Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 62016CC0390

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2018.
    Proċeduri kriminali kontra Dániel Bertold Lada.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szombathelyi Törvényszék.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Teħid inkunsiderazzjoni, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna ppronunzjata preċedentement fi Stat Membru ieħor – Proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ kundanna kriminali mogħtija fi Stat Membru ieħor – Reviżjoni u tiġdid legali tad-deċiżjoni preċedenti – Prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku – Artikolu 82(1) TFUE.
    Kawża C-390/16.

    Coletânea da Jurisprudência — Coletânea Geral

    Identificador Europeu da Jurisprudência (ECLI): ECLI:EU:C:2018:65

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2018 ( 1 )

    Kawża C-390/16

    Proċeduri kriminali

    kontra

    Dániel Bertold Lada

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szombathelyi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szombathelyi, l-Ungerija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Artikolu 82(1) TFUE – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI u Deċiżjoni 2009/316/ĠAI – Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Teħid inkunsiderazzjoni, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija preċedentament fi Stat Membru ieħor – Proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni li tikkundizzjona dan it-teħid inkunsiderazzjoni – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal‑Unjoni – Obbligu li titħalla mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għal deċiżjoni qafas”

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem, essenzjalment, il‑kwistjoni jekk deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru tistax tiġi eżaminata mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent ta’ din id-deċiżjoni implementata mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor u tkun is-suġġett, f’dan il-kuntest, ta’ eżami mill‑ġdid li jista’ jwassal għal reviżjoni tal-imsemmija deċiżjoni – jiġifieri kwalifikazzjoni mill-ġdid tar-reat u bidla tal-piena mogħtija – sabiex tagħmilha kompatibbli mal-leġiżlazzjoni kriminali ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

    2.

    Din it-talba għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tispjega s-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 2 ). Din ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ proċedura fl-Ungerija li kellha bħala għan ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija minn qorti Awstrijaka kontra Dániel Bertold Lada.

    3.

    Din hija eżempju addizzjonali tal-prassi segwita mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward ta’ sentenzi barranin f’materji kriminali. Skont din il-prattika, l-Igazságügyi Minisztérium (il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ungerija) jitlob lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor li tat sentenza li tikkundanna lil ċittadin Ungeriż sabiex tintbagħat din is-sentenza. Din it‑talba ssir biex timplementa proċedura bil-għan li tirrikonoxxi l‑effettività tal-imsemmija sentenza fl-Ungerija. Is-sentenza kkonċernata, ladarba tiġi rrikonoxxuta fl-Ungerija, tkun għalhekk ikkunsidrata bħala ekwivalenti għal kundanna nazzjonali li tidħol fir-rekord kriminali.

    4.

    Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 3 ), il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali ( 4 ), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI, tas-6 ta’ April 2009, dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas ( 5 ), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l‑implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura nazzjonali speċjali ta’ rikonoxximent mill-qorti ta’ Stat Membru ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li tikkundanna lil persuna għat-twettiq ta’ reat.

    5.

    Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna li tkompli dak li ddeċidiet fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 6 ), li tirrigwarda l-istess proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent, billi din id-darba tinterpreta d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda ( 7 ). Din tkun it-tieni interpretazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, peress li l-ewwel waħda wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov ( 8 ), li diġà ppermettiet lill-Qorti tal‑Ġustizzja biex tevalwa l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija fi Stati Membri oħra.

    6.

    Id-Deċiżjonijiet Qafas 2009/315 u 2008/675 huma marbuta strettament flimkien, inkwantu tal-ewwel hija intiża sabiex tiffaċilita bejn l-Istati Membri l‑iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-rekords kriminali ta’ persuna kkundannata fi Stat Membru u t-tieni tippermetti, għaldaqstant, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundanna jew il-kundanni hekk żvelati. It‑titjib fl-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri ftit li xejn huwa utli jekk dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jikkunsidraw l‑informazzjoni mibgħuta. Barra minn hekk, biex ikun possibbli t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanni barranin fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ġodda, għad hemm bżonn li l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri jitjiebu.

    7.

    Din il-kawża tipprovdi opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tispjega r-raġunijiet li għalihom l-Istati Membri ma jistgħux iżommu proċeduri nazzjonali ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija minn Stati Membri oħra, li bihom huma jeżaminaw mill-ġdid dawn id-deċiżjonijiet u, jekk ikun il-każ, jemendaw il-mertu biex jadattawhom għal-leġiżlazzjoni kriminali tagħhom. B’mod partikolari ser nispjega r-raġunijiet li għalihom it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali sentenzi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ġodda, li huwa mitlub mid-Deċiżjoni Qafas 2008/675, ma għandux ikun suġġett għat-twettiq minn qabel ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent ta’ dawn is-sentenzi.

    8.

    Quddiem id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar jekk id‑deċiżjonijiet qafas jistgħux jiġu invokati fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali biex tiġi eskluża leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontrihom, jiena inklinat li nindika, fuq l-istess linji tal-Konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski ( 9 ), r‑raġunijiet li għalihom nikkunsidra li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jitlob li d-deċiżjonijiet qafas għandu jkollhom tali invokabbiltà ta’ esklużjoni.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Deċiżjoni Qafas 2009/315

    9.

    Il-premessi 2, 3, 5 u 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315 jipprevedu:

    “(2)

    Fid-29 ta’ Novembru 2000 l-Kunsill […] adotta programm ta’ miżuri biex jimplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali […]. Din id-Deċiżjoni Qafas tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-miri previsti fil-miżura Nru 3 tal‑programm […].

    (3)

    Ir-Rapport Finali dwar l-ewwel eżerċizzju ta’ valutazzjoni dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali […] talab lill-Istati Membri biex jissimplifikaw il-proċeduri għat-trasferiment ta’ dokumenti bejn l-Istati, bl-użu jekk meħtieġ, ta’ formoli standard biex tiġi faċilitata l-assistenza legali reċiproka.

    […]

    (5)

    Bil-ħsieb li jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar rekords kriminali, huma milqugħa proġetti żviluppati bil-mira li jinkiseb dan l-għan […] tar-reġistri kriminali nazzjonali. L-esperjenza miġbura […] wriet l-importanza li jitkompla jiġi razzjonalizzat l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni dwar kundanni bejn l-Istati Membri.

    (17)

    […] Il-ftehim reċiproku jista’ jikber permezz tal-ħolqien ta’ “format Ewropew standardizzat” li jippermetti l-iskambju tal-informazzjoni b’mod uniformi, elettroniku u li huwa faċilment tradott b’mezzi mekkaniċi. […]”

    10.

    Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jiddefinixxi l-għan ta’ din id-deċiżjoni:

    “L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huwa:

    a)

    li tiddefinixxi l-modi kif Stat Membru fejn tingħata kundanna kontra ċittadin ta’ Stat Membru ieħor (l-‘Istat Membru li jikkundanna’) jittrasmetti l-informazzjoni dwar tali kundanna lill-Istat Membru taċ‑ċittadinanza tal-persuna kkundannata (l-‘Istat Membru taċ‑ċittadinanza tal-persuna’);

    b)

    li tiddefinixxi l-obbligi ta’ ħżin għall-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u biex tispeċifika l-metodi li għandhom jiġu segwiti fit‑tweġiba għal talba għal informazzjoni estratta mir-reġistri kriminali;

    c)

    li tistabbilixxi l-qafas għal sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni bejn l-Istati Membri li għandha tinbena u tiġi żviluppata abbażi ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u d-deċiżjoni sussegwenti msemmija fl-Artikolu 11(4).”

    11.

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, bl-isem “Obbligi tal‑Istat Membru li jikkundanna”, jipprevedi:

    “[…]

    2.   L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna għandha, kemm jista’ jkun malajr, tinforma lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l‑oħra dwar kwalunkwe kundanna mogħtija fit-territorju tiegħu kontra ċ‑ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, kif reġistrati fir-rekord kriminali.

    […]

    3.   L-informazzjoni dwar tibdil jew tħassir sussegwenti ta’ informazzjoni li tkun tinsab fir-rekords kriminali għandha tiġi trasmessa minnufih mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna lill‑awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna.

    4.   Kwalunkwe Stat Membru li jkun ipprovda informazzjoni skont il‑paragrafi 2 u 3 għandu jikkomunika lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, fuq it-talba ta’ din tal-aħħar f’każijiet individwali, kopja tal-kundanni u l-miżuri sussigwenti kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għalihom sabiex din tkun tista’ tkkunsidra jekk dawn jirrkjedux xi miżura fuq livell nazzjonali.”

    12.

    L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315, bl-isem “Obbligi tal‑Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna”, jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

    “L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha konformement mal-Artikolu 11(1) u (2), taħżen l-informazzjoni kollha trasmessa taħt l-Artikolu 4(2) u (3), sabiex tkun tista’ tittrasmettiha mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7.”

    13.

    L-Artikolu 11 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Format u modi oħra ta’ organizzazzjoni u faċilitazzjoni tal-iskambji ta’ informazzjoni dwar kundanni”, jipprevedi:

    “1.   Meta tiġi trasmessa informazzjoni konformement mal-Artikolu 4(2) u (3), l-awtorità ċentrali tal-Istat li jikkundanna għandha tittrasmetti l-informazzjoni li ġejja:

    a)

    informazzjoni li għandha tiġi trasmessa dejjem […] (informazzjoni obbligatorja):

    i)

    informazzjoni dwar il-persuna kkundannata (isem sħiħ, data tat-twelid, post tat-twelid […], sess, ċittadinanza u – jekk applikabbli – isem/ismijiet preċedenti);

    ii)

    informazzjoni dwar in-natura tal-kundanna (data tal‑kundanna, isem tal-qorti, data li fiha d-deċiżjoni saret finali);

    iii)

    informazzjoni dwar ir-reat li jwassal għall-kundanna (data tar‑reat […], l-isem jew il-klassifikazzjoni legali tar-reat kif ukoll bħala referenza għad-dispożizzjonijiet legali applikabbli); u

    iv)

    informazzjoni dwar il-kontenuti tal-kundanna, (b’mod partikolari s-sentenza kif ukoll kwalunkwe pieni supplimentari, miżuri ta’ sigurtà u deċiżjonijiet sussegwenti li jimmodifikaw l-infurzar tas-sentenza);

    b)

    informazzjoni li għandha tiġi trasmessa jekk reġistrata fir-rekord kriminali (informazzjoni fakultattiva):

    i)

    isem il-ġenituri tal-persuna kundannata;

    ii)

    in-numru ta’ referenza tal-kundanna;

    iii)

    il-post tar-reat, u

    iv)

    l-iskwalifiki li jirriżultaw mill-kundanna;

    c)

    informazzjoni li għandha tiġi trasmessa, jekk disponibbli lill‑awtorità ċentrali (informazzjoni addizzjonali):

    i)

    in-numru tal-identità tal-persuna kundannata […];

    ii)

    il-marki tas-swaba’, li ttieħdu minn dik il-persuna; u

    iii)

    jekk applikabbli, psewdonimu u/jew isem(ismijiet) xort’oħra.

    Barra minn dan, l-awtorità ċentrali tista’ tittrasmetti kwalunkwe informazzjoni oħra dwar kundanni jekk reġistrati fir-rekord kriminali.

    2.   L-awtorità ċentrali tal-Istat taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha taħżen l-informazzjoni kollha tat-tipi elenkati fil-punti (a) u (b) tal‑paragrafu 1, li hija rċeviet konformement mal-Artikolu 5(1) għall‑iskop ta’ trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7. Għall-istess skop hija tista’ taħżen l-informazzjoni tat-tipi elenkati fil‑paragrafu (c) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu tal‑paragrafu 1.

    3.   […]

    Ladarba tkun skadiet l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7 ta’ dan l‑Artikolu, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jittramettu tali informazzjoni elettronikament bl-użu ta’ format standardizzat.

    4.   Il-format imsemmi fil-paragrafu 3 u kwalunkwe mezz ieħor ta’ organizzazzjoni u faċilitazzjoni ta’ skambji ta’ informazzjoni dwar kundanni bejn awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill […]

    Tali mezzi oħrajn jinkludu:

    a)

    id-definizzjoni ta’ kull mezz li bis-saħħa tiegħu jiġu ffaċilitati l‑fehim tal-informazzjoni trasmessa u t-traduzzjoni awtomatika tagħha;

    […]”

    2. Id-Deċiżjoni 2009/316

    14.

    Il-premessi 2, 6 u 12 tad-Deċiżjoni 2009/316 jipprevedu:

    “(2)

    L-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali deċiżi kontra ċittadini ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħra ma tiċċirkolax b’mod effikaċi fuq il-bażi kurrenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l‑Assitenza Reċiproka f’Materji Kriminali tal-20 ta’ April 1959. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm proċeduri aktar effiċjenti u aċċessibbli ta’ skambju għal tali informazzjoni fil-livell tal-Unjoni […].

    […]

    (6)

    Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI sabiex toħloq u tiżviluppa sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-Istati Membri. Tali sistema għandha tkun tista’ tikkomunika informazzjoni dwar kundanni kriminali f’forma li tkun faċilment intelliġibbli. Għaldaqstant, għandhom jiġu stabbiliti kemm format standardizzat li jippermetti li l-informazzjoni tkun skambjata b’mod uniformi u elettroniku u li jippermetti t‑traduzzjoni kompjuterizzata tagħha kif ukoll kwalunkwe mezz ieħor li jorganizza u jiffaċilita l-iskambji elettroniċi ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri.

    […]

    (12)

    It-tabelli ta’ referenza tal-kategoriji ta’ reati u l-kategoriji ta’ pieni u miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiffaċilitaw it‑traduzzjoni awtomatika u għandhom jippermettu l-għarfien reċiproku tal-informazzjoni trasmessa bl-użu ta’ sistema ta’ kodiċi. […]”

    15.

    Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, li jiddefinixxi l-għan tagħha:

    “Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS).

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll l-elementi ta’ format standard għall‑iskambju elettroniku, bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta minn fedina penali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ informazzjoni dwar ir-reat li jkun wassal għall-kundanna u informazzjoni dwar il-kontenut tal-kundanna […]”

    16.

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-ECRIS hija sistema deċentralizzata tat-teknoloġija tal-informazzjoni, ibbażata fuq id-databases tar-rekords kriminali f’kull Stat Membru. Hija tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

    a)

    software ta’ interkonnessjoni […] li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-databases tar-rekords kriminali tal-Istati Membri;

    […]”

    17.

    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2009/316, intitolat “Il-format tat‑trasmissjoni tal-informazzjoni”, jipprevedi:

    “1.   Meta tiġi trasmessa l-informazzjoni konformement mal‑Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, relattivament għall-isem jew klassifikazzjoni ġuridika tar-reat u għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull wieħed mir-reati indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella tar-reati fl-Anness A. […]

    L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu informazzjoni disponibbli dwar il-livell ta’ kompletezza u l-livell ta’ parteċipazzjoni fir-reat u, fejn applikabbli, dwar l-eżistenza ta’ eżenzjoni totali jew parzjali mir‑responsabbiltà kriminali jew dwar reċidiva.

    2.   Meta jittrasmettu informazzjoni taħt l-Artikolu 4(2) u (3) u l‑Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI relattivament għall‑kontenut tal-kundanna kriminali, partikolarment is-sentenza kif ukoll kwalunkwe piena supplimentari, kwalunkwe miżura ta’ sigurtà u kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li jimmodifikaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull waħda mill-pieni u miżuri indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella ta’ pieni u miżuri fl-Anness B. […]

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fejn applikabbli, informazzjoni disponibbli relatata man-natura u/jew il-kondizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena jew miżura imposta kif previst fil-parametri tal-Anness B. […]”

    3. Id-Deċiżjoni Qafas 2008/675

    18.

    Il-premessi 2, 5 sa 8 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jipprovdu:

    “(2)

    Fid-29 ta’ Novembru 2000 […], il-Kunsill adotta il-Programm ta’ miżuri biex jimplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali […], li jipprovdi għall-‘adozzjoni ta’ strument wieħed jew aktar li jistabbilixxu l-prinċipju li qorti fi Stat Membru wieħed għandha tkun tista’ tieħu konsiderazzjoni ta’ sentenzi kriminali finali mogħtija mill-qrati fi Stati Membri oħrajn għall-finijiet ta’ valutazzjoni tar-rekord kriminali tal-ħati u biex jiġi stabbilit jekk dan reġax ikkommetta reat, u sabiex jiġi determinat it-tip ta’ sentenza applikabbli u l-arranġamenti għall-infurzar tagħha’.

    […]

    (5)

    Il-prinċipju li l-Istati Membri għandhom jattribwixxu għal kundanna mogħtija fi Stati Membri oħrajn effetti ekwivalenti għal dawk attribwiti għal kundanna mogħtija mill-qrati tagħhom stess skond id-dritt nazzjonali għandu jiġi affermat, kemm jekk dawk l‑effetti huma kkunsidrati mid-dritt nazzjonali bħala kwistjonijiet ta’ fatt kif ukoll jekk ta’ dritt proċedurali jew sostantiv. Madankollu din id-Deċiżjoni Kwadru ma tfittix li tarmonizza l-konsegwenzi attribwiti mil-leġislazzjoni nazzjonali differenti għall-eżistenza ta’ kundanni preċedenti u l-obbligu li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti li ngħataw fi Stati Membri oħrajn jeżisti biss sal-punt li l-kundanni nazzjonali preċedenti jittieħdu in konsiderazzjoni taħt id-dritt nazzjonali.

    (6)

    B’kuntrast ma’ strumenti oħra, din id-Deċiżjoni Kwadru ma timmirax għall-eżekuzzjoni fi Stat Membru wieħed ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda fi Stati Membri oħrajn, iżda pjuttost timmira li tippermetti l-konsegwenzi jiġu marbuta ma’ kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru wieħed waqt proċedimenti kriminali ġodda fi Stat Membru ieħor sal-punt li tali konsegwenzi huma marbuta ma’ kundanni nazzjonali preċedenti skond id-dritt ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. Għalhekk din id-Deċiżjoni Kwadru ma fiha l-ebda obbligu li jittieħdu in konsiderazzjoni tali kundanni preċedenti per eżempju f’każijiet fejn l-informazzjoni miksuba taħt strumenti applikabbli mhix suffiċjenti, fejn kundanna nazzjonali ma kinitx tkun possibbli rigward l-att li għalih il-kundanna preċedenti kienet ġiet imposta jew is-sanzjoni imposta preċedentement mhix magħrufa mis-sistema legali nazzjonali.

    (7)

    L-effetti ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu ekwivalenti għall-effetti ta’ deċiżjoni nazzjonali fl-istadju ta’ qabel il-kawża ta’ proċedimenti kriminali, fl-istadju tal-kawża u fil‑ħin ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

    (8)

    Meta, waqt proċedimenti kriminali fi Stat Membru, tkun disponibbli informazzjoni dwar kundanna preċedenti fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun li l-persuna kkonċernata tiġi ttrattata b’mod anqas favorevoli milli kieku l‑kundanna preċedenti kienet kundanna nazzjonali.

    […]

    (13)

    Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta l-varjetà ta’ soluzzjonijiet u proċeduri interni meħtieġa biex tittieħed in konsiderazzjoni kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor. L-esklużjoni ta’ possibbiltà li tiġi riveduta kundanna preċedenti ma għandhiex timpedixxi lil Stat Membru milli jieħu deċiżjoni, jekk meħtieġ, sabiex jiġu attribwiti l-effetti legali ekwivalenti għal tali kundanna preċedenti. Madankollu, il-proċeduri involuti fil-ħruġ ta’ tali deċiżjoni m’għandhomx, bil-ħsieb tal-ħin u tal-proċeduri jew tal-formalitajiet meħtieġa, jirrenduha impossibbli li jiġu attribwiti effetti ekwivalenti ma’ sentenza preċedenti mogħtija minn Stat Membru ieħor.”

    19.

    L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi:

    “Il-fini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hi li tiddetermina l-kondizzjonijiet li taħthom, matul proċedimenti kriminali fi Stat Membru kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, jittieħdu in konsiderazzjoni.”

    20.

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, bl-isem “Teħid in konsiderazzjoni, matul proċedimenti kriminali ġodda, ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li matul proċedimenti kriminali kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, li fir-rigward tagħhom inkisbet informazzjoni taħt strumenti applikabbli għal għajnuna legali reċiproka jew għall-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, jittieħdu in konsiderazzjoni sal-livell li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni nazzjonali preċedenti, u li jiġu attribwiti lilhom effetti legali ekwivalenti bħal kundanni nazzjonali preċedenti, bi qbil mad-dritt nazzjonali.

    2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-kawża, fl‑istadju tal-kawża innifisha u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli, inklużi dawk relatati mad-detenzjoni proviżorja, id-definizzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tas-sentenza, u r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

    3.   It-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn, kif previst fil-paragrafu 1, m’għandux ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi kundanni preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l-eżekuzzjoni tagħhom mill-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda.

    4.   Skond il-paragrafu 3, il-paragrafu 1 m’għandux japplika sal-punt li, li kieku l-kundanna preċedenti kienet kundanna nazzjonali ta’ l-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda, it-teħid in konsiderazzjoni tal-kundanna preċedenti kien, skond id-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi l‑kundanna preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l‑eżekuzzjoni tagħha.

    […].”

    B.   Id-dritt Ungeriż

    1. Il-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali

    21.

    L-Artikolu 46 tal-a nemzetközi bűnügyi jogsegélyről szóló 1996. évi XXXVIII. törvény (il-Liġi Nru XXXVIII tal-1996 dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali”) hija redatta kif ġej:

    “1.   Il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja għandu jirċievi n‑notifikazzjonijiet li jippermettu r-rikonoxximent tal-effettività ta’ sentenza barranija kif ukoll it-talbiet li ġejjin minn barra intiżi għat‑trażmissjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li tneħħi l‑libertà, […] u […] jibgħathom lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni […]

    […]

    2.   Il-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ sentenza kkomunikata mill‑awtorità ċentrali, maħtura għal dan l-għan, ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni […] għandha tiġi introdotta sa mhux iktar tard mill-mument meta t-tħassir mir‑rekord kriminali msemmi fl-informazzjoni dwar is-sentenza mogħtija mill-Istat Membru ssir legalment effettiva.

    3.   Ħlief kif previst mod ieħor f’din il-liġi, il-proċedura quddiem il‑qorti kompetenti hija rregolata mir-regoli ġenerali tat-Titolu XXIX tal‑a büntetőeljárásról szóló 1998 évi XIX. törvény [il-Liġi Nru XIX li tikkostitwixxi l-Kodiċi ta’ proċedura kriminali, tal-1998, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-proċedura kriminali tal‑1998”], fir-rigward tal‑proċeduri speċjali […]”

    22.

    Skont l-Artikolu 47 tal-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali li tagħmel parti mit-Titolu IV tal-Kapitolu 1 ta’ din il-liġi, intitolat “Rikonoxximent tal-effettività ta’ sentenza barranija”:

    “1.   Sentenza ta’ qorti barranija b’awtorità ta’ res judicata għandha l‑istess effetti bħal sentenza mogħtija minn qorti Ungeriża jekk il‑proċedura li tagħha l-awtur tar-reat kien is-suġġett barra mill-pajjiż kif ukoll il-piena imposta jew il-miżura applikata ma humiex kuntrarji għall‑ordni ġuridiku Ungeriż.

    […]

    3.   Jekk il-qorti Ungeriża rrikonoxxiet l-effettività tas-sentenza barranija, ir-reat għandu jitqies daqs li kieku kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-qorti Ungeriża b’awtorità ta’ res judicata.

    […].”

    23.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 48 ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “1.   Meta tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-qorti Ungeriża hija marbuta bil‑fatti hekk kif ġew ikkonstatati mill-qorti barranija.

    2.   Matul il-proċeduri li jiżvolġu quddiemha, il-qorti Ungeriża għandha tikkonstata liema huma l-konsegwenzi ġuridiċi li l-liġi Ungeriża torbot mal-kundanna. Jekk il-piena jew il-miżura imposta mis-sentenza tal-qorti barranija ma tkunx kompletament kompatibbli mal-liġi Ungeriża, il-qorti Ungeriża għandha tikkonstata fid-deċiżjoni tagħha liema hija l-piena jew il-miżura applikabbli skont il-liġi Ungeriża, filwaqt li tiżgura li din tikkorrispondi mill-iktar viċin possibbli għall-piena jew għall-miżura li imponiet il-qorti barranija u – fil-każ ta’ domanda dwar l-eżekuzzjoni – konsegwentement tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-miżura.

    3.   Fil-konstatazzjoni tal-piena jew tal-miżura applikabbli, irid isir riferiment għal-liġi applikabbli fil-mument li fih twettaq ir-reat. Jekk mil-liġi Ungeriża applikabbli fil-mument tal-konstatazzjoni tal-piena jew tal-miżura applikabbli jirriżulta li l-att inkwistjoni ma għadux reat kriminali jew li dan għandu jiġi kkastigat b’mod inqas sever, hija din il‑liġi l-ġdida li għandha tiġi applikata.

    4.   Jekk, fil-każ ta’ diversi ċirkustanzi ta’ ksur, il-qorti barranija tiddeċiedi fis‑sentenza tagħha piena kumulattiva u wieħed mill-ksur inklużi fid‑deċiżjoni msemmija ma huwiex ksur jew ma jistax jiġi rikonoxxut b’mod ieħor fl-Ungerija, il-qorti Ungeriża għandha tiddeċiedi dwar il-piena fid‑deċiżjoni tagħha skont ir-regoli tal-büntető törvénykönyv [Kodiċi kriminali ( 10 )] dwar id-determinazzjoni tal-pieni irrispettivament minn dan il-ksur filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti oħra li servew ta’ bażi għas-sentenza.

    5.   Jekk il-piena ta’ ħabs imposta mis-sentenza barranija ma hijiex kompatibbli mal-liġi Ungeriża rigward il-forma ta’ eżekuzzjoni tagħha jew tat-tul tagħha, il-qorti Ungeriża għandha tiddeċiedi l-piena u t-tul tagħha skont il-liġi Ungeriża, inklużi r-regoli li jirregolaw il-forma ta’ eżekuzzjoni tal‑piena u l-ammissjoni għal-libertà kondizzjonali, filwaqt li jiġu kkunsidrati pieni previsti mill-Kodiċi kriminali għar-reat li jirriżulta mill-fatti abbażi tas-sentenza u billi jiġu kkunsidrati regoli dwar id‑determinazzjoni tal-pieni. Jekk it-tul tal-piena ta’ ħabs imposta mis‑sentenza barranija hija iqsar minn dik li kieku kienet tiġi imposta skont il‑liġi Ungeriża, fid-dawl ukoll tar-regoli tal-Kodiċi kriminali fil‑qasam ta’ mitigazzjoni ta’ pieni, it-tul tal-piena ta’ ħabs deċiża mill‑qorti Ungeriża huwa ugwali għat-tul tal-piena deċiża mill-qorti barranija. Il-piena determinata mill-qorti Ungeriża ma tistax tkun itwal minn dik il-piena mogħtija mill-qorti barranija.

    6.   Jekk il-qorti barranija imponiet piena ta’ ħabs li minnha ordnat biss l‑eżekuzzjoni ta’ parti determinata tat-tul tagħha u ssospendiet l‑eżekuzzjoni tal-imsemmija piena għall-kumplament, il-qorti Ungeriża għandha tirrikonoxxi l-imsemmija piena ta’ ħabs bħallikieku l-kundannat ingħata l-libertà kondizzjonali. F’dan il-każ, ma hemmx lok, waqt id‑determinazzjoni tal-mument tal-ammissjoni għal-libertà kondizzjonali, li jiġi applikat l-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi kriminali, u lanqas li jiġi applikat l-Artikolu 39(1) ta’ dan il-kodiċi jekk it-tul tal‑libertà kondizzjonali skont din id-dispożizzjoni jaqbeż lil dik tas‑sospensjoni mogħtija fis-sentenza tal-qorti barranija. F’dan il-każ, it‑tul tal-libertà kondizzjonali huwa daqs dak tas-sospensjoni mogħtija fis-sentenza tal-qorti barranija u l-piena għandha titqies bħala skontata fid-data tal-aħħar ġurnata tal-libertà kondizzjonali hekk stabbilita.

    7.   Il-qorti Ungeriża għandha tipprovdi tagħrif lis-servizzi tar-rekords kriminali dwar ir-rikonoxximent tal-effettività ta’ sentenza barranija.

    […]”.

    2. Il-Liġi dwar il-proċedura kriminali tal-1998

    24.

    Skont id-dritt Ungeriż dwar il-proċedura kriminali, il-proċeduri msejħa “speċjali” jintużaw sabiex jiġu deċiżi, wara deċiżjoni finali li biha ġew deċiżi l-kwistjonijiet prinċipali tal-liġi kriminali, kwistjonijiet ta’ liġi kriminali ta’ natura inċidentali marbutin mill-qrib mal-kwistjoni prinċipali, jiġifieri li jkunu proċeduri ssimplifikati.

    3. L-a bűnügyi nyilvántartási rendszerről, az Európai Unió tagállamainak bíróságai által magyar állampolgárokkal szemben hozott ítéletek nyilvántartásáról, valamint a bűnügyi és rendészeti biometrikus adatok nyilvántartásáról szóló 2009. évi XLVII. törvén

    25.

    It-Titolu III tal-a bűnügyi nyilvántartási rendszerről, az Európai Unió tagállamainak bíróságai által magyar állampolgárokkal szemben hozott ítéletek nyilvántartásáról, valamint a bűnügyi és rendészeti biometrikus adatok nyilvántartásáról szóló 2009. évi XLVII. törvény (il-Liġi Nru XLVII tal-2009, dwar ir-rekords kriminali, dwar ir-reġistru ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kontra ċittadini Ungeriżi u dwar il-fajl bijometriku kriminali u tal-pulizija) huwa intitolat “Reġistru ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri tal‑Unjoni Ewropea kontra ċittadini Ungeriżi”.

    26.

    L-Artikolu 31 ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “Il-ġestjoni ta’ informazzjoni inkluża fir-reġistru ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni […] kontra ċittadini Ungeriżi (iktar ’il quddiem “ir-reġistru ta’ sentenzi mogħtija fl-Istati Membri”) għandha bħala għan, f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni inkluża fis-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni […] li għandhom l-awtorità ta’ res judicata u jistabbilixxu l-ħtija ta’ ċittadini Ungeriżi (iktar ’il quddiem ‘is-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri’):

    a)

    il-faċilitazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni msemmija bejn l‑Istati Membri, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta’ Stati Membri f’materji kriminali,

    b)

    it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija informazzjoni tal-persuni misjuba ħatja, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali bbażata fuq suspett ibbażat fuq twettiq ta’ reat ieħor.”

    27.

    Skont l-Artikolu 32 tal-imsemmija liġi:

    “Hija inkluża fir-reġistru tas-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri l‑informazzjoni dwar ċittadini Ungeriżi li l-ħtija tagħhom ġiet stabbilita mid-deċiżjonijiet b’awtorità ta’ res judicata magħmula fi Stati Membri oħra tal-Unjoni […].”

    28.

    Skont l-Artikolu 33 tal-istess liġi:

    “1.   Ir-reġistru ta’ sentenzi mogħtija fl-Istati Membri jinkludi d-data li ġejja li tinsab fis-sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra u kkomunikati mill-awtoritajiet ċentrali magħżula għal kull waħda minnhom:

    a)

    l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata,

    b)

    id-data tas-sentenza, id-data li fiha din akkwistat l-awtorità ta’ res judicata u l-isem tal-qorti li ddeċidietha,

    c)

    l-isem tar-reat li wassal għas-sentenza, il-klassifikazzjoni tiegħu fid-dritt u d-data li fih twettaq,

    d)

    l-informazzjoni dwar il-pieni u l-miżuri, kif ukoll l-eżekuzzjoni tagħhom.

    […].”

    II. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    29.

    D. B. Lada, ċittadin Ungeriż, kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali fit-8 ta’ Jannar 2016 mil-Landesgericht Wiener Neustadt (qorti reġjonali ta’ Wiener Neustadt, l-Awstrija) b’piena ta’ ħabs ta’ erbatax–il xahar fuq akkuża ta’ tentattiv ta’ serq bi żgass fuq oġġetti ta’ valur għoli. Din il-qorti ddeċidiet li hu għandu jiskonta ħdax–il xahar ta’ din il-piena u ssospendiet l-eżekuzzjoni ta’ tliet xhur ta’ priġunerija.

    30.

    Il-qorti msemmija tat is-sentenza tagħha waqt seduta pubblika prinċipali, li fiha l-akkużat, li kien taħt detenzjoni provviżorja, deher personalment. Dan kien assistit minn avukat difensur u seta’ jesprimi ruħu fil-lingwa materna tiegħu bl-għajnuna ta’ interpretu.

    31.

    Fuq talba tal-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Landesgericht Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt) bagħtitlu s-sentenza tagħha mogħtija fil-kawża u sommarju tad-data meħtieġa.

    32.

    Dan il-Ministeru bagħat id-dokumenti, miktubin bil-Ġermaniz, lis-Szombathelyi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szombathely, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju, li hija kompetenti ratione materiae u territorjalment biex timplementa, skont l-Artikolu 46 tal-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali, il-proċedura ta’ “rikonoxximent tal-effettività ta’ sentenza barranija” prevista mill-istess liġi.

    33.

    Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-bidu ta’ din il-proċedura, għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk id-drittijiet fundamentali u d‑dispożizzjonijiet fundamentali tal-Liġi dwar il-proċedura kriminali tal-1998 ġewx irrispettati fil-kuntest tal-proċeduri fil-qorti barranija.

    34.

    Fuq din il-bażi, din il-qorti eżaminat id-dokumenti mibgħuta u ttraduċiethom fil-lingwa Ungeriża. Matul il-proċedura, din ħatret avukat difensur biex jassisti lil D. B. Lada u ddikjarat li l-kundanna tiegħu mil‑Landesgericht Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt) ma kinitx tinstab fir-reġistru kriminali Ungeriż, iżda kienet tidher fl‑ECRIS. Din ikkonstat ukoll li l-piena ta’ priġunerija kienet qed tiġi eżegwita.

    35.

    Din il-qorti tispjega li hemm lok, sabiex jiġu rrikonoxxuti l-effetti fl-Ungerija ta’ sentenza mogħtija mil-Landesgericht Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt) kontra D. B. Lada, li tittieħed inkunsiderazzjoni proċedura speċjali, li tikkonsisti fi proċedura kriminali ġdida. F’dan il-kuntest, ir-reat imwettaq mill-persuna akkużata għandu jiġi evalwat, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi li ttieħdu inkunsiderazzjoni fis-sentenza barranija, fid-dawl tal-Kodiċi kriminali fis-seħħ fil-mument tal-fatti jew tal-evalwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

    36.

    Fir-rigward ta’ din il-proċedura ta’ rikonoxximent, il-qorti tar‑rinviju tispjega li huwa l-Kodiċi kriminali stabbilit bil-2012. évi C. törvény (il-Liġi Nru C tal-2012) li huwa applikabbli kemm fil-mument tal‑fatti kif ukoll fil-mument tal-evalwazzjoni tagħhom, jiġifieri tar‑rikonoxximent tal-effetti tas-sentenza barranija, u li, skont dan il‑kodiċi, ir-reati mwettqa u ġġudikati barra mill-pajjiż għandhom, matul il‑proċedura ta’ rikonoxximent, jiġu kkwalifikati mill-ġdid skont id-dritt Ungeriż.

    37.

    Il-qorti tar-rinviju żżid li, f’dak li jikkonċerna r-reati kriminali msemmija, id-dispożizzjonijiet ta’ sentenza barranija għandhom, b’mod partikolari, jiġu rriformulati skont il-Kodiċi kriminali fis-seħħ, f’każ li jista’ jkun hemm piena ta’ kategorija jew ta’ livell differenti.

    38.

    Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fil-prattika, il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-effettività ta’ sentenzi barranin fl-Ungerija skont l‑Artikoli 46 sa 48 tal-liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali għandha tinvolvi evalwazzjoni u kwalifikazzjoni ġodda, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, tal-fatti diġà deċiżi fid-deċiżjoni tal-qorti kriminali barranija u tal-applikazzjoni (jew id-determinazzjoni) ta’ sanzjonijiet Ungeriżi. B’hekk, il-qorti kkonċernata tipproċedi, biex ngħidu hekk, għal trasformazzjoni jew kwalifikazzjoni mill-ġdid tas-sentenza barranija skont id-dritt Ungeriż, u tapplika sanzjoni ġdida jew, jekk ikun il-każ, miżura ġdida. Skont l‑Artikoli 46 sa 48 tal-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali, il-qorti Ungeriża tista’ għalhekk, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istess fatti, tiddikjara lill-persuna akkużata b’reati differenti minn dawk ikkonstatati wara l-proċedura barranija u timponi fuqha piena jew miżura differenti minn dik li ġiet deċiża wara din il‑proċedura.

    39.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li din il-proċedura speċjali tqajjem xi mistoqsijiet, sa fejn id-dritt Ungeriż jidher li jinjora l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit mid-dritt primarju tal-Unjoni. Kif juri l-Artikolu 47(3) tal-liġi dwar għajnuna legali internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali, li, infakkru, jipprevedi li “[j]ekk il-qorti Ungeriża rrikonoxxiet l-effettività ta’ sentenza barranija, ir-reat għandu jitqies daqs li kieku kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-qorti Ungeriża b’awtorità ta’ res judicata”. B’hekk, mil-liġi Ungeriża jidher li jirriżulta li s-sentenza mogħtija mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor ma tistax tinvolvi kontra l-persuna kkonċernata kundanna u l-applikabbiltà ta’ effetti oħra ta’ din is-sentenza fl-Ungerija ħlief jekk il-qorti Ungeriża tkun irrikonoxxiet l-effetti tal-imsemmija sentenza fit-territorju Ungeriż fil-kuntest tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent. Fi kliem ieħor, mid-dritt Ungeriż jirriżulta li s-sentenza barranija ma tistax tiġi kkunsidrata fl‑Ungerija qabel tkun ġiet rikonoxxuta minn qorti Ungeriża fil-kuntest ta’ din il-proċedura speċjali.

    40.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ma tikkonsistix f’sempliċi riproduzzjoni awtomatika tas‑sentenza barranija. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-qorti Ungeriża kompetenti tista’ tistabbilixxi piena ta’ kategorija u ta’ livell differenti minn dawk użati mill-qorti barranija, u anki tista’ tirrikonoxxi s-sentenza billi tikkunsidra l-fatti bħala li jikkostitwixxu reat punibbli b’piena iktar severa. Huwa għalhekk b’deċiżjoni ġdida li din tirrikonoxxi l-effetti ta’ sentenza barranija. Skont il-qorti tar-rinviju, din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi riproduzzjoni imperfetta fl-Ungerija ta’ sentenza barranija jew timplika sentenza oħra mogħtija fi Stat Membru ieħor rigward l-istess persuna u l-istess fatti għaliex hemm lok, fil-kuntest tal-proċedura speċjali, li l-persuna tiġi ddikjarata ħatja ta’ reati ġodda skont id-dritt Ungeriż, u l-kundanna relatata għandha tkun inkluża fir-rekord kriminali Ungeriż. Dan iqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal‑proċedura speċjali ta’ rikonoxximent mal-prinċipju ne bis in idem, li tista’ tiġi solvuta b’interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Unjoni Ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża, dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom ( 11 ) u tal-Artikolu 50 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 12 ).

    41.

    Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l‑għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali li tipprevedi l-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi barranin għandhom bħala għan li l-kundanni li jirriżultaw minn sentenzi bħal dawn jistgħu jitpoġġew fir-rekord kriminali Ungeriż, fil-każ li l-qorti Ungeriża tkun irrikonoxxiet l-effetti ta’ dawn is-sentenzi. Is-sentenzi rrikonoxxuti jistgħu għalhekk, jekk ikun il-każ, fil-futur jiġġustifikaw li jikkunsidraw lill-persuni misjuba ħatja bħala reċidivi, jew saħansitra multireċidivi.

    42.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-implementazzjoni tal-liġi Ungeriża toħloq sitwazzjoni li fiha r-rekord kriminali Ungeriż juri, kif titlesta l-proċedura ta’ rikonoxximent, f’dak li jikkonċerna l-persuna kkundannata, reati u piena rrikonoxxuti mid-dritt Ungeriż filwaqt li l‑ECRIS tkompli tinkludi d-data li tinsab fis-sentenza barranija.

    43.

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tispjega li din ma hijiex kwistjoni konkretament marbuta mal-eżekuzzjoni fl-Ungerija ta’ sanzjonijiet imposti f’sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor u li, f’sitwazzjoni bħal din, il-proċedura li għandha tiġi segwita hija bbażata fuq leġiżlazzjoni oħra, jiġifieri l-az Európai Unió tagállamaival folytatott bűnügyi együttműködésről szóló 2012. évi CLXXX. törvény (il-Liġi Nru CLXXX tal-2012 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal‑Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet kriminali) ( 13 ).

    44.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali proċedura ta’ rikonoxximent hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward, b’mod partikolari, tal‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali kif ukoll tal-prinċipju ne bis in idem, kif inhuma previsti mid-dritt primarju tal-Unjoni.

    45.

    Fid-dawl tal-mistoqsijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il‑kawża, ġie deċiż, fit-13 ta’ Settembru 2016, li l-qorti tar-rinviju tiġi nnotifikata bis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 14 ), li fiha l-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li d-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d Deċiżjoni 2009/316 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar proċedura speċjali nazzjonali ta’ rikonoxximent mill-qorti ta’ Stat Membru ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li tikkundanna persuna għat-twettiq ta’ reat.

    46.

    Permezz ta ittra li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2016, is-Szombathelyi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szombathely) iddeċidiet li żżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, filwaqt li ppreċiżat li l-fatti li wasslu għas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 15 ), iċċitata iktar ’il fuq, kienu jirrigwardaw biss l-ispejjeż ta’ traduzzjoni u ta’ interpretazzjoni sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tuża l-lingwa materna tagħha matul il-proċedura ta’ rikonoxximent Ungeriża.

    47.

    Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li din is-sentenza ma rriżultatx fi prattika uniformi mill-qrati Ungeriżi. B’hekk, ċerti qrati, fid‑dawl tal-karatteristiċi tad-deċiżjoni qafas fid-dritt tal-Unjoni, komplew jimplementaw proċeduri speċjali filwaqt li stennew emenda tal‑leġiżlazzjoni Ungeriża. Oħrajn ikklassifikaw il-kawżi sospiżi jew qegħdin jistennew li tiġi żviluppata prattika ġudizzjarja uniformi. Il-qorti tar-rinviju tosserva li jekk ikun hemm konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ungeriża mad-dritt primarju tal-Unjoni, il-qrati Ungeriżi aditi jistgħu jinjoraw awtomatikament din il-leġiżlazzjoni u l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali jista’ jiġi invokat fit-totalità tiegħu.

    48.

    Barra minn hekk, l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku titlob, skont il-qorti tar-rinviju, evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ħafna iktar wiesgħa minn dawk diskussi fis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 16 ). F’din il‑kawża, hemm bżonn, konkretament, li jiġi eżaminat il-punt dwar jekk qorti nazzjonali tistax tieħu miżuri li, meta mqabbla ma’ dawk deċiżi mill-qorti li tat is-sentenza barranija, għandhom bħala konsegwenza li jemendaw b’xi mod jew ieħor din is-sentenza.

    49.

    Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li l-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent prevista mil-leġiżlazzjoni Ungeriża għadha ma ġietx eżaminata f’termini tal-prinċipju ne bis in idem. Għalhekk, din il‑proċedura għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva ta’ dan il-prinċipju kif ukoll tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku peress li l-qorti Ungeriża kompetenti tikkwalifika, matul il-proċedura msemmija, ir-reati li diġà ġew deċiżi barra mill-pajjiż skont il-liġi Ungeriża fis-seħħ u tista’ tapplika pieni u miżuri differenti oħra ta’ sanzjonijiet imposti bis-sentenza barranija. B’hekk, jista’ jiġri li xi reati kompletament differenti jiġu kkonstatati għall-istess fatti fis-sentenza barranija u fid-deċiżjoni Ungeriża. L-istess jgħodd għall-pieni, iżda dawk deċiżi fl-Ungerija ma jistgħux ikunu iktar severi minn dawk deċiżi barra mill‑pajjiż.

    50.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 hija rilevanti għal din il-proċedura, ladarba l-kundanna barranija ta’ D. B. Lada ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali sussegwenti mingħajr l-applikazzjoni preliminari tal‑proċedura speċjali ta’ rikonoxximent.

    51.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szombathelyi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szombathely) iddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 67 TFUE u 82 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeskludu, f’dak li jikkonċerna persuna misjuba ħatja li l-kawża tagħha tkun ġiet finalment deċiża b’sentenza li hija res judicata mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru tal-Unjoni, l‑implementazzjoni ta’ proċeduri kriminali jew proċeduri oħra bbażati fuq leġiżlazzjoni nazzjonali u intiżi sabiex ‘jirrikonoxxu’ jew jittrasformaw l-effetti tas-sentenza barranija fil-livell nazzjonali, u permezz tal-effett tagħha l-imsemmija sentenza barranija għandha titqies bħala mogħtija minn qorti nazzjonali?

    2)

    Proċeduri bbażati fuq l-Artikoli 46 sa 48 tal-Liġi [dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali] introdott[a] ‘sabiex jirrikonoxxu l-effikaċja” fl-Ungerija ta’ sentenzi barranin fi tmiem proċeduri kriminali kkompletati u finalment konklużi fi Stat Membru tal‑Unjoni – jiġifieri fi Stat Membru ieħor, iżda dwar l-istess persuna u l‑istess reat – u intiżi, fir-realtà, mhux sabiex jiġu eżegwiti l-imsemmija sentenzi iżda sabiex jistabbilixxu l-motivi tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fil-proċeduri kriminali li għad iridu jsiru, huma – fid-dawl tad-Deċiżjoni Kwadru […] 2008/675 […] kompatibbli mal-prinċipju ‘ne bis in idem’, sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta […] u fl-Artikolu 54 tal‑Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen?”

    III. L-analiżi tiegħi

    52.

    Miż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom, fl-opinjoni tagħna, jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il‑proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi barranin prevista mid-dritt Ungeriż hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, skont l‑Artikoli 67 u 82 TFUE, mad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 u mal-prinċipju ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta u fl-Artikolu 54 tal‑Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.

    53.

    Dawn id-domandi saru mill-qorti nazzjonali li għandha kompetenza, fis-sistema legali Ungeriża, li timplementa l-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ kundanna mogħtija mil-Landesgericht Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt) kontra D. B. Lada, kif din il-proċedura hija prevista fl-Artikoli 46 sa 48 tal-Liġi dwar l‑għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali.

    54.

    Għandu jiġi ppreċiżat li din il-proċedura ta’ rikonoxximent tas-sentenza barranija ma hijiex, f’dan il-każ, implementata la sabiex tiġi eżegwita fl-Ungerija l-piena mogħtija f’din is-sentenza u lanqas biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-imsemmija sentenza fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ġdida li D. B. Lada kien diġà s-suġġett tagħha fl‑Ungerija.

    55.

    L-Artikoli 46 sa 48 tal-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali jistabbilixxu proċedura speċjali ta’ rikonoxximent minn qabel, mill-qrati Ungeriżi kompetenti, tal-kundanni definittivi mogħtija mill-qrati barranin, li għandhom bħala għan li jagħtu lid‑deċiżjoni li biha dawn il-kundanni huma rrikonoxxuti l-effett ta’ kundanna deċiża minn qorti Ungeriża.

    56.

    Skont id-deskrizzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju, din il‑proċedura tinvolvi eżami mill-ġdid tal-kundanna barranija kkonċernata li tista’ twassal għal kwalifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali li wassal għal din il-kundanna kif ukoll adattament tal-piena mogħtija jekk dawn l-elementi ma humiex kompatibbli mal-leġiżlazzjoni kriminali Ungeriża.

    57.

    Fil-kuntest tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ kundanna deċiża minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, il-persuna li kienet is-suġġett ta’ sentenza kriminali definittiva ma hijiex suġġetta għal proċeduri kriminali ġodda li jistgħu jwasslu għat-tieni kundanna għall-istess reat. Din il-proċedura, li biha l-qorti Ungeriża kompetenti ma twassalx għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti jew tal-grad ta’ responsabbiltà kriminali tal‑persuna kkonċernata, tixbah proċedura ta’ exequatur u għandha pjuttost bħala għan li taġġusta l-konsegwenza ġudizzjarja stabbilita fis‑sentenza barranija sabiex tkun konformi mal-leġiżlazzjoni kriminali Ungeriża. Għalhekk, il-prinċipju ne bis in idem, li għandu bħala għan li jevita, fil-qasam ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, li persuna kkundannata b’mod definittiv ma tkunx, minħabba l-fatt li tuża d-dritt għall-moviment liberu tagħha, ipproċessata għall-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati Membri ( 17 ), ma jidhirlix li huwa rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

    58.

    Kif semmejt qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddikjara, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 18 ), li d‑Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-implementazzjoni tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent Ungeriża. B’mod iktar speċifiku, din iddeċidiet li, konformement ma’ dawn tal-aħħar, ir-reġistrazzjoni fir-rekord kriminali mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-kundanni deċiżi mill-qrati tal-Istat Membru li jikkundanna għandha ssir direttament abbażi tat-trażmissjoni mill-awtorità ċentrali ta’ dan l-aħħar Stat Membru, permezz tal-ECRIS, tal-informazzjoni dwar dawn il-kundanni taħt il-forma ta’ kodiċijiet ( 19 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ir-reġistrazzjoni ma tistax tiddependi mill-implementazzjoni preliminari ta’ proċedura ta’ rikonoxximent ġudizzjarju tal-imsemmija kundanni, bħall-proċedura speċjali Ungeriża, u lanqas a fortiori mill‑komunikazzjoni lill-Istat Membru tan-nazzjonalità tas-sentenza ta’ kundanna għall-finijiet ta’ tali rikonoxximent ( 20 ).

    59.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov ( 21 ), fir-rigward tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent Bulgaru. B’hekk din iddeċidiet li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li fi Stat Membru t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija preċedentament minn qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun suġġetta għall-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati kompetenti minn dan l-ewwel Stat Membru.

    60.

    F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali proċeduri nazzjonali ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi barranin jiksru l‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali previst fl-Artikolu 82(1) TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 31 UE li fuqu huma bbażati d-Deċiżjoni Qafas 2009/315, id‑Deċiżjoni 2009/316 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 ( 22 ). B’mod partikolari, dan il-prinċipju jipprekludi li d-deċiżjonijiet ta’ kundanna magħmula fi Stati Membri oħra jkunu, bis-saħħa ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent, is-suġġett ta’ reviżjoni ( 23 ).

    61.

    Fid-dawl tal-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn iż‑żewġ sentenzi, huwa leġittimu li jsiru mistoqsijiet dwar ir-raġunijiet li jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi għal darba oħra dwar il‑konformità mad-dritt kriminali tal-Unjoni ta’ dan it-tip ta’ proċeduri nazzjonali ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi barranin minkejja li din il‑kwistjoni tista’ titqies li ġiet deċiża definittivament u kompletament fis-sentenzi msemmija. Dawn ir‑raġunijiet, fl-opinjoni tiegħi, huma tlieta.

    62.

    Fl-ewwel lok, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Ungeriż fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jidhru li jpoġġu indiskussjoni mill-ġdid il‑motiv li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fis‑sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 24 ), jiġifieri dak li jipprevedi li l-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent Ungeriża tikkostitwixxi prerekwiżit għar-reġistrazzjoni fir-rekord kriminali Ungeriż tal-kundanni mogħtija minn qrati ta’ Stati Membri oħra fir-rigward taċ-ċittadini Ungeriżi. Huwa billi telqet minn din il-premessa li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316, żewġ liġijiet intiżi biex jiffaċilitaw ċirkulazzjoni rapida ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-Istati Membri u li għalhekk jipprekludu proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent li t-teħid inkunsiderazzjoni preliminari tagħha huwa kundizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni fir‑rekord kriminali Ungeriż.

    63.

    Fil-fatt, il-Gvern Ungeriż jispjega, essenzjalment, fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, skont il-Liġi Nru XLVII tal‑2009 dwar ir-rekords kriminali, fir-reġistru ta’ sentenzi mogħtija mill‑qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kontra ċittadini Ungeriżi u fil-fajl bijometriku kriminali u tal-pulizija, sentenza mogħtija fi Stat Membru hija, jekk l-awtorità ta’ dan l-Istat Membru kkomunikatha fil‑forma adattata u b’kontenut adegwat għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, tiġi rreġistrata mingħajr ebda proċedura speċjali fir-reġistru tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri kontra ċittadini Ungeriżi, peress li dan ir-reġistru huwa amministrat mis-servizz tar-rekords kriminali. Skont din id-deskrizzjoni, il-Gvern Ungeriż jikkunsidra li l‑leġiżlazzjoni Ungeriża hija, essenzjalment, konformi mad‑dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315. Minn dawn l‑ispjegazzjonijiet jirriżulta li l-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ dawn is-sentenzi titwettaq b’mod indipendenti minn din ir-reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra.

    64.

    Għalhekk, il-punti fid-deċiżjoni tar-rinviju pjuttost jivvalidaw il-premessa li tgħid li l-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent issir minn qabel u bil-għan tar‑reġistrazzjoni fir-rekords kriminali Ungeriżi ta’ kundanni barranin mogħtija kontra ċittadini Ungeriżi.

    65.

    F’dan ir-rigward, nirreferi għall-Artikolu 48(7) tal-Liġi dwar l‑għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali, iċċitat mill-qorti tar-rinviju, li jipprevedi li “[i]l-qorti Ungeriża tipprovdi tagħrif lis-servizzi tar-rekords kriminali dwar ir-rikonoxximent tal-effettività ta’ sentenza barranija”. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li r-reati l-ġodda kif jirriżultaw mid-dritt Ungeriż – jiġifieri wara kwalifikazzjoni mill-ġdid fil-kuntest tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent – għandhom jiġu indikati fir-rekords kriminali nazzjonali ( 25 ). Barra minn hekk, din l-istess qorti kkonstatat, matul il‑proċedura, li l-kundanna mogħtija mill-Landesgericht Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt) kontra D. B. Lada ma kinitx tinsab fir-rekords kriminali Ungeriżi, iżda kienet inkluża fl-ECRIS. Finalment, l-imsemmija qorti tispjega li d-dispożizzjonijiet li jidhru fit-Titolu IV tal-Kapitolu 1 tal-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali għandhom bħala għan li l‑kundanna barranija tista’ tiġi inkluża fir-rekords kriminali Ungeriżi, f’każ li l-qorti Ungeriża tkun irrikonoxxiet l-effetti tagħha ( 26 ). Minn dawn il-punti niddeduċi li r-reġistrazzjoni ta’ sentenza barranija fir-rekords kriminali Ungeriżi ssir wara r-rikonoxximent ta’ din is-sentenza skont il-proċedura speċjali.

    66.

    Barra minn hekk, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal‑proċedura speċjali ta’ rikonoxximent, il-qorti Ungeriża kompetenti, filwaqt li tikkunsidra l-istess fatti, tista’, skont id-dritt Ungeriż, tiddikjara l-persuna li kienet is-suġġett ta’ kundanna barranija ħatja ta’ reati differenti minn dawk ikkonstatati fi tmiem proċedura kriminali barranija u timponi fuqha piena jew miżura differenti minn dik stabbilita fi tmiem din il-proċedura ( 27 ). Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li l‑implementazzjoni tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent toħloq sitwazzjoni li fiha r-rekords kriminali Ungeriżi juru, wara din il‑proċedura, f’dak li jikkonċerna l-persuna akkużata, reati u pieni rrikonoxxuti mid-dritt Ungeriż filwaqt li l-ECRIS tkompli tinkludi d-data li tinstab fis-sentenza barranija ( 28 ).

    67.

    Tali diverġenza bejn l-informazzjoni li tidher fl-ECRIS u dik imsemmija fir-rekords kriminali Ungeriżi hija kuntrarja għas-sistema ta’ skambju u ta’ konservazzjoni ta’ informazzjoni dwar kundanni kriminali li ġiet stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u mid-Deċiżjoni 2009/316.

    68.

    Il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ kundanni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor hijiex implementata tajjeb għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kundanni fir-rekords kriminali Ungeriżi hija, f’kull każ, kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja ( 29 ).

    69.

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-prattika li tidher li hi dik tal‑Ministeru tal-Ġustizzja, li titlob li s-sentenza barranija tkun trażmessa lilu qabel ir-reġistrazzjoni fir-rekords kriminali Ungeriżi tal-kundanna li tinsab fih, għandu jitfakkar li din il-prattika hija kuntrarja għas-sistema żviluppata mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316. Fil‑fatt, dawn tal-aħħar jimplementaw sistema rapida u effettiva ta’ skambji ta’ informazzjoni dwar kundanni kriminali mogħtija fi Stati Membri differenti ( 30 ). Din l-informazzjoni hija b’hekk trażmessa bejn l‑awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri permezz tal-ECRIS, taħt il-forma ta’ kodiċi li jikkorrispondu għal kull reat u sanzjoni li huma s-suġġett tat‑trażmissjoni ( 31 ). Għalhekk, it-trażmissjoni lill-awtorità ċentrali tal‑Istat Membru ta’ nazzjonalità tad-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor issir biss jekk ikun hemm ċirkustanzi partikolari li jirrikjedu dan, u ma tistax tintalab b’mod sistematiku għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-kundanna msemmija fir‑rekords kriminali tal-ewwel Stat Membru ( 32 ). F’dan ir-rigward nirrileva li l-ebda ċirkustanza partikolari li tista’ tiġġustifika t‑trażmissjoni tas-sentenza ta’ Landesgericht Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt) lill-Ministeru tal-Ġustizzja ma ġiet ippreżentata mill-gvern Ungeriż fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

    70.

    Għalhekk, fid-dawl tal-elementi preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma r-raġunament li hija użat fil-punti 28 sa 35, kif ukoll fil-punti 41 sa 55 tas-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 33 ). F’dak li jikkonċerna lili, se nżomm il-pożizzjoni li ħadt fil-punti 36 sa 67 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt f’din l-istess kawża u li għalihom qed nirreferi ( 34 ).

    71.

    Fit-tieni lok, kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-gvern Ungeriż iqabblu l-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni Qafas 2008/675. F’dan ir-rigward, mill‑ispjegazzjonijiet li ġew ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-implementazzjoni ta’ din il-proċedura mill-qrati Ungeriżi kompetenti tikkostitwixxi formalità preliminari neċessarja għat-teħid inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ġdida ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija preċedentement minn qorti ta’ Stat Membru ieħor. Il-Gvern Ungeriż, f’dan ir-rigward, jenfasizza n-neċessità li jadatta tali kundanna għal-leġiżlazzjoni kriminali Ungeriża fil-kuntest ta’ din il‑proċedura speċjali ta’ rikonoxximent. Mingħajr tali adattament minn qabel, il-kundanna msemmija ma għandhiex tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali futuri li jistgħu, jekk ikun il-każ, jinfetħu kontra l-persuna li kienet is-suġġett ta’ kundanna barranija.

    72.

    Kif indikajt qabel, D. B. Lada bħalissa ma huwiex is-suġġett ta’ proċedura kriminali ġdida fl-Ungerija, b’tali mod li r-rilevanza tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, li għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, “li tiddetermina l-kondizzjonijiet li taħthom, matul proċedimenti kriminali fi Stat Membru kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, jittieħdu in konsiderazzjoni” ( 35 ), tista’ tidher dubjuża f’dan il-każ. Is‑sitwazzjoni hija, f’dan ir-rigward, differenti minn dik ta’ T. Beshkov li, min-naħa tiegħu, kien is-suġġett ta’ proċedura kriminali ġdida fil‑Bulgarija li fil-kuntest tagħha qamet il-kwistjoni dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanna preċedenti mogħtija minn qorti Awstrijaka ( 36 ).

    73.

    Għalhekk, huwa ċar li, hi x’inhi s-sitwazzjoni li fiha ġiet implementata, il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent tibqa’ kuntrarja għas-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2008/675 inkwantu tikkostitwixxi formalità minn qabel mhux prevista minn din id-deċiżjoni qafas u li tikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni tagħha. Fi kliem ieħor, din il-proċedura hija maħsuba mil-leġiżlatur Ungeriż bħala waħda intiża bħala preparazzjoni għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni barranin fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali futuri jew preżenti. Għalhekk mill-ħsieb tal-awtoritajiet Ungeriżi tidher li ma tistax tiġi sseparata mill‑implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675. Għalhekk huwa utli, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża prinċipali u, b’mod iktar partikolari, sabiex tiddeċiedi jekk din il-qorti għandhiex jew le timplementa din il-proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent, li l-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, essenzjalment, dak li ddeċidiet fil-punti 35 sa 38 u fil-punt 40 tas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov ( 37 ), jiġifieri li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni, fi Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel minn qorti ta’ Stat Membru ieħor ikun suġġett għall-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat Membru. Min-naħa tiegħi, nirreferi għall-punti 27 sa 31 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt f’din il-kawża ( 38 ).

    74.

    Kuntrarjament għal dak li ddikjaraw il-Gvern Ċek u dak Ungeriż, il-premessa 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 ma tistax titqies li tfisser li Stat Membru għandu l-possibbiltà li jissuġġetta kundanna mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor għal proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent qabel ikun jista’ jikkunsidraha fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ġdida.

    75.

    Kif indikat il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l‑implementazzjoni mill-Istati Membri, tad-[Deċiżjoni Qafas 2008/675], din “għandha valur miżjud konsiderevoli fil-promozzjoni tal-fiduċja reċiproka fil-qasam tal-liġijiet penali u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji fiż‑żona Ewropea tal-Ġustizzja billi tinkoraġġixxi kultura ġudizzjarja fejn kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor fil-prinċipju jiġu kkunsidrati” ( 39 ). Għal dan l-iskop, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, jistabbilixxi l-obbligu għall‑‑Istati Membri li jkun assigurat li, f’każ ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija fi Stat Membru kontra persuna, il-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor kontra din l-istess persuna għal fatti differenti, li għalihom l-informazzjoni nkisbet permezz ta’ strumenti applikabbli fil-qasam ta’ għajnuna ġudizzjarja jew ta’ skambju ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali, minn naħa, jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn il-kundanni nazzjonali preċedenti huma skont id-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, għandhom jirrikonoxxu effetti ekwivalenti għal dawk marbuta ma’ dawn l-aħħar kundanni skont dan id‑dritt.

    76.

    B’hekk, id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 hija rregolata mill‑prinċipju ta’ ekwivalenza ( 40 ). Konformement ma’ dan il-prinċipju, it‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor huwa biss obbligatorju għall-qorti nazzjonali adita f’każ ta’ proċeduri kriminali ġodda, sa fejn dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa possibbli f’sitwazzjoni purament nazzjonali.

    77.

    Dan ir-rekwiżit huwa marbut b’mod ċar mal-ħolqien tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u, b’hekk, mar-rikonoxximent reċiproku li jimponi mhux biss it-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni barranija, iżda wkoll l-osservanza tagħha.

    78.

    Għaldaqstant, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni barranija preċedenti, il-qorti li qed tiddeċiedi warajha ma tistax temendaha la f’sens u lanqas f’ieħor. L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jistabbilixxi dan il-prinċipju. Hemm bżonn sempliċiment li l-qorti nazzjonali adita l-aħħar tagħti lil din id-deċiżjoni l-konsegwenzi relatati, skont id-dritt nazzjonali tagħha, mad-deċiżjoni nazzjonali preċedenti.

    79.

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov ( 41 ), l-Artikolu 3(3), kif ukoll il‑premessa 13 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jipprojbixxu espressament rieżami tad-deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija preċedentement fl-Istati Membri l-oħra, u għalhekk dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont kif ġew mogħtija ( 42 ).

    80.

    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Gvern Ċek u dak Ungeriż, minkejja li l-premessa 13 tindika wkoll li din id-Deċiżjoni Qafas tosserva d-diversità tas-soluzzjonijiet u tal-proċeduri interni neċessarji sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor u ma tipprekludix Stat Membru milli jadotta, jekk meħtieġ, deċiżjoni li tippermetti li jingħataw effetti legali ekwivalenti lil din il-kundanna, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ma tistax madankollu, u fi kwalunkwe każ, timplika l-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 43 ).

    81.

    Kollox ma’ kollox, għalkemm il-premessa 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tindika li Stat Membru jista’ jieħu, jekk neċessarju, deċiżjoni li tippermetti li torbot l-effetti ġudizzjarji ekwivalenti għal kundanna preċedenti, dan huwa biss taħt il-kundizzjoni li din id-deċiżjoni tosserva r‑regola msemmija fl-Artikolu 3(3) tal-istess deċiżjoni qafas, jiġifieri li ma għandhiex tkun rieżami tal-kundanna.

    82.

    F’dan ir-rigward, hemm differenza kbira bejn, minn naħa, il-fatt li tiġi adottata deċiżjoni li teżamina mill-ġdid sentenza barranija preċedenti u li tista’, għalhekk, twassal għal kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ reat kriminali u għal tibdil fil-piena mogħtija f’sentenza, u min-naħa l-oħra, dik li tiġi adottata deċiżjoni li tispeċifika l-modalitajiet konkreti tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza barranija fil-kuntest tal-proċedura kriminali ġdida jew li tispeċifika aħjar ir-raġunijiet li għalihom dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex possibbli fil-każ konkret.

    83.

    L-ewwel soluzzjoni tolqot direttament il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, filwaqt li t-tieni waħda għall-kuntrarju tirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni konkret ta’ dan il-prinċipju.

    84.

    L-indikazzjonijiet li jinstabu fil-premessa 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandhom biss bħala għan, fl-opinjoni tiegħi, li jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni biex jistabbilixxu l‑modalitajiet konkreti li bihom is-sentenzi ta’ qabel mogħtija fi Stat Membru ieħor huma kkunsidrati mill-qrati tagħhom. Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 ma tarmonizzax l-effetti legali li għandhom ikunu marbuta mas-sentenzi preċedenti ( 44 ). L‑implementazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku twassal sabiex jiġi rrikonoxxut, għas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor, l‑istess valur u effetti bħal dawk ta’ sentenza nazzjonali preċedenti. Fi kliem ieħor, din id-deċiżjoni qafas tistabbilixxi “prinċipju ta’ tqabbil” tad‑deċiżjoni meħuda minn Stat Membru ieħor mas-sentenza nazzjonali ( 45 ). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni qafas tħalli r‑responsabbiltà f’idejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sabiex jisiltu l‑konsegwenzi ta’ dan il-prinċipju, li jfisser li bl-ebda mod ma tarmonizza l-konsegwenzi marbuta f’kull Stat Membru mas-sentenzi preċedenti, li jibqgħu esklużivament irregolati mid-dritt nazzjonali ( 46 ). Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri jipprevedu għalhekk, fid-drittijiet nazzjonali tagħhom, effetti legali differenti, li jistgħu, minbarra dan, jiġu applikati skont modalitajiet diversi u fi stadji differenti tal-proċedura kriminali tagħhom.

    85.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat fl-espożizzjoni tal‑motivi tal-proposta ta’ deċiżjoni qafas tagħha li l-effetti tal-kundanni preċedenti huma differenti ħafna skont is-sistemi nazzjonali. F’ċerti Stati Membri, l-eżistenza ta’ kundanna preċedenti hija element de facto, li għandha tiġi evalwata mill-awtoritajiet kompetenti, li għandhom jikkunsidrawha biex jieħdu d-deċiżjoni tagħhom. Fi Stati Membri oħra, teżisti sistema ta’ reċidività legali f’sens wiesa’, li torbot ċerti effetti tad‑dritt mal-eżistenza ta’ kundanna preċedenti, peress li dawn l-effetti ma jaqgħux taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti. F’każ li għandu jingħata qafas legali għar-reċidività, il-Kummissjoni tindika li l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li fihom effetti ekwivalenti huma marbuta mal-eżistenza ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ reċidività legali huma spiss marbuta direttament mal-istruttura ta’ reat u ta’ pieni li teżisti fuq il-livell nazzjonali, b’mod partikolari fil-każijiet kollha fejn jeżistu sistemi ta’ reċidività speċjali ( 47 ).

    86.

    Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, il-premessa 13 tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/675 għalhekk ma tistax tinqara bħal li tippermetti l-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi fi kwistjonijiet kriminali mogħtija fi Stati Membri oħra, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Qari estensiv bħal dan imur kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ dawn is‑sentenzi. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet restrittivi ħafna tal‑premessa 13 ta’ din id‑deċiżjoni qafas juru li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni li tippermetti li jingħataw effetti legali ekwivalenti għal kundanna barranija preċedenti, suġġetta għall‑projbizzjoni ta’ eżami mill-ġdid ta’ din il-kundanna, ma jistax ikollhom irwol jekk mhux każ b’każ, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, f’każijiet tant evidenti li jkun possibbli li jiġu indirizzati fl-iqsar ħin possibbli mitlub minn din l-istess premessa.

    87.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti niddeduċi li s-sistema implementata bid-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tipprekludi li Stat Membru jissuġġetta d-deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra għal proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent fil-kuntest li fih dawn id-deċiżjonijiet ikunu s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid li jista’ jwassal biex jiġu emendati sabiex jiġu adattati għal-liġi kriminali ta’ dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward infakkar li l-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent prevista mid-dritt Ungeriż tista’ twassal għal klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni finali min-naħa ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor u għal adattament tal-piena mogħtija mal-liġi kriminali Ungeriża.

    88.

    Ċertament, il-Gvern Ungeriż spjega lill-Qorti tal-Ġustizzja li kien ġie deċiż, wara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 48 ), li ma jimplementax iktar b’mod sistematiku l-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi barranin ( 49 ). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, jekk b’xi mod din tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti, ma għandhiex tkun in-natura sistematika tal-implementazzjoni ta’ din il-proċedura li tiġġustifika l‑konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-proċedura msemmija mad‑Deċiżjoni Qafas 2008/675. Dak li jikkonkretizza din l‑inkompatibbiltà huwa l-fatt li din il-proċedura, anki jekk tiġi implementata biss f’każ ta’ proċedura kriminali ġdida effettivament mibdija kontra persuna li kienet is-suġġett ta’ kundanna preċedenti mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, u mhux iktar b’mod sistematiku indipendentement minn kwalunkwe proċeduri kriminali ġodda, minn naħa, tikkostitwixxi formalità preliminari li tikkundizzjona t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali kundanna preċedenti u, minn naħa l-oħra, tikkostitwixxi rieżami mill-ġdid ta’ din il-kundanna li tista’ twassal biex temendaha sabiex tadattaha għal-leġiżlazzjoni kriminali Ungeriża.

    89.

    Għandu jiġi indikat li s-sistema implementata mid-Deċiżjoni Qafas 2008/675 fuq dan il-punt tinkludi differenza fundamentali minn dak stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea ( 50 ). Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda ma tippermetti l-ebda adattament ta’ kundanni barranin sabiex jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ġdida, it-tieni waħda tistabbilixxi, fl-Artikolu 8 tagħha, kundizzjonijiet stretti għall-adattament, mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, tas-sentenza mogħtija fl-Istat emittenti, li jikkostitwixxu l-uniċi eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju, li għandha ġġorr l-imsemmija awtorità, li tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trażmessa lilha u li tiġi teżegwixxi l-piena li t-tul u n-natura tagħha jikkorrispondu ma’ dawk previsti fis-sentenza mogħtija fl-Istat emittenti ( 51 ). Madankollu, tali fakultà ta’ adattament ta’ kundanna barranija ma tista’ bl-ebda mod tintuża mill-Gvern Ungeriż fil-kuntest ta’ din il-kawża għaliex hu ċar li din ma tikkonċernax l-implementazzjoni tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent fid-dawl tal-eżekuzzjoni fl‑Ungerija tal-kundanna li ġiet mogħtija mil-Landesgericht Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt) fir-rigward ta’ D. B. Lada.

    90.

    Fl-aħħar nett, nenfasizza li l-eżistenza ta’ proċedura bħal dik implementata mill-awtoritajiet Ungeriżi qabel ir-reġistrazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja kriminali barranija fir-rekords kriminali nazzjonali, kemm jekk b’mod sistematiku jew le, jidhirli li ma għandha l-ebda utilità fil-kuntest tas-sistema stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u bid‑Deċiżjoni 2009/316 u, għaldaqstant, li tikkontradixxi lil dawn tal‑aħħar. Dawn iż-żewġ normi jorganizzaw primarjament l‑informazzjoni komuni fir-rekords kriminali tal-Istati Membri. Il‑problema tissimplifika ruħha fiha nnifisha jekk tiġi kkunsidrata l-utilità fundamentali tar-rekords kriminali.

    91.

    L-eżistenza ta’ rekord kriminali tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji li jkunu jafu jekk individwu partikolari ġiex ikkundannat, f’hiex tikkonsisti l-piena tiegħu kif ukoll ir-reati mwettqa, li jippermettu, jekk ikun il-każ, li tiġi stabbilita jew eskluża eventwali reċidività u jiġi vverifikat jekk il-piena mogħtija ġietx eżegwita.

    92.

    Fiha nnifisha, ir-reġistrazzjoni fir-rekords kriminali ma tikkostitwixxi la teħid inkunsiderazzjoni u lanqas eżekuzzjoni ta’ kundanna. Huwa permezz ta’ konsulta mar-rekords kriminali fil-kuntest ta’ proċeduri sussegwenti li l-awtorità ġudizzjarja tara jekk hemmx xi kundanna li hi għandha tieħu inkunsiderazzjoni jew teżegwixxi. Huwa biss f’dan il-każ, u skont il-każ, li l-qorti adita fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ġdida tqajjem il-kwistjoni tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanna jew tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/909 għall-eżekuzzjoni tagħha.

    93.

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri l‑Artikolu 82(1) TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, billi tenfasizza l-fatt li l-qrati nazzjonali jkunu għalhekk f’pożizzjoni li jinjoraw il-leġiżlazzjoni Ungeriża kuntrarja għal dan id-dritt, ħaġa li ma jistgħux jagħmlu jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha biex tinterpreta deċiżjonijiet qafas u biex tisħaq fuq in-nuqqas ta’ konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ dawn ( 52 ). B’hekk inħolqot il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet qafas jistgħux jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja.

    94.

    Huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li l-proċedura speċjali Ungeriża tikser b’mod ċar il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 82(1) TFUE. Fil-fatt, kif tinnota ġustament il-Kummissjoni, din il-proċedura tostakola r-rikonoxximent awtomatiku ta’ sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra peress li hi tipprevedi, minflok ir-rikonoxximent ta’ dawn is-sentenzi, is-sostituzzjoni tagħhom minn deċiżjoni nazzjonali, li hi biss jista’ jkollha effetti ġuridiċi fl-ordni ġuridiku Ungeriż. Il-kliem tal‑Artikolu 47(3) tal-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali huwa, f’dan ir-rigward, ċar ħafna, inkwantu jipprevedi li, “[j]ekk il-qorti Ungeriża rrikonoxxiet l-effettività ta’ sentenza barranija, ir-reat għandu jitqies daqs li kieku kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-qorti Ungeriża b’awtorità ta’ res judicata”. Għandu jingħad ukoll li d-deċiżjoni meħuda mill-qorti Ungeriża kompetenti fi tmiem il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent jista’ jkollha, jekk ikun il-każ, adattament ta’ sentenza barranija sabiex issir kompatibbli mad-dritt Ungeriż. Dan jixhdu l-Artikolu 48(2) sa (6) tal-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali.

    95.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tagħżel li tiffoka r-risposta tagħha għall-qorti tar-rinviju fuq l-Artikolu 82(1) TFUE. Fil-fatt, dan l‑artikolu jistabbilixxi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali u ssostitwixxa l-Artikolu 31 UE li fuqu huma bbażati kemm id-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316 kif ukoll id-Deċiżjoni Qafas 2008/675.

    96.

    Madankollu, din ma hijiex id-direzzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet fis-sentenzi tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh ( 53 ), u tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov ( 54 ), biex insemmu xi ftit, li fihom, filwaqt li semmiet il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali fis-sentenzi tagħha, hija interpretat normi tad-dritt derivat tal-Unjoni billi implementat dan il‑prinċipju.

    97.

    Fil-fehma tiegħi, din id-direzzjoni għandha titkompla għaliex huma proprju dawn in-normi tad-dritt derivat tal-Unjoni li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet u l-limiti li fihom il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali għandu jiġi applikat, fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ oqsma differenti tal-proċedura kriminali, u li, għalhekk, jistgħu jeħtieġu kjarifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    98.

    Madankollu, il-Qorti għadha trid tispjega l-konsegwenzi li l-qrati nazzjonali għandhom jisiltu minn konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà bejn leġiżlazzjoni nazzjonali u deċiżjoni qafas u, b’mod partikolari, jiddikjaraw b’mod ċar li dawn il-qrati, meta jiġu kkonfrontati bl-impossibbiltà li jinterpretaw tali leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konsistenti ma’ tali norma ta’ dritt derivat tal-Unjoni, l-obbligu, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li jeskludu din il-leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja.

    99.

    Din id-diffikultà diġà ġiet diskussa fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski ( 55 ). Wara din is-sentenza, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) għal darba oħra, għamlet domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fuq id-diffikultà msemmija, fil-kawża pendenti Popławski (C‑573/17). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha diversi opportunitajiet biex tispjega jekk, meta qorti nazzjonali tikkunsidra li interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li hija konformi ma’ deċiżjoni qafas tidher li ma tkunx possibbli, din il-qorti hija obbligata li tħalli dan id‑dritt mhux applikat.

    100.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni li tgħid li deċiżjoni qafas ma tistax twassal għal effett dirett, ma tistax taħbi l-fatt li, skont l-Artikolu 34(2)(b) UE ( 56 ), din torbot lill-Istati Membri fir-rigward tar‑riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi ( 57 ). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari kollha li huma xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom taħt deċiżjoni qafas ( 58 ).

    101.

    B’mod partikolari, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li n-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni qafas twassal sabiex, fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati nazzjonali, ikun hemm obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali. B’hekk, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, dawn il-qrati, li huma mitluba jinterpretawh, għandhom jagħmlu dan, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-deċiżjoni qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minnha. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali huwa inerenti fis-sistema tat-Trattat FUE peress li jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkunu aditi bihom ( 59 ).

    102.

    Huwa minnu li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. B’dan il-mod, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ deċiżjoni qafas meta hija tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali tagħha huwa limitat bil-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari, b’dawk ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività. Dawn il-prinċipji jipprekludu, b’mod partikolari, li l-obbligu msemmi jkun jista’ jwassal sabiex tiġi ddeterminata jew aggravata, abbażi ta’ deċiżjoni qafas u indipendentement minn liġi adottata għall-implementazzjoni ta’ din tal‑aħħar, ir-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha ( 60 ). Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali ( 61 ).

    103.

    Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni qafas inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha ( 62 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l‑obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal‑għanijiet ta’ deċiżjoni qafas ( 63 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ fejn qorti nazzjonali tqis li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi ma’ deċiżjoni qafas, minħabba li hija marbuta bl-interpretazzjoni mogħtija lil din id-dispożizzjoni nazzjonali mill-qorti suprema nazzjonali f’sentenza interpretattiva, hija għandha tiżgura l-effett sħiħ tad-deċiżjoni qafas u tħalli, jekk hemm bżonn, mhux applikata, fuq inizjattiva tagħha stess, l‑interpretazzjoni adottata mill-qorti suprema nazzjonali, ladarba din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 64 ).

    104.

    Wara dawn l-ispjegazzjonijiet dwar l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi li għandhom il-qrati nazzjonali, għandu jitfakkar li finalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk id-dritt nazzjonali tagħha, u, b’mod partikolari, l-Artikoli 46 sa 48 tal-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali, tistax tingħata interpretazzjoni li tkun konformi mad-Deċiżjonijiet Qafas 2009/315 u 2008/675.

    105.

    Peress li ma huwiex ċar jekk il-qorti tar-rinviju tistax tasal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tkun konformi mad-dritt tal‑Unjoni, jidhirli li huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti, f’każ li tali interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, liema konsegwenzi konkreti għandhom jiġu misluta mill-qorti nazzjonali fin-nuqqas ta’ konformità mad-Deċiżjonijiet Qafas 2009/315 u 2008/675 tal-Artikoli 46 sa 48 tal-Liġi dwar għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali.

    106.

    Bħala regola, meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jistgħux ikollhom interpretazzjoni konformi, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tħallihom mhux applikati, bl-għan li tapplika b’mod sħiħ id‑dritt tal-Unjoni.

    107.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà wasslet sabiex tieħu deċiżjoni dwar il-portata ġuridika tal-istrumenti adottati fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE, li jirrigwarda l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, hija madankollu llimitat ruħha, fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino ( 65 ), li testendi l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għal dawn l-istrumenti, billi rrikonoxxiet li deċiżjoni qafas fuq dan il-livell tista’ titqabbel ma’ direttiva.

    108.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-punt jekk in-nuqqas ta’ konformità ta’ regola nazzjonali ma’ deċiżjoni qafas timplikax, għall-qorti nazzjonali, l-obbligu li twarrab din ir-regola nazzjonali meta hija ma tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi.

    109.

    Hekk kif sostnejt fl-Opinjoni tiegħi tat‑28 ta’ April 2008 fil‑Kawża Kozłowski ( 66 ), ir-raġunijiet għalfejn, fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa ( 67 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri, wara li qablu volontarjament li jittrasferixxu l-kompetenzi tagħhom lill-Komunità, ma jistgħux jinvokaw dispożizzjoni tas-sistema nazzjonali tagħhom, tkun xi tkun, kontra att Komunitarju vinkolanti, jistgħu għaldaqstant jiġu applikati għal deċiżjoni qafas. Fl-opinjoni tiegħi, deċiżjoni qafas, bħal kull att tad-dritt Komunitarju li huwa vinkolanti, hija tali li tipprevali fuq kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, tkun xi tkun, anki jekk tkun ta’ natura kostituzzjonali jew jekk hija parti mid-dritt fundamentali. B’hekk, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal‑Unjoni jeżiġi li l-qorti nazzjonali tiżgura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni “billi fejn ikun neċessarju ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja” ( 68 ).

    110.

    Diversi kunsiderazzjonijiet jimmilitaw favur ir-rikonoxximent tal‑prinċipju ta’ supremazija għad-deċiżjonijiet qafas adottati fil-kuntest tat-tielet pilastru ( 69 ).

    111.

    L-ewwel kunsiderazzjoni hija ta’ natura testwali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tar-riżerva li tirrigwarda l-assenza ta’ effett dirett tad-deċiżjonijiet qafas, il-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża s‑sistema tad-deċiżjonijiet qafas fuq dik tad-direttivi, billi pprovda li dawn għandhom “[jorbtu] lill-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda [jħallu] l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali” ( 70 ). Peress li l-karatteristika intransiġibbli tad-deċiżjonijiet qafas hija limitata għall-assenza ta’ effett dirett tagħhom ( 71 ), ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi eskluża, għall-kumplament, is-supremazija ta’ dawn l-istrumenti minħabba li dawn jaqgħu fil-qasam tal-kooperazzjoni intergovernattiva.

    112.

    It-tieni kunsiderazzjoni hija marbuta mar-rikonoxximent, mill‑Qorti tal-Ġustizzja, tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tuża l-metodu ta’ interpretazzjoni konformi sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tad‑deċiżjonijiet qafas u sabiex tasal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħhom.

    113.

    Huwa minnu li, sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha mhux fuq il-prinċipju ta’ supremazija iżda fuq dak ta’ kooperazzjoni leali. B’hekk, hija ddikjarat li dan il-prinċipju tal-aħħar, li jimplika, b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, għandu japplika wkoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill‑pulizija u l‑kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li fuq kollox hija bbażata kompletament fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ( 72 ). Dan ir-raġunament diġà ġie ppreżentat fis‑sentenza tal-10 ta’ April 1984, Von Colson u Kamann ( 73 ), peress li fiha l‑Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod partikolari ddeduċiet li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dmir tal-Istati Membri sabiex jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal‑obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li spjegat li dan id-dritt huwa impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali kollha, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji ( 74 ).

    114.

    Xorta jibqa’ l-fatt li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala “inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti li l-qrati nazzjonali jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad‑dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom” ( 75 ), jirriżulta mill-ħtieġa ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u n-neċessità li tiġi żgurata s-supremazija ta’ dan tal-aħħar fuq id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri ( 76 ). Qabel kollox, ir-rikonoxximent tal‑prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi permezz tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jissopponi li huwa neċessarju li tiġi ammessa, anki b’mod sottostanti, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif jista’ l‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, jiġġustifika li l-qorti nazzjonali tkun marbuta tibdel it-tifsira tad-dritt nazzjonali tagħha f’sens konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk dan l‑obbligu ma kienx ikkunsidrat bħala wieħed li għandu jipprevali fuq l‑obbligu tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi l-kawża skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali tagħha?

    115.

    It-tielet kunsiderazzjoni hija marbuta mal-evoluzzjoni tal-kuntest ġuridiku li tirriżulta mit-tmiem tal-perijodu tranżitorju previst mill‑Protokoll (Nru 36) fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat‑Trattati. Skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan il-protokoll, il-miżura tranżitorja prevista fil-paragrafu 1 waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri fit-30 ta’ Novembru 2014. Il-fatt li t-tielet pilastru ġie assorbit definittivament fil-qasam li jinsab fit-tielet parti tat-Trattat FUE, Titolu V, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, jeżiġi “interpretazzjoni Komunitarja” ( 77 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li, filwaqt li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja konformi ma’ dak li kien l-Artikolu 35 UE kienet tirrifletti n-natura intergovernattiva tal-kooperazzjoni fil-kuntest tat-tielet pilastru, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, minn dik id-data, kompetenza preliminari awtomatika u obbligatorja, peress li din ma għadhiex iżjed suġġetta għal dikjarazzjoni li tgħid li kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi din il-kompetenza u għandu jindika l-qrati nazzjonali li jistgħu jirreferu għall-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino ( 78 ), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq “[l-]importanza tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari skond l-Artikolu 35 UE”, sabiex tiġġustifika li jiġi rrikonoxxut li l-individwi għandhom id-dritt li jinvokaw id‑deċiżjonijiet qafas sabiex jiksbu interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali quddiem il-qrati tal-Istati Membri ( 79 ). Ir-rikonoxximent ta’ kompetenza identika għal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja żammet fil-kuntest tal-ewwel pilastru juri proċess b’saħħtu ta’ konverġenza bejn dawn iż-żewġ pilastri, li jiġġustifika li l-effetti tad-deċiżjonijiet qafas jiġu bbażati fuq dawk tad-direttivi, bl-eċċezzjoni, ċertament, tal-effett dirett li huwa eskluż b’mod espress.

    116.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti niddeduċi li d-deċiżjoni qafas hija intiża, abbażi tal-prinċipju ta’ supremazija, sabiex tipprevali fuq kull dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tmur kontriha.

    117.

    Jidhirli li huwa importanti wkoll li jitfakkar dak li l-Qorti tal‑Ġustizzja indikat b’mod qawwi fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni ( 80 ), li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ( 81 ), jiġifieri li “[…] ġurisprudenza ferm stabbilita tipprovdi li skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal‑Unjoni, li huwa karatteristika essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk dawn ikunu ta’ livell kostituzzjonali, ma jistax jaffettwa l-effett tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat” ( 82 ).

    118.

    Skont il-loġika ta’ separazzjoni bejn l-effett “ta’ sostituzzjoni” u “l-invokabbiltà ta’ esklużjoni” ( 83 ), nikkunsidra li l-assenza ta’ effett dirett tad-deċiżjoni qafas ma tfissirx li l-qorti nazzjonali ma għandhiex l‑obbligu li twarrab id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, dan l-obbligu jirriżulta direttament mill-prevalenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jostakolaw l-effettività sħiħa tiegħu.

    119.

    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma validi, fl-opinjoni tiegħi, a fortiori għad-deċiżjonijiet adottati b’mod konformi mal‑Artikolu 34(2)(c) UE, bħad-Deċiżjoni 2009/316.

    120.

    Konsegwentement, jien tal-opinjoni li hija l-qorti nazzjonali li għandha, billi tikkunsidra d-dritt nazzjonali kollu u tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, tinterpreta d‑dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn hu possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315, tad-Deċiżjoni 2009/316 u tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675. F’każ li tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, il-qorti nazzjonali tkun marbuta li ma tapplikax dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

    IV. Konklużjoni

    121.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mit‑Törvényszék Szombathelyi (il-Qorti Suprema ta’ Szombathely, l-Ungerija) tkun kif ġej:

    1)

    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI, tas-6 ta’ April 2009, dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent mill-qorti ta’ Stat Membru ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li tikkundanna lil persuna għat-twettiq ta’ reat.

    2)

    Konformement ma’ din id-deċiżjoni qafas u ma’ din id-deċiżjoni, ir-reġistrazzjoni fir-rekord kriminali mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru ta’ ċittadinanza tal-kundanni mogħtija mill-qrati tal-Istat Membru li jikkundanna għandha ssir direttament abbażi tat‑trażmissjoni mill-awtorità ċentrali ta’ dan l-aħħar Stat Membru, permezz tal-ECRIS, tal-informazzjoni dwar dawn il-kundanni taħt il-forma ta’ kodiċijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ir-reġistrazzjoni ma tistax tiddependi mill-implementazzjoni minn qabel ta’ proċedura ta’ rikonoxximent ġudizzjarju tal-imsemmija kundanni, bħall-proċedura speċjali Ungeriża, u lanqas a fortiori mill-komunikazzjoni lill-Istat Membru ta’ ċittadinanza tas‑sentenza ta’ kundanna għall-finijiet ta’ tali rikonoxximent.

    3)

    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni, fi Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija preċedentement minn qorti ta’ Stat Membru ieħor jiġi suġġett għall-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat Membru.

    4)

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha, billi tikkunsidra d-dritt nazzjonali kollu u tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, tinterpreta d‑dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, sa fejn hu possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315, tad-Deċiżjoni 2009/316 u tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/675. F’każ li tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, il-qorti nazzjonali tkun marbuta li ma tapplikax dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 3 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 4 ) ĠU 2009, L 93, p. 23.

    ( 5 ) ĠU 2009, L 93, p. 33.

    ( 6 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 7 ) ĠU 2008, L 220, p. 32.

    ( 8 ) C‑171/16, EU:C:2017:710.

    ( 9 ) C‑579/15, EU:C:2017:503. Konklużjonijiet ippreżentati fil-15 ta’ Frar 2017(Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:116).

    ( 10 ) Iktar ’il quddiem il-“Kodiċi kriminali”.

    ( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9.

    ( 12 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

    ( 13 ) Minkejja dan, il-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jispjega li hija l-istess proċedura speċjali ta’ rikonoxximent li għandha tiġi applikata f’każ ta’ talba għall-eżekuzzjoni fl-Ungerija ta’ kundanna deċiża minn qorti ta’ Stat Membru ieħor.

    ( 14 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 15 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 16 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 17 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 18 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 19 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C‑25/15, EU:C:2016:423, punt 48).

    ( 20 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C‑25/15, EU:C:2016:423, punt 49).

    ( 21 ) C‑171/16, EU:C:2017:710.

    ( 22 ) Sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C‑25/15, EU:C:2016:423, punt 54), u tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 36).

    ( 23 ) Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 36).

    ( 24 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 25 ) Ara d-deċiżjoni tar-rinviju, punt 28.

    ( 26 ) Ara d-deċiżjoni tar-rinviju, punt 30.

    ( 27 ) Ara d-deċiżjoni tar-rinviju, punt 32.

    ( 28 ) Ara d-deċiżjoni tar-rinviju, punt 33.

    ( 29 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C‑25/15, EU:C:2016:423, punt 52).

    ( 31 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C‑25/15, EU:C:2016:423, punt 44).

    ( 32 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C‑25/15, EU:C:2016:423, punt 46).

    ( 33 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 34 ) C‑25/15, EU:C:2016:29.

    ( 35 ) Enfażi miżjud minni.

    ( 36 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710).

    ( 37 ) C‑171/16, EU:C:2017:710.

    ( 38 ) C‑171/16, EU:C:2017:386.

    ( 39 ) COM(2014) 312 final, p. 12.

    ( 40 ) Ara l-premessi 5 sa 7 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    ( 41 ) C‑171/16, EU:C:2017:710.

    ( 42 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 37).

    ( 43 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 38).

    ( 44 ) Ara l-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675.

    ( 45 ) Ara l-proposta ta’ deċiżjoni-qafas tal-Kunsill dwar deċiżjonijiet ta’ kundanna li jitqiesu bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni ta’ proċedura penali ġdida [COM(2005) 91 finali, espożizzjoni tal-motivi, p. 3, iktar ’il quddiem il‑“proposta ta’ Deċiżjoni Qafas”].

    ( 46 ) Ara l-proposta tad-deċiżjoni qafas (espożizzjoni tal-motivi, p. 5).

    ( 47 ) Ara l-proposta tad-deċiżjoni qafas (p. 5 u 6).

    ( 48 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 49 ) Il-Gvern Ungeriż indika, waqt is-seduta, li din l-evoluzzjoni se tiġi fformalizzata fil‑kuntest ta’ liġi ġdida li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018.

    ( 50 ) ĠU 2008, L 327, p. 27.

    ( 51 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 36).

    ( 52 ) Ara r-risposta tal-qorti tar-rinviju għal talba għal informazzjoni magħmula mill‑Qorti tal-Ġustizzja, punti 1 u 5. Ara wkoll il-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 53 ) C‑25/15, EU:C:2016:423.

    ( 54 ) C‑171/16, EU:C:2017:710.

    ( 55 ) C‑579/15, EU:C:2017:503. Konklużjonijiet ippreżentati fil-15 ta’ Frar 2017(Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:116).

    ( 56 ) Fil-verżjoni tiegħu li jirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam.

    ( 57 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 58 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 59 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 60 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 61 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 62 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 63 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 64 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 65 ) C‑105/03, EU:C:2005:386.

    ( 66 ) C‑66/08, EU:C:2008:253.

    ( 67 ) 6/64, EU:C:1964:66.

    ( 68 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 34).

    ( 69 ) Ara, f’dan is-sens, Lenaerts, K. u Corthaut, T., “Of birds and hedges: the role of primacy in invoking norms of EU law”, European Law Review, Sweet and Maxwell, Londra, 2006, p. 287-315. Ara, f’sens kuntrarju, Peers, S., “Salvation outside the church: judicial protection in the third pillar after the Pupino and Segi judgments”, Common Market Law Review, no44, Issue 4, Wolters Kluwer Law and Business, Alphen aan den Rijn, 2007, p. 883-929, b’mod partikolari p. 920, li jikkunsidra li, kieku l-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effett dirett kienu applikati għat-tielet pilastru, l-intenzjonijiet tal-awturi tat-trattati jkunu injorati. Dan l-awtur jammetti madankollu li l-fatt li r‑rikonoxximent tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tat‑tielet pilastru jsaħħaħ il-prinċipju ta’ effettività u ma jiksirx espressament it-test tat-trattati (p. 917).

    ( 70 ) Artikolu 34(2)(b) UE, fil-verżjoni tiegħu li jirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam.

    ( 71 ) Prechal, S. u Marguery, T. iddeskrivew l-assenza ta’ effett dirett tad-deċiżjonijiet qafas bħala “karatteristika żgħira” f’“La mise en œuvre des décisions-cadres une leçon pour les futures directives pénales?”, L’exécution du droit de l’Union, entre mécanismes communautaires et droits nationaux, Bruylant, Brussell, 2009, p. 225‑251, b’mod partikolari p. 250.

    ( 72 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 42).

    ( 73 ) 14/83, EU:C:1984:153.

    ( 74 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26).

    ( 75 ) Ara, finalment, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, BP Europa (C‑64/15, EU:C:2016:62, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 76 ) Ara, f’dan is-sens, Simon, D., “La panacée de l’interprétation conforme: injection homéopathique ou thérapie palliative?”, De Rome à Lisbonne: les juridictions de l’Union européenne à la croisée des chemins, Mélanges en l’honneur de Paolo Mengozzi, Bruylant, Brussell, 2013 p. 279-298. Dan l-awtur jikkunsidra li “l‑elevazzjoni tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dinjità ta’ “prinċipju inerenti għas-sistema tat-trattat” huwa parallel […] mas-supremazija [tad-dritt tal-Unjoni] fuq id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri” (p. 282). Huwa jżid li “ir-rabta mas‑supremazija tad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali u mhux biss mal-implementazzjoni tad-direttivi b’mod partikolari, hija murija bl-obbligu li tiġi żgurata interpretazzjoni “ewrokompatibbli” mhux biss fl-att ta’ traspożizzjoni, iżda fil-liġijiet nazzjonali kollha, kemm jekk ikun preċedenti jew sussegwenti għad‑direttiva” (p. 283).

    ( 77 ) Prechal, S. u Marguery, T., “La mise en œuvre des décisions-cadres, une leçon pour les futures directives pénales?”, L’exécution du droit de l’Union, entre mécanismes communautaires et droits nationaux, Bruylant, Brussell, 2009, p. 225-251, b’mod partikolari p. 232.

    ( 78 ) C‑105/03, EU:C:2005:386.

    ( 79 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386, punti 3738).

    ( 80 ) C‑399/11, EU:C:2013:107.

    ( 81 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34.

    ( 82 ) Ara l-punt 59 ta’ din is-sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 83 ) Ara, b’mod partikolari, fuq din id-distinzjoni, Simon, D., “L’invocabilité des directives dans les litiges horizontaux: confirmation ou infléchissement?”, Revue Europe, Nru 3, LexisNexis, Pariġi, 2010. Ara wkoll Dougan, M., “When worlds collide! Competing visions of the relationship between direct effect and supremacy”, Common Market Law Review, no44, Issue 4, Wolters Kluwer Law and Business, Alphen aan den Rijn, 2007, p. 931-963.

    Início