Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0270

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru 2017.
    Carlos Enrique Ruiz Conejero vs Ferroser Servicios Auxiliares SA u Ministerio Fiscal.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social de Cuenca.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(2)(b)(i) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tkeċċija ta’ impjegat minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol, anki meta dawn ikunu ġġustifikati – Assenzi ta’ impjegat dovuta għal mard imputabbli għal diżabbiltà tiegħu – Inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-assenteiżmu mix-xogħol – Natura xierqa – Proporzjonalità.
    Kawża C-270/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:788

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru 2017 ( 1 )

    Kawża C-270/16

    Carlos Enrique Ruiz Conejero

    vs

    Ferroser Servicios Auxiliares SA

    u

    Ministerio Fiscal

    [Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social n.o 1 Cuenca (qorti soċjali n.o 1, Cuenca, Spanja)]

    “Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, it-tkeċċija ta’ impjegat minħabba assenzi repetuti, anki meta jkunu ġġustifikati - Assenza debitament iġġustifikata marbuta mad-diżabbiltà tal-impjegat”

    1. 

    Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkunsidra l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbiltà stabbilita mid-Direttiva 2000/78 ( 2 ) għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil persuna li timpjega li ttemm kuntratt ta’ impjieg wara perijodu jew perijodi ta’ assenza mix-xogħol mingħajr riferiment għall-fatt li l-impjegat inkwistjoni jista’ jkollu diżabbiltà.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Direttiva 2000/78

    2.

    Il-premessi tad-Direttiva 2000/78 jinkludu dawn li ġejjin:

    “(16)

    Il-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità fuq post tax-xogħol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba dizabilità.

    (17)

    Din id-Direttiva ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħrig relevanti, mingħajr prejudizzju għall-obbligu biex jiġu provduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’dizabilitajiet.

    […]

    (20)

    Għandhom jiġu provduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-disposizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni.

    (21)

    Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri in kwistjoni jikkawżawx piż sproprzjonat, għandu jittieħed kont b’mod partikulari ta’ l-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża u l-possibilità li jiġu ottenuti fondi pubbliċi jew assistenza oħra.

    […]”

    3.

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Għan”, jipprovdi:

    “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament.”

    4.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 huwa intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”. Dan jgħid:

    “1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1;

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

    (a)

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

    (b)

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni ndiretta meta fejn disposizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

    (i)

    meta dik id-disposizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika ikunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

    (ii)

    fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn disposizzjoni, kriterju jew prattika simili.

    […]”

    5.

    Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”:

    “1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċci, f’dak li jirrigwarda:

    (a)

    kondizzjonijiet għal aċċess għall-impjiegi, għal min jaħdem għal rasu jew għall-impjieg, inkluż il-kriterji ta’selezzjoni u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, tkun li tkun il-fergħa ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluż promozzjoni;

    […]

    (ċ)

    il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

    […]”

    6.

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, huwa intitolat “Akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”. Dan jgħid:

    “Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat.”

    Id-dritt nazzjonali

    7.

    L-Artikolu 52(d) tar-Real Decreto Legislativo 1/1995, de 24 de marzo, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995, tal-24 ta’ Marzu, li japprova t-test ikkonsolidat tal-liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema) ( 3 ) (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema”) jipprovdi:

    “Terminazzjoni tal-kuntratt għal raġunijiet oġġettivi.

    Il-kuntratt jista’ jiġi tterminat:

    […]

    (d)

    Għal assenzi mix-xogħol, għalkemm iġġustifikati imma intermittenti, li jammontaw għal 20 % tas-sigħat ta’ xogħol f’żewġ xhur konsekuttivi sakemm l-assenzi totali fit-12-il xahar preċedenti jammontaw għal 5 % tas-sigħat tax-xogħol jew 25 % tas-sigħat ta’ xogħol f’erba’ xhur mhux konsekuttivi f’perijodu ta’ 12-il xahar.

    Dawn li ġejjin ma għandhomx jgħoddu bħala assenzi mix-xogħol għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti: assenzi minħabba azzjoni industrijali għat-tul ta’ dik l-azzjoni, min jaġixxi bħala rappreżentant tal-ħaddiema, inċident fuq il-post tax-xogħol, maternità, riskju matul it-tqala u treddigħ, mard ikkawżat mit-tqala, twelid jew treddigħ, paternità, leave u festi, leave tal-mard jew minħabba inċident li ma jirriżultax mix-xogħol fejn l-assenza tkun miftiehma mis-servizzi tas-saħħa uffiċjali u ddum iktar minn 20 jum konsekuttiv jew fejn l-assenza hija kkawżata mis-sitwazzjoni fiżika jew psikoloġika li tirriżulta minn vjolenza bbażata fuq differenza fis-sess, iċċertifikata mis-servizzi tal-kura soċjali jew is-servizzi tas-saħħa, skont il-każ.

    Lanqas ma għandhom jgħoddu l-assenzi għal kura medika għall-kanċer jew marda gravi.”

    8.

    L-Artikolu 4(2)(c) tal-Ley del Estatuto de los Trabajadores (liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema) jipprovdi:

    “2.   Il-ħaddiema għandhom id-dritt, fl-impjieg tagħhom:

    […]

    (ċ)

    li ma jiġux iddiskriminati direttament jew indirettament waqt ir-reklutaġġ, jew fil-kors tal-impjieg tagħhom, minħabba s-sess, l-istat ċivili, l-età fil-limiti stabbiliti minn din il-liġi, ir-razza jew l-oriġini etnika, l-istatus soċjali, ir-reliġjon jew twemmin, l-opinjonijiet politiċi, l-orjentament sesswali, is-sħubija jew in-nuqqas ta’ sħubija f’sindakat, kif ukoll minħabba l-lingwa tagħhom, fit-territorju Spanjol.

    Il-ħaddiema lanqas ma għandhom jiġu ddiskriminati minħabba d-diżabbiltà tagħhom, sakemm ikollhom il-kapaċità li jwettqu x-xogħol jew l-impjieg inkwistjoni.”

    9.

    L-Artikolu 2(d) tar-Real Decreto Legislativo 1/2013, de 29 de noviembre, por el que se aprueba el Texto Refundido de la Ley General de derechos de las personas con discapacidad y de su inclusión social (Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2013, tad-29 ta’ Novembru, li japprova t-test konsolidat tal-liġi ġenerali tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u tal-inklużjoni soċjali tagħhom (iktar ’il quddiem il-“liġi ġenerali dwar id-diżabbiltà”) jipprovdi:

    “Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

    Teżisti d-diskriminazzjoni indiretta jekk dispożizzjoni legali jew regolatorja, klawżola fi ftehim jew f’kuntratt, ftehim individwali, deċiżjoni unilaterali, kriterju jew prattika, jew l-ambjent, prodott jew servizz, apparentement newtrali, jistgħu joħolqu żvantaġġ partikolari għal persuna waħda meta mqabbla ma’ oħrajn, abbażi ta’ jew minħabba d-diżabbiltà tagħha, iżda dawn ma għandhomx jissodisfaw, oġġettivament, għan leġittimu u li l-mezzi użati sabiex jintlaħaq dak l-għan ma humiex xierqa u meħtieġa.”

    10.

    L-Artikolu 40(2) dwar il-liġi ġenerali dwar id-diżabbiltà jipprovdi:

    “Il-persuni li jimpjegaw għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jadattaw il-post tax-xogħol u jtejbu l-aċċessibilità tal-post tax-xogħol wara li jikkunsidraw il-ħtiġijiet li jinqalgħu f’kull każ individwali sabiex il-persuni b’diżabbiltà jitħallew ikollhom aċċess għall-impjieg, biex iwettqu x-xogħol tagħhom, biex jiġu promossi u li jkollhom aċċess għat-taħriġ, sakemm dawn il-miżuri ma jpoġġux piż eċċessiv fuq il-persuna li timpjega.

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-piż huwiex eċċessiv, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk huwiex ristrett sa livell suffiċjenti mill-miżuri, l-assistenza u s-sussidji li japplikaw għal persuni b’diżabbiltà u biex jitqiesu l-ispejjeż finanzjarji u spejjeż oħra marbuta ma’ dawk il-miżuri u l-iskala tal-impriża jew l-organizzazzjoni u d-dħul mill-bejgħ globali tagħha.”

    Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11.

    C. Enrique Ruiz Conejero ilu fattiga mit-2 ta’ Lulju 1993 u kien impjegat fiż-żmien materjali minn Ferroser Servicios Auxiliares, SA, li kellha l-kuntratt għas-servizz ta’ tindif fl-Isptar Virgen de la Luz, Cuenca (parti mis-servizz tas-saħħa ta’ Castilla-La Mancha), fejn kien ħadem. Qabel dan, kien impjegat mal-kumpanniji li qabel kellhom il-kuntratt tat-tindif għal dan il-bini. Huwa ma kellu l-ebda diffikultajiet relatati max-xogħol u lanqas ma ġie ssanzjonat.

    12.

    C. Ruiz Conejero ġie rrikonoxxut bħala li kellu diżabbiltà b’deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2014, mogħtija mill-uffiċċju lokali tal-Consejería de Salud y Asuntos Sociales de la Junta de Comunidades de Castilla-La Mancha (ministeru reġjonali tas-saħħa u l-affarijiet soċjali tal-gvern awtonomu ta’ Castilla-La Mancha). Id-deċiżjoni inkwistjoni tirreġistra li kellu grad ta’ diżabbiltà ta’ 37 %, li minnhom 32 % kienu r-riżultat ta’ limitazzjonijiet fiżiċi [24 % minħabba mard tas-sistema metabolika endokrinali (obeżità) u 10 % minħabba limitazzjoni funzjonali tas-sinsla tad-dahar] u 5 % kienet ir-riżultat ta’ fatturi soċjali addizzjonali ( 4 ).

    13.

    Fl-2014 u l-2015, huwa ħa l-leave minħabba mard komuni matul il-perijodi li ġejjin:

    mill-1 sas-17 ta’ Marzu 2014 għal “uġigħ akut” li kien jeħtieġ li jiddaħħal fl-isptar (mis-26 ta’ Frar sal-1 ta’ Marzu 2014);

    mis-26 sal-31 ta’ Marzu 2014 għall-“isturdament/dardir”;

    mis-26 ta’ Ġunju sal-11 ta’ Lulju 2014 għal-“lumbaġni”;

    mid-9 sat-12 ta’ Marzu 2015 għal-“lumbaġni”;

    mill-24 ta’ Marzu sas-7 ta’ April 2015 għal-“lumbaġni”; u

    mill-20 sat-23 ta’ April 2015 għall-“istrurdament/dardir”.

    14.

    Skont id-dijanjosi tas-Servicios Médicos de la Sanidad Pública (servizzi mediċi tas-saħħa pubblika), l-“isturdament/dardir” u l-“lumbaġni” huma kkawżati minn mard tal-ġogi deġenerattiv u l-polijartrożi, aggravat bl-obeżità ta’ C. Ruiz Conejero; id-dijanjosi kkonkludiet li dawk il-limitazzjonijiet kienu r-riżultat tal-mard li kkawża d-diżabbiltà tiegħu.

    15.

    C. Ruiz Conejero żamm lill-persuna li timpjegah informata, fiż-żmien u bil-mod preskritt, dwar l-assenzi tiegħu kollha u pprovda ċ-ċertifikati mediċi rilevanti li jikkonfermaw ir-raġuni u t-tul ta’ dawk l-assenzi. Madankollu, huwa qatt ma informa lill-persuna li timpjegah li kellu diżabbiltà qabel it-tkeċċija tiegħu u volontarjament irrifjuta l-eżamijiet mediċi perjodiċi offruti u mwettqa mill-kumpannija mutwalistika ta’ assigurazzjoni tal-persuna li timpjega. Id-digriet tar-rinviju jsemmi li, bħala riżultat, il-persuna li timpjegah ma kinitx konxja li kellu jew seta’ kellu diżabbiltà meta tatu s-sensja.

    16.

    Permezz ta’ ittra mibgħuta lil C. Ruiz Conejero fis-7 ta’ Lulju 2015, il-persuna li timpjegah informatu dwar it-tkeċċija tiegħu għal raġunijiet oġġettivi bis-saħħa tal-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, minħabba li kien qabeż il-limiti stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni għal assenzi mix-xogħol, għalkemm iġġustifikati. B’mod partikolari, l-ittra nnotat li f’Marzu u f’April 2015 kien assenti għal iktar minn 20 % tas-sigħat tax-xogħol tiegħu u li, fit-12-il xahar ta’ qabel, kien assenti għal iktar minn 5 % tas-sigħat tax-xogħol tiegħu.

    17.

    C. Ruiz Conejero sussegwentement ikkontesta t-tkeċċija tiegħu quddiem il-Juzgado de lo Social n.o 1 Cuenca (qorti soċjali n.o 1, Cuenca). F’dawk il-proċeduri, ma kkontestax il-verità jew l-eżattezza ta’ dawk l-assenzi mix-xogħol jew dawk li jammontaw f’termini ta’ perċentwali. Madankollu, huwa jsostni li r-raġuni esklużiva għal dawk l-assenzi kienet il-marda li kkawżat id-diżabbiltà tiegħu. Minn dan, isegwi li hemm konnessjoni diretta bejn l-assenzi mix-xogħol u l-istatus tiegħu bħala persuna b’diżabbiltà. Huwa jallega għaldaqstant li t-tkeċċija tiegħu hija nulla minħabba diskriminazzjoni.

    18.

    Kien f’dawk iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Id-Direttiva 2000/78 tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-impriża għandha d-dritt tkeċċi lil ħaddiem għal raġunijiet oġġettivi, minħabba nuqqas[ijiet] ta’ preżenza fil-post tax-xogħol, anki jekk ġustifikati, iżda suċċessivi, li jammonta[w] għal 20 % tal-ġranet ta’ xogħol f’xahrejn konsekuttivi meta t-total tan-nuqqasijiet ta’ preżenza fit-tnax-il xahar preċedenti jammonta għal 5 % tal-ġranet tax-xogħol, jew għal 25 % f’erba’ xhur mhux konsekuttivi fuq perijodu ta’ tnax-il xahar, fil-każ ta’ ħaddiem li għandu jitqies li huwa diżabbli fis-sens tad-Direttiva meta l-assenza mix-xogħol tkun ġiet ikkawżata mid-diżabbiltà?”

    19.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn C. Ruiz Conejero, Ferroser Servicios Auxiliares, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tat-22 ta’ Marzu 2017, dawn il-partijiet kollha ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali u wieġbu l-mistoqsijiet li għamlitilhom il-Qorti tal-Ġustizzja.

    Analiżi

    Kwistjonijiet preliminari

    L-obeżità bħala diżabbiltà għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78

    20.

    Id-digriet tar-rinviju jinnota li C. Ruiz Conejero ġie rrikonoxxut fuq livell nazzjonali bħala li kellu diżabbiltà għar-raġuni, milli jidher, essenzjalment tal-obeżità tiegħu.

    21.

    Fis-sentenza tagħha FOA ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tikkunsidra jekk id-dritt tal-Unjoni pprovdiex prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba obeżità fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol. Hija ddeċidiet li ma kien jeżisti l-ebda prinċipju bħal dan ( 6 ). Madankollu, kompliet tikkunsidra jekk l-obeżità tistax tkun koperta mill-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

    22.

    Ir-risposta kienet li jista’ jkun il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet test applikabbli fl-Unjoni kollha f’dak ir-rigward. Hija qalet li meta “l-istat ta’ obeżità tal-ħaddiem ikkonċernat jimplika limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi ta’ natura fiżika, mentali jew psikika, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ din il-persuna fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra u fil-każ li din il-limitazzjoni tkun għal perijodu twil, tali stat jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘diżabbiltà’ fis-sens tad-Direttiva”. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk l-obeżità tal-ħaddiem ikkonċernat ixxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali ma’ ħaddiema oħra minħabba mobbiltà mnaqqsa jew il-bidu, f’dik il-persuna, ta’ kundizzjonijiet mediċi li jipprekluduha milli twettaq xogħolha jew jikkawżaw skumdità meta twettaq l-attività professjonali tagħha ( 7 ).

    23.

    Meta ħaddiem ikun iċċertifikat bħala diżabbli skont id-dritt nazzjonali, huwa jista’, iżda mhux meħtieġ, jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti stabbiliti skont id-dritt tal-Unjoni f’dak ir-rigward. Jekk dan huwiex il-każ ta’ C. Ruiz Conejero hija kwistjoni għall-qorti tar-rinviju, meta tapplika t-test li għadni kemm spjegajt. Peress li, madankollu, dik il-qorti fformulat id-domanda tagħha fuq il-bażi li din hija tabilħaqq il-pożizzjoni, ser nipproċedi bil-bqija tal-analiżi tiegħi fuq dik l-assunzjoni.

    Il-kuntest tad-domanda tal-qorti tar-rinviju

    24.

    Għalkemm id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirreferi għall-kliem tal-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema biss, dik il-qorti tispjega wkoll fid-deċiżjoni tar-rinviju li C. Ruiz Conejero ma żvelax is-sitwazzjoni medika tiegħu lill-persuna li timpjegah, ħaġa li tidher — għall-inqas b’mod impliċitu — tikkunsidra tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikoli 2(2)(b)(ii) u 5 tad-Direttiva 2000/78. Kif ser nispjega ( 8 ), jidhirli li l-kwistjonijiet huma inqas ċari f’dak ir-rigward milli tista’ tikkontempla l-qorti tar-rinviju. Sabiex tingħata risposta utli lil dik il-qorti, ser ninkludi analiżi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet fir-raġunament tiegħi iktar ’l isfel.

    Diskriminazzjoni diretta jew indiretta?

    25.

    L-effett ikkombinat tal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78 huwa li jipprojbixxi diskriminazzjoni diretta minħabba diżabbiltà fi kważi kull każ ( 9 ).

    26.

    Skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta “meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili” minħabba, inter alia, id-diżabbiltà tiegħu.

    27.

    Id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni identifikata fid-domanda tal-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, tapplika bl-istess mod għall-ħaddiema kollha. Ma tittrattax lil dawk b’diżabbiltà b’mod inqas favorevoli minn dawk li huma f’saħħithom u għalhekk ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

    28.

    Imbagħad isir meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni tiegħu tistax tirrappreżenta diskriminazzjoni indiretta skont l-Artikolu 2(2)(b). Dan jirreferi għal dispożizzjoni, kriterju jew prattika li hija “apparentement newtrali” iżda li tista’ tpoġġi, inter alia, persuni li jkollhom diżabbiltà partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra.

    29.

    Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza HK Danmark ( 10 ), ħaddiem b’diżabbiltà jista’ jkun iktar espost għar-riskju ta’ applikazzjoni ta’ perijodu ta’ avviż imqassar milli ħaddiem mingħajr diżabbiltà, peress li għandu r-riskju addizzjonali ta’ mard marbut mad-diżabbiltà tiegħu u għalhekk riskju ikbar li jakkumula jiem ta’ assenza minħabba mard ( 11 ). Minn dan isegwi li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija, prima facie, indirettament diskriminatorja.

    30.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li titkompla l-analiżi billi jiġi ddeterminat jekk u, jekk iva, sa liema punt, l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2)(b)(i) jew (ii) tad-Direttiva 2000/78 jistgħu japplikaw.

    31.

    L-ewwel domanda li tqum f’dan il-kuntest hija dik tal-interrelazzjoni bejn dawn iż-żewġ derogi. Tal-aħħar tapplika biss għal każijiet ta’ diżabbiltà. Hija ppreċeduta mill-kelma “jew”. Jista’ jiġi dedott minn dan li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom jinftiehmu li huma b’xi mod jeskludu lil xulxin reċiprokament, saħansitra anki sa fejn jargumentaw li l-persuni b’diżabbiltà huma koperti biss mit-tieni waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet?

    32.

    Ma naħsibx li huwa hekk.

    33.

    Kif ġustament, fil-fehma tiegħi, osserva l-Gvern Spanjol waqt is-seduta, iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jinqraw flimkien, peress li t-tieni waħda tista’ titfa’ dawl fuq il-proporzjonalità tal-ewwel waħda. Barra minn hekk, ma jistax jingħad li l-Artikolu 2(2)(b)(ii) għandu jiġi applikat għal persuni b’diżabbiltà bl-esklużjoni tal-Artikolu 2(2)(b)(i) peress li, għal raġunijiet li ser nispjega iktar ’l isfel ( 12 ), waqt li jista’ jkun il-każ li tal-ewwel tapplika għall-maġġoranza tal-persuni li jsofru minn diżabbiltà, ma tistax tapplika għal kull wieħed minnhom.

    Artikoli 2(2)(b)(ii) u 5 tad-Direttiva 2000/78 — Miżuri xierqa u akkomodazzjoni raġonevoli

    34.

    Nibda billi nikkunsidra l-Artikolu 2(2)(b)(ii), li mbagħad għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 5. Ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta, fir-rigward ta’ “persuni b’dizabilità partikolari”, il-persuna li timpjega hija obbligata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 13 ) li tieħu l-miżuri xierqa biex telimina l-iżvantaġġi li jirriżultaw minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali li altrimenti jkunu jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta. Sabiex tissodisfa r-rekwiżit li tipprovdi miżuri xierqa, il-persuna li timpjega għandha tipprovdi “akkomodazzjoni raġonevoli”. Dan jobbliga lil persuna li timpjega biex tieħu miżuri, jekk ikun hemm bżonn f’każ partikolari, biex jippermettu lil persuna b’diżabbiltà li jkollha aċċess għal, tipparteċipa jew tavvanza fl-impjieg jew tagħmel taħriġ. Gwida ulterjuri hija pprovduta mill-premessa 20 tad-direttiva ( 14 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-espressjoni “akkomodazzjoni raġonevoli” għandha tingħata tifsira wiesgħa billi tikkunsidra, inter alia, l-Artikolu 2 tal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà ( 15 ).

    35.

    Madankollu, dan kollu huwa suġġett għall-kundizzjoni importanti li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 li l-miżuri li għandhom jittieħdu ma għandhomx jimponu fuq il-persuna li timpjega dak li l-leġiżlazzjoni ssejjaħ “piż sproporzjonat” fuq il-persuna li timpjega. F’dan ir-rigward, il-premessa 21 tad-Direttiva tipprovdi kjarifika fejn jingħad li għandhom jitqiesu, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, in-natura tal-impriża tal-persuna li timpjega u l-possibbiltà ta’ finanzjament pubbliku jew assistenza oħra. Hemm, fi kliem ieħor, eżerċizzju ta’ bilanċ li għandu jsir.

    36.

    Id-Direttiva ma timponi l-ebda obbligu fuq impjegati jew impjegati prospettivi li huma diżabbli biex jiżvelaw id-diżabbiltà tagħhom. Fil-fehma tiegħi huwa ċar li persuna li timpjega li assolutament ma taf xejn dwar id-diżabbiltà tal-impjegat tagħha — ma hemm xejn li jġegħelha taħseb li l-impjegat huwa diżabbli u l-impjegat ma jkunx informa lill-persuna li timpjegah dwar dak il-fatt — ma tistax tkun mistennija li tieħu passi biex tipprovdi “akkomodazzjoni raġonevoli”. F’liema ċirkustanzi, allura, japplika l-obbligu stabbilit mill-Artikolu 5?

    37.

    Huwa ċar li dak l-obbligu jibda japplika fejn l-impjegat qal lill-persuna li timpjegah dwar id-diżabbiltà tiegħu u l-entità tagħha, flimkien maċ-ċirkustanzi rilevanti kollha dwarha. Sakemm ma jitqegħidx piż sproporzjonat fuqha, persuna li timpjega mbagħad tkun tista’ tieħu passi attivi biex tgħin lill-impjegat u biex tipprovdi akkomodazzjoni raġonevoli. Bis-saħħa ta’ dawk il-miżuri, l-impjegat ikun ġie assimilat fl-impriża.

    38.

    X’inhi l-pożizzjoni fejn, bħal fil-kawża preżenti, l-impjegat ma jiżvelax id-diżabbiltà tiegħu? F’ċerti każijiet, ikun evidenti fuq kull bażi raġonevoli għall-persuna li timpjega li l-persuna kkonċernata hija diżabbli. Biex insemmi l-iktar eżempji ovvji, dak ikun il-każ fejn dik il-persuna tkun tilfet riġel jew driegħ b’amputazzjoni. Il-persuna li timpjega ma tistax ma tkunx konxja tas-sitwazzjoni u wieħed jista’ jassumi li hija għandha tkun taf jew għandha raġonevolment tkun taf li l-impjegat huwa diżabbli. Ma jista’ jkun hemm ebda raġuni biex dak l-impjegat jiġi eskluż mill-ambitu tal-Artikolu 5. Il-kwistjoni dwar jekk il-persuna li timpjega għandhiex raġonevolment tkun konxja tad-diżabbiltà tvarja minn każ għal każ. Peress li l-firxa ta’ diżabbiltajiet possibbli hija kemm wiesgħa kif ukoll varjata, ma jista’ jkun hemm l-ebda tweġiba “li daqs wieħed joqgħod għal kulħadd”.

    39.

    Madankollu, anki meta d-diżabbiltà hija manifesta, dan ma jfissirx li l-persuna li timpjega għandha f’kull każ tkun konxja tal-miżuri xierqa — jew il-miżuri kollha xierqa — li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli għall-impjegat. Il-persuna li timpjega tista’ titlob lill-impjegat biex jipprovdi dettalji ulterjuri, biex b’hekk ikun possibbli li jingħata appoġġ u assistenza fejn ikun possibbli. Jekk l-impjegat jirrifjuta li jipprovdi dik l-informazzjoni jew ma jkunx irid jikkomunikaha, huwa ma jistax jiġi mġiegħel jagħmel dan. Huwa jista’ jippreferi li ma jipparteċipax f’tali eżerċizzju għal raġunijiet assoċjati ma’ dak li hu jipperċepixxi bħala d-dinjità personali jew l-indipendenza tiegħu. F’ċirkustanzi bħal dawn, il-persuna li timpjega tkun limitata f’dak li tista’ tagħmel billi tieħu passi li huma ovvji ( 16 ). Ir-riżultat ta’ dik l-azzjoni jista’, jew saħansitra ma jistax, jikseb ir-riżultat li l-impjegat jiġi assimilat bħala membru tal-persunal. Madankollu, ma jista’ jkun hemm l-ebda dmir fuq il-persuna li timpjega biex tagħmel iktar minn hekk.

    40.

    Il-kwistjonijiet huma kkumplikati wkoll mill-fatt li bosta diżabbiltajiet ma humiex statiċi min-natura tagħhom. Impjegat jista’, pereżempju, jibda l-karriera tiegħu ma’ persuna li timpjega partikolari b’diżabbiltà li għandha impatt minimu fuq il-kapaċità tiegħu li jaħdem. Sussegwentement, madankollu, il-kundizzjoni tiegħu tista’ teħżien, bir-riżultat li dak l-impatt isir iktar serju. F’dak il-kuntest, jidhirli li japplikaw prinċipji simili għal dawk stabbiliti iktar ’il fuq. Jekk u sa fejn l-impjegat jaqsam dettalji tas-sitwazzjoni tiegħu mal-persuna li timpjega, din tal-aħħar għandha tikkunsidra jekk humiex meħtieġa miżuri ġodda biex jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli. Fejn dan ma jseħħx, il-persuna li timpjega għandha d-dmir li tieħu kwalunkwe miżura li ovvjament hija meħtieġa imma ma jistax ikun mistenni li jmur lil hinn minn hekk ( 17 ).

    41.

    Ġeneralment, jidhirli li l-obbligu previst fl-Artikolu 5 li tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli jirrappreżenta miżura importanti u ta’ valur. Billi tippreskrivi sensiela ta’ passi pożittivi li għandhom jittieħdu mill-persuna li timpjega, din tippermetti lill-ħaddiema b’diżabbiltà biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol b’tali mod li kieku ma kienx ikun miftuħ għal ħafna minnhom, u b’hekk itejbu l-ħajja tagħhom b’mod sinjifikattiv. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa wiesa’. Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(a) u (ċ), tapplika fl-istadji kollha tar-relazzjoni tax-xogħol u fl-istadju tar-reklutaġġ li jippreċediha. Jidher, fil-fehma tiegħi, li meta l-persuna li timpjega tkun taf jew għandha raġonevolment tkun konxja li persuna li tipproponi li tirrekluta jew li diġà hija impjegata tagħha tbati jew jista’ jkollha diżabbiltà, dak l-obbligu jirrappreżenta l-ewwel pass fil-proċess li jwassal biex jiġi evitat trattament diskriminatorju. Nuqqas ta’ reklutaġġ jew, skont il-każ, it-tkeċċija li tirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu bħal dan jammonta għal diskriminazzjoni illegali għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78.

    42.

    Wara li għamilt dak il-punt, għandi nenfasizza li l-Artikolu 5 ma huwiex miftuħ. Diġà indikajt li d-dmir li jimponi ma japplikax meta l-effett tiegħu jkun li jimponi piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega ( 18 ). Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li d-dispożizzjoni tipprova tpoġġi lill-membri b’diżabbiltà fuq l-istess livell ta’ kollegi mingħajr diżabbiltajiet, biex ma jingħatawx drittijiet ikbar. Għalhekk, il-premessa 17 tad-Direttiva 2000/78 tgħid, b’mod partikolari, li d-Direttiva ma teżiġix li persuna li timpjega żżomm fl-impjieg individwu li ma huwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex iwettaq il-funzjonijiet essenzjali tal-post ikkonċernat. Impjegat b’diżabbiltà huwa, f’dan ir-rigward, preċiżament fl-istess pożizzjoni ta’ persuna mingħajr diżabbiltà ( 19 ).

    43.

    Iktar ikkumplikata hija s-sitwazzjoni li tista’ tinqala’ bħala riżultat ta’ diżabbiltà li, fl-istadji preċedenti tagħha, ippermettiet akkomodazzjoni raġonevoli skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva, imma mxiet sal-livell fejn dik l-akkomodazzjoni jew ma hijiex prattikabbli jew tista’ tiġi pprovduta biss bl-impożizzjoni ta’ piż fuq persuna li timpjega li ma huwiex raġonevoli. Tista’ l-persuna li timpjega tkeċċi lil impjegat b’diżabbiltà f’dawn iċ-ċirkustanzi?

    44.

    Jidhirli li tkeċċija li hija bbażata purament fuq id-diżabbiltà tal-impjegat ma tistax tkun iġġustifikata. Dan jammonta għal diskriminazzjoni diretta għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva. Madankollu, jekk it-tkeċċija tkun ibbażata fuq wieħed mill-fatturi msemmija fil-premessa 20 jew fuq kwalunkwe fattur li ma jkunx jammonta għal diskriminazzjoni, fil-fehma tiegħi, ma tiksirx ir-rekwiżiti tad-Direttiva.

    45.

    Abbażi tal-analiżi preċedenti, nikkunsidra li l-ewwel parti tar-risposta għall-qorti tar-rinviju għandha tkun li, meta tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għat-tkeċċija ta’ impjegat f’ċirkustanzi li jistgħu jammontaw għal diskriminazzjoni indiretta għall-finijiet tad-Direttiva, l-ewwel jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tal-Artikoli 2(2)(b)(ii) u 5 tad-Direttiva. Meta impjegat isofri minn diżabbiltà u l-persuna li timpjegah jew taf jew għandha raġonevolment tkun konxja dwar dik id-diżabbiltà, il-persuna li timpjega għandha d-dmir li tieħu l-miżuri xierqa biex tipprovdi akkomodazzjoni raġonevoli bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva, sakemm jekk tagħmel hekk dan ikun qed ipoġġi piż sproporzjonat fuqha. Nuqqas li jsir dan iwassal biex it-tkeċċija tal-impjegat tikser ir-rekwiżiti stabbiliti skont id-Direttiva.

    Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78

    46.

    Indikajt li l-protezzjoni mogħtija lil persuni b’diżabbiltà mill-Artikolu 2(2)(b)(ii) moqrija fid-dawl tal-Artikolu 5 tista’ tkun kemm importanti kif ukoll ta’ valur. Huwa ugwalment ċar li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-protezzjoni jista’ jkun limitat ( 20 ).

    47.

    Il-fatt li dawk id-dispożizzjonijiet jagħmlu riferiment speċifiku għal persuni b’diżabbiltà jfisser li għandhom jiġu interpretati b’mod li jfisser li, meta japplikaw, dawn ikunu eżawrjenti? Fi kliem ieħor, sakemm il-persuna li timpjega tirrispetta l-Artikoli 2(2)(b)(ii) u 5, u bla ħsara għar-restrizzjonijiet li semmejt fil-punt 44, it-tkeċċija ta’ impjegat li għandu diżabbiltà tkun valida u ma jkunx superfluwu li l-persuna li timpjega tqis ukoll l-Artikolu 2(2)(b)(i) fi kwalunkwe każ?

    48.

    Nikkunsidra li dak l-approċċ huwa sempliċi wisq.

    49.

    Fil-fehma tiegħi, l-Artikoli 2(2)(b)(ii) u 5 tad-Direttiva 2000/78 ma jagħmlu xejn iżjed ħlief li jesprimu speċifikament aspett partikolari ta’ diskriminazzjoni indiretta minħabba diżabbiltà — kemm fir-rigward tad-dmirijiet pożittivi li jimponu kif ukoll il-limitazzjonijiet fuqhom. Persuna li timpjega tista’ f’ċirkustanzi xierqa u fi ħdan limiti proporzjonati, tkun fi dmir li tieħu passi attivi biex tippromwovi l-interessi ta’ dawk li altrimenti kienu jiġu ddiskriminati. Fil-fatt, fil-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża Bougnaoui ( 21 ) — għalkemm b’mod ġenerali — fil-punt 125, meta kkunsidrajt l-applikazzjoni tad-duttrina tal-proporzjonalità mad-diskriminazzjoni indiretta f’dik il-kawża. Jiena osservajt li “[x]’inhu proporzjonat jista’ jvarja skont id-daqs tal-impriża kkonċernata. Iktar ma tkun kbira l-impriża, iktar ikun probabbli li jkollha r-riżorsi li jippermettulha tkun flessibbli f’termini ta’ allokazzjoni tal-impjegati tiegħu għall-kompiti meħtieġa minnhom. Għalhekk, persuna li timpjega f’impriża kbira tista’ tkun mistennija li tieħu passi ikbar biex tasal għal kompromess raġonevoli mal-ħaddiema tagħha minn persuna li timpjega f’impriża żgħira jew ta’ daqs medju”.

    50.

    Ejjew nassumu, madankollu, li l-Artikolu 2(2)(b)(ii) ma japplikax għal każ partikolari. Il-kliem tiegħu jagħmilha ċara li ma jestendix għall-persuni b’diżabbiltà kollha iżda biss “fir-rigward ta’ persuni b’dizabiltà partikolari”. Il-benefiċċju tal-miżuri dwar akkomodazzjoni raġonevoli previst fl-Artikolu 5 għalhekk ikun limitat għall-kategorija ristretta magħmula minn (a) dawk il-persuni b’diżabbilità li għalihom akkomodazzjoni raġonevoli tista’ fil-fatt tkun ipprovduta — ma hijiex kull kategorija ta’ diżabbiltà li tippermetti tali akkomodazzjoni — u (b) dawk il-persuni li fir-rigward tagħhom dik l-akkomodazzjoni tista’ tiġi pprovduta mingħajr ma jiġi impost piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega. Ma nara l-ebda raġuni għalfejn dawk il-persuni b’diżabbiltà li ma jaqgħux taħt dik il-kategorija jitqiesu li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(b)(i), u lanqas ma jidhirli fil-fatt li dawk li ma jaqgħux taħt dik il-kategorija ma għandhomx ukoll ikunu koperti minn dik id-dispożizzjoni.

    51.

    Approċċ restrittiv bħal dan imur ukoll kontra l-ġurisprudenza stabbilita. Fil-kawża HK Danmark ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset separatament l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ( 23 ) u tal-Artikolu 2(2)(b)(i) ( 24 ) tad-Direttiva 2000/78 fil-konfront ta’ impjegat li kien suġġett għal perijodu ta’ avviż (allegatament diskriminatorju) skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fl-ebda punt ma ddikjarat li l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet kienet ta’ esklużjoni reċiproka. Għall-kuntrarju, iddeċidiet li t-tkeċċija skont id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali inkwistjoni — fejn wara ddeċidiet li setgħet kienet valida għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva sakemm ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti — ma setgħetx tkun valida fil-każ ta’ tkeċċija meta persuna li timpjega tkun naqset milli tieħu l-miżuri xierqa biex tagħmel akkomodazzjoni raġonevoli skont l-Artikolu 5 ( 25 ).

    52.

    Għalkemm dak il-każ u dan ineżami huma simili sa fejn is-suġġett ta’ kull wieħed jinkludi l-validità (jew in-nuqqas ta’ validità) ta’ dispożizzjoni taħt leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola perijodi ta’ tkeċċija fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78, il-qorti tar-rinviju tgħid fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża li dak li tfisser bħala “r-raġuni għall-inċertezzi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-Direttiva 2000/78” hija l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża HK Danmark ( 26 ).

    53.

    Għalhekk ta’ min jikkunsidra dik is-sentenza fi ftit iktar dettall.

    54.

    L-isfond tal-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali f’dik il-kawża kien jinvolvi żewġ impjegati li kienu tkeċċew għal raġunijiet li allegatament kienu diskriminatorji minħabba diżabbiltà ( 27 ). Id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali ( 28 ) li fuqha kienu bbażati t-tkeċċijiet ipprovdiet li impjegat jista’ jitkeċċa b’avviż ta’ xahar jekk kien irċieva s-salarju tiegħu matul il-perijodi ta’ mard għal perijodu totali ta’ 120 jum matul perijodi ta’ 12-il xahar konsekuttiv. Il-perijodu stabbilit minn dik il-miżura kien wieħed imnaqqas: ir-regola normali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet li l-perijodu ta’ avviż kien ta’ bejn tliet u sitt xhur. Id-dispożizzjoni inkwistjoni kienet tapplika bl-istess mod għall-persuni b’diżabbiltà u dawk li ma humiex b’diżabbiltà. Il-Gvern Daniż sostna li l-għan tad-dispożizzjoni kien li jħeġġeġ lil persuni li jimpjegaw biex jirreklutaw u jżommu fl-impjieg tagħhom ħaddiema li x’aktarx li jkollhom assenzi repetuti minħabba mard, billi l-persuni li jimpjegaw ikunu jistgħu sussegwentement ikeċċu lill-ħaddiema b’perijodu ta’ notifika mqassar jekk l-assenzi kellhom tendenza li jkunu għal perijodi twal ħafna. Bħala kontroparti, dawk il-ħaddiema jistgħu jżommu l-impjieg tagħhom matul il-perijodu/i tal-mard tagħhom. Huwa argumenta li d-dispożizzjoni inkwistjoni għalhekk qieset l-interessi kemm tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-impjegati ( 29 ).

    55.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet (sa fejn huwa rilevanti f’dawn il-proċeduri) dan li ġej:

    innotat ir-regola stabbilita f’Chacón Navas ( 30 ) li turi li trattament mhux favorevoli abbażi ta’ diżabbiltà jdgħajjef il-protezzjoni prevista mid-Direttiva 2000/78 biss sa fejn jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-direttiva. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħetx tipproduċi diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabbiltà (punt 71);

    fakkret (i) li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa mhux biss fl-għażla li jsegwu għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg iżda wkoll fid-definizzjoni ta’ miżuri biex jimplementawha (punt 81) u (ii) dak l-inkoraġġiment tar-reklutaġġ bla dubju jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri u li dik l-evalwazzjoni għandha evidentement tapplika għal strumenti ta’ politika nazzjonali dwar l-impjiegi maħsuba biex ittejjeb l-opportunitajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol għal ċerti kategoriji ta’ ħaddiema. Bl-istess mod, miżura meħuda għall-promozzjoni tal-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol tista’ titqies bħala miżura ta’ politika dwar l-impjiegi (punt 82);

    issegwi li għanijiet bħal dawk imsemmija mill-Gvern Daniż jistgħu bħala prinċipju jitqiesu li jiġġustifikaw oġġettivament, fid-dritt nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, differenza ta’ trattament ibbażat fuq diżabbiltà bħal dik ġejja mid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni (punt 83).

    56.

    Wara li b’hekk stabbilixxiet li din id-dispożizzjoni kellha għanijiet li bħala prinċipju jistgħu jkunu leġittimi għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(b)(i), il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tikkunsidra jekk il-mezzi użati biex jintlaħqu dawk l-għanijiet kinux proporzjonati. Hija nnotat għal darba oħra d-diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lill-Istati Membri f’dan il-qasam u osservat li ma kienx jidher irraġonevoli għalihom li jikkunsidraw li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tista’ tkun xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet deskritti iktar ’il fuq (punt 87).

    57.

    Hija kompliet tiddeċiedi li:

    jista’ jiġi aċċettat li, billi pprovdiet għad-dritt li tagħmel użu minn perijodu ta’ notifika imqassar għat-tkeċċija ta’ ħaddiema li kienu assenti minħabba mard għal perijodu li f’dak il-każ estenda għal iktar minn 120 jum, dik ir-regola kellha l-effett, għal persuni li jimpjegaw, li tinkoraġġixxi r-reklutaġġ u ż-żamma fl-impjieg (punt 88);

    sabiex teżamina jekk regola bħal din tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet imfittxija, dik id-dispożizzjoni għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha u għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti ħżiena li setgħet tikkawża għall-persuni kkonċernati (punt 89);

    kien kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina jekk il-leġiżlatura nazzjonali, filwaqt li tfittex l-għanijiet leġittimi, l-ewwel nett, tal-promozzjoni tar-reklutaġġ ta’ persuni morda, u t-tieni nett, li jkun hemm bilanċ raġonevoli bejn l-interessi kunfliġġenti tal-impjegati u tal-persuni li jimpjegaw fir-rigward tal-assenzi minħabba mard, tiħux inkunsiderazzjoni fatturi rilevanti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-ħaddiema b’diżabbiltà (punt 90). Ma għandux jiġi injorat ir-riskju tal-persuni b’diżabbiltà li, ġeneralment, jiltaqgħu ma’ iktar diffikultajiet meta mqabbla mal-ħaddiema mingħajr diżabbiltà sabiex jerġgħu jidħlu fis-suq tal-impjieg u għandhom ħtiġiet speċifiċi marbuta mal-protezzjoni li l-istat tagħhom jirrikjedi (punt 91).

    58.

    X’jista’ jiġi konkluż minn dik is-sentenza fir-rigward tal-kawża preżenti?

    59.

    Fl-ewwel lok, jidhirli li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni għandhiex għan leġittimu, ma huwiex neċessarju li l-miżura tistabbilixxi dan l-għan b’mod espress. Filwaqt li hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika li l-għan tal-miżura huwa tabilħaqq leġittimu, l-għan espress jew iddikjarat tiegħu (jekk ikun hemm) ma huwiex fattur li għandu jitqies. La fis-sentenza HK Danmark ( 31 ) u lanqas f’din il-kawża ma jidher li kien hemm tali riferiment fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ( 32 ).

    60.

    Fit-tieni lok, l-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni fis-sentenza HK Danmark ( 33 ) kien li jħeġġeġ lil persuni li jimpjegaw biex jirreklutaw u jżommu fl-impjieg tagħhom ħaddiema li x’aktarx ikollhom b’mod partikolari assenzi repetuti minħabba mard. Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li ftit kellha diffikultà biex tikkonkludi li tali għan, peress li jista’ jinkoraġġixxi r-reklutaġġ, jista’ jkun wieħed leġittimu ( 34 ). F’dan il-każ, l-għan invokat mill-Gvern Spanjol fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa dak tal-ġlieda kontra l-assenteiżmu, kwistjoni li huwa jsostni hija kawża prinċipali ta’ tħassib f’dak l-Istat Membru ( 35 ). Meta tagħmel dan, il-miżura għandha l-għan li tibbilanċja l-interessi tal-persuni li jimpjegaw u tal-membri tal-persunal biex jiġi żgurat li l-impriżi jistgħu jżommu l-produttività tagħhom u li l-ħaddiema ma jitkeċċewx mingħajr raġuni. Kif tosserva l-Kummissjoni, il-fatt li l-lista ta’ assenzi esklużi tinkludi mard li x’aktarx ma jkunx repetittiv jista’ jingħad li jipprovdi appoġġ għall-pożizzjoni li l-mira tal-miżura hija l-assenteiżmu ( 36 ). Fil-fehma tiegħi, il-ġlieda kontra l-assenteiżmu fil-post tax-xogħol fejn hemm evidenza li qed tikkawża ħsara materjali kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll lill-persuni li jimpjegaw li jkollhom isofru l-konsegwenzi tiegħu jista’ jingħad li tirrappreżenta wkoll għan leġittimu.

    61.

    Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, jidhirli li huma żewġ linji partikolari li jistgħu jiġu iżolati fir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinġabru fil-qosor fil-punti 56 u 57 iktar ’il fuq. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju għandha dmir li twettaq eżerċizzju ta’ bilanċ sabiex tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni hijiex xierqa, billi tqis kemm l-interessi ta’ persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-membri tal-persunal tagħhom, jew ta’ membri tal-persunal potenzjali, li jkollhom diżabbiltà. Fit-tieni lok, dik il-qorti għandha tqis id-diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lill-Istati Membri fil-qasam.

    62.

    Il-preżenza tat-tieni wieħed minn dawn il-fatturi tagħmilha diffiċli li tagħti lill-qorti tar-rinviju xi ħaġa oħra għajr gwida ġenerali ħafna — possibbilment, naċċetta, inqas gwida minn dik li l-qorti tixtieq. Filwaqt li l-interessi tal-persuni li jimpjegaw jidhru li huma kkunsidrati mill-miżura inkwistjoni, hemm inqas materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ħaddiema b’diżabbiltà lil hinn mid-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq li l-“ħaddiema ma jitkeċċewx mingħajr raġuni”. F’dak il-kuntest ġenerali, ninnota li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża HK Danmark ( 37 ) ipprovdiet għal persuna li timpjega li jkollha d-dritt li tkeċċi membru tal-persunal tagħha fejn il-perijodu ta’ assenza kien jammonta għal perijodu totali ta’ 120 jum matul kwalunkwe perijodu ta’ 12-il xahar konsekuttivi. Il-miżura inkwistjoni f’dan il-każ hija iktar ikkumplikata. Madankollu jidher li fuq kwalunkwe bażi l-perijodi ta’ assenza permissibbli taħtha x’aktarx li jkunu inqas ġenerużi milli kienu taħt dik Daniża.

    63.

    Dak waħdu ma jfissirx li dawk id-dispożizzjonijiet huma sproporzjonati. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk humiex imfassla b’mod wiesa’ li huma kapaċi jestendu għal assenzi li huma sempliċement okkażjonali u sporadiċi — f’liema każ fil-fehma tiegħi b’mod ċar ma jkunux proporzjonati — jew jekk humiex imfassla b’mod xieraq biex jissodisfaw l-għan tal-ġlieda kontra l-assenteiżmu. Dik il-qorti għandha tqis ukoll il-fatt li jidher li l-arranġamenti Daniżi pprevedew li persuna li timpjega tiġi rrimborsata, almenu parzjalment, għal allowances tal-mard imħallsa lill-impjegati tagħha ( 38 ), filwaqt li l-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli ma tagħmilx hekk: pjuttost, il-persuna li timpjega hija obbligata, tal-inqas fi grad materjali, li tħallas għal dawk l-assenzi minn butha ( 39 ). Dawk il-fatturi waħedhom ma għandhomx ikunu konklużivi fil-kunsiderazzjoni tal-kwistjoni tal-qorti tar-rinviju. Huma sempliċement ikunu elementi li għandhom jitqiesu meta jiġu kkunsidrati l-aspetti rilevanti kollha tal-kwistjoni. Il-kwistjoni essenzjali hawnhekk hija jekk il-miżura hijiex xierqa u neċessarja, kwistjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina. Jiena nenfasizza li ma nesprimi l-ebda konklużjonijiet dwar il-kwistjoni.

    64.

    Għaldaqstant nikkunsidra li t-tieni parti tar-risposta għall-qorti tar-rinviju għandha tkun li, meta jiġi ddeterminat jekk tintlaqa’ miżura nazzjonali li (i) tippermetti lil persuna li timpjega li tkeċċi impjegat li għandu jiġi ttrattat bħala diżabbli skont it-tifsira tad-Direttiva 2000/78 (ii) minħabba l-assenza/i ta’ dak l-impjegat mix-xogħol bħala riżultat tad-diżabbiltà tiegħu u (iii) tistabbilixxi limitu jew sensiela ta’ limiti li tali assenza/i għandha/hom jaqbżu sabiex it-tkeċċija tkun valida, huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati t-testijiet stabbiliti fil-punti 71 sa 91 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja HK Danmark ( 40 ). F’dak ir-rigward, miżura nazzjonali li trid tiġġieled l-assenteiżmu fuq il-post tax-xogħol fejn hemm evidenza li dan l-assenteiżmu qed jikkawża ħsara materjali kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll lil persuni li jimpjegaw li jkollhom ibatu l-konsegwenzi tiegħu tista’ tingħad li tirrappreżenta għan leġittimu għall-iskopijiet tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva. Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tpoġġi l-leġiżlazzjoni fil-kuntest tagħha u tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi li tista’ tikkawża għall-persuni kkonċernati. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-perijodi ta’ assenza previsti f’dik il-leġiżlazzjoni humiex imfassla b’mod tant wiesa’ li huma kapaċi jestendu għal assenzi li huma sempliċement okkażjonali u sporadiċi — f’liema każ ma jkunux proporzjonati — jew jekk humiex imfassla b’mod xieraq biex jissodisfaw l-għan tal-ġlieda kontra l-assenteiżmu. Il-punt sa fejn il-ħlasijiet fir-rigward tal-leave tal-mard għandhom jiġu ssodisfatti mill-persuna li timpjega jista’ jkun rilevanti wkoll. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn il-fatturi waħedhom ma jkun konklużiv. Il-kwistjoni essenzjali hija jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex xierqa u neċessarja, kwistjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina.

    Konklużjoni

    65.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li r-risposta għad-domanda magħmula mill-Juzgado de lo Social n.o 1No 1 Cuenca (qorti soċjali n.o 1, Cuenca, Spanja) għandha tkun li:

    meta tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għat-tkeċċija ta’ impjegat f’ċirkustanzi li jistgħu jammontaw għal diskriminazzjoni indiretta għall-finijiet tad-Direttiva, l-ewwel jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tal-Artikoli 2(2)(b)(ii) u 5 tad-Direttiva. Meta impjegat isofri minn diżabbiltà u l-persuna li timpjegah jew taf jew għandha raġonevolment tkun konxja dwar dik id-diżabbiltà, il-persuna li timpjega għandha d-dmir li tieħu l-miżuri xierqa biex tipprovdi akkomodazzjoni raġonevoli bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva, sakemm jekk tagħmel hekk dan ikun qed ipoġġi piż sproporzjonat fuqha. Nuqqas li jsir dan iwassal biex it-tkeċċija tal-impjegat tikser ir-rekwiżiti stabbiliti skont id-Direttiva;

    meta jiġi ddeterminat jekk tintlaqa’ miżura nazzjonali li (i) tippermetti lil persuna li timpjega li tkeċċi impjegat li għandu jiġi ttrattat bħala diżabbli skont it-tifsira tad-Direttiva 2000/78 (ii) minħabba l-assenza/i ta’ dak l-impjegat mix-xogħol bħala riżultat tad-diżabbiltà tiegħu u (iii) tistabbilixxi limitu jew sensiela ta’ limiti li tali assenza/i għandha/hom jaqbżu sabiex it-tkeċċija tkun valida, huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati t-testijiet stabbiliti fil-punti 71 sa 91 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2013HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222. F’dak ir-rigward, miżura nazzjonali li trid tiġġieled l-assenteiżmu fuq il-post tax-xogħol fejn hemm evidenza li dan l-assenteiżmu qed jikkawża ħsara materjali kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll lil persuni li jimpjegaw li jkollhom ibatu l-konsegwenzi tiegħu tista’ tingħad li tirrappreżenta għan leġittimu għall-iskopijiet tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva. Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tpoġġi l-leġiżlazzjoni fil-kuntest tagħha u tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi li tista’ tikkawża għall-persuni kkonċernati. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-perijodi ta’ assenza previsti f’dik il-leġiżlazzjoni humiex imfassla b’mod tant wiesa’ li huma kapaċi jestendu għal assenzi li huma sempliċement okkażjonali u sporadiċi — f’liema każ ma jkunux proporzjonati — jew jekk humiex imfassla b’mod xieraq biex jissodisfaw l-għan tal-ġlieda kontra l-assenteiżmu. Il-punt sa fejn il-pagamenti fir-rigward tal-leave tal-mard għandhom jiġu ssodisfatti mill-persuna li timpjega jista’ jkun rilevanti wkoll. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn il-fatturi waħedhom ma jkun konklużiv. Il-kwistjoni essenzjali hija jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex xierqa u neċessarja, kwistjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

    ( 3 ) Jiena tal-opinjoni li d-digriet leġiżlattiv inkwistjoni ġie ssostitwit bir-Real Decreto Legislativo 2/2015, de 23 de octubre, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015, tat-23 ta’ Ottubru, li japprova t-test ikkonsolidat tal-liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema) li reġa’ ppromulga, mingħajr ma għamel bidliet sostanzjali, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża.

    ( 4 ) Filwaqt li ċ-ċifri mogħtija jidhru li jammontaw għal 39 % ta’ diżabbiltà ġenerali iktar milli 37 %, jista’ jkun li hemm xi elementi oħra ta’ inugwaljanza fl-istruttura tad-deċiżjoni nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, dawn huma l-perċentwali rreġistrati fid-deċiżjoni tar-rinviju.

    ( 5 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C‑354/13, EU:C:2014:2463) (magħrufa wkoll bħala “Kaltoft”).

    ( 6 ) Ara l-punti 31 u 40 tas-sentenza.

    ( 7 ) Ara l-punti 59 u 60 tas-sentenza.

    ( 8 ) Ara l-punt 36 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 9 ) Ċertament, eċċezzjonijiet, limitati ħafna, huma stabbiliti fl-Artikoli 2(5), 4 u 6. Dawn ma humiex rilevanti f’din il-kawża.

    ( 10 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222) (magħrufa wkoll bħala “Ring u Werge”).

    ( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 76 tas-sentenza.

    ( 12 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 13 ) Ma jidhirx li huwa kkontestat li l-leġiżlazzjoni rilevanti li timplementa l-Artikolu 5 fid-dritt nazzjonali fi Spanja hija l-Artikolu 40(2) tal-liġi ġenerali. Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 14 ) Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-lista stabbilita f’dik il-premessa (li qabilha hemm il-kliem “per eżempju”) ma hijiex eżawrjenti. Ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 56).

    ( 15 ) Kif approvat f’isem il-Komunità Ewropea mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010 L 23, p. 35). Ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 53).

    ( 16 ) Dan ikun partikolarment il-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-impjegat irrifjuta volontarjament eżamijiet mediċi perjodiċi offruti mill-persuna li timpjega. Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 17 ) Fil-punti 43 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nindirizza l-pożizzjoni li tista’ tinqala’ jekk id-diżabbiltà tavvanza sa punt li l-ebda akkomodazzjoni raġonevoli oħra ma tista’ tiġi pprovduta jew fejn tali akkomodazzjoni tista’ tiġi pprovduta imma biss sa grad li huwa sproporzjonat f’termini tal-piż impost fuq il-persuna li timpjega.

    ( 18 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 19 ) Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 51), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-“projbizzjoni, fil-qasam tas-sensji, tad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità, li toħroġ mill-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, tipprojbixxi sensji bbażati fuq diżabilità li, kif jirriżulta mill-obbligu li jsiru arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’diżabilità, mhijiex iġġustifikata mill-fatt li l-persuna kkonċernata mhijiex kompetenti, mhijiex kapaċi u lanqas disponibbli biex taqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol tagħha”.

    ( 20 ) Ara l-punti 44 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 21 ) Konklużjonijiet fil-kawża Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2016:553).

    ( 22 ) Sentenza tal-11 ta April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222).

    ( 23 ) Ara l-punti 48 sa 64 tas-sentenza.

    ( 24 ) Ara l-punti 69 sa 92 tas-sentenza.

    ( 25 ) Ara l-punt 68 u punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza).

    ( 26 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222).

    ( 27 ) Kien hemm xi diskussjoni fis-sentenza dwar jekk il-mard li minnu kienu qed isofru l-impjegati fil-fatt kienx jammonta għal diżabbiltà għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78. Madankollu, dik id-diskussjoni ma hijiex rilevanti għal din il-parti tal-analiżi tiegħi.

    ( 28 ) Jidher li din id-dispożizzjoni kienet fakultattiva. Din applikat fejn kienet stipulata bi ftehim fil-“kuntratt tax-xogħol bil-miktub” individwali. Ara l-punt 13 tas-sentenza.

    ( 29 ) Ara l-punti 26, 72, 78 u 79 tas-sentenza.

    ( 30 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 48).

    ( 31 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222).

    ( 32 ) Fil-fatt, jiena nosserva li fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet kunsiderevolment iktar espliċita fir-rigward tal-problemi pperċepiti li riedet tikkumbatti (id-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard, f’din il-kawża), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li kienet il-qorti nazzjonali li għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata u implementata l-leġiżlazzjoni (ara, b’mod partikolari, il-punt 52 ta’ din is-sentenza).

    ( 33 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222).

    ( 34 ) Għalkemm il-qorti tar-rinviju tiddikjara fid-digriet tar-rinviju tagħha li l-leġiżlazzjoni Daniża inkwistjoni kienet parti minn politika ta’ integrazzjoni ta’ ħaddiema b’diżabbiltà, ma hemm xejn fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fil-fatt jikkorrobora dak il-punt. Huwa veru li l-punt 14 jinnota li politika bħal din teżisti taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa d-Direttiva 2000/78 iżda ma huwiex issuġġerit li ż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma marbuta. Il-punt 78 jinnota s-sottomissjonijiet tal-Gvern Daniż dwar l-iskop tal-miżura nazzjonali li tippermetti tkeċċija bikrija: dawn jirreferu għall-ħaddiema b’mod ġenerali li “jinvolvu riskju partikolari ta’ assenzi repetuti minħabba mard” u mhux speċifikament għal ħaddiema b’diżabbiltà. Għalkemm il-punt 85 isemmi l-argument tal-Gvern li l-miżura inkwistjoni tippermetti r-reklutaġġ u ż-żamma fl-impjieg ta’, b’mod partikolari, ħaddiema b’diżabbiltà, dik kienet maħsuba biex tirrifletti r-riżultat tal-leġiżlazzjoni u mhux l-għan tagħha.

    ( 35 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol indika li, għall-2016, medja ta’ 5.67 % tal-popolazzjoni tax-xogħol kienet assenti mix-xogħol kuljum, b’telf li rriżulta fil-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi li jammontaw għal 5.63 % tal-prodott nazzjonali gross.

    ( 36 ) Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 37 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222).

    ( 38 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 1986). Jidher li r-rimbors kien limitat għal 52 ġimgħa u l-ammont kien inqas mill-paga effettivament maħruġa minn min iħaddem.

    ( 39 ) Skont il-Kummissjoni, ir-regola ġenerali li tapplika hija li l-impjegat ma jitħallasx għall-ewwel tlett ijiem ta’ assenza, u l-persuna li timpjega tkun responsabbli li tħallas l-ispejjeż tas-salarju b’rata ta’ 60 % għat-12-il jum li jmiss, bl-Istat jintervjeni minn hemm ’il quddiem. Barra minn hekk, il-persuni li jimpjegaw Spanjoli fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huma meħtieġa li jagħmlu l-ħlas, wara tkeċċija, ta’ 20 jum remunerazzjoni għal kull sena maħduma sa massimu ta’ salarju ta’ sena.

    ( 40 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222).

    Top