EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0679

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2018.
Kawża mressqa minn A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 20 u 21 TFUE – Libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-Istati Membri – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Assistenza soċjali – Benefiċċji tal-mard – Servizzi għall-persuni b’diżabbiltà – Obbligu impost fuq il-komun ta’ Stat Membru li jipprovdi lil wieħed mir-residenti tiegħu għajnuna għall-persuna prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali waqt l-istudji fil-livell terzjarju li dan ir-resident isegwi fi Stat Membru ieħor.
Kawża C-679/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:51

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2018 ( 1 )

Kawża C‑679/16

A

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 20 u 21 TFUE – Ċittadinanza tal-Unjoni – Moviment liberu tal-persuni – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Assistenza soċjali – Benefiċċji tal-mard – Servizzi għall-persuni b’diżabbiltà – Obbligu jew le ta’ komun ta’ Stat Membru li jipprovdi lil wieħed mir-residenti tiegħu għajnuna individwali prevista mil-liġi nazzjonali waqt l-istudji fil-livell terzjarju li dan isegwi fi Stat Membru ieħor”

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 2 ), kid emendat mir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), u tal-Artikoli 20 u 21 TFUE.

2.

Essenzjalment, minn naħa, qed jiġi mistoqsi jekk għajnuna individwali mogħtija lil persuna b’diżabbiltà serja għandhiex titqies bħala “benefiċċji tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jew, għall-kuntrarju, taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, f’dan it-tieni każ ipotetiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 20 u 21 TFUE jipprekludux lill-awtorità kompetenti Finlandiża milli tirrifjuta li tagħti tali għajnuna lil persuna b’diżabbiltà serja, residenti fil-Finlandja, biex tkun tista’ tkompli l-istudji terzjarji tagħha fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Estonja.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà

3.

L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata għan-nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009 ( 4 ), tipprovdi:

“L-Istati Partijiet ta’ din il-Konvenzjoni […] għandhom jieħdu miżuri adegwati u effettivi biex iħaffu t-tgawdija sħiħa mill-persuni b’diżabbiltà ta’ dan id-dritt u tal-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom b’mod sħiħ fil-komunità, inkluż billi jiżguraw li:

[…]

b)

Il-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal firxa ta’ servizzi fid-djar, u servizzi residenzjali jew ta’ appoġġ tal-komunità, inkluża l-assistenza personali meħtieġa biex tappoġġa l-għajxien u l-inklużjoni fil-komunità, u biex tilqa’ kontra l-iżolament jew segregazzjoni mill-komunità;

[…]”

4.

Ir-Repubblika tal-Finlandja rratifikat il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u l-Protokoll Fakultattiv tagħha fil-11 ta’ Mejju 2016. Din il-konvenzjoni u l-protokoll fakultattiv tagħha daħlu fis-seħħ fil-Finlandja fl-10 ta’ Ġunju 2016.

B.   Ir-Regolament Nru 883/2004

5.

L-Artikolu 1(j), (k), (l) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(j)

‘residenza’ tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha;

(k)

‘żjara’ tfisser residenza temporanja;

(l)

‘leġislazzjoni’ tfisser, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet statutorji oħra u kull miżuri ta’ implimentazzjoni oħra kollha marbutin mal-fergħat tas-sigurtà soċjali koperti mill-Artikolu 3(1);

[…]”

6.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Oqsma koperti”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

(a)

benefiċċji marbutin mal-mard;

[…]

2.   Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin mal-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li ma humiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

[…]

5.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika:

(a)

għal għajnuna soċjali jew medika;

[…]”

7.

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Dikjarazzjonijiet mill-Istati Membri dwar l-ambitu ta’ dan ir-Regolament”, jipprovdi b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw bil-miktub lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-leġiżlazzjonijiet u l-iskemi msemmija fl-Artikolu 3.

8.

L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi kif ġej:

“1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

(a)

huma maħsuba biex jagħtu jew:

(i)

protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat; jew

(ii)

protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta mal-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

u

(b)

meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

(ċ)

huma elenkati fl-Anness X.

3.   L-Artikolu 7 [u] l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

C.   Id-dritt Finlandiż

1. Il-liġi dwar l-għajnuna soċjali

9.

L-Artikolu 13(1) tas-sosiaalihuoltolaki (il-Liġi dwar l-Għajnuna Soċjali (17.9.1982/710)) jipprovdi:

“Artikolu 13

Bħala parti mix-xogħlijiet tiegħu relatati mal-għajnuna soċjali, il-komun huwa meħtieġ li jieħu ħsieb, waqt li josserva l-kontenut u l-estent previsti fil-leġiżlazzjoni:

1   l-organizzazzjoni tas-servizzi soċjali għall-abitanti;

[…]”

10.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Liġi dwar l-Għajnuna Soċjali jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, abitant tal-komun tfisser kull persuna domiċiljata fil-komun skont il-väestökirjalaki (il-Liġi dwar ir-Reġistri tal-Istat Ċivili (141/69)).

[…]”

2. Il-Liġi dwar is-servizzi u l-miżuri ta’ appoġġ li għandhom jiġu organizzati abbażi tad-diżabbiltà

11.

L-Artikoli 1 u 3, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 u l-Artikoli 8c u 8d tal-laki vammaisuuden perusteella järjestettävistä palveluista ja tukitoimista (il-Liġi dwar is-Servizzi u l-Miżuri ta’ Appoġġ li Għandhom Jiġu Organizzati Abbażi tad-Diżabbiltà (3.4.1987/380)), minn hawn ’il quddiem “il-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà”, jipprovdu:

“Artikolu 1

L-għan tal-liġi

Din il-liġi għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet li jippermettu lill-persuni b’diżabbiltà jgħixu u jkunu attivi mal-oħrajn bħala membri ugwali tas-soċjetà kif ukoll li tipprevjeni u telimina l-iżvantaġġi u l-ostakli kkawżati mid-diżabbiltà.

[…]

Artikolu 3

Ir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tas-servizzi u tal-miżuri ta’ appoġġ

Hija r-responsabbiltà tal-komun li jiżgura li s-servizzi u l-miżuri ta’ appoġġ lill-persuni b’diżabbiltà jingħataw skont in-natura u l-importanza tal-ħtiġijiet eżistenti fil-komun.

Meta jingħataw servizzi u miżuri ta’ appoġġ skont din il-liġi, għandhom jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-għajnuna individwali tal-utent. (19.12.2008/981).

Artikolu 8

Servizzi għall-persuni b’diżabbiltà

[…]

Hija r-responsabbiltà tal-komun li jipprovdi lill-persuni b’diżabbiltà serja servizzi ta’ trasport raġonevoli b’servizz ta’ akkumpanjament, attivitajiet tal-ġurnata, għajnuna individwali u akkomodazzjoni assistita, jekk, minħabba d-diżabbiltà jew il-marda tagħha, il-persuna jkollha imperattivament bżonn ta’ servizzi biex twettaq l-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum. Madankollu, il-komun ma għandux obbligu speċjali li jipprovdi akkomodazzjoni assistita jew għajnuna individwali jekk il-kura meħtieġa għall-persuna b’diżabbiltà serja ma tistax tkun iggarantita fil-kuntest tal-kura lokali (19.2.2010/134).

Artikolu 8c (19.12.2008/981)

Għajnuna individwali

Għall-finijiet ta’ din il-liġi, ‘għajnuna individwali’ tfisser għajnuna fid-dar u barra mid-dar, li hija essenzjali għall-persuni b’diżabbiltà serja:

1)

fl-attivitajiet ta’ kuljum;

2)

fix-xogħol u fl-istudju;

3)

fil-ħin liberu;

4)

fil-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali; jew

5)

fiż-żamma ta’ interazzjonijiet soċjali.

L-għan tal-għajnuna individwali huwa li tgħin lill-persuni b’diżabbiltà serja jagħmlu l-għażliet tagħhom waqt l-attivitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu. L-organizzazzjoni tal-għajnuna individwali tassumi li l-persuna b’diżabbiltà serja għandha riżorsi sabiex tiddetermina l-kontenut u l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-għajnuna.

Għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna individwali, għandha titqies bħala serjament diżabbli persuna li, minħabba diżabbiltà jew marda fit-tul jew li qed taggrava, teħtieġ b’mod imperattiv u ripetut l-għajnuna ta’ persuna oħra biex twettaq l-attivitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, iżda din il-ħtieġa ma għandhiex tkun prinċipalment dovuta għall-mard u d-diżabbiltajiet relatati mal-età.

L-għajnuna individwali għandha tiġi pprovduta għall-attivitajiet ta’ kuljum, għax-xogħol jew għall-istudji sa fejn din tkun meħtieġa b’mod imperattiv mill-persuna b’diżabbiltà serja.

Għall-attivitajiet imsemmija fil-punti (3) sa (5) tal-ewwel paragrafu, l-għajnuna individwali għandha tingħata għal mill-inqas 30 siegħa fix-xahar, jekk numru inqas ta’ sigħat ma jiżgurax l-għajnuna essenzjali għall-persuna b’diżabbiltà serja.

Artikolu 8d (19.12.2008/981)

Modalitajiet ta’ għoti tal-għajnuna individwali

Meta l-komun jiddeċiedi l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna individwali u meta jipprovdiha, dan għandu jikkunsidra l-opinjoni u x-xewqat tal-persuna b’diżabbiltà serja kif ukoll tal-ħtieġa ta’ għajnuna individwali ddefinita fi pjan ta’ servizzi u ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien ġenerali.

Il-komun jista’ jipprovdi għajnuna individwali:

1)

billi jirrimborsa lill-persuna b’diżabbiltà serja l-ispejjeż ta’ assistent li jipprovdi l-għajnuna individwali, inklużi l-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji legali dovuti mill-impjegatur kif ukoll spejjeż raġonevoli oħrajn essenzjali minħabba l-assistent;

2)

billi jipprovdi lill-persuna b’diżabbiltà serja ċekkijiet tas-servizz ta’ ammont xieraq kif ipprovdut fil-laki sosiaali- ja terveydenhuollon palvelusetelistä (il-Liġi dwar iċ-ċekkijiet tas-servizz għall-benefiċċji soċjali u tas-saħħa (569/2009)), sabiex takkwista s-servizzi ta’ assistent; jew (30.12.2014/1309)

3)

billi jipprovdi s-servizzi ta’ assistent ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi pubbliku jew privat lill-persuna b’diżabbiltà serja, billi jipprovdi s-servizz huwa stess jew permezz ta’ ftehim ma’ komun ieħor jew għadd ta’ komuni oħrajn.

Fil-każ imsemmi hawn fuq fit-tieni subparagrafu tal-punt 1, il-persuna b’diżabbiltà serja għandha tkun iggwidata u megħjuna, fejn xieraq, fil-kwistjonijiet relatati mal-ingaġġar tal-assistent.

L-assistent impjegat imsemmi hawn fuq fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 ma jistax ikun ġenitur jew qarib tal-persuna b’diżabbiltà serja, sakemm ma jkunx hemm raġuni partikolarment importanti biex jitqies li dan ikun fl-interess tal-persuna b’diżabbiltà.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.

A, rikorrent fil-kawża prinċipali, twieled fl-1992 u jgħix fil-komun ta’ Espoo fil-Finlandja. A ibati minn diżabbiltà serja li tikkonsisti f’paraliżi ċerebrali, diffikultajiet kunsiderevoli ta’ moviment u ċaqliq involontarju. A jeħtieġ, b’mod ċar, għajnuna kbira, anki sempliċement waqt l-attivitajiet ta’ kuljum tiegħu. Għaldaqstant, huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu assistent individwali pprovdut mill-belt ta’ Espoo meta kien jattendi l-iskola sekondarja fil-Finlandja.

13.

F’Awwissu tal-2013, A talab lill-belt ta’ Espoo, skont il-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà, għajnuna individwali ta’ madwar ħames sigħat fil-ġimgħa għal xogħlijiet tad-dar, jiġifieri għall-qadjiet, għat-tindif u l-ħasil tal-ħwejjeġ. Jirriżulta mill-proċess tal-kawża prinċipali li, fid-data tal-applikazzjoni, A kellu jmur Tallinn fl-Estonja biex isegwi kors ta’ tliet snin full-time fil-liġi, li kien jeħtieġ li huwa jqatta’ tlett jew erbat ijiem fil-kapitali Estonjana, bil-ħsieb li jirritorna lura f’Espoo għal tmiem il-ġimgħa.

14.

B’deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2013, ikkonfermata wara talba għal rikunsiderazzjoni bid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014, it-talba għall-għajnuna individwali ta’ A ġiet miċħuda minħabba li ż-żjara tiegħu barra l-pajjiż ma setgħetx titqies bħala waħda okkażjonali, anki jekk il-komun tar-residenza tiegħu ma nbidilx. Skont il-belt ta’ Espoo, din ma kinitx obbligata tipprovdi s-servizzi u l-miżuri ta’ appoġġ barra l-pajjiż, peress li t-tip ta’ żjara barra l-pajjiż kienet iktar tixbah il-kunċett ta’ “żjara abitwali”. Instab ukoll li l-għajnuna individwali tista’ tingħata biss barra l-pajjiż waqt il-btajjel jew vjaġġi fuq xogħol. Għall-kuntrarju, ma għandu jingħata ebda kumpens jekk il-komun tar-residenza tal-persuna jiġi spostat minħabba żjara barra l-pajjiż jew jekk iż-żjara f’pajjiż barrani tkun waħda fit-tul jew abitwali.

15.

Bis-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2014, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) ikkonfermat, sostanzjalment, dan ir-raġunament fl-ambitu tal-kawża mressqa minn A.

16.

Madankollu, adita b’appell minn din is-sentenza, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) ikkunsidrat li, sabiex tiddeċiedi l-kawża, hija kienet teħtieġ deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà, l-għajnuna individwali hija servizz li jaqa’ taħt l-obbligu partikolari tal-komun u li fir-rigward tiegħu il-persuna b’diżabbiltà serja għandha dritt suġġettiv. Skont din il-liġi, l-għajnuna individwali għandha tingħata lil persuna b’diżabbiltà serja jekk din tkun essenzjali minħabba l-ħtieġa individwali tal-persuna kkonċernata. Madankollu, għalkemm huwa stabbilit li, fis-sens tal-liġi nazzjonali, il-komun tar-residenza ta’ A huwa Espoo, minkejja li jistudja fil-kapitali Estonjana, il-qorti tar-rinviju tinnota li la l-kliem tal-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà u lanqas il-ħidma preparatorja tagħha ma jistgħu jsostnu l-allegazzjoni li l-komun għandu xi obbligu li jħallas l-għajnuna mitluba fil-kuntest ta’ żjara barra l-pajjiż.

18.

Għalhekk, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tqis li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biss tista’ twassal sabiex l-appell jintlaqa’. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi qabelxejn jekk, minħabba l-karatteristiċi tagħha, l-għajnuna individwali prevista fil-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà għandhiex tiġi kklassifikata bħala benefiċċju tal-mard, f’liema każ din tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004, jew jekk din hijiex servizz marbut mal-assistenza soċjali, f’liema każ din tkun taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dal-imsemmi regolament. Imbagħad, fil-każ tat-tieni ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jipprekludux ir-rifjut ta’ ħlas tal-għajnuna individwali mitluba fil-kawża prinċipali.

19.

Il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ddeċidiet għalhekk li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Benefiċċju bħall-għajnuna individwali prevista fil-liġi dwar is-servizzi għall-persuni b’diżabbiltà għandu jitqies bħala benefiċċju tal-mard fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004?

2)

Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta negattiva:

Hemm restrizzjoni għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, kif stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 TFUE, meta l-għoti barra l-pajjiż ta’ benefiċċju bħall-għajnuna individwali skont il-liġi dwar il-persuni b’diżabbiltà ma huwiex suġġett għal leġiżlazzjoni partikolari u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju huma interpretati fis-sens li l-għajnuna individwali ma tingħatax fi Stat Membru ieħor li fih persuna tistudja għal perijodu ta’ tliet snin fl-edukazzjoni għolja bil-ħsieb li tikseb lawrja?

Huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni li benefiċċju bħall-għajnuna individwali jista’ jingħata fil-Finlandja għal komun differenti mill-komun fejn tirrisjedi l-persuna inkwistjoni, pereżempju meta din tal-aħħar tkun qed tistudja f’komun ieħor?

Id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà huma rilevanti għall-eżami tal-kawża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni?

3)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-risposta li tagħti għat-tieni domanda preliminari, tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ġiet interpretata fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment, tali restrizzjoni tista’ madankollu tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali relatati mal-obbligu tal-komun li jissorvelja l-organizzazzjoni tal-għajnuna individwali, mal-possibbiltajiet tal-komun li jagħżel il-modi ta’ għajnuna xierqa kif ukoll maż-żamma tal-koerenza u tal-effettività tas-sistema ta’ għajnuna individwali prevista fil-liġi dwar is-servizzi għall-persuni b’diżabbiltà?”

20.

Il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Ċek u l-Gvern Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub dwar dawn id-domandi. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet imressqa, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ruħha informata biżżejjed u ddeċidiet li ma ssejjaħx seduta għal trattazzjoni orali, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

IV. Analiżi

21.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għajnuna individwali, bħal dik prevista mil-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà għandhiex titqies bħala benefiċċju tal-mard fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, f’liema każ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jew, għall-kuntrarju, jekk hijiex benefiċċju ta’ “assistenza soċjali”, skont l-Artikolu 3(5) tal-imsemmi regolament, li għalhekk tkun espliċitament eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali prevista minn dan l-att.

22.

F’din it-tieni ipoteżi ‐ li hija dik ippreferita mill-qorti tar-rinviju ‐ il-Qorti tal-Ġustizzja hija, essenzjalment, mitluba twieġeb jekk l-Artikoli 20 u 21 TFUE, li jistabbilixxu l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera tiegħu fit-territorju tal-Istati Membri, jipprekludux ir-rifjut ta’ komun ta’ Stat Membru li jagħti għajnuna individwali mitluba minn resident b’diżabbiltà serja ta’ dan il-komun minħabba li dan ir-resident ikollu jirrisjedi temporanjament fi Stat Membru ieħor sabiex ikompli l-istudji terzjarji tiegħu.

23.

Se neżamina dawn id-domandi waħda waħda, waqt li nindika mal-ewwel li, għar-raġunijiet li se nispjega hawn taħt, jiena tal-fehma li l-għajnuna individwali inkwistjoni ma taqax, bħalma tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, taħt il-klassifikazzjoni ta’ “benefiċċji tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u li r-rifjut tal-komun Finlandiż li jħallasha lil resident b’diżabbiltà serja bħal A, imur kontra l-Artikoli 20 u 21 TFUE.

A.   Fuq il-klassifikazzjoni tal-għajnuna individwali skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004

24.

Is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 883/2004 (kif ukoll l-atti li ppreċedewh) ( 5 ) hija bbażata fuq id-distinzjoni bejn, minn naħa, il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, elenkati fl-Artikolu 3(1) tiegħu, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, il-benefiċċji ta’ “assistenza soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmi regolament, li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

25.

Ma huwiex faċli taqta’ linja diviżorja bejn is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 883/2004 ma jagħti ebda definizzjoni ġenerali ta’ dawn l-oqsma u lanqas ma jirreferi għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri għal dan il-għan. Barra minn hekk, il-fatt li Stat Membru naqas milli jiddikjara, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, li skema nazzjonali partikolari taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma għandux jeskludi din l-iskema ipso facto mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi regolament ( 6 ).

26.

Affaċċjata b’din il-problema minn kmieni ħafna, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat żewġ kundizzjonijiet li, bħala regola ġenerali, jippermettu li ssir distinzjoni bejn benefiċċji li jaqgħu taħt is-sigurtà soċjali u dawk li jaqgħu taħt l-assistenza soċjali. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, benefiċċju jista’ jitqies bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn:

dan jingħata, indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, lill-benefiċjarji fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment stabbilita, u

dan ikun marbut ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 7 ).

27.

Minħabba li ż-żewġ kundizzjonijiet li għadhom kemm ġew elenkati huma kumulattivi, il-fatt li waħda minnhom ma tiġix issodisfatta ikun ifisser li l-benefiċċju inkwistjoni ma jkunx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

28.

Kultant, skema ta’ benefiċċji jista’ jkollha karatteristiċi li jqarrbuha kemm lejn is-sigurtà soċjali kif ukoll lejn l-assistenza soċjali minħabba wħud mill-aspetti tagħha u dan jista’ jikkomplika l-analiżi taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

29.

Fir-rigward tan-natura mħallta ta’ ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali l-Qorti tal-Ġustizzja regolarment enfasizzat li għalkemm jista’ jidher xieraq, mill-perspettiva tal-applikazzjoni tar-regolament, li tiġi stabbilita distinzjoni ċara bejn skemi leġiżlattivi li jaqgħu taħt is-sigurtà soċjali u dawk li jaqgħu taħt l-assistenza soċjali, rispettivament, wieħed ma jistax jeskludi l-possibbiltà li minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħhom, l-għanijiet u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tagħhom, ċerti leġiżlazzjonijiet jista’ jkollhom fl-istess ħin elementi li jappartjenu liż-żewġ kategoriji msemmija, b’mod li ma jkunu jaqgħu fl-ebda klassifikazzjoni ġenerali ( 8 ).

30.

Ċertament, l-Artikolu 4(2)(a) u l-Artikolu 10(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ‐ imdaħħla fit-test ta’ dan permezz tar-Regolament Nru 1247/92 tal-Kunsill tat-30 ta’ April 1992 ( 9 ) ‐, u, minn issa ’l quddiem, l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 ikkunsidraw parzjalment din is-sitwazzjoni. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, l-Artikolu 70 tiegħu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali għall-“benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji”, li japplikaw għal-leġiżlazzjonijiet li, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħhom, l-għanijiet tagħhom u/jew il-kundizzjonijiet dwar l-eliġibbiltà tagħhom għandhom karatteristiċi kemm tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali u kemm ta’ assistenza soċjali. Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, il-benefiċċji maħsuba biex jagħtu “protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta mal-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat”, li jiġġustifika li, skont l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 883/2004, dawn jingħataw biss fl-Istat Membru ta’ residenza tal-benefiċjarju u skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

31.

Anki jekk il-kunċett ta’ “benefiċċju tas-sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-kunċett ta’ “benefiċċju speċjali mhux kontributorju” fis-sens tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament jeskludu lil xulxin ( 10 ), jibqa’ l-fatt li l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli tal-aħħar tassumi li l-benefiċċji inkwistjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri li jikkwalifikaw bħala benefiċċji speċjali, fi flus u li ma humiex kontributorji, waqt li, fil-prinċipju, jidhru fil-lista tal-leġiżlazzjonijiet, elenkati għal kull Stat Membru, ipprovduta fl-Anness X tal-istess regolament. Madankollu, fil-każ tar-Repubblika tal-Finlandja, il-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà ma hijiex imsemmija fil-lista tal-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004. L-ommissjoni, apparentement intenzjonali, mill-qorti tar-rinviju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament u l-assenza ta’ osservazzjonijiet min-naħa tal-partijiet kkonċernati dwar dan il-punt jidhru li huma kawża ta’ din iċ-ċirkustanza ( 11 ).

32.

Fid-dawl ta’ dan, minbarra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 u, għalhekk, rigward id-delimitazzjoni bejn il-paragrafi 1 u 5 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, il-kundizzjoni li għandha l-iktar piż fl-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik relatata mar-riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, anki jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lill-benefiċjarji pożizzjoni legalment stabbilita li tagħti dritt għal benefiċċju partikolari, indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, benefiċċju li ma jkunx relatat mal-kopertura ta’ wieħed mir-riskji msemmija f’dan l-artikolu għandu jkun eskluż, fi kwalunkwe każ, mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 minħabba li l-elenku tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 huwa wieħed eżawrjenti ( 12 ).

33.

Għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-identifikazzjoni taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet hija stabbilita sew, l-applikazzjoni ta’ dawn l-istess kundizzjonijiet għall-kawżi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija iktar kontroversjali.

34.

Fil-fatt, rigward l-ewwel kundizzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rigorożità tagħha setgħet b’mod leġittimu tindika li l-inqas marġni ta’ evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet tal-individwu, mogħti lill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti, iwassal għall-esklużjoni tal-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali. B’mod pjuttost kontradittorju, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu qieset din il-kundizzjoni bħala li kienet issodisfatta, minkejja l-fatt li benefiċċju ingħata biss skont l-assi tal-applikant, id-dħul tiegħu, in-numru ta’ tfal dipendenti u l-età tagħhom, peress li dawn il-kriterji kienu oġġettivi u legalment iddefiniti, mingħajr ma l-awtorità kompetenti setgħet “tqis ċirkustanzi personali oħrajn” ( 13 ). Iktar reċentement, iżda, f’każ ta’ kumpens għal konsegwenzi soċjali ta’ diżabbiltà serja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Slovakka, li, għalkemm l-perizji mediċi u soċjali kif ukoll il-perizja kumplessa, li fil-kuntest tagħha tinħareġ il-proposta dwar it-tip ta’ benefiċċju li għandu jingħata bħala kumpens, twettqu abbażi ta’ kriterji oġġettivi u ddefiniti legalment, il-Kummissjoni ma wrietx li dawn il-kriterji jagħtu d-dritt għall-benefiċċji inkwistjoni meta l-awtorità kompetenti ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-għoti tagħhom ( 14 ).

35.

Rigward l-applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni, minkejja li fakkret in-natura eżawrjenti tar-riskji jew tal-benefiċċji espressament elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, minkejja li dan ir-regolament ma jgħid xejn dwar ir-riskju tad-dipendenza ( 15 ), li benefiċċji li jirrigwardaw dan ir-riskju setgħu jitqabblu ma’ “servizzi tal-mard”, fis-sens tal-imsemmi artikolu u, għalhekk, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali ( 16 ). Tali xebh tar-riskju tad-dipendenza mar-riskju tal-mard huwa madankollu suġġett għal ċerti kundizzjonijiet b’mod li ma jwessax il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 iżżejjed, minħabba li dan ma jinkludix dispożizzjoni speċifika għal dan ir-riskju. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li benefiċċji maħsuba biex ikopru r-riskju tad-dipendenza mhux biss għandhom jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iżda fuq kollox jaraw li “[j]tejbu l-istat tas-saħħa kif ukoll tal-ħajja tal-persuni dipendenti” billi jkollhom “essenzjalment l-iskop li jikkompletaw il-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard” ( 17 ). Għalhekk, il-benefiċċji dwar ir-riskju tad-dipendenza, li, bħal din tal-aħħar, ġeneralment ikunu fit-tul, huma biss ta’ natura kumplimentari meta mqabbla mal-benefiċċji tal-mard “klassiċi”, li pjuttost huma intenzjonati għal żmien qasir u li jaqgħu, b’mod strett, taħt l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 18 ).

36.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġi aċċertat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali, ladarba huwa mifhum li, kif innotat ġustament il-qorti tar-rinviju, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli tiddikjara li l-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà taqa’ taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 ma jfissirx li din il-liġi hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan l-att tal-Unjoni.

1. Fuq il-kundizzjoni li benefiċċju jingħata mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment

37.

Il-qorti tar-rinviju tidher inċerta dwar l-issodisfar ta’ din l-ewwel kundizzjoni. Fil-fatt, għalkemm tinnota li l-ħtiġijiet individwali tal-persuni b’diżabbiltà serja jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tingħata l-għajnuna individwali prevista mil-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà, li pjuttost jirrelataha ma’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali, din il-liġi tagħti lill-benefiċjarji dak li hija ssejjaħ “dritt suġġettiv” għall-għoti tal-għajnuna individwali abbażi ta’ kundizzjonijiet iddefiniti legalment, irrispettivament mil-livell tad-dħul tal-benefiċjarju.

38.

Il-Gvern Finlandiż u dak Svediż jikkunsidraw li, minħabba li l-ħtiġijiet individwali tal-benefiċjarju jiġu kkunsidrati u l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-komun f’dak li jirrigwarda l-mod kif tingħata l-għajnuna individwali u l-ammont tagħha, is-sitwazzjoni inkwistjoni tista’ tkun ipparagunata ma’ dik relatata mal-benefiċċju li wassal għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C-433/13, EU:C:2015:602). Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni u, sa ċertu punt inqas, il-Gvern Ċek, huma tal-fehma li l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta.

39.

Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, inħoss li għandi naqbel mal-pożizzjoni tal-aħħar żewġ partijiet interessati.

40.

Tabilħaqq, ma hemmx dubju li fil-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà, b’mod partikolari fl-Artikoli 8(c) u 8(d) tagħha, jissemma diversi drabi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet individwali tal-persuna kkonċernata.

41.

Madankollu, huwa stabbilit li l-għajnuna individwali għandha tingħata mill-komun jekk il-persuna tirrisjedi fit-territorju tiegħu u tissodisfa l-kundizzjoni ta’ persuna b’diżabbiltà serja, irrispettivament mid-dħul ta’ din il-persuna.

42.

Kif iddikjara, essenzjalment, il-Gvern Ċek, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(d) tal-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà lill-komun tar-residenza tal-benefiċjarju ma jirrigwardax il-ftuħ tad-dritt għall-għajnuna individwali, iżda l-mod ta’ kif se tingħata din l-għajnuna u l-ammont tagħha. Huwa preċiżament minn dan l-aspett li din il-kawża tvarja mis-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C-433/13, EU:C:2015:602, punti 7980). Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-kriterji tal-liġi Slovakka tad-diversi evalwazzjonijiet medikosoċjali li jridu jitwettqu “[fe]tħu d-dritt għall-benefiċċji inkwistjoni meta l-awtorità kompetenti ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-għoti tagħhom”, u t-tieni, li l-liġi msemmija kienet tipprovdi li “d-dritt għal allowance bħala kumpens u l-ħlas tiegħu jirriżulta minn deċiżjoni valida tal-awtorità kompetenti dwar ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt” li jsostni l-argument tal-Gvern Slovakk li “l-amministrazzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-għoti tal-benefiċċji inkwistjoni” ( 19 ). Fid-dawl tal-eżitazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tfakkar b’mod utli li l-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-ħtiġijiet individwali tal-benefiċjarju għandha l-ewwel u qabel kollox tirrigwarda l-ftuħ tad-dritt għall-benefiċċju inkwistjoni sabiex jiġi eskluż l-issodisfar tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 20 ).

43.

Għaldaqstant, inqis li għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet hija ssodisfatta.

2. Fuq il-kundizzjoni dwar l-għoti ta’ benefiċċju relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004

44.

Rigward it-tieni kundizzjoni, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna individwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex jew għandhiex titqies simili għal “benefiċċju tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

45.

Kif diġà ċċarajt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’diversi okkażjonijiet, li l-benefiċċji li huma intiżi sabiex itejbu l-kundizzjoni tas-saħħa u tal-ħajja ta’ persuni dipendenti għandhom essenzjalment l-għan li jikkompletaw il-benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-mard u, għalhekk, għandhom jiġu assimilati ma’ “benefiċċji tal-mard” fis-sens ta’ dan l-artikolu ( 21 ).

46.

Kif iddikjaraw il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-għajnuna individwali pprovduta mil-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà, fil-fehma tiegħi, la għandha titqies bħala intiża li ttejjeb il-kundizzjoni marbuta mad-diżabbiltà u lanqas is-saħħa tal-benefiċjarju. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà jipprovdi li din il-liġi “għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet li jippermettu lill-persuni b’diżabbiltà jgħixu u jkunu attivi mal-oħrajn bħala membri ugwali tas-soċjetà kif ukoll li tipprevjeni u telimina l-iżvantaġġi u l-ostakoli kkawżati mid-diżabbiltà”. Imbagħad, kif jindika l-Artikolu 8(c) tal-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà, l-għajnuna individwali għandha l-għan li tgħin lill-persuni b’diżabbiltà serja jagħmlu l-għażliet tagħhom fit-twettiq tal-attivitajiet li jelenka dan l-artikolu, jiġifieri l-attivitajiet ta’ kuljum, ix-xogħol u l-istudju, il-ħin liberu, il-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali jew iż-żamma ta’ interazzjonijiet soċjali. Fl-aħħar nett, kif osserva l-Gvern Finlandiż, il-ħidma preparatorja tal-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà tikkonferma li l-ħtiġijiet ta’ għajnuna li jirrigwardaw kura, trattament jew superviżjoni huma speċifikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna individwali.

47.

Għalhekk, l-għan tal-għajnuna individwali ma huwiex ta’ natura medika, kuntrarjament għall-benefiċċju Finlandiż għall-kura tat-tfal (persuni b’diżabbiltà) (lapsen hoitotuki) li kien is-suġġett tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-299/05, EU:C:2007:608, punti 57 sa 59) u li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala benefiċċju tal-mard, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 [li sar l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004]. Fil-fatt, dan il-benefiċċju kellu l-għan li jippermetti lill-ġenituri tat-tfal b’diżabbiltà jiżguraw il-kura, is-sorveljanza u, fejn meħtieġ, l-edukazzjoni mill-ġdid tagħhom.

48.

F’dan l-istadju jeħtieġ, għalhekk, li jiġi vverifikat jekk għajnuna individwali li ma hijiex intiża sabiex ittejjeb il-kundizzjoni tas-saħħa tal-persuni b’diżabbiltà serja, iżda biss, nammetti, “il-ħajja tal-persuni dipendenti”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tistax titqabbel ma’ “benefiċċju tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

49.

Kif diġà wrejt, ir-riskju ta’ dipendenza ma huwiex espressament kopert mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

50.

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja xebhet il-benefiċċji mogħtija taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni tad-dipendenza ma’ benefiċċji tal-mard sakemm dawn il-benefiċċji kellhom l-għan li jtejbu l-istat tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni dipendenti. Dawn il-kawżi kienu, irrispettivament mill-mod ta’ finanzjament ta’ dawn l-iskemi, jirrigwardaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ikkawżati mill-istat ta’ dipendenza tal-persuna, relatati, tal-inqas b’mod simultanju, mal-kura pprovduta lill-persuna u mat-titjib tal-ħajja ta’ kuljum ta’ din il-persuna, billi, jiġi żgurat lilha, pereżempju, il-ħlas ta’ tagħmir jew l-assistenza minn terzi ( 22 ). Din it-tendenza ma kinitx miċħuda mis-sentenza tal-1 ta’ Frar 2017, Tolley (C-430/15, EU:C:2017:74) invokata mill-Kummissjoni, meta argumentat li, fil-punt 53 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet biss fuq l-iskop li tittejjeb il-ħajja ta’ persuni dipendenti tal-element ta’ “dipendenza” tal-benefiċċju għas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà inkwistjoni f’dik il-kawża. Fil-fatt, minn naħa, l-element ta’ “dipendenza” ta’ dan il-benefiċċju kien maħsub biex ikopri l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa għal ċerti tipi ta’ kura jew minħabba inkapaċità jew kważi inkapaċità li ma tippermettix il-mixi ( 23 ), li, fil-fehma tiegħi, jispjega r-raġuni għall-assimilazzjoni ta’ dan mal-“benefiċċji tal-mard”. Min-naħa l-oħra, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju kienu qabelxejn dwar jekk l-element ta’ “dipendenza” tal-imsemmija allowance kellux jitqies li jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “benefiċċji tal-mard” iktar milli benefiċċji għall-invalidità jew għax-xjuħija, liema riskji huma koperti mir-Regolament Nru 883/2004.

51.

Fi kwalunkwe każ, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha toqgħod attenta milli tassimila allowances bħall-għajnuna individwali inkwistjoni f’din il-kawża, li huma maħsuba biss biex itejbu l-ħajja ta’ kuljum tal-persuni b’diżabbiltà serja, mingħajr ma jinkludu, tal-inqas, il-kopertura tal-kura jew tat-tagħmir li jtejbu l-kundizzjoni tas-saħħa ta’ dawn il-persuni, ma’ benefiċċji tal-mard. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li timxi f’din id-direzzjoni, hija tasal biex tinkludi, bħala tali, ir-riskju ta’ dipendenza fil-lista eżawrjenti tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 u għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ħaġa li l-leġiżlatur tal-Unjoni, minkejja d-diversi emendi li saru matul is-snin fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali, irrifjuta li jagħmel. Ma nistax inħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tkompli f’din id-direzzjoni, minħabba r-riskju li l-kunċett innifsu ta’ “benefiċċji tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jiġi żnaturat.

52.

Għaldaqstant, nikkunsidra li għajnuna individwali, li tikkonsisti fil-kopertura tal-ispejjeż iġġenerati mill-attivitajiet ta’ kuljum, bħal pereżempju qadjiet ta’ xiri, tindif u ħasil ta’ ħwejjeġ ta’ persuna b’diżabbiltà serja, bl-għan li din il-persuna, li ma taħdimx, tkun tista’ ssegwi studji terzjarji, ma tistax tkun assimilata ma’ “benefiċċju tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

53.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx ħtieġa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssuġġerew il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, li tingħata deċiżjoni dwar jekk l-għajnuna individwali pprovduta mil-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà għandhiex titqies bħala “benefiċċji tal-mard”“fi flus” jew “in natura”, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, peress li din l-għajnuna ma taqax, fil-fehma tiegħi, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

54.

Għalhekk, f’dan l-istadju, għandhom jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li saru speċifikament għall-każ fejn jitqies li l-għajnuna individwali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

B.   Fuq ir-restrizzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni

55.

Permezz tat-tieni u t-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 u 21 TFUE, li jistabbilixxu d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn, jipprekludux li resident Finlandiż bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jiġi rrifjutat għajnuna individwali mill-komun tar-residenza tiegħu, bħal dik prevista mil-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà, minħabba li huwa residenti fi Stat Membru ieħor biex ikompli l-istudji terzjarji tiegħu.

56.

Dawn id-domandi huma bbażati fuq premessa doppja.

57.

Minn naħa, huwa stabbilit li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jżomm ir-residenza tiegħu fil-Finlandja, fis-sens tal-kotikuntalaki (11.3.1994/201) (il-Liġi dwar il-Komun tar-Residenza tal-11 ta’ Marzu 1994, minn hawn ’il quddiem “il-Liġi dwar il-Komun tar-Residenza”), u li ż-żjara tiegħu ta’ kull ġimgħa fl-Estonja minħabba l-istudju hija biss temporanja, peress li l-Qorti stabbilixxiet li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu jirritorna fil-komun tar-residenza tiegħu f’kull tmiem il-ġimgħa.

58.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li r-raġuni ta’ studju, ma hijiex waħda mir-raġunijiet aċċettati, bħall-vjaġġi ta’ negozju jew btajjel, li jippermettu li l-parti interessata tibbenefika mill-għajnuna individwali barra l-pajjiż. Ċertament, bħalma għamel quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gvern Finlandiż ikkontesta din l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fejn argumenta li l-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà ma tipprojbixxix li komun juża s-setgħa diskrezzjonali tiegħu fl-għoti ta’ għajnuna individwali f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali. Madankollu, irrispettivament mill-fondatezza ta’ dan il-kumment, skont it-tqassim tal-kompetenzi li jirriżultaw mill-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju tal-liġi nazzjonali, għaliex din tibqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju ( 24 ).

59.

Issa li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jitfakkar li, bħala ċittadin Finlandiż, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jgawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni skont l-Artikolu 20(1) tat-TFUE u għalhekk jista’ jinvoka d-drittijiet relatati ma’ tali status, inkluż fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ( 25 ).

60.

Dan l-istatus huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri meta jkunu f’sitwazzjoni li taqa’ fil-qasam tal-applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE ( 26 ).

61.

Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hemm dawk, evidentement, li jirrigwardaw l-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE ( 27 ).

62.

Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni ( 28 ).

63.

Ħafna kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-ġurisprudenza li għadha kemm issemmiet kienu jirrigwardaw għajnuna għat-taħriġ jew għall-istudju li l-għoti tagħha kien marbut mal-issodisfar ta’ kriterju minimu ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru li kien se jallokaha, kriterju li l-istudenti kkonċernati ma kinux jissodisfaw ( 29 ).

64.

Din il-kawża għandha żewġ karatteristiċi fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza. Minn naħa, l-għajnuna individwali ma hijiex esklużivament mogħtija għall-issoktar tal-istudji, iżda għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-persuni b’diżabbiltà serja sabiex ikunu jistgħu jagħmlu “l-għażliet tagħhom”, inkluż li jkomplu l-istudji tagħhom ( 30 ). Min-naħa l-oħra, l-għajnuna individwali ġiet miċħuda lir-rikorrent fil-kawża prinċipali mill-komun ta’ Espoo minħabba li l-issoktar tal-istudji terzjarji tiegħu f’Tallinn kien se jeħtieġ li huwa jirrisjedi abitwalment fl-Estonja. Madankollu, kif diġà indikajt, il-qorti tar-rinviju bidlet dan l-approċċ, billi kkonstatat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali baqa’ jżomm ir-residenza tiegħu fil-komun ta’ Espoo, fis-sens tal-Liġi dwar il-Komun tar-Residenza, kif aċċetta wkoll il-Gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

65.

Jidher għalhekk li l-għajnuna individwali ġiet esklużivament miċħuda minħabba l-fatt li l-istudji terzjarji tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ‐ li, barra minn hekk, jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha biex jibbenefika minn din l-għajnuna ‐ kienu se jsiru fi Stat Membru ieħor u mhux fir-Repubblika tal-Finlandja.

66.

Kif il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Svediż qablu, tali rifjut jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor irrikonoxxuta fl-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltajiet offruti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom li kieku ċittadin ta’ Stat Membru seta’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom, b’ostakoli dovuti għar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizzah minħabba s-sempliċi fatt li huwa eżerċita dawn il-possibbiltajiet ( 31 ).

67.

Tali restrizzjoni fuq waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, u jekk hija tkun proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali ( 32 ).

68.

F’dan ir-rigward, b’riferiment għall-punti 89 u 90 tas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C-503/09, EU:C:2011:500), il-qorti tar-rinviju ssemmi żewġ raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni possibbli fid-domanda tagħha. Fl-ewwel lok, ir-restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata minħabba l-obbligu li għandu l-komun li jissorvelja l-organizzazzjoni tal-għajnuna individwali. Fit-tieni lok, il-limitazzjoni tal-għoti tal-għajnuna individwali fit-territorju Finlandiż biss tista’ tippreżerva l-koerenza u l-effettività tal-iskema tal-għajnuna individwali, inkluż f’dak li jirrigwarda l-possibbiltajiet tal-komun li jagħżel il-modalitajiet xierqa ta’ organizzazzjoni u ta’ għoti ta’ din l-għajnuna.

69.

Filwaqt li la l-Gvern Ċek u lanqas il-Kummissjoni ma ħadu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni u l-Gvern Finlandiż iqis li ebda raġuni ta’ interess ġenerali ma tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Svediż iqis li l-obbligi superviżorji li għandu l-komun u l-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jiġġustifikaw li l-għoti tal-għajnuna individwali jkun limitat għat-territorju Finlandiż.

70.

Min-naħa tiegħi, ninnota mill-bidu nett ċerta konfużjoni fl-għanijiet ta’ interess ġenerali stabbiliti mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, filwaqt li tirreferi għall-punti 89 u 90 tas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C-503/09, EU:C:2011:500), il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li dawn l-għanijiet huma dawk li jiġi żgurat li jkun hemm rabta reali bejn l-applikant għall-għajnuna u l-Istat Membru kompetenti u li jiġi żgurat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, filwaqt li hija tinvoka b’mod espliċitu l-koerenza u l-effettività tal-iskema tal-għajnuna individwali, raġuni ta’ ġustifikazzjoni simili għal dik li spiss jinvokaw l-Istati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistemi fiskali tagħhom, iżda li bl-ebda mod ma tirriżulta mis-sentenza li hija ssemmi.

71.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt irrikonoxxiet fil-punti 89 u 90 tas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C-503/09, EU:C:2011:500) li l-għanijiet segwiti minn leġiżlazzjoni nazzjonali intiżi sabiex tiġi stabbilita rabta reali bejn l-applikant għal benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà u l-Istat Membru kompetenti, kif ukoll sabiex jiġi ppreżervat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, jikkostitwixxu, bħala prinċipju, għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għad-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza stabbiliti fl-Artikolu 21(1) TFUE.

72.

F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet tal-preżenza tal-applikant fit-territorju nazzjonali (fir-Renju Unit), kemm qabel l-applikazzjoni tiegħu kif ukoll meta saret l-applikazzjoni, ma setgħux ikunu ġġustifikati miż-żewġ għanijiet indikati qabel ( 33 ). Fil-fatt, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm l-applikant għall-benefiċċju tal-invalidità kien jgħix fi Stat Membru ieħor milli fir-Renju Unit (f’dan il-każ fi Spanja), l-eżistenza ta’ “rabta reali u suffiċjenti” mat-territorju tar-Renju Unit setgħet tintwera minn fatturi oħrajn apparti l-preżenza tal-applikant fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru qabel l-applikazzjoni, bħar-relazzjonijiet li l-applikant kellu mas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll il-kuntest familjari ( 34 ). Barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li din l-evalwazzjoni kienet valida fid-dawl tal-għan intiż sabiex jiġi żgurat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali peress li r-rabta ta’ konnessjoni reali u suffiċjenti bejn l-applikant u l-Istat Membru kompetenti kienet tippermetti lil dan tal-aħħar jaċċerta ruħu li n-nefqa ekonomika assoċjata mal-ħlas tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ssirx irraġonevoli ( 35 ).

73.

Fil-fehma tiegħi, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, hija iktar u iktar applikabbli fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, anki b’riskju li nirrepeti ruħi, huwa stabbilit li A għandu r-residenza permanenti tiegħu fil-komun fejn ippreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna individwali u li kull ġimgħa jirritorna lura hemmhekk waqt l-istudji tiegħu fl-Estonja. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi validament argumentat li dan il-komun jista’ jsib xi diffikultà partikolari sabiex jissorvelja l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ għoti ta’ din l-għajnuna. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar it-tip ta’ ostakoli li jaffettwaw iktar il-kontroll mill-komun tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-għajnuna individwali f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali milli fis-sitwazzjoni, aċċettata mil-leġiżlazzjoni Finlandiża, fejn għajnuna individwali identika tintuża barra l-pajjiż minn resident Finlandiż waqt vjaġġ ta’ negozju jew waqt il-btajjel ( 36 ).

74.

Barra minn hekk, nirrileva li l-Gvern Finlandiż spjega li attwalment ma hemm ebda evidenza li l-għoti ta’ għajnuna individwali, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jhedded il-bilanċ tas-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali. Mingħajr indikazzjoni konkreta supplimentari min-naħa tal-qorti tar-rinviju li tissuġġerixxi l-eżistenza ta’ tali theddida, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li konstatazzjoni bħal din tiġi nnotata.

75.

Għaldaqstant, inqis li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-ebda wieħed mill-għanijiet imressqa mill-qorti tar-rinviju ma jiġġustifika r-restrizzjoni fuq il-libertà tal-moviment u l-libertà tar-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni bħal A.

76.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni, kif talbet ukoll il-qorti tar-rinviju, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, peress li din il-konvenzjoni ma tistax tibdel ir-risposta li għandi nipproponi li tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari.

V. Konklużjoni

77.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja):

1.

Benefiċċju, bħall-għajnuna individwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt il-klassifikazzjoni ta’ “benefiċċji tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali.

2.

L-Artikoli 20 u 21 TFUE għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu li komun ta’ Stat Membru jirrifjuta li jagħti għajnuna individwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li l-applikant, li għandu diżabbiltà serja u li joqgħod fit-territorju ta’ dan il-komun, isegwi jew jixtieq isegwi studji terzjarji, bl-għan li jikseb diploma, fi Stat Membru ieħor.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.

( 3 ) ĠU 2009, L 284, p. 43.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU 2010, L 23, p. 35.)

( 5 ) Jiġifieri, kemm ir-Regolament Nru 3 tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 1958 dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (ĠU 1958, p. 561) kif ukoll ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tagħha emendata u aġġornata bir-Regolament (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3).

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, b’analoġija mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Otte (C-25/95, EU:C:1996:295, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx (249/83, EU:C:1985:139, punti 12 sa 14); tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes (C-78/91, EU:C:1992:331, punt 15); tas-7 ta’ Novembru 2002, Maaheimo (C-333/00, EU:C:2002:641, punti 2224); tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (C-388/09, EU:C:2011:439, punt 38); tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C-433/13, EU:C:2015:602, punt 71) kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva (C-449/16, EU:C:2017:485, punt 20).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, taħt l-effett tar-Regolament Nru 3, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1972, Frilli (1/72, EU:C:1972:56, punt 13) kif ukoll, taħt ir-Regolament Nru 1408/71, is-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 1974, Callemeyn (187/73, EU:C:1974:57, punt 6); tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx (249/83, EU:C:1985:139, punt 12), u tas-27 ta’ Marzu 1985, Scrivner u Cole (122/84, EU:C:1985:145, punt 19).

( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1247/92 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali lill-persuni mpjegati, lill-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 41).

( 10 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse (C-286/03, EU:C:2006:125, punt 36) u tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs ls-Slovakkja (C-433/13, EU:C:2015:602, punt 45).

( 11 ) B’mod ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li testendi jew temenda s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari meta, b’mod intenzjonat, ma jintbagħtulhiex domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni: ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C-83/13, EU:C:2014:201, punti 19 sa 24).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx (249/83, EU:C:1985:139, punt 12); tas-27 ta’ Marzu 1985, Scrivner u Cole (122/84, EU:C:1985:145, punt 19); tal-11 ta’ Lulju 1996, Otte (C-25/95, EU:C:1996:295, punt 22); tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar (C-160/96, EU:C:1998:84, punt 20) u tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (C-388/09, EU:C:2011:439, punt 41).

( 13 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes (C-78/91, EU:C:1992:331, punt 17) (korsiv miżjud minni). Ara, wkoll, is-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Acciardi (C-66/92, EU:C:1993:341, punt 15).

( 14 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C-433/13, EU:C:2015:602, punti 7879).

( 15 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi r-riskju tad-dipendenza bħala s-sitwazzjoni li fiha persuna, minħabba awtonomija mnaqqsa, tkun dipendenti fuq l-għajnuna ta’ ħaddieħor sabiex twettaq ir-rutina ta’ kuljum: ara s-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (C-388/09, EU:C:2011:439, punti 3940) u tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-562/10, EU:C:2012:442, punt 44).

( 16 ) Ara, fil-kuntest tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar (C-160/96, EU:C:1998:84, punti 23 sa 25); tat-8 ta’ Marzu 2001, Jauch (C-215/99, EU:C:2001:139, punt 28); tat-8 ta’ Lulju 2004, Gaumain-Cerri u Barth (C-502/01 u C-31/02, EU:C:2004:413, punt 19); tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse (C-286/03, EU:C:2006:125, punti 38 sa 44); tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-299/05, EU:C:2007:608, punti 10, 6170); tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (C-388/09, EU:C:2011:439, punti 40 sa 45); tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-562/10, EU:C:2012:442, punt 45) u tal-1 ta’ Frar 2017, Tolley (C-430/15, EU:C:2017:74, punt 46).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar (C-160/96, EU:C:1998:84, punt 24); tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-299/05, EU:C:2007:608, punt 61); tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (C-388/09, EU:C:2011:439, punt 45) u tal-1 ta’ Frar 2017, Tolley (C-430/15, EU:C:2017:74, punt 46).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (C-388/09, EU:C:2011:439, punti 4748).

( 19 ) Korsiv miżjud minni.

( 20 ) Għaldaqstant ma huwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-argument addizzjonali mressaq mill-Kummissjoni, meħud mis-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1983, Piscitello (139/82, EU:C:1983:126), li jipprovdi li l-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu d-dritt għal azzjoni legali f’din il-kawża huwa indikazzjoni li l-għajnuna individwali ma hijiex għajnuna soċjali iżda benefiċċju tas-sigurtà soċjali li jagħtih pożizzjoni legalment definita. Għalkemm huwa minnu li l-Avukat Ġenerali Mancini kien ibbaża ruħu wkoll fuq tali ċirkustanza fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati f’dik il-kawża (139/82, li ma humiex ippubblikati, EU:C:1983:67, punt 5), il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet l-ebda riferiment għal dan fis-sentenza tagħha. Barra minn hekk, l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali fl-għoti ta’ għajnuna soċjali ma teżentax lill-amministrazzjoni mill-istħarriġ ġudizzjarju, iktar u iktar fl-istadju attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba l-porożità bejn is-sigurtà soċjali u l-għajnuna soċjali, din tal-aħħar qed issir dejjem iktar dritt fl-Istati Membri, bħar-Renju tal-Belġju li issa jinkorpora d-“dritt” għall-integrazzjoni soċjali: ara, f’dan ir-rigward, Paolillo, M., “Entre assurance et assistance: ‘L’articulation entre la sécurité sociale et l’aide sociale au sens large’”, Annales de Droit de Louvain, 2012, Nru 4, p. 438.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar (C-160/96, EU:C:1998:84, punt 24) u tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (C-388/09, EU:C:2011:439, punt 45).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar (C-160/96, EU:C:1998:84, punt 23); tat-8 ta’ Lulju 2004, Gaumain-Cerri u Barth (C-502/01 u C-31/02, EU:C:2004:413, punti 3, 2126) u tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-562/10, EU:C:2012:442, punti 4046).

( 23 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2017, Tolley (C-430/15, EU:C:2017:74, punt 15).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et (C-685/15, EU:C:2017:452, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, da Martens (C-359/13, EU:C:2015:118, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens (C-359/13, EU:C:2015:118, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens (C-359/13, EU:C:2015:118, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens (C-359/13, EU:C:2015:118, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sitwazzjonijiet fattwali li wasslu għas-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger (C-523/11 u C-585/11, EU:C:2013:524), tal-24 ta’ Ottubru 2013, Elrick (C-275/12, EU:C:2013:684) u tas-26 ta’ Frar 2015, Martens (C-359/13, EU:C:2015:118).

( 30 ) F’dan ir-rigward, jista’ jkun ukoll li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jixtieq jistudja l-liġi, ma għandu ebda għażla oħra ħlief li jmur barra mill-Finlandja biex jistudja. Fil-fatt, attwalment jeżistu biss tliet fakultajiet tal-liġi f’dan l-Istat Membru (Ħelsinki, Turku u Rovaniemi), u biex wieħed jidħol fihom jeħtieġ li jgħaddi minn eżami ta’ dħul partikolarment diffiċli. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tal-belt ta’ Ħelsinki, li tinsab ftit kilometri ’l bogħod mill-komun ta’ Espoo, Turku u Rovaniemi jinsabu rispettivament 150 km u 830 km ’il bogħod minn Espoo, jiġifieri distanza pjuttost itwal minn dik bejn Espoo u l-belt ta’ Tallinn, li bejniethom hemm diversi konnessjonijiet marittimi ta’ kuljum, b’mod partikolari minn Ħelsinki.

( 31 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens (C-359/13, EU:C:2015:118, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens (C-359/13, EU:C:2015:118, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C-503/09, EU:C:2011:500, punti 104109).

( 34 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C-503/09, EU:C:2011:500, punti 97 sa 102).

( 35 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C-503/09, EU:C:2011:500, punt 103).

( 36 ) Naħseb ukoll li, fid-dawl tal-fatt imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-għajnuna individwali tista’ tkompli tingħata jekk il-persuna kkonċernata tkompli l-istudji terzjarji tagħha f’komuni Finlandiżi oħrajn minbarra l-komun tar-residenza tagħha, il-possibbiltajiet ta’ kontroll minn dan tal-aħħar tal-użu tal-għajnuna huma iktar faċli f’sitwazzjoni fejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jistudja f’Tallinn u jirritorna kull tmiem il-ġimgħa f’Espoo, milli kieku kellu jiġi aċċettat fil-Fakultà tal-Liġi ta’ Rovaniemi, kważi 900 km ’l bogħod mill-komun tar-residenza tiegħu.

Top