EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0541

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KE) Nru 1072/2009 – Punt 6 tal-Artikolu 2 – Artikolu 8 – Operazzjonijiet ta’ kabotaġġ – Kunċett – Definizzjoni inkluża f’dokument ‘Mistoqsijiet & Tweġibiet’ li stabbiliet il-Kummissjoni Ewropea – Valur legali – Miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni li jillimitaw in-numru ta’ punti ta’ tagħbija u punti ta’ ħatt li jistgħu jagħmlu parti mill-istess operazzjonijiet ta’ kabotaġġ – Marġni diskrezzjonali – Restrizzjoni – Proporzjonalità.
Kawża C-541/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:894

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑541/16

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tad-Danimarka

“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligi — Trasport ta’ merkanzija bit-triq — Regolament (KE) Nru 1072/2009 — Artikolu 2(6) — Kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ — Artikolu 8(2) — Massimu ta’ tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt ta’ trasport internazzjonali — Regola nazzjonali li tippermetti operazzjoni ta’ kabotaġġ li jkollha jew diversi punti ta’ tagħbija jew diversi punti ta’ ħatt, imma mhux it-tnejn — Saħħa legali ta’ ‘Mistoqsijiet & Tweġibiet’ li adottat il-Kummissjoni u li ppubblikat fuq is-sit internet tagħha, li ma kienx hemm vot fuqhom fil-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq”

1.

Il-provvista ta’ servizzi tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq fl-Unjoni Ewropea ma hija suġġetta għal ebda kwota jew limitazzjoni fil-volum jew fil-frekwenza tas-servizzi ( 2 ). B’kuntrast, il-kabotaġġ, li jista’ jiġi ddefinit bħala l-provvista ta’ servizzi nazzjonali tat-trasport tal-merkanzija fit-triq, huwa suġġett għal limitazzjonijiet meta jitwettaq minn trasportaturi li ma humiex residenti. Filwaqt li ebda kwota ma tapplika għall-provvista ta’ servizzi ta’ kabotaġġ minn trasportaturi mhux residenti, dawk it-trasportaturi huma, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009, permessi biss li jwettqu sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ wara trasport internazzjonali minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz. Barra minn hekk, dawk it-tliet operazzjonijiet għandhom isiru fi żmien sebat ijiem mill-ħatt tat-trasport internazzjonali.

2.

L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009, li hu magħruf bħala r-regola “tlieta minn seba’” ( 3 ), huwa suġġett għal interpretazzjonijiet differenti fuq livell nazzjonali ( 4 ). B’mod partikolari nqalgħu diffikultajiet fir-rigward tal-għadd ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

3.

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali taħt skrutinju f’din il-kawża huma r-regoli Daniżi, li jipprovdu li operazzjoni waħda ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi jew diversi punti ta’ tagħbija jew diversi punti ta’ ħatt, imma mhux it-tnejn.

4.

Il-Kummissjoni Ewropea, min-naħa tagħha, tikkunsidra li operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi diversi punti ta’ tagħbija u bosta punti ta’ ħatt. Għaldaqstant, hija ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, maħsub sabiex jiġi kkonstatat li, meta rrifjuta li jgħodd bħala operazzjoni waħda ta’ kabotaġġ operazzjoni b’diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont ir-Regolament Nru 1072/2009.

5.

Għandi ngħid li, filwaqt li l-kabotaġġ jirrappreżenta sehem żgħir ħafna tat-trasport nazzjonali tal-merkanzija fit-triq fid-Danimarka ( 5 ) u l-kabotaġġ illegali huwa baxx ( 6 ), l-interpretazzjoni tar-regola “tlieta minn seba’” tista’ tkun minkejja dan importanti għal dak l-Istat Membru billi d-Danimarka tidher li hija affettwata b’mod partikolari mill-hekk imsejjaħ “kabotaġġ sistematiku”, fejn “it-trasportaturi jgħaddu l-maġġoranza tal-ħin tagħhom jagħmlu trasport nazzjonali f’pajjiż ieħor tal-Unjoni”. Dan jidher li huwa dovut għall-pagi relattivament għoljin tax-xufiera fid-Danimarka ( 7 ) u, preżumibbilment, il-ġeografija ta’ dak l-Istat Membru.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.  Id-dritt tal-Unjoni

6.

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1072/2009 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

6.

‘operazzjonijiet ta’ kabotaġġ’ tfisser trasport nazzjonali għall-kiri jew għall-kumpens imwettaq fuq bażi temporanja fi Stat Membru ospitanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

[…]”

7.

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 jipprovdi:

“1.   Kull trasportatur b’kiri jew qligħ, li huwa detentur ta’ liċenza Komunitarja u li x-xufier tiegħu, jekk ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu l-attestazzjoni tax-xufier, ikun intitolat, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, iwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

2.   Ladarba l-merkanzija li tinġarr tul vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel tiġi kkunsinjata, it-trasportaturi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikun permessi jwettqu, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi mgħaqqdin, il-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ wara t-trasport internazzjonali minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għall-Istat Membru ospitanti. L-aħħar ħatt tul operazzjoni tal-kabotaġġ qabel it-tluq mill-Istat Membru ospitanti għandu jsseħħ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt fl-Istat Membru ospitanti waqt il-vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel.

Fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, it-trasportaturi jistgħu jwettqu wħud mill-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, jew kollha kemm huma, permessi taħt dak is-subparagrafu fi kwalunkwe Stat Membru bil-kondizzjoni li jkunu limitati għal operazzjoni ta’ kabotaġġ waħda għal kull Stat Membru fi żmien tlett ijiem mid-dħul mhux mgħobbi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru

[…]”

B.  Id-dritt Daniż

8.

Il-punt 3 tal-Linji Gwida fuq ir-regoli dwar il-kabotaġġ fit-triq fir-Regolament Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija ( 8 ) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ”), li t-Trafikstyrelsen (l-Uffiċċju tat-Trasport), ippubblika fuq is-sit internet tiegħu fil-21 ta’ Mejju 2010, jgħid:

“Operazzjoni ta’ kabotaġġ hija ddefinita bħala trasport nazzjonali ta’ kunsinna mill-ġbir tal-oġġetti sakemm jaslu għand id-destinatarju kif speċifikat fin-nota tal-kunsinna. Operazzjoni tista’ tinvolvi diversi punti ta’ tagħbija jew diversi kunsinni.

[…]”

II. Il-proċedura prekontenzjuża

9.

Permezz ta’ ittri tad-9 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni talbet lir-Renju tad-Danimarka, fi ħdan il-qafas ta’ proċedura pilota tal-UE ( 9 ), informazzjoni dwar regoli nazzjonali relatati mal-kabotaġġ. Ir-Renju tad-Danimarka wieġeb b’ittri tat-18 ta’ Novembru u tat-12 ta’ Diċembru 2013.

10.

Fil-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni, li ma kinitx sodisfatta b’dawk it-tweġibiet, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tad-Danimarka u sostniet b’mod partikolari li dan l-Istat Membru kien kiser l-Artikolu 2 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ, fejn operazzjoni ta’ kabotaġġ jista’ jkollha jew diversi punti ta’ tagħbija jew diversi punti ta’ ħatt, imma mhux it-tnejn, kienu inkonsistenti ma’ dawk id-dispożizzjonijiet li ma ffissawx numru massimu ta’ punti ta’ tagħbija jew ta’ ħatt.

11.

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Settembru 2014, ir-Renju tad-Danimarka ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-ittra ta’ intimazzjoni.

12.

Fil-25 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tad-Danimarka. Il-Kummissjoni ddikjarat, b’mod partikolari, li d-definizzjoni ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ li tinvolvi diversi punti ta’ tagħbija jew diversi punti ta’ ħatt kienet inkonsistenti mal-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009.

13.

Permezz tal-ittra tal-25 ta’ Novembru 2015, ir-Renju tad-Danimarka ssottometta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-opinjoni motivata.

14.

Billi ma kinitx konvinta mill-argumenti tar-Renju tad-Danimarka, il-Kummissjoni ressqet din il-kawża fil-25 ta’ Ottubru 2016.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet imressqa

15.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 u tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka jbati l-ispejjeż.

16.

Ir-Renju tad-Danimarka jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors għar-raġuni li ma kisritx id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1072/2009 dwar il-kabotaġġ. Ir-Renju tad-Danimarka jitlob ukoll lil-Kummissjoni tiġi kkundannata sabiex tbati l-ispejjeż.

17.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Kummissjoni u mir-Renju tad-Danimarka. Kemm ir-Renju tad-Danimarka kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2017.

IV. Analiżi

A.  L-argumenti tal-partijiet

18.

Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 billi jippermetti li operazzjoni ta’ kabotaġġ ikollha diversi punti ta’ tagħbija jew diversi punti ta’ ħatt, imma mhux it-tnejn.

19.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 ma jipprovdix għal numru massimu ta’ punti ta’ tagħbija u/jew ta’ ħatt fl-istess operazzjoni ta’ kabotaġġ. Għalhekk, operazzjoni jista’ jkollha kwalunkwe numru ta’ punti ta’ tagħbija u/jew ta’ ħatt. Għaldaqstant, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ, fejn operazzjoni ta’ kabotaġġ jista’ jkollha diversi punti ta’ tagħbija jew diversi punti ta’ ħatt, iżda mhux it-tnejn, iżidu kundizzjoni ġdida ma’ dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 1072/2009. Fil-fatt, dak ir-regolament jirrestrinġi n-numru ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ li jistgħu jitwettqu wara trasport internazzjonali. Ma jirrestrinġix in-numru ta’ punti ta’ tagħbija u/jew ta’ ħatt ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ.

20.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tissottometti li l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jirregolaw b’mod eżawrjenti d-definizzjoni ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda diskrezzjoni f’dak ir-rigward. Jista’ jkun hemm biss interpretazzjoni waħda tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ. Dik l-interpretazzjoni tinsab f’dokument adottat mill-Kummissjoni fil-forma ta’ mistoqsijiet u tweġibiet (iktar ’il quddiem “l-Q&A”) ( 10 ) u ppubblikat fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Mobbiltà u t-Trasport. Dak id-dokument jorbot lill-Istati Membri kollha. F’dak ir-rigward, huwa irrilevanti li l-Kumitat għat-Trasport bit-Triq, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Istati Membri, ma vvotax dwar dak id-dokument, billi ma kienet meħtieġa l-ebda votazzjoni.

21.

It-tielet nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Kumitat għat-Trasport bit-Triq kien oriġinarjament ikkunsidra li operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi biss “diversi punti ta’ tagħbija jew diversi kunsinni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, dik il-pożizzjoni ttieħdet fil-laqgħa tas-17 ta’ Novembru 2009 ta’ dak il-kumitat, jiġifieri, qabel ma r-Regolament Nru 1072/2009 sar applikabbli. Ladarba l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009 saru applikabbli fl-14 ta’ Mejju 2010 ( 11 ), inqalgħu xi problemi fir-rigward tad-definizzjoni ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ. Għalhekk, din il-kwistjoni ġiet diskussa mill-ġdid mill-Kumitat għat-Trasport bit-Triq fil-laqgħa tal-25 ta’ Ottubru 2010. F’dik il-laqgħa, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri laħqu ftehim. Huma kkonkludew li operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi “diversi punti ta’ tagħbija, diversi punti ta’ kunsinna jew saħansitra diversi punti ta’ tagħbija u ta’ kunsinna, skont il-każ”. Dik l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ ġiet sussegwentement ippubblikata mill-Kummissjoni fil-forma tal-Q&A imsemmija iktar ’il fuq.

22.

Ir-raba’ nett, fil-fehma tal-Kummissjoni, ma jistax jiġi argumentat li l-fatt li jiġi permess li operazzjoni ta’ kabotaġġ tippermetti diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt huwa inkonsistenti mal-għan tar-Regolament Nru 1072/2009 u jipperikola n-natura temporanja tal-kabotaġġ. Dan minħabba li n-natura temporanja hija ggarantita mir-regola “tlieta minn sebgħa” stabbilita fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009.

23.

Il-ħames nett, il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ stabbilit fil-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ hija inkonsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Li t-trasportaturi mhux residenti jiġu ppreklużi milli jwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ b’diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt jillimita bla bżonn l-opportunitajiet ta’ trasportaturi li jwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ. B’kuntrast, li trasportaturi mhux residenti jitħallew iwettqu operazzjonijiet b’diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt jevita vjaġġi vojta u jtejjeb l-effiċjenza tat-trasport.

24.

Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li, meta jippermetti li operazzjoni ta’ kabotaġġ ikollha jew diversi punti ta’ tagħbija jew diversi punti ta’ ħatt, imma mhux it-tnejn, huwa ma kisirx l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009.

25.

Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li r-Regolament Nru 1072/2009 ma jirregolax b’mod eżawrjenti l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw il-kabotaġġ ma humiex ċari. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, iżda dawk il-miżuri għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

26.

L-ewwel nett, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li r-Regolament Nru 1072/2009 huwa nieqes miċ-ċarezza dwar id-definizzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ. Dak ir-regolament ma jispeċifikax minn kemm punti ta’ tagħbija u/jew punti ta’ ħatt tista’ tkun magħmula operazzjoni ta’ kabotaġġ. Għalhekk, ma jistax jiġi determinat meta jintlaħaq l-limitu ta’ tliet operazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-regolament. Dak in-nuqqas ta’ ċarezza huwa evidenzjat iktar bil-fatt li: (i) il-Kummissjoni oriġinarjament kienet tal-istess opinjoni bħar-Renju tad-Danimarka, u bidlet il-ħsieb tagħha biss waqt il-laqgħa tal-Kumitat għat-Trasport bit-Triq tal-25 ta’ Ottubru 2010; (ii) li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet fir-rapport tal-2014 ( 12 ) li d-definizzjoni ta’ kabotaġġ fir-Regolament Nru 1072/2009 ma kinitx ċara u kellha tiġi emendata; u li l-Istati Membri għandhom interpretazzjonijiet diverġenti ta’ dak il-kunċett.

27.

It-tieni nett, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ huma xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament Nru 1072/2009. L-għan ta’ dak ir-regolament huwa li jipprevjeni lil trasportaturi mhux residenti milli jwettqu kabotaġġ permanenti fl-Istat Membru ospitanti. Jekk operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tikkonsisti minn diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt, numru kbir ta’ vjaġġi jistgħu jitqiesu bħala operazzjoni waħda ta’ kabotaġġ. Il-limitu ta’ tliet operazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jitbattal mis-sustanza tiegħu. Il-kabotaġġ ma jibqax “temporanju”, kif jeħtieġ l-Artikolu 2(6) ta’ dak ir-regolament.

28.

It-tielet nett, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tar-Regolament Nru 1072/2009. B’mod partikolari, ma jeħtiġux li operazzjoni ta’ kabotaġġ ikollha punt tat-tagħbija wieħed u punt ta’ ħatt wieħed. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda limitazzjoni skont il-liġi Daniża dwar in-numru ta’ min jibgħat u l-prinċipali. Għaldaqstant, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ huma konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

B.  Evalwazzjoni

29.

L-ewwel nett se nispjega li l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 ma jindirizzawx il-kwistjoni jekk operazzjoni ta’ kabotaġġ jistax ikollha diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt. Imbagħad ser niddiskuti jekk dawk id-dispożizzjonijiet jagħtux lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni biex jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni għall-implementazzjoni tagħhom. Peress li dan huwa, fil-fehma tiegħi, il-każ, imbagħad nevalwa l-proporzjonalità tal-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ. Fl-aħħar nett, se nindirizza l-kwistjoni tal-forza legali tal-Q&A ppubblikata mill-Kummissjoni fuq il-websajt tagħha, li tistabbilixxi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ.

1. L-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 ma jispeċifikawx jekk operazzjoni ta’ kabotaġġ jistax ikollha diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt

30.

Jiena ninnota li l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 ma jagħmel l-ebda riferiment għall-punti ta’ tagħbija jew ta’ ħatt. Dik id-dispożizzjoni sempliċement tenfasizza n-natura “temporanja” tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

31.

L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 lanqas ma jagħmel referenza għall-punti ta’ tagħbija jew ta’ ħatt. Dik id-dispożizzjoni tiddikjara li massimu ta’ tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ jistgħu jitwettqu fi żmien sebat ijiem minn trasport internazzjonali ( 13 ). Huwa veru li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jispeċifika li operazzjoni ta’ kabotaġġ jista’ jkollha diversi punti ta’ ħatt. Fil-fatt, skont l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni,“[l]-aħħar ħatt tul operazzjoni tal-kabotaġġ […] għandu jsseħħ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt […] waqt il-vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel” ( 14 ). Madankollu, l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-regolament ma jispeċifikax jekk operazzjoni ta’ kabotaġġ jistax ikollha wkoll diversi punti ta’ tagħbija. Għaldaqstant, dik id-dispożizzjoni ma tindikax jekk operazzjoni jistax jkollha diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt.

32.

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 sempliċement ma jindirizzawx il-kwistjoni jekk operazzjoni ta’ kabotaġġ jistax ikollha diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt.

33.

B’kuntrast, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ jiddikjaraw b’mod ċar li “operazzjoni tista’ tinvolvi diversi punti ta’ tagħbija jew bosta kunsinni ” ( 15 ), u b’hekk tipprekludi operazzjonijiet li jikkonsistu f’diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt. Fl-adozzjoni tal-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ, ir-Renju tad-Danimarka indirizza u ddeċieda b’mod ċar dwar il-kwistjoni.

34.

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament Nru 1072/2009 tax is-setgħa diskrezzjonali lir-Renju tad-Danimarka biex jadotta l-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ sabiex jiċċara d-definizzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ u r-regola “tlieta minn seba’” stipulata fl-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-regolament.

2. L-adozzjoni ta’ miżuri domestiċi meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009?

35.

Għandi nenfasizza li l-att tal-liġi tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet tiegħu allegatament inkisru mir-Renju tad-Danimarka huwa regolament, mhux direttiva.

36.

B’differenza mid-direttivi, ir-regolamenti, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, jorbtu fl-intier tagħhom u huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma preklużi milli jadottaw miżuri domestiċi li jirriproduċu t-test ta’ regolament ( 16 ). Huma wkoll preklużi milli jadottaw miżuri domestiċi maħsuba biex ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament ( 17 ), jew id-dispożizzjonijiet tiegħu.

37.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-Istati Membri huma preklużi milli jadottaw kwalunkwe miżura ta’ applikazzjoni tar-regolamenti. Dan minħabba li xi dispożizzjonijiet ta’ regolamenti jistgħu jeħtieġu, għall-implementazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri ( 18 ). Fi kliem ieħor, ir-regolamenti ma jistgħux jirregolaw b’mod eżawrjenti l-kwistjoni u jagħtu diskrezzjoni lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri għall-implementazzjoni tagħhom ( 19 ).

a) Ir-regolamenti jistgħu jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri minkejja li ma jipprovdux espressament għall-adozzjoni ta’ tali miżuri

38.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli għall-applikazzjoni ta’ regolament iżda: b’dan ma għandhomx ifixklu l-applikabbiltà diretta tiegħu jew jaħbu n-natura tiegħu bħala att tad-dritt tal-Unjoni; għandhom jispeċifikaw li qed jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni li ngħatatilhom taħt dak ir-regolament; u li huma jaderixxu mal-parametri stabbiliti iktar ’l isfel ( 20 ).

39.

Huwa permezz ta’ riferiment għad-dispożizzjonijiet relevanti tar-regolament inkwistjoni, interpretati fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, li għandu jiġi ddeterminat jekk dawn jipprojbixxux, jimponux jew jippermettux lill-Istati Membri li jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata taqax fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu kull Stat Membru ( 21 ).

40.

F’dan il-każ, la l-Artikolu 2(6) u lanqas l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 ma jirreferu għad-dritt nazzjonali. L-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet ma tagħti s-setgħa espressament lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ jew tar-regola ta’ “tliet minn seba’”. Lanqas ma tagħmel dan ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1072/2009 ( 22 ).

41.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni tar-regolamenti minkejja li ma humiex espressament awtorizzati li jagħmlu dan ( 23 ).

42.

Pereżempju, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2005 ( 24 ) jiddikjara li kundizzjoni waħda li għandha tiġi osservata għat-trasport tal-annimali hija li “għandhom jiġu pprovduti art u għoli biżżejjed għall-annimali, skond il-qies tagħhom u l-vjaġġ maħsub”. Madankollu, fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-ħnieżer, ir-Regolament Nru 1/2005 ma jistabbilixxix standards numeriċi għall-għoli tal-kompartimenti interni li fihom dawn l-annimali jiġu ttrasportati. Lanqas ma jawtorizza espressament lill-Istati Membri biex jistabbilixxu tali rekwiżiti. Madankollu, ġie deċiż li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni li jistabbilixxu standards numeriċi fir-rigward tal-għoli intern tal-kompartimenti li fihom jinġarru l-ħnieżer ( 25 ).

43.

Bl-istess mod, l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 ( 26 ) jelenka l-penalitajiet li “jistgħu” jiġu imposti f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jippreġudikaw il-baġit tal-Unjoni ( 27 ). L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 jiddikjara li dawk il-penalitajiet jistgħu jiġu imposti fuq l-operatur ekonomiku li wettaq dan il-ksur, jew fuq il-persuna li hija meħtieġa li tieħu r-responsabbiltà għall-ksur jew li tiżgura li ma jitwettaqx. Madankollu, ir-Regolament Nru 2988/95 ma jispeċifikax f’liema sitwazzjoni, u lanqas għal min japplikaw kull waħda mill-penalitajiet elenkati fl-Artikolu 5. Lanqas ma jawtorizza espressament lill-Istati Membri biex jadottaw dispożizzjonijiet f’dak ir-rigward ( 28 ). Madankollu, ġie deċiż li l-Istati Membri setgħu, u saħansitra kellhom, jadottaw dispożizzjonijiet f’dak il-qasam ( 29 ).

44.

Għandu jiġi rrilevat li, kif sostna r-Renju tad-Danimarka, il-fatt li dispożizzjoni ta’ regolament tkun stabbilita f’termini ġenerali jew mhux preċiżi huwa indikazzjoni li l-miżuri domestiċi ta’ applikazzjoni huma meħtieġa. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Zerbone, “fil-każ ta’ diffikultà ta’ interpretazzjoni, l-amministrazzjoni nazzjonali jista’ jkollha tadotta regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ regolament tal-[Unjoni] u fl-istess ħin tikkjarifika kwalunkwe dubju mqajjem” [Traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 30 ). Fil-kawża Danske Svineproduceenter, l-Istati Membri ġew irrikonoxxuti bħala li għandhom ċerta diskrezzjoni sabiex jistabbilixxu standards numeriċi għall-għoli tal-kompartimenti interni għat-trasport bit-triq tal-ħnieżer minħabba li r-regolament applikabbli ma stabbilixxiex “b’mod preċiż” l-għoli ta’ tali kompartimenti, jiġifieri, ma stabbilixxiex l-istandards numeriċi huwa stess ( 31 ). Bl-istess mod, fil-kawża SGS Belgium, l-Istati Membri ġew irrikonoxxuti bħala intitolati li jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni li jistabbilixxu penalitajiet billi d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2988/95 sempliċiment “jistabbilixxu r-regoli ġenerali” u dawn “ma jiddeterminaw[x] b’mod preċiż la liema mis-sanzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5... għandha tiġi applikata... u lanqas il‑kategorija ta’ atturi li għandha tkun suġġetta għal tali sanzjoni f’każ bħal dan” ( 32 ).

b) L-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri

45.

Fil-kawża preżenti, nikkunsidra li, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’l isfel, l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri domestiċi ta’ applikazzjoni anki għalkemm ma jipprovdux espressament għall-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn.

46.

L-ewwel nett, sabiex jiġi aċċertat jekk intlaħaqx il-limitu ta’ tliet operazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009, huwa meħtieġ li jiġi deċiż jekk vjaġġ li jikkonsisti minn diversi postijiet ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt jgħoddx bħala operazzjoni waħda ta’ kabotaġġ, bħala żewġ operazzjonijiet, jew iktar. Fin-nuqqas ta’ dik il-kjarifika mill-Istati Membri, il-limitu ta’ tliet operazzjonijiet ma jistax jiġi applikat.

47.

It-tieni nett, l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 jiddefinixxi operazzjonijiet ta’ kabotaġġ f’termini ġenerali, sempliċement billi jiddikjara li huma operazzjonijiet ta’ “trasport nazzjonali” u li huma mwettqa “fuq bażi temporanja”. Kif imsemmi fil-punt 44 iktar ’il fuq, il-fatt li dispożizzjoni hija stabbilita f’termini mhux preċiżi hija indikazzjoni li huma meħtieġa l-miżuri domestiċi ta’ applikazzjoni.

48.

It-tielet nett, l-interpretazzjonijiet differenti tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ mill-Istati Membri ( 33 ) huma indikattivi tan-nuqqas ta’ ċarezza u impreċiżjoni tal-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009.

49.

Xi Stati Membri, bħall-Pajjiżi l-Baxxi ( 34 ) u l-Isvezja ( 35 ), jaqblu mal-Kummissjoni li operazzjoni ta’ kabotaġġ jista’ jkollha diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt. Stati Membri oħra, bħad-Danimarka jew, sa ftit ilu, il-Finlandja, jikkunsidraw li operazzjoni jista’ ma jkollhiex diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt ( 36 ). Taħt ċerta leġiżlazzjoni domestika, din il-pożizzjoni tal-aħħar hija suġġetta għal eċċezzjonijiet meta jkun hemm kuntratt wieħed tal-merkanzija li jipprovdi għal diversi punti ta’ tagħbija u punti ta’ ħatt, jew fejn il-ġbir minn postijiet differenti u/jew il-kunsinna lejn postijiet differenti jsiru għall-istess konsenjatur u/jew lill-istess destinatarju ( 37 ). Għandi nsemmi wkoll il-pożizzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit li, sabiex jingħaddu l-operazzjonijiet fejn ikun hemm ġabriet multipli u kunsinni multipli, iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni n-“numru ta’ ġbir magħmul jew in-numru ta’ kunsinni magħmula, skont liema jkun l-iktar baxx” ( 38 ).

50.

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ fir-Rapport dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni, fejn qalet li r-“reviżjoni [tar- Regolament Nru 1072/2009] se jkollha l-għan li tiċċara t-termini problematiċi [tiegħu], jiġifieri d-definizzjoni tal-[…] kabotaġġ” ( 39 ).

51.

Għaldaqstant, jien ma narax kif ir-Renju tad-Danimarka jista’ jiġi kkritikat għall-adozzjoni ta’ regoli domestiċi għall-implementazzjoni tal-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8 (2) tar-Regolament Nru 1072/2009.

c) Il-proposta tal-2017 tal-Kummissjoni biex temenda l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 ma hijiex determinanti għall-każ preżenti

52.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li dik il-konklużjoni ma hijiex qed titpoġġa fid-dubju mill-fatt li, fl-2017, il-Kummissjoni pproponiet li temenda d-definizzjoni ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ sabiex tispeċifika li operazzjoni jista’ jkollha diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt ( 40 ).

53.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(2) tal-proposta tal-2017 tal-Kummissjoni, l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 jinbidel b’dan li ġej: “‘operazzjoni ta’ kabotaġġ’ tfisser trasport nazzjonali f’isem ħaddieħor imwettaq fuq bażi temporanja fi Stat Membru ospitanti, li jinvolvi t-trasport ta’ merkanzija mill-ġbir minn punt jew punti ta’ tagħbija sal-kunsinna tagħha f’punt jew punti ta’ kunsinna, kif speċifikat fin-nota ta’ konsenja” ( 41 ).

54.

Il-fatt li l-Kummissjoni tipproponi li temenda l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 sabiex tispeċifika li operazzjoni ta’ kabotaġġ jista’ jkollha diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt ma jfissirx li qabel, jew fin-nuqqas ta’ dik l-emenda, l-Istati Membri ma jistgħux jippermettu li operazzjoni tikkonsisti minn diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt. Lanqas ma jfisser li qabel, jew fin-nuqqas ta’ dik l-emenda, l-Istati Membri huma meħtieġa li jippermettu li operazzjoni tikkonsisti minn diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt. Fil-fatt, kif spjegajt, l-Artikolu 2(6) attwali tar-Regolament Nru 1072/2009 sempliċement ma jindirizzax dik il-kwistjoni. Il-proposta tal-2017 tal-Kummissjoni tagħżel interpretazzjoni waħda. Dik il-proposta ma tneħħi xejn mill-fatt li d-definizzjoni attwali ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ hija abbozzata f’termini ġenerali ħafna u għalhekk tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni biex jagħżlu interpretazzjoni waħda jew l-oħra.

55.

Għandi ninnota wkoll li, fl-2017, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tabbanduna r-regola “tlieta minn seba’”. Fejn it-trasportaturi mhux residenti issa huma permessi li jwettqu tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt ta’ trasport internazzjonali, skont il-proposta tal-2017 tal-Kummissjoni, huma jkunu jistgħu jwettqu numru illimitat ta’ operazzjonijiet f’perijodu iqsar, jiġifieri, ħamest ijiem mill-aħħar ħatt ta’ trasport internazzjonali ( 42 ).

56.

Jekk l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 ġie emendat kif propost mill-Kummissjoni, ma jkunx hemm iktar bżonn li wieħed jgħodd l-operazzjonijiet tal-kabotaġġ peress li ma jkun hemm l-ebda limitu fuq in-numru ta’ operazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fil-perijodu ta’ riferiment. Għalhekk, il-mistoqsija dwar jekk operazzjoni tistax tikkonsisti minn diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt issir irrelevanti, u l-emenda proposta tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 tkun bla sens.

57.

Fi kwalunkwe każ, ninnota li l-proposta tal-2017 tal-Kummissjoni bħalissa qed tiġi diskussa u li bosta Stati Membri esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom ( 43 ). Meta qed jinkiteb dan, hija biss il-fehma tal-Kummissjoni li l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 għandu jiġi emendat kif imsemmi iktar ’il fuq.

58.

Għaldaqstant, ma għandha tinġibed l-ebda konklużjoni mill-proposta tal-2017 tal-Kummissjoni biex jiġi emendat l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 sabiex jispeċifika li operazzjoni ta’ kabotaġġ tkun tista’ tikkonsisti minn diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt.

59.

Jien nikkonkludi li l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jagħtu diskrezzjoni lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni li jiċċaraw il-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ.

3. Evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ

60.

Madankollu, miżuri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 2(6) u 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 adottati mill-Istati Membri għandhom ikunu skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 44 ).

61.

Dak il-prinċipju, li japplika, inter alia, għall-awtoritajiet leġiżlattivi u regolatorji tal-Istati Membri meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni għandhom ikunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan jintlaħaq ( 45 ).

62.

Fl-opinjoni tiegħi, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

63.

L-ewwel nett, huma adegwati biex jintlaħaq l-għan li jrid ir-Regolament Nru 1072/2009 fir-rigward tal-kabotaġġ.

64.

L-għan tar-Regolament Nru 1072/2009 huwa, fir-rigward tal-kabotaġġ, biex jitwaqqaf “reġim transizzjonali” ( 46 ). Il-“ftuħ aktar [għall-] kabotaġġ” u l-liberalizzazzjoni mtejba għandha ssir biss “jekk ikun xieraq”, fid-dawl “tal-effettività tal-kontrolli u l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg fil-professjoni, l-armonizzazzjoni ta’ regoli fl-oqsma, inter alia, tal-infuzar u l-ħlasijiet tal-utenti tat-triq, u l-leġiżlazzjoni soċjali u dwar is-sikurezza” ( 47 ). F’dak ir-rigward, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1072/2009 jafda lill-Kummissjoni bil-kompitu li tevalwa jekk l-armonizzazzjoni f’dawk l-oqsma “ipprogressawx tant li jkun previst aktar ftuħ tas-swieq tat-trasport bit-triq domestiku, inkluż il-kabotaġġ” ( 48 ).

65.

Fi kliem ieħor, l-għan tar-Regolament Nru 1072/2009 ma huwiex, fir-rigward tal-kabotaġġ, li jinfetħu s-swieq domestiċi għal trasportaturi mhux residenti. Din hija r-raġuni għaliex, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009, il-kabotaġġ huwa permess biss wara trasport internazzjonali u huwa limitat għal tliet operazzjonijiet fi żmien sebat ijiem mill-ħatt ta’ dak it-trasport internazzjonali. Ninnota, f’dak ir-rigward, li, meta ħejjiet il-proposta għal dak li sar ir-Regolament Nru 1072/2009, il-Kummissjoni kkontemplat u ċaħdet għażla li biha t-trasportaturi mhux residenti jitħallew iwettqu numru illimitat ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ f’perijodu ta’ xahar wieħed ( 49 ). Dan huwa wkoll għaliex il-premessa 13 u l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 jenfasizzaw in-natura “temporanja” tal-kabotaġġ u l-premessa 15 ta’ dak ir-regolament tenfasizza li l-kabotaġġ ma għandux ikun “permanenti” jew “kontinw[u]”.

66.

Li t-trasportaturi mhux residenti jitħallew iwettqu tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ b’numru illimitat ta’ punti ta’ tagħbija u numru illimitat ta’ punti ta’ ħatt jista’ jirrendi bla skop il-limitu ta’ tliet operazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009. Pereżempju, trasportatur mhux residenti jista’ jgħabbi oġġetti fil-punt A, iħott xi oġġetti fil-punt B, jgħabbi oġġetti oħra fil-punt C, iħott xi oġġetti fil-punt D, jgħabbi oġġetti oħra fil-punt E, imbagħad iħott l-oġġetti kollha fil-punt F u xorta jkun għamel operazzjoni waħda biss ta’ kabotaġġ. In-natura temporanja tal-kabotaġġ għalhekk tkun żgurata biss permezz tal-limitu ta’ sebat ijiem.

67.

Jiena nenfasizza li, kif imsemmi fil-punt 65 iktar ’il fuq, l-għażla li permezz tagħha numru illimitat ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ ikunu permessi f’ċertu perijodu ta’ żmien (verament, xahar, mhux sebat ijiem) ġiet imwarrba mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal dak li sar ir-Regolament Nru 1072/2009. Għażla bħal din ġiet ippreżentata reċentement biss (b’perijodu iqsar ta’ ħamest ijiem) fil-proposta tal-2017 tal-Kummissjoni ( 50 ).

68.

Għaldaqstant, jidhirli li jekk l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ ikollhom numru illimitat ta’ punti ta’ tagħbija u numru illimitat ta’ punti ta’ ħatt dan imur kontra n-natura temporanja tal-kabotaġġ previst fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1072/2009, il-limitu ta’ tliet operazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 8(2), u l-għan tar-Regolament Nru 1072/2009 fir-rigward tal-kabotaġġ.

69.

Bil-maqlub, il-preklużjoni tat-trasportaturi mhux residenti milli jwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ b’diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt timmira biex tiġi żgurata n-natura temporanja tal-kabotaġġ u tinkiseb liberalizzazzjoni limitata tas-suq tal-kabotaġġ.

70.

Għalhekk, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ huma xierqa biex jintlaħaq l-għan segwit mir-Regolament Nru 1072/2009 fir-rigward tal-kabotaġġ.

71.

It-tieni nett, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

72.

Dan peress li, kif argumenta r-Renju tad-Danimarka, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ ma jipprekludux operazzjonijiet li jikkonsistu minn diversi punti ta’ tagħbija u punt ta’ ħatt wieħed, jew operazzjonijiet li jikkonsistu f’punt wieħed ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt. Huma jipprekludu biss operazzjonijiet li jikkonsistu f’diversi punti ta’ tagħbija u diversi punti ta’ ħatt. Dan huwa wkoll minħabba li, skont ir-Renju tad-Danimarka, il-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ ma jirrestrinġux in-numru ta’ konsenjaturi jew prinċipali.

73.

Jien nikkonkludi li r-Renju tad-Danimarka kellu setgħa diskrezzjonali li jadotta l-Linji Gwida dwar il-Kabotaġġ, li dawk il-Linji Gwida huma konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, għaldaqstant, ir-Renju tad-Danimarka ma naqasx, meta adottahom, milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009.

4. Il-Q&A ppubblikat fuq is-sit internet tal-Kummissjoni ma jorbotx lill-Istati Membri

74.

Dik il-konklużjoni ma titpoġġiex fid-dubju mill-fatt li l-Kummissjoni adottat il-Q&A ( 51 ) li ġie ippubblikat fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Mobilità u t-Trasport, u li jgħid li “operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi diversi punti ta’ tagħbija, diversi punti ta’ kunsinna jew saħansitra diversi punti ta’ tagħbija u ta’ kunsinna, skont il-każ” ( 52 ).

75.

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni targumenta li l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ, kif stabbilit fil-Q&A, torbot lill-Istati Membri peress li r-rappreżentanti tal-Istati Membri ddiskutew u qablu fuq dik l-interpretazzjoni waqt il-laqgħa tal-25 ta’ Ottubru 2010 tal-Kumitat għat-Trasport bit-Triq, u għaliex ġiet ippubblikata fuq il-websajt tal-Kummissjoni ( 53 ).

76.

Dak l-argument, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi aċċettat. Il-Q&A ma jistax jiġi kkunsidrat li jorbot lill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin.

77.

L-ewwel nett ninnota li, għalkemm, kif issostni l-Kummissjoni, il-Q&A ġie ppubblikat fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport, ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

78.

It-tieni nett, jien nenfasizza li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ma qablux dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ li hija stabbilita fil-Q&A.

79.

F’dak ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li la l-Artikolu 2(6) u lanqas l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 ma jawtorizzaw lill-Kummissjoni tadotta att li jiċċara l-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ jew ir-regola “tlieta minn sebgħa”. L-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dak ir-regolament ma tagħmel hekk.

80.

Iżda min-naħa l-oħra t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jipprovdi li l-Kummissjoni “għandha tadatta” għall-progress tekniku l-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tal-Unjoni mogħtija lit-trasportaturi. Bl-istess mod, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1072/2009 jgħidu li l-Kummissjoni “għandha tad[a]tta” għall-progress tekniku, rispettivament, l-Annessi I u II u l-Anness III ta’ dak ir-regolament ( 54 ). It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1072/2009 kollha jirrikjedu li l-Kummissjoni, meta “tadatta” għall-progress tekniku l-elementi kkonċernati, biex issegwi l-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmi fl-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-regolament. Skont dik il-proċedura, li hija stabbilita fl-Artikolu 5a(1) sa (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE ( 55 ), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE ( 56 ), huwa meħtieġ vot tal-kumitat rilevanti, fil-każ ineżami l-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq ( 57 ).

81.

Peress li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1072/2009 ma tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti li jiċċaraw il-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ jew ir-regola ta’ “tliet minn sebgħa”, l-ebda dispożizzjoni ta’ dak ir-regolament ma’ teħtieġ li dawk l-atti jitressqu għall-votazzjoni fil-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq. Ma hemmx dubju li l-proċedura regolatorja bi skrutinju, jew kwalunkwe proċedura oħra li taħtha huwa meħtieġ vot ta’ dak il-kumitat ( 58 ), ma tapplikax għall-adozzjoni tal-Q&A. Dan ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni nnifisha fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 59 ).

82.

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kumitat għat-Trasport bit-Triq ( 60 ) jiddikjara li l-aġenda mfassla għal kull laqgħa “għandha tagħmel distinzjoni” bejn, minn naħa waħda, “miżuri proposti dwar liema [dak] il-kumitat hu mitlub jagħti opinjoni, skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju”, min-naħa l-oħra, “kwistjonijiet oħra mqiegħda quddiem [dak] il-kumitat għal informazzjoni jew skambju sempliċi ta’ fehmiet”.

83.

Mill-fajl jidher li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ kienet fuq l-aġenda ta’ żewġ laqgħat tal-Kumitat għat-Trasport bit-Triq. Dawk il-laqgħat saru fis-17 ta’ Novembru 2009 u l-25 ta’ Ottubru 2010. F’kull waħda minn dawk il-laqgħat, dik il-kwistjoni kienet ġiet sempliċiment diskussa ( 61 ). Ma tressqitx għall-vot ( 62 ). Dan jissuġġerixxi li, kif argumenta r-Renju tad-Danimarka waqt is-seduta orali, dik il-kwistjoni kienet waħda mill-“kwistjonijiet l-oħra” imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kumitat għat-Trasport bit-Triq, imqiegħda quddiem dak il-kumitat “għal informazzjoni jew skambju sempliċi ta’ fehmiet”.

84.

Għaldaqstant, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ stabbilita fil-Q&A, mhux talli ma kien hemm l-ebda ftehim dwarha mill-maġġoranza tal-Istati Membri talli hija biss l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dak il-kunċett.

85.

Barra minn hekk, ninnota li, kieku l-proċedura regolatorja bi skrutinju kienet applikabbli, vot mill-Kumitat tat-Trasport bit-Triq favur l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ ma kienx, fih innifsu, jagħmel dik l-interpretazzjoni vinkolanti fuq l-Istati Membri. Dan għaliex, skont l-Artikolu 5a(3) tad-Deċiżjoni 1999/468, kif emendat mid-Deċiżjoni 2006/512, jeħtieġ li jittieħdu passi oħra għal dak il-għan ( 63 ).

86.

It-tielet nett, jien nenfasizza li, fl-Evalwazzjoni tal-Impatt tal-proposta tagħha tal-2017, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li l-Q&A “m’għandu l-ebda karattru legalment vinkolanti” ( 64 ). Dan intqal mill-ġdid waqt is-seduta orali mir-rappreżentant tal-Kummissjoni ( 65 ).

87.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi l-Q&A ma jistax jitqies li jorbot lill-Istati Membri.

88.

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wrietx li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009.

V. Konklużjoni

89.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)

tiċħad ir-rikors; u

(2)

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Il-provvista ta’ tali servizzi hija suġġetta biss għall-pussess ta’ liċenzja tal-Unjoni maħruġa mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tat-trasportatur u, jekk ix-xufier ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ attestazzjoni tax-xufier maħruġa minn Stat Membru. Ara l-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, […] dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009 L 300, p. 72).

( 3 ) Ara l-p. 31 tal-i“Study contract on the Ex-post evaluation of Regulation (EC) No 1071/2009 and [Regulation No 1072/2009], of December 2015” (Il-kuntratt tal-Istudju fuq l-Evalwazzjoni ex post tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u [r-Regolament Nru 1072/2009] ta’ Diċembru 2015) (iktar ’il quddiem “l-istudju Ricardo 2015’), disponibbli fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport tal-Kummissjoni.

( 4 ) Ara l-p. 21 tal-Evalwazzjoni ex post REFIT tal-Kummissjoni tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 għall-aċċess għax-xogħol tal-operatur tat-trasport bit-triq u [Regolament Nru 1072/2009], tat-28 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem “l-evalwazzjoni ex post tar-Regolament Nru 1072/2009”) (SWD(2016) 350 finali), disponibbli fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport tal-Kummissjoni.

( 5 ) Fl-2015, is-sehem tal-kabotaġġ fid-Danimarka qabeż bi ftit it-3 % tal-operazzjonijiet nazzjonali kollha tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, li huwa konformi mal-medja tal-Unjoni (Ara l-p. 10 tal-istudju ta’ Mejju 2017, An Overview of the EU Road Transport Market in 2015 [Ħarsa Ġenerali lejn is-Suq tat-Trasport bit-Triq fl-Unjoni], disponibbli fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Mobilità u t-Trasport).

( 6 ) Il-kabotaġġ illegali fid-Danimarka jammonta għal inqas minn 1 % tal-attività ta’ kabotaġġ [ara p. 33 tal-iStudy to the support the impact assessment for the revision of Regulation (EC) No 1071/2009 and [Regulation No 1072/2009] (Studju għas-sostenn tal-valutazzjoni tal-impatt għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u (r-Regolament Nru 1072/2009)] ta’ April 2017, disponibbli fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Mobilità u t-Trasport, u p. 11 tal-evalwazzjoni ex post tar-Regolament Nru 1072/2009].

( 7 ) Ara l-p. 28 tal-evalwazzjoni ex post tar-Regolament Nru 1072/2009; u p. 302 tal-istudju Ricardo 2015, li jgħid li għalkemm “huwa […] diffiċli biex tiġi identifikata data konkreta”, “huwa ġeneralment maħsub li l-livell tal-pagi tax-xufiera fid-Danimarka huwa fost l-ogħla fl-Ewropa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 8 ) Cabotagevejledning gældende fra den 14. maj 2010. En vejledning om cabotagereglerne i Europaparlamentets og Rådets forordning nr. 1072/2009 om fælles regler for adgang til markedet for international godskørsel.

( 9 ) Proċedura pilota tal-Unjoni Nru 5703/13.

( 10 ) It-titolu ta’ dak id-dokument huwa kif ġej: “The new cabotage regime under [Regulation No 1072/2009] – Questions & Answers”. Huwa disponibbli f’dan l-indirizz: https://ec.europa.eu/transport/modes/road/haulage_en.

( 11 ) Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1072/2009.

( 12 ) Ara l-p. 18 tar-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni, tal-14 ta’ April 2014 (iktar ’il quddiem “ir-Rapport dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni”) (COM(2014) 222 finali).

( 13 ) Operazzjonijiet ta’ kabotaġġ jistgħu jitwettqu biss fl-Istat Membru ospitanti ladarba l-oġġetti kollha li jinġarru waqt it-trasport internazzjonali jkunu tħattew u l-vettura tkun vojta. Fil-fatt, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jipprovdi li “Ladarba l-merkanzija li tinġarr tul vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel tiġi kkunsinjata, it-trasportaturi[…] għandhom ikun permessi jwettqu, bl-istess vettura, […] sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ” (enfasi miżjuda).

( 14 ) Enfasi miżjuda.

( 15 ) Enfasi miżjuda.

( 16 ) Dan għaliex id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni ta’ regolament huma indipendenti minn kwalunkwe miżura ta’ adozzjoni fid-dritt nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 1973, Variola, 34/73, EU:C:1973:101, punt 10).

( 17 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 86.

( 18 ) Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1979, Eridania, Kawża 230/78, EU:C:1979:216, punt 34; tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 40; u tal-25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 35.

( 19 ) Ara Adam, R., u Tizzano, A., Manuale di diritto dell’Unione europea, ir-raba’ edizzjoni, Giappichelli, 2016, p. 167; Isaac, G., u Blanquet, M., Droit général de l’Union européenne, l-għaxar edizzjoni, Sirey, 2012, p. 447; u Kovar, R., “Le règlement est directement applicable dans tout État membre: certes mais encore”, fi De Grove‑Valdeyron, N., u Blanquet, M. (eds.), Mélanges en l’honneur du Professeur Joël Molinier, L.G.D.J., 2012, paġni 355 sa 372 (p. 362).

( 20 ) Sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 41; tal-25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 36; u tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár, C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 18.

( 21 ) Sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár, C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 19.

( 22 ) Rigward il-kabotaġġ, ir-riferimenti għad-dritt nazzjonali fir-Regolament Nru 1072/2009 jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratt tat-trasport, il-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi tat-triq, ir-rekwiżiti dwar it-trasport ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti, il-perijodi tas-sewqan u tal-mistrieħ, u t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq is-servizzi tat-trasport (Artikolu 9); u l-penali (Artikolu 16 u l-Kapitolu IV). Dawn ir-riferimenti għad-dritt nazzjonali ma jappartjenux għad-definizzjoni jew l-għadd ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

( 23 ) Ara Hartley, T. C., The Foundations of European Union Law. An Introduction to the Constitutional and Administrative Law of the European Union, it-tmien edizzjoni, Oxford University Press, 2014, p. 217: “jista’ jkun hemm każijiet li fihom, għalkemm ir-regolament ma jirrikjedix espliċitament l-implementazzjoni, jista’ impliċitament jippermettih. Dan ikun il-każ fejn it-termini tar-regolament huma pjuttost vagi u jkun mixtieq li jiġi pprovdut għall-applikazzjoni dettaljata tiegħu. Jidher li f’tali każ il-miżuri nazzjonali jkunu permissibbli, sakemm dawn ma jkunux inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-regolament” [traduzzjoni libera].

( 24 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005 L 3, p. 1).

( 25 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punti 4850; qabbel is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Danske Svineproducenter, C‑491/06, EU:C:2008:263, punti 38 sa 40.

( 26 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1 p. 340).

( 27 ) Dawk il-penalitajiet jinkludu l-“ħlas ta’ multa amministrattiva”, il-“ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati”, u t-“tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità”.

( 28 ) Anżi bil-maqlub, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jgħid li l-“liġi tal-[Unjoni] għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni […]” (enfasi miżjuda).

( 29 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punti 3640 sa 43. Peress li, kif imsemmi iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jiddikjara li d-dritt tal-Unjoni għandu jistabbilixxi s-sanzjonijiet applikabbli, l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet biss li jirrigwardaw penalitajiet sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx hu stess adotta dispożizzjonijiet f’dak il-qasam. Jiena ninnota li dak l-obbligu tal-Istati Membri huwa bbażat fuq l-Artikolu 325 TFUE, li jeħtieġ li l-Istati Membri jiġġieldu kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u fuq l-Artikolu 4(3) TUE fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

( 30 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 1978, Zerbone, Kawża 94/77, EU:C:1978:17, punt 27 (enfasi miżjuda).

( 31 ) Sentenza tal 21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 48 (enfasi miżjuda). Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.

( 32 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 36 (enfasi miżjuda). Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.

( 33 ) Ara l-p. 9 u 21 tal-evalwazzjoni ex-post tar-Regolament Nru 1072/2009.

( 34 ) Ara l-p. 228 tal-Istudju Ricardo 2015; u p. 60 ta’ rapport magħmul minn AECOM tal-5 ta’ Frar 2014, Task B: Analyse the State of the European Road Haulage Market, Including an Evaluation of the Effectiveness of Controls and the Degree of Harmonisation [Analizza l-Istat tas-Suq Ewropew tat-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, Inkluża Evalwazzjoni tal-Effettività tal-Kontrolli u l-Grad ta’ Armonizzazzjoni] (iktar ’il quddiem ir-“Rapport AECOM”), disponibbli fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport tal-Kummissjoni.

( 35 ) Ara l-paġni 100 u 101 tal-Istudju Ricardo 2015.

( 36 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 tal-evalwazzjoni ex-post tar-Regolament Nru 1072/2009, li tgħid li “fil-Finlandja kull operazzjoni ta’ tagħbija jew ħatt tammonta għal operazzjoni ta’ kabotaġġ wieħed”. Madankollu, wara l-adozzjoni ta’ opinjoni motivata mill-Kummissjoni, il-Finlandja emendat il-leġiżlazzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni. Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 80 tal-Parti 1 tal-Evalwazzjoni tal-Impatt, tal-31 ta’ Mejju 2017, li takkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u r-[Regolament Nru 1072/2009] billi jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur (iktar ’il quddiem “l-Evalwazzjoni tal-Impatt tal-proposta tal-2017 tal-Kummissjoni”) (SWD (2017) 194 finali).

( 37 ) Ara l-p. 228 tal-Istudju Ricardo 2015 fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Ġermanja, fil-Belġju u l-Polonja.

( 38 ) Ara l-p. 61 tar-Rapport AECOM.

( 39 ) Ara l-p. 18 tar-Rapport dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni.

( 40 ) Proposta tal-Kummissjoni, tal-31 ta’ Mejju 2017, għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u [r-Regolament (KE) Nru 1072/2009] bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur (iktar ’il quddiem il-“proposta tal-Kummissjoni tal-2017”) (COM(2017) 281 finali). Sal-lum, dik il-proposta ma waslitx għall-emenda tar-Regolament Nru 1072/2009.

( 41 ) Enfasi miżjuda.

( 42 ) Skont l-Artikolu 2(5)(a) tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2017, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jiġi ssostitwit b’dan li ġej: “Meta ssir il-konsenja ta’ merkanzija li tkun inġarret bi trasport internazzjonali li jkun dieħel minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz lejn Stat Membru ospitanti, l-operaturi tat-trasport bit-triq imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitħallew iwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fl-Istat Membru ospitanti jew fi Stati Membri kontigwi bl-istess vettura jew, fil-każ ta’ vettura kombinata, bil-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura. L-aħħar ħatt tul operazzjoni ta’ kabotaġġ għandu jseħħ fi żmien ħamest 5 ijiem mill-aħħar ħatt fl-Istat Membru ospitanti waqt it-trasport internazzjonali li jkun dieħel.” (enfasi miżjuda).

( 43 ) It-Tweede Kamer der Staten-Generaal (Kamra tar-Rapperżentanti, il-Pajjiżi l-Baxxi) qalet li ċerti gruppi parlamentari “għandhom oġġezzjonijiet sostantivi […] għan-numru illimitat ta’ waqfiet attwalment proposti matul il-perijodu ta’ kabotaġġ, li għandu l-effett li jespandi iktar milli jirrestrinġi l-kabotaġġ”. Din innotat wkoll li “ħamest ijiem suċċessivi ta’ kabotaġġ jipproduċu ‘katina ta’ kabotaġġ’ [li għaliha] perijodu ta’ pawża jista’ joffri soluzzjoni” (ara l-paġna 11 tad-dokument tal-Kunsill 11446/17, tal-20 ta’ Lulju 2017, Opinjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti Olandiża dwar l-applikazzjoni tal-Prinċipji ta’ Sussidjarjetà u Proporzjonalità). Bl-istess mod, is-Senato della Repubblica (Senat tar-Repubblika, l-Italja) issuġġerixxa li jitnaqqas minn ħames sa massimu ta’ tlett ijiem il-perijodu li fih it-trasportaturi mhux residenti jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ mingħajr limitazzjonijiet (ara p. 10 tad-dokument tal-Kunsill 12024/17, tat-12 ta’ Settembru 2017, Opinjoni tas-Senat Taljan dwar l-applikazzjoni tal-Prinċipji ta’ Sussidjarjetà u Proporzjonalità). Barra minn hekk, il-Bundesrat (il-Kunsill Federali, l-Awstrija) iddikjara li “jirrespinġi fermament regola li ma tillimitax in-numru ta’ vjaġġi li għandhom jitwettqu, imma sempliċement tiffoka fuq limitazzjoni fiż-żmien, billi dan joħloq kabotaġġ kważi kontinwu […] permezz ta’ vjaġġ sempliċi ’l barra minn u dħul mill-ġdid b’tagħbija għal ġewwa s-suq nazzjonali” (ara l-paġna 6 tad-dokument 12600/17 tal-Kunsill, tat-28 ta’ Settembru 2017, Opinjoni tal-Kunsill Federali Awstrijak dwar l-applikazzjoni tal-Prinċipji ta’ Sussidjarjetà u Proporzjonalità). Dawn id-dokumenti kollha huma disponibbli fuq is-sit internet EUR-Lex, flimkien mal-proposta tal-2017 tal-Kummissjoni.

( 44 ) Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑113/02, EU:C:2004:616, punt 19; tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 40; tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 51; u tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár, C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 29.

( 45 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 52. Dwar jekk it-test tal-proporzjonalità jistax jinkludi t-tielet pass, li jirrikjedi li, meta jkun hemm għażla bejn bosta miżuri xierqa, wieħed għandu jirrikorri għall-inqas waħda oneruża, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet mixtieqa (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team and Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 40), ara Martinico, G., u Simoncini, M., “An Italian Perspective on the Principe of Proportionality”, f’Vogenauer, S., u Weatherill, S. (eds.), General Principles of Law. European and Comparative Perspectives, Hart Publishing, 2017, pp. 221 sa 241. Skont Martinico u Simoncini, “il-[Qorti tal-Ġustizzja] rari tilħaq it-tielet pass tat-test u dan ifisser li ‘l-kwistjoni tissolva billi tgħaddi mill-livelli ta’ adegwatezza (idonjetà) u n-neċessità’” (p. 227).

( 46 ) Ara l-premessa 5 tar-Regolament Nru 1072/2009.

( 47 ) Ara l-premessa 6 tar-Regolament Nru 1072/2009.

( 48 ) Fl-2014, din l-evalwazzjoni ħadet il-forma tar-Rapport dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni (ara l-p. 1).

( 49 ) Ara l-p. 19 tal-Evalwazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (riformulazzjoni), ippreżentat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Lulju 2007 (SEC(2007) 635). Dik l-għażla ma ġietx adottata għaliex “tkun tirrappreżenta estensjoni sostanzjali tas-suq tal-kabotaġġ u tkun viċin ħafna għal-liberalizzazzjoni sħiħa tal-kabotaġġ”, biex b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport, jiżdied il-volum tal-kabotaġġ u impjiegi jiċċaqilqu lejn Stati Membri bi spejjeż tax-xogħol aktar baxxi. [Dik l-għażla] jista’ jkollha ‘impatti sostanzjali’ u għalhekk kienet teħtieġ ‘analiżi iktar profonda’ li tmur lil hinn mill-ambitu tal-eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni (p. 32).

( 50 ) Ara l-punt 55 iktar ’il fuq.

( 51 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq. Meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li l-Q&A ġie ppubblikat fuq is-sit internet tagħha ftit jiem wara l-laqgħa tal-25 ta’ Ottubru 2010 tal-Kumitat għat-Trasport bit-Triq.

( 52 ) Enfasi miżjuda.

( 53 ) Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, “is-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw l-interpretazzjoni tagħhom tal-[kunċett tal-]operazzjoni ta’ kabotaġġ li jorbot lill-Istati Membri kollha iktar minn sitt snin ilu, wara li ddiskutew dik l-interpretazzjoni mal-Istati Membri. Għalhekk, kien ċar li l-Kummissjoni se tressaq proċeduri ta’ ksur kontra kull Stat Membru li jitbiegħed [minn dik l-interpretazzjoni]”. Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni wkoll, “il-[Kumitat għat-Trasport bit-Triq] laħaq ftehim” dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ kif stabbilit fil-Q&A [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 54 ) L-Anness I tar-Regolament Nru 1072/2009 jirrigwarda l-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-liċenzja tal-Unjoni u l-attestazzjoni tax-xufier, filwaqt li l-Anness II ta’ dak ir-regolament jistabbilixxi mudell għal-liċenzja tal-Unjoni, u l-Anness III ta’ dak ir-regolament jistabbilixxi mudell għall-attestazzjoni tax-xufier.

( 55 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124).

( 56 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-17 ta’ Lulju 2006, li temenda [d-Deċiżjoni 1999/468/KE] (ĠU 2007 L 76M, p. 100). Għandi nsemmi li Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011 L 55, p. 13) ħassar u ssostitwixxa d-Deċiżjoni Nru 1999/468. Madankollu, ir-Regolament Nru 182/2011, ma japplikax billi ġie adottat wara li ġie ppubblikat l-Q&A fis-sit internet tal-Kummissjoni, ftit ġranet wara l-laqgħa tal-25 ta’ Ottubru 2010 tal-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq. Fi kwalunkwe każ, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 182/2011, l-“effetti tal-Artikolu 5a tad-[Deċiżjoni 1999/468/KE] għandhom jinżammu għall-finijiet tal-atti bażiċi eżistenti li għalihom jagħmlu referenza”, bħall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1072/2009.

( 57 ) Il-Kumitat għat-Trasport bit-Triq twaqqaf permezz tal-Artikolu 18(1) tar- Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227). L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1072/2009 jispeċifika li dak il-Kumitat għandu jgħin lill-Kummissjoni. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, ir-Reġistru tal-Komitoloġija tal-Kummissjoni, disponibbli fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/transparency/regcomitology/index.cfm?do=List.list&page=20

( 58 ) Bħalma huma l-proċedura ta’ ġestjoni u l-proċedura regolatorja stabbiliti rispettivament, fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468, kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512. L-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1072/2009 ma tagħmel referenza għal xi waħda minn dawk il-proċeduri.

( 59 ) Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni tal-kabotaġġ “[ma kinitx] tqegħdet għal vot formali (li, fi kwalunkwe każ, ma kienx legalment meħtieġ)” (enfasi miżjuda).

( 60 ) Dawk ir-Regoli ta’ Proċedura huma disponibbli fir-Reġistru tal-Komitoloġija tal-Kummissjoni f’dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/transparency/regcomitology/index.cfm?do=List.list&page=20

( 61 ) Fil-fatt il-minuti tal-laqgħa tas-17 ta’ Novembru 2009 tal-Kumitat għat-Trasport bit-Triq jindikaw li dak il-kumitat “iddiskuta” kwistjonijiet differenti li jappartjenu għall-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009, li kellu jsir applikabbli fl-14 ta’ Mejju 2010, bħar-regola “tlieta minn seba’”. Bl-istess mod, il-minuti tal-laqgħa tal-25 ta’ Ottubru 2010 tal-Kumitat għat-Trasport bit-Triq isemmu li l-kumitat “iddiskuta” il-kwistjonijiet li kienu qamu wara li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 sar applikabbli, b’mod partikolari, il-kwistjoni tan-numru ta’ punti ta’ tagħbija u ta’ ħatt li operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tikkonsisti minnhom.

( 62 ) Għandi nsemmi wkoll li, kieku l-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq ivvota fil-laqgħa tas-17 ta’ Novembru 2009, kien jaqbel li ssir interpretazzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ differenti minn dik stipulata fil-Q&A. Fil-fatt, l-ewwel verżjoni tal-Q&A hija mehmuża mal-minuti ta’ dik il-laqgħa, li tgħid li “operazzjoni [ta’ kabotaġġ] tista’ tinvolvi diversi punti ta’ tagħbija jew diversi kunsinni skont il-każ” (enfasi miżjuda). Fi kliem ieħor, huwa biss wara li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 sar applikabbli fl-14 ta’ Mejju 2010 li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li, kif iddikjarat fil-minuti tal-laqgħa tal-25 ta’ Ottubru 2010 tal-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq u fil-Q&A, “operazzjoni ta’ kabotaġġ tista’ tinvolvi diversi punti ta’ tagħbija, diversi punti ta’ kunsinna jew saħansitra diversi punti ta’ tagħbija u ta’ kunsinna, skont il-każ” (enfasi miżjuda).

( 63 ) Il-Kummissjoni kien ikollha tibgħat l-abbozz tal-Q&A lill-Parlament u lill-Kunsill, li kull wieħed minnhom seta’ oppona l-adozzjoni tal-abbozz imsemmi. Huwa biss jekk, meta jiskadi perijodu ta’ tliet xhur, la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma jkunu opponew l-abbozz tal-Q&A, li dan tal-aħħar kien jiġi adottat mill-Kummissjoni.

( 64 ) Ara l-p. 25 tal-Evalwazzjoni tal-Impatt tal-proposta tal-2017 tal-Kummissjoni.

( 65 ) Waqt is-seduta orali, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni ddikjara li, peress li l-Q&A ġie ippubblikat fuq is-sit internet tagħha wara negozjati mal-Istati Membri, hija stenniet li l-Istati Membri kollha jsegwu l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ kabotaġġ stabbilit fil-Q&A. Dak ir-rappreżentant iddikjara wkoll li, għalkemm dik l-interpretazzjoni “ma kinitx legalment vinkolanti”, il-Kummissjoni kienet impenjat ruħha li tara li dik l-interpretazzjoni tiġi applikata, u b’hekk tressaq proċeduri kontra kull Stat Membru jekk japplika interpretazzjoni differenti tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ.

Top