This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CC0425
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 20 June 2017.#Hansruedi Raimund v Michaela Aigner.#Request for a preliminary ruling from the Oberster Gerichtshof.#Reference for a preliminary ruling — Intellectual and industrial property — EU trade mark — Regulation (EC) No 207/2009 — Article 96(a) — Infringement proceedings — Article 99(1) — Presumption of validity — Article 100 — Counterclaim for a declaration of invalidity — Relationship between an action for infringement and a counterclaim for a declaration of invalidity — Procedural autonomy.#Case C-425/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-20 ta’ Ġunju 2017.
Hansruedi Raimund vs Michaela Aigner.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 96(a) – Azzjoni għal vjolazzjoni – Artikolu 99(1) – Preżunzjoni ta’ validità – Artikolu 100 – Kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Relazzjoni bejn azzjoni għal vjolazzjoni u kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Awtonomija proċedurali.
Kawża C-425/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-20 ta’ Ġunju 2017.
Hansruedi Raimund vs Michaela Aigner.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 96(a) – Azzjoni għal vjolazzjoni – Artikolu 99(1) – Preżunzjoni ta’ validità – Artikolu 100 – Kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Relazzjoni bejn azzjoni għal vjolazzjoni u kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Awtonomija proċedurali.
Kawża C-425/16.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:479
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fl-20 ta’ Ġunju 2017 ( 1 )
Kawża C‑425/16
Hansruedi Raimund
vs
Michaela Aigner
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, l-Awstrija)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali u industrijali — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Relazzjoni bejn azzjoni kontra vjolazzjoni u kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”
1. |
Il-kawża li tat lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tinvolvi żewġ negozjanti ta’ prodotti (preparazzjonijiet erbali sabiex jiġu miżjuda ma’ alkoħol ta’ gradazzjoni għolja) simili, jekk mhux identiċi, bl-istess isem, “Baucherlwärmer”. Barra minn hekk, wieħed minnhom huwa protett minn trade mark tal-Unjoni, irreġistrata fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) ( 2 ). |
2. |
Il-proprjetarju ta’ dan is-sinjal distintiv (Hansruedi Raimund) ippreżenta azzjoni kontra vjolazzjoni tat-trade mark tiegħu, meta nduna li Michaela Aigner, li kienet tbigħ il-prodotti tagħha bl-istess isem, kienet qed tippreġudika d-drittijiet inerenti fil-protezzjoni tat-trade mark irreġistrata. |
3. |
M. Aigner ikkontestat din it-talba billi ressqet eċċezzjoni ( 3 ) għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark u, sentejn wara ( 4 ), ippreżentat kontrotalba. Fiż-żewġ każijiet hija akkużat lil H. Raimund talli talab ir-reġistrazzjoni tas-sinjal “Baucherlwärmer”in mala fede, peress li hija kienet użat dak is-sinjal qabel ma hu kiseb id-dritt għall- proprjetà industrijali. |
4. |
It-tilwima ġġenerat żewġ proċeduri li nstemgħu, fl-ewwel istanza, mill-qorti Awstrijaka tat-trade marks tal-Unjoni (Handelsgericht Wien, qorti kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) u, fl-appell, mill-Oberlandesgericht Wien (qorti superjuri reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija). Filwaqt li l-kontrotalba għadha pendenti fl-ewwel istanza, fil-proċeduri minħabba l-vjolazzjoni tat-trade mark ingħataw sentenzi fl-ewwel istanza u fl-appell. Fuq din tal-aħħar għandha tiddeċiedi, fil-kassazzjoni, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, l-Awstrija). |
5. |
L-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) għandha tiddeċiedi, speċifikament, jekk is-sentenza tal-proċedura minħabba vjolazzjoni tat-trade mark setgħetx tingħata b’mod validu qabel tkun ingħatat deċiżjoni dwar il-kontrotalba. Għaldaqstant, sabiex tiċċara d-dubji tagħha, hija għamlet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddeċiedi dwar il-portata tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 5 ) fid-dawl ta’ żewġ fatturi importanti: a) il-preżunzjoni ta’ validità tat-trade marks tal-Unjoni; u b) l-interazzjoni bejn l-azzjonijiet kontra vjolazzjoni ta’ dawn it-trade marks u kwalunkwe kontrotalbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li l-konvenuti jistgħu jinvokaw kontra dawk tal-ewwel. |
I. Il-kuntest ġuridiku: ir-Regolament Nru 207/2009
6. |
Skont il-premessa 16 tiegħu: “Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għandhom ikollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, li huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u tal-Uffiċċju u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks [tal-Unjoni] ma jiġix imxejjen. […]” |
7. |
Il-premessa 17 tiddikjara li: “Deċiżjonijiet kontradittorji għandom jiġu evitati f’azzjonijiet li jinvolvu l-istess għemil u l-istess partijiet u li jirrigwardaw trade marks [tal-Unjoni] u trade marks nazzjonali paralleli.[…]” |
8. |
Fost ir-regoli ġenerali tat-Titolu I, l-Artikolu 1(2) jipprovdi:
|
9. |
Fit-Titolu VI, iddedikat għaċ-ċessjoni, ir-revoka u l-invalidità, it-Taqsima 3 tirregola r-raġunijiet għal invalidità tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 52 tiegħu jipprovdi r-raġunijiet assoluti ta’ invalidità, għal dak li jirrigwarda din il-kawża, fit-termini li ġejjin:
|
10. |
L-Artikolu 53 jirreferi għar-raġunijiet relattivi ta’ invalidità, għal dak li jirrigwarda din il-kawża, bil-mod segwenti:
|
11. |
It-Titolu X (“Il-ġurisdizzjoni u l-proċedura f’kawżi li jirrigwardaw trade marks komunitarji”) jinkludi fit-Taqsima 2 tiegħu, li tirrigwarda t-tilwim li jirrigwarda l-vjolazzjoni u l-validità ta’ trade marks tal-Unjoni, l-Artikolu 95 li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:
|
12. |
Skont l-Artikolu 96 (“Il-ġurisdizzjoni fuq vjolazzjoni u validità”): “Il-qrati tat-trade mark [tal-Unjoni] għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:
[…]
|
13. |
L-Artikolu 99 (“Il-preżunzjoni ta’ validità – Id-difiża fir-rigward tal-merti”) jistabbilixxi:
|
14. |
L-Artikolu 100 jipprovdi:
|
15. |
Għal każijiet fejn hemm konnessjoni tal-kawżi bejn il-qrati, jew bejn qorti tat-trade marks tal-Unjoni u l-EUIPO, l-Artikolu 104 jipprovdi:
|
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari
A. Il-fatti ( 7 )
16. |
Fis-snin tmenin u disgħin tal-aħħar seklu, missier M. Aigner kien involut fil-kummerċ, fost prodotti oħra, ta’ ħxejjex aromatiċi u preparazzjonijiet ta’ ħwawar u ħxejjex aromatiċi, li kien joffri fl-istabbiliment tiegħu, kif ukoll, b’mod itineranti, f’fieri, fi swieq u fit-toroq. |
17. |
Fis-sena 2000, M. Aigner ħadet f’idejha n-negozju tal-missier taħt l-isem kummerċjali “Kräuter Paul” (“Erboristerija Paul”) u tbigħ, b’mod partikolari, taħlita ta’ ħxejjex aromatiċi għall-maċerazzjoni tagħhom f’alkoħol ta’ grad għoli, bl-isem “Baucherlwärmer” ( 8 ). |
18. |
H. Raimund ħadem ma’ missier M. Aigner sal-1998, meta mbagħad sar kompetitur tiegħu. Taħt l-isem kummerċjali “Bergmeister”, huwa jbigħ preparazzjoni bbażata fuq ħwawar li, bejn wieħed u ieħor mis-sena 2000, iġġib ukoll l-isem ta’ “Baucherlwärmer”, għall-istess użu u bl-istess proprjetajiet u effetti bħall-kompetitur tiegħu. |
19. |
Fit-28 ta’ April 2006, bil-għan li jiżgura l-esklużività tad-drittijiet fuq din it-trade mark, H. Raimund kiseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark (verbali) tal-Unjoni “Baucherlwärmer”, għall-klassijiet 5, 29, 30 u 33 tal-Ftehim ta’ Nice ( 9 ), bi prijorità mis-17 ta’ Mejju 2005, id-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. |
20. |
Skont H. Raimund, matul fiera f’Waldviertel (Niederösterreich) u swieq oħra fir-reġjun ta’ Oberösterreich u f’Salzburg, f’Lulju 2006, huwa nnota li M. Aigner offriet u biegħet il-prodott tagħha bl-isem ta’ “Baucherlwärmer”. |
21. |
Billi qies li M. Aigner kisret id-drittijiet tiegħu li rriżultaw mit-trade mark tal-Unjoni, H. Raimund ħarrikha, għal vjolazzjoni ta’ trade mark, quddiem il-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna), li sservi f’dak il-pajjiż bħala qorti tat-trade marks tal-Unjoni fl-ewwel istanza. |
B. L-istorja proċedurali tal-kawża
22. |
Fil-proċedimenti ta’ vjolazzjoni tad-dritt tat-trade mark tiegħu, H. Raimund talab li M. Aigner tiġi kkundannata: i) tieqaf tuża s-sinjal “Baucherlwärmer” għall-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet imsemmija (azzjoni ta’ inibizzjoni); ii) tneħħi mill-kummerċ kull prodott jew att li ta lok għal vjolazzjoni tad-dritt tat-trade mark (azzjoni ta’ tneħħija) ( 10 ); u iii) tippubblika d-deċiżjoni (azzjoni ta’ tixrid). |
23. |
Fid-difiża tagħha, M. Aigner argumentat, inter alia, li H. Raimund kien kiseb it-trade mark tal-Unjoni Ewropea in mala fede u bi ksur tal-prinċipji aċċettati tal-moralità. Dawn l-istess argumenti servewha sabiex, xi żmien wara, tressaq kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark irreġistrata minn H. Raimund. |
24. |
Fl-ewwel istanza, il-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna) issospendiet il-proċeduri fuq il-kontrotalba, sakemm il-proċedura dwar il-vjolazzjoni ssir res judicata. |
25. |
Madankollu, is-sospensjoni ġiet irrevokata mill-Oberlandesgericht Wien (qorti superjuri reġjonali ta’ Vjenna) wara l-appell rispettiv, sabiex il-kontrotalba għadha pendenti fl-ewwel istanza ( 11 ), mingħajr ma ngħatat deċiżjoni sal-lum. Il-proċedimenti ta’ vjolazzjoni, madankollu, ġew miċħuda mill-qorti tal-ewwel istanza permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2015, minħabba l-mala fede ta’ H. Raimund meta huwa applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, kif oġġezzjonat M. Aigner. |
26. |
Il-qorti tal-appell ikkonfermat is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ottubru 2015. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li, fil-kawżi dwar vjolazzjoni tat-trade mark, il-konvenut jista’ jopponi l-mala fede tal-propjetarju (f’dan il-każ, l-applikant) ta’ dak is-sinjal, jekk dan l-istess konvenut jikkontesta l-validità tat-trade mark irreġistrata permezz ta’ kontrotalba, u minkejja li din tal-aħħar tkun għadha ma ġietx deċiża. Għalhekk, ikun ġie ssodisfatt ir-rekwiżit tal-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
27. |
Skont il-qorti tal-appell, meta H. Raimund applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark diġà kien ilu jaf għal żmien twil li M. Aigner, u missierha qabilha, kienu jużaw is-sinjal “Baucherlwärmer” għal prodott simili ħafna għal dak tiegħu. Permezz tal-applikazzjoni tiegħu, H. Raimund kellu l-intenzjoni li jimpedixxi li M. Aigner tkompli tuża dak is-sinjal. |
28. |
L-Oberlandesgericht Wien (qorti superjuri reġjonali ta’ Vjenna) ikkonfermat, fil-qosor, li t-trade mark irreġistrata minn H. Raimund kienet invalida skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba l-mala fede fl-applikazzjoni tiegħu. Konsegwentement, it-trade mark ma setgħetx tiġi invokata kontra M. Aigner. |
29. |
L-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) għandha tagħti deċiżjoni dwar l-appell mis-sentenza tal-qorti tal-appell, jiġifieri, dik mogħtija fil-proċedimenti ta’ vjolazzjoni tad-dritt tat-trade mark. Il-proprjetarju ta’ din tal-aħħar, H. Raimund, jallega, quddiem il-qorti suprema, li fil-proċedimenti ta’ vjolazzjoni tat-trade mark il-qrati inferjuri ma setgħux isolvu l-eċċezzjoni tal-mala fede, mingħajr ma qabel ikunu ngħaqdu ż-żewġ kawżi flimkien (il-proċedimenti ta’ vjolazzjoni u l-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità), jew qabel ma tkun ingħatat sentenza definittiva fil-proċedura li tirrigwarda l-kontrotalba. |
30. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont l-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-eċċezzjoni ta’ invalidità tista’ tintlaqa’ biss jekk il-konvenut fil-proċedimenti ta’ vjolazzjoni jkun “ikkontesta l-validità” tat-trade mark permezz ta’ kontrotalba. F’interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni, hija tiddikjara li, ir-rekwiżit meħtieġ jintlaħaq sempliċement billi ssir il-kontrotalba. Jekk wieħed iqis, min-naħa l-oħra, l-għan tad-dispożizzjoni, jeħtieġ li jiġi nnotat li din tipprova tevita d-differenzi bejn is-sitwazzjonijiet legali inter partes, li jirriżultaw mill-proċedimenti ta’vjolazzjoni, u dawk inerenti fl-effettività erga omnes innifisha tas-sentenza li tiddikjara l-invalidità tat-trade mark permezz ta’ kontrotalba. |
31. |
Għall-qorti a quo, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi bħala prinċipju li proċedimenti ta’ vjolazzjoni tista’ tiġi miċħuda biss permezz tal-eżistenza ta’ każ ta’ invalidità tat-trade mark debitament ikkonstatata, b’effett erga omnes, fid-dritt intern tagħha ma huwiex eżattament hekk. Ir-regolamentazzjoni tal-proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ trade marks nazzjonali, minn naħa, ma tipprevedix dikjarazzjoni erga omnes tal-invalidità tagħhom wara li tkun saret kontrotalba ( 12 ). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ rikors għall-vjolazzjoni ta’ dik l-istess trade mark nazzjonali, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun possibbli biss bħala “kwistjoni preliminari” b’sempliċi effetti inter partes. |
32. |
Fil-qasam tat-trade marks tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jiġi żgurat li l-eċċezzjoni ta’ invalidità invokata fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni tkun tista’ tiġi milqugħa, din it-trade mark għandha tkun ġiet iddikjarata invalida simultanjament fi proċedimenti. |
33. |
L-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) elenkat fil-qosor f’dawn it-termini t-tliet għażliet —u d-dubji relatati— li qed taffaċċja:
|
34. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-argumenti prinċipali tal-partijiet
A. Proċedura
35. |
Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Awwissu 2016. |
36. |
Iż-żewġ partijiet fil-kawżi prinċipali ressqu osservazzjonijiet bil-miktub. |
37. |
Ma ġiex meqjus essenzjali li ssir seduta, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
B. Sinteżi tal-osservazzjonijiet ippreżentati
38. |
Mit-tliet għażliet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, H. Raimund jissottoskrivi ma’ dik tal-aħħar, jiġifieri, il-ħtieġa li tkun teżisti dikjarazzjoni finali ta’ invalidità, permezz ta’ kontrotalba (jew, possibbilment, mill-awtorità amministrattiva), sabiex jiġu miċħuda fuq il-mertu l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni tat-trade mark. |
39. |
Huwa jibbaża r-rifjut tiegħu tal-ewwel għażla [favorevoli mal-argument li s-sempliċi tressiq tal-kontrotalba huwa biżżejjed sabiex ikun hemm konformità mal-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009] fuq in-natura irrikonċiljabbli tiegħu mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Huwa, għalhekk, jaqbel mal-qorti tar-rinviju li s-sistema tar-Regolament Nru 207/2009, fid-dawl ukoll tal-Artikolu 104 tiegħu, tippreferi l-kontrotalbiet mill-eċċezzjonijiet fi ħdan il-proċedimenti ta’ vjolazzjoni, meta wieħed jiġi sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ trade mark. Din il-preferenza tirriżulta min-natura erga omnes tas-sentenzi mogħtija fit-tmiem kontrotalbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, meta mqabbla mas-sempliċi valur inter partes tas-sentenzi mogħtija fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ vjolazzjoni. |
40. |
H. Raimund iqis, ukoll, li huwa inkonċepibbli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonforma lilu nnifsu mal-att formali sempliċi ta’ tressiq tal-kontrotalba. L-aċċettazzjoni ta’ dan l-argument sabiex jitqies li kien hemm konformità mal-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jċaħħad lill-Artikolu 100(7) tiegħu mill-kontenut tiegħu. |
41. |
Fir-rigward tat-tieni għażla (il-ħtieġa ta’ sentenzi simultanji fil-proċedimenti ta’ vjolazzjoni u kontrotalba), H. Raimund jeskludiha minħabba li ma tidhirx li tevita l-għoti ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti, kif irrikonoxxiet l-istess Oberster Gerichtshof (qorti suprema) fid-digriet tar-rinviju ( 14 ). |
42. |
H. Raimund, għalhekk, jiffavorixxi t-tielet għażla (li r-rikors għal vjolazzjoni ma jiġix deċiż qabel ma tkun ingħatat sentenza definittiva fil-proċedimenti ta’ kontrotalba ta’ invalidità), ġaladarba, permezz tagħha, tiġi osservata l-effettività erga omnes tas-sentenzi li jiddikjaraw l-invalidità tat-trade mark permezz ta’ kontrotalba. Huwa jinvoka raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali favur din l-interpretazzjoni. |
43. |
Min-naħa tagħha, M. Aigner tiddefendi l-ewwel għażla pprovduta mill-qorti tar-rinviju. Hija tibbaża l-opinjoni tagħha fuq l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni tirrikjedi biss li l-kontrotalba titressaq (huwa biżżejjed li tkun ġiet “ikkontestata” il-validità tat-trade mark), iżda mhux li tkun ġiet deċiża permezz ta’ sentenza, u wisq inqas li din tkun saret definittiva. |
44. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 99(3) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa possibbli li wieħed jinvoka l-invalidità tat-trade mark, minħabba mala fede tal-proprjetarju tagħha, f’każ ta’ oppożizzjoni għall-proċedimenti ta’ vjolazzjoni, peress li tali trade mark “tista’ tiġi iddikjarata invalida” meta jkun jeżisti dritt preċedenti tal-konvenut, mingħajr ma jsir ebda riferiment għal sentenza ta’ invalidità li diġà tkun saret definittiva. |
45. |
M. Aigner tenfasizza li la l-kliem u lanqas l-għan tal-imsemmi Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jappoġġjaw l-interess fil-prevenzjoni ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti fil-proċedimenti mressqa għal vjolazzjoni (b’effetti inter partes) u għal invalidità (erga omnes) tat-trade mark. Huwa d-dritt nazzjonali li għandu jsolvi din il-problema, li l-leġiżlatur tal-Unjoni diġà kien jaf u aċċetta, kif inhu muri bil-fatt li r-Regolament sussegwenti Nru 2015/2424 ma emendax id-dispożizzjonijiet rilevanti. |
46. |
Fl-aħħar nett, sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-pożizzjoni tagħha, M. Aigner tipproponi li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari fis-sens li ċ-ċaħda tar-rikors għal vjolazzjoni tat-trade mark tissupponi d-dikjarazzjoni, mill-inqas b’mod simultanju, tal-invalidità tat-trade mark permezz ta’ kontrotalba, liema fatt jirrikjedi li l-proċeduri jingħaqdu flimkien. Fil-każ kuntrarju, ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti fuq il-mertu ma jiġix eliminat. |
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
47. |
Id-dettalji ta’ din it-tilwima jistgħu jgerfxu lil dawk li huma mdorrija b’sistema ta’ prosekuzzjoni ċivili li fiha l-kontrotalba (u mhux biss il-kuntest tal-liġi dwar it-trade marks) issir fl-istess proċedimenti u quddiem l-istess imħallef jew qorti li tieħu konjizzjoni tar-rikors prinċipali, li jagħtu deċiżjoni simultanja dwar it-tnejn li huma f’sentenza waħda ( 15 ). |
48. |
Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-liġi proċedurali ċivili Awstrijaka ma ssegwix neċessarjament dawn il-linji gwida, u għalhekk inqis li għandha ssir riflessjoni li tgħin il-fehim aħjar tal-kwistjonijiet diskussi. |
49. |
Fl-ewwel lok, l-Oberster Gerichsthof (qorti suprema) tiddikjara li, skont il-Liġi ta’ Proċedura Ċivili Awstrijaka, “fil-proċedimenti ta’ vjolazzjoni qorti għandha teżamina (bħala kwistjoni preliminari) l-eċċezzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark nazzjonali, anki jekk il-konvenut ma jkunx issottometta t-talba rilevanti għall-kanċellazzjoni fl-uffiċċju tal-privattivi u t-trade marks Awstrijak (dwar it-trade marks nazzjonali ma hijiex prevista l-kontrotalba)” ( 16 ). Hija tipprovdi, madankollu, li dan ma huwiex minnu fil-każ ta’ trade marks tal-Unjoni. |
50. |
Fit-tieni lok, jekk b’kontrotalba għandu jinftiehem, b’mod ġenerali, kontrorikors ippreżentat mill-konvenut fi proċedura mressqa kontrih mir-rikorrent quddiem l-istess qorti ( 17 ), M. Aigner ma wettqitx żball, mill-perspettiva formali, meta ressqet kontrotalba fil-kawża, peress li ressqet il-kontrotalba tagħha quddiem il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni kompetenti fl-Awstrija ( 18 ). |
51. |
Fit-tielet lok, minn perspettiva oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-qorti a quo tagħmel id-domandi tagħha taħt il-preżunzjoni li r-rikors għal vjolazzjoni tat-trade mark ma jistax jiġi miċħud, f’din il-kawża, għal raġunijiet differenti minn dik tal-mala fede tal-persuna li talbitha (bħan-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti tal-partijiet fit-tilwima). Hija tassumi li, fil-każ ta’ dawn iċ-ċirkustanzi l-oħra, ma huwiex neċessarjament meħtieġ li, preċedentement, tingħata deċiżjoni dwar il-kontrotalba. |
B. Fuq l-ewwel domanda preliminari
52. |
L-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jawtorizza ċ-ċaħda ta’ rikors għal vjolazzjoni ta’ trade mark, fuq il-bażi tal-mala fede tar-rikorrent, meta l-konvenut, min-naħa tiegħu, ikun ressaq kontrotalba (ibbażata fuq l-istess mala fede) biex jikseb l-invalidità tat-trade mark, u din il-kontrotalba tkun għadha ma ġietx deċiża? Fil-qosor, din hija l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju. |
53. |
Naħseb li jkun sempliċistiku wisq biex li tingħata risposta għas-sempliċi formulazzjoni tal-Artikolu 99(1) tar-Regolament 207/2009. Fin-nuqqas ta’ riferimenti oħra għall-ġurisprudenza (peress li, sakemm mhux sejjer żball, din id-dispożizzjoni, sa issa, għadha ma ġietx interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja), ir-risposta għandha tkun ibbażata fuq żewġ elementi sottostanti fl-artikolu taħt eżaminazzjoni u fuq oħrajn fl-istess kuntest leġiżlattiv. |
54. |
L-ewwel element huwa l-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni, li l-importanza tiegħu ma tistax tiġi injorata. Skont il-premessa 3 tiegħu, l-għan tar-Regolament Nru 207/2009 huwa li jistabbilixxi sistema li tagħti protezzjoni uniformi lit-trade marks tal-Unjoni, sabiex l-effetti tagħhom jinxterdu bl-istess mod fit-territorju kollu tal-Unjoni. |
55. |
Dan l-għan huwa rifless fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jiddikjara li t-trade mark tal-Unjoni għandha karattru unitarju, tipproduċi l-istess effetti fl-Unjoni kollha u ma tistax tiġi rreġistrata, ittrasferita jew tkun is-suġġett ta’ ċessjoni, ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, u lanqas ma jista’ jiġi projbit l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha ( 19 ). |
56. |
Il-premessi 16 u 17 tal-istess regolament jittrattaw il-karattru unitarju tat-titolu ta’ proprjetà industrijali tal-Unjoni. Skont dawn tal-aħħar, minn naħa, huwa essenzjali li l-effetti tad-deċiżjonijiet dwar il-validità u l-vjolazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni jiġu estiżi għall-Unjoni kollha, sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet kunfliġġenti tal-qrati u tal-Uffiċċju li jippreġudikaw il-karattru unitarju ta’ dawn it-trade marks. Min-naħa l-oħra, huma jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi evitat li jingħataw sentenzi kunfliġġenti fuq il-bażi ta’ azzjonijiet li jinvolvu l-istess partijiet u li jkunu saru fuq l-istess fatti, ibbażati fuq trade mark tal-Unjoni u trade marks nazzjonali paralleli ( 20 ). |
57. |
It-tieni element rilevanti huwa l-preżunzjoni ta’ validità li minnha jgawdu t-trade marks tal-Unjoni, wara l-kontroll li jkun sar mill-EUIPO fl-eżami tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. L-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità jfisser li tiġi rrikonoxxuta l-effettività sħiħa ta’ dawn it-trade marks (peress li r-reġistrazzjoni tagħhom hija att li joħroġ minn organu tal-Unjoni), filwaqt li l-invalidità tagħhom ma tkunx ġiet iddikjarata minn att ieħor oppost maħruġ minn korp kompetenti, li jkun sar definittiv ( 21 ). |
58. |
Din il-preżunzjoni hija mdaħħla fil-leġiżlazzjoni permezz tal-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jordna lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-qrati nazzjonali, sabiex bħala prinċipju, iqisu lit-trade marks tal-Unjoni bħala validi. |
59. |
Il-mekkaniżmi sabiex din il-validità tiġi kkontestata jinsabu fl-Artikolu 52(1) tal-istess regolament u jistgħu jiġu ridotti għal tnejn: a) il-proċedura amministrattiva quddiem l-EUIPO, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet ( 22 ); u b) il-kontrotalba li ssir kontra rikors għal vjolazzjoni tat-trade mark, jiġifieri, il-proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati nazzjonali ta’ trade marks tal-Unjoni. |
60. |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jirriżulta li l-qrati tat-trade marks tal-Unjoni huma pprojbiti milli jeżaminaw ex officio l-invalidità ta’ trade mark u li, fil-kawżi li jitressqu quddiemhom, huwa l-konvenut, permezz tal-kontrotalba, li jinvoka l-invalidità ( 23 ) tat-trade mark li l-vjolazzjoni tagħha ġie allegat kontrih fil-kuntest tal-kawża prinċipali ( 24 ). |
61. |
L-Artikolu 99(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jippermetti, madankollu, li l-konvenut fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark ( 25 ) jinvoka l-eċċezzjoni ta’ invalidità, mingħajr ma jkun hemm bżonn li titressaq kontrotalba, iżda biss jekk jinvoka dritt preċedenti tiegħu nnifsu fuq is-sinjal inkwistjoni ( 26 ). Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. |
62. |
L-Artikoli 52(1) u 53(1) moqrija flimkien mal-Artikolu 99(1) u (3), u mal-Artikolu 100(1) tar-Regolament Nru 207/2009, juru li l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni, fil-qrati, tista’ tiġi tintalab biss permezz tal-kontrotalba. Din għandha tkun ibbażata fuq waħda jew uħud mill-każijiet imsemmija fl-Artikoli 52 (raġunijiet assoluti ta’ invalidità) u 53 (raġunijiet relattivi ta’ invalidità) ta’ dan ir-regolament. L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola, inkluża fl-Artikolu 99(3) tiegħu, li rreferejt għaliha qabel, ma tapplikax għall-każ preżenti. |
63. |
Din l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija konsistenti man-natura unitarja tat-trade mark u mal-għan li, fuq l-istess sinjal distintiv li jkun ġie rreġistrat mal-EUIPO, ma jingħatawx sentenzi kunfliġġenti. |
64. |
Is-sentenzi mogħtija fi proċeduri għall-vjolazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni jgawdu effettività inter partes, b’tali mod li, ladarba jsiru definittivi, ir-res judicata torbot biss lil dawk li jkunu intervjenew fil-proċedimenti rispettivi. Min-naħa l-oħra, is-sentenzi li fihom tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark, meta tintlaqa’ l-kontrotalba, juru l-effetti tagħhom erga omnes. Għalhekk, skont l-Artikolu 100(6) tar-Regolament Nru 207/2009, l-EUIPO għandu jirreġistra fir-reġistru “ir-referenza għas-sentenza” ġudizzjarja (ta’ annullament), li jkollha effetti retroattivi, jiġifieri, ex tunc ( 27 ). |
65. |
Jekk jiġi aċċettat li kwalunkwe konvenut f’azzjoni ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark jista’ jinvoka, bħala eċċezzjoni, ir-raġunijiet għall-invalidità (assoluti jew relattivi) tagħha, ikun hemm ir-riskju li azzjonijiet simili ppreżentati mill-proprjetarju tad-dritt f’diversi fora jwasslu, f’ċerti każijiet, għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark u, f’każijiet oħra, għas-soluzzjoni opposta. Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex jeżerċita rikors għal vjolazzjoni, il-proprjetarju għandu l-għażla tal-forum delicti commissi bħala alternattiva għal dik tad-domiċilju tal-konvenut ( 28 ). |
66. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni, għalhekk, xtaq li tiġi kkontestata biss fil-qrati nazzjonali l-validità ta’ dan it-tip ta’ trade marks permezz ta’ kontrotalba. Fl-istess ħin, huwa stabbilixxa mekkaniżmu ta’ sigurtà sabiex jindirizza l-pluralità possibbli ta’ talbiet, kemm għal vjolazzjoni kif ukoll kontrotalbiet: is-sospensjoni tas-sentenza, fit-termini msemmija fl-Artikolu 104(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
67. |
F’dan l-isfond, ma jistax ikun hemm qbil mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li tipproponi M. Aigner. Fil-fehma tagħha, l-eċċezzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tista’ tiġi aċċettata, fi ħdan proċedimenti ta’ vjolazzjoni, sakemm tkun tressqet (iżda ma tkunx għadha ġiet deċiża) kontrotalba. |
68. |
Kif tafferma sew il-qorti tar-rinviju, din is-soluzzjoni hija inkompatibbli mal-għan tad-dispożizzjoni. Ma jkunx ċar għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jobbliga li tiġi sospiża s-sentenza meta jkun hemm lis pendens bejn żewġ qrati tat-trade marks, bħala mezz sabiex jiġu evitati sentenzi differenti b’suġġett identiku, u ma jiġix impost dan l-obbligu meta r-rikorsi għal vjolazzjoni u l-kontrotalbiet jiġu attribwiti lill-istess qorti tat-trade marks tal-Unjoni (minkejja li din taġixxi permezz ta’ żewġ formazzjonijiet ġudikanti differenti). |
69. |
Huwa minnu li, skont l-awtonomija proċedurali tagħhom ( 29 ), kull Stat Membru għandu jiddetermina l-organizzazzjoni tal-qrati tiegħu tat-trade marks tal-Unjoni, u jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu, mingħajr ma jitnaqqas ir-rispett għal dawk li jinsabu fir-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, is-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi (u, f’dan is-sens, dik ta’ tqassim ta’ kwistjonijiet fi ħdan qorti waħda li jkollha diversi formazzjonijiet ġudikanti) tal-qrati nazzjonali tat-trade marks tal-Unjoni, ma tistax tipperikola l-għan tal-prevenzjoni li jingħataw deċiżjonijiet kunfliġġenti fuq l-istess trade mark. |
70. |
Is-sistema ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja tat-trade marks tal-Unjoni tagħmel distinzjoni bejn difiżi fuq il-mertu (eċċezzjonijiet) u kontrotalbiet. L-unika possibbiltà li l-konvenut jinvoka l-eċċezzjoni ta’ invalidità tat-trade mark, meta jiġi ppreżentat rikors għal vjolazzjoni, hija meta huwa jkollu dritt preċedenti fuq dak is-sinjal (Artikolu 99(3) tar-Regolament Nru 207/2009, iċċitat iktar ’il fuq) ( 30 ). |
71. |
Minbarra din l-ipoteżi, kull persuna li kontriha jkun ġie ppreżentat rikors għal vjolazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni u jsostni li din tal-aħħar hija invalida għandu jsegwi l-proċedura tal-kontrotalba. It-talba għal invalidità mressqa b’dan il-mod neċessarjament tingħata prijorità fil-konfront tat-talba għal vjolazzjoni nnifisha, peress li l-preżunzjoni ta’ validità tat-trade mark titqiegħed inkwistjoni. Qabel ma jiġi analizzat jekk id-drittijiet inerenti fit-trade mark ġewx miksura, għandha tiġi deċiża bħala kwistjoni preliminari sine qua non is-sussistenza tal-validità ta’ dan is-sinjal distintiv, preċiżament dak li l-konvenut ikun ikkontesta permezz tal-kontrotalba tiegħu. |
72. |
Ma huwiex loġiku li tiġi miċħuda t-talba għal vjolazzjoni (ħlief fil-każ imsemmi mill-qorti tar-rinviju) mingħajr ma jiġu ċċarati d-dubji dwar l-invalidità tat-trade mark stabbiliti fil-kontrotalba. Barra minn hekk, dan in-nuqqas ta’ loġika jseħħ kemm jekk il-kawżi jsiru quddiem diversi qrati tat-trade marks tal-Unjoni, kif ukoll jekk isiru quddiem waħda biss (f’dan il-każ, il-Handelsgericht Wien, qorti kummerċjali ta’ Vjenna) meta din taġixxi f’formazzjonijiet ġudikanti li jkunu semgħu dawk il-proċeduri separatament. |
73. |
Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens, meta titressaq kontrotalba fuq l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni minħabba l-mala fede tal-proprjetarju tagħha meta rreġistraha, il-qorti kompetenti għat-talba prinċipali għall-vjolazzjoni tal-imsemmija trade mark ma tistax tilqa’ din ir-raġuni għal invalidità, invokata bħala eċċezzjoni, skemm tkun ingħatat deċiżjoni dwar il-kontrotalba. |
C. Fuq it-tieni domanda preliminari
74. |
It-tieni domanda preliminari tal-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) qed issir fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, kif qed nipproponi jien. |
75. |
Id-dubju tal-qorti tar-rinviju issa huwa bbażat fuq il-fatt li, fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni għandha tistenna d-deċiżjoni dwar il-kontrotalba sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-vjolazzjoni tat-trade mark. Madankollu, huwa biżżejjed li tingħata din is-sentenza, jew jeħtieġ li din tkun finali? |
76. |
Fil-każ li r-risposta għall-kontrotalba tkun favorevoli għall-konvenut (jiġifieri, jekk tiġi ddikjarata l-invalidità tas-sinjal distintiv), il-qorti tat-trade marks tista’, kif iddefinit mid-dritt nazzjonali tagħha ( 31 ), tiċħad ir-rikors għal vjolazzjoni jew inkella tiddikjara li dan huwa nieqes minn suġġett, peress li huwa impossibbli li ssir vjolazzjoni ta’ trade mark li tkun tilfet ex tunc il-protezzjoni tar-reġistrazzjoni. |
77. |
Billi tissuġġetta id-deċiżjoni fil-proċedimenti ta’ vjolazzjoni għad-deċiżjoni preċedenti adottata fil-kuntest tal-kontrotalba, il-qorti kompetenti tissodisfa l-għan li jiġu evitati sentenzi kunfliġġenti, li setgħu pperikolaw in-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni. |
78. |
Madankollu, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) tibża’ li l-aġir proċedurali tal-partijiet fil-proċedimenti ta’ vjolazzjoni u kontrotalbiet jista’ jdgħajjef, għal darba oħra l-konsistenza miksuba minn sentenzi simultanji, pereżempju, jekk tiġi appellata waħda minnhom biss quddiem qorti superjuri ( 32 ). |
79. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, preċiżament sabiex tiġi eskluża l-kontradizzjoni eventwali, l-ewwel qorti għandhiex tkun meħtieġa li ma tiddeċidix dwar il-kwistjoni tal-vjolazzjoni tat-trade mark qabel ma tkun saret res judicata deċiżjoni li tilqa’ l-kontrotalba. |
80. |
Fl-opinjoni tiegħi, ir-Regolament Nru 207/2009 ma jipprovdix regola ċerta skont liema l-qorti kompetenti għandha tistenna li s-sentenza li tilqa’ l-kontrotalba tkun saret definittiva. Huwa lanqas ma jinkludi regoli li jipprekludu dan. |
81. |
Mill-artikoli tar-Regolament Nru 207/2009 li jirreferu espressament għall-effettività ta’ “res judicata” tad-deċiżjoni ġudizzjarja ( 33 ) l-Artikolu 56(3) jorbot din tal-aħħar mal-kundizzjoni li qorti ta’ Stat Membru tkun tat deċiżjoni bejn l-istess partijiet dwar applikazzjoni bl-istess għan u l-istess kawża, u li din id-deċiżjoni ġudizzjarja tkun saret definittiva (jiġifieri, irrevokabbli, u mhux suġġetta għal appell ulterjuri) ( 34 ). |
82. |
Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jiċċaraw xejn dwar id-destin li għandu jkollhom id-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fil-kawżi rispettivi, sakemm ma jkunux kisbu din il-kwalità definittiva. L-ispjegazzjoni għal din l-assenza ta’ regolamentazzjoni tirriżulta probabbilment mill-fatt li r-Regolament Nru 207/2009 jittratta l-karattru definittiv tas-sentenzi mill-perspettiva tal-koerenza bejn id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju u dawk tal-qrati nazzjonali tat-trade marks tal-Unjoni. Wieħed għandu jiddiskuti ftit dan l-aspett. |
83. |
Għall-kuntrarju tal-proċedimenti ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni, li fis-sistema tar-Regolament Nru 207/2009 hija kkonfigurata bħala funzjoni esklużiva tal-EUIPO, impermeabbli għal kull deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali ( 35 ), il-kompetenza sabiex tiddikjara l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni ġiet attribwita, fuq bażi kondiviża, lill-qrati nazzjonali tat-trade marks tal-Unjoni u lill-Uffiċċju. |
84. |
Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza għandu jitwettaq b’mod alternattiv u esklużiv, jiġifieri, hija biss l-ewwel qorti minn dawn it-tnejn li għandha tieħu konjizzjoni tat-tilwima ( 36 ) (sew jekk tkun qorti tat-trade marks tal-Unjoni, li quddiemha tkun tressqet il-kontrotalba, sew jekk l-EUIPO, jekk quddiemu tkun tressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità) li tista’ tiddeċiedi dwar il-validità tat-titolu tal-proprjetà industrijali. Sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet kunfliġġenti, il-qorti l-oħra għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm jiġu riżolti l-ewwel proċedimenti, skont l-Artikolu 104 tar-Regolament Nru 207/2009. |
85. |
Barra minn jekk, din is-sospensjoni ( 37 ) u l-obbligu (Artikolu 100(6) tal-istess regolament) tal-qorti nazzjonali tat-trade marks tal-Unjoni li tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-EUIPO, meta tkun saret res judicata s-sentenza li tilqa’ l-invalidità ta’ waħda minn dawn it-trade marks permezz ta’ kontrotalba, jikkostitwixxu l-mekkaniżmi li permezz tagħhom il-leġiżlatur kellu l-għan li jiżgura l-konsistenza fid-deċiżjonijiet dwar l-invalidità u l-konsistenza tar-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni mar-realtà tas-sinjali tagħhom. |
86. |
Meta tkun l-istess qorti li, fi żminijiet differenti, ikollha tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors għal vjolazzjoni tat-trade mark u l-kontrotalba li fiha tiġi mitluba l-invalidità ta’ dan is-sinjal distintiv, il-konsistenza mad-deċiżjoni tagħha stess fuq il-kontrotalba tipprekludi li dik relatata mal-vjolazzjoni tkun kontradittorja. Madankollu ma nsib ebda bażi sabiex nitlob, fid-dawl tar-Regolament Nru 207/2009, li din tissospendi (it-tieni) deċiżjoni sakemm jittieħdu inkunsiderazzjoni l-inċertezzi possibbli tal-kawża fil-qrati superjuri. |
87. |
L-obbligu tal-qorti tat-trade marks tal-Unjoni li semmejt qabel fl-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari għandu jwassal sabiex din tistenna r-riżultat tal-kontrotalba, sabiex tiddeċiedi (simultanjament jew suċċessivament, kif awtorizzat mir-regoli proċedurali interni) dwar ir-rikors għal vjolazzjoni. Fl-għoti tas-sentenza dwar l-ewwel talba, jien ma naħsibx li din għandha neċessarjament tkun ikkundizzjonata mill-istrateġiji proċedurali tal-partijiet, li huma ftit jew wisq dipendenti fuq l-opportunitajiet tagħhom ta’ suċċess f’appelli ulterjuri. |
88. |
Naqbel mal-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) li r-rabta tad-deċiżjoni tal-proċedimenti ta’ vjolazzjoni mal-aġir tal-partijiet fir-rigward tal-appelli sussegwenti kontra s-sentenza li tilqa’ l-kontrotalba tkun tinvolvi, f’kull probabbiltà, dewmien sinjifikattiv fil-prosegwiment tagħha. L-għan tal-prevenzjoni ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti fuq l-istess trade mark diġà ntlaħaq permezz tal-prijoritizzazzjoni mogħtija lill-kontrotalba, li skont l-eżitu tagħha jiġi ttrattat ir-rikors għal vjolazzjoni. |
89. |
Peress li l-partijiet taż-żewġ kawżi huma l-istess, għalkemm f’pożizzjonijiet proċedurali opposti, huma jgawdu mill-istess armi ta’ difiża u għandhom jassumu l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom stess. Kull wieħed minnhom jista’ ċertament idewwem, bl-appelli suċċessivi tiegħu, li jingħata effett ta’ res judicata tas-sentenzi tal-ewwel istanza, iżda din l-eventwalità ma għandhiex tieħu preċedenza fuq l-obbligu tal-qorti li ssolvi l-kawża li tkun tressqet quddiemha. |
90. |
Dan premess, nixtieq infakkar li, għalkemm ir-Regolament Nru 207/2009 ma jirrikjedix li l-qorti li quddiemha jitressaq ir-rikors għal vjolazzjoni tistenna li d-deċiżjoni dwar il-kontrotalba tkun saret definittiva, lanqas ma nara li hemm xi dispożizzjoni f’dan ir-regolamet li topponi s-sospensjoni tal-proċeduri. Ir-regoli proċedurali ta’ kull Stat Membru, kif interpretati mill-qrati supremi tiegħu, jistgħu jagħżlu soluzzjoni waħda jew oħra, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar dan il-punt. |
91. |
Jista’ jirriżulta li s-sentenza tal-kontrotalba ma tiġix ikkontestata, f’liema każ hija l-qorti li tkun tat id-deċiżjoni li għandha tinforma lill-EUIPO li s-sentenza tagħha tkun saret res judicata. Peress li t-terminu għall-preżentata ta’ appell ma jkunx twil wisq, ma nsib ebda oġġezzjoni li l-qorti nazzjonali, qabel ma tiddeċiedi dwar ir-rikors għal vjolazzjoni, tistenna sakemm is-sentenza dwar il-kontrotalba tkun saret definittiva. Jekk, għall-kuntrarju, din tal-aħħar kellha tiġi kkontestata, hija għandha teżamina d-dettalji tal-proċedimenti ta’ vjolazzjoni ( 38 ) u jekk ikun xieraq tissospendi din il-proċedura sakemm is-sentenza fil-kuntest tal-kontrotalba tkun saret definittiva. |
92. |
Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni tista’ tiċħad ir-rikors għal vjolazzjoni ta’ trade mark, billi tibbaża ruħha fuq il-mala fede tal-applikant għar-reġistrazzjoni tagħha, meta, mill-inqas b’mod simultanju, tiġi aċċettata l-kontrotalba li fiha tkun intalbet l-invalidità ta’ din it-trade mark għall-istess raġuni. Id-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li hija għandha tistenna, sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ vjolazzjoni, sakemm is-sentenza dwar il-kontrotalba ssir finali, iżda lanqas ma jipprekludi li jsir dan. |
V. Konklużjoni
93. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, l-Awstrija):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Iktar ’il quddiem, ukoll, “l-Uffiċċju”.
( 3 ) Se nuża t-terminu eċċezzjoni fis-sens proċedurali tiegħu, idderivat mill-exceptio Rumana li permezz tagħha l-konvenuta opponiet l-actio tar-rikorrent.
( 4 ) Hekk kif isostni H. Raimund.
( 5 ) Ir-Regolament tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1). Dan ġie mmodifikat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21) (iktar ’il quddiem, “ir-Regolament 2015/2424”). Ir-Regolament 2015/2424, madankollu, ma japplikax, ratione temporis, għal din il-kawża, mingħajr preġudizzju għall-utilità interpretattiva tiegħu.
( 6 ) Il-paragrafu c) ta’ dan l-artikolu jirreferi għall-azzjoni ta’ kumpens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li ma huwiex ta’ interess għal din il-kawża.
( 7 ) L-espożizzjoni tal-fatti jirriżulta mid-digriet tar-rinviju u mid-dokumenti fil-fajl tal-kawża. Loġikament, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddikjaraw, b’mod definittiv, dawk li jqisu li huma pprovati b’mod suffiċjenti.
( 8 ) Il-preparazzjoni titħallat ma’ dan it-tip ta’ alkoħol, li twassal għal sensazzjoni ta’ sħana fl-istonku, li minnha jiġi l-isem, peress li t-traduzzjoni litterali tas-sinjal hija “tisħin tal-istonku”.
( 9 ) Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.
( 10 ) Għalkemm id-digriet tar-rinviju jirreferi għall-azzjoni ta’ tneħħija (“Beseitigung”), mid-dokumenti fil-kawża rrinvijati mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema), b’mod partikolari mis-sentenza appellata quddiem din il-qorti, jirriżulta li H. Raimund eżerċita wkoll l-azzjoni ta’ qerda (“Vernichtung”).
( 11 ) Mid-dokumenti mressqa mill-qorti tar-rinviju jidher li jista’ jiġi dedott li d-domanda għall-vjolazzjoni tat-trade mark u l-kontrotalba jinstemgħu quddiem formazzjonijiet ġudizzjarji differenti, fl-istess Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna). Dan probabbilment jirriżulta mid-distakk ta’ sentejn bejn ir-rikors għall-vjolazzjoni u l-kontrotalba, kif jinnota fl-ittra tiegħu H. Raimund. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li l-kawżi rispettivi huma magħquda flimkien.
( 12 ) Kif indikat fid-digriet tar-rinviju, fil-liġi tat-trade marks Awstrijaka d-dikjarazzjoni ta’ invalidità b’effett erga omnes ta’ trade marks nazzjonali hija kompetenza esklużiva tal-Patentamt (Uffiċċju tal-privattivi u trade marks).
( 13 ) Issottolinjat fl-oriġinal.
( 14 ) Din il-qorti turi katalgu ta’ sitwazzjonijiet li fihom, wara li ġiet iddikjarata l-invalidità tat-trade mark permezz ta’ kontrotalba u miċħud ir-rikors għal vjolazzjoni, l-appelli sussegwenti (ippreżentat mir-rikorrent biss kontra s-sentenza li tilqa’ l-kontrotalba, jew mill-konvenut kontra biss waħda mit-tnejn) jistgħu, jekk jirnexxu, jagħtu lok għal sentenzi irrikonċiljabbli.
( 15 ) Il-kontrotalba ma hija xejn ħlief talba awtonoma, iżda titressaq fl-istess proċedimenti, li l-konvenut jeżerċita kontra l-attur, u juża l-azzjoni ta’ dan, meta bejniethom ikun hemm ċerti elementi ta’ konnessjoni u l-qorti tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-tnejn li huma f’sentenza waħda. F’tilwima speċifika, il-konvenut jista’ jiddefendi lilu nnifsu (jiġifieri, jqajjem eċċezzjonijiet għar-rikors tar-rikorrent), jew jikkontrattakka (jiġifieri, jifformula t-talbiet tiegħu għall-kundanna tar-rikorrent) permezz ta’ kontrotalba. Filwaqt li ċerti ordinamenti ġuridiċi jappoġġjaw l-“eċċezzjonijiet ta’ kontrotalbiet” jew il-kontrotalbiet impliċiti (pereżempju, dik relatata mal-kumpens ta’ krediti jew l-invalidità ta’ ċerti atti ġuridiċi), ma hemm l-ebda ħtieġa li jsir riferiment għalihom fil-kuntest ta’ din il-kawża preliminari.
( 16 ) Il-paragrafu 3.2 tad-digriet tar-rinviju. Ma nafx jekk din iċ-ċirkustanza tistax tkun relatata mad-dewmien tal-kontrotalba ta’ M. Aigner u f’dan l-isfond tiġi attribwita l-mala fede bħala oġġezzjoni fuq il-mertu fir-risposta tagħha fil-proċedimenti mressqa minn H. Raimund.
( 17 ) Ġeneralment jiġu rrikonoxxuti bħala għanijiet tal-kontrotalba l-ekonomija proċedurali u l-prevenzjoni tar-riskju ta’ sentenzi konfliġġenti. Ara Okońska, A., Die Widerklage im Zivilprozessrecht der Europäischen Union und ihrer Mitgliedstaaten, ed. Mohr Siebeck, Tubinga, 2015, p. 269 u 270.
( 18 ) Ma huwiex ċar għalfejn din tal-aħħar ma għaqditx iż-żewġ proċeduri flimkien, sabiex dawn jiġu deċiżi simultanjament. Fil-fatt, ma jidhirx li l-prassi ġenerali hija li l-kontrotalba tiġi attribwita lil qorti oħra jew lil formazzjoni ġudikanti oħra: fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 3 u 4), l-istess formazzjoni ġudikanti tal-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna), li taġixxi bħala qorti tat-trade marks tal-Unjoni fl-ewwel istanza, ħadet konjizzjoni kemm tar-rikors għal vjolazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni, kif ukoll tal-kontrotalba.
( 19 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France (C‑235/09, EU:C:2011:238, punti 40 u 41).
( 20 ) Ibidem, punt 42.
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Granaria (101/78, EU:C:1979:38, punt 5), u tat-28 ta’ Jannar 2016, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni (C‑514/14 P, EU:C:2016:55, punt 40).
( 22 ) Sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni maħruġa mill-Uffiċċju, li tilqa’ jew li tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, tajjeb li wieħed jirreferi għall-Bordijiet tal-Appell tiegħu; id-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu, sussegwentement, jiġu kkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali, li d-deċiżjonijiet tagħha huma suġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, effettivament, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ssir fil-proċedimenti amministrattivi, u għalhekk l-istħarriġ ġudizzjarju sussegwenti (tal-Unjoni) huwa limitat għall-istħarriġ tal-legalità ta’ tali dikjarazzjoni. Tista’ tiġi eżaminata l-invalidità permezz tal-qrati biss jekk isir appell kontra ċ-ċaħda ta’ talba għal annullament u din it-talba tintlaqa’ minn waħda mill-qrati tal-Unjoni.
( 23 ) Il-konvenut jista’, ukoll, jinvoka r-revoka tat-trade mark, bħala bażi possibbli tal-kontrotalba tiegħu. Ma jienx ser nirreferi għal din l-ipoteżi, li hija esterna mis-suġġett tat-tilwima.
( 24 ) Fil-proċeduri amministrattivi, l-EUIPO, għandu nuqqas, ukoll, ta’ setgħat sabiex jistħarreġ invalidità ex officio. Skont l-Artikolu 56(1) tar-Regolament Nru 207/2009, titħalla f’idejn l-operaturi ekonomiċi kompetituri tal-propjetarji tat-trade marks li dawn jikkonstataw, kif qal wieħed mill-predeċessuri tiegħi, in-natura nadifa tar-reġistru, filwaqt li l-Uffiċċju għandu josserva newtralità sħiħa. Ara, f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Silberquelle (C‑495/07, EU:C:2008:633, punt 46). Għalkemm din il-kawża kienet tirrigwarda r-revoka, ir-riflessjoni hija trasferibbli għall-qasam tal-invalidità.
( 25 ) B’riferiment dirett għall-Artikolu 96(a), tal-istess regolament.
( 26 ) Ir-riforma introdotta mir-Regolament 2015/2424 neħħiet din il-possibbiltà, peress li kienet tikkawża dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju ta’ prijorità, minħabba li tirrikjedi li l-propjetarju ta’ dritt preċedenti jikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità tas-sinjal sussegwenti, sabiex jinvoka b’suċċess dan tal-aħħar. Il-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tneħħi dawn id-dubji. Ara Max Planck Institute for Intellectual Property and Competition Law, Study on the Overall Functioning of the European Trade Mark System, München, 2011, p. 108.
( 27 ) Skont l-Artikolu 55(2) tal-istess regolament, u mingħajr preġudizzju għar-rispett lejn is-sitwazzjonijiet legali kkonsolidati msemmija fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu.
( 28 ) F’dawn il-każijiet, l-Artikolu 98(2) inaqqas il-kompetenza tad-dikjarazzjonijiet tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni għall-avvenimenti li jseħħu fit-territorju tal-Istat Membru li fih jinsabu dawn il-qrati. Għalkemm din il-previżjoni ma hijiex konsistenti ħafna mal-prinċipju ta’ unità tat-trade mark tal-Unjoni, hija tipprova tevita l-forum shopping li qatt ma huwa mixtieq. Ara Sosnitza, O., “Der Grundsatz der Einheitlichkeit im Verletzungsverfahren der Gemeinschaftsmarke — Zugleich Besprechung von EuGH, Urt. v. 12.4.2011— C‑235/09— DHL vs Chronopost”, GRUR, 2011, p. 468.
( 29 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C‑13/01, EU:C:2003:447, punt 49); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et (C‑147/01, EU:C:2003:533, punt 103); tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 67), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 43).
( 30 ) Din il-konklużjoni hija appoġġjata minn Huet, A., “La marque communautaire: la compétence des juridictions des États membres pour connaître de sa validité et de sa contrefaçon [Règlement (CE) n.o 40/94 du Conseil, du 20 décembre 1993]”, Journal du Droit International, n.o 3, 1994, p. 630, u Gallego Sánchez, F., “Artículo 96 — Demanda de reconvención”, f’Casado Cerviño, A. u Llobregat Hurtado, M.L. (Coord.), Comentarios a los reglamentos sobre la marca comunitaria, La Ley, Madrid, 2000, p. 874.
( 31 ) Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 207/2009 “[…] il-vjolazzjoni ta’ trade mark [tal-Unjoni] għandha tiġi regolata mil-liġi nazzjonali li tirrigwarda l-vjolazzjoni ta’ trade marks nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X”.
( 32 ) Għal iktar dettalji, ara n-nota 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Artikolu 55(3)(b); Artikolu 56(3); Artikolu 84(3); Artikolu 100(6); u l-Artikolu 112(6).
( 34 ) L-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi dan l-istess effett (iżda mingħajr ma jitkellem dwar “res judicata”, minħabba n-natura aministrattiva tal-korp) għal deċiżjoni “finali [definittiva]” tal-EUIPO li tkun “tinvolvi l-istess suġġett u l-istess kawża u li tinvolvi lill-istess partijiet tkun diġà saret finali”.
( 35 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Apple and Pear Australia Ltd u Star Fruits Diffusion vs EUIPO (Pink Lady) (C‑226/15 P, EU:C:2016:582, punt 50).
( 36 ) Bl-eċċezzjoni tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 100(7) tar-Regolament Nru 207/2009, li l-qorti nazzjonali tat-trade marks għandha tissospendi l-kontrotalba tagħha u tiddeferixxi lill-EUIPO id-deċiżjoni dwar l-invalidità, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.
( 37 ) Il-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 100(4) tar-Regolament Nru 207/2009 permezz tar-Regolament Nru 2015/2424 tobbliga lill-qorti tat-trade marks tal-Unjoni li quddiemha tkun tressqet kontrotalba ta’ invalidità li tissospendi l-proċedura, konformement mal-Artikolu 104(1) sakemm id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ invalidità tal-EUIPO tkun finali.
( 38 ) Għandu jiġi nnotat, bħala paragun, li l-obbligu ta’ sospensjoni tal-Artikolu 104(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex assolut, peress li huwa suġġett għall-assenza ta’ raġunijiet speċjali sabiex jitkomplew il-proċedimenti.