Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0245

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Lulju 2017.
    Nerea SpA vs Regione Marche.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Regolament (KE) Nru 800/2008 – Eżenzjoni ġenerali sħiħa – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(6)(ċ) – Artikolu 1(7)(ċ) – Kunċett ta’ ‘impriża f’diffikultà’ – Kunċett ta’ ‘proċeduri kollettivi ta’ insolvenza – Kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat taħt programm operazzjonali reġjonali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ammessa wara arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat – Revoka tal-għajnuna – Obbligu ta’ rimbors ta’ ammont imħallas bil-quddiem.
    Kawża C-245/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:521

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    6 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Regolament (KE) Nru 800/2008 — Eżenzjoni ġenerali sħiħa — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 1(6)(ċ) — Artikolu 1(7)(ċ) — Kunċett ta’ ‘impriża f’diffikultà’ — Kunċett ta’ ‘proċeduri kollettivi ta’ [insolvenza]’ — Kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat taħt programm operazzjonali reġjonali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ammessa wara arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat — Revoka tal-għajnuna — Obbligu ta’ rimbors ta’ ammont imħallas bil-quddiem”

    Fil-Kawża C‑245/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Le Marche, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2016, fil-proċedura

    Nerea SpA

    vs

    Regione Marche,

    fil-preżenza ta’:

    Banca del Mezzogiorno – Mediocredito Centrale SpA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għar-Regione Marche, minn L. Di Ianni, avukat,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli u M. Capolupo, avvocati dello Stato,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u A. Bouchagiar, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ April 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli [107 u 108 TFUE] (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) (ĠU 2008, L 214, p. 3).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nerea SpA u r-Regione Marche (reġjun ta’ Le Marche, l-Italja) dwar ir-revoka ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lil Nerea, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ programm operazzjonali reġjonali (iktar ’il quddiem il-“POR”) tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), minħabba t-tqegħid ta’ din il-kumpannija taħt il-protezzjoni ta’ arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 15 u 36 tar-Regolament Nru 800/2008 jipprevedu:

    “(15)

    Għajnuna mogħtija lill-impriżi f’diffikultà skond l-ambitu tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji f’diffikultà [(ĠU 2004, C 244, p. 2)] għandhom jiġu vvalutati taħt dawk il-linji gwida sabiex tiġi evitata ċ-cirkumvenzjoni tagħhom. Għajnuniet għal dawn l-impriżi għandhom għalhekk ikunu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, meta tkun qed tingħata l-għajnuna [lill-impriżi żgħar u medji (SMEs)] koperta minn dan ir-Regolament, id-definizzjoni ta’ x’għandu jiġi kkunsidrat bħala impriża li tkun f’diffikultà għandha tiġi simplifikata kif imqabbla mad-definizzjoni użata f’dawk il-Linji Gwida. Barra minn hekk, l-SMEs li ilhom inkorporati għal anqas minn tliet snin ma għandhomx, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’diffikultà matul dan il-perijodu sakemm ma jkunx sodisfatt il-kriterju taħt il-liġi nazzjonali relevanti biex ikunu s-suġġett ta’ proċeduri kollettivi għall-falliment [ta’ insolvenza]. Dawn is-simplifikazzjonijiet għandhom ikunu bla ħsara għall-kwalifiki ta’ dawn l-SMEs taħt dawk il-Linji Gwida fir-rigward ta’ l-għajnuna mhux koperta b’dan ir-Regolament u bla ħsara għall-kwalifika bħala impriżi f’diffikultà ta’ impriżi kbar, taħt dan ir-Regolament, li jibqgħu suġġetti għad-definizzjoni sħiħa pprovduta f’dawn il-Linji Gwida.

    […]

    (36)

    B’konsistenza mal-prinċipji li jirregolaw l-għajnuna li taqa’ taħt l-[Artikolu 107(1) TFUE] l-għajnuna għandha tkun meqjusa bħala mogħtija fil-mument li d-dritt legali li jirċevi l-għajnuna jingħata lill-benefiċjarju skond is-sistema legali nazzjonali applikabbli.”

    4

    L-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament Nru 800/2008 jipprovdi:

    “6.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawn li ġejjin:

    […]

    (ċ)

    għajnuna lil impriżi f’diffikultà.

    7.   Għall-għanijiet tal-punt (ċ) tal-paragrafu 6, SME għandha tiġi kkunsidrata li hija intrapriża fid-diffikultà jekk tissodifa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    ċ)

    tkun xi tkun it-tip ta’ kumpannija kkonċernata, fejn din tissodisfa l-kriterju taħt il-liġi domestika li tkun is-suġġett għall-proċeduri kollettivi ta’ falliment [insolvenza].

    SME, li ilha inkorporata għal anqas minn tliet snin ma għandhiex, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, tiġi kkunsidrata bħala li tinsab f’diffikultà matul dak il-perjodu sakemm ma tkunx sodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (ċ) ta’ l-ewwel subparagrafu.”

    5

    Il-punti 9 sa 11 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) jipprevedu:

    “9.

    Ma teżistix definizzjoni Komunitarja ta’ impriża f’diffikultà. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li intrapriża tinsab f’diffikultà fis-sens ta’ dawn il-linji gwida meta din ma tkunx kapaċi, bir-riżorsi finanzjarji tagħha stess jew bir-riżorsi li huma lesti li jtuha l-proprjetarji/azzjonisti tagħha u l-kredituri tagħha, li tħassar it-telf li jwassluha, fin-nuqqas ta’ intervent estern tal-poteri pubbliċi, lejn mewta ekonomika kważi ċerta f’terminu qasir jew medju. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    10.

    Speċifikament, fil-prinċipju u irrispettivament mid-daqs tagħha, huwa kkunsidrat li impriża tinsab f’diffikultà skont dawn il-Linji gwida, fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    a)

    fil-każ ta’ kumpannija ta’ responsabbiltà limitata, fejn iktar min-nofs tal-kapital irreġistrat tagħha jkun għosfor u iktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef matul it-12-il xahar preċedenti, jew

    b)

    fil-każ ta’ kumpannija fejn mill-inqas uħud mill-membri tagħha għandhom responsabbiltà mhux limitata għad-dejn tal-kumpannija, fejn iktar min-nofs tal-kapital tagħha kif juru l-kontijiet tal-kumpannija jkun għosfor u iktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef tul it-12-il xahar preċedenti, jew

    ċ)

    tkun xi tkun it-tip ta’ kumpannija kkonċernata, fejn din tissodisfa l-kriterju taħt il-liġi domestika li tkun is-suġġett għall-proċeduri kollettivi ta’ insolvenza. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11.

    Anki jekk il-kundizzjonijiet tal-punt 10 ma jkunux issodisfatti, impriża tista’ tiġi kkunsidrata f’diffikultà b’mod partikolari meta jkunu preżenti s-sinjali normali ta’ ditta f’diffikultà, bħal żieda fit-telf, tnaqqis fil-fatturat, tkabbir fl-inventarju tal-istokk, eċċess ta’ kapaċità, tnaqqis fil-fluss tal-flus, żieda fid-dejn, żieda fl-imposta tal-imgħax u tnaqqis fil-valur nett tal-assi jew valur nett tal-assi ta’ żero. F’każijiet akuti l-impriża diġà tista’ tkun saret insolventi jew tista’ tkun is-suġġett ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kollettivi miġjuba taħt il-liġi domestika. F’dawn l-aħħar każijiet, dawn il-Linji Gwida japplikaw għal kull għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri li twassal biex l-impriża tibqa’ fin-negozju. Fi kwalunkwe każ, l-impriża f’diffikultà tkun biss eliġibbli wara li jintwera li ma hijiex kapaċi tiżgura l-irkupru tagħha bir-riżorsi proprji, jew b’fondi mill-proprjetarji/azzjonisti jew minn sorsi tas-suq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id-dritt Taljan

    6

    Is-sistema ta’ arranġament mal-kredituri, fejn l-arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat jikkostitwixxi varjant, hija rregolata mill-Artikoli 160 sa 186a tar-Regio Decreto n 267 – Disciplina del fallimento, del concordato preventivo, dell’amministrazione controllata e della liquidazione coatta amministrattiva (Digriet Irjali Nru 267 rigward leġiżlazzjoni fuq il-falliment, ta’ arranġament mal-kredituri, tal-amministrazzjoni kontrollata u tal-istralċ amministrattiv mhux volontarju), tas-16 ta’ Marzu 1942 (GURI nru 81, tas-6 ta’ April 1942), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-fallimenti”).

    7

    L-Artikolu 160 tal-liġi dwar il-fallimenti, intitolata “Kundizzjonijiet għal ammissjoni fil-proċedura”, jipprovdi:

    “L-imprenditur li jinsab f’sitwazzjoni ta’ kriżi jista’ jipproponi lill-kredituri tiegħu arranġament għall-kredituri abbażi ta’ abbozz […]

    Għall-finijiet iddikjarati fl-ewwel paragrafu, is-sitwazzjoni ta’ kriżi tinkludi wkoll l-istat ta’ insolvenza. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    […]”

    8

    L-Artikolu 161 tal-liġi dwar il-fallimenti, intitolat “Talba għal arranġament mal-kredituri”, jipprovdi:

    “It-talba għal ammissjoni fil-proċedura ta’ arranġament tal-kredituri hija proposta permezz ta’ rikors, iffirmat mid-debitur, fil-qorti tal-post fejn l-impriża għandha s-sede prinċipali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9

    L-Artikolu 186a tal-liġi dwar il-fallimenti, intitolat “Talba għal arranġament tal-kredituri”, jipprovdi:

    “Meta l-abbozz tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 161(2)(e), jipprovdi għaż-żamma tal-attività ta’ impriża mid-debitur, it-trasferiment tal-impriża li topera jew il-kontribuzzjoni tal-impriża li topera lil kumpannija waħda jew iktar minn waħda, inklużi dawk ikkostitwiti ġodda, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. L-abbozz jista’ jipprovdi għal-likwidazzjoni tal-assi li ma jkunux suġġetti għall-eżerċizzju tal-attività ta’ imprenditur.

    Fil-każijiet imsemmija f’dan l-artikolu:

    a)

    l-abbozz imsemmi fl-Artikolu 161(2)(e), għandu jinkludi wkoll indikazzjoni analitika tal-ispejjeż u tad-dħul li huma mistennija li jinkisbu permezz tat-tkomplija tal-attività tan-negozju pprovduta fl-abbozz tal-ftehim, tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa u tal-modalitajiet korrispondenti ta’ kopertura;

    b)

    ir-rapport tal-professjonist imsemmi fl-Artikolu 161(3) għandu jiċċertifika li t-tkomplija tal-attività tal-impriża pprovduta fl-abbozz tal-arranġament għandha tikkontribwixxi għall-aħjar sodisfazzjon tal-kredituri;

    c)

    l-abbozz jista’ jipprovdi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 160(2), moratorja ta’ massimu sena mill-approvazzjoni tal-arranġament għall-ħlas tal-kredituri bi dritt preferenzjali, rahan jew ipoteka, sakemm tiġi pprovduta l-likwidazzjoni tal-assi jew drittijiet li hija l-bażi ta’ dan il-każ ta’ prijorità. F’dan il-każ, il-kredituri li jgawdu mill-każijiet ta’ prijorità msemmija fis-sentenza preċedenti ma jkunux intitolati għal dritt għall-vot.

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 169a, il-kuntratti li jkunu f’fażi ta’ eżekuzzjoni fid-data tal-applikazzjoni, inklużi dawk magħmula ma’ awtoritajiet pubbliċi, ma għandhomx jitqiesu bħala riżolti minħabba l-ftuħ tal-proċedura. Kwalunkwe ftehim eventwali għall-kuntrarju għandu jkun null. L-ammissjoni tal-applikazzjoni għall-arranġament mal-kredituri ma għandhiex timpedixxi t-tkomplija tal-kuntratti pubbliċi jekk il-professjonist maħtur mid-debitur imsemmi fl-Artikolu 67 ikun iċċertifika l-konformità tiegħu mal-abbozz u kapaċità raġonevoli sabiex jitwettqu. Fejn ikun hemm rekwiżiti legali, tista’ tibbenefika minn tali tkomplija l-kumpannija ċessjonarja jew li tirċievi bħala assistenza l-impriża jew waħda mill-fergħat tagħha ta’ attività li għalihom ikunu ġew attribwiti l-kuntratti. Fl-att ta’ trasferiment jew ta’ kontribuzzjoni, il-qorti kompetenti għandha tordna t-tħassir tar-reġistrazzjonijiet u t-traskrizzjonijiet.

    Wara l-preżentata tar-rikors, il-parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandha tkun awtorizzata mill-qorti, wara li tinkiseb l-opinjoni tal-kummissarju ġudizzjarju, jekk ikun ġie nnominat; fin-nuqqas ta’ tali nomina, tiddeċiedi l-qorti.

    L-ammissjoni tal-applikazzjoni għall-arranġament mal-kredituri ma tipprekludix il-parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta l-impriża tipprovdi fl-offerta:

    a)

    rapport ta’ professjonist li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 67(3)(d), u li jiċċertifika l-konformità mal-abbozz u kapaċità raġonevoli sabiex jiġi ssodisfatt il-kuntratt;

    b)

    id-dikjarazzjoni ta’ operatur ieħor li jissodisfa r-rekwiżiti ġenerali, ta’ kapaċità finanzjarja, teknika, ekonomika u ta’ ċertifikazzjoni, meħtieġa għall-għoti tal-kuntratt, li jkun intrabat rigward l-offerent u l-awtorità kontraenti li jagħmel disponibbli, matul il-perijodu tal-kuntratt, ir-riżorsi neċessarji għat-twettiq tal-kuntratt u sabiex jissurroga ruħu fil-pożizzjoni tal-kumpannija megħjuna fil-każ li din tfalli matul is-sejħa għal offerti jew wara l-konklużjoni tal-kuntratt, jew ma tibqax f’pożizzjoni, għal xi raġuni, li tissodisfa l-kuntratt kif suppost. L-Artikolu 49 tad-[Decreto legislativo n. 163, Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (Digriet Leġiżlattiv Nru 163, dwar il-ħolqien ta’ Kodiċi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti skont id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat-12 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006)] japplika.

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, il-kumpannija taħt arranġament mal-kredituri tista’ wkoll tikkompeti meta tkun tagħmel parti minn grupp f’assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, sakemm ma jkollhiex l-istatus ta’ rappreżentant awtorizzat u li l-impriżi l-oħra li jappartjenu f’din l-assoċjazzjoni ma jkunux suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza. F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni prevista fir-raba’ paragrafu, ittra b), tista’ ssir ukoll minn operatur li jifforma parti mill-assoċjazzjoni ta’ impriżi.

    Jekk matul proċedura mibdija b’mod konformi ma’ dan l-artikolu, l-impriża ma tibqax twettaq l-attività tagħha jew din tirriżulta li hija manifestament għad-detriment tal-kredituri, il-qorti għandha taġixxi skont l-Artikolu 173. Dan ma jaffettwax id-dritt tad-debitur li jemenda l-proposta tal-arranġament.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, ir-reġjun ta’ Le Marche approva s-sejħa għal proġetti u l-formoli relatati għall-implementazzjoni tal-intervent 1.2.1.05.01 tal-POR u tal-FEŻR rigward ir-reġjun ta’ Le Marche għall-perijodu mis-sena 2007 sas-sena 2013 li kienet ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni Nru 3986 tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Awwissu 2007.

    11

    Fit-13 ta’ April 2011, Nerea ppreżentat talba għall-għajnuna taħt l-imsemmija POR. Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2012, ir-reġjun ta’ Le Marche taha għajnuna finanzjarja fl-ammont ta’ EUR 144052.58, għal spiża eliġibbli ta’ EUR 665262.91. Fuq talba ta’ Nerea, depożitu ta’ 50 % tal-ammont tal-għajnuna, jiġifieri EUR 72026.29, kienu barra minn hekk imħallsa lilha mill-korp intermedjarju MedioCredito centrale (MCC) SpA (iktar ’il quddiem “MCC”).

    12

    Fit-18 ta’ Novembru 2013, wara li wettqet l-investiment li kien is-suġġett tal-imsemmija għajnuna finanzjarja, Nerea ppreżentat rapport fuq l-ispejjeż magħmula u talbet il-ħlas tal-bqija ta’ din l-għajnuna.

    13

    Fl-24 ta’ Diċembru 2013, Nerea adixxiet it-Tribunale di Macerata (qorti ta’ Macerata, l-Italja) b’talba għal arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2014, ippubblikata fit-23 ta’ Ottubru 2014, l-imsemmija qorti fetħet proċedura ta’ arranġament mal-kredituri.

    14

    Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2015, MCC innotifikat lil Nerea b’deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ revoka tal-għajnuna finanzjarja li kienet ingħatat mir-reġjun ta’ Le Marche. Il-ftuħ ta’ din il-proċedura kien iġġustifikat mill-fatt li, peress li kienet ammessa fil-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat, Nerea ma kinitx għadha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà għall-finanzjament previsti fl-Artikolu 1 kif ukoll fl-Artikolu 20(h) tas-sejħa għal proġetti.

    15

    Fil-5 ta’ Marzu 2015, Nerea ppreżentat l-osservazzjonijiet u talbet l-annullament tal-proċedura ta’ revoka.

    16

    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2015, MCC ikkonfermat lil Nerea li l-ftuħ kontra tagħha ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat kien jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008, wieħed mill-każijiet li jimpedixxu l-ammissibbiltà tagħha għall-benefiċċju ta’ għajnuna finanzjarja.

    17

    Fil-11 ta’ Mejju 2015, ir-reġjun ta’ Le Marche rrevoka l-għajnuna finanzjarja mogħtija lil Nerea u talabha r-rimbors tad-depożitu ta’ EUR 72026.29 li kien ħallasha, miżjud bl-interessi għal ammont ta’ EUR 4997.93.

    18

    Għalhekk, Nerea adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet, billi invokat, b’mod partikolari, ksur tal-POR, tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament Nru 800/2008 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per Le Marche (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Le Marche, l-Italja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1.

    Preliminarjament, l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 jirrigwarda biss il-proċeduri li jistgħu jinbdew ex officio mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri (fl-Italja, pereżempju, il-proċedura ta’ falliment) jew anki dawk li jistgħu jinbdew biss fuq inizjattiva tal-operatur ekonomiku kkonċernat (kif inhu l-każ fid-dritt nazzjonali ta’ arranġament mal-kredituri), minħabba li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-fatt li l-kumpannija ‘tkun is-suġġett għall-’ proċeduri kollettivi ta’ falliment [insolvenza]?

    2)

    Fl-eventwalità li jiġi konkluż li r-Regolament Nru 800/2008 jirrigwarda l-proċeduri kollettivi kollha, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari s-sistema tal-arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat, prevista fl-Artikolu 186a tad-Digriet Irjali Nru 267/1942 tas-16 ta’ Marzu 1942, l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li r-rekwiżiti għall-issuġġettar għal proċedura kollettiva jkunu ssodisfatti mill-operatur ekonomiku li japplika għal finanzjament mill-fondi strutturali huwa suffiċjenti sabiex jimpedixxi l-għoti tal-finanzjament jew sabiex jobbliga lill-awtorità nazzjonali ta’ ġestjoni li tirrevoka l-finanzjament diġà mogħti jew, għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni ta’ diffikultà għandha tiġi evalwata fil-każ speċifiku billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, pereżempju, it-tul tal-fażi ta’ ftuħ tal-proċedura, l-osservanza mill-operatur ekonomiku tal-impenji meħuda u kull ċirkustanza rilevanti oħra?”

    Fuq id-domandi preliminari

    20

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 sa fejn hija adita b’tilwima fil-kuntest ta’ liema Nerea, impriża li bbenefikat minn għajnuna mill-Istat mogħtija fil-kuntest ta’ POR fir-rigward tar-reġjun ta’ Le Marche, tikkontesta li għandha tirrimborsa l-ammont kif ukoll l-interessi relatati, skont din id-dispożizzjoni, għar-raġuni li, wara l-għoti tagħha, hija talbet sabiex tibbenefika minn arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat.

    Fuq l-ewwel domanda

    21

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi ta’ falliment [insolvenza]” li huwa jsemmi jkopri biss il-proċeduri li jistgħu jinfetħu ex officio mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri jew jekk huwa jkoprix ukoll dawk li jistgħu jittieħdu bl-inizjattiva tal-impriża.

    22

    Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda hija magħmula minħabba l-ispeċifiċità tal-proċedura kollettiva ta’ insolvenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat kif previst mil-liġi dwar il-fallimenti, li hija miftuħa mill-qorti kompetenti fuq talba tal-impriża interessata.

    23

    Fil-fatt, jekk il-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi ta’ falliment [insolvenza]” ikollu jiġi interpretat li jkopri biss il-proċeduri miftuħa ex officio mill-qorti kompetenti, huwa ma jkunx jinkludi l-arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat, u l-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament Nru 800/2008 għalhekk ma jkunx japplika għas-sitwazzjoni ta’ Nerea.

    24

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1(6)(ċ) tiegħu, ir-Regolament Nru 800/2008 ma japplikax għall-għajnuna lill-impriżi f’diffikultà. Il-premessa 15 tal-imsemmi regolament tippreċiża li l-għajnuniet mogħtija lill-impriżi f’diffikultà għandhom jiġu vvalutati fid-dawl tal-linji gwida sabiex tiġi evitata ċ-cirkumvenzjoni tagħhom.

    25

    L-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 jipprevedi li impriża SME għandha tiġi meqjusa bħala impriża f’diffikultà meta hija tissodisfa, skont id-dritt nazzjonali li huwa applikabbli għaliha, ir-rekwiżiti tal-issuġġettar għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza.

    26

    Din id-dispożizzjoni għalhekk tirreferi għad-dritt nazzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rekwiżiti li taħthom l-SMEs huma suġġetti għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza.

    27

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 800/2008 ma tagħmel distinzjoni bejn il-proċeduri kollettivi ta’ falliment differenti eżistenti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti, li abbażi tagħhom dawn il-proċeduri huma miftuħa għall-awtoritajiet amministrattivi u ġuridiċi tal-Istati Membri jew għall-inizjattiva tal-impriża.

    28

    Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 jgħid “tkun is-suġġett għall-” proċedura kollettiva ta’ insolvenza, din id-dispożizzjoni ma tistax għaldaqstant tiġi interpretata fis-sens li tkopri biss il-proċeduri miftuħa ex officio kontra l-impriżi, bl-esklużjoni tal-proċeduri miftuħa bl-inizjattiva ta’ dawn tal-aħħar.

    29

    Konsegwentement, l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi ta’ falliment [insolvenza]” li huwa jsemmi jkopri l-proċeduri kollha kollettivi ta’ falliment previsti fid-dritt nazzjonali, kemm jekk dawn ikunu miftuħa ex officio mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali u kemm jekk ikunu miftuħa fuq l-inizjattiva tal-impriża kkonċernata.

    Fuq it-tieni domanda

    30

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li impriża tissodisfa r-rekwiżiti għall-issuġġettar għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza huwa suffiċjenti sabiex jimpedixxi li tingħatalha għajnuna mill-Istat skont l-imsemmi regolament jew sabiex ikun impost li din tiġi revokata jekk tkun diġà ingħatat, jew jekk għandux jiġi konkretament stabbilit, għal dan il-għan, li l-impriża tinsab f’diffikultà.

    31

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(6)(ċ) tiegħu, ir-Regolament Nru 800/2008 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-għajnuna lill-impriżi f’diffikultà, jiġifieri, b’mod partikolari, lill-impriżi li, konformement mal-Artikolu 1(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament, jissodisfaw, skont id-dritt nazzjonali li huwa applikabbli għalihom, ir-rekwiżiti għall-issuġġettar għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza.

    32

    Issa, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 36 tar-Regolament Nru 800/2008, l-għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 107(1) TFUE għandha tiġi meqjusa bħala mogħtija fil-mument li d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna jingħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

    33

    Għaldaqstant, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa f’dan l-istess mument li għandha tiġi evalwata, fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Nru 800/2008, l-eliġibbiltà ta’ impriża għall-għoti ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke, C‑129/12, EU:C:2013:200, punt 40).

    34

    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 800/2008, id-definizzjoni ta’ dak li għandu jiġi kkunsidrat bħala “impriża f’diffikultà” għandha tiġi simplifikata meta mqabbla mad-definizzjoni użata fil-Linji Gwida, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-Istati Membri meta huma jagħtu għajnuna koperta minn dan ir-regolament lil SME. L-Artikolu 1(7) tal-imsemmi regolament għalhekk sempliċiment jirriproduċi l-elementi tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” msemmija fil-punt 10 tal-Linji Gwida, bl-esklużjoni għalhekk, ta’ dawk elenkati fil-punt 11 ta’ dawn tal-aħħar.

    35

    Issa, jkun kontra dan l-għan ta’ simplifikazzjoni li wieħed jimponi fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jiġi deċiż l-għoti, skont ir-Regolament Nru 800/2008, ta’ għajnuna mill-Istat lil impriża, li huma stess jevalwaw konkretament, fil-mument fejn huma jeżaminaw l-eliġibbiltà ta’ din tal-aħħar għall-benefiċċju tal-għajnuna, jekk hija tkunx tinsab f’diffikultà.

    36

    Barra minn hekk, l-Artikolu 1(7)(ċ) tal-imsemmi regolament jimponi fuq l-imsemmija awtoritajiet l-obbligu mhux li jipproċedu bit-twettiq ta’ eżami awtonomu tas-sitwazzjoni konkreta tal-impriża, iżda sempliċement li joqgħodu attenti li ma jagħtux, skont dan l-istess regolament, għajnuna lil impriża li tissodisfa r-rekwiżiti għall-issuġġettar għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza.

    37

    Minn dan isegwi li impriża, bħal ma hija Nerea, li, fid-data li fiha ingħatatilha l-għajnuna, ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-issuġġettar għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza previsti fid-dritt nazzjonali li kien applikabbli għaliha, li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tikkonstata dan, ma tistax titqies bħala impriża f’diffikultà li taqa’ taħt l-Artikolu 1(6) tar-Regolament Nru 800/2008, li bih dan tal-aħħar ma japplikax għall-għajnuna lill-impriżi f’diffikultà.

    38

    Minn dan isegwi wkoll li għajnuna mogħtija lil impriża skont ir-Regolament Nru 800/2008, u b’mod partikolari skont ir-rekwiżit negattiv li jinsab fl-Artikolu 1(6) ta’ dan ir-regolament ma tistax tiġi rrevokata minħabba s-sempliċi raġuni li din l-impriża ġiet suġġetta għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza wara d-data li fiha ngħatatilha l-għajnuna.

    39

    Konsegwentement, l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li impriża tissodisfa r-rekwiżiti għall-issuġġettar għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza skont id-dritt nazzjonali, li għandu jiġi kkonstatat mill-qorti tar-rinviju, huwa suffiċjenti sabiex jimpedixxi li tingħatalha għajnuna mill-Istat skont dan ir-regolament jew, jekk tali għajnuna tkun diġà ingħatatilha, sabiex jiġi ikkonstatat li din ma setgħetx tingħata skont l-imsemmi regolament, sakemm dawn ir-rekwiżiti jkunu sodisfatti fid-data meta kienet ingħatat l-imsemmija għajnuna. Min-naħa l-oħra, għajnuna mogħtija lil impriża skont ir-Regolament Nru 800/2008, u b’mod partikolari skont l-Artikolu 1(6) tiegħu ma tistax tiġi revokata minħabba s-sempliċi raġuni li din l-impriża ġiet suġġetta għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza wara d-data li fiha ngħatatilha l-għajnuna.

    Fuq l-ispejjeż

    40

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli [107 u 108 TFUE] (Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi ta’ falliment [insolvenza]” li huwa jsemmi jkopri l-proċeduri kollha kollettivi ta’ falliment previsti fid-dritt nazzjonali, kemm jekk dawn ikunu miftuħa ex officio mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali u kemm jekk ikunu miftuħa fuq l-inizjattiva tal-impriża kkonċernata.

     

    2)

    L-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li impriża tissodisfa r-rekwiżiti għall-issuġġettar għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza skont id-dritt nazzjonali, li għandu jiġi kkonstatat mill-qorti tar-rinviju, huwa suffiċjenti sabiex jimpedixxi li tingħatalha għajnuna mill-Istat skont dan ir-regolament imsemmi jew, jekk tali għajnuna tkun diġà ingħatatilha, sabiex jiġi kkonstatat li din ma setgħetx tingħata skont l-imsemmi regolament, sakemm dawn ir-rekwiżiti jkunu sodisfatti fid-data meta kienet ingħatat l-imsemmija għajnuna. Min-naħa l-oħra, għajnuna mogħtija lil impriża skont ir-Regolament Nru 800/2008, u b’mod partikolari skont l-Artikolu 1(6) tiegħu ma tistax tiġi revokata minħabba s-sempliċi raġuni li din l-impriża kienet suġġetta għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza wara d-data li fiha ngħatatilha l-għajnuna.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top