi bijoloġiċi differenti u li dan l-annullament jippermetti li titwaqqaf id-diskriminazzjoni u jġiegħel lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni mhux diskriminatorja dwar il-miżuri tranżitorji. F’dan ir-rikors, Binca speċifikat, rigward l-oriġini ta’ annimali żgħar, li l-emenda tal-Artikolu25e(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni bl-Artikolu 1(1) tar-regolament kontenzjuż wassal għal inugwaljanza fit-trattament bejn l-akkwakultura pprattikata fid-delta ta’ Mekong u dik ipprattikata fiż-żoni ta’ ilma salmastru fl-Ewropa.

55

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, Binca reġgħet speċifikat ukoll li l-produtturi tas-salamun u tat-troti bijoloġiċi ġew iffavoriti minn żewġ derogi maħruġa, l-ewwel, mill-Artikolu 25k(1)(e) tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni, introdott bl-Artikolu 1(3) tar-regolament kontenzjuż, u, it-tieni, mill-Artikolu 25k(5) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, introdott permezz tal-Artikolu 1(5) tar-regolament kotenzjuż, li jippermettu, rispettivament, l-użu ta’ ħut sħiħ bħala sors ta’ ikel għall-annimali karnivori u żżid l-istedina sabiex tiżgura l-bżonnijiet tal-ikel ta’ salmonidi.

56

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argumenti speċifiċi dwar l-Artikolu 1(3) u (5) tar-regolament kontenzjuż, li jdaħħlu rispettivament il-punt (e) tal-Artikolu 25k u l-paragrafu 5 tal-Artikolu 25k tar-Regolament ta’ implementazzjoni, peress li ma ġewx ippreżentati minn Binca fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ verifika ta’ jekk Binca kellhiex interess titlob l-annullament tar-regolament kontenzjuż. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 (li sar l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ April 2015) jirriżulta fil-fatt li rikors ippreżentat fl-ewwel istanza għandu, b’mod partikolari, jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati.

57

Fir-rigward, għall-kuntrarju, tal-kwistjoni ta’ jekk Binca kellhiex interess ġuridiku għal annullament kontra l-Artikolu 1(1) tar-regolament kontenzjuż, li jemenda l-Artikolu 25e tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-Kummissjoni tirrileva, minn naħa, li din il-kumpannija, li għandha biss il-kwalità ta’ importatur tal-ħut, ma hijiex f’kompetizzjoni mal-produtturi allegatament ivvantaġġati mir-regolament kontenzjuż, u, min-naħa l-oħra, li l-pangasius ma hijiex f’kompetizzjoni mat-tipi l-oħra ta’ ħut li għalihom, skont Binca, ir-regolament kontenzjuż jagħti trattament preferenzjali.

58

Madankollu, fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, ir-rwol ta’ Binca fil-katina ta’ provvista tal-pangasius organiku li ġej mill-Vjetnam huwa ikbar u iktar kumpless minn dak ta’ importatur klassiku. Fi kwalunkwe każ, peress li r-rekwiżiti għall-ittikkettar organiku li l-importaturi tal-prodotti li ġejjin mill-akkwakultura organika huma suġġetti għalihom jinkludu r-rekwiżiti ta’ produzzjoni imposti mir-regolament kontenzjuż, li ġie aċċettat mill-Kummissjoni fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jitqies, f’dan il-każ, li l-produtturi tal-ħut biss jista’ jkollhom interess li jaraw l-annullament tar-regolament kontenzjuż.

59

Fit-tieni lok, ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istadju tal-ammissibbiltà, li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Binca u l-produtturi tal-ħut allegatament ivvantaġġati mir-regolament kontenzjuż jew bejn il-pangasius organiku u l-ħut l-oħra ġejjin mill-akkwakultura organika, sabiex jiġi stabbilit l-interess ġuridiku ta’ Binca (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, COFAZ et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 28). F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi vverifikat li Binca ġġustifikat b’mod rilevanti l-interess li għandha għall-annullament tar-regolament kontenzjuż.

60

F’dan ir-rigward, Binca mhux biss sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li hija kienet tieħu benefiċċju mill-annullament tal-Artikolu 1(1) tar-regolament kontenzjuż li jemenda l-Artikolu 25e(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, iżda spjegat ukoll b’liema mod din il-modifika li saret mir-regolament kontenzjuż tagħti vantaġġi għal xi wħud mill-produtturi l-oħra tal-ħut li ġej mill-akkwakultura organika u twassal għal konsegwenzi kummerċjali negattivi għaliha.

61

Fil-kuntest ta’ dawn l-argumenti, Binca esponiet ukoll li, minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi naturali għat-trobbija tal-ħut fid-delta ta’ Mekong, l-azjenda li tforni lil Binca ma setgħetx tibbenefika, kuntrarjament għall-azjendi li jinsabu fl-ilmijiet Ewropej, mill-Artikolu 25e(4)(c) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, previst fl-Artikolu 1(1) tar-regolament kontenzjuż.

62

Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 87 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li, skont il-premessi 3 u 4 tar-regolament kontenzjuż, l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 25e(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni huma maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-produzzjoni ta’ ħut organiku li, fil-każ kuntrarju, kien jiġi interrott. L-anullament mitlub minn Binca għaldaqstant iwassal sabiex jelimina dawn l-eċċezzjonijiet u jagħmilha iktar diffiċli, saħansitra impossibbli, li jiġu prodotti, mill-produtturi l-oħra, ċerti tipi ta’ ħut bil-mod organiku, fis-sens tar-Regolament ta’ implementazzjoni u r-regolementi ta’ emenda tar-Regolament ta’ implimetazzjoni.

63

Hemm lok, għaldaqstant, li jitqies li Binca ġġustifikat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-interess ġuridiku tagħha billi semmiet b’mod rilevanti quddiem il-Qorti Ġenerali l-effetti negattivi, fir-rigward tagħha, tad-dispożizzjonijiet tar-regolament kontenzjuż imsemmija mir-rikors tagħha għal annullament kif ukoll il-benefiċċju li jista’ jirriżulta, għaliha, mill-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, dan il-benefiċċju għandu jkun irrikonoxxut minkejja l-fatt li l-Qorti Ġenerali, fi tmiem il-proċeduri quddiemha, tannulla jew le d-dispożizzjoni ikkontestata.

64

Minn dan isegwi li Binca kellha interess ġuridiku.

65

Madankollu għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi biżżejjed sabiex tiddeċiedi la fuq l-argumenti l-oħra mressqa fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra r-rikors għal annullament ta’ Binca u lanqas fuq il-merti tat-tilwima.

66

Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Marzu 2016, Binca Seafoods vs Il-Kummissjoni (T-94/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:164), huwa annullat.

 

2)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top