This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0138
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 16 March 2017.#Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger registrierte Genossenschaft mbH (AKM) v Zürs.net Betriebs GmbH.#Request for a preliminary ruling from the Handelsgericht Wien.#Reference for a preliminary ruling — Intellectual property — Copyright and related rights in the information society — Directive 2001/29/EC — Right of communication of works to the public — Article 3(1) — Exceptions and limitations — Article 5(3)(o) — Broadcast of television programmes through a local cable network — National law laying down exceptions for installations allowing access to a maximum of 500 subscribers and for the retransmission of broadcasts of the public broadcaster in national territory.#Case C-138/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Marzu 2017.
Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger registrierte Genossenschaft mbH (AKM) vs Zürs.net Betriebs GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Handelsgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet – Artikolu 3(1) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Artikolu 5(3)(o) – Xandir ta’ programmi televiżivi minn netwerk tal-cable lokali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi eċċezzjonijiet għall-installazzjonijiet li jippermettu l-aċċess għal massimu ta’ 500 utent abbonat kif ukoll għat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ programmi tax-xandir pubbliku fit-territorju nazzjonali.
Kawża C-138/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Marzu 2017.
Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger registrierte Genossenschaft mbH (AKM) vs Zürs.net Betriebs GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Handelsgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet – Artikolu 3(1) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Artikolu 5(3)(o) – Xandir ta’ programmi televiżivi minn netwerk tal-cable lokali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi eċċezzjonijiet għall-installazzjonijiet li jippermettu l-aċċess għal massimu ta’ 500 utent abbonat kif ukoll għat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ programmi tax-xandir pubbliku fit-territorju nazzjonali.
Kawża C-138/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:218
*A9* Handelsgericht Wien, Beschluss vom 16/02/2016 (57 Cg 40/15f)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
16 ta’ Marzu 2017 ( *1 ) ( *2 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 2001/29/KE — Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet — Artikolu 3(1) — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Artikolu 5(3)(o) — Xandir ta’ programmi televiżivi minn netwerk tal-cable lokali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi eċċezzjonijiet għall-installazzjonijiet li jippermettu l-aċċess għal massimu ta’ 500 utent abbonat kif ukoll għat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ programmi tax-xandir pubbliku fit-territorju nazzjonali”
Fil-Kawża C‑138/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura
Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger registrierte Genossenschaft mbH (AKM)
vs
Zürs.net Betriebs GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger registrierte Genossenschaft mbH (AKM), minn M. Walter, Rechtsanwalt, |
— |
għal Zürs.net Betriebs GmbH, minn M. Ciresa, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), minn naħa, u tal-Artikolu 11bis(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Bern għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, tad‑9 ta’ Settembru 1886, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971, kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Bern”), min-naħa l-oħra. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger registrierte Genossenschaft mbH (AKM) u Zürs.net Betriebs GmbH (iktar ’il quddiem “Zürs.net”) dwar it-talba ta’ AKM intiża sabiex Zürs.net tagħtiha informazzjoni dwar in-numru ta’ abbonati konnessi man-netwerk tal-cable li hija topera, u jekk ikun il-każ, tħallasha remunerazzjoni, flimkien ma’ interessi moratorji, għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti taħt id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
It-Trattat WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur
3 |
L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Marzu 2002. Dan it-trattat ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208). |
4 |
Fl-Artikolu 1(4) tiegħu, it-Trattat WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur jipprevedi li l-partijiet kontraenti għandhom ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Bern. |
Il-Konvenzjoni ta ’ Bern
5 |
L-Artikolu 11bis(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Bern jipprovdi: “1) L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw: […]
|
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2001/29
6 |
Il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29 hija fformulata kif ġej: “Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. […]” |
7 |
Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.” |
8 |
L-Artikolu 5(3)(o) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin: […]
|
Id-dritt Awstrijak
9 |
Skont l-Artikolu 17 tal-Urheberrechtgesetz (liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, BGBl. 111/1936), fil-verżjoni tal-BGBl. I, 99/2015: “(1) L-awtur għandu d-dritt esklużiv li jxerred ix-xogħol permezz tax-xandir jew b’mod simili. (2) Huwa assimilat ma’ xandir il-fatt li wieħed jirrendi possibbli li l-pubbliku jirċievi xogħol fit-territorju nazzjonali minn post li jinsab fit-territorju nazzjonali jew f’pajjiż barrani, b’mod analogu għax-xandir, iżda permezz ta’ cables. (3) It-trażmissjoni ta’ programmi bix-xandir […]
Barra minn hekk, it-trażmissjoni mill-ġdid simultanja, kompleta u mhux modifikata ta’ programmi mxandra mill-[organu nazzjonali tax-xandir (ORF)] permezz ta’ cables li jkunu jinsabu fit-territorju nazzjonali għandha titqies li tagħmel parti integrali mix-xandir oriġinali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 |
AKM hija kumpannija ta’ amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur. |
11 |
Zürs.net topera installazzjoni ta’ netwerk bil-cable f’Zürs (l-Awstrija), li permezz tagħha hija tittrażmetti programmi televiżivi u radjofoniċi, fejn uħud minnhom jixxandru inizjalment mill-organu nazzjonali tax-xandir (ORF), u oħrajn jixxandru inizjalment minn organi ta’ xandir oħra. Il-qorti tar-rinviju tindika li, sad-data tad-deċiżjoni ta’ rinviju, madwar 130 abbonat jinsab konness man-netwerk bil-cable ta’ Zürs.net. |
12 |
AKM teżiġi li Zürs.net tipprovdiha b’informazzjoni dwar in-numru ta’ abbonati konnessi, f’numru ta’ dati ta’ referenza, man-netwerk bil-cable li hija topera u dwar il-kontenut imxandar. Hija titlob ukoll li, wara verifika tal-informazzjoni li hija tkun ipprovdiet, twettaq il-ħlas ta’ remunerazzjoni xieraq. |
13 |
Zürs.net tqis li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(3)(2)(b) tal-liġi Awstrijaka dwar id-drittijiet tal-awtur, fil-verżjoni tal-BGBl. I, 99/2015, dwar l-installazzjonijiet żgħar ta’ massimu ta’ 500 abbonat, il-programmi li hija xxandar ma jistgħux jitqiesu bħala xandira ġdida u li, għaldaqstant, hija ma għandhiex l-obbligu tipprovdi l-informazzjoni mitluba minn AKM. |
14 |
AKM tqis li din id-dispożizzjoni hija inkompatibbli kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Konvenzjoni ta’ Bern. |
15 |
F’dan il-kuntest, il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna, l-Awstrija), adita b’kawża bejn AKM u Zürs.net, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 3(1) jew l-Artikolu 5 tad-Direttiva [2001/29] jew l-Artikolu 11a(1)(2) [Artikolu 11bis(1)(ii)] tal-Konvenzjoni ta’ Bern […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa kontra d-dritt tal-Unjoni jew tal-Konvenzjoni ta’ Bern li, bħala ftehim internazzjonali, tagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni li tipprevedi li t-trażmissjoni ta’ xandir permezz ta’ “antenni komuni” bħal dawk tal-konvenuta fil-kawża prinċipali
u li, peress li dawn l-użi lanqas ma jaqgħu taħt dritt esklużiv ieħor ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku minn distanza fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/29], konsegwentement dawn ma huma suġġetti la għall-awtorizzazzjoni tal-awtur u lanqas għal obbligu ta’ remunerazzjoni?” |
Fuq id-domanda preliminari
16 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) jew l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 jew saħansitra l-Artikolu 11bis(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għandhomx jiġu interpretati fis‑sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplika li, skont id-dritt esklużiv tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, ma humiex suġġetti għar-rekwiżit ta’ ksib tal-awtorizzazzjoni tal-awtur:
|
17 |
Din id-domanda għandha tiġi eżaminata f’żewġ stadji. |
18 |
Għaldaqstant, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk trażmissjoni simultanja, kompleta u mhux modifikata ta’ programmi mxandra mill-organu nazzjonali ta’ xandir, permezz ta’ cables fit-territorju nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jew tal-Artikolu 11bis(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Bern. |
19 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11bis(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Bern jipprevedi li l-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku, kemm bil-fili, kemm mingħajr fili, tax-xogħol imxandar, meta din il-komunikazzjoni ssir minn organu għajr dak oriġinali. |
20 |
Fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dan jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu għall-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’mod li kull membru tal-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-ħin magħżul individwalment minnu. |
21 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(1) essenzjalment jikkorrispondi mal-Artikolu 11bis(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Bern. Barra minn hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3(1), din għandha twettaq dan f’konformità mal-imsemmija dispożizzjoni tal-konvenzjoni skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 40 u 41). |
22 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil “pubbliku” (ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 37). |
23 |
B’mod iktar partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-att ta’ komunikazzjoni jirrigwarda kull trażmissjoni tax-xogħlijiet protetti, indipendentement mill-mezz jew mill-proċess tekniku użat, u kull trażmissjoni li tuża mezz tekniku speċifiku bħala prinċipju għandha tkun awtorizzata individwalment mill-awtur tax-xogħol inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 38 u 39). |
24 |
Min-naħa l-oħra, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, hemm bżonn ukoll li x-xogħlijiet protetti jkunu effettivament ikkomunikati lil “pubbliku”, peress li huwa paċifiku li l-kunċett ta’ “pubbliku” jirrigwarda numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u barra minn hekk jimplika numru ta’ persuni pjuttost kbir (ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 40 u 41). |
25 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti minn organu għajr dak li kien kiseb l-awtorizzazzjoni ta’ komunikazzjoni inizjali tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tali xogħlijiet jiġu trażmessi lil pubbliku ġdid, jiġifieri lil pubbliku la ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati meta huma taw l-awtorizzazzjoni inizjali ta’ użu tax-xogħlijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
F’dan il-każ, il-fatt li, fil-kawża prinċipali, it-trażmissjoni inkwistjoni titwettaq bil-cables, jiġifieri permezz ta’ mezz tekniku differenti minn dak użat waqt it-trażmissjoni mxandra inizjali, jippermetti li jiġi kkonstatat li Zürs.net twettaq komunikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29. |
27 |
Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk din il-komunikazzjoni hijiex intiża għal pubbliku ġdid, differenti minn dak li għalih huma intiżi l-programmi mxandra mill-ORF. |
28 |
Mill-osservazzjonijiet ta’ Zürs.net, li fuq dan il-punt ma humiex ikkontestati minn AKM, jirriżulta li meta jagħtu awtorizzazzjoni ta’ xandir lill-ORF, il-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati jkunu konxji tal-fatt li x-xandiriet imwettqa minn dan l-organu nazzjonali jistgħu jiġu riċevuti mill-persuni kollha li jkunu jinsabu fit-territorju nazzjonali. |
29 |
Sa fejn id-distribuzzjoni tax-xogħlijiet protetti permezz tal-cables titwettaq, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domanda preliminari, fit-territorju nazzjonali u sa fejn il-persuni kkonċernati għaldaqstant ikunu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-proprjetarji ta’ dritt meta dawn ikunu awtorizzaw ix-xandir inizjali tagħhom mill-organu nazzjonali tax-xandir, il-pubbliku li lilu Zürs.net tiddistribwixxi l-imsemmija xogħlijiet ma jistax jitqies bħala pubbliku ġdid. |
30 |
Minn dan isegwi li t-trażmissjoni ta’ programmi mwettqa fil-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-punt 18 tas-sentenza preżenti ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għaldaqstant, tali trażmissjoni ma hijiex suġġetta għar-rekwiżit tal-ksib tal-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet, previst f’din id-dispożizzjoni. |
31 |
Fit-tieni lok il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li t-trażmissjoni ta’ programmi permezz ta’ antenna komuni, li magħha huma konnessi massimu ta’ 500 abbonat, ma hijiex meqjusa bħala xandir ġdid, taqax taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, u b’mod iktar partikolari taħt il-paragrafu 3(o) tiegħu, u jekk id-distributuri ta’ tali programmi trażmessi permezz ta’ tali antenni għaldaqstant jistgħux jevitaw ir-rekwiżit ta’ ksib tal-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt. Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li jista’ jitqies li Zürs.net topera “antenna komuni żgħira”, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
32 |
F’dan ir-rigward għandu qabelxejn jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-punt 25 tas-sentenza preżenti, it-trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti minn organu għajr dak li kien kiseb l-awtorizzazzjoni ta’ komunikazzjoni inizjali tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta tali xogħlijiet jiġu trażmessi lil pubbliku ġdid, jiġifieri lil pubbliku li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-proprjetarji tad-dritt ikkonċernati meta huma taw l-awotizzazzjoni inizjali għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom. |
33 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-“antenna komuni żgħira” ta’ Zürs.net tippermetti li, minbarra programmi tal-ORF, jiġu trażmessi wkoll dawk ta’ emittenti oħra stabbiliti fi Stati Membri oħra, b’mod li tali trażmissjonijiet jistgħu jitqiesu bħala komunikazzjonijiet lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed għandu jistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-operaturi tal-imsemmija antenni komuni żgħar jistgħux jevitaw ir-rekwiżit ta’ ksib ta’ awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt, u dan taħt waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. |
35 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5(3)(o) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva meta dan ikun użu f’ċerti każi ta’ importanza minuri fejn eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet diġà jeżistu skont il-liġi nazzjonali, kemm-il darba huwa jkun jirrigwarda biss użu simili u ma jaffettwax il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi ġewwa l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għal eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet oħra previsti f’dan l-artikolu. |
36 |
Billi jagħmel riferiment b’mod partikolari għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(3)(o) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi dispożizzjoni li tista’ tidderoga mid-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku previst fl-imsemmi Artikolu 3. |
37 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jidderogaw minn prinċipju ġenerali stabbilit minn din l-istess direttiva għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08 EU:C:2009:465, punt 56, kif ukoll tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 22). |
38 |
Minn dan jirriżulta li d-diversi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29, fosthom dik imsemmija fil-punt (o) ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 109). |
39 |
Fil-kawża prinċipali, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lil operaturi ekonomiċi sabiex iwettqu attività fil-qasam tax-xandir ta’ xogħlijiet protetti permezz ta’ antenni komuni, mingħajr obbligu, b’mod partikolari, li jitolbu l-awtorizzazzjoni tal-awturi ta’ dawn ix-xogħlijiet taħt id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li għandhom dawn tal-aħħar, u dan bil-kundizzjoni li n-numru ta’ abbonati konnessi ma’ tali antenna ma jkunx jeċċedi l-500. |
40 |
L-imsemmija possibbiltà, li hija regolata mil-liġi, tista’ tattira l-operaturi ekonomiċi li jkunu jixtiequ jibbenefikaw minnha, u tista’ twassal għall-użu kontinwu u parallel ta’ diversi antenni komuni. Konsegwentement, dan jista’ jikkawża, fit-territorju nazzjonali kollu, sitwazzjoni fejn numru kbir ta’ abbonati jkollhom, b’mod parallel, aċċess għall-programmi hekk iddistribwiti. |
41 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, preċiżament il-kriterju tan-numru kumulat tad-destinatarji potenzjali li jkollhom aċċess għall-istess xogħol b’mod parallel jikkostitwixxi element importanti tal-kunċett ta’ “pubbliku” u, konsegwentement, element rilevanti tal-komunikazzjoni lill-pubbliku suġġetta għar-rekwiżit ta’ ksib tal-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 42 sa 44). |
42 |
B’hekk, b’teħid kont tal-interpretazzjoni stretta li għandha tingħata lill-Artikolu 5(3)(o) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll tal-għan ta’ protezzjoni għolja tad-drittijiet tal-awtur stipulat fil-premessa 9 ta’ din id-direttiva, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil diversi operaturi ekonomiċi jiddistribwixxu, mingħajr ma jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni tal-awturi, b’mod parallel ix-xogħlijiet protetti permezz ta’ antenni komuni li għandhom kapaċità limitata ta’ abbonati konnessi, ma tistax titqies, b’mod partikolari minħabba l-effett kumulattiv tagħha ppreċiżat fil-punt 40 tas-sentenza preżenti, bħala li tikkonċerna “użu f’ċerti każi […] ta’ importanza minuri”, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(o). |
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra imposti mill-Artikolu 5(3)(o) tad-Direttiva 2001/29 humiex issodisfatti, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tkun ġiet adottata skont il-fakultà mogħtija lill-Istati Membri li jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet previsti fl‑Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni għandha tosserva l-prinċipju stipulat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, li skontu l-awturi ta’ xogħlijiet protetti għandhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu l-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku. |
44 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad‑domanda magħmula għandha tkun li:
|
Fuq l-ispejjeż
45 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, u l-Artikolu 11bis tal-Konvenzjoni ta’ Bern għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, tad‑9 ta’ Settembru 1886, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971, kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplika li, taħt id-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, ma hijiex suġġetta għar-rekwiżit ta’ ksib tal-awtorizzazzjoni tal-awtur trażmissjoni simultanja, kompleta u mhux modifikata ta’ programmi mxandra mill-organu nazzjonali tax-xandir, permezz ta’ cables fit-territorju nazzjonali, sa fejn din tkun tikkostitwixxi biss mezz tekniku ta’ komunikazzjoni u din tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-awtur tax-xogħol meta jkun awtorizza l-komunikazzjoni inizjali tiegħu; fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, u b’mod partikolari l-paragrafu 3(o) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplika li, taħt id-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, ma huwiex suġġett għar-rekwiżit ta’ ksib tal-awtorizzazzjoni tal-awtur xandir permezz ta’ antenna komuni, meta n-numru ta’ abbonati konnessi ma’ din l-antenna ma jkunx ogħla minn 500 u meta din il-leġiżlazzjoni għaldaqstant għandha tapplika b’mod konformi mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva; fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
( *2 ) Fil-punti 13, 44 u d-dispożittiv saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.