Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0618

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2018.
    Rafal Prefeta vs Secretary of State for Work and Pensions.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Upper Tribunal.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Att ta’ Adeżjoni tal-2003 – Kapitolu 2 tal-Anness XII – Possibbiltà għal Stat Membru li jidderoga mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 u mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE – Ċittadin Pollakk li ma wettaqx perijodu ta’ tnax-il xahar ta’ xogħol irreġistrat fl-Istat Membru ospitanti.
    Kawża C-618/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:125

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WATHELET

    ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2018 ( 1 )

    Kawża C‑618/16

    Rafal Prefeta

    vs

    Secretary of State for Work and Pensions

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Appelli Amministrattivi), ir-Renju Unit))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tal-2003 – Possibbiltà għar-Renju Unit li jidderoga mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 u mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE – Derogi fir-rigward ta’ ċittadin Pollakk li ma wettaqx perijodu ta’ tnax‑il xahar xogħol irreġistrat fl-Istat Membru ospitanti”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Novembru 2016 mill-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Appelli Amministrattivi), ir-Renju Unit), tirrigwarda l-interpretazzjoni, qabel xejn, tal-Anness XII tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea ( 2 ) (iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-2003”), imbagħad tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ( 3 ), u fl-aħħar nett tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 4 ).

    2.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari qed issir fil-kuntest ta’ kawża bejn Rafal Prefeta, ċittadin Pollakk u s-Secretary of State for Work and Pensions (il-Ministru għax-Xogħol u għall-Pensjonijiet, ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem is-“SSWP”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil R. Prefeta allowance komplementari u ta’ sostenn għall-impjieg, marbuta mad-dħul (income-related Employment and Support Allowance) (iktar ’il quddiem l-“allowance”).

    3.

    Id-deċiżjoni tas-SSWP li ċaħdet lil R. Prefeta mill-aċċess għall-allowance kienet ibbażata fuq il-fatt li huwa ma kellux l-istatus ta’ ħaddiem u, għaldaqstant, id-dritt korollarju ta’ residenza, waħda mill-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-allowance.

    4.

    Fil-fatt, il-miżuri nazzjonali adottati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fil-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kienu jżommu liċ-ċittadini Pollakki li ma ħadmux għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax‑il xahar bħala ħaddiem irreġistrat konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali milli jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 bil-għan li jżommu l-istatus tagħhom ta’ “ħaddiem” u d-dritt ta’ residenza mogħti minn dan l-istatus.

    5.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, li jidderogaw mill-Artikolu 45 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE, għal perijodu provviżorju, jawtorizzaw lill-Istati Membri attwali ( 5 ) sabiex jeskludu liċ-ċittadini Pollakki mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 u, għalhekk, jawtorizzaw limitazzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini Pollakki għall-allowance.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. L-Att ta’ Adeżjoni tal-2003

    6.

    L-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati.

    7.

    Skont it-tieni u l-ħames inċiż tal-Artikolu 1 tal-ewwel parti ta’ dan l-Att:

    “[…]

    il-frażi ‘Stati Membri attwali’ tfisser ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika Awstrijaka, ir-Repubblika tal-Il-Portugall, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;

    […]

    il-frażi ‘Stati Membri l-ġodda’ tfisser ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja;

    […]”

    8.

    Ir-raba’ parti tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 tinkludi d-dispożizzjonijiet temporanji applikabbli għall-“Istati Membri l-ġodda”. Taħt it-Titolu I ta’ din il-parti, l-Artikolu 24 ta’ dan l-Att jipprovdi:

    “Il-miżuri mniżżla fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dawk l-Annessi.”

    9.

    L-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni: il-Polonja”. Fil-Kapitolu 2 ta’ dan l-Anness, dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-paragrafi 1, 2, 5 u 9 huma fformulati kif ġej:

    “1.   Fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà li jiġu provduti servizzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ispostament temporanju ta’ ħaddiema kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva Nru. 96/71/KE bejn il-Polonja fuq naħa, u l-Belġju, r-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit fuq in-naħa l-oħra, l-Artikolu [45] u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu [56] [TFUE] għandhom japplikaw fl-intier tagħhom biss skond id-dispożizzjonijiet transitorji stipulati fil-paragrafi 2 sa 14.

    2.   B’deroga mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 [Regolament tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15)] u sa l-aħħar tal-perijodu ta’ sentejn wara d-data ta’ l-adeżjoni, l-Istati Membri attwali ser japplikaw miżuri nazzjonali, jew dawk li joħorġu minn xi ftehim bilaterali, biex jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom minn ċittadini Pollakki. L-Istati Membri attwali jistgħu jkomplu japplikaw dawn il-miżuri sa l-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin wara d-data ta’ l-adeżjoni.

    Ċittadini Pollakki li jkunu jaħdmu skond il-liġi f’xi Stat Membru attwali fid-data ta’ l-adeżjoni u li kienu tħallew jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ [tnax]‑il xahar jew aktar għandhom igawdu aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru iżda mhux għas-suq tax-xogħol ta’ Stati Membri oħra li japplikaw xi miżuri nazzjonali.

    Ċittadini Pollakki li tħallew jidħlu fis-suq tax-xoghol ta’ xi Stat Membru attwali wara l-adeżjoni għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ [tnax]‑il xahar jew aktar għandhom ukoll igawdu l-istess drittijiet. Iċ-ċittadini Pollakki msemmija fit-tieni u fit-tielet sub-paragrafi ta’ hawn qabel jiefqu milli jgawdu d-drittijiet li hemm f’dawk is-sub-paragrafi jekk minn jeddhom jitilqu mis-suq tax-xoghol ta’ l-Istat Membru attwali in kwistjoni.

    [Ċittadini Pollakki li jkunu jaħdmu skond il-liġi f’xi Stat Membru attwali fid-data ta’ l-adeżjoni, jew matul xi perijodu li fih ikunu applikati miżuri nazzjonali, u li kienu tħallew jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru għal perijodu ta’ inqas minn tnax‑il xahar ma għandhomx igawdu dawn id-drittijiet] [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    […]

    5.   Stat Membru li jżomm fis-seħħmiżuri nazzjonali jew miżuri li joħorġu minn xi ftehim bilaterali fl-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 2 jista’, f’każ ta’ taqlib serju jew ta’ theddida ta’ taqlib serju fis-suq tax-xogħol tiegħu u wara li javża lill-Kummissjoni, ikompli japplika dawn il-miżuri sa l-aħħar tal-perijodu ta’ seba’ snin wara d-data ta’ l-adeżjoni. Fin-nuqqas ta’ dan l-avviż, l-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament […] Nru. 1612/68 għandhom japplikaw.

    […]

    9.   Sakemm ċerti disposizzjonijiet tad-Direttiva 68/360/KEE [Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27)] ma jistgħux jiġu mifruda minn dawk tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 li l-applikazzjoni tagħhom hija differita konformement mal-paragrafi 2 sa 5 u 7 u 8, il-Polonja u l-Istati Membri attwali jistgħu jidderogaw minn dawk id-disposizzjonijiet sakemm ikun meħtieġ għall-applikazzjoni tal-paragrafi 2 sa 5 u 7 u 8.”

    2. Ir-Regolament Nru 492/2011

    10.

    Ir-Regolament Nru 492/2011 ħassar u ssostitwixxa b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2011, ir-Regolament Nru 1612/68.

    11.

    Il-Kapitolu I tar-Regolament Nru 492/2011 huwa intitolat “L-impjieg, l-ugwaljanza fit-trattament u l-familji tal-ħaddiema”.

    12.

    Taħt it-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Eliġibbiltà għall-impjieg”, l-Artikoli 1 sa 6 jipprojbixxu, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi, kif ukoll il-prattiċi amministrattivi ta’ Stat Membru li jillimitaw jew jissuġġettaw għal kundizzjonijiet mhux previsti għaċ-ċittadini tagħhom it-talba u l-offerta tal-impjieg, l-eliġibbiltà għall-impjieg u l-eżerċizzju tiegħu miċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra.

    13.

    Taħt it-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, l-Artikolu 7 jipprovdi:

    “1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

    2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

    […]”

    3. Id-Direttiva 2004/38

    14.

    Id-Direttiva 2004/38 ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mit-30 ta’ April 2006, id-Direttiva 68/360.

    15.

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a), u l-paragrafu 3(a) sa (c) tiegħu:

    “1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

    a)

    ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

    […]

    3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    a)

    il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

    b)

    il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

    ċ)

    il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

    […]”

    16.

    L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi:

    “1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. […]”

    B.   Id-dritt tar-Renju Unit

    17.

    Permezz tal-Accession (Immigration and Worker Registration) Regulations 2004/1219 (ir-Regolament 2004/1219 fuq l-Adeżjoni (Immigrazzjoni u Reġistrazzjoni tal-Ħaddiema)) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2004”), ir-Renju Unit ippospona l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fir-rigward taċ-ċittadini ta’ tmienja mill-għaxar Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 ( 6 ). Dawn il-miżuri derogatorji kienu ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u baqgħu fis-seħħ sat-30 ta’ April 2011 ( 7 ).

    18.

    Fiż-żmien tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, ir-Regolament tal-2004 kien ġie emendat, b’mod partikolari, permezz tal-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006/1003 (ir-Regolamenti 2006/1003 fuq l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea)) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”).

    19.

    Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ir-Regolament tal-2004 kien jistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni (Accession State Worker Registration Scheme (sistema ta’ reġistrazzjoni għall-ħaddiema tal-Istati Membri aderenti)) applikabbli għaċ-ċittadini tat-tmien Stati aderenti msemmija, li ħadmu fir-Renju Unit matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2011.

    20.

    L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-2004, intitolat “Ħaddiem ta’ Stat aderenti suġġett għar-reġistrazzjoni”, kien jipprovdi:

    “(1)   [b]la ħsara għall-paragrafi segwenti ta’ dan l-artikolu, ‘ħaddiem ta’ Stat aderenti suġġett għar-reġistrazzjoni’ huwa ċittadin ta’ Stat aderenti kkonċernat, li ħadem fir-Renju Unit fil-perijodu ta’ adeżjoni.

    […]

    (4)   Ċittadin ta’ Stat aderenti kkonċernat, li ħadem legalment fir-Renju Unit għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax-il xahar li jkun, kollu jew in parti, wara t-30 ta’ April 2004, ma jibqax ħaddiem ta’ Stat aderenti suġġett għar-reġistrazzjoni fi tmiem dan il-perijodu ta’ tnax-il xahar.

    […]

    (8)   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 3 u 4, persuna titqies li tkun ħadmet fir-Renju Unit għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax-il xahar jekk hija tkun ħadmet legalment fir-Renju Unit fil-bidu u fit-tmiem ta’ dan il-perijodu u jekk it-total tal-perijodu intermedju li matulu hija ma tkunx ħadmet legalment fir-Renju Unit ma jeċċedix [tletin] jum.

    […]”

    21.

    L-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-2004 kien jipprovdi:

    “[ċ]ittadin ta’ Stat aderenti kkonċernat, li jkollu l-istatus ta’ ħaddiem ta’ Stat aderenti obbligat li jirreġistra ruħu jekk huwa jibda jaħdem fir-Renju Unit, ma għandux id-dritt li jirrisjedi fir-Renju Unit fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li tfittex impjieg sabiex tibda tfittex xogħol hemmhekk.”

    22.

    Barra minn hekk, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament tal-2004 kien jipprovdi:

    “(3)   bla ħsara għall-paragrafu 4, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-2006 ma huwiex applikabbli għal ħaddiem ta’ Stat aderenti, suġġett għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni, li ma jibqax jaħdem.

    (4)   meta ħaddiem ta’ Stat aderenti, suġġett għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni, ma jibqax jaħdem għal persuna li timpjega awtorizzata fiċ-ċirkustanzi li jissemmew fl-Artikolu 6(2) [tar-Regolament tal-2006] matul il-perijodu ta’ xahar b’effett mid-data li fiha beda jaħdem, dan l-artikolu japplika għal dan il-ħaddiem matul il-kumplament ta’ dan il-perijodu ta’ xahar.”

    23.

    Ir-Regolament tal-2006 ttraspona fid-dritt Brittaniku d-Direttiva 2004/38.

    24.

    Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-2006, dwar l-ipoteżijiet li fihom ċittadin ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jista’ jibbenefika mid-dritt ta’ residenza estiż fit-territorju tar-Renju Unit, kien jipprovdi kif ġej:

    “1)

    [g]ħall-iskopijiet ta’ dan ir-regolament, il-frażi ‘persuna eliġibbli’ tinkludi kull ċittadin taż-ŻEE stabbilit fir-Renju Unit bħala

    […];

    b)

    impjegat;

    […]”

    25.

    L-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-2006 kien jippreċiża l-kundizzjonijiet li kellha tissodisfa persuna li tkun waqfet mix-xogħol sabiex iżżomm il-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tal-paragrafu 1(b) ta’ dan l-istess artikolu u kien jipprovdi:

    “(2)   [b]la ħsara għall-Artikolu 7A(4), persuna li ma tibqax taħdem ma tispiċċax milli titqies bħala ħaddiem għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(b) jekk

    a)

    hija tkun affettwata minn inkapaċità temporanja għax-xogħol riżultanti minn mard jew inċident;

    b)

    hija tkun f’sitwazzjoni ta’ qagħad involontarju debitament ikkonstatat wara li kienet impjegata fir-Renju Unit, bil-kundizzjoni li tkun irreġistrata bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg mad-dipartiment tal-impjiegi kompetenti u li hija

    i)

    [kienet] ġiet impjegata għal sena jew iktar qabel ma sabet ruħha bla xogħol;

    ii)

    ma tkunx qiegħda għal iktar minn sitt xhur; jew

    iii)

    [tista’] tressaq prova li hija qiegħda tfittex impjieg fir-Renju Unit u għandha possibbiltà reali li tiġi impjegata;

    […]”

    26.

    L-Artikolu 7A(4) tar-Regolament tal-2006 kien jipprovdi:

    “L-Artikolu 6(2) huwa applikabbli għal ħaddiem ta’ Stat aderenti jekk

    a)

    huwa kien persuna li għaliha l-Artikolu 5(4) tar-[Regolament tal-2004] kien applikabbli fit-30 ta’ April 2011; jew

    b)

    huwa kien affettwat minn inkapaċità għax-xogħol, sab ruħu qiegħed jew waqaf milli jaħdem, skont il-każ, wara l-1 ta’ Mejju 2011.”

    III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    27.

    R. Prefeta huwa ċittadin Pollakk. Huwa wasal fir-Renju Unit fl-2008 u wettaq perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ xogħol mis-7 ta’ Lulju 2009 sal-11 ta’ Marzu 2011, data li fiha spiċċa mix-xogħol minħabba korriment mhux fuq ix-xogħol.

    28.

    Fil-5 ta’ Jannar 2011, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali R. Prefeta akkwista ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala ħaddiem. Imbagħad huwa wettaq perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ xahrejn u sitt ijiem ta’ xogħol irreġistrat, jiġifieri, mill-5 ta’ Jannar 2011 sal-11 ta’ Marzu 2011.

    29.

    Wara li ħalla l-impjieg tiegħu, R. Prefeta sab ruħu f’qagħad involontarju debitament ikkonstatat, għaliex huwa kien irreġistrat bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg (jobseeker) mad-dipartiment tal-impjieg kompetenti u għaliex il-benefiċċji tal-qgħad (jobseeker’s allowance) kienu jitħallsu lilu mill-20 ta’ Marzu 2011.

    30.

    Fl-20 ta’ Ottubru 2011, R. Prefeta talab il-benefiċċju tal-allowance. Skont il-qorti tar-rinviju, l-allowance hija disponibbli għal kategoriji ta’ persuni li l-kapaċità tagħhom għax-xogħol hija limitata minħabba l-qagħda fiżika jew mentali tagħhom. L-imsemmija qorti tinnota li l-allowance ma tistax tingħata lill-persuni li jfittxu x-xogħol bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt tar-Renju Unit. Hija żżid li, skont id-dritt Brittaniku, l-allowance tista’ tingħata biss lill-ħaddiema, kif iddefiniti bl-Artikolu 6(1)(b) u bl-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-2006.

    31.

    It-talba ta’ R. Prefeta ġiet miċħuda mis-SSWP għaliex id-dritt Britanniku ma kienx jirrikonoxxi lil R. Prefeta bħala ħaddiem billi dan tal-aħħar kien ċittadin Pollakk u ma kienx wettaq perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax‑il xahar ta’ xogħol irreġistrat.

    32.

    R. Prefeta ressaq rikors quddiem il-First-tier Tribunal (Social Entitlement Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Benefiċċji Soċjali), Ir-Renju Unit) li kkonfermat id-deċiżjoni tas-SSWP. R. Prefeta mbagħad appella mid-deċiżjoni tal-First-tier Tribunal (Social Entitlement Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Benefiċċji Soċjali)) quddiem il-qorti tar-rinviju.

    33.

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, R. Prefeta argumenta, essenzjalment, li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-2004 kien kuntrarju għall-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    34.

    Fil-fatt, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-2004 kien iżomm liċ-ċittadini tal-Istati aderenti kkonċernati, li ma ħadmux fir-Renju Unit b’ċertifikat ta’ reġistrazzjoni matul perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax‑il xahar, milli jżommu l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 u milli jibbenefikaw mill-ugwaljanza fit-trattament imsemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Imma, din il-limitazzjoni ma setgħetx tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, peress li dan ma jippermettix derogi minn dawn id-dispożizzjonijiet.

    35.

    Skont is-SSWP, ir-Regolament tal-2004 huwa kompatibbli mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 li fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII jipprovdi li “[ċ]ittadini Pollakki li jkunu jaħdmu skond il-liġi […] matul xi perijodu li fih ikunu applikati miżuri nazzjonali, u li kienu tħallew jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru għal perijodu ta’ inqas minn [tnax]‑il xahar ma għandhomx igawdu dawn id-drittijiet”. Skont is-SSWP, “dawn id-drittijiet” jinkludu d-drittijiet li jitnisslu mit-Trattat li għandhom igawdu minnhom il-“ħaddiema” konformement mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 u mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    36.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 hija kwistjoni komplessa u mingħajr preċedenti tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija qieset li, sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Anness XII [tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003] kien jawtorizza lill-Istati Membri [attwali] jeskludu lil ċittadini Pollakki mill-benefiċċji tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 492/2011] u tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva [2004/38] meta l-ħaddiem, minkejja li kien ikkonforma ruħu tardivament mar-rekwiżit nazzjonali li l-impjieg tiegħu jkun irreġistrat, ma kienx għadu ħadem għal perijodu ta’ tnax-il xahar irreġistrat mingħajr interruzzjoni?

    2)

    Jekk ir-risposta tkun negattiva, ħaddiem ta’ nazzjonalità Pollakka fiċ-ċirkustanzi tal-ewwel domanda, jista’ jinvoka l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva [2004/38] li jikkonċerna ż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem?”

    IV. Analiżi

    37.

    Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment fuq il-kwistjoni jekk il-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, dwar il-moviment liberu tal-persuni, jawtorizzax lil-Istati Membri attwali jeskludu liċ-ċittadini Pollakki mill-benefiċċju ta’ żewġ dispożizzjonijiet, jiġifieri tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ( 8 ) u tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 ( 9 ), meta l-ħaddiem, għalkemm ikun tardivament ikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-impjieg tiegħu stabbilit bid-dritt nazzjonali, għadu ma ħadimx għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax‑il xahar mindu kien irreġistrat. Bit-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tistaqsi fuq il-kwistjoni jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema ċirkustanzi ċittadin Pollakk jista’ jinvoka l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38, li għalkemm huwa jkun tardivament ikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-impjieg tiegħu previst mid-dritt nazzjonali, ikun għadu ma ħadimx għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax‑il xahar mindu kien irreġistrat.

    38.

    Billi teżisti sovrapożizzjoni importanti bejn id-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju, nikkunsidra li huwa f’loku li nittrattahom flimkien.

    A.   Osservazzjonijiet preliminari

    39.

    Mill-Kapitolu 2(1) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jirriżulta li l-Artikolu 45 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE japplikaw fl-intier tagħhom biss skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fil-paragrafi 2 sa 14 tal-istess kapitolu f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jimplikaw moviment temporanju ta’ ħaddiema bejn il-Polonja u l-Istati Mambri attwali, kif iddefiniti fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1 ta’ dan l-Att ta’ Adeżjoni ( 10 ).

    40.

    Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu derogi għall-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68 kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 68/360 li ma jistgħux jiġu disassoċjati minn dawk tar-Regolament Nru 1612/68 li l-applikazzjoni tiegħu hija differita bis-saħħa tal-paragrafi 2 sa 5 u 7 u 8 tal-Kapitolu 2, sa fejn huwa neċessarju għall-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ( 11 ).

    41.

    Dawn id-derogi għall-Artikolu 45 TFUE u għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE, dwar il-prinċipji ta’ moviment liberu tal-ħaddiema u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi li jimplikaw moviment temporanju huma ovvjament ta’ interpretazzjoni stretta ( 12 ).

    B.   L-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni sabiex ċittadini Pollakki jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011

    42.

    Għandu jiġi nnotat li l-paragrafi 1 sa 14 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma jagħmlu l-ebda riferiment għar-Regolament Nru 492/2011, li jissemma fl-ewwel domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju u li l-adozzjoni tiegħu hija posterjuri għal dan l-Att ta’ Adeżjoni.

    43.

    Madankollu, ir-Regolament Nru 1612/68, li jissemma speċifikament minn dawn id-dispożizzjonijiet, tħassar bir-Regolament Nru 492/2011 ( 13 ), li l-premessa 1 tiegħu tindika li “[r-Regolament Nru 1612/68] ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali [u għal] iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat”. Ninnota li l-Artikoli 1 sa 7 taż-żewġ Regolamenti huma kważi identiċi.

    44.

    Imma, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1612/68, il-Kapitolu 2(1) sa (14) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, dwar il-moviment liberu tal-persuni ( 14 ), jipprevedi biss derogi għall-Artikoli 1 sa 6 ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw l-“eliġibbiltà għall-impjieg”.

    45.

    Għalhekk, bla ħsara għall-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 492/2011 ( 15 ), ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni għall-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jiftiehmu mutatis mutandis bħala referenzi għall-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 492/2011 u dan anki billi d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jiġu interpretati ristrettivament.

    46.

    Għaldaqstant id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 1612/68, b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu li jidher fit-Titolu II tal-Ewwel Parti ta’ dan ir-regolament, intitolat “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, u li jipprevedi li ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jgawdi fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra “l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”, mhumiex milquta bid-derogi dwar il-moviment liberu tal-persuni previsti fil-Kapitolu 2(1) sa (14) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

    47.

    Minn dan isegwi li sa mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 kienu japplikaw kompletament għall-ħaddiema ( 16 ) Pollakki li kellhom għalhekk igawdu l-istess benefiċċji soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali ( 17 ), peress li l-Kapitolu 2(1) sa (14) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma pprevedew l-ebda deroga għall-Artikolu 45 TFUE u għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE.

    48.

    Għalhekk, il-fatt li R. Prefeta kkonforma ruħu tardivament mal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-impjieg tiegħu previst mid-dritt nazzjonali u kien għadu ma wettaqx perijodu ta’ tnax‑il xahar mingħajr interruzzjoni ta’ xogħol irreġistrat ma jistax jiġġustifika li r-Renju Unit eskluda lil R. Prefeta mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 la darba huwa kellu l-istatus ta’ ħaddiem.

    49.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma jawtorizzax lill-Istati Membri attwali sabiex jeskludu liċ-ċittadini Pollakki mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, meta huma għandhom l-istatus ta’ ħaddiema, jiġifieri meta huma jwettqu xogħol bħala impjegati jew għal rashom.

    C.   L-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni sabiex ċittadini Pollakki jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38

    1. L-argumenti tal-partijiet

    50.

    R. Prefeta jqis li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedu li jekk ħaddiem ikollu l-isfortuna li jieqaf mix-xogħol, pereżempju, minħabba mard temporanju, huwa għandu d-dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat fejn kien jaħdem. L-ewwel nett, huwa jsostni li dan id-dritt ma jaffettwax il-livell ta’ ftuħ tas-suq tax-xogħol fir-rigward tal-ħaddiem, it-tieni nett, li dan id-dritt huwa invokabbli biss ladarba l-ħaddiem ikun diġà ġie awtorizzat sabiex jaċċedi għas-suq tax-xogħol u, it-tielet nett, li dan id-dritt ma jtellifx lil Stat Membru milli jimplementa sistema li tipprovdi li ċerti impjiegi jkunu pprojbiti liċ-ċittadini tal-Istati aderenti ( 18 ). Skont R. Prefeta, “[i]ktar milli jirregolaw l-eliġibbiltà ta’ individwu għall-impjieg, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 jippreċiżaw il-kundizzjonijiet li taħthom ħaddiem tal-[Unjoni] għandu d-dritt li jibbenefika fl-Istat ospitanti tiegħu. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu disassoċjati mit-Titolu I tar-Regolament Nru 1612/68. Fil-fatt, huma essenzjalment approssimati għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1612/68, “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, b’mod partikolari l-Artikolu 7 tat-Titolu II”.

    51.

    Skont R. Prefeta, “l-implementazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 ma taffettwax l-għan ġenerali tar-restrizzjonijiet fuq l-adeżjoni”. Huwa jqis li “r-restrizzjonijiet fuq l-adeżjoni jippermettu lil Stat sabiex, b’mod temporanju, jikkontrolla l-kundizzjonijiet ta’ eliġġibbiltà għas-suq tax-xogħol tiegħu sabiex jevita t-taqlib tiegħu matul il-perijodu ta’ adeżjoni […]. Minn dan tirriżulta l-awtorizzazzjoni għal deroga taħt it-Titolu I tar-Regolament Nru 1612/68. […] Id-dritt ta’ individwu li jżomm id-dritt tiegħu ta’ residenza fl-Istat ospitanti meta huwa jieqaf temporanjament mix-xogħol ma huwiex fih innifsu element li jista’ jiddisturba s-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat, għaliex, f’dak il-mument, il-‘ħaddiem’ ma jkunx jaħdem. Għaldaqstant, sabiex jintlaħaq l-għan tar-restrizzjonijiet fuq l-adeżjoni, ma huwiex neċessarju li jiġi dedott poter li jiġi restritt id-dritt li jiġi miżmum l-istatus ta’ ħaddiem”.

    52.

    Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li l-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma jimponix li individwu, li jkun ħadem għal perijodu ta’ tnax‑il xahar mingħajr interruzzjoni, imma li ma jkunx akkwista ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala ħaddiem għal dan il-perijodu, ikun eliġibbli għall-firxa sħiħa tad-drittijiet u l-benefiċċji li jista’ jaspira għalihom ċittadin ta’ Stat Membru minħabba l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem. Barra minn hekk, dan l-att lanqas ma jirrikjedi li jkun permess għal individwu li jgawdi minn dawn id-drittijiet kollha meta, fi żmien partikolari, huwa jkun akkwista ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala ħaddiem, imma ma jkunx fil-pussess ta’ dak iċ-ċertifikat għall-perijodu kollu tax-xogħol.

    53.

    Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li jekk ċittadin Pollakk bħalma huwa R. Prefeta, li ma jkunx ħadem għal perijodu ta’ tnax-il xahar mingħajr interruzzjoni bħala persuna rreġistrata, ikun eliġibbli għall-firxa sħiħa tad-drittijiet u benefiċċji li jgawdu minnha ċ-ċittadini ta’ Stat Membru minħabba l-istatus ta’ ħaddiem, il-preċiżazzjoni li hemm fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, fis-sens li individwu għandu jkun ġie ammess għal perijodu ta’ tnax‑il xahar sabiex igawdi minn dawn id-drittijiet, issir superfluwa. Bl-istess mod, dan jipperikola l-kisba tal-għanijiet imfittxija bl-obbligu ta’ reġistrazzjoni, li huwa intiż, minn naħa, sabiex jippermetti lir-Renju Unit jevalwa l-kundizzjonijiet ta’ eliġġibbiltà għas-suq tax-xogħol tiegħu, sabiex jivverifika jekk humiex neċessarji miżuri oħra, u, min-naħa l-oħra, sabiex jinkoraġġixxi liċ-ċittadini tal-Istati aderenti sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom u jikkontribwixxu għall-ekonomija formali ( 19 ).

    54.

    Il-Kummissjoni tqis li kieku ħaddiem ta’ Stat aderenti seta’ juża l-Artikolu 7(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/38, ir-Renju Unit kien ikun imxekkel milli jimplementa l-effett essenzjali tad-derogi previsti fir-Regolament tal-2004, li kien intiż sabiex jillimita l-eliġibbiltà għas-suq tax-xogħol tiegħu, billi jirrestrinġi d-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat aderenti ekonomikament inattivi sabiex jirrisjedu fit-territorju tiegħu sabiex huma jfittxu impjieg hemmhekk. Madankollu, fir-rigward tal-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma setax iservi ta’ bażi għal limitazzjoni tad-dritt taż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem, billi din id-dispożizzjoni ma għandhiex, essenzjalment, rabta mal-miżuri Brittaniċi li jirregolaw l-eliġibbiltà għas-suq tax-xogħol ( 20 ).

    2. L-applikabbiltà tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38

    55.

    Għandu jiġi nnotat li l-Kapitolu 2(1) sa (14) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma jagħmel l-ebda referenza għad-Direttiva 2004/38 ( 21 ), li l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħha kienu posterjuri għalih.

    56.

    Issa, il-paragrafu 9 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Mambri attwali li jidderogaw minn dawk fost id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 68/360 li ma jistgħux jiġu disassoċjati minn dawk tal-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68 li l-applikazzjoni tagħhom hija posposta bis-saħħa b’mod partikolari tal-Kapitolu 2(2) ( 22 ) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, sa fejn neċessarju għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

    57.

    Imma l-kliem tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 68/360 ( 23 ) huwa essenzjalment simili ħafna għall-kliem tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprevedu ċ-ċirkustanzi li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni li ma għadux iwettaq xogħol bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha jżomm l-istatus ta’ ħaddiem.

    58.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fil-proposta tagħha għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċirkulaw u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri ( 24 ), fil-kummenti tagħha fuq l-Artikolu 8(7) (li sar l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38), il-Kummissjoni indikat li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ( 25 )“jirrepetu, essenzjalment, ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva [68/360] filwaqt li jikkjarifikawhom u jintegraw fit-test il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward iż-żamma tal-kwalità ta’ ħaddiem meta l-ħaddiem ma jibqax jaħdem bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha”.

    59.

    Għalhekk, jien nikkunsidra li minkejja l-fatt li l-Kapitolu 2(9) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma jagħmel l-ebda referenza espliċita għall-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk din l-aħħar dispożizzjoni tistax tiġi disassoċjata minn dawk tal-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68, li l-applikazzjoni hija posposta bis-saħħa tal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess test u, jekk ikun il-każ, fejn huwa neċessarju li ssir deroga mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ( 26 ).

    3. L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 jista’ jiġi disassoċjat mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68. li jirrigwardaw l-eliġibbiltà għax-xogħol?

    60.

    Fis-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, N. (C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 47), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “d-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘ħaddiem’ skont l-Artikolu 45 TFUE tesprimi l-ħtieġa, inerenti għall-prinċipju stess tal-moviment liberu tal-ħaddiema, li l-benefiċċji li d-dritt tal-Unjoni jikkonferixxi abbażi ta’ din il-libertà jistgħu jiġu invokati biss minn persuni li jeżerċitaw realment jew li jixtiequ jeżerċitaw serjament attività mħallsa” ( 27 ).

    61.

    Għalkemm l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 huwa intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur ”, il-paragrafu 3 tiegħu jipprevedi b’mod mhux eżawrjenti ( 28 ) iċ-ċirkustanzi li fihom ċittadin Ewropew li ma għadux jaħdem bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha għal raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu, bħalma huma l-qgħad involontarju u l-inkapaċità temporanja għax-xogħol minħabba mard jew inċident iżomm, b’żieda mad-dritt ta’ residenza li jikkorrispondi għalih, il-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem fil-perspettiva b’mod partikolari li huwa jista’ jaċċedi għal attività ġdida ta’ impjegat jew persuna li taħdem għal rasha ( 29 ).

    62.

    Għaldaqstant il-possibbiltà għal ċittadin Ewropew ( 30 ) li jżomm l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem hija marbuta mal-prova li l-imsemmi ċittadin huwa disponibbli jew kapaċi jeżerċita attività professjonali u għalhekk li jintegra ruħu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol fi żmien raġonevoli. Ninnota li l-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 isemmi biss inkapaċità temporanja għax-xogħol u li l-Artikolu 7(3)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva jirrikjedi li l-ħaddiem ikun irreġistrat bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg, mad-dipartiment tal-impjieg kompetenti.

    63.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 isemmi sitwazzjonijiet fejn l-integrazzjoni mill-ġdid taċ-ċittadin Ewropew fis-suq tax-xogħol hija konċepibbli, li jimplika li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi disassoċjata mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68 ( 31 ), li jirregolaw l-eliġibbiltà għax-xogħol.

    4. Sa fejn huwa neċessarju li ssir deroga għall-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 għall-applikazzjoni tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003?

    64.

    L-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma jimponi l-ebda kundizzjoni speċifika dwar it-tul tal-attività bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha mwettqa miċ-ċittadin tal-Unjoni li għandha tiġi rikjesta sabiex jinżamm l-istatus ta’ ħaddiem. Huwa suffiċjenti li ċ-ċittadin jeżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet daqstant ridotti li dawn ikunu purament marġinali u aċċessorji ( 32 ).

    65.

    Għall-kuntrarju, l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 jimponi li t-tul tal-attività bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha mwettqa tkun ta’ “aktar minn sena”. Barra minn hekk, il-paragrafu 3(ċ) tal-istess test jipprevedi li ċ-ċittadin Ewropew iżomm l-istatus ta’ ħaddiem għal tul ta’ mhux inqas minn sitt xhur, jekk huwa jsib ruħu f’qgħad involontarju debitament ikkonstatat fi tmiem il-kuntratt tax-xogħol tiegħu għal żmien determinat ta’ inqas minn sena jew wara li spiċċa involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax‑il xahar.

    66.

    L-ewwel subparagrafu tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jipprevedi essenzjalment li, matul perijodu tranżitorju, l-Istati Membri attwali jistgħu jidderogaw għall-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68 billi jadottaw miżuri nazzjonali li jirregolaw l-eliġibbiltà taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol tagħhom. It-tielet subparagrafu tal-istess paragrafu jillimita jew jikkwalifika din il-possibbiltà billi jipprevedi essenzjalment li ċ-ċittadini Pollakki ammessi matul perijodu mingħajr interruzzjoni li jkun ta’ tnax‑il xahar jew iktar fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru attwali wara l-adeżjoni jistgħu jibbenefikaw mill-eliġibbiltà għas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, ir-raba’ subparagrafu jikkonferma ( 33 ) li ċ-ċittadini Pollakki li jaħdmu legalment fi Stat Membru attwali għal perijodu li fih miżuri nazzjonali għandhom jiġu applikati u li huma ammessi fis-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru matul perijodu inqas minn tnax‑il xahar ma jgawdux dawn id-drittijiet (korsiv miżjud minni).

    67.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huwa dak li jevita li, wara l-adeżjoni mal-Unjoni ta’ Stati Membri ġodda, jinħoloq taqlib fis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri l-qodma, minħabba l-wasla immedjata ta’ numru kbir ta’ ħaddiema ċittadini ta’ dawn l-Istati l-ġodda ( 34 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll, l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ( 35 ) ma jopponux li, matul il-perijodu tranżitorju previst fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, Stat Membru jissuġġetta l-kollokament ta’ ħaddiema ċittadini Pollakki fit-territorju tiegħu għall-kisba ta’ permess tax-xogħol ( 36 ).

    68.

    Għaldaqstant, nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jintroduċu sistema speċjali ( 37 ) li tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri attwali li jirregolaw l-eliġibbiltà taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol tagħhom.

    69.

    F’dan ir-rigward, mit-tielet u r-raba’ subparagrafu ta’ dan it-test jirriżulta li l-Istati Membri attwali jistgħu jissuġġettaw l-eliġibbiltà taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, l-obbligu li jkunu ammessi fis-suq tax-xogħol u, t-tieni nett, wara li jkunu ammessi fis-suq tax-xogħol, l-obbligu li jkunu ħadmu hemmhekk għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ mhux inqas minn tnax‑il xahar. Fil-fatt, mill-kliem tat-tielet subparagrafu tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jirriżulta li ċittadin Pollakk għandu jkun ammess fis-suq tax-xogħol matul perijodu ta’ tnax‑il xahar, li, fil-fehma tiegħi, jimplika li x-xogħol imwettaq għandu jkun posterjuri għall-ammissjoni.

    70.

    Fil-fehma tiegħi, il-frażi “ammess” tissupponi jew timplika neċessarjament azzjoni minn terzi fil-konfront taċ-ċittadin ikkonċernat. Ma huwiex suffiċjenti għalih li jaħdem. L-imsemmi ċittadin għandu jkun ammess sabiex jagħmel dan. Dan jissupponi għalhekk proċedura li tirregola l-ammissjoni jew l-eliġibbiltà għas-suq tax-xogħol, bħalma hija l-kisba ta’ permess għax-xogħol, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64) jew sistema ta’ reġistrazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 38 ).

    71.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi ( 39 ), huwa biss wara li jkunu ssodisfaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ċċitati iktar ’il fuq li ċ-ċittadini Pollakki jgawdu mill-aċċess liberu għas-suq tax-xogħol konformement mal-Artikoli 45 TFUE u 56 TFUE. Għalhekk, iċ-ċittadini Pollakki li jkunu ġew ammessi fis-suq tax-xogħol imma li jkunu waqfu mix-xogħol qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ tnax‑il xahar ( 40 ) wara dik l-ammissjoni u dawk li jkunu ħadmu għal iktar minn tnax‑il xahar mingħajr ma jkunu ġew ammessi sabiex jagħmlu dan jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħal dawk li jkunu qegħdin ifittxu x-xogħol mingħajr ma jkunu għadhom qatt ħadmu fi Stat Membru attwali.

    72.

    Fil-fatt, il-fatt li ċittadin Pollakk ammess fis-suq tax-xogħol għal perijodu ta’ inqas minn tnax‑il xahar jew li jkun ħadem għal iktar minn tnax‑il xahar mingħajr ma jkun ġie ammess ikun jista’ jibbenefika mill-istatus ta’ ħaddiem, konformement mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 u, konsegwentement, igawdi minn aċċess liberu għas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri attwali konformement mal-Artikoli 45 TFUE u 56 TFUE, ikun imur kontra l-kliem stess tat-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u jkun jippreġudika l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 41 ).

    73.

    Għalhekk, nikkunsidra li sabiex jiġi applikat il-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, huwa neċessarju li ssir deroga għall-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 billi jiġi rikjest li, matul il-perijodu tranżitorju previst mill-imsemmi Att ta’ Adeżjoni, iċ-ċittadini Pollakki jkunu ammessi fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru attwali matul perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax‑il xahar jew iktar wara din l-ammissjoni ( 42 ).

    74.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jawtorizza lill-Istati Mambri attwali jeskludu liċ-ċittadini Pollakki mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 meta, għalkemm issodisfa l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-impjieg tiegħu previst bid-dritt nazzjonali, il-ħaddiem kien għadu ma ħadimx għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax‑il xahar wara li wettaq din il-formalità. F’ċirkustanzi bħal dawn, iċ-ċittadini Pollakki ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38.

    V. Konklużjoni

    75.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari li saru mill-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Appelli Amministrattivi), ir-Renju Unit) bil-mod li ġej:

    L-Anness XII tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, ma kienx jawtorizza lill-Istati Mambri attwali jeskludu liċ-ċittadini Pollakki mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, meta dawn tal-aħħar għandhom il-kwalità ta’ ħaddiem, jiġifieri li huma jeżerċitaw attività bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha.

    L-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kien jawtorizza lill-Istati Mambri attwali jeskludu liċ-ċittadini Pollakki mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE meta, għalkemm issodisfaw l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-impjieg tagħhom previst bid-dritt nazzjonali, il-ħaddiema kien għadhom ma ħadmux għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax‑il xahar wara li wettaq din il-formalità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċittadini Pollakki ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2003, L 236, p. 33, rettifika fil-ĠU 2007, L 60, p. 1.

    ( 3 ) ĠU 2011, L 141, p. 1.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

    ( 5 ) Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 6 ) Jiġifieri r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, kif ukoll ir-Repubblika tas-Slovakkja.

    ( 7 ) Dawn il-limitazzjonijiet kienu inizjalment applikabbli għall-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2009. Madankollu, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 2009, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jipproroga l-applikazzjoni tal-miżuri derogatorji nazzjonali tiegħu għal sentejn supplementari (jiġifieri sat-30 ta’ April 2011), b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni prevista fil-Kapitolu 2(5) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li l-legalità ta’ din il-proroga kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati Brittaniċi. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit indika li l-kwistjoni tal-legalità ta’ din il-proroga hija attwalment pendenti quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit) fil-kawża Gubeladze vs Secretary of State for Work and Pensions. Waqt is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit ikkonferma li l-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) kienet tat is-sentenza tagħha f’din il-kawża fis-7 ta’ Novembru 2017 u kienet ikkonkludiet li l-estensjoni mir-Renju Unit tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħaddiema kienet sproporzjonata u, minħabba f’hekk, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu din is-sentenza għadha mhix definittiva għaliex waqt is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit indika li huwa kien ippreżenta l-proċedura ta’ appell quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit).

    ( 8 ) Li jipprevedi regola ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam ta’ benefiċċji soċjali u fiskali.

    ( 9 ) Li jirrigwarda ż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem u d-dritt korrispondenti ta’ residenza.

    ( 10 ) Fil-punt 24 tas-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “jekk leġiżlazzjoni nazzjonali hija ġġustifikata bis-saħħa ta’ waħda mill-miżuri tranżitorji msemmija fl-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, f’dan il-każ dik prevista fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII ta’ dan l-att, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma tqumx iżjed”.

    ( 11 ) Ara, b’mod partikolari, il-Kapitolu 2(9) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

    ( 12 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1983, Peskeloglou (77/82, EU:C:1983:92, punt 12), u tat-3 ta’ Diċembru 1998, KappAhl (C‑233/97, EU:C:1998:585, punt 18). Fil-punt 18 tas-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1998, KappAhl (C‑233/97, EU:C:1998:585), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “d-derogi permessi bl-Att ta’ Adeżjoni għar-regoli previsti mit-Trattat għandhom jiġu interpretati bl-għan ta’ realizzazzjoni iktar faċli tal-għanijiet tat-Trattat u ta’ applikazzjoni sħiħa tar-regoli tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 33 tas-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Att ta’ Adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid huwa essenzjalment ibbażat fuq il-prinċipju ġenerali tal-applikazzjoni immedjata u sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni] fil-konfront ta’ dan l-Istat, li fih derogi huma ammessi biss sa fejn dawn jiġu espressament previsti minn dispożizzjonijiet tranżitorji”.

    ( 13 ) Ara l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 492/2011.

    ( 14 ) B’mod partikolari l-paragrafi 2 sa 5 kif ukoll 7 u 8.

    ( 15 ) Ara n-nota ta’ qiegħ-il paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 16 ) Dan jimplika li, għal tul il-perijodu kollu li fih R. Prefeta effettivament ħadem fir-Renju Unit u għaldaqstant hemmhekk kellu l-istatus ta’ ħaddiem, jiġifieri mis-7 ta’ Lulju 2009 sal-11 ta’ Marzu 2011, huwa kellu jgawdi l-istess benefiċċji soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali.

    ( 17 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (305/87, EU:C:1989:218, punti 1516).

    ( 18 ) Skont R. Prefeta “[d]an huwa dovut għall-fatt li, sakemm ċittadin ta’ Stat aderenti jkun ħadem għal perijodu ta’ tnax-il xahar bħala persuna impjegata, Stat seta’ jikkontrolla l-aċċess permanenti tiegħu għas-suq tax-xogħol. Pereżempju, kieku R. Prefeta kien aċċetta impjieg ġdid, huwa kien ikun obbligat li jirreġistrah mal-awtoritajiet tar-Renju Unit, kundizzjoni li kienet tkun assolutament ipprojbita bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1612/68”.

    ( 19 ) Skont il-Gvern tar-Renju Unit, kieku ċ-ċittadini setgħu jakkwistaw ċertifikat wieħed ta’ ammissjoni fis-suq tax-xogħol tar-Renju Unit sabiex jakkwistaw id-dritt li jgawdu mill-għajnuna soċjali, dan kien ser iżid il-piżijiet fuq is-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru u ma kienx ser jinkoraġġixxi lill-imsemmija ċittadini sabiex iżommu ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni aġġornat. Għaldaqstant kien neċessarju li huma jirreġistraw ruħhom għal kull impjieg partikolari.

    ( 20 ) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li hija kienet fetħet proċedura ta’ ksur kontra r-Renju Unit f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri derogatorji applikati għall-ħaddiema ta’ Stat aderenti, fosthom b’mod partikolari d-deroga għall-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38. Madankollu din il-proċedura ma tressqitx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, billi, wara t-tħassir ta’ dawn il-miżuri nazzjonali fl-1 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li dan ir-rikors m’għadx għandu skop.

    ( 21 ) U b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tagħha, li jissemma fl-ewwel domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju.

    ( 22 ) Anki jekk il-paragrafu 9 jevoka wkoll il-paragrafi 3, 4, 5, 7 u 8 li jippreċeduh, nikkunsidra li huma biss id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, li jawtorizza lill-Istati Membri attwali sabiex jillimitaw l-eliġibbiltà taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol għal perijodu ta’ tnax‑il xahar, li huma direttament rilevanti fil-kawża prinċipali.

    ( 23 ) Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tagħha, iċ-ċirkustanza li tagħmel li ċittadin ta’ Stat Membru li jgawdi mid-dritt ta’ soġġorn sabiex iwettaq xogħol bħala impjegat fi Stat Membru ieħor jintlaqat minn inkapaċità temporanja għax-xogħol minħabba mard jew inċident, jew isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju debitament ikkonstatat, ma twassalx għall-irtirar tal-permess ta’ residenza maħruġ konformement mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 68/360, dakinhar tal-ewwel tiġdid, it-terminu ta’ validità tal-permess ta’ residenza jista’ jkun limitat, mingħajr ma jista’ jkun inqas minn tnax‑il xahar, meta l-ħaddiem jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju fl-Istat Membru ospitanti għal iktar minn tnax‑il xahar konsekuttiv. Sentenza tas-26 ta’ Mejju 1993, Tsiotras (C‑171/91, EU:C:1993:215, punt 10).

    ( 24 ) COM(2001) 257 finali (ĠU 2001, C 270 E, p. 150, ippreżentata mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 2001.

    ( 25 ) Jiġifieri l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38.

    ( 26 ) Għandu jitfakkar li l-Artikolu 45 TFUE jagħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri d-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra sabiex jeżerċitaw hemmhekk (ara l-Artikolu 45(3)(c) TFUE) jew sabiex hemmhekk ifittxu attività mħallsa. Sentenza tas-26 ta’ Mejju 1993, Tsiotras (C‑171/91, EU:C:1993:215, punt 8). Ara, ukoll, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 14), li tirrigwarda mhux biss l-Artikolu 45(3) TFUE, imma wkoll l-Artikoli 1 u 5 tar-Regolament Nru 1612/68. Fil-fatt, dan id-dritt ta’ residenza huwa inerenti għad-dritt ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

    ( 27 ) Enfasi miżjud minni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007). Kif jindikaw, rispettivament, il-punti 28, 40 u 41 ta’ din is-sentenza, “l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 ma jipprovdix espressament għas-sitwazzjoni ta’ mara li tkun tinsab f’sitwazzjoni partikolari minħabba limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji tat-tqala tagħha u mal-effetti tal-ħlas tal-wild tagħha”. Madankollu, “il-fatt li dawn il-limitazzjonijiet jġiegħlu mara tieqaf milli teżerċita attività bħala persuna impjegata matul il-perijodu neċessarju sabiex tirkupra ma huwiex, bħala prinċipju, ta’ natura li jċaħħad lil din il-persuna mill-kwalità ta’ ‘ħaddiem’, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE”. “Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li għal xi xhur tali persuna ma kinitx effettivament preżenti fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti ma timplikax li din il-persuna ma baqgħetx tappartjeni għal dan is-suq matul dan il-perijodu, sakemm hija tassumi mill-ġdid ix-xogħol tagħha jew issib impjieg ieħor fi żmien raġonevoli wara l-ħlas” (enfasi miżjud minni). Ara, ukoll, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 50), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għal dak li jirrigwarda iktar speċifikament id-detenuti li kellhom impjieg ieħor qabel ma ġew detenuti, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma kinitx preżenti fis-suq tax-xogħol matul dik id-detenzjoni ma jimplikax, fil-prinċipju, li hija ma kinitx se tibqa’ tappartjeni lis-suq regolari tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti matul dak il-perijodu, bil-kundizzjoni li hija ssib xogħol fi żmien raġonevoli wara l-ħelsien tagħha” [Traduzzjoni mhux uffiċjali] Enfasi miżjud minni.

    ( 28 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punti 3138) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017fil-kawża Gusa (C‑442/16, EU:C:2017:607, punt 72).

    ( 29 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017fil-kawża Gusa (C‑442/16, EU:C:2017:607, punt 77). Fil-fatt, fl-1964, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 45 TFUE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fuq is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti fis-seħħ f’dak iż-żmien “ma għandhomx jiftehmu li jipproteġu restrittivament lill-ħaddiem attwali biss imma li huma intiżi loġikament sabiex jipproteġu wkoll lil dak li, wara li ħalla l-impjieg tiegħu, jista’ jokkupa impjieg ieħor”. Korsiv miżjud minni. Ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1964, Unger (75/63, EU:C:1964:19).

    ( 30 ) Li ma għadhiex teżerċita attività bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha.

    ( 31 ) Madankollu, nikkunsidra li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 lanqas ma jista’ jiġi disassoċjat mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u lanqas mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Fil-fatt, suġġett għall-kundizzjoni li żżomm l-istatus tagħha ta’ ħaddiem, persuna tgawdi l-istess benefiċċji soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali. Fis-sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċittadini tal-Unjoni li jkunu żammew l-istatus ta’ ħaddiem fuq il-bażi tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 kellhom dritt għall-benefiċċji intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

    ( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 33 ) Inqis għalhekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jħallix dubju fuq l-interpretazzjoni billi għamel referenza għal perijodu tax-xogħol ta’ tnax‑il xahar kemm fit-tielet subparagrafu kif ukoll fir-raba’ subparagrafu tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

    ( 34 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-punt 26 ta’ din is-sentenza jippreċiża li “l-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jidderoga mill-moviment liberu tal-ħaddiema billi jelimina, b’mod tranżitorju, l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68 għaċ-ċittadini Pollakki. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi li, għal perijodu ta’ sentejn mill-1 ta’ Mejju 2004, id-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni, l-Istat Membri għandhom japplikaw il-miżuri nazzjonali jew il-miżuri li jirriżultaw minn ftehim bilaterali li jirregolaw l-aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol tagħhom. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw dawn il-miżuri sa tmiem il-perijodu ta’ ħames snin wara d-data tal-adeżjoni mal-Unjoni tar-Repubblika tal-Polonja”.

    ( 35 ) Nikkunsidra li l-istess raġunament huwa applikabbli għall-Artikolu 45 TFUE fid-dawl tar-rabta stretta bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 56 TFUE mal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

    ( 36 ) Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 41). Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Martin Meat (C‑586/13, EU:C:2015:405, punti 23 sa 26).

    ( 37 ) U limitata.

    ( 38 ) Ninnota li xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li s-sistema ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet iktar oneruża minn sistema ta’ awtorizzazzjoni.

    ( 39 ) Fejn Stat Membru attwali jkun uża l-possibbiltà, prevista fil-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, li jidderoga mill-moviment liberu.

    ( 40 ) Kemm jekk għal raġunijiet elenkati fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 kemm għaliex huma jkunu ħallew volontarjament is-suq tax-xogħol tal-Istat Membru attwali. Ara t-tielet subparagrafu tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

    ( 41 ) Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 42 ) Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-Renju Unit uża din il-possibbiltà billi adotta b’mod partikolari r-Regolament tal-2004 li kien jipprevedi sistema ta’ reġistrazzjoni applikabbli għat-tmien Stati aderenti msemmija. Ara l-punti 17 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-2004 jirriżulta li ċittadin Pollakk li ħadem legalment fir-Renju Unit matul perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax‑il xahar b’mod partikolari wara l-adeżjoni ma jibqax suġġett għar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-2004 jillimita l-possibbiltà għal ħaddiem suġġett għar-reġistrazzjoni li jżomm il-kwalità ta’ ħaddiem.

    Top