EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0015

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-12 ta’ Diċembru 2017.
Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht vs Ewald Baumeister.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 54(1) – Portata tal-obbligu ta’ sigriet professjonali li jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza finanzjarja – Kunċett ta’ ‘informazzjoni kunfidenzjali’.
Kawża C-15/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:958

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-12 ta’ Diċembru 2017 ( 1 )

Kawża C-15/16

Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht

vs

Ewald Baumeister,

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Swieq tal-istrumenti finanzjarji – Aċċess għall-informazzjoni fil-pussess tal-awtorità ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji li jikkonċernaw impriża ssorveljata – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 54, paragrafu 1 – Kunċetti ta’ “segretezza [sigriet] professjonali” u ta’ “tagħrif [informazzjoni kunfidenzjali]””

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39/KE ( 2 ), għal dak li jikkonċerna l-portata tal-obbligu tas-sigriet professjonali li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji u l-kunċett ta’ “tagħrif [informazzjoni] kunfidenzjali”, ħaġa li twassalha biex tikkompleta l-ġurisprudenza tagħha li rriżultat mis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et ( 3 ).

2.

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Ewald Baumeister u l-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (uffiċċju federali tas-sorveljanza tas-servizzi finanzjarji, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BaFin”) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjuta, lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-aċċess għal ċerti dokumenti li jikkonċernaw il-kumpannija Phoenix Kapitaldienst GmbH (iktar ’il quddiem “Phoenix”).

3.

Fi tmiem l-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex, fid-dawl tal-ispeċifiċità tas-sorveljanza tas-swieq finanzjarji, tagħti l-iktar portata wiesgħa possibbli lill-kunċetti ta’ “tagħrif kunfidenzjali” u tas-“segretezza [sigriet] professjonali” billi tiddikjara li l-informazzjoni kollha, inkluż il-korrispondenzi u dikjarazzjonijiet, dwar impriża ssorveljata li tirċievi jew jinkitbu minn awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji jaqgħu, mingħajr ebda kundizzjoni oħra, taħt il-kunċett ta’ “tagħrif [kunfidenzjali]” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 u huma, għaldaqstant, protetti mis-sigriet professjonali bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 54(1) ta’ dik id-direttiva.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

Il-premessi 2, 63 u 71 tad-Direttiva 2004/39 jipprovdu:

“(2)

[…] [H]uwa meħtieġ li jiġi pprovvdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex id-ditti tal-nvestiment jitħallew jipprovdu servizzi ġewwa l-Komunità kollha, ġaladarba hi Suq Waħdieni, fuq il-bażi tas-sorveljanza tal-[Istat Membru tal-oriġini].

[…]

(63)

[…] Minħabba l-attività tiżdied li taqsam il-fruntieri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lil xulxin it-tagħrif rilevanti sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, sabiex jiżguraw l-infurzar effettiv ta’ din id-Direttiva, inklużi s-sitwazzjonijiet meta l-kontravenzjonijiet jew il-kontravenzjonijiet issuspettati jistgħu jkunu ta’ tħassib lill-awtoritajiet f’żewġ Stati Membri jew iktar. Fl-iskambju tat-tagħrif, hija meħtieġa segretezza stretta professjonali sabiex tiġi żgurata t-trasmissjoni bla xkiel ta’ dan it-tagħrif u għall-protezzjoni ta’ drittijiet partikolari.

[…]

(71)

Il-għan li jinħoloq suq finanzjarju integrat, li fih l-investituri jiġu protetti b’mod effettiv u li jiġu ssalvagwardati l-effikaċja u l-integrità tas-suq ġenerali, jeħtieġ li jiġu stabiliti ħtiġiet regolatorji komuni li jkollhom x’jaqsmu mad-ditti tal-invesdtiment kulfejn ikunu awtorizzati fil-Komunità u li jirregolaw il-funzjonament tas-swieq regolati u sistemi oħra tal-kummerċ sabiex jiġu pprevenuti l-opaċità jew id-diżordni f’suq milli jimminaw l-operat effiċjenti tas-sistema finanzjarja Ewropea kollha. […]”

5.

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Obbligu ġenerali rigward is-sorveljanza kontinwa”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-attivitajiet tad-ditti tal-investiment sabiex jistmaw il-konformità mal-kondizzjonijiet operatorji pprovvduti f’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jkunu fil-post miżuri approprjati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti jiksbu t-tagħrif meħtieġ sabiex jistmaw il-konformità tad-ditti tal-investiment ma’ dawn l-obbligi”.

6.

L-Artikolu 54 tal-istess direttiva, intitolat “Is-Segretezza professjonali”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, il-persuni kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti skond l-Artikolu 48(2), kif ukoll l-awdituri u l-esperti mogħtija struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, jkunu marbuta l-obbligu tas-segretezza professjonali. Ma jista’ jiġi żvelat l-ebda tagħrif li jistgħu jirċievu fil-kors tad-dmirijiet tagħhom lill-ebda persuna jew awtorità, ikunu xi jkunu, għajr f’għamla sommarja u aggregata hekk li d-ditti individwali tal-investiment jew kull persuna oħra ma jistgħux jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali jew bid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva.

2.   Meta ditta tal-investment, operatur tas-suq jew suq regolat ikunu ġew iddikjarati falluti, jew jagħlqu l-kummerċ bil-fors, jista’ jiġi żvelat it-tagħrif kunfidenzali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali jekk meħtieġ sabiex jitwettaq il-proċediment.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali, l-awtoritajiet kompetenti, il-korpi jew il-persuni naturali jew legali għajr l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu tagħrif kunfidenzali skont din id-Direttiva jistgħu jużawh biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti, gewwa l-iskop ta’ din id-Direttiva jew, fil-każ tal-awtoritajiet, il-korpi jew il-persuni naturali u legali l-oħra bil-għan li għalih dan it-tagħrif ikun ġie pprovvdut lilhom u/jew fil-kuntest ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji li jkollhom x’jaqsmu b’mod speċifiku mal-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet. Madankollu, meta l-awtorità kompetenti jew kull awtorità, korp jew persuna oħra li jikkomunikaw it-tagħrif jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan, l-awtorità li tirċievi t-tagħrif tista’ tużah għal għanijiet oħra.

4.   Kull tagħrif kunfidenzali rċevut, skambjat jew trasmess skont din id-Direttiva għandu jkun bla ħsara għall-kondizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabiliti f’dan l-Artikolu. Madankollu, dan l-Artikolu ma għandux jipprevjieni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu tagħrif kunfidenzali skond din id-Direttiva u d-Direttivi l-oħra li japplikaw għad-ditti ta’ l-investment, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-fondi tal-pensjonijiet, l-UCITS, l-intermedjarji ta’ l-assigurazzjoni u ta’ l-assigurazzjoni mill-ġdid, l-impriżi ta’ l-asikurazzjoni, is-swieq irregolati jew l-operaturi tas-suq jew inkella bil-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti jew awtorità jew korp jew persuna naturali jew legali oħra li jkunu kkomunikaw dan it-tagħrif.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux jippevjieni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu skont il-liġijiet nazzjonali, it-tagħrif kunfidenzali li ma jkunx ġie rċevut minn għand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor”.

7.

L-Artikolu 56 tad-Direttiva 2004/39, intitolat “L-Obbligu tal-koperazzjoni”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti għandhom jikkoperaw ma’ xulxin kulmeta meħtieġ bil-għan li jwettqu d-dmirijiet tagħhom u jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom skont din id-Direttiva sewwa jekk iddikjarati f’din id-Direttiva jew fil-liġijiet nazzjonali.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra. B’mod partikolari, għandhom jiskambjaw it-tagħrif u jikkoperaw f’kull investigazzjoni jew attivitajiet tas-sorveljanza

[…]”.

B.   Id-dritt Ġermaniż

8.

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż applikabbli huma dawk tal-Infomationsfreiheitsgesetz (liġi dwar il-libertà tal-informazzjoni), tal-5 ta’ Settembru 2005 ( 4 ), kif emendata bil-liġi tas-7 ta’ Awwissu 2013 ( 5 ), (iktar ’il quddiem l-“IFG”), kif ukoll tal-Kreditwesengesetz (liġi dwar is-settur tal-kreditu), tad-9 ta’ Settembru 1998 ( 6 ), kif emendata bil-liġi tal-4 ta’ Lulju 2013 ( 7 ), (iktar ’il quddiem il-“KWG”).

9.

L-Artikolu 1(1) tal-IFG jipprovdi:

“Kulħadd jista’ jinvoka mal-awtoritajiet federali, fiċ-ċirkustanzi previsti minn din il-liġi, id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni uffiċjali”.

10.

Skont l-Artikolu 3 tal-IFG, intitolat “Protezzjoni tal-interessi pubbliċi partikolari”:

“Id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ma jeżistix

1.   meta l-komunikazzjoni tal-informazzjoni tista’ jkollha konsegwenzi negattivi fuq

[…]

d)

il-missjonijiet ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tal-awtoritajiet fiskali, tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni u tal-awtoritajiet regolatorji

[…]

4.   meta l-informazzjoni tkun koperta bis-sigriet professjonali jew bis-sigriet tas-servizz jew anki b’obbligu tas-segretezza jew ta’ kunfidenzjalità prevista minn liġi jew minn dispożizzjonijiet amministrattivi ġenerali relattivi għall-protezzjoni materjali u organizzattiva tal-informazzjoni klassifikata.”

11.

L-Artikolu 5 tal-IFG jiggarantixxi l-“[p]rotezzjoni tad-data ta’ natura personali” filwaqt li l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jirrigwarda l-“[p]rotezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tas-sigrieti kummerċjali u sigrieti tan-negozju”.

12.

L-Artikolu 9 tal-KWG, intitolat “Obbligu ta’ kunfidenzjalità”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuni impjegati mill-[BaFin], sa fejn [huma] jaġixxu għall-iskopijiet tal-implementeazzjoni ta’ din il-liġi, ma għandhomx id-dritt li jiżvelaw jew li jużaw mingħajr permess fatti li tagħhom [huma] kellhom għarfien waqt xogħolhom u li l-istabbiliment tal-kreditu jew terza persuna għandhom interess jippriżervaw il-kunfidenzjalità, b’mod partikolari s-sigrieti industrijali u kummerċjali, inkluż meta [huma] ma jibqgħux fis-servizz jew meta l-attività tagħhom tintemm. Id-dispożizzjonijiet tal-[Bundesdatenschutzgesetz (liġi federali dwar il-protezzjoni tad-data)), tal-20 ta’ Diċembru 1990 ( 8 )], li l-istabbilimenti ta’ kreditu u l-impriżi kkontrollati għandhom josservaw, ma humiex affettwati minn din id-dispożizzjoni […]”.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.

E. Baumeister huwa wieħed mill-investituri leżi mill-attivitajiet frawdolenti ta’ Phoenix. Matul is-sena 2005, inbdiet proċedura ta’ insolvenza kontra din tal-aħħar, wara li ġie żvelat li l-mudell ta’ finanzjament tagħha kien ibbażat fuq skema piramidali frawdolenti.

14.

E. Baumeister ippreżenta, skont l-Artikolu 1(1) tal-IFG, talba għall-aċċess għal ċerti dokumenti dwar Phoenix, jiġifieri r-rapport ta’ verifika speċjali, ir-rapporti tal-awdituri, id-dokumenti interni, ir-rapporti u l-korrispondenza, irċevuti jew miktuba mill-BaFin fil-kuntest tal-attività tagħha għas-sorveljanza ta’ din il-kumpannija. Il-BaFin irrifjutat li tilqa’ din it-talba.

15.

Fit-12 ta’ Marzu 2008, il-Verwaltungsgericht (qorti amministrattiva, il-Ġermanja) ordnat lill-BaFin li tagħti l-aċċess għad-dokumenti mitluba, sa fejn dawn ma kienx fihom xi sigrieti industrijali jew kummerċjali.

16.

Fit-28 ta’ April 2010, matul il-proċedura fl-appell, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri, il-Ġermanja) ordnat il-preżentazzjoni tal-fajls sabiex teżamina l-fondatezza tal-motivi ta’ rifjut invokati mill-BaFin. Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Bundesministerium der Finanzen (ministeru federali tal-finanzi, il-Ġermanja), fil-kwalità tiegħu bħala awtorità ta’ protezzjoni, irrifjuta li jibgħat id-dokumenti mitluba.

17.

Fit-12 ta’ Jannar 2012, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri) iddikjarat li dak ir-rifjut kien ivvizzjat b’illegalità. B’digriet tal-5 ta’ April 2013, l-awla speċjalizzata tal-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati kontra d-digrieti tat-12 ta’ Jannar 2012 mill-konvenuta u mill-ministeru federali tal-finanzi. Fil-kuntest ta’ proċedura parallela, li fiha l-ministeru federali tal-finanzi kien ħareġ, fl-24 ta’ Ottubru 2011, dikjarazzjoni ta’ rifjut iktar dettaljata li tirreferi għad-diversi elementi li jinsabu fil-proċess, l-awla speċjalizzata tal-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali), fuq talba tar-rikorrenti f’dik il-proċedura parallela, irriformat, b’digriet tal-5 ta’ April 2013, id-digriet tal-awla speċjalizzata tal-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri) tad-9 ta’ Marzu 2012 u ddeċidiet li r-rifjut li tippreżenta l-fajl ma kienx kompletament ivvizzjat b’illegalità, imma biss parzjalment.

18.

Fid-29 ta’ Novembru 2013, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri) iddeċidiet li E. Baumeister kellu dritt għall-aċċess għad-dokumenti li huwa talab, skont l-Artikolu 1(1) tal-IFG. B’kuntrast ma’ dak li sostniet il-BaFin, ma kienx hemm lok li jiġi rrifjutat l-aċċess b’mod ġenerali b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 3(4) tal-IFG u tal-Artikolu 9 tal-KWG. Skont il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri), huma s-sigrieti industrijali u kummerċjali, li għandhom jiġu identifikati individwalment u b’mod konkret, li kienu jeħtieġu l-protezzjoni, kif ukoll id-data personali ta’ terzi fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-IFG. Issa, il-BaFin ma kinitx esponiet suffiċjentement li, f’dan il-każ, kien hemm data li teħtieġ protezzjoni, u llimitat ruħha li taffermaha b’mod ġenerali.

19.

Barra minn hekk, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri) ikkunsidrat li ma toħroġ ebda soluzzjoni oħra mid-dritt tal-Unjoni, inkwantu dan ma jeżiġix li l-awtorità ta’ sorveljanza tkun marbuta b’obbligu assolut ta’ kunfidenzjalità li jkun dejjem ta’ ostaklu għall-obbligu li jingħata aċċess għad-dokumenti. Id-dritt tar-rikorrent lanqas ma jidħol f’kunflitt mal-eventwali drittijiet ta’ Phoenix fil-kwalità tagħha ta’ debitriċi falluta jew tal-mandatarju likwidatur imdaħħal fil-każ.

20.

Il-BaFin ippreżentat appell għal “reviżjoni” minn din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar issostni li d-deċiżjoni tagħha li trid tingħata tiddependi mill-eżami ta’ diversi domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/39, li ma ġewx eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et ( 9 ).

21.

F’dan ir-rigward, il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) tirrileva li l-portata li l-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri) irrikonoxxiet lill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 9(1) tal-KWG hija ristretta wisq minn żewġ aspetti.

22.

Min-naħa, l-Artikolu 9(1) tal-KWG ma jkoprix biss is-sigrieti industrijali u kummerċjali, li jissemmew biss bħala eżempji, kif ukoll id-data personali, imma b’mod ġenerali l-fatti kollha li ma humiex pubbliċi, li għalihom għandhom aċċess ċirku ta’ persuni ristretti, u li l-impriża ssorveljata jew terza persuna għandhom interess li jippriżervaw il-kunfidenzjalità. Dan huwa l-każ mhux biss tas-sigrieti industrijali u kummerċjali li l-iżvelar tagħhom jista’ jaffettwa l-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża attiva fis-suq, imma wkoll, b’mod partikolari, l-informazzjoni ta’ stabbiliment insolventi (bħalma huma dawk fuq il-kanali ta’ distribuzzjoni u d-data tal-klijenti) b’valur patrimonjali li jista’ jkun realizzat għall-benefiċċju tal-kredituri.

23.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(1) tal-KWG jipproteġi wkoll, lil hinn mill-formulazzjoni tiegħu, id-dikjarazzjonijiet u l-informazzjoni li hija biss il-BaFin li għandha interess leġittimu tippriżerva l-kunfidenzjalità tagħhom. Dan joħroġ mill-għan tal-implementazzjoni ta’ sorveljanza effikaċi tal-attività tal-impriżi ta’ investiment imfittex mid-Direttiva 2004/39. Is-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu għaldaqstant jestendi għad-dokumenti li jaqgħu taħt is-sigriet imsejjaħ “prudenzjali”.

24.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 tqajjem ukoll mistoqsijiet oħra li jeħtieġ li jiġu eżaminati.

25.

L-ewwel nett, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 9(1) tal-KWG għandux jiġi interpretat, skont id-dritt tal-Unjoni, fis-sens li jagħti portata usa’ lill-obbligu ta’ kunfidenzjalità u jippermetti li jikkwalifika l-elementi tal-proċess bħala “kunfidenzjali” jew le skont karatteristiċi purament formali.

26.

Il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “sigriet professjonali” fid-dritt tal-Unjoni ma tipprovdi ebda bażi biex l-informazzjoni kunfidenzjali u s-sigriet professjonali jitqiesu li jagħtu importanza determinanti lill-provenjenza tal-informazzjoni u li ma tiddependi minn ebda evalwazzjoni oħra u lanqas klassifikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-impriża minħabba l-kontenut u l-konsegwenzi tagħhom, b’mod partikolari, dawk ekonomiċi, tal-eventwali żvelar. Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għal tliet kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea f’kawżi li jirrigwardaw id-dritt tal-kompetizzjoni u dan biex l-informazzjoni tkun tista’ tkun protetta mis-sigriet professjonali. Madankollu, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-sorveljanza tas-swieq finanzjarji, fejn il-kooperazzjoni b’kunfidenza sħiħa bejn l-istabbilimenti ta’ kreditu ssorveljati u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza hija indispensabbli, huwa possibbli, skont il-qorti tar-rinviju, li jkunu rrinunzjati l-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ preġudizzju li tirriżulta mill-iżvelar u dwar l-interess li oġġettivament jeħtieġlu protezzjoni.

27.

Imbagħad, f’każ fejn kriterji daqshekk ġenerali biex jiġi stabbilit liema elementi mill-fajl jaqgħu taħt is-sigriet professjonali ma humiex kompatibbli mad-Direttiva 2004/39, għandu jiġi ċċarat liema huma r-rekwiżiti li joħorġu minn din id-direttiva sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ sigriet professjonali.

28.

B’mod partikolari, meħud kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 10 ), il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk, min-naħa, għandux jingħad b’mod argumentat li, fil-każ konkret, l-iżvelar tal-informazzjoni jippreġudika l-interess li jeħtieġ protezzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk teżistix, fil-qasam tas-sorveljanza tas-settur finanzjarju, preżunzjoni ekwivalenti għal dik stabbilita fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001 li, skontha, l-iżvelar tad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-impriżi jippreġudika, ġeneralment, kemm il-protezzjoni tal-għanijiet imfittxija mill-investigazzjoni kif ukoll is-salvagwardja tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

29.

Fl-aħħar nett, tqum il-kwistjoni dwar kemm l-informazzjoni tibqa’ koperta bis-sigriet professjonali. Skont il-qorti tar-rinviju, il-livell ta’ ħtieġa ta’ protezzjoni għall-informazzjoni kunfidenzjali għandu jonqos maż-żmien. Madankollu, il-karatteristiċi partikolari tas-sorveljanza tas-swieq finanzjarji jistgħu jiġġustifikaw evalwazzjoni differenti, li tkun marbuta biss mal-klassifikazzjoni tas-“sigriet kummerċjali” irċevut mill-informazzjoni inizjalment, jiġifieri, waqt il-komunikazzjoni ta’ dik l-informazzjoni lill-awtorità ta’ sorveljanza.

30.

Jekk, min-naħa l-oħra, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tibdiliet fis-sitwazzjoni minħabba ż-żmien li jgħaddi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk huwiex possibbli li wieħed jippreżumi li, wara ċertu żmien, l-informazzjoni tilfet in-natura ta’ attwalità tagħha li tagħtiha l-valur ekonomiku tagħha fil-kuntest ta’ suq kompetittiv. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl fil-każijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni ( 11 ), li ġiet approvata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali. Minnha jirriżulta li ma għandhiex titqies kunfidenzjali dik l-informazzjoni li ilha ħames snin jew iktar u għandha, minħabba f’hekk, titqies bħala storika, sakemm il-persuna interessata ma turix li minkejja ż-żmien tagħha, din l-informazzjoni għad għandha elementi essenzjali fuq il-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew dik ta’ terzi persuni.

31.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

a)

L-informazzjoni kollha dwar l-impriża li tiġi kkomunikata mill-impriża ssorveljata lill-awtorità ta’ sorveljanza taqa’, indipendentement minn kundizzjonijiet oħra, taħt il-kunċett ta’ “tagħrif [informazzjoni kunfidenzjali]” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39/KE […], u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ sigriet professjonali skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 54(1) tal-imsemmija direttiva?

b)

Id-dikjarazzjonijiet kollha tal-awtorità ta’ sorveljanza li jinsabu fil-fajl, inkluża l-korrispondenza tagħha ma’ dipartimenti oħra, jaqgħu, indipendentement minn kundizzjonijiet oħra, taħt l-obbligu ta’ kunfidenzjalità impost fuq l-awtoritajiet ta’ sorveljanza (“sigriet li jitlob il-prudenza”), li jagħmel parti mis-sigriet professjonali skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal waħda mid-domandi (a) jew (b) hawn fuq:

ċ)

Id-dispożizzjoni dwar is-sigriet professjonali li tinsab fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex informazzjoni tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali jew le,

i)

importanza deċiżiva tingħata lill-punti dwar jekk informazzjoni taqax min-natura tagħha taħt is-sigriet professjonali jew jekk l-aċċess għall-informazzjoni jistax jippreġudika konkretament u effettivament l-interess tal-kunfidenzjalità tagħha, jew

ii)

għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li fil-preżenza tagħhom l-informazzjoni taqa’ taħt is-sigriet professjonali, jew

iii)

rigward l-informazzjoni dwar l-impriża li tiġi kkomunikata mill-istabbiliment ta’ kreditu ssorveljat u li tinsab fil-fajl tal-awtorità ta’ sorveljanza kif ukoll dokumenti marbuta magħha tal-awtorità ta’ sorveljanza, din tal-aħħar tista’ tinvoka preżunzjoni konfutabbli li din hija sigriet tal-impriża jew sigriet li jitlob il-prudenza?

2)

Il-kunċett ta’ “informazzjoni kunfidenzjali” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-impriża kkomunikata lill-awtorità ta’ sorveljanza bħala sigriet tal-impriża li ħaqqu protezzjoni jew informazzjoni oħra li ħaqqha protezzjoni, l-uniku fattur rilevanti huwa d-data li fiha din ġiet ikkomunikata lill-awtorità ta’ sorveljanza?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

3)

Għandu jitqies, għall-finijiet tal-kwistjoni dwar jekk informazzjoni dwar l-impriża għandhiex tiġi protetta inkwantu sigriet tal-impriża minkejja tibdil fl-ambjent ekonomiku u taqa’ għaldaqstant taħt is-sigriet professjonali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, li jeżisti b’mod ġenerali limitu fiż-żmien – pereżempju ta’ ħames snin –, li mal-iskadenza tiegħu teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-informazzjoni tilfet il-valur ekonomiku tagħha? L-istess jgħodd għas-sigriet li jitlob il-prudenza?”

IV. L-analiżi tiegħi

32.

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni, barra minn dak li qiegħed jiġi analizzat, fihom dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-obbligu tas-sigriet professjonali simili għall-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għal dak li jikkonċerna l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Membri, tal-Artikolu 102 tad-Direttiva 2009/65/KE ( 12 ) u tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36/UE ( 13 ) kif ukoll, għal dak li jikkonċerna l-awtoritajiet ta’ sorveljanza Ewropej, l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 ( 14 ) u tal-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 ( 15 ).

33.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ppronunzjat ruħha dwar id-definizzjoni stess tas-sigriet professjonali u lanqas fuq il-limiti tal-kunċett ta’ “tagħrif [informazzjoni] kunfidenzjali” fil-kuntest tas-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji ( 16 ).

34.

Madankollu, hija kellha l-okkażjoni, kif tinnota l-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) fid-deċiżjoni ta’ rinviju, li tippronunzja ruħha dwar id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti maħruġa fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni.

35.

Għal dak li jikkonċerna, pereżempju, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħat tippreċiża, b’mod partikolari, li l-iżvelar ta’ informazzjoni marbuta mal-proċeduri ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kien il-prinċipju ( 17 ) u li, anki jekk l-impriża interessata topponi għalih, dik l-informazzjoni tista’ madankollu tkun ikkomunikata jekk hija ma tkunx tikkostitwixxi sigrieti tan-negozju ( 18 ) jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, jekk ikun hemm interess ikbar li jrendi neċessarju dak l-iżvelar ( 19 ) jew jekk dik l-informazzjoni ma kinitx, min-natura tagħha, protetta mis-sigriet professjonali. Madankollu, din l-interpretazzjoni la għandha bħala għan u lanqas bħala effett li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tippubblika l-informazzjoni dwar l-elementi li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE li ma tgawdix minn protezzjoni kontra l-pubblikazzjoni minħabba xi raġuni oħra. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fil-kuntest ta’ programmi ta’ klemenza, il-prinċipju kien fil-fatt il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ksur, sakemm dan ma jippreġudikax il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni u investigazzjoni ( 20 ).

36.

Din il-ġurisprudenza timplika li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, il-prinċipju huwa l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni u għaldaqstant l-aċċessibbiltà ampja tagħhom, sakemm ma jintweriex li dik l-informazzjoni tgawdi minn protezzjoni minħabba s-sigriet professjonali. Din l-istess loġika ġiet adottata fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 21 ).

37.

Għalkemm din l-interpretazzjoni hija perfettament valida fil-qasam tad-dritt ta’ aċċess għal ċerti dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija ma tistax madankollu tkun trasposta għall-qasam speċifiku tas-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji. Fil-fatt, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-karatteristika speċifika tas-sistema li tirregola s-sorveljanza tas-swieq finanzjarji, li tipprekludi, fil-fehma tiegħi, kull analoġija ma’ sistemi oħra previsti mid-dritt tal-Unjoni, u dan b’kuntrast ma’ dak li ssostni, b’mod partikolari, il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Hawnhekk, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-attività ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji u tal-kontenut tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 li jistabbilixxi l-prinċipju tas-sigriet professjonali kif ukoll tal-konsegwenzi prattiċi li jkollu fuq is-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji l-għoti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti fil-pussess tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Membri. Huwa effettivament impossibbli, f’dan il-qasam, li jitqabbel ma’ oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni u dan peress li l-informazzjoni miġbura, fil-kuntest tas-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji, hija għalkollox differenti minn dik fil-pussess tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’oqsma oħra, kemm fir-rigward tal-volum, tal-użu potenzjali tagħhom, tal-konsegwenzi tagħhom u tal-għanijiet tagħhom.

38.

L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji għandhom, kif jindika isimhom, missjoni essenzjali ta’ sorveljanza u ta’ kontroll fuq l-impriżi li joperaw fis-swieq finanzjarji. Sabiex iwettqu dan ix-xogħol b’mod effikaċi, dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tikkonċerna lill-impriżi li huma jikkontrollaw. Din l-informazzjoni tista’ tinġabar kemm bis-saħħa tas-setgħat ta’ nfurzar li jagħtuhom il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll bit-trażmissjoni volontarja tal-imrpiżi ssorveljati, bl-għarfien li dan it-tieni metodu konsistenti fil-kooperazzjoni bejn dawn l-impriżi u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza huwa ppreferut. Din il-kollaborazzjoni neċessarja bejn l-entitajiet issorveljati u l-awtoritajiet kompetenti tiġġustifika l-eżistenza ta’ obbligu ta’ sigriet professjonali impost fuq dawk l-awtoritajiet, peress li, mingħajr dan l-obbligu, l-informazzjoni neċessarja għas-superviżjoni ma tkunx ikkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti mill-impriżi ssorveljati mingħajr retiċenza jew reżistenza ( 22 ).

39.

Dan l-obbligu tas-sigriet professjonali storikament ħa l-importanza tiegħu bl-internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet finanzjarji u n-neċessità li jiġu ffaċilitati l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tad-diversi Stati Membri bil-għan li jkun hemm sorveljanza effikaċi tal-operazzjonijiet transkonfinali fi ħdan is-suq intern ( 23 ). Biex jagħmel dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa r-rekwiżiti marbutin mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata mill-Ewwel Direttiva 77/780/KEE ( 24 ) biex stabbilixxa l-prinċipju tas-sigriet professjonali li, sa dakinhar, kien jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali biss. Għalkemm il-kuntest ġuridiku hekk stabbilit ġie rivedut permezz tad-Direttiva 2004/39, u sussegwentement mit-testi sussegwenti, l-obbligi tas-sigriet professjonali u tal-kunfidenzjalità previsti fl-Artikolu 54 tagħha baqgħu, madankollu, kważi intatti ( 25 ).

40.

Għaldaqstant, il-kwistjoni kollha ddur fuq id-determinazzjoni ta’ firxa xi ftit jew wisq wiesgħa li tkopri l-informazzjoni li għandha tiġi kklassifikata bħala “kunfidenzjali” u li għandha tkun protetta bis-sigriet professjonali, fis-sistema partikolari ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji, u dan minkejja li l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 joħloq obbligu ġenerali ta’ sigriet professjonali, filwaqt li jakkumpanja b’eċċezzjonijiet stabbiliti b’mod espress u eżawrjenti ( 26 ).

41.

Il-loġika hekk adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam li jinteressana hija għaldaqstant dik ta’ projbizzjoni ġenerali tal-iżvelar, b’kuntrast ma’ dik li hu previst fil-qasam tal-kompetizzjoni jew tal-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li, fiż-żewġ każijiet, jipprevali d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti akkumpanjat b’xi eċċezzjonijiet ( 27 ). Għaldaqstant, ir-raġunament segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tas-sorveljanza tas-swieq finanzjarji huwa dijametrikament oppost għal dak magħżul fis-settur tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 28 ), fejn il-prinċipju huwa dak tat-trasparenza. Biex tiġi solvuta l-kawża prinċipali, huwa għaldaqstant possibbli li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni poġġa l-prinċipju ta’ trasparenza fit-tieni livell, għal favur ir-rekwiżit tal-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji.

42.

Dan ir-raġunament partikolari huwa ġġustifikat bil-fatt li d-Direttiva 2004/39 għandha bħala għan, kif tindika l-premessa 2 tagħha, li toħloq suq finanzjarju integrat u armonizzat, li joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u li jippermettilhom jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Unjoni Ewropea kollha ( 29 ).

43.

L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 jiggarantixxi għaldaqstant il-fluwidità tal-iskambju ta’ informazzjoni, li tinvolvi li kemm l-impriżi taħt superviżjoni kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta żżomm bħala regola n-natura kunfidenzjali tagħha ( 30 ).

44.

L-assenza ta’ interpretazzjoni uniformi tal-każijiet li fihom l-informazzjoni tista’ tkun trażmessa lil terza persuna tippreġudika dan l-għan, ħaġa li tmur kontra l-premessa 2 tad-Direttiva 2004/39 ( 31 ). Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 54(1) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-awtoritajiet ta’ sorveljanza projbizzjoni kontra l-iżvelar tal-informazzjoni li huma jkollhom, ħlief f’forma mqassra jew iġġeneralizzata li tipprekludi kull identifikazzjoni ( 32 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni wkoll li tenfasizza dan il-prinċipju fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et ( 33 ).

45.

Madankollu, anki jekk il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali huma identiċi għal dawk li wasslu għas-sentenza Altmann et ( 34 ), dik il-kawża kienet tikkonċerna biss il-portata tad-derogi għall-obbligu ta’ sigriet professjonali previsti fl-Artikolu 54(1) u (2) tad-Direttiva 2004/39 meta l-informazzjoni kunfidenzjali tikkonċerna impriża mqiegħda taħt xoljiment ġudizzjarju, li l-attività tagħha kienet frawdolenti u li diversi diretturi tagħha kienu ġew ikkundannati għal pieni ta’ priġunerija. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħmel, f’dan l-istess kuntest, riflessjoni ġdida fuq il-klassifikazzjoni ta’ “tagħrif [informazzjoni] kunfidenzjali” u fuq il-portata tas-sigriet professjonali fis-sens tal-Artikolu 54(1) tad-Direttivca 2004/39.

46.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rilevat li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji jaqdu missjoni ta’ interess ġenerali ta’ sorveljanza. Għal dan il-għan, huma għandhom ikollhom dokumenti li jagħtu informazzjoni sostanzjali fuq is-sitwazzjoni, l-evoluzzjoni u s-sostenibbiltà tal-impriża ssorveljata.

47.

Għaldaqstant, il-ġbir u l-iskambju ta’ din l-informazzjoni għandhom isiru taħt is-siġill tas-sigriet inkwantu dawn ikunu neċessarji u direttament marbuta mal-attività ta’ sorveljanza. Fil-fatt, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandhom bżonn, biex iwettqu sew il-missjoni tagħhom, li jkollhom informazzjoni kompluta, sinċiera u affidabbli. Biex l-attività ta’ sorveljanza tkun effettiva u effikaċi, jeħtieġ li l-impriżi ssorveljati jkunu totalment trasparenti fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti. Dan jinvolvi t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni li tirrigwarda dawk l-impriżi, sabiex ma jiġux imċaħħda mill-effett tagħhom id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-sigriet professjonali. Dawn ir-raġunijiet jistgħu, għaldaqstant, jiġġustifikaw ksur leġittimu tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti ( 35 ) fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb u l-istabbiltà tas-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji. F’dan is-sens, il-karatteristiċi, il-funzjonijiet jew ir-rwoli ta’ dawn l-awtoritajiet għandhom ikollhom impatt fuq l-aċċessibbiltà tad-dokumenti u tal-informazzjoni li huma jkollhom.

48.

Fil-kuntest tas-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom, biex jiżguraw mill-aħjar il-missjoni ta’ sorveljanza tagħhom, jibbenefikaw mill-fiduċja tal-impriżi ssorveljati ( 36 ). Infakkru, fil-fatt, li dawn ikunu iktar lesti jikkomunikaw informazzjoni affidabbli u sinċiera lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza jekk huma jkunu jafu li dik l-informazzjoni ser tkun protetta skont il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità.

49.

Iktar minn hekk, l-istess rekwiżit ta’ fiduċja jeżisti bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza nnifishom, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li huma jiffunzjonaw bħala netwerk ( 37 ). Dan jimplika li l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom għandu jkun imsaħħaħ bil-garanzija ta’ kunfidenzjalità marbuta mal-informazzjoni li huma jiksbu u jżommu fil-kuntest tal-missjonijiet ta’ sorveljanza tagħhom.

50.

Barra minn hekk, din il-fiduċja neċessarja tidħol, ukoll, taħt l-aspett preventiv li huwa marbut mal-funzjonijiet eżerċitati mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji u li jippreżumi li dawn l-awtoritajiet ikollhom fil-pussess tagħhom informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali u l-kunfidenzjalità. Il-funzjoni ta’ prevenzjoni li jeżerċitaw l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tippreżumi, fil-fatt, li l-ġbir u l-kumpilazzjoni jsiru taħt is-siġill tas-sigriet peress li kull żvelar jista’, min-natura tiegħu, ikollu konsegwenzi serji, u dan ukoll għall-informazzjoni li l-interess fiha jista’ jidher minimu mal-ewwel daqqa ta’ għajn, imma li fir-realtà huma importanti għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji u tas-sistema ta’ sorveljanza ta’ dawn tal-aħħar.

51.

Fil-fatt, anki jekk, xi kultant, is-sensittività ta’ ċerta informazzjoni fil-pussess tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza ma hijiex evidenti, mad-daqqa ta’ għajn, l-iżvelar tagħha tista’ tfixkel l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. L-informazzjoni rċevuta jew miktuba mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji li tidher, a priori, ma tagħmilx ħsara tista’ finalment tirriżulta essenzjali fil-kuntest partikolari tal-funzjonament tas-swieq finanzjarji u għall-impriżi li joperaw f’dak is-suq u huma s-suġġett ta’ sorveljanza.

52.

Għaldaqstant, jekk il-kunfidenzjalità stretta tal-informazzjoni miżmuma hekk mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza ma tkunx iggarantita, ikun hemm il-biża’ ta’ riskju ta’ inċertezza legali u ta’ dgħjufija tas-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji ( 38 ). Għaldaqstant, għandha tintuża prudenza partikolari, meħud kont tar-riskju ta’ katastrofi finanzjarja li sseħħ f’każ ta’ ksur tar-rabta ta’ fiduċja fil-funzjonament tas-suq finanzjarju u tas-sistema ta’ sorveljanza kontinwa tiegħu ( 39 ). Fil-fatt, dak kollu li jista’ jidher bħala dgħjufija fil-protezzjoni tal-informazzjoni jippreġudika s-sistema ta’ sorveljanza, minħabba l-ksur tal-fiduċja, u kull falliment fil-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti jista’ jfixkel il-funzjonament tajjeb ta’ din is-sistema. L-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jista’ jiddistabbilizza l-impriża kkonċernata u jista’ wkoll ikollu bħala effett li jnaqqas mill-kredibbiltà tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza f’għajnejn l-atturi li joperaw fis-swieq finanzjarji li jikkomunikaw dik l-informazzjoni u jippermettulhom għaldaqstant li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

53.

Ċertament, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jistgħu jsibu ruħhom fil-pussess ta’ informazzjoni ta’ natura pubblika, fis-sens li dik l-informazzjoni toqgħod għall-obbligu ta’ pubbliċità prevista fid-dritt tal-Unjoni, bħal dak li huwa previst mill-Artikoli 2 u 3 tal-Ewwel Direttiva 68/151/KEE ( 40 ). Madankollu, anki f’dik is-sitwazzjoni, nikkunsidra li dawn l-awtoritajiet ma humiex intiżi li jaqdu funzjoni ta’ “one-stop-shop”, b’mod li ma humiex obbligati, fil-fehma tiegħi, li jirrispondu b’mod favorevoli għal talba għall-aċċess ta’ tali informazzjoni pubblika.

54.

Fi ftit kliem, nikkunsidra li s-sigriet professjonali, li l-prinċipju tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39, ma jistax jiġi mmudellat skont in-natura tal-informazzjoni fil-pussess tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza. L-informazzjoni kollha li dawn l-awtoritajiet ikollhom għandha titqies bħala kunfidenzjali inkwantu l-imsemmija awtoritajiet għandhom mhux il-funzjoni li jikkomunikaw mal-pubbliku, imma biss li jissorveljaw l-impriżi li joperaw fis-swieq finanzjarji, u jikkontribwixxu għaldaqstant għall-istabbiltà u r-regolamentazzjoni tagħhom.

55.

Barra minn hekk, nippreċiża li, fil-fehma tiegħi, l-espressjonijiet “segretezza [sigriet] professjonali” u “tagħrif [kunfidenzjali]” li jintużaw fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 jikkoinċidu ma’ xulxin. Dawn iż-żewġ formuli għandhom għaldaqstant jitqiesu bħala li jesprimu fir-realtà suġġett wieħed u l-istess idea.

56.

Barra minn hekk, infakkar li, fir-rigward tal-Ewwel Direttiva 77/780, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li enfasizzat l-importanza li jkun protett is-sigriet professjonali, kienet diġà, fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1985, Hillenius, tat tifsira wiesgħa lin-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tal-istabbilimenti ta’ kreditu ( 41 ), fejn segwiet għaldaqstant il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn ( 42 ), li kien favur li ma jiddistingwix bejn id-diversi tipi ta’ informazzjoni u kien ippropona lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li l-obbligu ta’ sigriet professjonali kien ikopri, b’mod partikolari, ix-xhieda.

57.

Li tiġi aċċettata evalwazzjoni, każ b’każ, li ssir b’mod konkret u individwali mill-awtoritajiet li jsirulhom talbiet għall-aċċess għad-dokuemtni li huma għandhom jirriskja li tiġi fframmentata s-sistema ta’ sorveljanza u tkun tali li tinvolvi differenzi fit-trattament skont l-evalwazzjoni suġġettiva magħmula minn awtorità nazzjonali fuq talba għall-aċċess għad-dokumenti. Infakkar li l-obbligu ta’ applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2004/39 u l-għan ta’ armonizzazzjoni li hija għandha timmilita favur l-istabbiliment ta’ omoġeneità fl-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni rċevuta u mitluba mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza u għaldaqstant iktar favur l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ kunfidenzjalità milli għall-evalwazzjoni każ b’każ tal-applikazzjoni tas-sigriet professjonali. Fil-kawża prinċipali, dan il-prinċipju ġenerali għandu jiġġustifika n-nuqqas ta’ żvelar tal-informazzjoni mitluba minn E. Baumeister sabiex ma tiddgħajjifx is-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji, u lanqas li tiġi affettwata ħażin l-effikaċità tagħha.

58.

F’dan ir-rigward, għandha tinstab ispirazzjoni mill-premessa 5 tad-Direttiva 2004/39 li tippromwovi l-integrità u l-effikaċità tas-sistema finanzjarja u timplika prinċipju ta’ kunfidenzjalità għal dak li jikkonċerna s-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji. Dan jippreżumi li tkun tista’ tipprevali definizzjoni wiesgħa tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali. Huwa possibbli wkoll li tinstab ispirazzjoni mill-premessa 8 tad-Direttiva (UE) 2016/943 ( 43 ), li hija intiża li tevita l-frammentazzjoni tas-suq intern ( 44 ) u d-dgħjufija tal-effett dissważiv globali tar-regoli rilevanti fil-qasam tas-sigriet tan-negozju fis-suq intern. Barra minn hekk, il-premessa 14 ta’ din id-direttiva ssemmi l-eżistenza ta’ interess leġittimu li titħares, b’mod ġenerali, l-informazzjoni kunfidenzjali u tinsisti fuq l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi tal-protezzjoni ta’ din il-kunfidenzjalità minn dawk interessati.

59.

Għaldaqstant, minkejja l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-gvern Olandiż u tal-indikazzjoni li l-ġurisprudenza diġà setgħat tagħti fir-rigward ta’ oqsma oħra li s-sorveljanza tas-swieq finanzjarji, għandha ssir enfasi fuq il-fatt li l-uniformità tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39 tkun affettwata ħażin jekk jitħalla marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-portata tas-sigriet professjonali u tal-limiti tal-kunċett ta’ “tagħrif [informazzjoni] kunfidenzjali” jew jekk kull awtorità ta’ sorveljanza setgħat tkun tista’ tevalwa suġġettivament liema informazzjoni tista’ tkun żevlata, billi tagħmel eżami konkret u individwali fuq kull talba għall-aċċess għad-dokumenti, ħaġa li, fuq kollox, tinvolvi piż ta’ xogħol kbir fuq dawn l-awtoritajiet li jkollhom jibbilanċjaw bejn id-diversi interessi involuti ( 45 ).

60.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni stess ibbilanċja u sab il-bilanċ bejn id-diversi interessi li jistgħu jkunu involuti meta stabbilixxa, kif ingħad iktar ’il fuq ( 46 ), il-prinċipju ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tal-informazzjoni rċevuta u miktuba mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji, filwaqt li akkumpanjah b’eċċezzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti ( 47 ) li għandhom, bħala tali, ikunu interpretati b’mod strett.

61.

F’dan il-qasam, nikkunsidra li la l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni billi tiffissa kriterji u modi preċiżi għad-determinazzjoni tal-elementi li jikkaratterizzaw il-portata tas-sigriet professjonali u lanqas l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji ma għandhom jipprovdu għat-tiftix ta’ dak il-bilanċ delikat li jirriskja li jwassal għal każistika, b’mod li tiddgħajjef għalhekk is-sistema ta’ sorveljanza armonizzata, minkejja li l-loġika adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni twassal għal arbitraġġ proporzjonat bejn id-diversi interessi involuti.

62.

Fl-aħħar nett, biex indur fuq il-kawża prinċipali, jidhirli li jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li s-sitwazzjoni ta’ E. Baumeister ma tikkorrispondi attwalment għal ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39. Iktar minn hekk, għalkemm jirriżulta mis-seduta li l-pern tal-kawża prinċipali jidher li huwa d-determinazzjoni tal-ispejjeż, jien nistaqsi dwar kif il-ksib tal-informazzjoni kunfidenzjali fil-pussess ta’ BaFin tkun utli f’dan il-kuntest.

63.

Meħud kont ta’ dawn l-elementi, il-każ ineżami fil-kawża prinċipali ma jistax ikun l-okkażjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tiftaħ lakuna fil-prinċipju tal-kunfidenzjalità u l-obbligu tas-sigriet professjonali li tkopri l-informazzjoni kollha rċevuta u miktuba mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji.

64.

Konsegwentement, għandha tiġi adottata, fil-kuntest partikolari tas-sorvlejanza tas-swieq finanzjarji, tifsira wiesgħa tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni fil-pussess tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza li jrendu l-iżvelar tagħha possibbli biss fil-każijiet previsti fit-test tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39. Fil-fatt, il-prinċipju ġenerali stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa fil-fatt dak tas-sigriet professjonali u l-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità ma jistgħux jinftiehmu ħlief b’mod strett u jiġu aċċettati biss meta huma espressament previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Diretiva 2004/39. F’dan is-sens, ħlief għall-każijiet limitattivament elenkati f’dawk id-dispożizzjonijiet, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji huma marbutin bis-sigriet professjonali, u dan mingħajr limitazzjoni fiż-żmien.

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni kollha, inkluża l-korrispondenza u d-dikjarazzjonijiet, dwar l-impriża ssorveljata li jkunu rċevuti jew miktubin minn awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji jaqgħu, mingħajr kundizzjonijiet oħra, taħt il-kunċett ta’ “tagħrif [informazzjoni] kunfidenzjali” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 u huma, għaldaqstant, protetti mis-sigriet professjonali skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-direttiva.

V. Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:

L-informazzjoni kollha, inkluża l-korrispondenza u d-dikjarazzjonijiet, dwar l-impriża ssorveljata li jkunu rċevuti jew miktubin minn awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji jaqgħu, mingħajr kundizzjonijiet oħra, taħt il-kunċett ta’ “tagħrif [informazzjoni] kunfidenzjali” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE u huma, għaldaqstant, protetti mis-sigriet professjonali skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 54(1) ta’ din id-direttiva.


( 1 ) Lingwi oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 263). Din id-direttiva ġiet imħassra b’effett mit-3 ta’ Jannar 2017, permezz tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349). L-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/65 issostitwiet l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39.

( 3 ) C-140/13, EU:C:2014:2362.

( 4 ) BGB1. 2005 I, p. 2722.

( 5 ) BGB1. 2013 I, p. 3154.

( 6 ) BGB1. 1998 I, p. 2776.

( 7 ) BGB1. 2013 I, p. 1981.

( 8 ) BGB1. 1990 I, p. 2954.

( 9 ) C-140/13, EU:C:2014:2362.

( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 331.

( 11 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-każijiet li jaqgġu taħt l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE [li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE], taħt l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7).

( 12 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u provvedimenti amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)(ĠU 2009 L 302, p. 32).

( 13 ) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338).

( 14 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12).

( 15 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU 2010, L 331, p. 84).

( 16 ) Fil-preżent, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha talba għal deċiżjoni preliminari relattivament simili fil-kawża, Buccioni (C-594/16).

( 17 ) Sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 51), u tat-13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA (T-189/14, EU:T:2017:4, punti 4955 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju, ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni (53/85, EU:C:1986:256, punt 28).

( 19 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C-162/15 P, EU:C:2017:205, punti 4245). Dan l-appell kien intiż li jikkontesta s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (T-341/12, EU:T:2015:51) li, fil-punt 94 tagħha, stabbilixxiet tliet kundizzjonijiet sabiex ma tiġix żvelata l-informazzjoni fil-pussess tal-Kummissjoni fi proċedura ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, il-fatt li l-informazzjoni tkun magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni, it-tieni nett, li l-iżvelar mitlub jista’ jikkawża dannu serju lill-persuna li pprovdietha jew lil terzi u t-tielet nett, li l-interessi li jistgħu jiġu leżi bl-iżvelar ikunu oġġettivament jixirqilhom protezzjoni. Għalkemm dawn it-tliet kundizzjonijiet mhumiex riprodotti espressament mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, lanqas ma huma miċħuda fiha.

( 20 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C-162/15 P, EU:C:2017:205, punti 9596).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Iżvezja u Turco vs Il-Kunsill (C-39/05 P u C-52/05 P, EU:C:2008:374) dwar l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni previsti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Ara, iktar reċenti, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C-57/16 P, EU:C:2017:909, punti 52 et seq).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2168, punt 37).

( 23 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari l-premessa 63 tad-Direttiva 2004/39.

( 24 ) L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 1977, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u s-segwiment tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. (ĠU 1977, L 322, p. 30).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/65 (b’mod partikolari l-premessa 153 u l-Artikolu 76) li rrevediet id-Direttiva 2004/39.

( 26 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C-140/13, EU:C:2014:2362, punti 3435).

( 27 ) Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA (T-189/14, EU:T:2017:4, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prinċipju ġenerali jikkonsisti li jingħata lill-pubbliku l-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju għandhom ikunu interpretati b’mod strett, b’mod li n-nuqqas ta’ żvelar jista’ jkun iġġustifikat biss bil-fatt li l-imsemmi aċċess jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett u li r-riskju ta’ preġudizzju għal dak l-interess huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) F’dan il-qasam, il-Komunikazzjoni mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA avviż dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA f’każijiet relatati mal-Artikoli 53, 54 u 57 tal-ftehim taż-ŻEE (ĠU 2007, C 250, p. 16), tipprovdi regoli għall-aċċess u tistabbilixxi l-prinċipju tad-dritt ta’ aċċess fil-qasam tal-kompetizzjoni (punti 19 sa 21). L-istess japplika għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punti 51 et seq), anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel xi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju tad-dritt ta’ aċċess, li jingħataw wara eżami konkret u individwali tat-talba (punt 63).

( 29 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C-140/13, EU:C:2014:2362, punt 26), kif ukoll il-premessi 31, 44 u 71 tad-Direttiva 2004/39.

( 30 ) Sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1985, Hillenius (110/84, EU:C:1985:495, punt 27), u tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C-140/13, EU:C:2014:2362, punti 3132), kif ukoll il-premessi 44 u 63 tad-Direttiva 2004/39.

( 31 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża UBS Europe et (C‑358/16, EU:C:2017:606, punt 37).

( 32 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-UBS Europe et UBS Europe et (C-358/16, EU:C:2017:606, punt 30).

( 33 ) C-140/13, EU:C:2014:2362.

( 34 ) C-140/13, EU:C:2014:2362. Fiż-żewġ każijiet ġie kkontestat ir-rifjut, min-naħa ta’ BaFin, kontra talba għall-aċċess għal ċerti dokumenti li jirrigwardaw lil Phoenix (f’dan il-każ, ir-rapport ta’ verifika speċjali, ir-rapporti tal-awdituri, dokumenti interni, rapporti u korrispondenzi) ippreżentata abbażi tal-Artikoli 1(1) tal-IFG.

( 35 ) Fuq din il-klassifikazzjoni ta’ dritt fundamentali, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il-Kunsill vs Hautala (C-353/99 P, EU:C:2001:392, punti 5577).

( 36 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C-140/13, EU:C:2014:2362, punt 31).

( 37 ) Anki fi ħdan dan in-netwerk, is-sigriet professjonali, intiż li jipproteġi lid-drittijiet tal-persuni kkonċernati, għandu jipprevali waqt l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza. Ara, f’dan is-sens, il-premessa 25 tad-Direttiva 2000/12 KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272), premessa 23 tad-Direttiva 2006/48 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2006, L 177, p. 1) u l-premessa 153 tad-Direttiva 2014/65.

( 38 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C-140/13, EU:C:2014:2362, punt 33).

( 39 ) L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/39 jipprovdi għal sorveljanza kontinwa tas-swieq finanzjarji, ħaġa li timplika l-eżistenza ta’ mogħdija kontinwa ta’ informazzjoni bejn l-impriżi ssorveljati u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza.

( 40 ) L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-koordinament ta’ salvagwardji li, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta’ oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri mingħand kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat [li sar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 KE, imbagħad it-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE], bil-għan li dawn is-salvagwardji jsiru ekwivalenti mal-Komunità kollha (ĠU 1968, L 65, p. 8).

( 41 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1985, Hillenius (110/84, EU:C:1985:495, punt 26).

( 42 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Hillenius (110/84, mhux ippubblikati, EU:C:1985:333).

( 43 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU 2016, L 157, p. 1).

( 44 ) Is-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji hija marbuta mill-qrib mat-twettiq tas-suq intern, ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar it-trażmissjoni ta’ dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li, kieku din l-interpretazzjoni kellha tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, kull awtorità li tirċievi talba jkollha tibbilanċja bejn id-diversi interessi. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland (C‑673/13 P, EU:C:2016:213, punt 54). Għaldaqstant, b’analoġija, fil-kawża prinċipali, irid jinstab bilanċ bejn il-protezzjoni tas-sistema ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji u l-interessi ta’ imprenditur li ġarrab dannu bl-aġir frawdolenti ta’ impriża, anki barra mill-kuntest ta’ xi proċeduri pendenti.

( 46 ) Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża UBS Europe et (C-358/16, EU:C:2017:606, punti 8384); kif ukoll is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362, punti 3435).

Top