Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0340

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-18 ta’ Mejju 2017.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:396

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fit-18 ta’ Mejju 2017 ( 1 )

    Kawża C‑340/16

    Landeskrankenanstalten-Betriebsgesellschaft - KABEG

    vs

    Mutuelles du Mans assurances IARD SA (MMA IARD)

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema, l-Awstrija)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni – ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni’ u ‘vittma’ – Kunċett ta’ – Azzjoni mressqa mill-vittma direttament kontra l-assiguratur – Surroga tal-persuna li timpjega, stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku, fid-drittijiet ta’ impjegat kontra l-assiguratur, abbażi ta’ trasferiment ipso jure tad-drittijiet tal-persuna mweġġgħa f’inċident tat-traffiku”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Ċiklist li jgħix u jaħdem l-Awstrija ġie mweġġa’ f’inċident tat-traffiku fl-Italja. Kellu joħroġ bil-leave għal mard. Il-persuna li timpjegah, stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku fis-settur tas-saħħa, stabbilit fl-Awstrija, baqgħet tħallaslu s-salarju matul il-leave għal mard skont l-obbligi statutorji tal-persuna li timpjega tad-dritt Awstrijak. L-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tas-sewwieq huwa bbażat fi Franza. Il-persuna li timpjega tfittex ir-rimbors tal-ammont li jikkorrispondi għas-salarju mħallas liċ-ċiklist mingħand l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tas-sewwieq. Għalhekk, il-persuna li timpjega bdiet proċedura legali fl-Awstrija kontra l-assiguratur.

    2.

    Sabiex tadixxi l-qrati Awstrijaċi, il-persuna li timpjega bbażat ruħha fuq kap speċjali ta’ ġurisdizzjoni dwar materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ). Dan il-kap ta’ ġurisdizzjoni, fil-prinċipju, jagħti setgħa lil vittma biex tagħmel talba kontra assiguratur fil-post li tirresjedi l-vittma. L-għan ta’ tali forum actoris speċifiku għall-assigurazzjoni huwa li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa.

    3.

    Fid-dawl tal-kuntest fattwali u legali, il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) tqajjem dubji dwar jekk il-persuna li timpjega tistax tiġi kklassifikata bħala l-parti l-iktar dgħajfa li jixirqilha protezzjoni fil-forma tal-forum actoris speċjali speċifiku għall-assigurazzjoni previst fir-Regolament Nru 44/2001. Dawn id-dubji leġittimi juru l-kwistjoni reali ta’ din il-kawża: il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tikkjarifika l-kundizzjonijiet fejn il-forum actoris speċifiku previst fir-Regolament jaf jiġi mgħoddi fuq persuna oħra li kienet issurrogata fit-talba tal-vittma oriġinali jew diretta.

    II. Dritt applikabbli

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    1.   Regolament Nru 44/2001

    4.

    Il-premessi 11 sa 13 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu li:

    “(11)

    Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti […].

    (12)

    B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

    (13)

    B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha [il-parti l-iktar dgħajfa] għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

    5.

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi: “Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    6.

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

    7.

    Skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni hija rregolata mis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001.

    8.

    Ir-regoli fl-Artikolu 9(1) tal-istess regolament jiddeterminaw li assiguratur domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

    “(a)

    fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat, jew

    (b)

    fi Stat membru ieħor, fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn l-attur ikun domiċiljat,

    […]”

    9.

    L-Artikolu 11(2) jipprovdi li “[l]-Artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara [mill-vittma] kontra l-assiguratur, meta jkunu permissibli tali azzjonijiet diretti”.

    10.

    Għall-finijiet ta’ kompletezza, jista’ jingħad ukoll li r-Regolament Nru 44/2001 tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, li japplika mill-10 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem ( 3 ). Madankollu, peress li l-proċedimenti f’din il-kawża saru qabel dik id-data, ir-Regolament Nru 44/2001 jibqa’ l-leġiżlazzjoni applikabbli.

    B. Id-dritt nazzjonali

    11.

    Fil-livell federali, il-Paragrafu 1358 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili Awstrijak) ( 4 ) jipprovdi: “Persuna li tħallas id-dejn ta’ ħaddieħor, li għalih hija responsabbli personalment jew b’assi speċifiċi, għandha tkun surrogata fid-drittijiet tal-kreditur u hija awtorizzata titlob kumpens għad-dejn li hija ħallset. […]”

    12.

    Barra minn hekk, il-Paragrafu 67(1) tal-Versicherungsvertragsgesetz (liġi dwar il-kuntratti tal-assigurazzjoni) ( 5 ) jipprovdi li jekk id-detentur ta’ polza jsostni talba għad-danni kontra terz, dik it-talba għandha tgħaddi fuq l-assiguratur sa fejn dan jagħmel tajjeb għad-dannu.

    13.

    Fil-livell lokali, fl-istat Awstrijak ta’ Kärnten, il-Paragrafu 2(1) tal-Kärntner Landeskrankenanstalten-Betriebsgesetz ( 6 ) (liġi dwar l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-isptarijiet provinċjali f’Kärnten) jistabbilixxi l-“Landeskrankenanstalten-Betriebsgesellschaft – KABEG” bħala stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku. Skont il-Paragrafu 3, KABEG għandu jiġġestixxi l-isptarijiet provinċjali bħala sptarijiet pubbliċi tal-provinċja. Huwa jrid iwettaq dmirijietu fl-interess pubbliku u ma għandux jopera għal profitt.

    III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi mressqa

    14.

    Landeskrankenanstalten-Betriebsgesellschaft - KABEG (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) huwa korp irregolat mid-dritt pubbliku li jopera l-isptarijiet. Dan huwa stabbilit fi Klagenfurt am Wörthersee, l-Awstrija.

    15.

    Wieħed mill-impjegati tar-rikorrent (iktar ’il quddiem iċ-“ċiklist”) sofra diversi ġrieħi f’inċident tat-traffiku li seħħ fis-26 ta’ Marzu 2011 fl-Italja. Fiż-żmien tal-inċident, iċ-ċiklist kien jaħdem u jirresjedi fl-Awstrija.

    16.

    Is-sewwieq tal-karozza li allegatament ikkawża l-inċident kellu polza tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ma’ Mutuelles du Mans assurances IARD SA (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”), kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fi Franza.

    17.

    Proċeduri legali ġew istitwiti mir-rikorrent kontra l-konvenuta quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali, Klagenfurt, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Prim’Istanza”). Ir-rikorrent ikkunsidra lis-sewwieq tal-karozza bħala l-uniku responsabbli għall-inċident. Huwa talab lill-konvenuta danni fl-ammont ta’ EUR 15505.64, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż relattivi għall-proċeduri.

    18.

    Abbażi ta’ obbligu statutorju li jagħmel dan, ir-rikorrent kompla jħallas is-salarju taċ-ċiklist (tal-impjegat tiegħu) filwaqt li dan kien ħareġ bil-leave għal mard minħabba l-ġrieħi li kien sofra fl-inċident tat-traffiku. Skont id-dritt Awstrijak, it-talba għal kumpens taċ-ċiklist ġiet mgħoddija lir-rikorrent. Ir-rikorrent iqis li s-salarju mħallas liċ-ċiklist matul il-leave għal mard jikkostitwixxi dannu, u li d-dritt taċ-ċiklist li jitlob il-kumpens għal dak id-dannu fil-konfront tal-konvenuta ġie ssurrogat lir-rikorrent.

    19.

    Barra minn hekk, ir-rikorrent argumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tisma’ l-kawża. Huwa bbaża dan l-argument fuq l-Artikolu 9(1)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001: assiguratur jista’ jiġi mħarrek fi Stat Membru għajr dak fejn huwa ddomiċiljat (f’dan il-każ, Franza), jekk l-azzjoni titressaq quddiem il-qrati fil-post fejn ir-rikorrent huwa ddomiċiljat (hawnhekk, l-Awstrija). Ir-rikorrent irrileva wkoll il-fatt li l-istess qorti kienet diġà aċċettat il-ġurisdizzjoni fi proċeduri paralleli mressqin miċ-ċiklist kontra l-assiguratur.

    20.

    Il-konvenuta ma qablitx dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti Awstrijaka. Hija ġibdet l-attenzjoni għall-iskop tar-regoli speċjali għall-ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni: li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa. Il-konvenuta sostniet li r-rikorrent ma kienx parti iktar dgħajfa u għalhekk ma kienx intitolat għal tali protezzjoni.

    21.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza sabet li hija kellha ġurisdizzjoni, u li r-rikorrent jista’ jitqies bħala parti iktar dgħajfa irrispettivament mid-daqs tiegħu, peress li dan kien sempliċement asserixxa talba dderivata minn dik tal-impjegat tiegħu.

    22.

    Madankollu, wara li l-konvenuta ppreżentat appell, l-Oberlandesgericht Graz (qorti reġjonali superjuri, Graz, l-Awstrija) irrevokat id-deċiżjoni tal-prim’istanza u ċaħdet l-azzjoni oriġinali, filwaqt li sabet li kien hemm nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Hija kkonstatat li r-rikorrent ma jistax jiġi kklassifikat bħala l-parti l-iktar dgħajfa.

    23.

    Ir-rikorrent appella d-deċiżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti tqis li huwa neċessarju li jiġu kkjarifikati diversi dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex jiġi evalwat jekk il-materja quddiemha tistax tiġi kklassifikata bħala materja li għandha x’taqsam ma’ assigurazzjoni. Hija tfittex li tistabbilixxi wkoll jekk ir-rikorrent jistax jitqies bħala vittma li tista’ tinvoka r-regola tal-forum actoris relatat mal-assigurazzjoni skont l-Artikolu 9(1)(b) flimkien mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

    24.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “(1)

    L-azzjoni ta’ persuna li timpjega nazzjonali intiża għall-kumpens għad-dannu li hija ssostni indirettament minħabba ż-żamma tal-pagament tar-remunerazzjoni tal-impjegat tagħha li jirresjedi fit-territorju nazzjonali tikkostitwixxi azzjoni “[f’]materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 44/2001, meta:

    (a)

    l-impjegat ġie mweġġa’ f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Stat Membru (l-Italja),

    (b)

    l-azzjoni tkun diretta kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili, stabbilit fi Stat Membru ieħor (Franza), tal-vettura tal-awtur tad-dannu u

    c)

    il-persuna li timpjega tkun stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku b’personalità ġuridika proprja?

    (2)

    Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

    L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru°44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li timpjega li tkun baqgħet tħallas ir-remunerazzjoni, tista’, fil-kwalità ta’ “vittma”, tressaq azzjoni kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tal-vettura tal-awtur tad-dannu quddiem il-qorti tal-post li fih il-persuna li timpjega hija stabbilita, sa fejn l-azzjoni diretta tkun possibbli?”

    25.

    Ir-rikorrent, il-konvenuta, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    IV. Evalwazzjoni

    26.

    Il-qorti tar-rinviju għandha l-għan li tistabbilixxi jekk it-talba ta’ persuna li timpjega li baqgħet tħallas is-salarju tal-impjegat tagħha meta dan tal-aħħar kien bil-leave għal mard (b’riżultat tal-ġrieħi li sofra f’inċident tat-traffiku), u li titlob għad-danni li jikkorrispondu għal dak is-salarju għandhiex tiġi kklassifikata bħala azzjoni “[f’]materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni” fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001 (l-ewwel domanda). Jekk din tingħata risposta fl-affermattiv, dik il-qorti tistaqsi wkoll jekk tali persuna li timpjega tistax titqies bħala “vittma” u tinvoka l-forum actoris relatat mal-assigurazzjoni meta tressaq talba kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tas-sewwieq (it-tieni domanda).

    27.

    Ir-risposta tiegħi għaż-żewġ domandi hija “iva”. Jien u nispjega din il-pożizzjoni, l-ewwel ser nittratta fil-qosor il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni” (A). Imbagħad, ser neżamina jekk u taħt liema kundizzjonijiet surrogatarju ta’ talba relatata mal-assigurazzjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala “vittma” u jinvoka l-forum actoris relatat mal-assigurazzjoni (B).

    28.

    Bħala osservazzjoni terminoloġika preliminari li tapplika għall-argument sħiħ, nixtieq nenfasizza li f’dawn il-konklużjonijiet qed nuża t-terminu “surroga” b’mod ġenerali u newtrali li jirreferi, b’mod ġeneriku, għat-tipi kollha ta’ “sostituzzjoni” legali ( 7 ). Dan sempliċement ikopri s-sitwazzjoni ta’ persuna li tieħu post ħaddieħor biex tinforza d-drittijiet jew tassumi obbligi.

    A. Materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni

    29.

    Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 44/2001, is-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tiegħu fiha regoli ġurisdizzjonali speċifiċi applikabbli f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni. Dawn jippermettu li titressaq kawża mid-detentur tal-polza, l-assigurat, il-benefiċjarju u l-vittma kontra assiguratur quddiem il-qrati tal-Istat Membru u f’post fejn il-partijiet rispettivi jirresjedu. Min-naħa l-oħra, l-assiguratur fil-prinċipju jifdallu għażla waħda biss: li jadixxi lill-qrati tal-Istat Membru fejn jirresjedi l-konvenut ( 8 ).

    30.

    Madankollu, ir-Regolament Nru 44/2001 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ assigurazzjoni. Lanqas il-predeċessur legali tiegħu (Konvenzjoni ta’ Brussell ( 9 )) u s-suċċessur tiegħu (Regolament Nru 1215/2012 ( 10 )) ma jagħmlu dan.

    31.

    Naqbel mal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni” jrid jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi biex jiġi żgurat, sa fejn possibbli, li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament għall-Istati Membri u l-persuni kkonċernati jkunu ugwali u uniformi ( 11 ).

    32.

    Iżda, apparti din ir-rimarka ġenerali, ma jidhirx li hemm definizzjoni speċifika tal-Unjoni ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni”. Sa issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet żewġ tipi ta’ gwida każistika dwar dan, bl-inklużjoni (b’eżempji espliċiti ta’ x’inhu inkluż) u bl-esklużjoni (x’ma huwiex inkluż).

    33.

    Fl-ewwel kategorija, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, b’riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Brussell li għandha test simili, li r-regoli ġurisdizzjonali relatati mal-assigurazzjoni japplikaw espressament għal ċerti tipi ta’ assigurazzjoni, bħall-assigurazzjoni obbligatorja, assigurazzjoni ta’ responsabbiltà, assigurazzjoni fuq proprjetà immobbli u assigurazzjoni tal-avjazzjoni jew marittima ( 12 ).

    34.

    Fuq in-naħa tal-esklużjoni, l-Artikolu 1(2)(ċ) huwa ċar fl-eliminazzjoni tal-materji tas-sigurtà soċjali mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Wieħed jista’ jżid li din l-esklużjoni hija applikata sa fejn talba partikolari ma taqax fi ħdan il-kunċett ta’ “materja ċivili jew kummerċjali”, li jiddelimita l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001 fl-intier tiegħu ( 13 ).

    35.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet ir-“riassigurazzjoni” mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ġurisdizzjonali speċifiċi għall-assigurazzjoni għax ir-riassigurazzjoni ma tissemmiex f’dik li mbagħad saret is-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001. Iżda l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ukoll dik l-esklużjoni għal relazzjonijiet bejn żewġ professjonisti attivi fis-settur tar-riassigurazzjoni. Hija rrilevat li r-regoli ġurisdizzjonali dwar l-assigurazzjoni kienu “applikabbli b’mod sħiħ fejn, taħt [id-dritt applikabbli], id-detentur tal-polza, l-assigurat jew il-benefiċjarju ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni għandu l-għażla jindirizza direttament lil kull riassiguratur tal-assiguratur sabiex jasserixxi fil-konfront tar-riassiguratur drittijietu skont il-kuntratt”, jekk il-parti tkun il-parti l-iktar dgħajfa fil-konfront tar-riassiguratur ( 14 ).

    36.

    Ma naħsibx li jkun neċessarju jew għaqli li nipprova nipprovdi definizzjoni ġenerali u eżawrjenti ta’ x’jikkostitwixxi “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni” u, għalhekk, x’inhi “assigurazzjoni”. Dan jista’ jitħalla f’idejn l-istudji legali. Iżda jeżisti element wieħed li joħroġ mill-ġurisprudenza rieżaminata, marbut naturalment mal-loġika tas-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell/tar-Regolamenti: għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-bażi biex jiġi aċċertat x’inhuma “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni” essenzjalment hija “bbażata fuq it-titolu”. It-titolu li għalih tittieħed azzjoni kontra konvenut speċifiku (fi kliem ieħor, il-kawża tal-azzjoni) huwa li jiġu aċċertati d-drittijiet u d-dmirijiet li joħorġu mir-relazzjoni tal-assigurazzjoni? Jekk iva, il-kawża tista’ titqies bħala materja li għandha x’taqsam ma’ assigurazzjoni.

    37.

    B’hekk fil-kuntest tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni” sempliċement jirrigwardaw l-aċċertament tad-drittijiet u d-dmirijiet ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(b) u l-Artikolu 11(2) sa fejn dawn id-drittijiet u d-dmirijiet jitqiesu li jirriżultaw minn relazzjoni tal-assigurazzjoni.

    38.

    Jista’ jingħad ukoll li dik il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt li r-raġuni u l-għeruq storiċi tal-obbligi li jirriżultaw fil-kuntest tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà jistgħu jkunu, f’livell ġenerali ħafna, marbutin mal-kunċett tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-awtur tad-dannu inizjali li l-assigurazzjoni tal-awtur tad-dannu suppost għandha tissostitwixxi u tkopri ( 15 ).

    39.

    Għalhekk, bħala konklużjoni interim tiegħi, inqis li għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-ġurisdizzjoni kompetenti, suġġett ta’ talba jaqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni” fis-sens tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 jekk jikkonċerna drittijiet u dmirijiet li joħorġu minn relazzjoni tal-assigurazzjoni, ħlief għal kwistjonijiet relatati mas-sigurtà soċjali skont l-Artikolu 1(2)(ċ) tal-istess regolament.

    40.

    Meta l-kunsiderazzjonijiet jiġu applikati għall-każ ineżami, mid-digriet tar-rinviju jsegwi li t-talba fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq kuntratt tal-assigurazzjoni li jeżisti bejn l-awtur tad-dannu inizjali u l-assiguratur tiegħu, iktar milli fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali allegata tal-persuna responsabbli għall-inċident. Fi kliem ieħor, l-allegat obbligu tal-konvenuta li jirriżulta minn kuntratt tal-assigurazzjoni li hija kkonkludiet mal-awtur tad-dannu huwa r-raġuni għalfejn hija qiegħda tiġi azzjonata fil-kawża prinċipali ( 16 ).

    B. It-trasferiment tal-forum actoris lil surrogatarju

    41.

    It-tieni domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk ir-rikorrent, bħala l-vittma, jistax jinvoka l-forum actoris ipprovdut fl-Artikolu 11(2), moqri flimkien mal-Artikolu 9(1)(b), tar-Regolament Nru 44/2001 u jressaq azzjoni diretta (li, bħala tali, hija permessa taħt id-dritt applikabbli ( 17 )) kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tal-persuna li allegatament hija responsabbli għall-inċident tat-traffiku inizjali.

    42.

    Id-domanda teħtieġ analiżi, fl-ewwel lok, dwar jekk ir-rikorrent huwiex kopert mill-kunċett ta’ “vittma” (1). Peress li r-risposta għal dik id-domanda hija, fil-fehma tiegħi, fl-affermattiv, id-diskussjoni sussegwenti għandha tħares lejn il-kundizzjonijiet li taħthom il-forum actoris relatat mal-assigurazzjoni jgħaddi fuq is-surrogatarju (2).

    1.   Il-kunċett u l-forum actoris ta’ vittma

    43.

    Bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli ġurisdizzjonali fis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxu “sistema awtonoma ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni” bil-għan “li l-parti l-inqas b’saħħitha [il-parti l-iktar dgħajfa] tiġi mħarsa permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha mir-regoli ġenerali”. Ir-regoli jirriflettu tħassib sottostanti li jiġu protetti persuni li, f’ħafna każijiet, jiltaqgħu ma’ kuntratt predeterminat bi klawżoli mhux negozjabbli, li jwassal għall-istatus ta’ “parti iktar dgħajfa”. ( 18 )

    44.

    Għalhekk, il-protezzjoni li toħroġ mir-regoli ġurisdizzjonali relatati mal-assigurazzjoni ma għandhiex tiġi estiża sabiex tinkludi persuni li għalihom din il-protezzjoni ma hijiex iġġustifikata ( 19 ).

    45.

    Tista’ tinsilet analoġija limitata minn tħassib protettiv simili li jsawwar ukoll ir-regoli ġurisdizzjonali pprovduti fir-rigward tal-impjegati u l-konsumaturi ( 20 ). Dawn ir-regoli speċifiċi tal-ġurisdizzjoni jitilqu bl-istess mod mir-regola ewlenija bbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut ( 21 ).

    46.

    Li jista’ jitqies li huwa komuni għal dawn l-oqsma speċifiċi kollha huwa l-fatt li suppost għandhom ikunu eċċezzjonijiet għar-regoli ġurisdizzjonali ewlenin. Bħala tali, dawn ma jistgħux jagħtu lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mir-Regolament ( 22 ).

    47.

    Madankollu, għandu jiġi nnotat ukoll li b’kuntrast mal-materji li għandhom x’jaqsmu mal-impjegati u l-konsumaturi, il-kunċett tal-“parti l-iktar dgħajfa” f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni jingħata definizzjoni pjuttost wiesgħa. Dan jinkludi erba’ kategoriji ta’ persuni: id-detentur tal-polza, l-assigurat, il-benefiċjarju u l-vittma. Fil-fatt, dawn il-partijiet jistgħu jkunu entitajiet pjuttost b’saħħithom ekonomikament u legalment. Dan joħroġ mil-lingwaġġ wiesa’ tad-dispożizzjonijiet relatati mal-assigurazzjoni fir-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll mit-tipi ta’ assigurazzjoni deskritti fih.

    48.

    B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak previst għall-konsumaturi, il-persuni protetti taħt is-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 ma jidħlux neċessarjament fil-kuntratt tal-assigurazzjoni rispettiv barra mis-sengħa jew il-professjoni tagħhom. Dan il-fatt u din il-partikolarità ta’ ġurisdizzjoni speċjali taħt is-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II għandhom jitqiesu meta jiġi interpretat il-kunċett ta’ vittma.

    49.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament jikkonferixxi l-forum actoris lil kull waħda mill-partijiet elenkati fih, jiġifieri d-detentur tal-polza, il-benefiċjarju u l-assigurat. Dan jikkostitwixxi bidla u tisħiħ tal-protezzjoni meta mqabbel mal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 23 ).

    50.

    Fis-sentenza FBTO Schadeverzekeringen, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-vittma tiddisponi wkoll mill-forum actoris tagħha stess. Dan il-forum ma jiddependix mill-fora disponibbli għall-partijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(b). Għalhekk, il-vittma, għalkemm imsemmija separatament fl-Artikolu 11(2), tista’ tiftaħ kawża fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha ( 24 ).

    51.

    Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-għan tar-riferiment fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001, inter alia, għall-Artikolu 9 huwa li jżid il-vittmi mal-lista tal-atturi skont l-Artikolu 9(1)(b), mingħajr ir-restrizzjoni tal-kategorija tal-vittmi għal dawk li sofrew direttament. Biex issostni dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet l-eżempju tal-werrieta tal-vittmi ( 25 ).

    52.

    Mir-raġunijiet esposti f’din il-parti jirriżulta li l-forum actoris tal-Artikolu 9(1)(b) u li jsir kontroriferiment għalih fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jiġi invokat ukoll minn vittma indiretta. Din tiddisponi mill-forum actoris tagħha abbażi tad-domiċilju tagħha. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li jiġu kkwalifikati bħala “vittma” kemm il-persuni li ġarrbu d-danni direttament kif ukoll indirettament.

    53.

    Il-kwistjoni finali u, sa ċertu punt, ewlenija li għandha tiġi kkunsidrata hija jekk surrogatarju bħar-rikorrent jistax jiġi kklassifikat bħala vittma indiretta u jinvoka l-forum actoris relatat mal-assigurazzjoni.

    2.   It-trasferiment tal-forum actoris lil surrogatarju

    54.

    Il-qofol ta’ din il-kawża huwa taħt liema kundizzjonijiet, jew b’liema restrizzjonijiet, il-forum speċifiku previst fl-Artikolu 9(1)(b) u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jiġi ttrasferit lil entità li ġiet issurrogata fid-drittijiet tal-vittma diretta.

    55.

    Din il-kwistjoni diġà ġiet ikkunsidrata fil-kawża Vorarlberger (a). Madankollu, il-fattibbiltà tat-test żviluppat fiha qajmet xi tħassib, kif turi din il-kawża (b). Għalhekk, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu din l-opportunità biex tikkjarifika l-approċċ fis-sentenza Vorarlberger (c).

    a)   Vorarlberger

    56.

    Fil-kawża Vorarlberger, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li korp tas-sigurtà soċjali, li lilu ġew ittrasferiti ipso jure d-drittijiet tal-persuna li ġiet leża direttament f’inċident tat-traffiku, ma jistax jinvoka r-regola forum actoris speċjali inkluża fl-Artikolu 11(2) moqri flimkien mal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 26 ).

    57.

    Il-kawża Vorarlberger saret bħala riżultat ta’ inċident bil-karozza fil-Ġermanja. Il-vittma rċeviet kumpens mill-korp tas-sigurtà soċjali tagħha li kien stabbilit fl-Awstrija. Dan il-korp fetaħ kawża fl-Awstrija kontra l-assiguratur Ġermaniż tal-persuna responsabbli għall-inċident. Il-korp tas-sigurtà soċjali invoka r-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-Artikolu 9 tal-istess regolament. Huwa għamel użu mis-surroga tad-drittijiet li ġew mgħoddijin lilu mill-vittma diretta.

    58.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li tali invokazzjoni ma kinitx possibbli. Hija nnotat li in casu ma ġiex sostnut li korp tas-sigurtà soċjali, bħalma huwa dak ikkonċernat f’dak il-każ, huwa parti ekonomikament iktar dgħajfa u ġuridikament b’inqas esperjenza minn assiguratur għal responsabbiltà ċivili, bħalma huwa dak involut ( 27 ).

    59.

    Ir-raġunament imħaddan mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Vorarlberger issuġġerixxa li l-possibbiltà li jiġu applikati r-regoli protettivi tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 tiddependi mill-bilanċ konkret tal-qawwa ġuridika u ekonomika tal-partijiet fit-tilwima, li għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-fatti ta’ kull każ individwali.

    60.

    Tali approċċ ma kienx popolari b’mod universali. Għalkemm ma huwiex ikkontestat li dan ifittex li jissodisfa l-għan segwit mir-Regolament Nru 44/2001 li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa, dan ma jġibx daqshekk punti meta jiġi biex jiżgura l-grad neċessarju tal-prevedibbiltà tar-regoli applikabbli tal-ġurisdizzjoni. Dan it-tħassib jidher ukoll fid-digriet tar-rinviju ta’ din il-kawża. Ser ngħaddi għalih issa.

    b)   Il-limiti tal-approċċ fis-sentenza Vorarlberger

    61.

    L-ewwel nett, kif tesponi l-qorti tar-rinviju, il-kriterji konkreti għall-evalwazzjoni tad-dgħufija relattiva tal-pożizzjoni tal-persuna li lilha jiġu ttrasferiti d-drittijiet fil-konfront tal-assiguratur konvenut huma assenti mill-gwida pprovduta fis-sentenza Vorarlberger. Speċjalment fil-każ ta’ surrogatarju, bħal dak fil-kawża prinċipali (persuna li timpjega rregolata mid-dritt pubbliku), huwa diffiċli li jiġi ddeterminat jekk tali parti hijiex “ekonomikament inqas b’saħħitha [iktar dgħajfa] u ġuridikament b’inqas esperjenza” mill-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili konvenut.

    62.

    It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll il-firxa wiesgħa tal-entitajiet li fir-rigward tagħhom ikollha ssir tali analiżi konkreta. Ir-rikorrenti jistgħu jvarjaw minn kummerċjanti waħdiena “żgħar” għal impriżi ta’ daqs medju sa gruppi korporattivi kbar jew stabbilimenti rregolati mid-dritt pubbliku kif ukoll awtoritajiet territorjali. Nixtieq inżid li l-qawwa ġuridika u ekonomika rispettiva tar-rikorrenti speċifiċi jkollha tintiżen fil-konfront ta’ assiguraturi “barranin” ibbażati fi Stat Membru differenti. Dan iġib miegħu d-diffikultà addizzjonali tal-evalwazzjoni ta’ forom ġuridiċi u kwistjonijiet fattwali li għandhom x’jaqsmu ma’ sistema ġuridika differenti minn dik tal-qorti adita bil-kawża.

    63.

    It-tielet nett, it-test imħaddan fis-sentenza Vorarlberger iqajjem kwistjoni iktar profonda dwar il-prevedibbiltà tal-eżitu f’każijiet speċifiċi. Filwaqt li jitfakkar ir-raison d’être konkret tat-test, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-kwistjonijiet eżaminati hawnhekk għandhom jiġu ttrattati fil-livell tal-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, mhux fl-istadju tal-merti. Għalhekk, kemm huwa xieraq li l-qrati nazzjonali jkollhom iwettqu eżami fattwali u kuntestwali impenjattiv sabiex jagħmlu determinazzjoni ġurisdizzjonali li, b’mod ġenerali, għandha tkun kemm jista’ jkun malajr u b’mod sempliċi?

    64.

    Dan it-tħassib iwassalni biex nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżid il-kjarifiki li ġejjin għall-approċċ fis-sentenza Vorarlberger.

    c)   Kjarifika għall-approċċ fis-sentenza Vorarlberger

    65.

    L-għan tal-kjarifika tat-trasferiment tal-forum actoris fil-kuntest ineżami għandu jkun, l-ewwel nett, li tirrikonċilja l-loġika tal-parti l-iktar dgħajfa fis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 bl-iskop li tiġi żgurata prevedibbiltà għolja tar-regoli ġurisdizzjonali ( 28 ). It-tieni nett, l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 29 ) jmur kontra kwalunkwe multiplikazzjoni ulterjuri tal-fora. Is-surrogatarju għandu għalhekk, sa fejn huwa possibbli, ikun jinsab fl-istess ġurisdizzjoni bħall-persuna li minnha jidderivaw drittijietu. Wara kollox, dik hija l-vera loġika tas-surroga tat-talbiet. Dawn jiġu dderivati.

    66.

    Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-għanijiet ma humiex moqdijin tajjeb b’dik li essenzjalment tidher li hija evalwazzjoni fframmentata, individwalizzata u kuntestwali għall-aħħar tal-karatteristiċi ekonomiċi u ġuridiċi u tal-esperjenza ta’ kull rikorrent u l-paragun tagħha mal-qawwa ġuridika u ekonomika ta’ assiguratur speċifiku. Min-naħa l-oħra, dawn l-għanijiet jistgħu possibbilment ikunu moqdijin aħjar minn approċċ li jiffoka fuq il-karatteristiċi oġġettivi tat-tip ta’ relazzjoni li tat lok għas-surroga u r-raġuni għalfejn is-surrogatarju ħa post il-vittma diretta. Apparti minn dan, it-test ma għandux iħares lejn il-persuna individwali u lanqas ma għandu jirrikjedi xi evalwazzjoni kuntestwali tas-saħħa, l-għarfien jew l-esperjenza.

    67.

    Għaldaqstant, nissuġġerixxi li s-surroga fid-drittijiet tal-vittma diretta tikkawża t-trasferiment tal-forum actoris lil kwalunkwe surrogatarju, inklużi kemm persuni fiżiċi kif ukoll persuni ġuridiċi, ħlief jekk (i) is-surrogatarju nnifsu jkun professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni, li t-talba tkun ġiet mgħoddija lilu abbażi ta’ relazzjoni tal-assigurazzjoni li jkun bena mal-vittma diretta (kemm bl-applikazzjoni tal-liġi jew abbażi ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni ( 30 )), jew (ii) is-surrogatarju jkun entità involuta regolarment fis-soluzzjoni kummerċjali jew altrimenti professjonali ta’ talbiet relatati mal-assigurazzjoni li volontarjament tkun assumiet ir-realizzazzjoni tat-talba bħala parti mill-attività kummerċjali jew altrimenti professjonali tagħha.

    68.

    Fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega iktar it-test propost billi neżamina l-parametri rilevanti li għandhom jipprovdu qafas għall-evalwazzjoni ta’ meta l-forum actoris jgħaddi fuq persuna li tasserixxi talba li hija dderivata u relatata mal-assigurazzjoni (i). Imbagħad ser nikkunsidra l-vantaġġi tal-approċċ issuġġerit (ii). Biex nagħlaq, ser napplikah għall-każ ineżami (iii).

    i) Il-parametri

    69.

    L-ewwel nett, l-element ewlieni sabiex issir distinzjoni bejn dawk il-vittmi indiretti li jistgħu u dawk li ma jistgħux jinvokaw il-forum actoris relatat mal-assigurazzjoni huwa l-eżistenza ta’ relazzjoni tal-assigurazzjoni bejn is-surrogatarju rispettiv u l-vittma diretta. Għalhekk, id-domanda ewlenija għandha tkun: x’kienet ir-raġuni (jew il-kawża ta’ azzjoni legali, it-titolu) li għaliha s-surrogatarju ħallas l-ammonti rispettivi lill-vittma diretta? Jekk dik ir-raġuni kienet l-eżistenza ta’ relazzjoni tal-assigurazzjoni ta’ kwalunkwe tip ( 31 ), is-surrogatarju qed jaġixxi bħala professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni. Għalhekk, dan irid jiġi eskluż mill-benefiċċju tal-forum actoris.

    70.

    It-tieni nett, naħseb li huwa irrilevanti jekk ir-relazzjoni tal-assigurazzjoni speċifika bejn il-vittma diretta u s-surrogatarju kinitx bdiet minħabba relazzjoni tad-dritt privat (bħal kuntratt tal-assigurazzjoni privat) jew bħala konsegwenza ta’ obbligu tad-dritt pubbliku (kemm jekk id-dmir li wieħed jiġi assigurat ikun obbligu statutorju jew jekk id-dritt pubbliku nnifsu jipprovdi direttament għal assigurazzjoni mandatorja, sa fejn, fil-każ tal-aħħar, tiġi osservata l-klawżola tal-esklużjoni li tikkonċerna s-sigurtà soċjali skont l-Artikolu 1(2)(ċ) ( 32 )). L-element ewlieni komuni għat-tnejn li huma huwa li, fl-aħħar mill-aħħar, is-surrogatarju li qed ifittex il-ħlas lura tad-dannu kontra l-assiguratur huwa sempliċement professjonist ieħor attiv fis-settur.

    71.

    It-tielet nett, filwaqt li nsegwi u nestendi l-istess loġika, l-istess esklużjoni għandha mbagħad tapplika wkoll għal rikorrent li huwa professjonist fin-negozjar ta’ talbiet relatati mal-assigurazzjoni. Fi kliem ieħor, il-forum actoris protettiv ma għandux ikun disponibbli għal persuna li ġiet issurrogata fid-dritt tal-vittma diretta abbażi ta’ ċessjoni ta’ talba relatata mal-assigurazzjoni fi ħdan in-negozju jew l-attività professjonali tas-surrogatarju, tipikament fuq bażi kuntrattwali. L-użu tal-forum actoris relatat mal-assigurazzjoni ma jkunx iġġustifikat f’tali kuntest ( 33 ).

    72.

    Kollox ma’ kollox, l-element ewlieni huwa t-titolu legali li wassal biex is-surrogatarju jieħu post il-vittma diretta. Is-surrogatarju jista’ jinvoka l-forum actoris sakemm it-titolu invokat joħroġ minn kuntratt tal-assigurazzjoni jew minn ftehim sabiex it-talba tiġi assenjata konkluż bejn il-vittma diretta u s-surrogatarju.

    ii) Il-vantaġġi tal-kjarifika proposta

    73.

    Hemm mill-inqas tliet vantaġġi għalfejn nemmen li l-approċċ li għadni kemm iddeskrivejt jista’ jipprovdi test iktar prevedibbli u fattibbli.

    74.

    L-ewwel nett, jekk tiġi mħaddna evalwazzjoni iktar oġġettiva u bbażata fuq it-titolu tal-pożizzjoni tal-vittma indiretta għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk dik il-parti tistax tinvoka forum actoris relatat mal-assigurazzjoni, dan ikun ifisser soluzzjoni iktar fattibbli fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati. Ma jkunx hemm bżonn li ssir analiżi dwar il-qawwa relattiva tal-partijiet fit-tilwima. L-istatus professjonali u formali tagħhom u t-titolu li taħtu jkunu ġew issurrogati f’talba jkunu biżżejjed f’termini tal-għarfien neċessarju.

    75.

    It-tieni nett, vantaġġ ieħor huwa li t-test propost ikun olistiku, li jħaddan fih kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi. Għandu jitfakkar li t-test tar-Regolament Nru 44/2001 huwa newtrali f’dan ir-rigward ( 34 ). Id-dikjarazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Vorarlberg dwar il-possibbiltà mħarsa tal-werrieta li jinvokaw forum actoris relatat mal-assigurazzjoni ma ddistingwixxietx bejn il-persuni fiżiċi u dawk ġuridiċi. Ma narax għalfejn il-persuni ġuridiċi għandhom jiġu esklużi minn tali għażla sa fejn, taħt id-dritt applikabbli, dawn għandhom il-kapaċità li jirtu. B’mod iktar ġenerali, u kif ġie sostnut essenzjalment mill-Gvern Taljan, jista’ jerġa’ jitfakkar li f’termini prattiċi, ħafna mill-persuni li jibbenefikaw minn fora speċjali f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni huma mistennija li jkunu persuni ġuridiċi.

    76.

    It-tielet u l-aħħar nett, it-test propost mistenni jippermetti iktar li talbiet relatati mil-lat sostantiv jiġu deċiżi fl-istess forum, u b’hekk tiġi limitata l-frammentazzjoni tat-tilwim. Il-każ ineżami jista’ juri dan il-fatt.

    77.

    Il-kawża prinċipali tressqet miċ-ċiklist bħala l-vittma diretta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, preżumibbilment il-qorti fejn jirresjedi. Jekk jiġi applikat it-test propost hawnhekk, ir-rikorrent ser ikollu aċċess għall-istess qorti nazzjonali peress li jidher li huwa stabbilit fi ħdan il-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti.

    78.

    Jekk, kuntrarjament għal dak li qed nissuġġerixxi, ir-rikorrent jiċċaħħad mill-forum actoris relatat mal-assigurazzjoni, dan ser ikun obbligat jibda proċeduri fejn ikun stabbilit l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili (fi Franza), jew quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn seħħ l-inċident tat-traffiku (fl-Italja).

    79.

    Għalhekk, meta s-surrogatarju u l-vittma diretta jkunu ddomiċiljati fi ħdan l-istess Stat Membru, u jekk jiddeċiedu li jużaw il-forum actoris, l-approċċ issuġġerit ikollu l-vantaġġ li jevita multiplikazzjoni ulterjuri tal-fora fil-livell tal-ġurisdizzjoni internazzjonali.

    80.

    Minkejja dan kollu, ma nasalx sal-punt li nsostni li s-surrogatarju għandu l-obbligu li jsegwi l-għażla ġurisdizzjonali magħmula mill-vittma diretta u li jadixxi l-istess qorti adita mill-vittma diretta, essenzjalment għal tliet raġunijiet.

    81.

    L-ewwel nett, diġà hemm multipliċità ta’ fora inklużi direttament fit-test tal-Artikolu 9(1)(b) u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Skont dawn id-dispożizzjonijiet u fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni dispożizzjoni, id-detentur tal-polza, il-benefiċjarju, l-assigurat u l-vittma kollha għandhom forum actoris separat abbażi tad-domiċilju tagħhom. Madankollu, minkejja tali multipliċità fis-seħħ, ma hemm xejn fit-test tar-Regolament Nru 44/2001 li jistabbilixxi “obbligu li għandu jiġi segwit” biex titnaqqas il-multipliċità. Għalhekk, fi ħdan dan il-qafas leġiżlattiv, ftit nara raġuni (u sostenn testwali) għalfejn għandu jiġi stabbilit b’mod ġudizzjarju tali obbligu għas-surrogatarju biss.

    82.

    It-tieni nett, il-lingwaġġ tal-Artikolu 9(1)(b) jagħti x’jifhem li ma jkoprix biss il-ġurisdizzjoni internazzjonali iżda anki dik lokali (il-post u mhux l-Istat Membru fejn jirresjedi l-attur). Għalhekk, “obbligu li għandu jiġi segwit”, li jġiegħel lis-surrogatarju jiftaħ kawża quddiem eżattament l-istess qorti disponibbli għall-vittma diretta, jista’ potenzjalment ifisser li s-surrogatarju jiġi mġiegħel jiftaħ kawża f’qorti barra mid-domiċilju tiegħu.

    83.

    It-tielet nett, l-obbligu li għandu jiġi segwit jista’ jispiċċa jiddependi b’mod qawwi fuq il-kronoloġija tal-avvenimenti f’kull każ,, speċifikament fuq l-għażla magħmula mill-vittma diretta dwar jekk u meta tressaq talba. Iżda x’jiġri jekk is-surrogatarju jkun l-ewwel li jressaq talba? Il-vittma diretta mbagħad ukoll tkun obbligata ssegwi l-għażla eżerċitata mis-surrogatarju? Jekk le, ir-regola tal-konsistenza tisfaxxa fix-xejn. Jekk iva, dan jitfa’ l-loġika sħiħa tat-talba, li hija s-“surroga”, ta’ taħt fuq. Għalhekk, l-applikazzjoni tar-regola “segwi lill-vittma l-oħra” tkun tista’ topera biss f’direzzjoni waħda: is-surrogatarju jsegwi lill-vittma diretta iżda mhux viċe versa. Barra minn hekk, din tiġi attivata biss jekk il-vittma diretta tressaq it-talba tagħha “fil-ħin” - jiġifieri qabel ma jagħmel dan is-surrogatarju.

    84.

    Jiġri x’jiġri, il-possibbiltà ta’ dawn l-inkonsistenzi interni fi ħdan l-applikazzjoni ta’ regola li potenzjalment tkun ġiet introdotta għall-finijiet tal-konsistenza twassalni sabiex nikkonkludi li, fuq kollox, din ir-regola tista’ ma tkunx waħda tajba.

    iii) Il-każ ineżami

    85.

    Fil-każ ineżami, jidher u fl-aħħar mill-aħħar għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika li r-raġuni għall-introduzzjoni tat-talba mir-rikorrent kienet iż-żamma tal-pagament tas-salarju impost mid-dritt nazzjonali, u t-trasferiment statutorju tad-dannu riżultanti lir-rikorrent. Għalhekk ir-raġuni (it-titolu) għas-surroga tidher li hija l-kuntratt ta’ impjieg u d-dispożizzjonijiet statutorji applikabbli. Ma hemm l-ebda tip ta’ relazzjoni tal-assigurazzjoni bejn ir-rikorrent u ċ-ċiklist.

    86.

    Għalhekk, ir-rikorrent ma jidhirx li jaqa’ taħt waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet stabbiliti iktar ’il fuq fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jeskludu t-trasferiment tal-forum actoris.

    87.

    Għall-finijiet ta’ ċarezza, nixtieq inżid li b’mod ġenerali, wieħed jista’ jimmaġina wkoll sitwazzjonijiet marġinali bħalma hija talba mressqa minn persuna li timpjega li fiha nfisha tkun kumpannija tal-assigurazzjoni. Madankollu, ir-raġuni tal-azzjoni (jew it-titolu), fejn it-talba jew parti minnha tkun għaddiet fuq il-kumpannija tal-assigurazzjoni, ma tkunx xi kuntratt tal-assigurazzjoni, iżda, b’mod simili għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-vittma kienet impjegat tagħha. Il-forum actoris jiġi ttrasferit f’dawn iċ-ċirkustanzi?

    88.

    Iva. Għal darba oħra, f’konformità mal-kjarifiki stabbiliti f’dawn il-konklużjonijiet, l-element deċiżiv ikun it-titolu legali speċifiku li jkun sottostanti għall-azzjoni ta’ tali assiguratur/persuna li timpjega. F’tali xenarju, it-talba ma tkunx ġiet ittrasferita lil-persuna li timpjega għax taġixxi bħala professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni, iżda għax kellha impjegat li weġġa’ u jkunu ġew ittrasferiti ipso jure lilha d-drittijiet tal-impjegat imweġġa’.

    89.

    Ċertament nirrikonoxxi li l-approċċ li nirrakkomanda f’dawn il-konklużjonijiet jista’ jitqies, f’xi sitwazzjonijiet, bħal din li għadni kemm spjegajt, bħala inklużiv wisq. Dan peress li jista’ jipprovdi l-benefiċċju tal-forum actoris relatat mal-assigurazzjoni lil entitajiet ekonomikament siguri u/jew b’għarfien ġuridiku li, fil-fatt, ma humiex ser ikollhom bżonn protezzjoni. Madankollu, proporzjonalment, xorta nemmen li l-inklużjoni fattwali żejda okkażjonali ta’ xi entitajiet hija soluzzjoni iktar raġonevoli mill-eżami kuntestwali każ b’każ tar-rapport des forces tal-partijiet li fil-prattika huwa problematiku.

    V. Konklużjoni:

    90.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) kif ġej:

    (1)

    Azzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, ta’ persuna li timpjega fi Stat Membru partikolari intiża għall-kumpens għad-dannu li hija ssostni minħabba l-ħlas kontinwu tar-remunerazzjoni tal-impjegat tagħha kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili stabbilit fi Stat Membru ieħor għad-dannu kkawżat minn vettura assigurata minn dak l-assiguratur tikkostitwixxi azzjoni “[f’]materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

    (2)

    Persuna, bħalma huwa stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku fil-kapaċità tiegħu ta’ persuna li timpjega, stabbilita fi Stat Membru partikolari, tista’ tinvoka, bħala l-vittma, ir-regola prevista fl-Artikolu 9(1)(b) u fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex tiftaħ kawża direttament (jekk l-azzjoni diretta tkun permessa skont il-liġi nazzjonali rispettiva) kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għal inċident tat-traffiku fejn id-drittijiet li għandhom jiġu invokati joħorġu mid-dannu li għadda għand dik il-persuna li timpjega, jiġifieri l-ħlas kontinwu tar-remunerazzjoni tal-impjegat tagħha li kien weġġa’ f’inċident tat-traffiku:

    jekk ir-raġuni għat-talba hija l-eżistenza ta’ relazzjoni tal-assigurazzjoni bejn il-parti responsabbli għall-inċident u l-assiguratur tagħha; u

    sakemm ir-rikorrent ma ġiex issurrogat fit-talba:

    minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ assigurazzjoni bejn ir-rikorrent u l-vittma diretta; jew

    minħabba li r-rikorrent jkun assuma r-realizzazzjoni tat-talba bħala parti mill-attività kummerċjali jew altrimenti professjonali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    ( 3 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1).

    ( 4 ) Liġi tal-1 ta’ Ġunju 1811, JGS Nru 946/1811.

    ( 5 ) Liġi tat-2 ta’ Diċembru 1958 BGBl. 1959/2 kif emendata.

    ( 6 ) Liġi tal-25 ta’ Frar 1993, LGBl. 1993/44 kif emendata.

    ( 7 ) B’dan il-mod forsi qed immur lura għat-terminu Latin oriġinali surrogare, li sempliċement ifisser li tissostitwixxi (ara, pereżempju, Lewis and Short, A Latin Dictionary, Oxford University Press, Oxford, 1996, p. 1818). Meta jintuża b’mod daqshekk ġeneriku, ma ssirx distinzjoni bejn jekk is-surroga saritx fuq bażi statutorja jew kuntrattwali, jew jekk kinitx parzjali jew sħiħa.

    ( 8 ) Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, GIE Réunion européenne et (C‑77/04, EU:C:2005:327, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 9 ) Konvenzjoni ta’ Brussell dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, sussegwentement emendata bil-konvenzjonijiet dwar l-adeżjoni ma’ dik il-konvenzjoni ta’ Stati Membri ġodda (ĠU 1978 L 304, p. 36).

    ( 10 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

    ( 11 ) Ara b’analoġija (fir-rigward tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”), is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dak li għandu x’jaqsam man-neċessità li l-Konvenzjoni ta’ Brussell tiġi interpretata indipendentement, ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein (C‑433/01, EU:C:2004:21, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 12 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 62). Ara l-Artikoli 10, 13 u 14 tar-Regolament Nru 44/2001.

    ( 13 ) Artikolu (1)(2)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li dan “ma japplikax għal […] sigurtà soċjali”. Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni ekwivalenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ara s-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2002, Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 37), u tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein (C‑433/01, EU:C:2004:21, punt 21).

    ( 14 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 75).

    ( 15 ) Jista’ jitfakkar li dak ir-raġunament, li oriġinarjament deher f’xi partijiet tal-istudji legali u li iktar tard ġie diskuss f’kawża quddiem il-Qorti Suprema Federali Ġermaniża (ara d-digriet tar-rinviju tal-Qorti Suprema Federali Ġermaniża datata s-26 ta’ Settembru 2006 - VI ZR 200/05) la ġie mħaddan mill-Qorti Suprema Federali Ġermaniża u lanqas, fl-aħħar mill-aħħar, mill-Qorti tal-Ġustizzja meta dik il-kawża ġiet irreferuta lill-Qorti tal-Ġustizzja - ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen (C‑463/06, EU:C:2007:792, punt 30).

    ( 16 ) Naturalment, jekk tali talba hijiex ser tiġi kkunsidrata bħala eventwalment koperta mill-kuntratt tal-assigurazzjoni invokat hija kwistjoni differenti li tikkonċerna l-mertu tal-kawża u mhux id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali.

    ( 17 ) Fil-kuntest tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu tal-vetturi bil-mutur, ara l-premessa 30 u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009 L 263, p. 11), jew id-“Direttiva kkonsolidata”, li tipprevedi tali azzjoni diretta tal-vittmi.

    ( 18 ) Premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001. Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1983, Gerling Konzern Speziale Kreditversicherung et (201/82, EU:C:1983:217, punt 17); tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 64); tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux (C‑112/03, EU:C:2005:280, punt 37); u tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse (C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 ) Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse (C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 41).

    ( 20 ) Ara s-Sezzjonijiet 4 u 5 tal-Kapitolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001.

    ( 21 ) Ara l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

    ( 22 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse (C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 23 ) Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen (C‑463/06, EU:C:2007:792, punt 28 in fine). L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jipprovdi: “L-assiguratur domiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jiġi mħarrek quddiem il-qrati tal-Istat li fih huwa domiċiljat, jew fi Stat kontraenti ieħor, quddiem il-qrati tal-post li fih huwa domiċiljat id-detentur tal-polza […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    ( 24 ) Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen (C‑463/06, EU:C:2007:792, punti 2631).

    ( 25 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse (C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 44).

    ( 26 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse (C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 47).

    ( 27 ) Ibid, punt 42.

    ( 28 ) Premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001. Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 ) Premessa 12 tar-Regolament Nru 44/2001.

    ( 30 ) Għall-finijiet taċ-ċarezza, jista’ jiġi rrepetut li kif innotat iktar ’il fuq, fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, talba relatata ma’ materji tas-sigurtà soċjali fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 hija eskluża ratione materiae minħabba l-fatt li ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

    ( 31 ) Kif stabbilit iktar ’il fuq, interpretazzjoni wiesgħa ser tinkludi wkoll ir-riassigurazzjoni, sa fejn dak ir-rikorrent jkollu titolu li jippermettilu jiftaħ kawża kontra r-riassiguratur tal-assiguratur. Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 75).

    ( 32 ) Għal darba oħra, f’dan il-każ, il-kwistjoni ma tkunx tikkonċerna l-assigurazzjoni – ara l-punt 34 iktar ’il fuq.

    ( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Konvenzjoni ta’ Brussell għandha tiġi interpretata fis-sens li l-attur, li qed jaġixxi fil-kuntest tan-negozju jew l-attività professjonali tiegħu u li, għalhekk, hu stess ma huwiex konsumatur li kkonkluda wieħed mill-kuntratti elenkati, ma jistax jibbenefika mir-regoli tal-ġurisdizzjoni speċjali stipulati mill-Konvenzjoni fir-rigward tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi.

    ( 34 ) Biex nispjega dan il-punt fil-kuntest tal-assigurazzjoni ta’ vettura, wieħed jista’ jirreferi, pereżempju, għas-sentenza tal-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Celle tas-27 ta’ Frar 2008, 14 U 211/06 2, fejn aċċettat li persuni ġuridiċi jkunu koperti mill-kunċett ta’ “vittma” skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Dan sar b’riferiment għad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal-24 ta’ April 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10) (issa ssostitwita bid-Direttiva kkonsolidata, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17) fejn “vittma” hija “kull persuna ntitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew inġurja kkawżata minn vetturi”. Il-qorti nazzjonali nnotat ukoll li l-Artikolu 4 tal-istess direttiva (issa l-Artikolu 5 tad-Direttiva kkonsolidata) jirreferi għal persuni fiżiċi u ġuridiċi. F’kawża Ġermaniża oħra mill-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main (sentenza tat-23 ta’ Ġunju 2014, 16 U 224/13) kumpannija tal-kiri ġiet ikklassifikata bħala vittma meta fetħet kawża kontra kumpannija tal-assigurazzjoni. Il-qorti nazzjonali qieset li r-rikorrenti ma kellhiex l-istess għarfien fl-assigurazzjoni. Fl-aħħar nett, għall-propożizzjoni ġenerali li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinvokaw fora relatati mal-assigurazzjoni għal vittmi, ara, pereżempju, Staudinger vs Czaplinski, “Verkehrsopferschutz im Lichte der Rom I-, Rom II- sowie Brüssel I-Verordnung”, NJW 2009, p. 2249 et seq.

    Top