Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0082

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2017.
    K.A. et vs Belgische Staat.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil, immigrazzjoni – Artikolu 20 TFUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 24 – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 5 u 11 – Ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju – Applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Rifjut li tiġi eżaminata l-applikazzjoni.
    Kawża C-82/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:821

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2017 ( 1 )

    Kawża C‑82/16

    K.A.

    M.Z.

    M.J.

    N.N.N.

    O.I.O.

    R.I.

    B.A.

    vs

    Belgische Staat

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 20 TFUE — Applikazzjoni minn ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu — Prattika amministrattiva nazzjonali li ma jiġux eżaminati applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja meta ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul valida u definittiva skont id-dritt nazzjonali — Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Direttiva 2008/115/KE”

    1.

    Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija primarjament mitluba sabiex tagħti gwida dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix prattika amministrattiva nazzjonali li ma jiġux eżaminati applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni, meta dak iċ-ċittadin qatt ma eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu stabbilit fit-Trattati. Il-prattika amministrattiva inkwistjoni hija applikata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul taħt id-dritt nazzjonali u huwa għalhekk obbligat li jitlaq mhux biss mill-Belġju (l-Istat ikkonċernat), iżda mit-territorju tal-Istati Membri b’mod sħiħ. Ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) jistaqsi b’mod partikolari jekk din il-prattika hijiex kompatibbli mal-Artikolu 20 TFUE, interpretata fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 2 ) u tad-Direttiva 2008/115/KE dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 3 ). Jekk jiġi invokat l-Artikolu 20 TFUE, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema fatturi għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni dwar jekk hemmx relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

    Id-dritt tal-Unjoni

    Il-Karta

    2.

    L-Artikolu 7 tal-Karta jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja ( 4 ).

    3.

    L-Artikolu 24 huwa intitolat “Id-drittijiet tat-tfal”. Huwa jipprovdi li:

    “1.   It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.

    2.   Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

    3.   It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.”

    4.

    Skont l-Artikolu 51(1), id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni ( 5 ).

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    5.

    L-Artikolu 20(1) TFUE jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jipprovdi li “[k]walunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru” hija ċittadina tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 20(2)(a) TFUE, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom “id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

    Id-Direttiva 2004/38

    6.

    Id-Direttiva 2004/38/KE ( 6 ) tipprovdi l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, id-dritt ta’ residenza permanenti u l-limiti imposti fuq dawn id-drittijiet. Id-direttiva tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu lejn jew li jirrisjedu fi Stat Membru (l-Istat Membru ospitanti) għajr iċ-ċittadini tal-istess Stat Membru u għall-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom ( 7 ).

    Id-Direttiva dwar ir-ritorn

    7.

    Il-premessi tad-Direttiva dwar ir-ritorn jispjegaw li din għandha l-għan li tistabbilixxi regoli applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza fi Stat Membru ( 8 ). Soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu jintemm permezz ta’ proċedura xierqa u trasparenti. Skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, deċiżjonijiet meħuda abbażi tad-Direttiva dwar ir-ritorn għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u bbażati fuq kriterji oġġettivi, li jimplika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra mis-sempliċi fatt tas-soġġorn illegali tal-persuna kkonċernata ( 9 ). Kunsiderazzjonijiet primarji ta’ Stati Membri meta jimplementaw id-Direttiva dwar ir-ritorn għandhom jinkludu l-aħjar interessi tat-tfal u r-rispett tal-ħajja tal-familja ( 10 ). Huwa affermat li d-direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali ( 11 ).

    8.

    L-Artikolu 1 jipprovdi li d-Direttiva dwar ir-ritorn tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fi Stati Membri għar-“ritorn” ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw illegalment, b’konformità, inter alia, ma’ drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    9.

    Skont l-Artikolu 2(1), ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw illegalment fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

    10.

    L-Artikolu 3(1) jiddefinixxi “ċittadin ta’ pajjiż terz” bħala “kwalunkwe persuna li m’hijiex ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea fis-sens ta’ l-Artikolu 20(1) tat-Trattat tal-KE u li m’hijiex persuna li tgawdi d-dritt tal-moviment liberu [tal-Unjoni], kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen” ( 12 ). L-Artikolu 3(2) jiddefinixxi “soġġorn illegali” bħala “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru” ( 13 ). “Deċiżjoni ta’ ritorn” tfisser “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn” [Artikolu 3(4)]. Il-kelma “tneħħija” tfisser “l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru” [Artikolu 3(5)]. “Projbizzjoni fuq id-dħul” hija “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn” [Artikolu 3(6)]. Minuri u tfal mhux akkumpanjati huma inklużi fi ħdan id-definizzjoni ta’ “persuni vulnerabbli” fl-Artikolu 3(9).

    11.

    Skont l-Artikolu 5, l-Istati Membri huma obbligati li jikkunsidraw, inter alia, l-aħjar interessi tat-tfal u l-ħajja tal-familja meta jimplementaw id-direttiva.

    12.

    Skont l-Artikolu 6(1), l-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom ( 14 ).

    13.

    Ir-regola ġenerali fl-Artikolu 7(1) hija li deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom jipprevedu terminu adegwat għat-tluq volontarju. Dan it-terminu jista’ jiġi estiż wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħal rabtiet familjari u soċjali, kif ipprovdut fl-Artikolu 7(2). Jekk, inter alia, il-persuna kkonċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux terminu għat-tluq volontarju skont l-Artikolu 7(4). L-Artikolu 8 jirregola l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn fil-każ tat-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Għandhom isiru arranġamenti speċifiċi għar-ritorn u t-tneħħija ta’ minuri mhux akkumpanjati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal, konformement mal-Artikolu 10.

    14.

    L-Artikolu 11 huwa intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”. Dan jipprovdi li:

    “1.   Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

    (a)

    jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

    (b)

    jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

    F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

    2.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jista’ juri li jkun ħalla jew ħalliet it-territorju ta’ Stat Membru f’konformità sħiħa ma’ deċiżjoni ta’ ritorn.

    […]

    L-Istati Membri jistgħu ma joħorġux, jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni fuq id-dħul f’każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji.

    L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta’ dħul f’każijiet individwali jew f’ċerti kategoriji ta’ każijiet għal raġunijiet oħrajn.

    […]”

    15.

    Il-Kapitolu III jinkludi ċerti salvagwardji proċedurali. B’mod partikolari, l-Artikolu 13(1) jipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jingħata rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti. Abbażi tal-Artikolu 14 (“Salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn”), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, inter alia, tinżamm l-għaqda tal-familja sakemm iseħħ ir-ritorn.

    Id-dritt nazzjonali

    Dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja

    16.

    Skont l-Artikolu 40a(2) tal-wet van 15 December 1980 betreffende de toegang tot het grondgebied, het verblijf, de vestiging en de verwijdering van vreemdelingen (liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija ta’ ċittadini barranin, iktar ’il quddiem il-“Vreemdelingenwet”), is-segwenti huma meqjusa bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni: (i) is-sieħeb, li jakkumpanjah jew li jingħaqad miegħu, li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni huwa marbut permezz ta’ sħubija rreġistrata skont il-liġi; (ii) “id-dixxendenti, u dawk tal-konjuġi jew sieħeb […] li huma taħt il-21 sena jew li huma dipendenti fuqhom […]”; (iii) il-missier jew l-omm ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li huwa minuri kif imsemmi fil-punt 2° tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(4), bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar huwa dipendenti fuqu jew fuqha u li huwa jew hija għandha effettivament il-kustodja tiegħu.

    17.

    L-Artikolu 43 tal-Vreemdelingenwet jipprovdi: “[i]d-dħul u r-residenza ma jistgħux jiġu miċħuda liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom għajr għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku [jew] ta’ sigurtà pubblika […] u bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-limitazzjonijiet segwenti”. Tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati u jkunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat. L-eżistenza ta’ kundanni kriminali preċedenti ma għandhiex fiha nnifisha tikkostitwixxi raġuni sabiex jittieħdu tali miżuri. Il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

    Dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul

    18.

    L-Artikolu 74/11 tal-Vreemdelingenwet jipprovdi:

    “(1)   It-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul għandu jiġi ddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ.

    Id-deċiżjoni ta’ tneħħija għandha tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul ta’ massimu ta’ tliet snin fil-każijiet segwenti:

    1.

    jekk ma jkun ingħata l-ebda terminu għat-tluq volontarju; jew

    2.

    jekk deċiżjoni preċedenti ta’ tneħħija ma tkunx ġiet infurzata.

    It-terminu massimu ta’ tliet snin imsemmi fit-tieni subparagrafu jista’ jiġi estiż għal massimu ta’ ħames snin jekk:

    1.

    iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun wettaq frodi jew uża mezzi illegali oħra sabiex jikseb permess ta’ residenza jew sabiex iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu;

    2.

    iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ikkuntratta żwieġ, sħubija jew adozzjoni biss sabiex jikseb permess ta’ residenza jew sabiex iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu fil-[Belġju].

    Id-deċiżjoni ta’ tneħħija tista’ tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul li teċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżenta theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali.

    (2)   […]

    Il-Ministru jew ir-rappreżentant tiegħu jista’ jastjeni milli joħroġ projbizzjoni ta’ dħul f’każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji.

    (3)   Il-projbizzjoni ta’ dħul għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi nnotifikata l-projbizzjoni ta’ dħul.

    Il-projbizzjoni ta’ dħul ma tistax tikser id-dritt għal protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit fl-Artikoli 9b, 48/3 u 48/4.”

    19.

    L-Artikolu 74/12 tal-Vreemdelingenwet jipprovdi:

    “(1)   Il-Ministru jew ir-rappreżentant tiegħu jista’ jirtira jew jissospendi l-projbizzjoni ta’ dħul għal raġunijiet umanitarji.

    […]

    Bla ħsara għal derogi previsti minn trattat internazzjonali, liġi jew digriet irjali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jressaq talba motivata mal-missjoni diplomatika Belġjana jew mal-konsulat kompetenti fil-post ta’ residenza jew ta’ soġġorn tiegħu barra mill-pajjiż.

    (2)   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jressaq talba mal-Ministru jew mar-rappreżentant tiegħu sabiex jirtira jew jissospendi l-projbizzjoni ta’ dħul abbażi tal-osservanza tal-obbligu tat-tneħħija li kien ingħata qabel, jekk huwa jipprovdi prova bil-miktub li huwa telaq mit-territorju Belġjan b’konformità sħiħa mad-deċiżjoni ta’ tneħħija.

    […]

    (4)   Matul l-eżami tat-talba għall-irtirar jew għas-sospensjoni, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jkollu ebda dritt jidħol jew jirrisjedi fil-[Belġju].

    […]”

    20.

    Skont l-Artikolu 74/13 tal-Vreemdelingenwet, fit-teħid tad-deċiżjoni ta’ tneħħija l-Ministru jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    21.

    Kull wieħed mis-seba’ rikorrenti huwa ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għal ordni ta’ tluq mill-Belġju. Fil-każijiet kollha, l-ordni ta’ tluq mit-territorju nħarġet flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva dwar ir-ritorn.

    22.

    Sussegwenti għall-ordnijiet ta’ tluq mit-territorju u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul assoċjati, kull wieħed mill-individwi kkonċernati applika għal permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin Belġjan li jgħix il-Belġju u li qatt ma ċċaqlaq lejn u ma jirrisjedix fi Stat Membru ieħor ( 15 ). Dawn l-applikazzjonijiet saru abbażi tar-relazzjonijiet familjari segwenti: (i) ġenituri ta’ wild minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni (is-Sur R.I., is-Sinjura M.J., is-Sinjura N.N.N. u s-Sur O.I.O.); (ii) wild adult ta’ ċittadin tal-Unjoni (is-Sinjura K.A. u s-Sur M.Z.); u (iii) koabitant ta’ ċittadin tal-Unjoni (is-Sur B.A.) ( 16 ).

    23.

    Is-Sur R.I. huwa ċittadin Albaniż. Il-wild tiegħu twieled fit-23 ta’ Ġunju 2010 u għandu nazzjonalità Belġjana. Huwa żżewweġ lil omm il-wild (ukoll ċittadina Belġjana) fl-Albanija fil-31 ta’ Lulju 2013. Ordni ta’ tluq mit-territorju u projbizzjoni ta’ dħul inħarġu kontrih fis-17 ta’ Diċembru 2012 ( 17 ).

    24.

    Is-Sinjura M.J. hija ċittadina Ugandiża. Hija l-omm ta’ wild imwieled fis-26 ta’ Ottubru 2013 li huwa ċittadin Belġjan (kif inhu missier il-wild). Is-Sinjura M.J. hija suġġetta għal ordni ta’ tluq mill-Belġju u projbizzjoni ta’ dħul tal-11 ta’ Jannar 2013 ( 18 ).

    25.

    Is-Sinjura N.N.N. hija ċittadina Kenjana. Il-wild tagħha, li huwa ta’ nazzjonalità Belġjana, twieled fil-25 ta’ Ġunju 2011. Hija suġġetta għal ordni ta’ tluq mill-Belġju u projbizzjoni ta’ dħul tal-24 ta’ April 2014 ( 19 ).

    26.

    Is-Sur O.I.O. huwa ċittadin Niġerjan. Bintu twieldet fil-15 ta’ Jannar 2009. Omm il-wild hija ċittadina Belġjana kif inhi bint is-Sur O.I.O. Huwa ddivorzjat mill-omm, li għandha l-kustodja esklużiva tal-wild. L-omm u l-wild ma humiex finanzjarjament dipendenti fuq is-Sur O.I.O. u l-kuntatt tiegħu ma’ bintu huwa attwalment sospiż fuq ordni tal-qorti. Is-Sur O.I.O. huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul u ordni ta’ tluq mill-Belġju tat-28 ta’ Mejju 2013 ( 20 ).

    27.

    Is-Sinjura K.A. hija ċittadina Armena li missierha għandu nazzjonalità Belġjana. Fil-każ tagħha, ordni ta’ tluq u projbizzjoni ta’ dħul inħarġu fis-27 ta’ Frar 2013. Iż-żewġ subien tagħha, li jinvokaw l-istess rabtiet familjari, ippreżentaw applikazzjonijiet korrispondenti għal permessi ta’ residenza ( 21 ).

    28.

    Is-Sur M.Z. huwa ċittadin Russu. Missieru, ċittadin Belġjan, issottometta provi lill-awtoritajiet kompetenti li jindikaw li ibnu huwa finanzjarjament dipendenti fuqu. Inħarġu kontrih ordni ta’ tluq mit-territorju u projbizzjoni ta’ dħul fit-2 ta’ Lulju 2014 ( 22 ).

    29.

    Is-Sur B.A. huwa ċittadin Ginean. Huwa jikkoabita mas-sieħba tiegħu li hija ċittadina Belġjana. Hemm provi li juru li r-relazzjoni tagħhom hija ġenwina. Inħarġu kontrih ordni ta’ tluq mit-territorju u projbizzjoni ta’ dħul fit-13 ta’ Ġunju 2014 ( 23 ).

    30.

    L-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja ġew ippreżentati mad-Dienst Vreemdelingenzaken (uffiċċju għal ażil u immigrazzjoni; iktar ’il quddiem id-“DVZ”) bħala aġent tal-istaatssecretaris (segretarju tal-Istat) responsabbli mill-Ażil u l-Migrazzjoni ( 24 ). Id-DVZ irrileva li ma kienx possibbli jeżamina dawk l-applikazzjonijiet, peress li kull wieħed mir-rikorrenti rispettivi kien suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul u għalhekk obbligat li jitlaq mit-territorju Belġjan ( 25 ). B’hekk, id-DVZ adotta deċiżjonijiet li jirrifjutaw kull waħda mill-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

    31.

    Ir-rikorrenti kkontestaw id-deċiżjonijiet ikkontestati quddiem il-qorti tar-rinviju. Huma jargumentaw li d-DVZ kien żbaljat meta rrifjuta li jeżamina l-mertu tat-talbiet tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja għar-raġuni li dawn huma suġġetti għal projbizzjonijiet fuq id-dħul validi. Huma jsostnu li tali projbizzjonijiet fuq id-dħul jikkostitwixxu kundizzjoni illegali għal ammissibbiltà, u li applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu kkunsidrati bħala talba impliċita għall-irtirar jew għas-sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul ( 26 ). Huma jargumentaw li, skont id-Direttiva dwar ir-ritorn, id-DVZ għandu jikkunsidra l-ħajja tal-familja u l-aħjar interessi tat-tfal meta jeżamina l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja. Huma jinvokaw ukoll il-fatt li din id-direttiva ma tgħidx li talba għall-irtirar jew għas-sospensjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul għandha tiġi ppreżentata minn barra sabiex tkun valida. Ir-rikorrenti huma tal-fehma li d-dħul u s-soġġorn tal-membri tal-familja ta’ ċittadini Belġjani tista’ tkun irrifjutata biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà nazzjonali jew saħħa pubblika, u fi ħdan il-limiti previsti fil-liġi. Huma jissottomettu li, kuntrarjament għall-Artikolu 20 TFUE, b’mod partikolari kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ruiz Zambrano ( 27 ), it-tneħħija tagħhom mit-territorju Belġjan u mit-territorju tal-Unjoni Ewropea jkun ifisser li l-membri tal-familja Belġjani dipendenti ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod sħiħ bħala ċittadini tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jargumentaw li fit-teħid tad-deċiżjonijiet ikkontestati d-DVZ ma wiżnux l-interessi f’kull każ fil-kuntest tal-Artikolu 8 tal-KEDB u l-Artikolu 7 tal-Karta.

    32.

    Id-DVZ jikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. Huwa jirrileva li projbizzjoni ta’ dħul definittiva tikkostitwixxi impediment għall-persuna kkonċernata sabiex tidħol u tirrisjedi fil-Belġju, u li l-persuna kkonċernata għandha titlaq mit-territorju Belġjan u tapplika minn barra sabiex il-projbizzjoni ta’ dħul tkun irtirata jew sospiża abbażi tal-Artikolu 74/12(1) tal-Vreemdelingenwet qabel tkun tista’ tagħmel talba għal residenza fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja.

    33.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 74/11(3) tal-Vreemdelingenwet, projbizzjoni ta’ dħul tidħol fis-seħħ mid-data li tiġi nnotifikata. F’kull wieħed mis-seba’ każijiet ineżami, ir-rikorrent huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul valida u definittiva li ma tistax tiġi kkontestata sakemm jibqgħu fil-Belġju. Huma għandhom l-ewwel jitilqu mit-territorju nazzjonali sabiex jagħmlu applikazzjoni bħal din fil-konsulat tal-Belġju jew missjoni diplomatika fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tagħhom, skont l-Artikolu 74/12 tal-Vreemdelingenwet ( 28 ).

    34.

    Kull applikazzjoni bħal din sabiex tiġi rtirata jew sospiża il-projbizzjoni ta’ dħul ippreżentata fil-pajjiż ta’ oriġini għandha tiġi deċiża fi żmien erba’ xhur. Jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni matul dak il-perijodu, id-deċiżjoni titqies li hija negattiva. Meta ċittadin ta’ pajjiż terz li kontrih tkun inħarġet projbizzjoni ta’ dħul jippreżenta applikazzjoni għal viża fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma ċittadin Belġjan, għandha l-ewwel tittieħed deċiżjoni dwar l-irtirar jew is-sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul. Sussegwentement tittieħed id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal viża. L-Artikolu 42(1) tal-Vreemdelingenwet jistabbilixxi terminu ta’ sitt xhur għal dan ir-rigward. Huwa biss jekk il-projbizzjoni ta’ dħul tiġi rtirata jew sospiża u tingħata viża jew dritt ta’ residenza fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja li jkun jista’ jingħad li s-separazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati u ċ-ċittadin Belġjan huwa “temporanju”, jew li l-perijodu li matulu l-Belġjani, bħala ċittadini tal-Unjoni, huma imġiegħla de facto li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu huwa limitat.

    35.

    Mid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jidhirx li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tal-membri tal-familja Belġjani kkonċernati qatt ittieħdet inkunsiderazzjoni. Lanqas ma hija ċara li d-DVZ eżamina jekk il-projbizzjonijiet fuq id-dħul kinux imposti għal xi raġuni ta’, inter alia, ordni pubbliku jew sigurtà nazzjonali, jew jekk ittieħdux inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal ikkonċernati u/jew il-ħajja tal-familja fi ħdan it-tifsira tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta.

    36.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni prinċipali mqajma mill-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja fil-każijiet inkwistjoni tikkonċerna r-relazzjoni bejn il-projbizzjonijiet fuq id-dħul imposti skont id-Direttiva dwar ir-ritorn u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja u l-aħjar interessi tat-tfal, kif ukoll il-konformità mal-Artikolu 20 TFUE. Għaldaqstant, id-domandi segwenti ġew magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

    “1)

    Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikoli 5 u 11 tad-[Direttiva dwar ir-ritorn] moqrija flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċerti ċirkustanzi, prattika nazzjonali skont liema talba għal residenza fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni, imressqa fl-Istat Membru fejn jgħix iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat li ma għamilx użu mid-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment u ta’ stabbiliment u li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru (iktar ’il quddiem, iċ-‘ċittadin statiku tal-Unjoni’), minn ċittadin ta’ Stat terz membru tal-familja ta’ dan tal-aħħar, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, flimkien ma’, jew mingħajr, il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija, għas-sempliċi raġuni li l-membru tal-familja ċittadin ta’ Stat terz ikkonċernat jaqa’ taħt projbizzjoni ta’ dħul applikabbli b’dimensjoni Ewropea?

    a)

    Sabiex jiġu evalwati ċirkustanzi bħal dawn, huwa rilevanti li teżisti, bejn iċ-ċittadin statiku tal-Unjoni u l-membru tal-familja tiegħu ċittadin ta’ Stat terz, relazzjoni ta’ dipendenza li tmur lil hinn minn sempliċi rabta ta’ familja? Fl-affermattiv, liema huma l-fatturi rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ din ir-relazzjoni ta’ dipendenza? F’dan ir-rigward, jista’ jsir riferiment b’mod utli għall-ġurisprudenza li tirrigwarda l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tal-[KEDB] u tal-Artikolu 7 tal-Karta?

    b)

    Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-ulied minorenni, l-Artikolu 20 TFUE jeżiġi iktar minn rabta bijoloġika bejn il-ġenitur-ċittadin ta’ Stat terz u l-wild-ċittadin tal-Unjoni? Il-prova ta’ koabitazzjoni hija importanti f’dan ir-rigward jew rabtiet ta’ affezzjoni u rabtiet finanzjarji, bħal modalitajiet ta’ akkomodazzjoni jew ta’ żjara u l-pagament ta’ manteniment, huma suffiċjenti? F’dan ir-rigward, jista’ jsir riferiment b’mod utli għall-motivazzjoni tas-sentenzi [Ogieriakhi ( 29 ), Singh et ( 30 ), u O. et ( 31 ). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Chavez-Vilchez et ( 32 ), li hija attwalment pendenti]?

    c)

    Sabiex jiġu evalwati tali ċirkustanzi, huwa importanti li l-ħajja tal-familja bdiet f’mument li fih iċ-ċittadin ta’ Stat terz kien diġà jaqa’ taħt projbizzjoni ta’ dħul u kien jaf, għaldaqstant, li kien qiegħed jirresjedi irregolarment fl-Istat Membru? Din l-informazzjoni tista’ tiġi invokata b’mod utli kontra eventwali użu ħażin tal-proċeduri ta’ residenza fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja?

    d)

    Sabiex jiġu evalwati tali ċirkustanzi, huwa importanti li l-ebda azzjoni ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-[Direttiva dwar ir-ritorn] ma tressqet kontra d-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ projbizzjoni ta’ dħul jew li tali azzjoni ġudizzjarja ġiet miċħuda?

    e)

    Il-fatt li l-projbizzjoni ta’ dħul ġiet imposta għal raġunijiet ta’ natura ta’ ordni pubbliku jew minħabba residenza irregolari huwa element rilevanti? Fl-affermattiv, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz ikkonċernat jirrappreżentax theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà? F’din il-perspettiva, l-Artikoli 27 u 28 tad-[Direttiva 2004/38/KE], li ġew trasposti fl-Artikoli 43 u 45 tal-[liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija ta’ ċittadini barranin], u l-ġurisprudenza korrispondenti tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-ordni pubbliku jistgħu jiġu applikati b’mod analogu għall-membri tal-familja ta’ ċittadini statiċi tal-Unjoni? (ara t-talbiet għal deċiżjoni preliminari [fil-kawżi Rendón Marín u CS] li huma attwalment pendenti) ( 33 ).

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 5 tad-[Direttiva dwar ir-ritorn] u l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali skont liema projbizzjoni ta’ dħul applikabbli tiġi invokata kontra talba għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin statiku tal-Unjoni, imressqa fit-territorju ta’ Stat Membru wara l-ħruġ ta’ din il-projbizzjoni ta’ dħul, sabiex jiġi rrifjutat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija talba mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħajja privata u tal-familja u lanqas l-interess tat-tfal ikkonċernati msemmija f’din it-talba?

    3)

    Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 5 tad-[Direttiva dwar ir-ritorn] u l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali skont liema deċiżjoni ta’ tneħħija tittieħed kontra ċittadin ta’ Stat terz, diġà suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul applikabbli, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħajja privata u tal-familja u lanqas l-interess tat-tfal ikkonċernati, li huma msemmija f’talba għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin statiku tal-Unjoni mressqa wara l-ħruġ ta’ din il-projbizzjoni ta’ dħul?

    4)

    L-Artikolu 11(3) tad-[Direttiva dwar ir-ritorn] jimplika li ċittadin ta’ Stat terz għandu, fil-prinċipju, dejjem iressaq talba għal irtirar jew għal sospensjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul definittiva u applikabbli barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew jeżistu ċirkustanzi li fihom huwa jista’ jressaq din it-talba wkoll fit-territorju tal-Unjoni Ewropea?

    a)

    It-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 11(3) tad-[Direttiva dwar ir-ritorn] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tal-istess direttiva, li jipprevedi li l-possibbiltà li tiġi rtirata jew sospiża projbizzjoni ta’ dħul tista’ titqies biss jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz ikkonċernat juri li telaq mit-territorju f’konformità sħiħa mad-deċiżjoni ta’ ritorn, għandu jiġi osservat mingħajr riżerva f’każijiet individwali jew f’kull kategorija ta’ każijiet?

    b)

    L-Artikoli 5 u 11 tad-[Direttiva dwar ir-ritorn] jipprekludu interpretazzjoni skont liema talba għal residenza fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin statiku tal-Unjoni, li ma għamilx użu mid-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment u ta’ stabbiliment, tista’ tiġi assimilata għal talba (temporanja) impliċita għal irtirar jew għal sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul definittiva u applikabbli li terġa’ ġġib l-effetti tagħha jekk jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ residenza ma humiex issodisfatti?

    c)

    Huwa rilevanti li l-obbligu li titressaq talba għal irtirar jew għal sospensjoni fil-pajjiż ta’ oriġini jwassal eventwalment biss għal separazzjoni temporanja bejn iċ-ċittadin ta’ Stat terz u ċ-ċittadin statiku tal-Unjoni? Jeżistu ċirkustanzi li fihom l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta jipprekludu, madankollu, separazzjoni temporanja?

    d)

    Huwa rilevanti li l-obbligu li titressaq talba għal irtirar jew għal sospensjoni fil-pajjiż ta’ oriġini jwassal eventwalment biss għall-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu, fejn xieraq, sempliċement jitlaq mit-territorju tal-Unjoni għal tul ta’ żmien limitat? Jeżistu ċirkustanzi li fihom l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi, madankollu, li ċittadin statiku tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni għal tul ta’ żmien limitat?”

    37.

    Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati għan-nom tas-Sinjura K.A. u s-Sur M. Z., mill-Gvern Belġjan u Grieg u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2017, il-partijiet kollha ppreżentaw sottomissjonijiet orali flimkien mas-Sinjura M.J. u s-Sinjura N.N.N.

    Evalwazzjoni

    Osservazzjonijiet preliminari

    38.

    Is-seba’ każijiet inkwistjoni għandhom il-fatturi komuni segwenti. Kull wieħed jikkonċerna: (i) ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (prima facie sitwazzjoni purament interna); (ii) ċittadin ta’ pajjiż terz rikonoxxut taħt dritt nazzjonali bħala membru tal-familja ta’ dak iċ-ċittadin tal-Unjoni u li jippreżenta applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja; u (iii) sitwazzjoni fejn dik l-applikazzjoni ma tiġix eżaminata mid-DVZ: din tiġi rrifjutata peress li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul li hija kemm valida u definittiva u l-applikazzjoni ma saritx minn barra t-territorju tal-Unjoni Ewropea.

    39.

    Is-seba’ każijiet kollha jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 peress li jikkonċernaw ċittadini tal-Unjoni li dejjem irrisjedew fil-Belġju (l-Istat Membru ta’ nazzjonalità). Għalhekk, ċittadini tal-Unjoni ma humiex koperti mid-definizzjoni ta’ “benefiċjarju” għall-finijiet ta’ din id-direttiva ( 34 ). Fid-dawl tal-espożizzjoni tal-isfond fattwali mogħtija mill-qorti tar-rinviju, għal kull bon fini nżid li dawn il-każijiet lanqas ma jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja ( 35 ). Din id-direttiva tapplika għal sponsors ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Unjoni u li l-membri tal-familja tagħhom jitolbu dħul u residenza fi Stat Membru sabiex jippreżervaw l-għaqda tal-familja. Kjarament din ma hijiex il-pożizzjoni hawnhekk.

    40.

    Id-determinazzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom ċittadinanza tal-Unjoni tagħti drittijiet idderivati lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq dawn id-drittijiet diġà taw lok għal ġurisprudenza rikka tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ruiz Zambrano ( 36 ) hija fundamentali. Dik il-kawża stabbilixxiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija abbażi ta’ dan l-istatus. Dan il-kriterju ġie ppreċiżat fil-kawża Dereci et, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li dan il-kriterju “jirreferi għal sitwazzjonijiet karatterizzati mill-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun fil-fatt obbligat jitlaq mit-territorju mhux biss tal-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu, iżda wkoll mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu” ( 37 ). Is-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Chavez-Vilchez et ( 38 ) turi kif evolviet il-ġurisprudenza.

    41.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “hemm sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna fejn, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni sekondarja dwar id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma tkunx applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, id-dritt ta’ residenza ma jkunx, eċċezzjonalment, jista’ jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li huwa jgawdi, jekk, bħala konsegwenza ta’ tali rifjut, dan iċ-ċittadin jiġi obbligat, fil-fatt, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu, b’mod li jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni” ( 39 ). Fil-kawża Ruiz Zambrano, il-ġenitur ta’ ulied minuri li kienu ċittadini Belġjani kien suġġett għal ordni ta’ espulsjoni u l-awtoritajiet kompetenti rrifjutaw it-talba tiegħu għal permess ta’ xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali deċiżjonijiet ikollhom l-effett li jċaħħdu lill-ulied ta’ Ruiz Zambrano mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 20 TFUE. Id-deċiżjonijiet inkwistjoni f’dik il-kawża kienu jwasslu għall-konsegwenza li t-tfal, ċittadini tal-Unjoni, ikunu obbligati jitilqu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea ( 40 ).

    42.

    Il-prattika applikata f’dawn is-seba’ każijiet li tikkonsisti fir-rifjut li tiġi eżaminata applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja hija daqstant marbuta mad-drittijiet mogħtija lil ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 20 TFUE (moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta) li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

    43.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikament jekk id-Direttiva dwar ir-ritorn tapplikax f’dan il-kuntest. Filwaqt li din id-direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, hija ma tipprovdix neċessarjament għal proċedura ta’ eżami assoċjat u ekwivalenti li għandu jsir f’każijiet fejn ċittadin ta’ pajjiż terz japplika għal riunifikazzjoni tal-familja (bħal fil-kawża prinċipali).

    44.

    Il-qorti tar-rinviju tifformula d-domandi tagħha b’riferiment għal projbizzjoni ta’ dħul akkumpanjata minn deċiżjoni ta’ tneħħija. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li l-projbizzjonijiet fuq id-dħul ġew imposti skont miżuri li jimplementaw id-Direttiva dwar ir-ritorn fid-dritt nazzjonali. Din id-direttiva tiddistingwi bejn “deċiżjoni ta’ ritorn” [Artikolu 3(4)] u deċiżjoni ta’ “tneħħija” [Artikolu 3(5)] ( 41 ). Mid-definizzjoni ta’ “projbizzjoni ta’ dħul” [Artikolu 3(6)] isegwi li dawn il-projbizzjonijiet jakkumpanjaw deċiżjoni ta’ ritorn u mhux deċiżjoni ta’ tneħħija ( 42 ). F’kull wieħed mis-seba’ każijiet inkwistjoni, l-amministrazzjoni nazzjonali adottat deċiżjoni li tirrikjedi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li jitlaq mill-Belġju. Ninterpreta dawn id-deċiżjonijiet bħala ekwivalenti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn għall-finijiet tad-Direttiva 2008/115. Il-qorti tar-rinviju ma indikatx li ttieħdu miżuri sabiex tiġi nfurzata deċiżjoni ta’ ritorn f’xi każ partikolari, jew li ġiet adottata deċiżjoni ta’ tneħħija.

    Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda

    45.

    Permezz tal-ewwel domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, meta ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal projbizzjoni ta’ dħul (skont id-Direttiva dwar ir-ritorn) japplikaw sabiex jingħaqdu ma’ membri tal-familja tagħhom li huma ċittadini tal-Unjoni fl-Istat Membru fejn dawn tal-aħħar għandhom in-nazzjonalità u li qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, id-dritt tal-Unjoni jipprekludix prattika nazzjonali li tipprevedi li ma jiġux eżaminati applikazzjonijiet bħal dawn, b’mod partikolari fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jeżaminawx jekk iċ-ċirkustanzi jaqgħux fi ħdan il-kunċett ta’ “sitwazzjonijiet partikolari ħafna” ( 43 ) identifikati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 20 TFUE. Saru wkoll ħames domandi supplimentari ddettaljati li jikkonċernaw il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi evalwat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza ( 44 ).

    46.

    Fil-qosor, it-tieni domanda tipprova tistabbilixxi jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-ritorn jipprekludix il-prattika amministrattiva inkwistjoni f’każijiet li ma jaqgħux fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 20 TFUE. It-tielet domanda tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun diġà suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul, din il-prattika amministrattiva hijiex prekluża jekk deċiżjoni ta’ tneħħija tittieħed mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħajja tal-familja u l-aħjar interessi tat-tfal (kif imsemmi f’applikazzjoni sussegwenti għal riunifikazzjoni tal-familja). Dawn it-tliet domandi huma relatati mill-qrib u l-kwistjonijiet li għandhom jiġu evalwati huma minsuġa sew. Għalhekk, ser neżaminahom flimkien.

    Prattika nazzjonali li ma jiġux eżaminati applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja u l-Artikolu 20 TFUE

    47.

    Il-prattika amministrattiva inkwistjoni topera kif ġej. Meta ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul ta’ mill-inqas tliet snin li saret definittiva sussegwentement jippreżenta, minn ġewwa l-Belġju, applikazzjoni għal residenza għal skopijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni, l-applikazzjoni tiegħu ma tiġix eżaminata mill-awtoritajiet kompetenti. Ma hemm ebda flessibbiltà f’każijiet speċifiċi sabiex tiġi kkunsidrata l-ħajja tal-familja, l-aħjar interessi tat-tfal jekk relevanti jew il-fatt li l-membru tal-familja Belġjan għandu ċittadinanza tal-Unjoni.

    48.

    Il-gvern Belġjan jissottometti li din il-prassi amministrattiva taqa’ taħt il-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri u għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun “le”. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża ma jaqblux mal-Belġju. Il-Greċja tqis li, bla ħsara għal evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-applikazzjonijiet fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

    49.

    Jien ukoll niċħad is-sottomissjonijiet tal-gvern Belġjan.

    50.

    L-ewwel nett, jidhirli li l-prattika amministrattiva hija tant marbuta mad-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi b’mod liberu fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri li għandha konnessjoni intrinsika mad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 20 TFUE. Prattika bħal din għandha l-effett li teskludi awtomatikament l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk, f’każ individwali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “sitwazzjonijiet partikolari ħafna”, li jistgħu jirrikjedu l-Istat Membru li jagħti effett lid-drittijiet ta’ dak iċ-ċittadin fi ħdan it-territorju tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi din is-sitwazzjoni tista’ timmina t-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadinanza tal-Unjoni.

    51.

    Il-qorti tar-rinviju tirrimarka li skont ir-regoli nazzjonali, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati għandhom, bħala prinċipju, jitilqu mill-Belġju u mit-territorju tal-Istati Membri fl-intier tiegħu. Meta projbizzjoni ta’ dħul tkun fis-seħħ, l-ebda applikazzjoni għal residenza ma tista’ tiġi ppreżentata fit-territorju Belġjan. Kull talba għall-irtirar jew għas-sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul tista’ ssir biss minn barra l-Belġju u tirrikjedi prova bil-miktub li l-applikant telaq minn dak l-Istat Membru.

    52.

    F’dan il-kuntest, prattika li lanqas biss teżamina applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja jista’ potenzjalment ikollha konsegwenzi drastiċi għaċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fejn hemm relazzjoni ta’ dipendenza li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “sitwazzjonijiet partikolari ħafna” imsemmija iktar ’il fuq ( 45 ). Din l-interpretazzjoni hija msaħħa bl-osservazzjoni tal-qorti tar-rinviju li fejn hemm relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-membru tal-familja li huwa ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, iċ-ċittadin Belġjan jista’ jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni sabiex jakkumpanja lill-membru tal-familja tiegħu. Sussegwentement, dan jirriżulta f’ċaħda għaċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea.

    53.

    It-tieni nett, sa fejn il-prattika amministrattiva deskritta mill-qorti tar-rinviju taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta ( 46 ). In-natura awtomatika tal-prattika nazzjonali inkwistjoni tfisser li ma hemmx skop li jiġi stabbilit f’każ individwali jekk id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet humiex iggarantiti ( 47 ).

    54.

    It-tielet nett, filwaqt li huwa minnu li l-Istati Membri jgawdu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jippromulgaw fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom regoli proċedurali li jirregolaw azzjonijiet u jissalvagwardjaw drittijiet li individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni, dawn ir-regoli ma għandhomx ikunu tali li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli d-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 20 TFUE liċ-ċittadini tal-Unjoni ( 48 ).

    55.

    Fejn hemm relazzjoni ta’ dipendenza ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, prattika nazzjonali bħal dik deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju li tapplika awtomatikament u mingħajr eċċezzjonijiet tista’ taffettwa negattivament id-dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi mhux biss fl-Istat Membru ta’ nazzjonalità, iżda fit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu ( 49 ).

    56.

    Finalment, il-prattika deskritta mill-qorti tar-rinviju toħloq anomalija potenzjali. Il-proċedura għas-sottomissjoni u għall-eżami tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja skont id-Direttiva 2003/86 ma hijiex identika għall-proċeduri nazzjonali fil-każijiet inkwistjoni. B’hekk, sponsor ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi legalment fl-Unjoni Ewropea għandu garanzija ta’ eżami iktar rigoruż tal-applikazzjoni tiegħu għal riunifikazzjoni tal-familja taħt din id-direttiva minn dik mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni bħal dawk fil-każijiet inkwistjoni.

    57.

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/86 jirrigwarda s-sottomissjoni u l-eżami ta’ applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja. Kuntrarjament għall-prattika amministrattiva deskritta mill-qorti tar-rinviju, l-obbligi fuq l-Istati Membri sabiex jeżaminaw applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja taħt din id-direttiva jimplikaw li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux awtomatikament jirrifjutaw li jeżaminaw applikazzjonijiet taħt din id-direttiva fejn membru tal-familja li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz ikun diġà fl-Istat Membru inkwistjoni ( 50 ). B’hekk, il-proċedura għas-sottomissjoni u għall-eżami tal-applikazzjonijiet skont id-Direttiva 2003/86 jidher li jpoġġi lill-isponsor li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz (fi ħdan it-tifsira ta’ din id-direttiva) f’pożizzjoni iktar favorevoli minn dik ta’ ċittadin tal-Unjoni f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju, li d-drittijiet tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 20 TFUE.

    58.

    Għalhekk, inqis li r-risposta għall-kwistjoni ta’ prinċipju mqajma mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha hija li l-prassi amministrattiva inkwistjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 20 TFUE moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta.

    59.

    Jekk, kuntrarjament għall-pożizzjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-prattika amministrattiva inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFEU, id-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati ma jibqgħux neċessarjament mingħajr protezzjoni. Il-qorti nazzjonali jkollha teżamina jekk din il-prattika hijiex kompatibbli mal-Artikolu 8 tal-KEDB ( 51 ). F’dan il-kuntest għandu jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 52 ). Għalhekk, huwa dubjuż jekk prattika amministrattiva, li hija applikata awtomatikament sabiex tiċħad applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja mingħajr eżami sostantiv, tistax titqies li tieħu inkunsiderazzjoni fatturi li għandhom jiġu evalwati sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja huwiex żgurat ( 53 ).

    Fuq ir-relazzjoni ta’ dipendenza għall-finijiet tal-Artikolu 20 TFEU

    60.

    Id-domandi sussidjarji ddettaljati li ġejjin huma magħmula bil-għan li jistabbilixxu l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati f’kull evalwazzjoni li tikkonċerna r-relazzjoni ta’ dipendenza għall-finijiet tal-Artikolu 20 TFUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta ( 54 ). Liema huma l-fatturi rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-ħajja tal-familja u l-ulied minuri [punti (a) u (b) tal-ewwel domanda]? Il-fatturi segwenti huma rilevanti għal din l-evalwazzjoni: jekk hemmx potenzjal ta’ użu abbużiv ta’ proċedura, jiġifieri jekk il-ħajja tal-familja żviluppatx meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien diġà suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul; jekk ittieħdux passi għall-kontestazzjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul qabel ma saret definittiva; u jekk il-projbizzjoni inkwistjoni ġietx imposta għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew minħabba soġġorn illegali [punti (c), (d) u (e) tal-ewwel domanda]?

    61.

    L-Artikolu 7 tal-Karta għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-KEDB ( 55 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) iddeċidiet li l-qofol essenzjali tal-Artikolu 8 huwa li jiġi protett l-individwu kkonċernat minn azzjonijiet arbitrarji tal-awtoritajiet pubbliċi, għalkemm din id-dispożizzjoni ma timponix fuq Stat obbligu ġenerali sabiex jawtorizza riunifikazzjoni tal-familja ( 56 ). L-evalwazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-KEDB jinvolvi l-ibbilanċjar tal-interessi kunfliġġenti tal-individwu kkonċernat u tal-Istat. Huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi ta’ tkissir tal-għaqda tal-familja li jirriżulta jekk membru tal-familja li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jitkeċċa. Meta jiġri hekk, għandu jiġi kkunsidrat it-tul ta’ żmien li l-Istat ikkonċernat ikun ittollera l-preżenza ta’ dik il-persuna fit-territorju tiegħu: jekk il-konjuġi (jew il-koabitanti) għandhomx sfond komuni, jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwiex responsabbli għall-kura ta’ kuljum ta’ xi tfal u r-responsabbiltajiet finanzjarji u r-rabtiet emozzjonali fi ħdan il-familja ( 57 ).

    62.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sempliċi fatt li jista’ jidher deżiderabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex iżomm il-familja tiegħu magħquda fit-territorju tal-Unjoni, li xi membri tal-familja tiegħu, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, ikunu jistgħu jirrisjedu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax ( 58 ).

    63.

    Fil-KEDB ma hemmx dritt li jikkorrispondi għall-Artikolu 24 tal-Karta. Għalkemm il-Karta ma tiddefinixxix il-kelma “tfal”, jidher li hija bażi komuni li l-ulied tas-Sur R.I., tas-Sinjura M.J., tas-Sinjura N.N.N, u tas-Sur O.I.O. huma tfal għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk iż-żamma tar-relazzjoni mal-ġenitur huwiex fl-aħjar interessi ta’ kull wieħed mit-tfal. L-istatus bħala ċittadin tal-Unjoni ta’ wild u d-drittijiet ta’ residenza li joriġinaw minnu ma jiggarantixxux, fihom innifishom, dritt ta’ residenza għall-ġenituri tiegħu. Fatturi rilevanti jinkludu min għandu l-kustodja tal-wild u jekk il-wild huwiex legalment, finanzjarjament jew emozzjonalment dipendenti fuq il-ġenitur li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz ( 59 ).

    64.

    B’risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2004/38 għandhiex tapplika, jidhirli li, billi s-sitwazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jaqgħu wkoll taħt id-dritt tal-Unjoni, jista’ jkun possibbli li jiġu estrapolati ċerti prinċipji, partikolarment dawk li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Karta, li jistgħu japplikaw b’analoġija. Madankollu, il-kriterji speċifiċi li huma kkunsidrati taħt din id-direttiva ma jistgħux jiġu trasposti għal evalwazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 20 TFUE. Il-kundizzjonijiet li japplikaw meta ċittadin tal-Unjoni jixtieq jikseb dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor għal perijodu itwal minn tliet xhur, abbażi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, u d-dritt idderivat ta’ residenza li jista’ jestendi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva ma humiex direttament rilevanti fi kwalunkwe evalwazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 20 TFUE. ( 60 )

    65.

    Fl-opinjoni tiegħi, jekk il-ħajja tal-familja nħolqitx f’punt meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien diġà suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul ma hijiex kunsiderazzjoni awtomatikament rilevanti. Tabilħaqq huwa minnu li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi estiż sabiex ikopri abbużi. Madankollu, huwa wkoll minnu li, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni li għandha ssir taħt l-Artikolu 20 TFUE, ma hemmx lok għal preżunzjoni ġenerali ta’ abbuż meta rabta familjari tqum f’punt meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz isib ruħu f’soġġorn illegali. Ma għandhux jiġi preżunt ipso facto li l-persuna kkonċernata ħolqot rabta familjari sabiex tibqa’ fit-territorju tal-Unjoni. Prova ta’ dan l-abbuż teħtieġ, minn naħa, kombinazzjoni ta’ ċirkustanzi oġġettivi li fihom, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mir-regoli tal-Unjoni, l-għan ta’ dawn ir-regoli ma ntlaħaqx, u min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fl-intenzjoni li jinkiseb vantaġġ mir-regoli tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ dak il-vantaġġ ( 61 ). Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li l-Qorti EDB iddeskriviet bħala “kunsiderazzjoni importanti” iċ-ċirkustanza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li jsir ġenitur matul il-perijodu li matulu l-istatus tiegħu fil-qasam tal-immigrazzjoni kien prekarju, il-Qorti EDB evalwat dan il-fattur partikolari b’konnessjoni ma’ elementi oħra tal-każ ( 62 ). Li ssir ġenitur matul tali perijodu ta’ inċertezza ma jitqiesx neċessarjament li huwa tentattiv ta’ abbuż tar-regoli ta’ immigrazzjoni ( 63 ).

    66.

    Diġà esprimejt l-opinjoni li l-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul ma għandhiex tkun parti mill-evalwazzjoni dwar jekk hemmx “sitwazzjonijiet partikolari ħafna” li jagħtu lok għal relazzjoni ta’ dipendenza għall-finijiet tal-Artikolu 20 TFUE ( 64 ). Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz appellax minn jew talabx reviżjoni ta’ xi miżura bħal din. Lanqas ma huwa neċessarju li f’dan il-kuntest jiġi eżaminat jekk il-projbizzjoni ta’ dħul ġietx imposta għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew biss minħabba soġġorn illegali. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jiġi nnotat li skont id-Direttiva dwar ir-ritorn, projbizzjonijiet fuq id-dħul ma jeżistux indipendentement mid-deċiżjonijiet ta’ ritorn ( 65 ). B’hekk, ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku jistgħu jiġu invokati biss fir-rigward ta’ dan tal-aħħar. Ma hemmx bażi għall-ħruġ ta’ projbizzjoni ta’ dħul unikament fuq raġunijiet bħal dawn ( 66 ).

    67.

    Kuntrarjament, jekk evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali f’xi każ partikolari turi li dan jaqa’ ’l barra mill-kunċett ta’ “sitwazzjonijiet partikolari ħafna”, dak il-każ ma jkunx jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet kompetenti huma xorta waħda obbligati li jagħmlu evalwazzjoni abbażi tal-Artikolu 8 tal-KEDB, billi l-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-Konvenzjoni ( 67 ).

    Id-Direttiva dwar ir-ritorn

    68.

    Il-qorti tar-rinviju tixtieq ukoll taċċerta ruħha jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-ritorn moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta jipprekludix il-prattika amministrattiva inkwistjoni sa fejn dawn is-seba’ każijiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE (it-tieni domanda).

    69.

    Il-Belġju jissottometti li l-prattika amministrattiva deskritta mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha hija konformi mad-Direttiva dwar ir-ritorn. Din il-prattika teżiġi li jiġi żgurat li deċiżjonijiet ta’ ritorn huma tassew definittivi u ma jerġgħux jinfetħu permezz ta’ mekkaniżmu indirett li jippermetti ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal projbizzjoni ta’ dħul valida li jressqu talbiet għal riunifikazzjoni tal-familja. Din tkun inkompatibbli ma’ politika ta’ tneħħija effettiva u tkun għad-detriment ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra li jikkonformaw ma’ deċiżjonijiet ta’ ritorn.

    70.

    Jien ma naqbilx mal-analiżi tal-Belġju.

    71.

    Id-drittijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea ma humiex irregolati mid-Direttiva dwar ir-ritorn. Dak l-att jistabbilixxi regoli applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew ma jissodisfawx iktar il-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza fi Stat Membru ( 68 ). Bħala prinċipju, id-Direttiva dwar ir-ritorn ma għandhiex effett fuq jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jibbenefikax minn drittijiet idderivati bis-saħħa tal-Artikolu 20 TFUE sabiex jirrisjedu ma’ ċittadin tal-Unjoni fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru. Din l-evalwazzjoni ssir permezz tal-priżma ta’ drittijiet li jgawdi ċittadin tal-Unjoni, kwistjoni li d-Direttiva dwar ir-ritorn ma hijiex iddisinjata li tirregola. Id-Direttiva dwar ir-ritorn wisq inqas ma tipprovdi bażi għal politika nazzjonali li awtomatikament tirrifjuta li teżamina talbiet għal riunifikazzjoni tal-familja.

    72.

    L-evalwazzjoni magħmula għall-finijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-ritorn ma hijiex neċessarjament l-istess bħal dik meħtieġa sabiex tiġi evalwata applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja bbażata fuq l-Artikolu 20 TFUE. L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-ritorn jirreferi għall-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-aħjar interessi tat-tfal u tal-familja fl-implementazzjoni tad-direttiva ( 69 ). Fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-ritorn, minuri mhux akkumpanjati għandhom jiġu rikonoxxuti bħala grupp partikolarment vulnerabbli meta jkunu obbligati jirritornaw lejn l-Istat ta’ oriġini tagħhom ( 70 ). Għalhekk, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi u r-ritorn tagħhom għandu jiġi ordnat biss wara li dawn l-interessi jkunu ġew evalwati ( 71 ). Fir-rigward tal-ħajja tal-familja, l-istruttura tad-direttiva tindika li Stati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni dan l-element meta jagħmlu evalwazzjoni każ b’każ taċ-ċirkustanzi relatati mal-individwu kkonċernat ( 72 ).

    73.

    B’hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti kkunsidrawx l-aħjar interessi tat-tfal u l-ħajja tal-familja skont l-Artikolu 5(a) u (b) tad-Direttiva dwar ir-ritorn, mhux neċessarjament tkopri l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ( 73 ). Barra minn hekk, meta ġew imposti l-projbizzjonijiet fuq id-dħul fil-każijiet inkwistjoni ma setax kien hemm evalwazzjoni bħal din peress li l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja ġew wara d-deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul li jakkumpanjawhom.

    74.

    Il-qorti tar-rinviju talbet gwida dwar jekk il-prattika amministrattiva inkwistjoni hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni f’każijiet fejn tiġi adottata deċiżjoni ta’ tneħħija (it-tielet domanda). Madankollu, ma hemmx indikazzjoni fid-deskrizzjoni tal-fatti mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju li tali deċiżjoni [fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar ir-ritorn] ġiet adottata fir-rigward ta’ xi wieħed mir-rikorrenti. Għalhekk, jidher li ma huwiex neċessarju li nirrispondi għal din id-domanda. Għal kull bon fini nżid li fid-dawl tal-konfużjoni kkawżata bl-użu ta’ “deċiżjoni ta’ tneħħija” bħala sinonimu għal “deċiżjoni ta’ ritorn” jista’ jkun li l-qorti tar-rinviju qed talludi għall-fatt li fil-każijiet kollha għajr għal dak tas-Sur R.I., iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat huwa suġġett għal iktar minn deċiżjoni ta’ ritorn waħda. Meta jimplementaw id-Direttiva dwar ir-ritorn, l-Istati Membri huma obbligati jikkunsidraw l-Artikolu 5 ( 74 ). Ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal eċċezzjoni għal dawn l-obbligi f’każijiet fejn individwu huwa suġġett għal deċiżjonijiet ta’ ritorn sussegwenti. B’hekk, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi fl-Artikolu 5(a) u (b) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet bħal dawn.

    75.

    Minkejja li l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja u deċiżjonijiet ta’ ritorn huma proċeduri separati, jista’ jkun li huwa minnu li hemm ċerta sovrappożizzjoni bejn il-kwistjonijiet li jqumu. Madankollu, ma jsegwix li dawk tal-ewwel jikkostitwixxu “appell” jew mekkaniżmu li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ ritorn. Il-kriterju li jrid jintlaħaq għal “sitwazzjonijiet partikolari ħafna” sabiex jingħataw drittijiet idderivati ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz abbażi tal-Artikolu 20 TFUE huwa eżiġenti. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma naqbilx li s-sempliċi eżami ta’ applikazzjonijiet bħal dawn jimmina l-proċeduri previsti mid-Direttiva dwar ir-ritorn.

    Fuq il-każijiet inkwistjoni

    76.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel miegħi li dawn is-seba’ każijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE u li r-regoli fid-Direttiva dwar ir-ritorn ma għandhomx jifformaw parti mill-evalwazzjoni fuq il-mertu, ikun neċessarju għall-awtoritajiet kompetenti li f’kull każ inkwistjoni jiddeterminaw jekk fil-fatt hemmx relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru tal-familja li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz ( 75 ). L-evalwazzjoni għal kull applikant għandha ssir b’riferiment għall-Artikoli 7 u 24 tal-Karta.

    77.

    Fir-rigward tas-Sur R.I., is-Sinjura M.J., is-Sinjura N.N.N., u s-Sur O.I.O., li lkoll huma ġenituri ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa wild minuri, huwa rilevanti, inter alia, li jiġi kkunsidrat il-fatt li l-wild għandu ġenitur wieħed li huwa ċittadin tal-Unjoni u li jiġi ddeterminat liema ġenitur għandu (jew jekk it-tnejn li huma għandhom) il-kustodja u jekk il-wild huwiex legalment, finanzjarjament jew emozzjonalment dipendenti fuq il-ġenitur li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz ( 76 ).

    78.

    Il-pożizzjoni tas-Sur O.I.O. hija partikolari sa fejn il-qorti tar-rinviju tindika fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-omm Belġjana ta’ ibnu għandha l-kustodja unika, li ma hijiex finanzjarjament dipendenti fuqu u li l-kuntatt tiegħu ma’ bintu huwa sospiż b’ordni tal-qorti. Din l-informazzjoni tindika li huwa jista’ ma jitqiesx li għandu l-kustodja ewlenija jew primarja tal-wild u li jista’ ma jkunx hemm relazzjoni ta’ dipendenza.

    79.

    Fir-rigward tas-Sinjura K.A. u tas-Sur M.Z., li huma l-ulied adulti ta’ missier Belġjan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw li x-xewqa li tinkiseb riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju ma hijiex fiha nnifisha suffiċjenti ( 77 ). Fid-determinazzjoni ta’ jekk hemmx relazzjoni ta’ dipendenza, il-fatt li ċittadin tal-Unjoni jipprovdi appoġġ finanzjarju lil wild adult li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz (ara l-każ tas-Sur M.Z.) ma huwiex kunsiderazzjoni rilevanti. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal- Ġustizzja qalet li “hija r-relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni […] u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jiġi rrifjutat d-dritt ta’ residenza li tista’ tpoġġi f’dubju l-effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, peress li hija din id-dipendenza li twassal sabiex iċ-ċittadin tal-Unjoni jsib ruħu mġiegħel, de facto, jitlaq mhux biss mit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, iżda wkoll mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fit-totalità tiegħu, bħala konsegwenza ta’ tali deċiżjoni ta’ rifjut” ( 78 ). Fir-rigward tal-ulied adulti ta’ ġenitur li huwa ċittadin tal-Unjoni, eżempju ta’ tali ċirkustanza jista’ jkun meta ġenitur anzjan jew ta’ saħħa dgħajfa jiddependi fuq il-preżenza tal-wild adult tiegħu li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz u jkun obbligat jitlaq mill-Unjoni Ewropea jekk dak il-wild jitkeċċa mill-Istat Membru kkonċernat.

    80.

    Bl-istess mod, evalwazzjoni li tieħu dan l-element essenzjali inkunsiderazzjoni għandha ssir fil-konfront tas-Sur B.A. Il-fatt li huwa u l-koabitanta tiegħu ma humiex qraba b’konsangwinità ma jidhirlix li huwa fattur rilevanti, peress li huwa jitqies li huwa membru tal-familja għall-finijiet tad-dritt nazzjonali ( 79 ).

    81.

    Għaldaqstant, nikkonkludi li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 20 TFUE moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, jipprekludu prattika nazzjonali li biha l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jirrifjutaw awtomatikament li jeżaminaw applikazzjonijiet għal residenza fit-territorju tagħhom ippreżentati minn ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn u projbizzjoni ta’ dħul assoċjata, sabiex jingħaqad ma’ membru tal-familja li huwa ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità u li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu. Id-Direttiva dwar ir-ritorn ma tipprevedi ebda bażi li tiġġustifika tali prattika. Għall-kuntrarju, għandha ssir evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali tal-każ inkwistjoni qabel ma l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja.

    Fuq ir-raba’ domanda

    82.

    Il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(3) tad-Deċiżjoni dwar ir-ritorn li jikkonċerna l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul. Saru erba’ domandi speċifiċi. Dawn ikopru materji li jinkludu l-interpretazzjoni tat-tielet u tar-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 11(3) ( 80 ) u jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni partikolarment dawk li jikkonċernaw l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 81 ).

    83.

    Ser nibda b’ċerti kummenti ġenerali li jikkonċernaw projbizzjonijiet fuq id-dħul li huma l-qofol tar-raba’ domanda. Skont ir-regoli nazzjonali, projbizzjoni ta’ dħul tapplika mid-data tan-notifika u mhux mid-data meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jitlaq mit-territorju Belġjan. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li projbizzjonijiet bħal dawn huma intiżi li jissupplimentaw deċiżjonijiet ta’ ritorn ( 82 ). Hija qalet ukoll li l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul jibda jiddekorri mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun attwalment telqet mit-territorju tal-Unjoni ( 83 ). Is-soġġorn illegali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat huwa rregolat mid-deċiżjoni tar-ritorn iktar milli mill-projbizzjoni ta’ dħul. Ir-regoli nazzjonali kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jidhrux li jirriflettu l-kliem, l-għan u l-istruttura tad-Direttiva dwar ir-ritorn f’dan ir-rigward.

    84.

    Issa, peress li jiena tal-fehma li l-prattika amministrattiva inkwistjoni hija prekluża bl-Artikolu 20 TFUE, isegwi li nqis li r-regoli relatati mal-projbizzjonijiet fuq id-dħul ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, billi l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu eżaminati fuq il-mertu. B’hekk, jekk l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw f’każ individwali li applikazzjoni bħal din għandha tiġi milqugħa, ikun isegwi li r-residenza tal-applikant fit-territorju nazzjonali tkun legali u, abbażi tal-Artikolu 2(1), li d-Direttiva dwar ir-ritorn ma tistax tapplika iktar għalih, billi s-soġġorn tiegħu ma jkunx jitqies iktar illegali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ( 84 ).

    85.

    Għall-kuntrarju, jekk dawn l-awtoritajiet jiddeterminaw li l-applikazzjoni ma tistax tiġi milqugħa, il-preżenza tal-applikant fit-territorju nazzjonali ikompli jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “soġġorn illegali” u jkun suġġett għad-deċiżjoni ta’ ritorn eżistenti flimkien mal-projbizzjoni ta’ dħul assoċjata. Huma l-awtoritajiet relevanti kompetenti li sussegwentement għandhom jimplementaw din id-deċiżjoni skont id-Direttiva dwar ir-ritorn, billi jadottaw il-miżuri neċessarji, bħal deċiżjoni ta’ tneħħija skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. Kull deċiżjoni tkun naturalment suġġetta għas-salvagwardja proċedurali previsti fil-Kapitolu 3.

    86.

    Billi għad trid tittieħed deċiżjoni fuq il-mertu fir-rigward tal-każijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, strettament ma huwiex neċessarju li ninterpreta l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva dwar ir-ritorn sabiex jiġu riżolti dawn il-każijiet. Huwa possibbli li din id-dispożizzjoni tista’ tkun rilevanti fi stadju ulterjuri, iżda dan jiddependi mir-riżultat tal-evalwazzjoni fuq il-mertu ta’ kull każ mill-awtoritajiet kompetenti. Għaldaqstant, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tirrispondi għar-raba domanda.

    Konklużjoni

    87.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) kif ġej:

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 20 TFUE moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi prassi nazzjonali fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jirrifjutaw awtomatikament li jeżaminaw applikazzjonijiet għal residenza fit-territorju tagħhom ippreżentati minn ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn u projbizzjoni ta’ dħul assoċjata, sabiex jingħaqad ma’ membru tal-familja li huwa ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità u li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu.

    Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ma tipprevedi ebda bażi li tiġġustifika tali prattika.

    Għall-kuntrarju, għandha ssir evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali tal-każ inkwistjoni qabel ma l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU 2010, C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    ( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2008 L 348, p. 98) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”). Użajt l-espressjoni “it-territorju tal-Istati Membri” billi l-frażi tintuża fid-Direttiva dwar ir-ritorn sabiex tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tat-territorju tagħha. Din id-direttiva ma tapplikax għall-Irlanda u għar-Renju Unit. Għall-kuntrarju, tapplika għad-Danimarka u l-Liechtenstein, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvizzera. Referenzi għat-“territorju tal-Istati Membri” fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-ritorn, għandhom jinftiehmu f’dan is-sens.

    ( 4 ) L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), huwa d-dritt li jikkorrispondi għall-Artikolu 7 tal-Karta.

    ( 5 ) L-Artikolu 52(7) tal-Karta jipprovdi li l-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni tal-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati tal-Unjoni u mill-qrati tal-Istati Membri (Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) (ĠU 2007, C 303, p. 17).

    ( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

    ( 7 ) Ara l-Artikolu 1, dawn il-persuni huma benefiċjarji għall-finijiet tad-Direttiva 2004/38 kif jingħad fl-Artikolu 3(1).

    ( 8 ) Premessa 5.

    ( 9 ) Premessa 6.

    ( 10 ) Premessa 22.

    ( 11 ) Premessa 24.

    ( 12 ) Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) jew dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (u l-membri tal-familja tagħhom) li jgawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-UE abbażi ta’ ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-pajjiż terz ikkonċernat huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-ritorn, abbażi tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (ĠU 2006, L 105, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”). Dan ir-Regolament ġie mħassar u ssostitwit mill-11 ta’ April 2016 bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU 2016, L 77, p. 1). Il-kontenut tal-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament baqa’ l-istess bħall-predeċessur tiegħu.

    ( 13 ) Il-kundizzjonijiet għad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal soġġorni previsti fit-territorju tal-Unjoni għal mhux iktar minn 90 jum fuq kull perijodu ta’ 180 jum huma pprovduti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen [issa l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399]. Essenzjalment il-kundizzjonijiet huma li l-persuna kkonċernata tkun fil-pussess ta’ dokument tal-ivjaġġar validu u ta’ viża, li huwa jista’ jiġġustifika l-għan u l-kundizzjonijiet għas-soġġorn previst, li ma huwiex persuna li għaliha kien inħareġ allert fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, u li ma jitqiesx bħala theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà interna, għas-saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri.

    ( 14 ) Dan ir-rekwiżit huwa suġġett għall-eċċezzjonijiet segwenti. Stati Membri jistgħu jibqgħu lura milli jagħtu deċiżjoni ta’ ritorn meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz: għandu permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor [Artikolu 6(2)]; jittieħed lura minn Stat Membru skont ftehimiet jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar ir-ritorn [Artikolu 6(4)]; jew huwa suġġett għal proċedura pendenti għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu jew tagħha jew ta’ permess ieħor li joffri dritt ta’ soġġorn [Artikolu 6(5)].

    ( 15 ) Nixtieq nirrimarka tliet punti lingwistiċi rigward it-test ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-ewwel nett, ser nirreferi sempliċiment għal “riunifikazzjoni tal-familja” sabiex tkopri l-applikazzjonijiet magħmula mis-seba’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-kawża prinċipali. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tuża l-espressjoni “ċittadin statiku tal-Unjoni” sabiex tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-membri tal-familja taċ-ċittadin Belġjan fil-kawżi inkwistjoni. It-tielet nett, f’ċerti każijiet fil-kawża prinċipali l-awtoritajiet kompetenti ma offrewx terminu għat-tluq volontarju liċ-ċittadin tal-pajjiż terz. Dawn id-deċiżjonijiet kienu bbażati, inter alia, fuq il-fatt li l-persuna kkonċernata toħloq riskju għall-ordni pubbliku [Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar ir-ritorn]. Diġà semmejt li l-kunċett ta’ “public policy” użat fil-verżjoni Ingliża huwa deskritt b’mod iktar korrett bħala “public order”. It-test Franċiż ta’ din id-direttiva u verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw il-frażi “ordre public”. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ouhrami, C‑225/16, EU:C:2017:398, punt 69 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 59.

    ( 16 ) Skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, is-seba’ rikorrenti kollha huma meqjusa bħala membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni għall-finijiet ta’ dritt nazzjonali. Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.

    ( 17 ) L-ordni ta’ tluq u l-projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ ħames snin ġew imposti abbażi tal-fatt li s-Sur R.I. kien ta età falza b’mod frawdolenti u kien iddikjara lilu nnifsu li huwa minuri mhux akkumpanjat meta fil-fatt kien adult fil-mument li ppreżenta applikazzjoni preċedenti li biha talab id-dħul fil-Belġju.

    ( 18 ) L-ordni ta’ tluq ma pprovdietx terminu għat-tluq volontarju. Ġiet imposta projbizzjoni ta’ dħul assoċjata għal perijodu ta’ tliet snin. Ir-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet kienu li s-Sinjura M.J. kienet naqset milli tikkonforma ruħha ma’ ordni preċedenti sabiex titlaq mill-Belġju, li kien sar rapport uffiċjali kontra tagħha minħabba offiżi fuq il-persuna u li kien hemm riskju li tista’ taħrab. Għalhekk, is-Sinjura M.J. ġiet deskritta bħala theddida għall-ordni pubbliku.

    ( 19 ) L-ordni ta’ tluq u l-projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ tliet snin ġew imposti abbażi tal-fatt li s-Sinjura N.N.N. kienet naqset milli tikkonforma ruħha ma’ ordni preċedenti sabiex titlaq mill-Belġju.

    ( 20 ) L-ordni ta’ tluq ma pprovdietx terminu għat-tluq volontarju. Ġiet imposta projbizzjoni ta’ dħul assoċjata għal perijodu ta’ tmien snin. Ir-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet kienu li s-Sur O.I.O. kien naqas milli jikkonforma ruħu ma’ ordnijiet ta’ tluq preċedenti. Ġie meqjus li huwa kien jirrappreżenta theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali fid-dawl tal-fatt li huwa nstab ħati għal reati kriminali serji, kif muri mill-kundanni għal vjolenza domestika li għalihom ġew imposti pieni ta’ priġunerija.

    ( 21 ) L-ordni ta’ tluq ma pprovdietx terminu għat-tluq volontarju. Ġiet imposta projbizzjoni ta’ dħul assoċjata għal perijodu ta’ tliet snin. Ir-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet kienu li s-Sinjura K.A. kienet naqset milli tikkonforma ruħha ma’ ordni ta’ tluq preċedenti u li ġie meqjus li hija tirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku, peress li ġiet arrestata minħabba serq minn ħwienet. Uliedha huma wkoll imsemmija fl-ordni ta’ tluq mill-Belġju u fil-projbizzjoni ta’ dħul assoċjata.

    ( 22 ) L-ordni ta’ tluq ma pprovdietx terminu għat-tluq volontarju. Ġiet imposta projbizzjoni ta’ dħul assoċjata għal perijodu ta’ tliet snin. Ir-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet kienu li s-Sur M.Z. kien naqas milli jikkonforma ruħi ma’ ordni ta’ tluq preċedenti u li ġie meqjus li huwa jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku, peress li kien sar rapport uffiċjali kontrih rigward serq bi żgass f’garaxx.

    ( 23 ) Is-Sur B.A. u l-koabitanta tiegħu ifformalizzaw ir-relazzjoni tagħhom permezz ta’ kuntratt ta’ koabitazzjoni quddiem nutar. L-ordni ta’ tluq u l-projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ tliet snin ġew imposti abbażi tal-fatt li s-Sur B.A. kien naqas milli jikkonforma ruħu ma’ ordni ta’ tluq preċedenti.

    ( 24 ) F’kull wieħed mis-seba’ każijiet l-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ġew ippreżentati wara d-data tal-ordnijiet ta’ espulsjoni.

    ( 25 ) Ara l-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq.

    ( 26 ) L-Artikolu 11(3) tad-Direttiva dwar ir-ritorn juża l-espressjoni “l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul”. Ninterpreta l-kliem “opheffing of opschorting” użat mill-qorti tar-rinviju fid-domandi prelimianri fis-sens li jirreferi għal deċiżjoni li tirtira jew tissospendi (“intrekking of schorsing”) projbizzjoni ta’ dħul kif previst f’din id-dispożizzjoni tad-direttiva.

    ( 27 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124).

    ( 28 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li hemm żewġ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali. l-ewwel waħda tikkonċerna raġunijiet mediċi, it-tieni waħda tirrigwarda applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

    ( 29 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Ogieriakhi (C‑244/13, EU:C:2014:2068, punti 3839).

    ( 30 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punti 54).

    ( 31 ) Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 56).

    ( 32 ) Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354). Din l-aħħar kawża kienet għadha pendenti meta l-qorti tar-rinviju ppreżentat id-deċiżjoni għar-rinviju.

    ( 33 ) Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675), u CS (C‑304/14, EU:C:2016:674). Dawn il-kawżi kienu għadhom pendenti meta l-qorti tar-rinviju ppreżentat id-deċiżjoni għar-rinviju.

    ( 34 ) Ara l-punt 6 iktar ’il fuq u ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punti 50, u 52 sa 54).

    ( 35 ) Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224). Din id-direttiva tapplika għal sponsors: jiġifieri, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru u li japplikaw, jew il-familjari tagħhom japplikaw, għal riunifikazzjoni tal-familja sabiex jingħaqdu miegħu jew magħha. Il-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva [Artikolu 3(3)]. L-Artikolu 5 jipprovdi għas-sottomissjoni u għall-eżami ta’ applikazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86, ara l-punt 56 iktar ’l isfel.

    ( 36 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 41 sa 43).

    ( 37 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011 (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 66). Ir-referenza għat-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu fil-kuntest tal-Artikolu 20 TFUE tirreferi għat-28 Stat Membru (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq).

    ( 38 ) Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017 (C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 60 sa 65).

    ( 39 ) Sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 40 ) Ara s-sentenzi iktar reċenti tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 74), u CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 29).

    ( 41 ) Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 47).

    ( 42 ) Ara l-punti 10, 12 u 14 iktar ’il fuq. Deċiżjonijiet ta’ ritorn mhux neċessarjament dejjem ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni ta’ dħul. L-Artikolu 6(6) jippermetti Stati Membri li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn u projbizzjoni ta’ dħul fl-istess ħin, iżda huwa ċar mill-istruttura ġenerali tad-direttiva li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma separati. Deċiżjoni ta’ ritorn tirriżulta mill-fatt li s-soġġorn oriġinali huwa illegali filwaqt li projbizzjoni ta’ dħul tapplika għal kull soġġorn sussegwenti, li tirrendi dan tal-aħħar illegali. Ara l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar ir-ritorn u ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 50).

    ( 43 ) Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 63).

    ( 44 ) Ara l-punt 60 iktar ’l isfel.

    ( 45 ) Ara l-punti 40 u 41.

    ( 46 ) Artikolu 51(1) tal-Karta, ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 78).

    ( 47 ) Ara l-punti 2 u 3 iktar ’il fuq.

    ( 48 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 80).

    ( 49 ) Ara wkoll il-punt 33 iktar ’il fuq.

    ( 50 ) Permezz tal-Artikolu 5(3), ir-regola ġenerali hija li applikazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu sottomessi u eżaminati meta l-membri tal-familja jirrisjedu ’l barra mit-territorju tal-Istat Membru fejn jirrisjedi l-isponsor. Madankollu, “permezz ta’ deroga, Stat Membru jista’, f’ċirkostanzi xierqa, jaċċetta applikazzjoni sottomessa meta l-membri tal-familja jkunu diġa fit-territorju tiegħu”.

    ( 51 ) L-Istati Membri kollha huma firmatarji għall-KEDB, li fl-Artikolu 8 tistabbilixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja. Din id-dispożizzjoni tkun rilevanti għal xi aspett minn dawn is-seba’ każijiet li ġew meqjusa li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 79).

    ( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tat-3 ta’ Novembru 2011, Arvelo Aponte vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2011:1103JUD002877005, punti 57 u 58).

    ( 53 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 99).

    ( 54 ) Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.

    ( 55 ) L-ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 7 tal-Karta tindika li d-drittijiet iggarantiti fih jikkorrispondu ma’ dawk tal-Artikolu 8 tal-KEDB li jipprovdi li kulħadd għandu dritt għar-rispett, inter alia, tal-ħajja tal-familja tiegħu [Artikolu 8(1)]. Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt “ħlief dak li jkun skont il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor” [Artikolu 8(2)].

    ( 56 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat-3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2014:1003JUD001273810, punti 106 sa 109).

    ( 57 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat-3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2014:1003JUD001273810,punti 115 sa 121).

    ( 58 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 68).

    ( 59 ) Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 68 sa 70).

    ( 60 ) Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Lulju 2014, Ogieriakhi (C‑244/13, EU:C:2014:2068), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet b’mod partikolari għall-Artikoli 7(2) u 16(1) tad-Direttiva 2004/38. Din l-aħħar dispożizzjoni tikkonferixxi dritt għal residenza permanenti lil ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru ospitanti għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin u li għandhom id-dritt għal residenza permanenti hemm. Skont l-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva, membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li rrisjedew legalment ma’ dak iċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti jistgħu wkoll jitolbu d-dritt għal residenza permanenti. Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punti 56 sa 59 u l-punt 6 iktar ’il fuq).

    ( 61 ) Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 62 ) Ara l-punt 61 iktar ’il fuq.

    ( 63 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tat-3 ta’ Novembru 2011, Arvelo Aponte vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2011:1103JUD002877005, punt 60).

    ( 64 ) Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.

    ( 65 ) Ara l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar ir-ritorn u l-punt 44 flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 iktar ’il fuq.

    ( 66 ) Projbizzjoni ta’ dħul tista’ teċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżenta theddida serja, inter alia, għall-ordni pubbliku [Artikolu 11(2)].

    ( 67 ) Sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punti 7273), u tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 44).

    ( 68 ) Ara l-premessi 5 u 6 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

    ( 69 ) Ara l-premessa 22 tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

    ( 70 ) Ara l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva dwar ir-ritorn. Ara wkoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-ritorn u s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 4950).

    ( 71 ) Ara l-Artikolu 10 u l-premessa 6 tad-Direttiva dwar ir-ritorn. Ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 62).

    ( 72 ) Dan huwa kkonfermat mid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-eċċezzjoni għar-regola ġenerali li Stati Membri għandhom jagħtu deċiżjonijiet ta’ ritorn lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw illegalment fit-territorju tagħhom, kif previst fl-Artikolu 6(4). Ara wkoll id-dispożizzjonijiet dwar it-tluq volontarju fl-Artikolu 7(2) u s-salvagwardji proċedurali fil-Kapitolu III tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

    ( 73 ) Ara l-punti 61 sa 63 iktar ’il fuq.

    ( 74 ) Naturalment, id-Direttiva dwar ir-ritorn tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali, ara l-premessa 24.

    ( 75 ) Ara b’analoġija s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 70).

    ( 76 ) Ir-relazzjoni parentali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma’ wild tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni ma hijiex fiha nnifisha suffiċjenti: ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 50 sa 52). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 71).

    ( 77 ) Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 39).

    ( 78 ) Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 69).

    ( 79 ) Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 55).

    ( 80 ) Ara l-punt 14 iktar ’il fuq.

    ( 81 ) Ara l-punti 18 u 19.

    ( 82 ) Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590, punti 4551).

    ( 83 ) Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 53).

    ( 84 ) L-awtoritajiet kompetenti responsabbli minn applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-implementazzjoni tar-regoli tal-immigrazzjoni mhux neċessarjament ikunu l-istess. Bl-istess mod, ma jsegwix li applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja milqugħa awtomatikament tinvalida jew tannulla deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti. L-istatus ta’ immigrazzjoni ta’ individwu kkonċernat jista’ jiġi rregolarizzat fi proċedura amministrattiva separata, skont ir-regoli nazzjonali rilevanti.

    Top