EUR-Lex Acces la dreptul Uniunii Europene

Înapoi la prima pagină EUR-Lex

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 62016CC0426

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-30 ta’ Novembru 2017.
Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen, VZW et vs Vlaams Gewest.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-mument tal-qatla tagħhom – Metodi partikolari ta’ qatla preskritti minn riti reliġjużi – Festa Musulmana tas-sagrifiċċju – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Artikolu 2(k) – Artikolu 4(4) – Obbligu li l-qatla bil-forma ritwali sseħħ f’biċċerija li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 10 – Libertà tar-reliġjon – Artikolu 13 TFUE – Osservanza ta’ użanzi nazzjonali fil-qasam ta’ riti reliġjużi.
Kawża C-426/16.

Culegeri de jurisprudență – general – secțiunea „Informații privind deciziile nepublicate”

Identificator ECLI: ECLI:EU:C:2017:926

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-30 ta’ Novembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑426/16

Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen, VZW

et,

vs

Vlaams Gewest,

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-annimali fil‑mument tal-qatla tagħhom – Metodi partikolari ta’ qatla – Festa Musulmana tas-sagrifiċċju – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Artikolu 4(4) – Obbligu ta’ qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament fil‑biċċeriji approvati – Regolament (KE) Nru 853/2004 – Kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-biċċeriji – Validità – Artikolu 13 TFUE – Osservanza ta’ użanzi nazzjonali fil-qasam ta’ riti reliġjużi – Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà tar-reliġjon – Limitazzjoni – Ġustifikazzjoni”

1. 

Il-qatla bil-forma ritwali ilha rrikonoxxuta fit-testi Ewropej li jirregolaw il-qatla tal-annimali bħala korollarju tal-libertà reliġjuża. Ix‑xewqa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrikonċilja l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon mal‑protezzjoni tal-benesseri tal-annimali dehret sa mill‑adozzjoni tad‑Direttiva 74/577/KEE ( 2 ) u għadha tinsab sal-lum fir‑Regolament (KE) Nru 1099/2009 ( 3 ) preżentement fis-seħħ.

2. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal‑Artikolu 4(4) moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009. Hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità, fir-rigward tad-dritt fundamentali għal-libertà reliġjuża, tad-dispożizzjoni li tipprevedi li l-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament, li huwa rikjest minn ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi, jista’ jsir biss f’biċċerija approvata ( 4 ) li tissodisfa d-dispożizzjonijiet kollha applikabbli f’dan il-qasam.

3. 

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn diversi assoċjazzjonijiet Musulmani u organizzazzjonijiet ewlenin ta’ moskej kif ukoll ċerti individwi fir‑Reġjun Fjamming (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u l-Vlaams Gewest (Reġjun Fjamming, il-Belġju), dwar id-deċiżjoni adottata mill-Ministru Fjamming inkarigat mill-benesseri tal-annimali li matul il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju (Aïd-el-Adha) ( 5 ), mis-sena 2015 ’il quddiem, ma jawtorizzax iktar il-qatla bil-forma ritwali ta’ annimali mingħajr sturdament f’postijiet ta’ qatla temporanji stabbiliti fil-muniċipalitajiet ta’ dan ir-reġjun.

4. 

Qabel xejn għandha tingħata preċiżazzjoni dwar il-kwistjoni li hija speċifikament imqajma b’din il-kawża. Dak li huwa inkwistjoni, f’dan il-każ, bl-ebda mod ma hija l-projbizzjoni totali ta’ qatla ta’ annimali mingħajr sturdamenti li bħalissa qed tiġi diskussa f’diversi Stati Membri ( 6 ), iżda l-kundizzjonijiet materjali ta’ tagħmir u ta’ obbligi operazzjonali li fihom tali qatla għandha ssir skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea rilevanti. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit li l-qatla ssir f’biċċerija skont l-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, regola li hija ta’ applikazzjoni ġenerali irrispettivament mit-tip ta’ qatla użata, huwiex tali li jillimita l-libertà reliġjuża.

5. 

F’dan il-każ, nikkunsidra li l-ebda punt imressaq fil-kuntest ta’ din il-kawża ma huwa tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 1099/2009. Ir-regola li l-qatla, bħala regola, tista’ ssir biss f’biċċeriji approvati hija regola perfettament newtrali li tapplika indipendentement miċ-ċirkustanzi u mit-tip ta’ qatla magħżula. Fl-opinjoni tiegħi, il‑problematika quddiem il-qorti hija qabel xejn marbuta ma’ diffikultà temporanja ta’ kapaċità tal-biċċeriji f’ċerti żoni ġeografiċi fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju – u, b’mod definittiv, l-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti sabiex ikunu konformi ma’ regola reliġjuża – kif ukoll mar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, peress li din tal-aħħar tibbilanċja bejn, minn naħa l-waħda, id-dritt għal-libertà tar-reliġjon u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mill‑protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-benesseri tal-annimali u tas-sigurtà tal-ikel.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Ir-Regolament Nru 1099/2009

6.

Ir-Regolament Nru 1099/2009 jistabbilixxi r-regoli komuni għall‑protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew tal-qatla tagħhom fl-Unjoni.

7.

Mill-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009 jirriżulta li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “‘biċċerija’ tfisser kwalunkwe stabbiliment użat għall-qatla ta’ annimali tal-art li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 853/2004”.

8.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprevedi:

“1.   L-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament konformement mal-metodi u r-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ dawk il‑metodi kif imniżżel fl-Anness I. It-telf tas-sensi u s-sensibbiltà għandhom jinżammu sal-mewt tal-annimal.

[…]

4.   Fil-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn ċerti riti reliġjużi, ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu applikati bil-kondizzjoni li l-qatla issir f’biċċerija.”

B. Ir-Regolament Nru 853/2004

9.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali ( 7 ), jipprevedi:

“1.   L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel jistgħu jqegħdu biss fis-suq prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħduma fil-Komunità li jkunu inħadmu u ġew trattati biss fi stabbilimenti:

a)

li jikkonformaw mal-ħtiġiet tar-Regolament (KE) nru 852/2004, dawk ta’ l-annessi II u III ta’ dan ir-Regolament u ħtiġiet oħra rilevanti tal-liġijiet dwar l-ikel,

u

b)

li jkunu ġew reġistrati jew, meta dan hu meħtieġ, skond il-paragrafu 2, approvati mill-awtorità kompetenti.

[…]”

10.

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 853/2004, intitolat “Emendi u adattamenti għall-Annessi II u III”, jipprevedi, fil-paragrafi 4 sa 8 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu, b’ċerti kundizzjonijiet u skont ċerti modalitajiet, jadottaw miżuri nazzjonali li jadattaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness III, fosthom, fil-Kapitolu II, il-“Ħtiġiet għall‑biċċeriji”.

II. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju hija ċċelebrata kull sena fuq tlett ijiem ( 8 ). Il-Musulmani prattikanti jikkunsidraw li huwa dmir reliġjuż tagħhom li joqtlu jew jorganizzaw il-qatla, preferibbilment fl-ewwel jum ta’ din il-festa, annimal ( 9 ) li l-laħam tiegħu mbagħad, parti minnu tittiekel fil-familja u, parti oħra maqsuma ma’ dawk fil-bżonn, il-ġirien u l-membri tal‑familja iktar ’il bogħod.

12.

Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm qbil mill-maġġoranza tal-Musulmani fil-Belġju, espress mill‑Kunsill tat-teoloġisti fi ħdan l-Eżekuttiv tal-Musulmani f’dan l‑Istat, sabiex jiġi kkunsidrat li l-qatla bil-forma ritwali għandha sseħħ mingħajr sturdament u bl-osservanza ta’ regoli oħra ritwali.

13.

Skont l-Artikolu 16(2) tal-Liġi tal-14 ta’ Awwissu 1986 dwar il‑protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, id-Digriet Irjali tal-11 ta’ Frar 1988, kif emendat bid-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1998, kien jipprevedi li, fil-Belġju, il-qatla preskritta b’rit reliġjuż setgħet issir biss fil-biċċeriji rregolati (iktar ’il quddiem il-“biċċeriji approvati”) jew “fi stabbilimenti approvati mill-Ministru li għandu l-agrikoltura fid-dekasteru tiegħu, wara qbil mal-Ministru li għandu s-Saħħa pubblika fid-dekasteru tiegħu” ( 10 ).

14.

Kien b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni li l-Ministru Federali Belġjan kien, sa mis-sena 1998, kull sena approva postijiet ta’ qatla temporanji li, flimkien mal-biċċeriji approvati, kienu jippermettu li tiġi żgurata l-qatla bil-forma ritwali waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, biex b’hekk isolvi n-nuqqas ta’ kapaċità fl-imsemmija biċċeriji minħabba ż-żieda fid-domanda matul dan il-perijodu ( 11 ). Wara qbil mal-komunità Musulmana, is-Servizz Pubbliku Federali tas-Saħħa Pubblika, tas-Sigurtà tal-Katina tal-Ikel u tal-Ambjent kien ippubblika f’diversi dati, sal-2013, “manwal” dwar l-organizzazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju (“Handleiding voor de Organisatie van het Islamitisch Offerfeest”), li kien jipprevedi b’mod speċifiku rakkomandazzjonijiet għall-ftuħ u għall-operat ta’ postijiet ta’ qatla temporanji minbarra l-biċċeriji approvati.

15.

Wara s-sitt riforma tal-Istat, mill-1 ta’ Lulju 2014, il-kompetenza dwar il-benesseri tal-annimali ġiet ittrasferita lir-Reġjuni. B’hekk, sabiex jiġġestixxi l-organizzazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju ta’ din is-sena fuq it-territorju tiegħu, ir-Reġjun Fjamming, min-naħa tiegħu, adotta manwal, simili għall-manwal federali tas-sena 2013, li jindika li l-postijiet ta’ qatla temporanji setgħu jiġu awtorizzati permezz ta’ approvazzjoni individwali tal-Ministru kompetenti għal perijodu speċifikat, jekk ma jkunx hemm kapaċità biżżejjed ta’ qatla f’distanza raġonevoli fil-biċċeriji approvati, u sakemm josservaw numru ta’ kundizzjonijiet fir-rigward ta’ tagħmir u obbligi operazzjonali.

16.

Fit-12 ta’ Settembru 2014, il-Ministru Fjamming inkarigat mill‑benesseri tal-annimali ħabbar li ma kienx ser jibqa’ jagħti, mis-sena 2015 ’il quddiem, approvazzjonijiet għal postijiet ta’ qatla temporanji fejn kien possibbli li ssir qatla bil-forma ritwali matul il-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju, minħabba li tali approvazzjonijiet huma kuntrarji għal‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1099/2009 ( 12 ).

17.

Fl-4 ta’ Ġunju 2015, dan il-Ministru għalhekk bagħat ċirkulari (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) lis-sindki tal-muniċipalitajiet Fjammingi, jinformahom li b’effett mis-sena 2015 il-qtil kollu tal-annimali mingħajr sturdament, anki dawk li jsiru fil-kuntest tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, għandhom isiru biss fil-biċċeriji approvati.

18.

Kien f’dan il-kuntest li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdew diversi azzjonijiet fil-qrati u b’mod partikolari, fil-5 ta’ Frar 2016, ressqu lir-Reġjun Fjamming quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju).

19.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li, anki jekk ir-Regolament Nru 1099/2009 jiġi kkunsidrat bħala applikabbli għall-qatla bil-forma ritwali ta’ annimali waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju – fatt li huma jikkontestaw ( 13 ) –, hemm lok li ssir mistoqsija dwar il-validità tar-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar‑Regolament Nru 1099/2009, inkwantu, minn naħa waħda, hija tikser il-libertà tar-reliġjon protetta bl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 9 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u, min-naħa l-oħra, li ma tosservax l-użanzi Belġjani dwar ir-riti reliġjużi tal-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju, protetti bl-Artikolu 13 TFUE.

20.

In-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal‑ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell) tikkunsidra li, billi implementat ir-regola msemmija fl-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal‑Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, id-deċiżjoni kkontestata toħloq limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon u tippreġudika l-użanzi Belġjani fil-qasam tar-riti reliġjużi, għaliex tobbliga lill-Musulmani jwettqu l-qatla bil-forma ritwali matul il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju fil-biċċeriji approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004. Fl-opinjoni ta’ din il-qorti, din il-limitazzjoni la hija rilevanti u lanqas proporzjonata sabiex tissodisfa l-għanijiet leġittimi ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u tas-saħħa pubblika.

21.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 4(4) moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament [Nru 1099/2009], huwa vvizzjat b’invalidità minħabba ksur tal-Artikolu 9 tal-[KEDB], tal-Artikolu 10 tal-[Karta] u/jew tal-Artikolu 13 [TFUE], inkwantu jipprevedi li l-annimali li huma suġġetti għal metodi partikolari ta’ qtil preskritti minn riti reliġjużi jistgħu jiġu maqtula mingħajr ma jiġu storduti biss f’biċċerija li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 853/2004], minkejja l-fatt li fir‑Reġjun Fjamming, fl-imsemmija biċċeriji ma teżistix kapaċità suffiċjenti sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda li tirriżulta ta’ kull sena għal annimali maqtula bil-forma ritwali mingħajr ma jiġu storduti fl-okkażjoni tal-Festa Islamika tas-Sagrifiċċju, u l-oneri sabiex jiġu kkonvertiti temporanjament biċċeriji, għall-Festa Islamika tas-Sagrifiċċju, rikonoxxuti u kkontrollati mill-awtoritajiet, f’biċċeriji li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament […] Nru 853/2004 ma jidhrux li huma rilevanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti għall-benesseri tal-annimali u tas-saħħa pubblika u, għaldaqstant, ma jidhrux li huma proporzjonati?”

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-assoċjazzjonijiet Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen VZW et u Global Action in the Interest of Animals VZW (iktar ’il quddiem il-“GAIA”), ir-Reġjun Fjamming, il-Gvern Estonjan, dak Olandiż u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.

23.

Saret seduta fit-18 ta’ Settembru 2017, li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, GAIA, ir-Reġjun Fjamming, il-Gvern tar‑Renju Unit, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni.

III. Analiżi

24.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, minħabba allegat ksur tal-Artikolu 10 tal-Karta u tal‑Artikolu 9 tal-KEDB kif ukoll tal-Artikolu 13 TFUE. Il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon u tal-użanzi nazzjonali fil-qasam tar-riti reliġjużi tirriżulta mill-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu li l-annimali maqtula bil-forma ritwali fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju jistgħu jinqatlu biss fil-biċċeriji approvati. Dawn tal-aħħar jinkludu stabbilimenti li huma approvati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li għandhom jiżguraw, għal dan il-għan, ir-“ħtiġiet speċifiċi” kollha relatati mal-bini, tifsil u tagħmir, mitluba b’mod partikolari fl-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004.

25.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ kapaċità ta’ qatla suffiċjenti tal-biċċeriji approvati eżistenti fir-Reġjun Fjamming sabiex tiġi ssodisfatta ż-żieda fid-domanda għal qatla bil-forma ritwali fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, ikun meħtieġ li jinħolqu stabbilimenti approvati ġodda. Issa, it-trasformazzjoni tal‑postijiet ta’ qatla temporanji l-antiki li kienu jintużaw fil-perijodu bejn l-1998-2014 ( 14 ) f’biċċeriji approvati, fis-sens tar-Regolament Nru 853/2004, teħtieġ investimenti finanzjarji partikolarment sinjifikattivi, li, barra mill-fatt li ma jistgħux jiġu amortizzati fuq il‑kumplament tas-sena, ikunu superfluwi sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-benesseri tal-annimali u tas-saħħa pubblika.

26.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-obbligu li qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament issir biss fil-biċċeriji approvati jipprekludi lil numru kbir ta’ Musulmani prattikanti milli jwettqu d-dmirijiet reliġjużi tagħhom li fl-ewwel jum tal-festa Musulmana joqtlu jew jitolbu l-qatla ta’ annimal skont il-metodi tar-Rit, joħloq limitazzjoni mhux iġġustifikata tal-eżerċizzju tal-libertà tar‑reliġjon tagħhom u ma josservax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi kif ukoll l-użanzi nazzjonali fil-qasam ta’ riti reliġjużi.

27.

F’dan il-każ, jidher opportun li qabel issir evalwazzjoni tal-mertu tad-domanda preliminari, tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha, peress li din ftit jew wisq ġiet ikkontestata b’mod dirett mir-Reġjun Fjamming, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, kif ukoll mill‑Kunsill u l-Kummissjoni.

A. Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

1.   Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

28.

Essenzjalment, l-oġġezzjonijiet u r-riżervi li ġew espressi jirrigwardaw, minn naħa waħda, il-formulazzjoni tad-domanda magħmula, li, b’mod żbaljat, tista’ tagħti x’tifhem li l-oriġini tal‑problema qiegħda fir-Regolament Nru 1099/2009, u, min-naħa l-oħra u b’mod iktar fundamentali, dwar ir-rilevanza tad-domanda magħmula, peress li l-problematika tal-insuffiċjenza tal-kapaċità tal-biċċeriji li jinsabu fir-Reġjun Fjamming ma hijiex, fi kwalunkwe każ, relatata mal‑applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 853/2004 u Nru 1099/2009.

29.

Fir-rigward, qabel xejn, tal-formulazzjoni tad-domanda magħmula, ċerti partijiet ikkonċernati (b’mod partikolari ir-Reġjun Fjamming u l-Gvern tar-Renju Unit) sostnew li peress li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-biċċeriji huma stabbiliti bir-Regolament Nru 853/2004, kwalunkwe eventwali limitazzjoni tal-libertà tar-reliġjon tista’ tirriżulta biss minn dan ir-regolament. Il-qorti tar-rinviju għalhekk ma fformulatx b’mod korrett id-domanda preliminari tagħha, inkwantu hija tirrigwarda għall-kuntrarju l-validità tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009.

30.

Fir-rigward, imbagħad, tar-rilevanza tad-domanda magħmula, ċerti partijiet ikkonċernati (jiġifieri r-Reġjun Fjamming, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni u l-Kunsill) esprimew ċerti riżervi dwar l-utilità tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari ġie sostnut li d-domanda preliminari hija bbażata fuq ċirkustanzi fattwali nazzjonali li ma humiex relatati mad‑dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1099/2009 u 853/2004 u għalhekk ma għandhomx jaffettwaw il-validità tagħhom.

31.

Fil-fatt, il-problematika inkwistjoni hija relatata mal-kapaċità insuffiċjenti tal-biċċeriji approvati fir-Reġjun Fjamming waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju u mal-investiment finanzjarju għoli neċessarju sabiex jippermetti postijiet antiki għall-qatla temporanji li jiġu, huma stess, approvati konformement mar-Regolament Nru 853/2004. F’dan il‑kuntest, il-Kunsill u, b’mod inqas, ir-Reġjun Fjamming, sostnew li kien ikun iktar utli għall-qorti tar-rinviju li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux b’domanda dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti Nri 1099/2009 u 853/2004, iżda b’domanda ta’ interpretazzjoni tal‑imsemmija dispożizzjonijiet intiża sabiex jingħataw spjegazzjonijiet dwar il-marġni ta’ manuvra li għandu jkollhom l-Istati Membri sabiex b’mod partikolari jadattaw il-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni skont is‑sitwazzjonijiet speċifiċi bħal dik li tippreżenta ruħha waqt il‑festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

2.   Evalwazzjoni

32.

Skont ġurisprudenza stabbilita ferm, ir-rifjut tal-Qorti tal‑Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad‑dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 15 ).

33.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domanda, jiena tal-opinjoni li ma hijiex manifestament nieqsa minn rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

34.

Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet) tiddikjara li, b’effett mis-sena 2015, il-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament ma għadhiex awtorizzata, matul il-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju, fil-postijiet ta’ qatla temporanji li ma josservawx ir‑rekwiżiti imposti bir-Regolament Nru 853/2004. Issa, huwa stabbilit li din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tar-regola prevista fl-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar‑Regolament Nru 1099/2009, li timponi fiha nnifisha li l-imsemmija qatla bil-forma ritwali ssir f’postijiet li josservaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 853/2004.

35.

Dawn iż-żewġ regolamenti jsegwu għanijiet distinti: filwaqt li r‑Regolament Nru 853/2004 jagħmel parti minn “pakkett iġjene” ( 16 ), ir‑Regolament Nru 1099/2009 jirrigwarda l-protezzjoni tal-benesseri tal‑annimali waqt il-qatla tagħhom. Dawn iż-żewġ regolamenti xorta jibqgħu relatati inkwantu jirregolaw ir-regoli li għandhom jiġu ssodisfatti fir‑rigward tal-bini u t-tifsil tal-biċċeriji kif ukoll il-materjal hemm użat.

36.

Għalhekk ma jidhirx opportun li jiġi ddikjarat li d-domanda preliminari hija inammissibbli għaliex ma hijiex ifformulata tajjeb. B’hekk l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari ma jidhirx li tista’ tiġi kkontestata mill-perspettiva tal-identifikazzjoni korretta tad‑dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni realment ikkonċernata fil-kawża prinċipali.

37.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta tista’ tagħti risposta utli inkwantu l-qorti nazzjonali jidher li tat indikazzjonijiet suffiċjenti dwar il-fatti tal-kawża, id-dritt tal-Unjoni applikabbli u r-rabtiet stabbiliti bejn dan id-dritt u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Dawn l‑indikazzjonijiet ippermettew lill-partijiet fil-kawża, lill-gvernijiet tal‑Istati Membri u lill-oħrajn ikkonċernati sabiex jissottomettu l‑osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif wara kollox jidher mill-kontenut tan-noti ta’ osservazzjonijiet ippreżentati ( 17 ).

38.

Barra minn hekk, u mingħajr ma tidħol f’formalità eċċessiva, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’, fl-opinjoni tiegħi, tislet il-punti tad-dritt tal-Unjoni li, fid-dawl tal-suġġett tal-kawża, jitolbu interpretazzjoni jew, jekk ikun il-każ, evalwazzjoni ta’ validità.

39.

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dubji fir-rigward tar-rilevanza tad‑domanda preliminari, dawn għandhom pjuttost jiġu analizzati fil-parti ddedikata għall-eżami tal-mertu tal-kawża.

40.

Għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-possibbiltà li tikkontesta mill-perspettiva tad-dritt primarju, u b’mod partikolari fid‑dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta u tat-TFUE li jirrigwardaw il-libertà tar-reliġjon, l-obbligu li l-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament issir f’biċċerija approvata, fid-dawl tal-impatt finanzjarju eventwali ta’ dan l-obbligu fuq il-possibbiltà li tali qatla ssir waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

41.

Madankollu, u kif ser nispjega iktar ’il quddiem fl-argumenti li ġejjin, jekk ir-riżervi preliminari espressi minn numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati ma jippermettux li jiġi ddikjarat qabel xejn li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex rilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża u għalhekk inammissibbli, huma jimmeritaw, min-naħa l-oħra, l‑attenzjoni kollha fl-eżami tal-mertu ta’ dan ir-rinviju. F’dan l-eżami, ser ikun hemm, b’mod partikolari, lok sabiex jiġi stabbilit jekk id‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkontestati fil-kawża prinċipali humiex realment is-sors tal-limitazzjoni allegata għall-eżerċizzju tal‑libertà tar-reliġjon u tal-użanzi nazzjonali fil-qasam tar-riti reliġjużi.

42.

F’dan il-kuntest, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk dawn id‑dispożizzjonijiet, li jirrigwardaw biss b’mod konkret il-mod li bih kull tip ta’ qatla għandha ssir, irrispettivament minn jekk hijiex qatla bil-forma ritwali jew le, jistgħux jaffettwaw il-problematika ċentrali tal-kawża prinċipali li tirrigwarda b’mod konkret il-kapaċità tal-biċċeriji approvati b’mod permanenti li jeżistu bħalissa sabiex tissodisfa t-talbiet kollha ta’ qatla bil-forma ritwali matul il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju ( 18 ).

43.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha u skont l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jintuża fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, jiena tal-opinjoni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli kompletament.

B. Fuq il-mertu

1.   Rimarki preliminari

44.

Bħala sfond, jidhirli li huwa importanti li nagħmel żewġ settijiet ta’ rimarki ta’ natura ġenerali. L-ewwel sett jirrigwarda l‑identifikazzjoni tar-regoli u tal-prinċipji li fir-rigward tagħhom il‑validità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1099/2009 hija f’dan il-każ ikkontestata. It-tieni jirrigwarda b’mod iktar fundamentali l-fatt li, kuntrarjament għal dak li xi osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal‑Ġustizzja jistgħu jissuġġerixxu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha f’dan il-każ toqgħod lura milli tidħol f’dibattitu ta’ natura teleoloġika fir‑rigward tal-portata tal-obbligu reliġjuż ta’ qatla waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

a)   Fuq ir-regoli u l-prinċipji li fir-rigward tagħhom il-validità tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar‑Regolament Nru 1099/2009, hija kkontestata

45.

Għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju, fid-domanda preliminari tagħha, tirreferi għall-Artikolu 10 tal-Karta, għall-Artikolu 9 tal-KEDB u, finalment, għall-Artikolu 13 TFUE.

46.

F’dan ir-rigward, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ tillimita ruħha li tevalwa biss l-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-libertà “tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar‑reliġjon” stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Karta.

47.

Fil-fatt, fir-rigward tar-riferiment li sar għall-Artikolu 9 tal‑KEDB, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB huma parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi li d-drittijiet li jinsabu fiha li jikkorrispondu għal drittijiet protetti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, peress li l‑Unjoni ma aderixxietx ruħha magħha, strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 19 ).

48.

Għaldaqstant, l-eżami tal-validità tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jista’ jitwettaq biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali protetti mill‑Karta ( 20 ). Madankollu mill-Artikolu 52(3) tal-Karta u mill‑ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 10 tal-Karta jirriżulta li d-dritt protett mill-Artikolu 10(1) tal-Karta jikkorrispondi għad-dritt protett mill‑Artikolu 9 tal-KEDB. Huwa għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħal dan l-artikolu. L-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) jista’ għalhekk ikollha ċerta rilevanza – u, tal-inqas, tkun sors ta’ ispirazzjoni – għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal‑Artikolu 10 tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkunsidrat li l‑ġurisprudenza tal-Qorti EDB għandha tiġi kkunsidrata fl‑interpretazzjoni tal-Karta ( 21 ).

49.

Fir-rigward tar-riferiment għall-Artikolu 13 TFUE, dispożizzjoni li, b’mod partikolari, titlob lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw il-benesseri tal-annimal filwaqt li josservaw “id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi”, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tindikax bi preċiżjoni għal liema użanzi jew dispożizzjonijiet qiegħda tirreferi.

50.

Anki jekk jiġi dedott mid-deċiżjoni tar-rinviju li dan fir-realtà jirrigwarda l-prassi segwita fir-Reġjun Fjamming sas-sena 2014, li kien jippermetti l-użu ta’ biċċeriji temporanji mhux approvati sabiex jilqgħu għaż-żieda fit-talba ta’ qatla bil-forma ritwali fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, jidher b’mod ċar li, anki jekk din il-prassi tista’ tkun ikklassifikata bħala użanza reliġjuża, l-eżami tagħha essenzjalment qed jiġi konfuż ma’ dak tal-validità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kontenzjużi fir-rigward tal-libertà reliġjuża msemmija fl‑Artikolu 10 tal-Karta.

b)   Fuq il-portata tal-obbligu reliġjuż ta’ qatla (mingħajr sturdament) waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju

51.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ġie allegat li l-qatla mingħajr sturdament, u b’mod iktar speċifiku l-obbligu ta’ qatla fl-okkażjoni tal‑festa Musulmana tas-sagrifiċċju, ma kellux neċessarjament jiġi pperċepit bħala obbligu intanġibbli tar-reliġjon Musulmana u li, għalhekk, id-domanda preliminari kienet ibbażata fuq premessa żbaljata.

52.

Fil-fatt, ġie enfasizzat, b’mod partikolari mill-assoċjazzjoni GAIA, li ċerti rappreżentanti tal-komunità Musulmana huma tal-parir li l-elektronarkożi jew kull proċedura simili ta’ sturdament qabel il-qatla li ma għandhomx effett fuq il-funzjonijiet vitali tal-annimal, u b’mod partikolari fuq l-iżvinar tal-annimal (li jfisser li dan jista’ jerġa’ jiġi f’sensih jekk it-tifsid ma jkunx seħħ), huma konformi mar‑regoli tar-reliġjon Musulmana ( 22 ).

53.

Fl-istess sens, ġie rrilevat li ċertu numru ta’ pajjiżi Musulmani jimportaw u jbigħu laħam indikati bħala “halal” li jiġi minn qatla ta’ annimali li jkun sar bl-isturdament ( 23 ).

54.

Finalment u b’mod iktar speċifiku fir-rigward tal-obbligu reliġjuż ta’ qatla ta’ annimal waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, ġie sostnut ukoll li diversi għorrief Musulmani u Musulmani prattikanti jikkunsidraw li din il-qatla ma għandhiex issir bilfors fl-ewwel jum ta’ din il-festa. Hemm ukoll tendenza dejjem tikber li għandha tiġi kkunsidrata, b’mod partikolari fost il-Musulmani prattikanti l-iktar żgħażagħ, li l-qatla ta’ annimal waqt din il-festa tista’ tiġi ssostitwita b’donazzjoni.

55.

Fl-opinjoni tiegħi, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar jekk l-użu tal-isturdament tal-annimali huwiex effettivament ipprojbit mir-reliġjon Musulmana jew jekk, għall-kuntrarju u kif sostniet b’insistenza GAIA waqt is-seduta, huwiex użat biss f’ċerti prattiki reliġjużi.

56.

Peress li, skont il-proċess ippreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li f’dan il-każ jeżisti konsensus mill-maġġoranza tal-Musulmani fil‑Belġju, espress mill-Kunsill tat-teoloġisti fi ħdan l-Eżekuttiv tal‑Musulmani f’dan l-Istat, sabiex jiġi kkunsidrat li l-qatla bil-forma ritwali għandha ssir mingħajr sturdament, irrispettivament minn jekk huwiex riversibbli jew le, jien għandi nieħu konjizzjoni tiegħu.

57.

Lanqas jidher opportun li jiġi stabbilit jekk dan ir-rekwiżit huwiex ipperċepit mill-Musulmani kollha bħala obbligu reliġjuż fundamentali jew jekk hemmx alternattiva possibbli għat-twettiq ta’ dan l-obbligu. Kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l‑eżistenza ta’ ċerti prattiki reliġjużi għandha tiġi kkunsidrata. Ma hijiex il‑Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-ortodossija jew l‑eterodossija ta’ ċerti sentenzi jew ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi.

58.

Konsegwentement u kif, fi kliem ieħor, esprimiet il-qorti tar‑rinviju, il-qatla mingħajr sturdament fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju tabilħaqq hija regola ta’ kondotta reliġjuża li tibbenefika mill-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon, u dan indipendentement mill‑eżistenza eventwali ta’ movimenti differenti fi ħdan l-Iżlam jew ta’ soluzzjonijiet alternattivi f’każ li ma tkunx tista’ sseħħ ( 24 ).

59.

F’dan ir-rigward, ma nistax ma naqbilx mal-pożizzjoni espressa mill-qorti tar-rinviju u mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati li l-qatla bil-forma ritwali magħmula waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju ċertament hija “rit reliġjuż”, skont l-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1099/2009, u taqa’ għalhekk taħt l-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Karta u fl-Artikolu 9 tal-KEDB, bħala espressjoni ta’ twemmin reliġjuż.

60.

Qabel xejn, jidhirli li din il-pożizzjoni taqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tikkunsidra li l-qatla bil-forma ritwali taqa’ fil-prassi reliġjuża, b’tali mod li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq ( 25 ).

61.

Fl-istess sens, u minkejja li l-partijiet ikkonċernati ddeċidew li kien meħtieġ li jistaqsu dwar dan l-aspett sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm jew le problema ta’ kapaċità ta’ qatla fir-Reġjun Fjamming waqt iċ‑ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, ma jidhirlix li huwa mixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tintervjeni fuq il-kwistjoni dwar jekk il‑qatla bil-forma ritwali għandhiex, mill-perspettiva teoloġika, neċessarjament issir fl-ewwel jum taċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-festa jew tistax issir ukoll fit-tlett ijiem ta’ wara ( 26 ).

62.

Wara dawn l-ispjegazzjonijiet, wieħed għandu jistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l‑obbligu li ssir qatla mingħajr sturdament f’biċċeriji approvati, indikat fl‑Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar‑Regolament Nru 1099/2009, jillimitax l-eżerċizzju ta’ din il-libertà tar-reliġjon.

2.   Fuq l-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-libertà tar‑reliġjon u tal-użanzi nazzjonali fil-qasam ta’ riti reliġjużi

63.

Fl-ewwel lok, ser nesponi l-linji gwida tar-regoli ġenerali applikabbli fil‑qasam tal-qatla tal-annimali irrispettivament mill-metodu ta’ qatla magħżul (jiġifieri bl-isturdament jew mingħajr tal-annimal), li jirriżultaw mir‑Regolament Nru 853/2004 fil-kuntest tal-adozzjoni tal-“pakkett iġjene”. Fit-tieni lok, ser nispjega għaliex id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, regolament li, infakkar, għandu l-għan prinċiparjament li jipproteġi l-benesseri tal-annimali, ma jistgħux jillimitaw il-libertà reliġjuża.

a)   Fuq ir-regoli ġenerali applikabbli għall-qtil kollu bis-saħħa tar‑Regolament Nru 853/2004

64.

L-ikel li joriġina mill-annimali, ikun x’ikun il-metodu tal-qatla magħżul, għandu jiġi prodott u mibjugħ skont regoli stretti, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jiġu żgurati l-iġjene u s-sigurtà tal-ikel ( 27 ).

65.

Il-formulazzjoni, permezz tar-Regolament Nru 853/2004, ta’ regoli speċifiċi ta’ iġjene applikabbli għall-ikel li joriġina mill-annimali, ikel li jista’ jkollu riskji speċifiċi, għandha l-għan ewlieni u fundamentali li tistabbilixxi regoli ta’ iġjene ta’ livell għoli sabiex b’mod partikolari jiġu evitati danni għas-saħħa tal-bniedem ( 28 ). Dawn ir-regoli għalhekk jistabbilixxu prinċipji komuni, “b’mod partikolari għall-fabrikanti, u responsabbilitajiet għall-Awtoritajiet kompetenti, ħtiġiet strutturali, operattivi u iġjeniċi għall-istbbilimenti, proċeduri għall-approvazzjoi ta’ stabbilimenti, ħtiġiet għall-ħażna u t-trasport, u timbri sanitarji” ( 29 ). Ir‑Regolament Nru 853/2004 jipprevedi għalhekk rekwiżiti speċifiċi li jirrigwardaw b’mod partikolari l-bini, it-tifsil u t-tagħmir tal-biċċeriji. Huma biss il-biċċeriji li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti li jistgħu jiġu approvati skont dan ir-regolament.

66.

Sabiex tiġi żgurata s-solidità u l-effettività tas-sistema implementata u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern ( 30 ), jidhirli li huwa meħtieġ li dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti fl-Istati Membri kollha u mill-produtturi u mill-operaturi tas-settur kollha ( 31 ). Jekk tiġi aċċettata ċerta flessibbiltà, din ma tista’ bl-ebda mod tikkomprometti l-għanijiet fil-qasam tal-iġjene tal-ikel ( 32 ).

67.

Għalhekk huwa importanti ferm li r-rekwiżiti relatati mal-biċċeriji li jistgħu jiġu approvati bis-saħħa tar-Regolament Nru 853/2004 japplikaw irrispettivament mill-fatt jekk il-qatla tinvolvix sturdament jew le. L-obbligu ġenerali li jintużaw biċċeriji approvati ftit għandu rabta mal-mod ta’ qtil użat (jiġifieri jekk hux bil-forma ritwali jew le). Barra minn hekk, dan l-obbligu ma huwiex ibbażat esklużivament fuq kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali, iżda jirriżulta minn rekwiżiti imperattivi li jirriżultaw mill-pakkett “iġjene”, kif stabbiliti b’mod partikolari fir-Regolament Nru 853/2004.

68.

Ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 li l-qatla għandha sseħħ f’biċċerija approvata li tissodisfa r-regoli kollha stabbiliti fl-Anness III ta’ dan ir-regolament jikkontribwixxi fil-fatt sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, irrispettivament mill-metodu tal-qatla użat. Dan l-aħħar rekwiżit, li qabel xejn, kif ikkonfermaw ir-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, ma joħloqx kunflitt mar-regoli ta’ kondotta tar‑reliġjon Musulmana, ma jsirx inqas importanti għaliex il-qatla tal‑annimal issir mingħajr ma jiġi stordut minn qabel.

b)   Fuq l-eżami tal-impatt tar-regoli fil-qasam tal-benesseri tal‑annimali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1099/2009 fuq il-libertà reliġjuża

69.

Għandu jiġi osservat li l-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-validità tal‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 toriġina bla dubju mill‑avviż tat-12 ta’ Settembru 2014 tal-Ministru Fjamming inkarigat mill‑benesseri tal-annimali li b’effett mis-sena 2015 ma kienx ser joħroġ iktar approvazzjonijiet għal postijiet ta’ qatla temporanji peress li tali approvazzjonijiet huma kuntrarji għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ( 33 ).

70.

Issa, kontestazzjoni tal-validità ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet mill-perspettiva tal-libertà reliġjuża jidhirli li hija, minn tal-inqas, paradossali.

71.

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tad-dritt li issa huwa applikabbli, huwa l-prinċipju tal-qatla bl-isturdament li japplika. L‑Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprevedi għalhekk li l‑annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament skont il-metodi u r‑rekwiżiti speċifiċi esposti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

72.

Wara li bbilanċja l-libertà tar-reliġjon u l-benesseri tal‑annimali, u fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 1099/2009, jiġifieri l‑armonizzazzjoni tar-regoli relatati mal-benesseri tal-annimali fil‑mument tal-qatla tagħhom, l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, madankollu, fil-fatt, eċċezzjoni għall-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament ta’ annimali fil-biċċeriji.

73.

Kif espost fil-premessa 18 tar-Regolament Nru 1099/2009, l‑Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, billi jipprevedi deroga mir-regola ġenerali li tipprevedi li l-annimali jinqatlu biss wara sturdament, stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jiffavorixxi, fir-realtà, il-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament, u dan sabiex jiġu osservati ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi.

74.

Min-naħa l-oħra, u kuntrarjament għal dak li jista’ jagħti x’tifhem l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda rekwiżit speċifiku addizzjonali li japplika biss għall-qatla bil-forma ritwali u mhux għall-qatliet l-oħra.

75.

F’tali ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tiġi annullata mill-perspettiva tal-osservanza tal-libertà reliġjuża ħlief jekk jiġi stabbilit li l-użu stess tal-biċċeriji approvati huwa kuntrarju għal ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi jew inkella jekk jintwera li l‑kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jikkompromettu b’mod oġġettiv il-possibbiltà li ssir qatla ta’ annimali skont ċerti riti reliġjużi.

76.

Issa, infakkar li, kif jirriżulta mill-proċess u kif dan ġie kkonfermat waqt is‑seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jallegawx li l-obbligu li ssir qatla bil-forma ritwali f’biċċerija huwa fih innifsu inkompatibbli mat‑twemmin reliġjuż tagħhom.

77.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jindikawx għal liema raġunijiet ta’ prinċipju – jiġifieri irrispettivament mill‑allegati problemi ta’ kapaċità tal-biċċeriji preżentement eżistenti u fuq kollox mill-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti għall-ħolqien ta’ stabbilimenti ġodda jew għat-trasformazzjoni ta’ stabbilimenti eżistenti b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi – ir-rekwiżit li l-qatla tal‑annimali għandha ssir f’biċċeriji approvati huwa problematiku mill‑perspettiva tal-osservanza tal-libertà reliġjuża.

78.

Kif semmew b’mod partikolari l-Kunsill u l-Kummissjoni, l‑obbligu li jiġi żgurat li l-postijiet ta’ qtil kollha jiġu approvati u josservaw, għalhekk, ir-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 853/2004, huwa newtrali kompletament u jikkonċerna lill-organizzaturi kollha tal-qatla. Issa, leġiżlazzjoni li tapplika b’mod newtrali, mingħajr ebda rabta mat‑twemmin reliġjużi, ma għandhiex, bħala regola, tiġi kkunsidrata bħala limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon ( 34 ).

79.

Il-fatt li l-użu ta’ tali postijiet approvati jagħti lok għal spejjeż addizzjonali meta mqabbla mal‑biċċeriji temporanji li sa issa kienu permessi fir-Reġjun Fjamming jidhirli li għalhekk huwa irrilevanti. Dak li għandu jiġi rrilevat huwa li l-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti sabiex jinfetħu biċċeriji approvati huma l-istess, irrispettivament minn jekk humiex intiżi għall‑qatla bil-forma ritwali jew le.

80.

F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB iddeċidiet li miżura ma tikkostitwixxix indħil fi dritt fundamentali għaliex tikkawża spejjeż għal grupp li jaderixxi ma’ ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi jew ma’ ċerti twemmin ( 35 ). Għandu jkun hekk iktar u iktar meta l-ispiża li l-osservanza ta’ regola ta’ kondotta reliġjuża tiġġenera tkun, bħala regola, l-istess bħal dik sostnuta minn dawk li ma jaderixxux ma’ dan il-prinċipju ta’ kondotta.

81.

Tali regola ma hijiex, fiha nnifisha, tali li tinnewtralizza jew tillimita l-possibbiltà li ssir qatla b’forma ritwali, iżda kulma tagħmel huwa li tfakkar li kull qatla għandha ssir fi stabbiliment li jissodisfa r-regoli msemmija fl-anness tar‑Regolament Nru 853/2004.

82.

Jidhirli li, bl-argument tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom il-ħsieb, b’mod definittiv, li minbarra d-deroga prevista għall‑qatla bil-forma ritwali, jużaw deroga addizzjonali mill-obbligu li din il-qatla ssir fil-biċċeriji approvati.

83.

Fil-fatt, ir-raġuni prinċipali li jidher li wasslet lill-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda preliminari tirriżulta mill-fatt li, fir-Reġjun Fjamming, il-biċċeriji approvati b’mod permanenti preżentement eżistenti ma għandhomx kapaċità għal qatla suffiċjenti waqt il-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju minħabba ż-żieda tad-domanda għall-qatla u li l-ispejjeż għall-bini ta’ tali biċċeriji jew għat-trasformazzjoni ta’ postijiet ta’ qatla temporanji f’postijiet permanenti approvati jirriżulta li huma għoljin wisq.

84.

Issa, din l-insuffiċjenza ta’ kapaċità u l-ispejjeż li eventwalment huma meħtieġa sabiex isiru stabbilimenti ġodda approvati ma għandhomx rabta mal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1099/2009.

85.

Fl-opinjoni tiegħi, il-problemi temporanji ta’ kapaċità ta’ qatla f’territorju partikolari, bħal dawk li allegatament ( 36 ) jiġu osservati fir‑Reġjun Fjamming fid-dawl tad-domanda qawwija ta’ qatla bil-forma ritwali rreġistrata fi ftit jiem fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju, ukoll ma humiex marbuta b’mod dirett jew indirett mal‑obbligu li jintużaw biċċeriji approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004. Dawn id-diffikultajiet pjuttost jitfgħu dawl, kif argumentat mill-Kummissjoni u mill-Gvern tar-Renju Unit, fuq il-kwistjoni ta’ min għandu jassumi l-ispiża għall-implementazzjoni ta’ tali stabbilimenti sabiex jilqgħu għaż-żieda fid-domanda tal-qatla bil-forma ritwali matul il‑festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

86.

Mistoqsija waqt is-seduta dwar jekk id-disponibbiltà tal-laħam “halal” kinitx b’mod ġenerali żgurata b’mod sodisfaċenti meta ma jkunx il-perijodu ta’ ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali rrispondew fl-affermattiv. Huma kkonfermaw ukoll li, fl-opinjoni tagħhom, il-problema tirriżulta mill-fatt li l-bini ta’ biċċeriji ġodda approvati biex jilqgħu speċifikament għaż-żieda fid-domanda ta’ qatla bil-forma ritwali waqt din iċ-ċelebrazzjoni ma huwiex għażla ekonomikament vijabbli fuq is‑sena kollha.

87.

Dan jikkonferma li l-eventwali problemi ta’ kapaċità, ikkunsidrati mill-perspettiva tal-offerta kif ukoll tad-domanda, ma ġewx ikkawżati bl‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, iżda huma tabilħaqq il‑konsegwenza tal-eżistenza, fl-istess waqt, ta’ diversi ċirkustanzi partikolari, totalment indipendenti mill-portata ta’ din id-dispożizzjoni, u li jirriżultaw prinċiparjament minn konċentrazzjoni qawwija tad-domanda għal qatla bil-forma ritwali f’mument preċiż ħafna tas-sena, u dan fuq perijodu qasir ħafna.

88.

Madankollu, kif fl-opinjoni tiegħi korrettament enfasizzat il‑Kummissjoni, il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-karatteristiċi speċifiċi tagħha u ma tistax tiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ speċifiku ( 37 ).

89.

Sabiex nikkonkludi u minkejja d-dubji li għandha l-qorti tar‑rinviju, jidhirli li ma jeżisti l-ebda argument konvinċenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża, li, infakkar, hija totalment newtrali u ta’ applikazzjoni ġenerali, tikkostitwixxi limitazzjoni għal‑libertà reliġjuża.

3.   Fuq il-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni għal-libertà reliġjuża eventwalment ikkonstatata

90.

Peress li, fl-opinjoni tiegħi, ma għandux jiġi konkluż li teżisti limitazzjoni għal-libertà tar-reliġjon li tirriżulta mill-obbligu ġenerali li jintużaw biċċeriji approvati, il-kwistjoni dwar jekk tali limitazzjoni hijiex iġġustifikata ma tqumx iktar.

91.

Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il‑konklużjoni inkwantu tikkunsidra li l-obbligu li jintużaw biċċeriji approvati, l-unika kontestazzjoni f’dan il-każ, jikkostitwixxi indħil fil‑libertà tar-reliġjon inkwantu jipprekludi lill-Musulmani prattikanti milli jikkonformaw ruħhom mal-obbligu reliġjuż tagħhom waqt il-festa tas-sagrifiċċju, jiena tal-opinjoni li l-ebda għan leġittimu ta’ interess ġenerali ma jista’ għalhekk ikun tali li jiġġustifika l-eżistenza ta’ limitazzjoni ta’ din il-libertà.

92.

Din l-aħħar konklużjoni, li tista’, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tissorprendi jekk isir riferiment għall-analiżi tiegħi fil-parti ddedikata għall-identifikazzjoni ta’ limitazzjoni tal-libertà reliġjuża, hija spjegabbli bil-kunsiderazzjonijiet segwenti.

93.

Ċertament, l-idea li l-limitazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ qatla bil-forma ritwali, maħluqa bl-obbligu li jintużaw biċċeriji approvati, għandha l-għanijiet leġittimi ta’ ordni pubbliku u ta’ saħħa pubblika, jiġifieri l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali, tas-saħħa pubblika u tas‑sigurtà tal-ikel, tista’ tiġi difiża a priori.

94.

Madankollu u f’każ li jiġi deċiż li l-obbligu li jintużaw biċċeriji approvati waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju huwa kuntrarju għal‑libertà tar-reliġjon, ser ikolli nipproċedi b’arbitraġġ impossibbli bejn din il-libertà u r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali, tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà tal-ikel, li, infakkar, huma t-tliet għanijiet ġenerali segwiti mill-obbligu li għandhom jintużaw biċċeriji approvati. Fir-realtà, dan iwassal sabiex tiġi stabbilita ġerarkija bejn l-osservanza tal-libertà tar-reliġjon u l-ħtieġa li jiġu segwiti dawn l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali, minkejja li l‑leġiżlatur ried speċifikament jistabbilixxi bilanċ bejn l-osservanza tal-libertà reliġjuża u dawn l‑għanijiet differenti li għandhom jiġu segwiti, b’mod partikolari bid‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) tar‑Regolament Nru 1099/2009.

95.

Fi kliem ieħor, kieku kellu jiġi deċiż li din l-aħħar dispożizzjoni, li turi t-tfittxija mil-leġiżlatur Ewropew ta’ bilanċ ġust bejn il-libertà reliġjuża u l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li għandhom jiġu segwiti li huma l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà tal-ikel u l‑benesseri tal-annimali ( 38 ), tikkostitwixxi limitazzjoni tal-libertà tar‑reliġjon, nara li huwa diffiċli kif jista’ jiġi kkunsidrat li din il‑limitazzjoni hija speċifikament iġġustifikata bl-imsemmija rekwiżiti fil-kuntest partikolari taċ-ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju.

96.

Għalkemm il-kunsiderazzjonijiet relatati mas-saħħa tal-bniedem għandhom, bħala regola, jipprevalu fuq dawk relatati mal-benesseri tal‑annimali, jidher li, f’dan il-każ, ingħatat attenzjoni partikolari ferm lill-promozzjoni tal-benesseri tal-annimali bħala għan leġittimu ta’ interess ġenerali kopert b’mod partikolari bl-adozzjoni tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien ma’ dawk tal‑Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009.

97.

Barra minn hekk, ser nuri iktar ’il quddiem, l-ewwel nett, sa fejn il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali ma tikkostitwixxix għan li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għal-libertà reliġjuża fil-każ li jkollu jitqies li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 joħloq tali limitazzjoni u, it-tieni nett, fiex tali limitazzjoni lanqas ma hija rilevanti u proporzjonata sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u s-saħħa pubblika fil-kuntest speċifiku ferm taċ-ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

a)   Libertà reliġjuża u protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fl‑evalwazzjoni tal-Artikolu 4(4) moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar‑Regolament Nru 1099/2009

98.

Għalkemm ma naqbilx mal-konklużjoni li l-Artikolu 4(4) moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009 huwa problematiku mill-perspettiva tal-libertà reliġjuża, ma nistax ma naqbilx mal-evalwazzjoni magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal‑Ġustizzja li għandu jkun hemm prudenza rigoruża meta l-għan ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali potenzjalment jikkonfliġġi ma’ dritt fundamentali.

99.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall‑Artikolu 13 TFUE, li jipprevedi li “l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħatu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri ta’ l‑annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi” ( 39 ).

100.

F’dan il-każ, jidhirli li huwa delikat li jiġi konkluż li, minkejja li joħloq limitazzjoni għal-libertà reliġjuża, l-obbligu maħluq bl‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, li jintużaw biċċeriji approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004 huwa neċessarju u proporzjonat sabiex jintlaħaq għan leġittimu.

101.

Qabel ma jiġu eżaminati waħda waħda l-kwistjonijiet relatati mal‑ħtieġa u mal-proporzjonalità tad-dispożizzjoni kkontestata, jidhirli li għandha ssir rimarka ta’ natura ġenerali u preliminari fir-rigward tal‑ibbilanċjar bejn, minn naħa waħda, il-possibbiltajiet offruti bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni applikabbli li jkun hemm qatla mingħajr sturdament, u dan sabiex jiġu osservati ċerti twemmin reliġjużi u, min-naħa l-oħra, il‑protezzjoni tal-benesseri tal-annimali.

102.

Waqt din il-proċedura, ġie sottomess – ħafna drabi b’konvinzjoni qawwija u b’mod kemmxejn kategoriku – li ma kienx hemm dubju li l‑qatla ta’ annimal mhux stordut setgħet toħloq iktar tbatija u sofferenza għall-annimal ( 40 ).

103.

Madankollu, l-osservanza, komprensibbli ferm mill-perspettiva teoretika, ta’ din il-premessa ma għandhiex fl-opinjoni tiegħi twassal sabiex jiġi deċiż li l-komunitajiet reliġjużi li jirrakkomandaw il-qatla mingħajr sturdament tal-annimal ma jimpurtahomx mill-benesseri tal‑annimal, meta jaderixxu ma’ prattiċi antiki, barbari u ftit li xejn konformi mal-prinċipji stabbiliti fis-soċjetajiet demokratiċi moderni.

104.

Barra minn hekk, huwa biżżejjed li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni speċifikament iddeċieda li jżomm, bl-adozzjoni tal‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, il-possibbiltà għall‑Istati Membri li jawtorizzaw metodi partikolari ta’ qatla preskritti mir-riti reliġjużi. Għal darb’oħra, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżit li l‑qatla bil-forma ritwali tista’ ssir biss, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, f’“biċċerija” huwa biss tfakkira tar-regola ġenerali, applikabbli irrispettivament mill-metodu ta’ qatla tal-annimal magħżul, imposta bir‑Regolament Nru 853/2004.

105.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-“limitazzjoni” li hija inkwistjoni f’dan il-każ ma tirrigwardax il-qatla mingħajr sturdament, iżda l-obbligu, iktar ġenerali, li jintużaw il-biċċeriji approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004.

106.

Kif seta’ jiġi enfasizzat fil-kuntest ta’ diskussjonijiet li saru fuq livell nazzjonali, wara l-kwistjoni speċifika tal-qatla bil-forma ritwali r‑riskju ta’ stigmatizzazzjoni huwa faċli ħafna, riskju għoli mill‑perspettiva storika u li hemm bżonn li ma jkomplix jiżdied ( 41 ).

107.

Xejn ma jippermetti li jiġi eskluż li qatla mingħajr sturdament magħmula f’kundizzjonijiet tajba ( 42 ) tista’ tirriżulta f’inqas tbatija għall‑annimali minn qatla bi sturdament minn qabel magħmula f’kundizzjonijiet li, għal raġunijiet evidenti finanzjarji u b’teħid inkunsiderazzjoni tal‑industrijalizzazzjoni qawwija tas-settur ta’ produzzjoni tal-ikel li joriġina mill-annimali, l-istress u t-tbatija subiti mill-annimali waqt il-qatla tagħhom jiġu intensifikati ( 43 ).

108.

Minkejja li tista’ tidher ovvja, infakkar li kull forma ta’ qatla hija min-natura tagħha vjolenti u, konsegwentement, problematika mill‑perspettiva tat-tbatija tal-annimal ( 44 ).

109.

Personalment m’iniex konvint, bħal numru kbir ta’ studji u ta’ investigazzjonijiet li juru dan ( 45 ), li l-użu tal-biċċeriji approvati huwa dejjem protezzjoni effikaċi ferm kontra t-tbatija tal-annimali li jiġġustifika, waħdu, limitazzjoni għal-libertà reliġjuża.

1) Fuq il-ħtieġa ta’ limitazzjoni għal-libertà reliġjuża minħabba l‑protezzjoni tal-benesseri tal-annimali

110.

Bis-saħħa tal-ġurisprudenza issa ferm stabbilita ( 46 ) tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tista’ tkun għan leġittimu ta’ interess ġenerali li l-importanza tagħha tidher, b’mod partikolari, bl-adozzjoni mill-Istati Membri tal-Protokoll dwar il‑protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ( 47 ). L-Artikolu 13 TFUE, dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tat-Trattat FUE, li jinsab fl-ewwel parti ta’ dan tal-aħħar, iddedikata għall-prinċipji, jikkorrispondi ma’ dan il‑protokoll ( 48 ).

111.

Il-kwistjoni tqum jekk, fil-preżenza ta’ limitazzjoni għal-libertà reliġjuża, l-obbligu li jintużaw biċċeriji approvati huwiex iġġustifikat fil‑kuntest partikolari tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju minħabba l‑ħtieġa li jiġi protett il-benesseri tal-annimali.

112.

Fl-opinjoni tiegħi, jista’ jkun hemm dubju dwar dan.

113.

Ċertament, huwa ta’ interess ġenerali li għandha tiġi evitata qatla “salvaġġa” f’kundizzjonijiet dubjużi mill-perspettiva tal-benesseri tal‑annimali, li jfisser, a priori, li huwa preferibbli li l-qatla tal-annimali ssir fi stabbilimenti kkontrollati mill-awtorità pubblika ( 49 ) jew li tissodisfa regoli preċiżi f’termini ta’ tagħmir u ta’ loġistika.

114.

Dan madankollu ma għandux iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li dawn l-istabbilimenti għandhom fil-kuntest partikolari ferm taċ‑ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju jkunu neċessarjament biċċeriji approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004.

115.

Bir-riskju li nirrepeti ruħi, il-kwistjoni hawnhekk ma hijiex jekk il‑qatla mingħajr sturdament għandhiex tiġi pprojbita minħabba l‑benesseri tal-annimali, iżda li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest tad-deroga prevista fl‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, l-użu ta’ biċċeriji approvati joffrix, fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, valur ikbar fir-rigward tal-benesseri tal-annimali meta mqabbel ma’ post ta’ qatla temporanju mhux approvat.

116.

Fir-rigward b’mod partikolari tal-possibbiltà offruta fir-Reġjun Fjamming sal-2014 sabiex issir qatla bil-forma ritwali, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni stess, wara l-verifika li saret fil-Belġju mis-servizzi tagħha bejn l-24 ta’ Novembru u t-3 ta’ Diċembru 2014 sabiex tevalwa l‑kontrolli tal-benesseri tal-annimali waqt il-qatla fl-istabbilimenti temporanji li sa dakinhar kienu approvati, indikat li l-imsemmija postijiet kellhom garanziji suffiċjenti filwaqt li ġew innotati l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Belġjani sabiex itejbu s-sitwazzjoni.

117.

Fir-rapport ta’ verifika tat-30 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni b’hekk irrilevat li l-awtoritajiet kompetenti kienu qed jagħmlu dak neċessarju sabiex l-istess kundizzjonijiet fil-qasam tal-benesseri tal‑annimali jiġu osservati fil-postijiet ta’ qatla temporanji li hija kellha konoxxenza tagħhom. Skont dan ir-rapport, kien ġie konkluż li, minkejja li l-qatla mingħajr sturdament għar-riti reliġjużi li ma ssirx f’biċċerija awtorizzata ma kinitx tosserva r-Regolament Nru 1099/2009, l‑awtoritajiet nazzjonali kienu għamlu sforzi kbar sabiex l-istess kundizzjonijiet fir-rigward tal-benesseri tal-annimali jiġu osservati matul il-festi reliġjużi fil-postijiet approvati.

118.

B’din il-konstatazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni jidhru li impliċitament ikkunsidraw li l-postijiet ta’ qatla temporanji li jippreżentaw ċerti karatteristiċi, mingħajr ma neċessarjament jissodisfaw id‑definizzjoni ta’ biċċeriji approvati fis-sens tal‑Artikolu 2(k) tar‑Regolament Nru 1099/2009, jista’ xorta jkollhom garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali għall-qatla magħmula waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju. Peress li hija ċelebrazzjoni li ssir biss darba fis-sena u fid‑dawl tal-fatt li l-annimali maqtula waqt din iċ-ċelebrazzjoni ma humiex, bħala regola, intiżi sabiex jibqgħu fit-tul fil-postijiet tal-qatla, l-istabbiliment ta’ tali biċċeriji approvati ma jidhirlix li huwa rekwiżit realment rilevanti. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet li l-istabbilimenti għandhom jissodisfaw, skont b’mod partikolari r-Regolament Nru 853/2004, ġew ikkonċepiti għal stabbilimenti intiżi għas-suq ta’ kuljum tal-offerta u tad‑domanda.

119.

Barra minn hekk, fil-kuntest speċifiku taż-żieda fid-domanda ta’ qatla, bħal dik irreġistrata waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, tista’ wkoll tqum il-mistoqsija jekk il-fatt li tiġi awtorizzata qatla f’postijiet temporanji li jissodisfaw regoli sanitarji speċifiċi, mingħajr madankollu ma jissodisfaw id-definizzjoni ta’ biċċeriji approvati skont l‑Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, jistax jissodisfa wkoll b’mod aħjar il-preokkupazzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali. Il-ħolqien ta’ tali postijiet jista’, filwaqt li jiżblokka s-sitwazzjoni tal-postijiet ta’ qatla approvati, jikkontribwixxi sabiex il-qatla ssir in fine fl-aħjar kundizzjonijiet għall‑annimal mill-perspettiva tal-istress subit.

2) Fuq il-proporzjonalità ta’ limitazzjoni għal-libertà reliġjuża fid‑dawl tal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali

120.

Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad‑drittijiet u libertajiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tkun proporzjonata.

121.

Il-limitazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri dik li tirriżulta mill-obbligu previst fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 li jintużaw biċċeriji approvati, jiġifieri stabbilimenti li jissodisfaw ir‑rekwiżiti previsti bir-Regolament Nru 853/2004, mingħajr dubju tirriżulta mil-liġi.

122.

Għall-kuntrarju u fil-każ li jkollu jiġi deċiż li teżisti limitazzjoni tal-libertà reliġjuża u li din il-limitazzjoni hija ġġustifikata, niddubita li tali limitazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata għall-għan li għandu jiġi segwit.

123.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq, filwaqt li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din tal-aħħar ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal‑għanijiet previsti ( 50 ), u li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva ( 51 ).

124.

Issa, jiena tal-opinjoni li l-obbligu li l-qatla ssir f’biċċerija approvata jista’ jmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ għat‑twettiq tal-għan tal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali meta hemm inkwistjoni l-qatla ta’ annimal sabiex isir rit reliġjuż f’perijodu speċifiku ferm tas-sena.

125.

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Anness III tar‑Regolament Nru 853/2004 jipprevedi numru ta’ rekwiżiti li l-biċċeriji għandhom jissodisfaw sabiex jiġu approvati skont dan ir‑regolament.

126.

Madankollu, huwa permissibbli li jiġi mistoqsi jekk, fil-preżenza ta’ limitazzjoni tal-libertà reliġjuża, l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti kollha hijiex imposta fil-kuntest partikolari ferm taż-żieda fid-domanda ta’ qatla fi żmien il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

127.

B’hekk u mingħajr ma nippretendi li nkun eżawrjenti, jidher li ċerti regoli previsti fl-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004, bħar‑rekwiżiti strutturali li għandu jkollhom b’mod partikolari l-impjanti tat‑tqattigħ jew l-impjanti tal-ħażna fil-kesħa tal-laħam, jistgħu jkunu superfluwi sabiex jilqgħu għaż-żieda fid-domanda ta’ qatla bil-forma ritwali rreġistrata fl‑okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju fir-rigward ta’ stabbilimenti li ma jintużawx ħlief darba fis-sena u li fihom il-laħam jingħata, bħala regola, direttament lill-konsumatur finali.

128.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fil-każ li jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jillimitaw il-libertà reliġjuża, jiena tal-opinjoni li ċertament teżisti soluzzjoni inqas vinkolanti minn dik li tobbliga li jintużaw biċċeriji approvati waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

b)   Libertà reliġjuża u l-protezzjoni tas-sigurtà tal-ikel u tas-saħħa pubblika

129.

Fil-każ li jiġi kkonstatat li r-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009 tikkostitwixxi limitazzjoni għal-libertà tar-reliġjon, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk din tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u s-saħħa tal-bniedem.

130.

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 853/2004, li għalih jirreferi r‑Regolament Nru 1099/2009, qabel xejn għandu l-għan tas-sigurtà tal‑ikel li, in fine, huwa intiż sabiex jipproteġi b’mod dirett is-saħħa tal‑bniedem.

131.

Madankollu u bi tkomplija ma’ dak li indikajt preċedentement, il‑projbizzjoni totali ta’ qatla mhux fil-biċċeriji approvati skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 tista’ ma tidhirx rilevanti biżżejjed mill-perspettiva tas-sigurtà tal-ikel u tas-saħħa pubblika sabiex tiġġustifika l-limitazzjoni għat-twettiq tal-obbligu reliġjuż li toqtol jew titlob li jinqatel annimal waqt avveniment annwali speċifiku ferm, f’dan il-każ fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

132.

Kif ikkonstatat b’mod partikolari l-Kummissjoni fir-rapport ta’ verifika tat-30 ta’ Lulju 2015, stabbilimenti temporanji ta’ qatla li jissodisfaw ċerti regoli sanitarji jistgħu xorta jagħtu garanziji biżżejjed mill-perspettiva tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà tal-ikel sabiex jissodisfaw id‑domanda sinjifikattiva iżda limitata ferm fiż-żmien meta ssir il-qatla waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

133.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, li ma jistax jiġi konkluż li l-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, għandu limitazzjoni għal-libertà reliġjuża. Madankollu u biss fil-każ li kellu jiġi kkunsidrat, għall-kuntrarju, li din il-limitazzjoni teżisti, jiena tal-opinjoni li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata minn għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali tal‑benesseri tal-annimali u tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà tal-ikel. Fi kwalunkwe każ, din il-limitazzjoni ma għandhiex, fl‑opinjoni tiegħi, tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata sabiex jiġu segwiti dawn l-għanijiet.

4.   Talba għal evalwazzjoni tal-validità u/jew talba għal interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009?

134.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tillimita d-domanda preliminari tagħha għal talba għal evalwazzjoni tal-validità tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009.

135.

Issa, kif il-Kunsill indika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kien ikun iktar utli għall-qorti tar-rinviju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1099/2009 u 853/2004, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l‑flessibbiltà offruta lill-Istati Membri fir-rigward tar-regoli li għandhom jirregolaw l-approvazzjoni tal-biċċeriji, u b’mod partikolari sabiex jiġi stabbilit sa fejn l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal dik li jista’ jkun hemm fi Stat Membru (jew f’parti minnu) fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

136.

Min-naħa tiegħi, m’iniex totalment konvint minn tali approċċ li jwassal, finalment, sabiex tinbidel ir-regola li, fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, hija ta’ applikazzjoni ġenerali, li tipprevedi li l-qatla tal‑annimali għandha ssir f’biċċeriji approvati.

137.

Jekk huwa korrett li r-Regolamenti Nri 1099/2009 u 853/2004 jintroduċu xi elementi ta’ flessibbiltà, inkwantu jipprevedu mhux biss ċerti derogi mill-obbligu li jindirizzaw għal xi biċċeriji approvati, iżda wkoll derogi mill-osservanza ta’ ċerti regolamenti tekniċi imposti fuq il-postijiet ta’ qatla ( 52 ) b’mod partikolari għall-“biċċeriji ambulanti” u l-“biċċeriji żgħar” li jbigħu b’mod dirett ( 53 ), niddubita jekk nistgħux, f’din il-kawża, nistabbilixxu, b’mod preċiż u irrispettivament minn eżami ddettaljat tar‑rekwiżiti kollha li jirriżultaw minn dawn ir-regolamenti, iċ‑ċirkustanzi li jiġġustifikaw li wieħed jidderoga mir-rekwiżiti strutturali imposti fuq il-postijiet ta’ qatla, rekwiżiti li għandhom importanza kbira fil‑formulazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.

138.

F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li dan il-każ jirrigwarda problema ta’ natura temporanja, problema li, skont kif fhimt jien mill‑proċess, jidher li minn dakinhar ’l hawn ġiet riżolta.

139.

B’mod iktar fundamentali, jidher li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom l-għan fir-realtà li jitolbu flessibbiltà tar-regoli u tar‑rekwiżiti sanitarji fis-settur tal-ikel li joriġina mill-annimali, għaliex ma jridux jassumu l-ispejjeż li l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti ġġib magħha.

140.

F’tali kuntest, li tipprova telabora l-linji ġenerali interpretattivi li, finalment, jistgħu jikkompromettu r-regoli stabbiliti bi preċiżjoni fil‑leġiżlazzjoni preżentement applikabbli fil-qasam tal-qatla tal‑annimali, ma jidhirx li huwa opportun.

IV. Konklużjoni

141.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula min‑Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju) bil-mod segwenti:

L-eżami tad-domanda preliminari ma juri l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009, tal‑24 ta’ Settembru 2009, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla, fid-dawl tad-dritt tal-libertà tar-reliġjon kif stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kif ikkunsidrat fl-Artikolu 13 TFUE fir-rigward tal-benesseri tal-annimali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Novembru 1974, dwar l-isturdament tal-annimali qabel il-qtil tagħhom (ĠU 1974, L 316 p. 10). L-espożizzjoni tal-motivi ta’ din id‑direttiva kienet tindika b’mod partikolari li “hemm lok li tiġi ġġeneralizzata l‑prattika tal-isturdament permezz ta’ mezzi rrikonoxxuti adattati [u] madankollu li għandhom jiġu kkunsidrati karatteristiċi partikolari għal ċerti riti reliġjużi”.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2009, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU 2009, L 303, p. 1). Il-premessa 18 ta’ dan ir-regolament tindika li: “Minħabba li d-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli għall-qatla għal raġunijiet reliġjużi ġew trasposti b’mod differenti skont il-kuntesti nazzjonali, u meta wieħed jikkunsidra li r-regoli nazzjonali jieħdu kont tad-dimensjonijiet li jmorru lil hinn mill-għan ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li tinżamm id-deroga mill‑isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru. Bħala konsegwenza, ir-Regolament attwali jirrispetta l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li r-reliġjon jew twemmin jiġi manifestat fil‑qima, tagħlim, prattika u osservanza, kif iddikjarat fl-Artikolu 10 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.”

( 4 ) Għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni applikabbli preċedentement ma kinitx tipprevedi kriterji ddettaljati għall-approvazzjoni tal-biċċeriji, b’tali mod li l-Istati Membri kellhom marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jistabbilixxu l-istabbilimenti, possibbilment temporanji, li jistgħu jkunu approvati bħala stabbilimenti assimilabbli għal biċċeriji [ara b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE, tat‑22 ta’ Diċembru 1993, dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 421), kif emendata].

( 5 ) Imsejħa wkoll bħala l-Festa l-Kbira (Aïd-el-Kebir), din il-festa tiċċelebra l-forza tal‑fidi ta’ Ibrahim (Abraham fit-tradizzjoni Biblika), issimbolizzata bl-episodju fejn jaċċetta li jissagrifika, fuq ordni ta’ Alla, l-uniku tifel tiegħu Ismaël (Iżakk fit-tradizzjoni Biblika). Wara li aċċetta l-ordni divina, Alla jibgħat l-arkanġlu Jibril (Gabrijel) li, fl-aħħar mument, jissostitwixxi lit-tifel b’muntun bħala offerta tas-sagrifiċċju. Huwa b’tifkira ta’ din id-devozzjoni ta’ Ibrahim lejn Alla tiegħu li kull familja Musulmana tissagrifika annimal skont ċerti regoli.

( 6 ) Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2)(c) tar-Regolament Nru 1099/2009, ċerti Stati Membri ma jawtorizzawx il-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament. B’hekk, sa fejn naf jien, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tas-Slovenja jew anki r-Renju tal-Isvezja ma jippermettux il-qatla ta’ annimali ħlief bi sturdament minn qabel. Iktar reċenti, jidhirli li intlaħaq qbil politiku fir-Reġjuni Fjamming u tal-Wallonia sabiex tiġi pprojbita l-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament mill-2019 ’il quddiem.

( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14.

( 8 ) F’data mhux fissa li tibda mis-sebgħin jum wara t-tmiem tax-xahar Iżlamiku tar‑Ramadan.

( 9 ) Fit-tradizzjoni Musulmana, waqt il-festa tas-sagrifiċċji, huwa possibbli li l-Musulmani jagħżlu l-annimali li jistgħu jiġu ssagrifikati. Dawn jistgħu jkunu annimali ovini (nagħġa maskili, nagħġa femminili jew muntun), bovini (baqra, barri jew għoġol) jew kaprini (mogħża femminili jew mogħża maskili).

( 10 ) Skont ix-xogħlijiet preparatorji tal-liġi li temenda tal-1995, din l-aħħar possibbiltà kienet motivata mill-insuffiċjenza tal-kapaċità ta’ diversi biċċeriji f’ċerti perijodi.

( 11 ) F’dan il-kuntest, kienu r-rappreżentanti tal-komunità Musulmana li kellhom jevalwaw il-kapaċitajiet ta’ qatla ta’ żona ġeografika speċifika u jinformaw b’dan lill‑amministrazzjoni muniċipali kkonċernata.

( 12 ) F’dan il-kuntest, il-ministru kkonċernat irrefera b’mod partikolari għal rapport finali, ippubblikat fit-30 ta’ Lulju 2015, dwar verifika li saret mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea fil-Belġju mill-24 ta’ Novembru sat-3 ta’ Diċembru 2014 sabiex jiġu evalwati l-kontrolli relatati mal-benesseri tal-annimali waqt il-qatla u l‑operazzjonijiet relatati [DG(SANTE) 2014-7059– RM] (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ verifika tat-30 ta’ Lulju 2015”). Dan ir-rapport kien jindika, b’mod partikolari, li “il-qtil ta’ annimali mingħajr sturdament għal riti reliġjużi mhux f’biċċerija ma josservax ir-Regolament”.

( 13 ) Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 1(3)(a)(iii) tar-Regolament Nru 1099/2009 li jeskludi l-applikabbiltà ta’ dan tal-aħħar meta l-annimali jinqatlu waqt “avvenimenti kulturali jew sportivi”. Konformement mal-Artikolu 2(h) ta’ dan ir‑regolament, dawn huma avvenimenti li essenzjalment u b’mod predominanti huma relatati ma’ tradizzjonijiet kulturali jew attivitajiet sportivi li ilhom stabbiliti, fejn ma hemm l-ebda produzzjoni ta’ laħam jew prodotti ta’ annimali oħra, jew fejn dik il-produzzjoni hija marġinali meta mqabbla mal-avveniment fih innifsu u ma hijiex ekonomikament sinjifikattiva.

( 14 ) Mill-proċess jirriżulta li dawn il-postijiet ta’ qatla temporanji kienu jammontaw għal 59. Kienu biss tnejn minnhom li ġew mibdula f’biċċerija fl-2015 u tlieta minnhom fl-2016.

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 25).

( 16 ) Dan it-terminu jfisser il-leġiżlazzjoni kollha Ewropea relatata mal-iġjene tal-ikel, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006, bil-għan li tissemplifika u li tarmonizza t-testi applikabbli fl-Unjoni.

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 31).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari f’dan ir-rigward, l-argument tar-Reġjun Fjamming li jindika li l-kwistjoni tirrigwarda ċirkustanza purament nazzjonali, jiġifieri l-allegata insuffiċjenza tal-kapaċità ta’ qatla tal-biċċeriji approvati f’reġjun partikolari f’perijodu speċifiku ferm. Ara wkoll l-osservazzjonijiet tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li jindika li l-possibbiltà li tiġi żgurata tali disponibbiltà ta’ laħam halal hija oneru tal-Istati Membri u ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1099/2009 u 853/2004.

( 19 ) Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105 punt 44), tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 45), u tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) GAIA tirreferi b’mod partikolari għal studju tal-Università ta’ Bristol, li minnu jirriżulta li 95 % ta’ għorrief Musulmani jaqblu dwar il-fatt li sturdament li ma jwassalx għall-mewt tal-annimal li għandu jinqatel huwa halal [ara Fuseini, A., et“The Perception and Acceptability of Pre-Slaughter and Post-Slaughter Stunning for Halal Production: the Views of UK Islamic Scholars and Halal Consumers”, Meat Science, Nru 123, 2017, p. 143 sa 153].

( 23 ) Ċerti pajjiżi Musulmani, bħall-Ġordan jew il-Malasja, jippermettu sturdament waqt il‑qatla bil-forma ritwali, bil-kundizzjoni li jkun riversibbli, jiġifieri li ma jipprovokax il-mewt tal-annimal. Barra minn hekk, spiss jissemma l-każ tan-New Zealand (dan huwa l-ikbar produttur tal-laħam tan-nagħaġ), li jesporta lejn pajjiżi Musulmani laħam li jiġi minn qatla ta’ annimali bl-isturdament.

( 24 ) Kif iddeċidiet il-Qorti EDB fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2013 (Vartic vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2013:1217JUD001415008, § 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-obbligu ta’ newtralità jipprekludi lill-awtoritajiet pubbliċi milli jevalwaw il-validità u l-leġittimità tat-twemmin reliġjuż u tal-modalitajiet ta’ espressjoni tagħhom.

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB, tas-27 ta’ Ġunju 2000, Cha’are Shalom Ve Tsedek vs Franza (CE:ECHR:2000:0627JUD002741795, § 73). Ara b’mod iktar globali, fir-rigward tar-regoli ta’ kondotta dwar l-ikel minħabba r-reliġjon, is-sentenza tal-Qorti EDB tas-7 ta’ Diċembru 2010, Jakóbski vs Il-Polonja (CE:ECHR:2010:1207JUD001842906), u tas-17 ta’ Diċembru 2013, Vartic vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2013:1217JUD001415008).

( 26 ) It-tlett ijiem li jsegwu ċ-ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju huma msejħa l-ġranet ta’ nuqqas ta’ sawm fit-tradizzjoni Musulmana (Tachriq). F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, GAIA tat deskrizzjoni ta’ diversi prattiċi eżistenti dwar is-suġġett.

( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni tar‑Regolament “iġjene” [COM(2000) 438 finali, p. 10], ikkonkretizzata bl‑adozzjoni tar-Regolament Nru 853/2004, li jenfasizza l-interess kbir li jintużaw biċċeriji approvati abbażi ta’ regoli ta’ iġjene stretti.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 853/2004.

( 29 ) Ara l-premessa 4 tar-Regolament Nru 853/2004.

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 9 tar-Regolament Nru 853/2004.

( 31 ) Ara l-premessa 18 tar-Regolament Nru 853/2004, li tipprevedi li “l-ħtiġiet strutturali u iġjeniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għal kull tip ta’ stabbiliment, inklużi negozji żgħar u biċċeriji ambulanti”.

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 19 tar-Regolament Nru 853/2004. Din il‑premessa tipprevedi li l-proċedura li tippermetti lill-Istati Membri li jkunu flessibbli għandha tkun trasparenti u għandha, meta jkun meħtieġ sabiex tirregola xi nuqqas ta’ qbil, tipprevedi diskussjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

( 33 ) F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għar-rapport ta’ verifika tat-30 ta’ Lulju 2015. Dan ir-rapport kien jindika, fil-fatt, li “il-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament għal riti reliġjużi mhux f’biċċerija ma tosservax ir‑regolament”, u dan minkejja li l-awtorità ċentrali kompetenti “għamlet sforzi kbar sabiex l-istess kundizzjonijiet fil-qasam tal-benesseri tal-annimali jiġu osservati matul il-festi reliġjużi f’postijiet approvati”.

( 34 ) F’dan il-kuntest il-Kummissjoni ssemmi l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB [ara, b’mod partikolari, Qorti EDB tat-3 ta’ Diċembru 2009, Skugar et vs Ir-Russja (CE:ECHR:2009:1203DEC004001004)], dwar l-użu ta’ numru ta’ identifikazzjoni fiskali.

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tat-30 ta’ Ġunju 2011, Association des Témoins de Jéhovah vs Franza (CE:ECHR:2011:0630JUD000891605, § 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tipprevedi li “il-libertà tar-reliġjon bl-ebda mod ma timplika li l-Knejjes jew il-fidili tagħhom għandu jkollhom status fiskali differenti minn dak ta’ persuni taxxabbli oħrajn”.

( 36 ) Diversi intervenjenti, b’mod partikolari r-Reġjun Fjamming, indikaw li din l‑insuffiċjenza ta’ postijiet ta’ qatla ma kinitx ġiet ipprovata f’dan il-każ.

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 29).

( 38 ) U dan minkejja l-possibbiltà għall-Istati membri li jadottaw, bis-saħħa tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, “regoli nazzjonali mmirati biex tiġi żgurata l-protezzjoni aktar estensiva tal-annimali waqt il-qatla minn dawk li jinsabu f’dan ir-Regolament”. Infakkar li l-premessa 18 ta’ dan ir-regolament tindika li “huwa importanti li tinżamm id-deroga mill-isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru”.

( 39 ) Enfasi miżjud minni.

( 40 ) Ara l-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit, li jindika li huwa xjentifikament ipprovat li l-isturdament tal-annimali sabiex jintilfu minn sensihom fil-mument tal‑qatla tagħhom huwa metodu effikaċi sabiex inaqqas is-sofferenza tal-annimali. Fl‑istess sens, il-Gvern Estonjan irrefera għal studju intitolat “Report on Good and Adverse Practices – Animal Welfare Concerns in Relation to Slaughter Practices from the Viewpoint of Veterinary Sciences”, magħmul fil-kuntest ta’ proġett Ewropew DIALREL (“Encouraging Dialogue on issues of Religious Slaughter”) u disponibbli fl-indirizz segwenti: http://www.dialrel.eu/dialrel-results/veterinary-concerns.html.

( 41 ) Qed nieħu kważi kelma b’kelma l-konklużjonijiet ta’ rapport magħmul f’isem il-kummissjoni ta’ investigazzjoni tal-Assemblea nazzjonali Franċiża tal-20 ta’ Settembru 2016 dwar il-kundizzjonijiet tal-qatla tal‑annimali għall-ikel fil-biċċeriji Franċiżi (http://www2.assemblee-nationale.fr/14/autres-commissions/commissions-d-enquete/conditions-d-abattage-des-animaux-de-boucherie-dans-les-abattoirs-francais/).

( 42 ) F’dan il-kuntest, jidhirli interessanti li jiġi rrilevat li huwa preċiżament għan-nom tar-rispett lejn l-annimali u tal-importanza mogħtija għall-benesseri tagħhom li l-att tal-qatla tal-annimali huwa, fit-tradizzjonijiet Lhudija u Musulmani, ritwalizzat.

( 43 ) L-assoċjazzjonijiet li jiddefendu l-kawża tal-annimali regolarment ifakkru fil‑kundizzjonijiet kritikabbli ferm li fihom issir il-qatla fil-biċċeriji anki jekk approvati. Fir-rapport imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, ir-relatur jikkonstata “it-tentazzjoni minn ċerti atturi fis-settur li jużaw il-kwistjonijiet imqajma bil-qatla bil-forma ritwali sabiex jintnesew id-diffikultajiet, serji ferm […] li għandha l-qatla tradizzjonali fir-rigward tal-benesseri tal-annimali”.

( 44 ) Kif tipprevedi l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1099/2009 “[i]l-qtil tal-annimali jista’ jwassal għal uġigħ, stress, biża’ jew forom oħra ta’ tbatija għall-annimali anke fl-aħjar kondizzjonijiet tekniċi disponibbli. Ċerti operazzjonijiet marbuta mal-qatla jistgħu jikkawżaw stress u kwalunkwe teknika ta’ sturdament tippreżenta ċerti żvantaġġi”.

( 45 ) Waqt ir-riċerki tiegħi, stajt nirrileva li, minkejja li r-regola ġenerali applikabbli llum hija dik li l-qatla għandha ssir f’biċċeriji approvati, numru sostanzjali ta’ persuni li jrabbu u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-annimali huma favur l-idea li l-qatla li ssir kemm jista’ jkun qrib l-irziezet fejn ikunu trabbew l-annimali hija ċertament is-soluzzjoni l-iktar adattata mill-perspettiva tal-benesseri tal-annimali.

( 46 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK (C‑37/06 u C‑58/06, EU:C:2008:18, punti 2223, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); tad-19 ta’ Ġunju 2008, Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel (C‑219/07, EU:C:2008:353, punt 27), u tat-23 ta’ April 2015, Zuchtvieh‑Export (C‑424/13, EU:C:2015:259, punt 35).

( 47 ) ĠU 1997, C 340, p. 110.

( 48 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Zuchtvieh-Export (C‑424/13, EU:C:2015:259, punt 35).

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tas-27 ta’ Ġunju 2000, Cha’are Shalom Ve Tsedek vs Franza (CE:ECHR:2000:0627JUD002741795, § 77).

( 50 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 54).

( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 29), u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 48).

( 52 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(3) sa (8) tar-Regolament Nru 853/2004.

( 53 ) Ara l-premessi 40 u 47 tar-Regolament Nru 1099/2009.

Sus