EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0054

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2017.
Vinyls Italia SpA, en faillite vs Mediterranea di Navigazione SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Ordinario di Venezia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikoli 4 u 13 – Atti detrimentali għall-massa tal-kredituri – Ċirkustanzi li fihom l-att inkwistjoni jista’ jiġi kkontestat – Att suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri – Att li ma jistax jiġi kkontestat abbażi ta’ din il-liġi – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Artikolu 3(3) – Liġi magħżula mill-partijiet – Fejn ikunu jinsabu l-elementi kollha tas-sitwazzjoni kkonċernata fl-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri – Effett.
Kawża C-54/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:433

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikoli 4 u 13 — Atti detrimentali għall-massa tal-kredituri — Ċirkustanzi li fihom l-att inkwistjoni jista’ jiġi kkontestat — Att suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri — Att li ma jistax jiġi kkontestat abbażi ta’ din il-liġi — Regolament (KE) Nru 593/2008 — Artikolu 3(3) — Liġi magħżula mill-partijiet — Fejn ikunu jinsabu l-elementi kollha tas-sitwazzjoni kkonċernata fl-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri — Effett”

Fil-Kawża C‑54/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale Ordinario di Venezia (qorti ordinarja ta’ Venezia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

Vinyls Italia SpA, fi stralċ,

vs

Mediterranea di Navigazione SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vinyls Italia SpA, fi stralċ, minn S. Girotto, F. Marrella u M. Pizzigati, avukati,

għal Mediterranea di Navigazione SpA, minn M. Maresca, F. Campodonico, L. Fabro u G. Duca, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita inizjalment minn D. Del Gaizo, sussegwentement minn M. P. Pucciariello, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Elleniku, minn E. Zisi u S. Charitaki, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti, M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Vinyls Italia SpA, fi stralċ, u Mediterranea di Navigazione SpA (iktar ’il quddiem “Mediterranea”) dwar azzjoni revokatorja intiża għar-rimbors, minn din il-kumpannija tal-aħħar, tas-somom li ħallsitha l-ewwel waħda minn dawn il-kumpanniji matul is-sitt xhur ta’ qabel id-dikjarazzjoni tal-falliment tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

3

L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, li nfetħet għall-iffirmar f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1980, L 266, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), jipprovdi:

“Il-kuntratt għandu jkun irregolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. Din l-għażla għandha ssir espressament jew tkun manifestata b’mod ċar permezz tat-termini tal-kuntratt jew taċ-ċirkustanzi tal-każ […]”

4

L-Artikolu 2 tal-Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, tal-Konvenzjoni ta’ Ruma (ĠU 1989, L 48, p. 1), jelenka l-qrati tal-Istati Membri li għandhom il-possibbiltà li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar kwistjoni mqajma f’kawża pendenti quddiemhom u li tinvolvi l-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni. F’dak li jirrigwarda r-Repubblika Taljana, din il-possibbiltà hija rriżervata għall-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) u għall-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat).

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1346/2000

5

Il-premessi 23 u 24 tar-Regolament Nru 1346/2000 jiddikjaraw:

“(23)

Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [tal-proċedura ta’ insolvenza], kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment.

(24)

L-għarfien awtomatiku ta’ proċedimenti ta’ falliment li għalihom normalment japplikaw il-liġijiet ta’ l-Istat li jiftahom jistgħu ifixklu l-liġijiet li bihom jitwettqu t-transazzjonijiet fl-Istati Membri l-oħra. Sabiex jitħarsu l-aspettativi leġittimi u iċ-ċertezza ta’ transazzjonijiet fi Stati Membri apparti minn dak ta’ fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali.”

6

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’mod partikolari:

[…]

(m)

ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, nuqqas ta’ irbit [annullament] u nuqqas ta’ enforzabilità ta’ atti legali detrimentali għal kredituri kollha.”

7

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000:

“L-Artikolu 4(2)[m] m’għandux japplika meta l-persuna li tibbenefika minn att detrimentali għal-kredituri kollha tipprovdi prova li:

l-imsemmi att huwa suġġett għall-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti,

u

dik il-liġi ma tippermettix xi meżżi biex jiġi disputat [kkontestat] dak l-att fil-każ relevanti.”

Ir-Regolament Ruma I

8

Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali.”

9

L-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Libertà ta’ l-għażla”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha ssir espressament jew tkun manifestata b’mod ċar permezz tat-termini tal-kuntratt jew taċ-ċirkostanzi tal-każ. Bl-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għat-totalità jew għal parti biss tal-kuntratt.

[…]

3.   Fejn l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fil-ħin ta’ l-għażla jinsabu f’pajjiż divers mill-pajjiż li tiegħu intgħażlet il-liġi, l-għażla tal-partijiet m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi, ta’ dak il-pajjiż l-ieħor, li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.”

Id-dritt Taljan

10

L-Artikolu 67(2) tal-Legge fallimentare (liġi dwar il-falliment), approvata bir-Regio decreto n. 267 (Digriet Irjali Nru 267), tas-16 ta’ Marzu 1942 (GURI Nru 81, tas-6 ta’ April 1942), jipprovdi:

“Jekk il-likwidatur jipprova li l-parti l-oħra kienet taf bis-sitwazzjoni ta’ insolvenza tad-debitur, jiġu rrevokati wkoll il-pagamenti ta’ dejn likwidu u dovut, l-atti onerużi u dawk li jikkostitwixxu dritt preferenzjali relatat mad-dejn, anki ta’ terzi, maħluq matul l-istess perijodu, jekk ikun seħħ fis-sitt xhur preċedenti għad-dikjarazzjoni ta’ falliment.”

11

Skont l-Artikolu 167 tal-Codice di procedura civile (kodiċi ta’ proċedura ċivili, iktar ’il quddiem is-“CPC”):

“Fir-risposta tiegħu, il-konvenut għandu jinvoka l-motivi tad-difiża kollha tiegħu, filwaqt li jieħu pożizzjoni fuq il-fatti msemmija mir-rikorrent, jindika d-dettalji tiegħu, in-numru ta’ identifikazzjoni fiskali tiegħu, il-mezzi ta’ prova li fuqhom ser jibbaża ruħu kif ukoll id-dokumenti li huwa jkun biħsiebu jannetti mal-proċess, u jressaq it-talbiet tiegħu.

Taħt piena ta’ dekadenza, huwa għandu jippreżenta eventwali kontrotalbiet u l-eċċezzjonijiet proċedurali u dwar il-mertu li ma jistgħux jitqajmu ex officio […]”

12

L-Artikolu 183 tas-CPC jistabbilixxi:

“Fis-seduta ffissata għall-ewwel dehra tal-partijiet […]

[…] [i]l-partijiet jistgħu jispeċifikaw u jemendaw it-talbiet, l-eċċezzjonijiet u l-konklużjonijiet diġà fformulati.

[…]

Jekk tintalab tagħmel dan, il-qorti tista’ tagħti lill-partijiet it-termini mandatorji li ġejjin:

1)

terminu ta’ 30 jum addizzjonali għall-preżentata ta’ noti limitati biss għall-kjarifiki jew għall-emendi tat-talbiet, tal-eċċezzjonijiet u tal-konklużjonijiet diġà mressqa;

[…]

3)

terminu ta’ 20 jum addizzjonali għall-indikazzjonijiet ta’ provi kuntrarji biss”.

Id-dritt tar-Renju Unit

13

L-Artikolu 239(2) u (3) tal-Insolvency Act 1986 (liġi dwar il-falliment tal-1986, iktar ’il quddiem l-“IA 1986”), applikabbli fl-Ingilterra u f’Wales, jipprovdi:

“2.   Jekk il-kumpannija tat, fid-data rilevanti [kif iddefinita mil-IA 1986], trattament favorevoli lil persuna, il-likwidatur jista’ jitlob lill-qorti tadotta miżura abbażi ta’ din it-taqsima.

3.   Skont id-dispożizzjonijiet segwenti, il-qorti adita b’din it-talba għandha tadotta l-miżura li hija tikkunsidra xierqa sabiex terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni, li kien ikun hemm li kieku l-kumpannija ma kinitx tat l-imsemmi trattament favorevoli.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Il-kawża prinċipali, li tinsab pendenti quddiem it-Tribunale Ordinario di Venezia (qorti ta’ Venezia, l-Italja), hija bejn Vinyls Italia, li hija kumpannija fi stralċ, stabbilita f’Venezia, u Mediterranea, li għandha s-sede tagħha f’Ravenna (l-Italja), u tirrigwarda talba għar-revoka ta’ żewġ pagamenti (iktar ’il quddiem il-“pagamenti kontenzjużi”), magħmula b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ noleġġ marittimu, konkluż fil-11 ta’ Marzu 2008, li l-validità tiegħu ġiet estiża permezz ta’ ftehim addizzjonali tad-9 ta’ Diċembru 2009. Dawn il-pagamenti, għal ammont totali ta’ EUR 447740.27, kienu saru minn Vinyls Italia lil Mediterranea qabel ma l-ewwel waħda minn dawn il-kumpanniji kienet is-suġġett ta’ proċedura amministrattiva speċjali li, sussegwentement, wasslet sabiex tqiegħdet fi stralċ.

15

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-likwidatur ta’ Vinyls Italia sostna li l-pagamenti kontenzjużi saru tardivament fir-rigward tat-termini kuntrattwali, fi żmien meta kien magħruf li din il-kumpannija kienet insolventi, u li dawn il-pagamenti setgħu jiġu rrevokati, skont l-Artikolu 67(2) tal-liġi dwar il-falliment.

16

Mediterranea topponi r-revoka tal-pagamenti kontenzjużi u ssostni li dawn saru b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt li l-partijiet għażlu li jissuġġettaw għad-dritt Ingliż. Issa, skont dan id-dritt, li huwa determinanti skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, il-pagamenti kontenzjużi ma jistgħux jiġu kkontestati. Insostenn ta’ dan l-argument, Mediterranea pproduċiet dikjarazzjoni ġuramentata ta’ avukat stabbilit fir-Renju Unit, li tikkonkludi li, f’dan il-każ, id-dritt Ingliż ma jippermettix li l-pagamenti kontenzjużi jiġu rrevokati.

17

Min-naħa l-oħra, Vinyls Italia tqis li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedi eċċezzjoni proċedurali. Issa, bħala tali, din tal-aħħar ma tistax titqajjem ex officio mill-qorti, iżda għandha titqajjem mill-parti kkonċernata, fit-terminu stabbilit mid-dritt proċedurali tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-qorti adita bl-azzjoni revokatorja. Issa, f’dan il-każ, din l-eċċezzjoni tqajmet tardivament.

18

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li, skont l-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000, ir-regoli applikabbli, relatati mal-invalidità, mal-annullament u man-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-atti detrimentali għall-kredituri kollha huma dawk previsti mil-lex fori concursus, jiġifieri d-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan relatati mal-insolvenza, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikolu 67(2) tal-liġi dwar il-falliment. Din id-dispożizzjoni tippermetti r-revoka tal-pagamenti kontenzjużi fil-każ li Mediterranea kienet taf bis-sitwazzjoni ta’ insolvenza ta’ Vinyls Italia fil-mument li fih saru dawn il-pagamenti.

19

Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tfakkar li, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, l-Artikolu 4(2)(m) ta’ dan ir-regolament ma għandux japplika meta l-persuna li tibbenefika minn att detrimentali għall-kredituri kollha tipprovdi l-prova li dan l-att huwa suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri u li din il-liġi ma tippermetti ebda mezz sabiex jiġi kkontestat dan l-att fil-każ rilevanti. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li għalkemm Mediterranea qajmet eċċezzjoni fuq din il-bażi, hija għamlet dan wara l-iskadenza tat-termini previsti mid-dritt proċedurali Taljan sabiex jitqajmu “eċċezzjonijiet proċedurali”, fis-sens ta’ dan id-dritt.

20

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-klawżola kuntrattwali li tissuġġetta l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għad-dritt Ingliż tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I. Issa, dan ir-regolament, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, jikkonċerna “sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet”, u jimponi limiti għall-effetti ta’ liġi magħżula mill-partijiet fl-Artikolu 3(3) tiegħu. Madankollu, ma jidhirx b’mod ċar li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvi kunflitt tal-liġijiet. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni tikkonċerna kuntratt ta’ noleġġ marittimu, konkluż fl-Italja, bejn żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Taljan, li s-sede tagħhom it-tnejn tinsab f’dan l-Istat Membru, għat-trasport ta’ sustanzi kimiċi minn bastimenti li jtajru bandiera Taljana. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi kuntratt huwa redatt bl-Ingliż u jinkludi klawżola li tagħżel id-dritt Ingliż kif ukoll klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-London Maritime Arbitrators Association (assoċjazzjoni tal-arbitri marittimi ta’ Londra).

21

Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, mid-dikjarazzjoni ġuramentata prodotta minn Mediterranea fil-kawża prinċipali jirriżulta li d-dritt Ingliż ma jeskludix, b’mod ġenerali u astratt, kwalunkwe possibbiltà li jiġu kkontestati l-pagamenti kontenzjużi, iżda jissuġġetta din il-possibbiltà għal rekwiżiti sostantivi differenti minn dawk stabbiliti mil-lex fori concursus. Fil-fatt, l-Artikolu 239(2) tal-IA 1986 jeżiġi li l-likwidatur jipprovdi l-prova tar-rieda speċifika tad-debitur li jivvantaġġa lill-kreditur destinatarju tal-pagament, u mhux il-prova li l-kreditur kien jaf bis-sitwazzjoni ta’ insolvenza tad-debitur.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale Ordinario di Venezia (qorti ta’ Venezia) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-‘prova’ li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 iqiegħed fuq min ibbenefika minn att li jikkawża preġudizzju lill-massa tal-kredituri, sabiex jikkontesta t-talba għal annullament ta’ dan l-att skont id-dispożizzjonijiet tal-lex fori concursus, tikkomporta l-oneru li titqajjem eċċezzjoni proċedurali fis-sens strett tat-termini ffissati mil-liġi proċedurali tas-sistema legali, li titlob l-adozzjoni tal-klawżola ta’ eżenzjoni stabbilita mir-Regolament u li tipprova li jiġu sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa mill-istess dispożizzjoni? [J]ew l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu japplika meta l-parti kkonċernata tkun talbet l-applikazzjoni tiegħu fil-mori tal-kawża, anki lilhinn mit-termini ffissati mil-liġi proċedurali tas-sistema legali għall-eċċezzjonijiet proċedurali, jew jista’ japplika wkoll ex officio, bil-kundizzjoni li l-parti kkonċernata tipproduċi l-prova li l-att li jikkawża preġudizzju huwa suġġett għal-lex causae ta’ Stat Membru ieħor li l-liġi tiegħu ma tippermetti bl-ebda mod li jintalab l-annullament ta’ att fil-każ inkwistjoni?

2)

Ir-riferiment għall-applikazzjoni tal-lex causae fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 biex jiġi stabbilit jekk ‘dik il-liġi ma tippermettix xi mezzi biex jiġi disputat dak l-att fil-każ relevanti’ għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parti li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova għandha tipproduċi l-prova li fil-każ inkwistjoni l-lex causae b’mod ġenerali u astratt ma tipprovdi ebda mezz sabiex jiġi annullat att bħal dak meqjus li jikkawża preġudizzju f’dan il-każ, – jiġifieri l-ħlas ta’ dejn ta’ natura kuntrattwali – jew fis-sens li l-parti li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova għandha tipproduċi l-prova li, fejn il-lex causae taċċetta li jintalab l-annullament ta’ att ta’ dan it-tip, konkretament ma humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet – differenti minn dawk tal-lex fori concursus – meħtieġa sabiex it-talba għal annullament tkun tista’ tintlaqa’ fil-każ inkwistjoni?

3)

L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, – fid-dawl tal-ħsieb warajha ta’ ħarsien tal-aspettattivi tal-partijiet fuq l-istabbiltà tal-att skont il-lex causae – tista’ tiġi applikata anki meta l-partijiet f’kuntratt ikollhom is-sede tagħhom fl-istess Stat kontraenti, li l-liġi tiegħu għalhekk prevedibbilment hija mistennija li ssir lex fori concursus fil-każ ta’ insolvenza ta’ waħda minnhom, u l-partijiet permezz ta’ klawżola kuntrattwali dwar l-għażla tal-liġi ta’ Stat kontraenti ieħor ineħħu r-revoka ta’ atti eżekuttivi ta’ dak il-kuntratt mill-applikazzjoni ta’ regoli inderogabbli tal-lex fori concursus suġġetti għall-prinċipju ta’ par condicio creditorum, bi ħsara għall-massa tal-kredituri fil-każ li tiġi fis-seħħ l-insolvenza?

4)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 593/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-‘sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet’ għall-finijiet tal-applikabbiltà tar-regolament innifsu jinkludu wkoll il-każ ta’ kuntratt ta’ noleġġ marittimu konkluż fi Stat Membru bejn kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru, bi klawżola tal-għażla tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 593/2008, moqri flimkien mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għażla mill-partijiet li jissuġġettaw il-kuntratt għal-liġi ta’ Stat Membru differenti minn dik li fih jinsabu ‘l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni’ jeskludi l-applikazzjoni ta’ regoli inderogabbli mil-liġi ta’ dan l-aħħar Stat Membru applikabbli bħala lex fori concursus għall-possibbiltà li jintalab l-annullament ta’ atti li ġew fis-seħħ qabel l-insolvenza bi ħsara għall-massa tal-kredituri, b’mod li jipprevali fuq il-klawżola ta’ eżenzjoni stabbilita mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-benefiċjarju ta’ att detrimentali għall-massa tal-kredituri, sabiex jikkontesta azzjoni għar-revoka ta’ dan l-att skont id-dispożizzjonijiet tal-lex fori concursus, li jqajjem eċċezzjoni proċedurali fil-forma u fit-termini stabbiliti mid-dritt proċedurali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun pendent t-tilwima, jew jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jistax jiġi applikat ukoll ex officio mill-qorti adita, jekk ikun il-każ wara l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-parti kkonċernata.

24

Għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, l-Artikolu 4(2)(m) ta’ dan ir-regolament ma għandux japplika meta l-persuna li tibbenefika minn att detrimentali għall-kredituri kollha tipprovdi prova li dan l-att huwa suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri (iktar ’il quddiem il-“lex causae”), u li l-lex causae ma tippermetti ebda mezz sabiex jiġi kkontestat dan l-att fil-każ rilevanti.

25

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirregola espressament l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova, iżda ma jinkludix dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-aspetti proċedurali iktar speċifiċi. Għaldaqstant, dan l-artikolu ma jinkludix dispożizzjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-modalitajiet ta’ produzzjoni tal-prova, il-mezzi ta’ prova ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni jew il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni, minn dik il-qorti, tas-saħħa probatorja tal-provi li jiġu prodotti quddiemha (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 27). Dan japplika wkoll għal aspetti proċedurali oħra, bħalma huma, b’mod partikolari, il-forma u t-terminu għall-invokazzjoni tal-imsemmi artikolu fil-kuntest ta’ tilwima.

26

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ armonizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Konsegwentement, il-forma u t-termini għall-invokazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 fil-kuntest ta’ tilwima dwar ir-revoka, skont ir-regoli previsti mil-lex fori concursus, ta’ att detrimentali għall-massa tal-kredituri, kif ukoll il-kwistjoni jekk il-qorti adita b’din it-tilwima tistax tapplika dan l-artikolu ex officio, jaqgħu taħt id-dritt proċedurali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun pendenti l-imsemmija tilwima.

28

Din il-konklużjoni ma titqegħidx fid-dubju mill-fatt li l-eċċezzjoni stabbilita mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 tinkludi wkoll it-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini għall-eżerċizzju tal-azzjoni revokatorja u t-termini ta’ dekadenza li huma previsti mill-lex causae, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ April 2015, Lutz (C‑557/13, EU:C:2015:227, punt 49).

29

Fil-fatt, ir-riżultat li għalih waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija fil-punt preċedenti huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li l-Artikoli 4 u 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jikkostitwixxu lex specialis fil-konfront tat-testi l-oħra li jirregolaw id-dritt internazzjonali privat tal-Istati Membri, speċjalment fil-konfront tar-Regolament Ruma I, u għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet li r-Regolament Nru 1346/2000 ifittex li jilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Lutz, C‑557/13, EU:C:2015:227, punt 46).

30

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-għan li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ifittex li jilħaq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan l-artikolu huwa intiż li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna li bbenefikat minn att detrimentali għall-kredituri kollha, billi jipprovdi li dan l-att għandu jibqa’ rregolat, anki wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, mid-dritt li kien applikabbli għalih fid-data ta’ meta twettaq, jiġifieri l-lex causae (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 19).

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li la l-kliem tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 u lanqas l-għanijiet li jfittex li jilħaq ma jippermettu li jitqies li l-forma u t-terminu li fihom parti għandha tinvoka dan l-artikolu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja huma ddeterminati mil-lex causae. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1346/2000 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 13 tiegħu ma humiex intiżi li jipproteġu lill-parti f’kawża kontra r-riskju abitwali li jkollha tiddefendi ruħha fil-kuntest ta’ tali proċedura, irrispettivament minn jekk dan ikunx quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirrisjedi l-persuna kkonċernata jew quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, u, għaldaqstant, lanqas kontra d-dritt proċedurali applikat mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni.

32

Għaldaqstant, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 167 tas-CPC, li tipprovdi, essenzjalment, li l-konvenut għandu jinvoka l-eċċezzjonijiet tad-difiża kollha tiegħu u jressaq, taħt piena ta’ dekadenza, eventwali eċċezzjonijiet proċedurali u fil-mertu, li ma jistgħux jitqajmu ex officio, fir-risposta tiegħu, liema artikolu jinqara flimkien mal-Artikolu 183 tas-CPC, li jistabbilixxi li l-partijiet jistgħu madankollu jispeċifikaw u jemendaw it-talbiet, l-eċċezzjonijiet u l-konklużjonijiet fis-seduta ffissata għall-ewwel dehra tal-partijiet, tista’ tiġi applikata, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ tilwima dwar azzjoni revokatorja, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament Nru 1346/2000, u li fil-kuntest tagħha jiġi invokat l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament.

33

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-forma u t-terminu li fihom il-benefiċjarju ta’ att detrimentali għall-massa tal-kredituri għandu jqajjem eċċezzjoni skont dan l-artikolu, sabiex jikkontesta azzjoni għar-revoka ta’ dan l-att skont id-dispożizzjonijiet tal-lex fori concursus, kif ukoll il-kwistjoni jekk dan l-artikolu jistax jiġi applikat ukoll ex officio mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, jekk ikun il-każ wara l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-parti kkonċernata, jaqgħu taħt id-dritt proċedurali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun pendenti t-tilwima. Madankollu, dan id-dritt ma għandux ikun inqas favorevoli minn dak li jirregola sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandux jirrendi impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività), ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-parti li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova għandha tipprova li, f’dan il-każ, il-lex causae ma tipprevedi, b’mod ġenerali u astratt, ebda rimedju ġudizzjarju kontra att li jitqies li huwa detrimentali, jew fis-sens li din il-parti għandha tipprova li, meta l-lex causae tippermetti li jiġi kkontestat att ta’ dan it-tip, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex rikors ippreżentat kontra dan l-att ikun jista’ jintlaqa’, u li huma differenti minn dawk previsti mil-lex fori concursus, ma humiex issodisfatti konkretament.

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel nett, li mill-għan li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 ifittex li jilħaq jirriżulta b’mod ċar, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu teżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Fil-fatt, ma jistax ikun hemm aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-validità ta’ att ser tiġi evalwata, wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi, meta, fl-assenza tal-ftuħ ta’ tali proċedura, dawn tal-aħħar għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 20).

36

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 tiġi interpretata strettament jipprekludi interpretazzjoni estensiva tal-portata ta’ dan l-artikolu, li tippermetti lil min ibbenefika minn att detrimentali għall-kredituri kollha jevita l-applikazzjoni tal-lex fori concursus billi jinvoka biss b’mod purament astratt in-natura inkontestabbli tal-att ikkonċernat, abbażi ta’ dispożizzjoni tal-lex causae (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 21).

37

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 u fl-ipoteżi fejn il-konvenut f’azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għal annullament jew għal nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ att iqajjem dispożizzjoni tal-lex causae li skontha dan l-att jista’ jiġi kkontestat biss fiċ-ċirkustanzi previsti f’din id-dispożizzjoni, huwa dan il-konvenut li għandu jinvoka l-assenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u li għandu jipproduċi l-prova ta’ dan (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 31).

38

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament eskludiet interpretazzjoni fis-sens li l-imsemmi konvenut għandu jipprova li l-lex causae ma tipprevedi, b’mod ġenerali u astratt, ebda rimedju ġudizzjarju kontra l-att ikkonċernat, liema interpretazzjoni tkun barra minn hekk eċċessivament stretta, fid-dawl tal-fatt li tali rimedji ġudizzjarji jeżistu, tal-inqas b’mod astratt, prattikament dejjem, u għalhekk iċċaħħad l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 mill-effett utli tiegħu.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parti li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova għandha tipprova li, meta l-lex causae tippermetti li jiġi kkontestat att li jitqies li huwa detrimentali, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex rikors ippreżentat kontra dan l-att ikun jista’ jintlaqa’, li huma differenti minn dawk previsti mil-lex fori concursus, ma humiex issodisfatti konkretament.

Fuq it-tielet sal-ħames domandi

40

It-tielet sal-ħames domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tiġi invokata din id-dispożizzjoni fl-ipoteżi prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Ruma I, jiġifieri meta l-elementi kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni bejn il-partijiet f’kuntratt ikunu jinsabu f’pajjiż differenti minn dak li l-liġi tiegħu tintgħażel mill-imsemmija partijiet.

41

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 28 tiegħu, ir-Regolament Ruma I għandu japplika għall-kuntratti konklużi wara s-17 ta’ Diċembru 2009. Kif jirriżulta mill-provi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha, il-kuntratt li jirregola l-pagamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fil-11 ta’ Marzu 2008 u l-validità tiegħu ġiet estiża permezz ta’ ftehim addizzjonali tad-9 ta’ Diċembru 2009.

42

Konsegwentement, ir-Regolament Ruma I ma huwiex applikabbli fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li, skont l-Artikolu 2 tal-Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, din is-sentenza tirreferi għar-Regolament Ruma I biss sa fejn tali rinviju għal deċiżjoni preliminari jippermetti li jiġi speċifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000.

44

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tielet sal-ħames domandi għandhom jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li jfittxu li jsir magħruf jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jistax jiġi invokat validament meta l-partijiet f’kuntratt, li jkollhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru, li fit-territorju tiegħu jinsabu wkoll l-elementi rilevanti l-oħra kollha tas-sitwazzjoni kkonċernata, ikunu għażlu, bħala l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, dik ta’ Stat Membru ieħor.

45

F’dan ir-rigward, huwa fatt magħruf li, fil-kummerċ internazzjonali, il-partijiet f’kuntratt jagħmlu użu b’mod regolari mill-possibbiltà li jissuġġettaw lil dan tal-aħħar għad-dritt ta’ Stat Membru partikolari, permezz ta’ klawżola kuntrattwali f’dan is-sens, b’mod partikolari sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali fir-rigward tad-dritt applikabbli għad-drittijiet u għall-obbligi tal-partijiet, li jirriżultaw mill-kuntratt ikkonċernat. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ruma I u l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, liema konvenzjoni kienet fis-seħħ fl-Istati Membri kollha meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1346/2000, jipprevedu din il-possibbiltà.

46

Konsegwentement, peress li l-imsemmija possibbiltà kienet stabbilita meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1346/2000 u la l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament u lanqas id-dispożizzjonijiet l-oħra tiegħu ma kienu jinkludu xi limitazzjoni f’dan ir-rigward, għandu jitqies li dan l-Artikolu 13 huwa applikabbli anki fl-ipoteżi fejn il-partijiet ikunu ssuġġettaw lil dan il-kuntratt għad-dritt ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru li fih dawn il-partijiet huma stabbiliti t-tnejn li huma.

47

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-premessa 23 tar-Regolament Nru 1346/2000 tiddikjara li dan ir-regolament, “għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali”.

48

Għaldaqstant, kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 4 u 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jikkostitwixxu lex specialis fil-konfront tar-Regolament Ruma I u għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet li r-Regolament Nru 1346/2000 ifittex li jilħaq (sentenza tas-16 ta’ April 2015, Lutz, C‑557/13, EU:C:2015:227, punt 46).

49

Konsegwentement, għandu jitqies li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Ruma I ma jirregolax il-kwistjoni jekk, meta l-elementi l-oħra kollha ta’ sitwazzjoni, minbarra l-għażla mill-partijiet tal-liġi applikabbli, ikunu jinsabu fi Stat Membru differenti minn dak li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet, l-għażla tal-partijiet għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000. Fil-fatt, din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000 u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għanijiet li dan ir-regolament tal-aħħar ifittex li jilħaq.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1346/2000 ma jinkludi ebda dispożizzjoni derogatorja paragunabbli mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Ruma I. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ elementi fis-sens oppost fir-Regolament Nru 1346/2000, għandu jitqies li l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jista’ jiġi invokat validament, anki meta l-partijiet f’kuntratt, li jkollhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru, u li fit-territorju tiegħu jinsabu wkoll l-elementi rilevanti l-oħra kollha tas-sitwazzjoni, ikunu għażlu, bħala l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, dik ta’ Stat Membru ieħor.

51

Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet f’kawża ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv.

52

F’dan il-kuntest, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ li jiġu ssodisfatti element oġġettiv u element suġġettiv. Minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-element oġġettiv, din il-konstatazzjoni teħtieġ li minn serje ta’ ċirkustanzi oġġettivi jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan li din il-leġiżlazzjoni tfittex li tilħaq ma jkunx intlaħaq. Min-naħa l-oħra, tali konstatazzjoni teħtieġ element suġġettiv, jiġifieri li minn serje ta’ elementi oġġettivi għandu jirriżulta li l-għan essenzjali tal-operazzjonijiet inkwistjoni huwa l-ksib ta’ vantaġġ indebitu. Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-prattiki abbużivi ma hijiex rilevanti meta l-operazzjonijiet inkwistjoni jista’ jkollhom ġustifikazzjoni oħra għajr is-sempliċi ksib ta’ vantaġġ (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C‑423/15, EU:C:2016:604, punti 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan it-tieni element, li huwa marbut mal-intenzjoni tal-operaturi, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura purament artifiċjali tal-operazzjonijiet ikkonċernati. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, konformement mar-regoli dwar il-provi tad-dritt nazzjonali, sakemm ma tiġix ippreġudikata l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni, jekk fil-kawża prinċipali jeżistux l-elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C‑423/15, EU:C:2016:604, punti 4142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din l-applikazzjoni tista’ tiġi eskluża biss fl-ipoteżi fejn ikun jidher b’mod oġġettiv li l-għan li din tal-aħħar tfittex li tilħaq, li tikkonsisti, f’dan il-kuntest, li jiġu żgurati l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet fl-applikabbiltà ta’ leġiżlazzjoni partikolari, ma jkunx intlaħaq, u li l-kuntratt jkun ġie ssuġġettat għad-dritt ta’ Stat Membru partikolari b’mod artifiċjali, jiġifieri bil-għan essenzjali mhux li dan il-kuntratt jiġi effettivament issuġġettat għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru magħżul, iżda li jiġi invokat id-dritt ta’ dan l-Istat Membru sabiex il-kuntratt, jew l-atti li jkunu seħħew b’eżekuzzjoni tiegħu, jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-lex fori concursus.

55

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, kif irrilevat il-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li l-partijiet għamlu użu mill-possibbiltà li jagħżlu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, liġi ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih huma jkunu stabbiliti ma joħloq ebda preżunzjoni dwar ir-rieda li jevitaw b’mod frawdolenti jew abbużiv id-dispożizzjonijiet previsti fil-qasam tal-insolvenza.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet sal-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jista’ jiġi invokat validament meta l-partijiet f’kuntratt, li jkollhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru, li fit-territorju tiegħu jinsabu wkoll l-elementi rilevanti l-oħra kollha tas-sitwazzjoni kkonċernata, ikunu għażlu, bħala l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, dik ta’ Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li dawn il-partijiet ma jkunux għażlu din il-liġi b’mod frawdolenti jew abbużiv, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-forma u t-terminu li fihom il-benefiċjarju ta’ att detrimentali għall-massa tal-kredituri għandu jqajjem eċċezzjoni skont dan l-artikolu, sabiex jikkontesta azzjoni għar-revoka ta’ dan l-att skont id-dispożizzjonijiet tal-lex fori concursus, kif ukoll il-kwistjoni jekk dan l-artikolu jistax jiġi applikat ukoll ex officio mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, jekk ikun il-każ wara l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-parti kkonċernata, jaqgħu taħt id-dritt proċedurali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun pendenti t-tilwima. Madankollu, dan id-dritt ma għandux ikun inqas favorevoli minn dak li jirregola sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandux jirrendi impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività), ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

2)

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parti li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova għandha tipprova li, meta l-lex causae tippermetti li jiġi kkontestat att li jitqies li huwa detrimentali, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex rikors ippreżentat kontra dan l-att ikun jista’ jintlaqa’, li huma differenti minn dawk previsti mil-lex fori concursus, ma humiex issodisfatti konkretament.

 

3)

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jista’ jiġi invokat validament meta l-partijiet f’kuntratt, li jkollhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru, li fit-territorju tiegħu jinsabu wkoll l-elementi rilevanti l-oħra kollha tas-sitwazzjoni kkonċernata, ikunu għażlu, bħala l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, dik ta’ Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li dawn il-partijiet ma jkunux għażlu din il-liġi b’mod frawdolenti jew abbużiv, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top