EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0341

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2017.
Hanssen Beleggingen BV vs Tanja Prast-Knipping.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni – Artikolu 2(1) – Ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut – Artikolu 22(4) – Ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-validità ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Proċeduri intiżi li jiddeterminaw jekk persuna ġietx irreġistrata b’mod ġust bħala l-proprjetarja ta’ trade mark.
Kawża C-341/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:551

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ppreżentati fit-13 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

Kawża C‑341/16

Hanssen Beleggingen BV

vs

Tanja Prast‑Knipping

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Regolament (KE) Nru 44/2001 Artikolu 2(1) – Ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut – Artikolu 22(4) – Ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-validità tat-trade marks – Proċeduri li jirrigwardaw l-identità tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Benelux – Azzjoni kontra l-proprjetarju formali ta’ trade mark tal-Benelux intiża għar-rinunzja għad-drittijiet fuq it-trade mark bħala proprjetarju”

I. Introduzzjoni

1.

B’deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2016, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ġunju 2016, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”) ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Hanssen Beleggingen B.V. u Tanja Prast‑Knipping dwar trade mark tal-Benelux li tagħha din tal-aħħar hija formalment il-proprjetarja.

3.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-tilwima li għandha quddiemha taqax taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva stabbilita fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I għall-proċeduri “li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ trade marks”, fatt li jkun jimplika li l-qrati Ġermaniżi – inkluża l-qorti tar-rinviju – ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tagħhom. Jekk, min-naħa l-oħra, din it-tilwima ma taqax taħt l-imsemmija regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, il-qrati Ġermaniżi jkollhom ġurisdizzjoni b’applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament.

4.

Iktar ’l isfel ser nindika r-raġunijiet li għalihom jidhirli li azzjoni ġudizzjarja bħal dik imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija intiża sabiex il-persuna li hija formalment irreġistrata bħala proprjetarja ta’ trade mark tiddikjara mal-awtorità kompetenti li hija ma għandhiex drittijiet fuq dik it-trade mark u li hija tirrinunzja għar-reġistrazzjoni tagħha bħala proprjetarja tal-imsemmija trade mark, ma taqax taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva stabbilita fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I.

II. Il-kuntest ġuridiku

5.

Skont ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell I, “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

6.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tiegħu intitolata “Ġurisdizzjoni esklussiva”, jipprovdi li “fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti [privattivi], trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati” għandhom ġurisdizzjoni biss, indipendentament mid-domiċilju, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu, tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għad-depożitu jew għar-reġistrazzjoni, id-depożitu jew ir-reġistrazzjoni jkunu seħħew jew huma meqjusa li seħħew skont strument Komunitarju jew konvenzjoni internazzjonali.

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7.

Il-kawża prinċipali tirrigwarda d-drittijiet relatati ma’ trade mark tal-Benelux. T. Prast‑Knipping, li hija l-konvenuta fil-kawża prinċipali, tirresjedi f’Hamminkeln (il-Ġermanja). Hija rreġistrata bħala l-proprjetarja tat-trade mark figurattiva Nru 361604, riprodotta iktar ’il quddiem, mal-Office Benelux de la propriété intellectuelle (uffiċċju tal-proprjetà intellettwali tal-Benelux, UPIB).

Image

8.

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark ġiet ippreżentata fis-7 ta’ Settembru 1979 favur l-impriża Helmut Knipping. Fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ eredità li jattesta li hija l-unika eredi ta’ H. Knipping, T. Prast‑Knipping kisbet it-traskrizzjoni tat-trade mark kontenzjuża f’isimha mingħand l-UPIB, fl-14 ta’ Novembru 2003.

9.

Hanssen Beleggingen BV (iktar ’il quddiem “Hanssen Beleggingen”), li hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija li s-sede tagħha tinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi.

10.

It-talba ta’ Hanssen Beleggingen hija intiża sabiex T. Prast‑Knipping tiddikjara mal-UPIB li hija ma għandha ebda drittijiet fuq it-trade mark kontenzjuża u li hija tirrinunzja għar-reġistrazzjoni tagħha bħala proprjetarja tat-trade mark. Insostenn tat-talba tagħha, Hanssen Beleggingen issostni li, wara suċċessjoni ta’ trasferimenti tat-trade mark kontenzjuża, hija saret il-vera proprjetarja tad-drittijiet fuq dik it-trade mark. Hija għaldaqstant tqis li għandha, kontra T. Prast‑Knipping, dritt legali li teżiġi li din tal-aħħar tagħmel id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni mal-UPIB.

11.

Il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ċaħdet it-talba, b’sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, minħabba li Hanssen Beleggingen ma setgħatx tinvoka, fil-konfront ta’ T. Prast‑Knipping, dritt ibbażat fuq l-arrikkiment indebitu, ikwantu ma huwiex b’mod żbaljat li T. Prast‑Knipping kienet ġiet irreġistrata fir-reġistru tat-trade marks tal-Benelux bħala formalment il-proprjetarja tat-trade mark kontenzjuża. Dik il-qorti kkunsidrat li t-trade mark kontenzjuża kienet tagħmel parti mill-patrimonju ta’ H. Knipping fid-data tal-mewt tiegħu u li dik it-trade mark kienet ġiet għaldaqstant ittrasferita lil T. Prast‑Knipping bħala l-uniku eredi, permezz ta’ suċċessjoni universali. L-imsemmija qorti ma indirizzatx il-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi, ġurisdizzjoni li ma ġietx ikkontestata minn T. Prast‑Knipping.

12.

Hanssen Beleggingen appellat minn dik is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf). Dik il-qorti kellha dubji dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi. Hija tenfasizza f’dan ir-rigward li dik il-ġurisdizzjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell I peress li T. Prast-Knipping hija ddomiċiljata fil-Ġermanja. Madankollu, ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva tal-qrati Olandiżi bbażata fuq l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I tista’ teskludi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi.

13.

L-imsemmija qorti ppreċiżat, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-Regolament Brussell I japplika ratione temporis għall-kawża prinċipali, peress li l-azzjoni kienet ġiet imressqa qabel l-10 ta’ Jannar 2015.

14.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ kwistjonijiet ‘li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ […] trade marks […]’ imsemmi fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Brussell I] ikopri wkoll l-azzjoni intiża sabiex il-persuna formalment irreġistrata bħala proprjetarja ta’ trade mark tal-Benelux fir-reġistru tat-trade marks tal-Benelux tiddikjara mal-[UPIB] li hija ma għandhiex drittijiet fuq it-trade mark inkwistjoni u li hija tirrinunzja għar-reġistrazzjoni tagħha bħala proprjetarja tat-trade mark?”

15.

T. Prast‑Knipping u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammitx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV. Analiżi

16.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk azzjoni ġudizzjarja bħal dik imressqa fil-kawża prinċipali, li hija intiża sabiex persuna formalment irreġistrata bħala proprjetarja ta’ trade mark tal-Benelux tiddikjara mal-UPIB li hija ma għandhiex drittijiet fuq dik it-trade mark u li hija tirrinunzja għar-reġistrazzjoni tagħha bħala proprjetarja tal-imsemmija trade mark, taqax taħt l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I.

17.

Kemm T. Prast‑Knipping kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni għar-raġunijiet segwenti.

18.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi fuq il-portata tar-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva stabbilita fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I, b’mod partikolari fis-sentenza Duijnstee ( 3 ). Waħda mill-kwistjonijiet ittrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċeduri fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-validità tal-privattivi” fis-sens tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 4 ). Nikkunsidra li dik is-sentenza, li kienet tirrigwarda proċeduri analogi għall-proċeduri fil-kawża prinċipali f’din il-kawża, għandha rilevanza deċiżiva fil-kuntest ta’ din tal-aħħar. Nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fis-sustanza, it-tagħlim tal-imsemmija sentenza fis-sentenza GAT ( 5 ).

19.

Il-kawża Duijnstee kienet tirrigwarda azzjoni mressqa minn F. Duijnstee, il-likwidatur fl-istralċ ta’ Schroefboutenfabriek BV, kontra L. Goderbauer, ex direttur ta’ dik l-impriża, sabiex huwa jiġi ordnat jittrasferixxi lill-kumpannija fi stralċ l-applikazzjonijiet għal privattivi ppreżentati u l-privattivi mogħtija fi tnejn u għoxrin pajjiż għal invenzjoni li L. Goderbauer kien ħoloq meta kien impjegat ma’ dik il-kumpannija ( 6 ).

20.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan il-kunċett huwa kunċett awtonomu intiż li jirċievi applikazzjoni uniformi fl-Istati kontraenti kollha ( 7 ).

21.

Bil-għan li tinterpreta dan il-kunċett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ġurisdizzjoni esklużiva għall-kawżi li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità tal-privattivi, mogħtija lill-qrati tal-Istati kontraenti li fit-territorji tagħhom tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għad-depożitu jew għar-reġistrazzjoni tal-privattiva jew id-depożitu jew ir-reġistrazzjoni jkunu seħħew, hija ġġustifikata mill-fatt li dawn il-qrati huma l-iktar adatti sabiex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet fejn il-kawża stess tirrigwarda l-validità tal-privattiva jew l-eżistenza tad-depożitu jew tar-reġistrazzjoni ( 8 ).

22.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-portata ta’ din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, interpretata b’mod restrittiva fid-dawl tal-għan ta’ prossimità msemmi iktar ’il fuq, hija limitata għall-kawżi li jirrigwardaw il-validità, l-eżistenza jew ir-revoka tal-privattiva jew inkella l-allegazzjoni ta’ dritt ta’ prijorità minħabba depożitu preċedenti ( 9 ).

23.

Fi tmiem ir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ma kinitx taqa’ taħt il-portata hekk delimitata tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, peress li din ma kinitx tirrigwarda l-validità jew ir-reġistrazzjoni tal-privattivi kontenzjużi, imma kienet tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tad-dritt għall-privattiva kienx L. Goderbauer jew fil-fatt il-kumpannija fi stralċ Schroefboutenfabriek, fatt li kellu jiġi stabbilit abbażi tar-relazzjonijiet ġuridiċi li kienu eżistew bejn il-persuni ikkonċernati ( 10 ).

24.

Dan ir-raġunament jidhirli li jista’ jiġi traspost kompletament għal din il-kawża għar-raġunijiet li ġejjin.

25.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li, fid-dawl tal-ekwivalenza bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għandha tiġi żgurata, b’mod konformi mal-premessa 19 tar-Regolament Brussell I, il-kontinwità fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 11 ). Fil-fatt, l-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament jirrifletti l-istess sistema bħall-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u, iktar minn hekk, huwa fformulat f’termini kważi identiċi ( 12 ). Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tapplika wkoll għal dawk tar-Regolament Brussell I, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti ( 13 ).

26.

Fit-tieni lok, ma nara ebda raġuni sabiex il-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-privattivi, fis-sentenza Duijnstee ( 14 ), ma jiġix estiż għall-qasam tat-trade marks. Fil-fatt, u min-naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I ma tistabbilixxi ebda distinzjoni bejn il-kawżi fil-qasam tal-privattivi u dawk fil-qasam tat-trade marks. Min-naħa l-oħra, il-kunċetti ta’ validità, ta’ eżistenza, ta’ revoka jew ta’ allegazzjoni ta’ dritt ta’ prijorità minħabba depożitu preċedenti huma rilevanti wkoll fil-qasam tat-trade marks.

27.

Fit-tielet lok, u b’applikazzjoni tal-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Duijnstee ( 15 ), nirrileva li l-kawża prinċipali f’din il-kawża ma tirrigwardax il-validità, l-eżistenza jew ir-revoka tat-trade mark jew l-allegazzjoni ta’ dritt ta’ prijorità minħabba depożitu preċedenti. Fil-fatt, din il-kawża tirrigwarda biss il-punt dwar jekk il-proprjetarja tat-trade mark kontenzjuża hijiex T. Prast‑Knipping jew Hanssen Beleggingen, fatt li għandu jiġi stabbilit abbażi tar-relazzjonijiet ġuridiċi li kienu eżistew bejn il-persuni kkonċernati, l-istess bħall-kawża prinċipali fil-kawża Duijnstee. Fi kliem ieħor, u kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, din il-kawża ma tirrigwardax it-trade mark bħala tali, imma fil-fatt l-identifikazzjoni tal-proprjetarju tagħha, kwistjoni li ma taqax taħt ir-reġsitrazzjoni jew il-validità tal-imsemmija trade mark fis-sens tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I.

28.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-azzjoni mressqa minn Hanssen Beleggingen hija intiża b’mod partikolari li tikseb ir-rinunzja mingħand T. Prast‑Knipping għar-reġistrazzjoni tagħha bħala l-proprjetarja tat-trade mark kontenzjuża ma jimplikax li l-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ trade marks” fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata qabel. Fil-fatt, din it-talba hija biss anċillari għat-talba prinċipali, li hija intiża li jiġi rrikonoxxut li t-trade mark kontenzjuża ma tappartjenix lil T. Prast‑Knipping minħabba ftehimiet privati li pprevedew it-trasferiment ta’ din it-trade mark favur Hanssen Beleggingen ( 16 ). Kif spjegajt fil-punt preċedenti, tali tilwima ma tirrigwardax il-validità, l-eżistenza jew ir-revoka tal-imsemmija trade mark, u lanqas l-allegazzjoni ta’ dritt ta’ prijorità minħabba depożitu preċedenti.

29.

Inżid ngħid, fir-raba’ lok, u kif sostnew T. Prast‑Knipping u l-Kummissjoni, li l-għan ta’ prossimità mfittex minn din id-dispożizzjoni ma jipprekludix li l-kawża prinċipali ma taqax taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni ( 17 ). Fil-fatt, it-tip ta’ argumenti eżaminati fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-eżistenza ta’ arrikkiment indebitu u l-portata ta’ ftehimiet bejn persuni privati ( 18 ), ma jaqax taħt il-kwistjoni tal-validità jew tar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża. Għaldaqstant, il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu saret ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ma humiex fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ dawn l-argumenti.

30.

Minn dan li ntqal iktar ’il fuq niddeduċi li l-kawża prinċipali ma taqax taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva stabbilita fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I. Konsegwentement, il-qrati Ġermaniżi – inkluża l-qorti tar-rinviju – għandhom, bħala l-qrati tal-Istat Membru fejn hija ddomiċiljata T. Prast‑Knipping, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża, b’applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament.

31.

Nippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-imsemmija kawża tista’ eventwalment taqa’ taħt l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament, minħabba li l-azzjoni mressqa minn Hanssen Beleggingen hija bbażata b’mod partikolari fuq l-eżistenza ta’ arrikkiment indebitu, ma għandux effett fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi skont l-Artikolu 2(1) tal-istess regolament. Fil-fatt, l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tistabbilixxi kap ta’ ġurisdizzjoni addizzjonali – u mhux esklużiv – meta pparagunat mal-kap ta’ ġurisdizzjoni previst fit-tieni dispożizzjoni.

32.

B’mod sussidjarju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussel I, huma biss il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun saret ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tagħha. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi fil-fatt kap ta’ ġurisdizzjoni esklużiv li għandu bħala effett li jeskludi l-applikabbiltà tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament.

33.

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I timplika li l-qrati Ġermaniżi ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali ( 19 ).

34.

Nixtieq ukoll nenfasizza l-portata tas-sentenza Brite Strike Technologies ( 20 ) f’tali kuntest. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dik is-sentenza, li l-Artikolu 71 tar-Regolament Brussell I, moqri fid-dawl tal-Artikolu 350 TFUE, ma jipprekludix li r-regola ta’ ġurisdizzjoni għat-tilwim li jirrigwarda t-trade marks u disinni tal-Benelux, stabbilita fl-Artikolu 4.6 tal-Konvenzjoni Benelux fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni) ( 21 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Benelux”), tiġi applikata għal dan it-tilwim.

35.

Jidhirli li din il-ġurisprudenza hija madankollu irrilevanti sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi, kwistjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex parti għall-Konvenzjoni Benelux. Fil-fatt, jidhirli li huwa diffiċilment konċepibbli li konvenzjoni li għaliha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex parti tista’ tipproduċi effetti vinkolanti fil-konfront tal-qrati Ġermaniżi. Nenfasizza li s-sentenza Brite Strike Technologies ( 22 ) kienet tikkonċerna, b’kuntrast ma’ din il-kawża, proċeduri mressqa quddiem qorti Olandiża.

36.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, jekk hemm bżonn ta’ dan, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 71(2)(a) tar-Regolament Brussell I, li japplika, skont it-termini tiegħu stess, għall-“qorti ta’ Stat Membru, li jkun parti mill-konvenzjoni dwar materja partikolari” ( 23 ).

37.

Konsegwentement, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I, il-qorti tar-rinviju tkun obbligata tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament. Huwa biss fil-każ li l-kawża prinċipali kienet tressqet quddiem qorti ta’ Stat Membru tal-Benelux li l-Artikolu 4.6 tal-Konvenzjoni tal-Benelux ikun jista’ għaldaqstant, b’applikazzjoni tas-sentenza Brite Strike Technologies ( 24 ), jittieħed inkunsiderazzjoni minn dik il-qorti sabiex tiġi eżaminata l-ġurisdizzjoni tagħha.

V. Konklużjoni

38.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) bil-mod kif ġej:

Azzjoni ġudizzjarja, bħal dik imressqa fil-kawża prinċipali, li hija intiża sabiex il-persuna formalment irreġistrata bħala proprjetarja ta’ trade mark tal-Benelux tiddikjara mal-Office Benelux de la propriété intellectuelle (uffiċċju tal-proprjetà intellettwali tal-Benelux, UPIB) li hija ma għandhiex drittijiet fuq dik it-trade mark u li hija tirrinunzja għar-reġistrazzjoni tagħha bħala proprjetarja tal-imsemmija trade mark, ma taqax taħt l-Artikolu 22(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 42. Il-qorti tar-rinviju esponiet ir-raġunijiet li għalihom dan ir-regolament, li fil-frattemp tħassar mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), japplika ratione temporis fiċ-ċirkustanzi tal-proċeduri fil-kawża prinċipali. Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 3 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee (288/82, EU:C:1983:326).

( 4 ) ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”. Dwar l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-iskopijiet li jiġi interpretat l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I, ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C-4/03, EU:C:2006:457, punti 14 sa 23).

( 6 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee (288/82, EU:C:1983:326, punt 3).

( 7 ) Sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee (288/82, EU:C:1983:326, punt 19), u tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C-4/03, EU:C:2006:457, punt 14).

( 8 ) Sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee (288/82, EU:C:1983:326, punt 22), u tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C-4/03, EU:C:2006:457, punti 21 sa 23).

( 9 ) Sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee (288/82, EU:C:1983:326, punti 23 sa 25) u tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C-4/03, EU:C:2006:457, punt 15).

( 10 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee (288/82, EU:C:1983:326, punt 26).

( 11 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay (C-616/10, EU:C:2012:445, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) L-unika differenza fil-formulazzjoni tinsab fl-espressjoni “skont konvenzjoni internazzjonali” fl-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li saret “taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjon[al]i” fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Brussell I.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid‑Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 18); tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay (C‑616/10, EU:C:2012:445, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 38), kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 22).

( 14 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 1983 (288/82, EU:C:1983:326, punti 2425).

( 15 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 1983 (288/82, EU:C:1983:326 punti 24 u 25)

( 16 ) Ara l-punti 10 u 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Ara l-punti 10 u 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016 (C‑230/15, EU:C:2016:560, punt 66).

( 21 ) Konvenzjoni tal-25 ta’ Frar 2005 ffirmata f’Den Haag mir-Renju tal-Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2006.

( 22 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016 (C‑230/15, EU:C:2016:560).

( 23 ) Korsiv miżjud minni. L-Artikolu 71 tar-Regolament Brussell I jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni li dwari [għaliha] l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, jirregola[w] ġurisdizzjoni jew r-Rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi.

2.   Bil-għan ta’ l-interpretazzjoni uniformi tiegħu, paragrafu 1 għandu jiġi applikat b’dan il-mod:

a)

dan ir-Regolament m’għandux ifixkel qorti ta’ Stat Membru, li jkun parti mill-konvenzjoni dwar materja partikolari, milli [t]assumi ġurisdizzjoni skond dik il-konvenzjoni, anki meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Membru ieħor li ma jkunx partu minn dik il-konvenzjoni. Il-qorti li jkun jisma’ l-azzjoni [adita] għand[ha], fi kwalunkwe każ, [t]applika l-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament;

[…]”.

( 24 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016 (C-230/15, EU:C:2016:560).

Top