Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0143

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Lulju 2017.
Abercrombie & Fitch Italia Srl vs Antonino Bordonaro.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(1) – Artikolu 2(2)(a) – Artikolu 6(1) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Kuntratt ta’ xogħol intermittenti li jista’ jiġi konkluż ma’ persuni ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena – Tmiem awtomatiku tal-kuntratt ta’ xogħol meta l-ħaddiem jilħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena.
Kawża C-143/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:566

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(1) – Artikolu 2(2)(a) – Artikolu 6(1) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Kuntratt ta’ xogħol intermittenti li jista’ jiġi konkluż ma’ persuni ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena – Tmiem awtomatiku tal-kuntratt ta’ xogħol meta l-ħaddiem jilħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena”

Fil-Kawża C-143/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (qorti suprema tal-kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Abercrombie & Fitch Italia Srl

vs

Antonino Bordonaro,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Abercrombie & Fitch Italia Srl, minn G. Di Garbo, G. Brocchieri, G. Iorio Fiorelli u E. Ceracchi, avukati,

għal A. Bordonaro, minn A. Guariso, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Socio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u G. Gattinara, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Abercrombie & Fitch Italia Srl (iktar ’il quddiem “Abercrombie”) u Antonino Bordonaro, fir-rigward tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ intermittenti ta’ dan tal-aħħar, li seħħet biss għar-raġuni li huwa kien laħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“ 1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”

5

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“ 1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[…]”

Id-dritt Taljan

6

L-Artikolu 34 tad-decreto legislativo n. 276/2003 – Attuazione delle deleghe in materia di occupazione e mercato del lavoro, di cui alla legge 14 febbraio 2003, n. 30 (Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 dwar l-applikazzjoni ta’ delegi fi kwistjonijiet relatati mal-impjieg u s-suq tax-xogħol stabbilit bil-Liġi Nru 30 tal-14 ta’ Frar 2003), tal-10 ta’ Settembru 2003 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2003, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003”), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt bejn Abercrombie u A. Bordonaro, jiġifieri l-14 ta’ Diċembru 2010, kien jipprevedi:

“ 1.   Kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż għall-provvista ta’ servizzi ta’ natura mhux kontinwa jew intermittenti skont ir-rekwiżiti speċifikati fil-ftehimiet kollettivi stabbiliti mill-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-impjegati li b’mod komparabbli huma l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali jew territorjali, għal perijodi ddeterminati minn qabel matul ġimgħa, xahar jew sena fis-sens tal-Artikolu 37.

2.   Kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn persuni ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena jew minn ħaddiema ta’ iktar minn ħamsa u erbgħin sena, inklużi pensjonanti.

[…]”.

7

L-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta seħħet it-tkeċċija ta’ A. Bordonaro kien jipprevedi:

“Kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż, fi kwalunkwe każ, ma’ persuni ta’ iktar minn ħamsin sena u ma’ persuni ta’ inqas minn erba’ u għoxrin sena, bil-kundizzjoni, fil-każ tal-aħħar, li s-servizzi kuntrattwali jridu jitwettqu qabel ma jintlaħqu l-ħamsa u għoxrin sena”.

8

L-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 tħassar bid-decreto legislativo n. 81 (Digriet Leġiżlattiv Nru 81), tal-15 ta’ Ġunju 2015 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 144, tal-24 ta’ Ġunju 2015). Madankollu, id-dispożizzjonijiet tiegħu ġew essenzjalment riprodotti fl-Artikolu 13 ta’ dan l-aħħar digriet leġiżlattiv, li jipprevedi li:

“ 1.   Kuntratt ta’ xogħol intermittenti huwa kuntratt, anki għal żmien determinat, li permezz tiegħu ħaddiem jqiegħed ruħu għad-dispożizzjoni ta’ persuna li timpjega għat-twettiq ta’ servizzi ta’ xogħol mhux kontinwi jew intermittenti, skont il-modalitajiet speċifikati mill-ftehimiet kollettivi, anki għal perijodi ddeterminati minn qabel fil-kuntest tal-ġimgħa, tax-xahar jew tas-sena. Jekk ma jkunx hemm ftehim kollettiv, il-każijiet fejn jista’ jintuża x-xogħol intermittenti għandhom jiġu ddeterminati b’digriet tal-ministru tax-xogħol u tal-politika soċjali.

2.   Kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn persuni ta’ inqas minn erba’ u għoxrin sena, bil-kundizzjoni li s-servizzi kuntrattwali jridu jitwettqu qabel ma jintlaħqu l-ħamsa u għoxrin sena, u ta’ iktar minn ħamsa u ħamsin sena.

3.   Fi kwalunkwe każ, bl-eċċezzjoni tas-settur tat-turiżmu, tal-postijiet fejn jiġi milqugħ il-pubbliku u tal-ispettaklu, il-kuntratt ta’ xogħol intermittenti huwa permess, għall-kull ħaddiem mal-istess persuna li timpjega, għal perijodu totali li ma jkunx ta’ iktar minn erba’ mitt ġurnata effettiva ta’ xogħol fil-kuntest ta’ tliet snin. Fil-każ li dan il-perijodu jinqabeż, ir-relazzjoni tittrasforma ruħha f’relazzjoni ta’ impjieg full time u għal żmien indeterminat.

4.   Matul il-perijodi mhux maħduma, il-ħaddiem intermittenti ma għandux dritt għal remunerazzjoni u lanqas għal xi dritt ieħor li joħroġ mir-relazzjoni ta’ xogħol, ħlief jekk ikun ta’ garanzija lill-persuna li timpjega li ser jibqa’ għad-dispożizzjoni tagħha meta ssejjaħlu, f’liema każ, huwa jirċievi allowance tad-disponibbiltà prevista fl-Artikolu 16.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima ma japplikawx għar-relazzjonijiet ta’ xogħol fil-kuntest tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.”

9

L-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta previsti fil-leġislazzjoni fis-seħħ, il-ħaddiem intermittenti ma għandux jirċievi, għall-perijodi maħduma, trattament ekonomiku u regolatorju li jkun kumulattivmaent inqas favorevoli meta mqabbel ma ħaddiema tal-istess livell, għall-istess xogħol.

2.   It-trattament ekonomiku, regolatorju u ta’ sigurtà soċjali tal-ħaddiem intermittenti għandu jkun proporzjonali, skont ix-xogħol effettivament imwettaq, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ammont tar-remunerazzjoni globali u ta’ kull wieħed mill-elementi tagħha, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-vaganzi u l-leave tal-mard, il-leave għal inċidenti fuq ix-xogħol, il-leave għal mard ikkaġunat mix-xogħol, il-leave tal-maternità u l-leave parentali.

[…]”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

A. Bordonaro kien impjegat minn Abercrombie & Fitch fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż fl-14 ta’ Diċembru 2010 li, fl-1 ta’ Jannar 2012, inbidel f’kuntratt għal żmien indeterminat, biex iwettaq xogħol ta’ magazzinier ta’ bil-lejl. Il-kuntratt kien jipprevedi li l-persuna kkonċernata kellha, b’mod intermittenti, kull meta l-impriża titlob dan, “tiżgura l-assistenza lill-klijenti u taħdem bħla operatur mal-cash register”.

11

Fil-kuntest tal-impjieg tiegħu, A. Bordonaro wettaq, fl-ewwel xhur tar-reklutaġġ tiegħu, bejn erba’ u ħames servizzi ta’ xogħol ta’ bil-lejl fil-ġimgħa, u sussegwentement, mis-sena 2011, bejn tlieta u erba’ servizzi ta’ xogħol fil-ġimgħa. Is-servizzi kienu mqassma bejn il-persunal kollu skont planning ta’ xahrejn. Peress li kkonstata li ismu ma kienx iktar jidher fil-planning ta’ wara dak li jintemm fis-16 ta’ Lulju 2012 u peress li ma rċeviex iktar talbiet biex iwettaq servizzi, A. Bordonaro kkuntattja lis-servizz tar-riżorsi umani ta’ Abercrombie. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2012, il-persuna responsabbli minn dan is-servizz informatu li r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu ma’ Abercrombie kienet intemmet fis-26 ta’ Lulju 2012, li hija l-ġurnata ta’ meta huwa għalaq ħamsa u għoxrin sena, peress li, f’din id-data, “ir-rekwiżit suġġettiv tal-età ma kienx iktar issodisfatt”.

12

A. Bordonaro ressaq rikors quddiem it-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milano, l-Italja) intiż sabiex jiġi stabbilit li l-kuntratt ta’ xogħol intermittenti tiegħu għal żmien determinat kif ukoll it-tkeċċija tiegħu huma illegali minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Peress li t-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milano) iddikjarat dan ir-rikors inammissibbli, A. Bordonaro appella quddiem il-Corte d’appello di Milano (qorti tal-appell ta’ Milano, l-Italja), li, permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, ikkonstatat l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol subordinat għal żmien indeterminat u kkundannat lil Abercrombie tirreintegra lill-persuna kkonċernata fil-pożizzjoni tagħha u tikkumpensaha għad-danni subiti.

13

Abercrombie appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (qorti suprema tal-kassazzjoni, l-Italja). Min-naħa tiegħu, A. Bordonaro ressaq appell inċidentali.

14

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003, fil-verżjonijiet tiegħu applikabbli għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex kompatibbli kemm mad-Direttiva 2000/78 kif ukoll mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età. Hija tosserva, b’mod partikolari, li din id-dispożizzjoni donnha ma tinkludix raġuni rilevanti espliċita għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola nazzjonali li tinsab fl-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru°276 tal-2003, li tipprovdi li l-kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn persuni ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena, tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età, li huwa stabbilit mid-Direttiva [2000/78] u l-Artikolu 21(1) tal-[Karta]?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 2(2)(a), u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza persuna li timpjega tikkonkludi kuntratt ta’ xogħol intermittenti ma’ ħaddiem ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena, irrispettivament min-natura tas-servizzi li għandhom jitwettqu, u li tkeċċi lil dan il-ħaddiem ladarba huwa jilħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena.

17

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li issa huwa sanċit fl-Artikolu 21 tal-Karta, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu b’osservanza ta’ din id-direttiva (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09, EU:C:2011:573, punt 48; tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer, C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 23, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Bowman, C‑539/15, EU:C:2016:977, punt 19).

18

L-ewwel nett, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont kliem din id-dispożizzjoni, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ifisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tagħha, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

19

F’dak li jirrigwarda, qabel kollox, il-kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni Ewropea, dwar jekk A. Bordonaro jistax jiġi kklassifikat bħala “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett għandu portata awtonoma u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għalhekk, għandha tiġi kkunsidrata bħala “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet ġenwini u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet fuq skala tant żgħira li jistgħu jitqiesu purament marġinali u anċillari. Il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ xogħol hija, skont din il-ġurisprudenza, il-fatt li persuna twettaq matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, EU:C:1986:284, punti 1617; tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins, C-138/02, EU:C:2004:172, punt 26, kif ukoll tat-3 ta’ Mejju 2012, Neidel, C-337/10, EU:C:2012:263, punt 23).

20

L-evalwazzjoni globali tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ A. Bordonaro timplika mhux biss it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi bħall-ħin tax-xogħol u l-ammont tar-remunerazzjoni, iżda wkoll ta’ eventwali drittijiet għal leave imħallas, tad-dritt għaż-żamma tas-salarju fil-każ ta’ mard, tal-fatt li l-kuntratt huwa suġġett għall-ftehim kollettiv applikabbli, tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tan-natura ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2010, Genc, C-14/09, EU:C:2010:57, punt 27).

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li A. Bordonaro ġie impjegat fl-14 ta’ Diċembru 2010 abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol intermittenti għal żmien determinat sabiex iwettaq, kull meta Abercrombie titlob dan, xogħol ta’ magazzinier ta’ bil-lejl. Kif jirriżulta mill-proċess li jinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa wettaq, fl-ewwel xhur tar-reklutaġġ tiegħu, bejn erba’ u ħames servizzi ta’ xogħol ta’ bil-lejl fil-ġimgħa, u sussegwentement, mis-sena 2011, bejn tlieta u erba’ servizzi ta’ xogħol fil-ġimgħa. Barra minn hekk, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, A. Bordonaro speċifika li huwa kien fl-istess pożizzjoni bħal 400 impjegat ieħor ta’ Abercrombie, li l-kuntratt tagħhom huwa rregolat minn ftehimiet kollettivi.

22

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom ġiet eżerċitata, li l-eżatezza tagħhom għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, l-attività ta’ A. Bordonaro ma tistax tiqies li kienet purament marġinali u anċillari, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 19 ta’ din is-sentenza.

23

Għalhekk huwa probabbli li l-kuntratt ta’ xogħol ta’ A. Bordonaro huwa ta’ natura li tippermettilu jinvoka l-kwalità ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE. Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha konoxxenza fil-fond u diretta tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ.

24

Wara dan għandu jiġi eżaminat jekk A. Bordonaro huwiex fondat li jallega li kien is-suġġett ta’ differenza fit-trattament abbażi tal-età.

25

Fir-rigward tar-rekwiżit relatat man-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet, għandu jiġi speċifikat li, minn naħa, ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu paragunabbli u, min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ din in-natura paragunabbli ma għandux isir b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-benefiċċju kkonċernat (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay, C-267/12, EU:C:2013:823, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003, stabbilixxa żewġ skemi differenti mhux biss f’dak li jirrigwarda l-aċċess u l-kundizzjonijiet tax-xogħol iżda wkoll it-tkeċċija tal-impjegati intermittenti, skont il-kategorija ta’ età li taħtha jaqgħu dawn l-impjegati. Fil-fatt, filwaqt li, fir-rigward tal-ħaddiema li għandhom ħamsa u għoxrin sena u iktar iżda inqas minn ħamsa u erbgħin sena, kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż biss għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ natura mhux kontinwa jew intermittenti, skont il-modalitajiet speċifikati fil-ftehimiet kollettivi u għal perijodi speċifikati minn qabel, il-konklużjoni ta’ tali kuntratt ta’ xogħol intermittenti ma hija suġġetta, fir-rigward tal-ħaddiema ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena u ta’ iktar minn ħamsa u erbgħin sena, għall-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet u tista’ sseħħ “fi kwalunkwe każ”, fejn għandu jiġi speċifikat, kif indikat mill-Gvern Taljan waqt is-seduta, li l-kuntratti konklużi mal-ħaddiema ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena jintemmu awtomatikament meta dawn jilħqu l-ħamsa u għoxrin sena.

27

Għalhekk, għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li jitkeċċa biss minħabba l-fatt li huwa laħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena hija oġġettivament paragunabbli għal dik tal-ħaddiema li jaqgħu taħt kategorija oħra ta’ età.

28

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li sa fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż “fi kwalunkwe każ” ma’ ħaddiem ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena u jintemm awtomatikament meta dan il-ħaddiem jilħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena, din tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażat fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

29

It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata.

30

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jistipula li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, huwa objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu approprjati u neċessarji.

31

Għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer, C-530/13, EU:C:2014:2359, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan jirriżulta li din id-dispożizzjoni tifforma parti minn kuntest ġuridiku intiż li jagħmel is-suq tax-xogħol iktar flessibbli sabiex tiżdied ir-rata tal-impjieg.

33

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kategorija ta’ ħaddiema ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan effettivament jirriżulta li l-għan tal-possibbiltà mogħtija lill-persuni li jimpjegaw sabiex jikkonkludu kuntratt ta’ xogħol intermittenti “fi kwalunkwe każ” u li jtemmu dan il-kuntratt meta l-ħaddiem inkwistjoni jilħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena, huwa l-promozzjoni tad-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Dan il-gvern enfasizza li, f’suq tax-xogħol f’diffikultà, bħas-suq Taljan, l-assenza ta’ esperjenza professjonali hija fattur li tippenalizza ż-żgħażagħ. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ dħul fid-dinja tax-xogħol u li tinkiseb esperjenza, għalkemm din tkun flessibbli u għal perijodu limitat, tista’ sservi ta’ trampolin lejn possibiltajiet ġodda ta’ impjieg.

34

Waqt is-seduta l-Gvern Taljan speċifika li l-għan prinċipali u speċifiku tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex li ż-żgħażagħ jingħataw aċċess stabbli għas-suq tax-xogħol, iżda biss li jingħataw l-ewwel opportunità li jaċċedu għas-suq tax-xogħol. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni ż-żgħażagħ jingħataw l-ewwel esperjenza li iktar ’il quddiem tista’ tqegħedhom f’sitwazzjoni kompetittiva favorevoli fl-imsemmi suq tax-xogħol. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda stadju li jiġi qabel l-aċċess sħiħ għas-suq tax-xogħol.

35

Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aċċess għas-suq tax-xogħol u mal-mobilità huma applikati għaż-żgħażagħ li qed ifittxu l-ewwel impjieg, jiġifieri għal waħda mill-kategoriji tal-popolazzjoni esposti għal riskju speċifiku ta’ esklużjoni soċjali. Waqt is-seduta, A. Bordonaro nnifsu osserva li r-rata ta’ impjieg taż-żgħażagħ, jiġifieri dawk fil-kategorija ta’ età bejn il-ħmistax u l-ħamsa u għoxrin sena, għaddiet minn 51 % għal 39 % bejn is-sena 2004 u s-sena 2016.

36

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, id-differenzi fit-trattament jistgħu jinkludu “l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom”.

37

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-promozzjoni tar-reklutaġġ tikkostitwixxi, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta tiffavorixxi l-aċċess taż-żgħażagħ għall-eżerċizzju ta’ professjoni (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C-159/10 u C-160/10, EU:C:2011:508, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan intiż li jiffavorixxi s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom jista’ jitqies bħala leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, de Lange, C-548/15, EU:C:2016:850, punt 27). Ġie wkoll deċiż li l-fatt li r-reklutaġġ ta’ ħaddiema żgħażagħ jiġi ffaċilitat billi tiżdied il-flessibbiltà fil-ġestjoni tal-persunal jikkostitwixxi, b’mod partikolari, għan leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C-555/07, EU:C:2010:21, punti 3536).

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-għan tagħha huwa li tiffavorixxi d-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

40

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet humiex xierqa u neċessarji.

41

F’dak li jirrigwarda n-natura xierqa ta’ dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li miżura li tawtorizza lil persuni li jimpjegaw sabiex jikkonkludu kuntratt ta’ xogħol inqas riġidi tista’, meqjusa s-setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa li l-Istati Membri għandhom f’dan il-qasam, titqies li hija xierqa sabiex jintlaħaq livell ta’ flessibbiltà fis-suq tax-xogħol. Fil-fatt, jista’ effettivament jitqies li l-impriżi jistgħu jiġu stimulati bl-eżistenza ta’ strument inqas vinkolanti u li jinvolvi spiża inqas mill-kuntratt normali u b’dan il-mod jiġu mħeġġa jirrispondu iktar għal talbiet ta’ impjieg minn ħaddiema żgħażagħ.

42

F’dak li jirrigwarda n-natura neċessarja tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, hekk kif sostniet Abercrombie, f’kuntest ta’ kriżi ekonomika persistenti u ta’ tkabbir ekonomiku dgħajjef, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena u li, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol flessibbli u temporanju, bħall-kuntratt intermittenti, jista’ jaċċedi għas-suq tax-xogħol hija preferibbli għas-sitwazzjoni ta’ dak li ma għandux tali possibbiltà u li, minħabba f’dan, jinsab bla xogħol.

43

Barra minn hekk, il-Gvern Taljan spjega, matul is-seduta, li dawn il-forom ta’ xogħol flessibbli huma neċessarji biex tiġi promossa l-mobilità tal-ħaddiema, titkabbar l-adattabbiltà tal-pagi għas-suq tax-xogħol u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dan is-suq tal-persuni mhedda b’esklużjoni soċjali filwaqt li jiġu eliminati l-forom ta’ xogħol illegali.

44

Matul is-seduta dan il-gvern enfasizza wkoll li huwa neċessarju, sabiex l-għan imfittex mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintlaħaq, li l-ikbar numru possibbli ta’ żgħażagħ ikunu jistgħu jużaw dan it-tip ta’ kuntratt. Issa, li kieku l-kuntratti ta’ xogħol konklużi b’mod konformi mal-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 kienu stabbli, l-impriżi ma jkunux f’pożizzjoni li joffru xogħol liż-żgħażagħ kollha, b’tali mod li numru kunsiderevoli ta’ żgħażagħ ma jkollhomx il-possibbiltà li jaċċedu għal dawn il-forom ta’ xogħol.

45

Barra minn hekk, il-Gvern Taljan osserva li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija akkumpanjata minn ċertu numru ta’ garanziji. Għalhekk, l-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 jipprevedi li “il-ħaddiem intermittenti ma għandux jirċievi, għall-perijodi maħduma, trattament ekonomiku u regolatorju li jkun kumulattivmaent inqas favorevoli meta mqabbel ma’ ħaddiema tal-istess livell, għall-istess xogħol”.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies, meqjus il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li l-Istati Membri għandhom fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh, li l-leġiżlatur nazzjonali seta’ raġonevolment iqis li kien neċessarju li jadotta dispożizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 2(2)(a), u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza persuna li timpjega tikkonkludi kuntratt ta’ xogħol intermittenti ma’ ħaddiem ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena, irrispettivament min-natura tas-servizzi li għandhom jitwettqu, u li tkeċċi lil dan il-ħaddiem ladarba huwa jilħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena, peress li din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u peress li l-mezzi previsti għall-ilħuq ta’ dan l-għan huma xierqa u neċessarji.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 2(2)(a), u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza persuna li timpjega tikkonkludi kuntratt ta’ xogħol intermittenti ma’ ħaddiem ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena, irrispettivament min-natura tas-servizzi li għandhom jitwettqu, u li tkeċċi lil dan il-ħaddiem ladarba huwa jilħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena, peress li din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u peress li l-mezzi previsti għall-ilħuq ta’ dan l-għan huma xierqa u neċessarji.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top