Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TO0242

    Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Jannar 2017.
    Automobile club des avocats (ACDA) et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Estensjoni tat-tul tal-konċessjonijiet – Pjan ta’ stimulu tal-awtostradi fit-territorju Franċiż – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Assoċjazzjoni – Nuqqas ta’ interess individwali – Att regolatorju li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni – Inammissibbiltà.
    Kawża T-242/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:6

    DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

    12 ta’ Jannar 2017 ( *1 )

    “Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Estensjoni tat-tul tal-konċessjonijiet — Pjan ta’ stimulu tal-awtostradi fit-territorju Franċiż — Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet — Assoċjazzjoni — Nuqqas ta’ interess individwali — Att regolatorju li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni — Inammissibbiltà”

    Fil-Kawża T-242/15,

    Automobile club des avocats (ACDA), stabbilit f’Pariġi (Franza),

    Organisation des transporteurs routiers européens (OTRE), stabbilita f’Bordeaux (Franza),

    Fédération française des motards en colère (FFMC), stabbilita f’Pariġi,

    Fédération française de motocyclisme, stabbilita f’Pariġi,

    Union nationale des automobile clubs, stabbilita f’Pariġi,

    irrappreżentati minn M. Lesage, avocat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u R. Sauer, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett rikors taħt l-Artikolu 263 TFUE intiż li jikseb l-annullament tad-Deċiżjoni C(2014) 7850 finali tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.2014/N 38271 – Franza – Pjan ta’ stimulu tal-awtostradi,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

    komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

    Reġistratur: M. E. Coulon,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, l-Automobile club des avocats (ACDA), l-Organisation des transporteurs routiers européens (OTRE), il-Fédération française des motards en colère (FFMC), il-Fédération française de motocyclisme u l-Union nationale des automobile clubs, huma għaqdiet li għandhom bħala għanijiet id-difiża tal-utenti tat-triq.

    2

    Fis-16 ta’ Mejju 2014, l-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea pjan ta’ stimulu tal-awtostradi intiż li jestendi t-tul ta’ ċerti konċessjonijiet tal-awtostradi bħala korrispettiv tal-finanzjament, mill-kumpanniji kkonċernati, ta’ xogħlijiet li għandhom jitwettqu matul il-konċessjoni.

    3

    Fit-28 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 7850 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.2014/N 38271 – Franza - Pjan ta’ stimulu tal-awtostradi (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    4

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, imma li din l-għajnuna setgħet titqies li tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 106(2) TFUE. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront tal-imsemmija miżura. Din il-miżura ttieħdet, b’mod partikolari, fid-dawl tal-impenji li daħlu għalihom l-awtoritajiet Franċiżi.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    5

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

    6

    B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    7

    Fis-7 ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika Franċiża ressqet talba għal intervent in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    8

    Ir-rikorrenti ma ppreżentawx osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

    9

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

    10

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    11

    Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li l-avukat li jirrappreżenta lir-rikorrenti ma jistax jitqies li huwa, għall-finijiet ta’ din il-kawża, terz indipendenti minn wieħed minn dawn għaliex huwa l-viċi president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-ACDA. Għaldaqstant, ir-rikors ma kellux jiġi ppreżentat skont it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll skont l-Artikolu 73(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    12

    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti u l-membri tagħha ma għandhomx il-kwalità li jaġixxu fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE għar-raġuni li, minn naħa, huma ma humiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, hija ma tikkostitwixxix att regolatorju mingħajr miżuri ta’ implementazzjoni.

    13

    Bis-saħħa tal-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza, jekk il-konvenut jitlob dan, mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża.

    14

    F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura.

    15

    Sa fejn l-argument imqajjem preliminarjament mill-Kummissjoni jista’ biss, kieku kellu jintlaqa’, iwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors fil-konfront ta’ wieħed mir-rikorrenti, il-Qorti ġenerali tqis li huwa opportun li tiġi eżaminata qabel kollox l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ dritt ta’ azzjoni mqajma sussidjarjament mill-Kummissjoni.

    16

    Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell [kawża] kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

    17

    Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jidentifika b’hekk tliet ipoteżijiet li fihom rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli, u għandu jiġi eżaminat jekk waħda minn dawn isseħħx f’dan il-każ sabiex tittieħed pożizzjoni fuq l-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni.

    18

    Sa fejn huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata ġiet indirizzata lill-awtoritajiet Franċiżi u mhux lir-rikorrenti, dan ir-rikors ma huwiex ammissibbli fid-dawl tal-ewwel ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, l-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors għandha tiġi eżaminata, suċċessivament, fid-dawl taż-żewġ ipoteżijiet previsti fir-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rikors ikun ammissibbli, bis-saħħa tat-tieni u t-tielet ipoteżijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk ir-rikorrenti jkunu direttament u individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata jew jekk ikunu direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u jekk din tal-aħħar tikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

    Fuq l-interess individwali tar-rikorrenti

    20

    Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament b’mod partikolari kontra att tal-Unjoni li tiegħu huma ma jkunux id-destinatarji sa fejn huma jkunu direttament u individwalment ikkonċernati minn dak l-att.

    21

    Skont il-ġurisprudenza, persuni distinti mid-destinatarji tad-deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li jkunu kkonċernati individwalment, ħlief fil-każ li d-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi fejn huma jistgħu jiġu ddifferenzjati mill-persuni l-oħra kollha, u minħabba dawn il-fatturi tindividwalizzahom bl-istess mod bħal fil-każ tad-destinatarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223).

    22

    Fir-rigward tal-interess individwali, kien ġie deċiż li assoċjazzjoni inkarigata li tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha setgħet titqies li hija individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni finali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat f’żewġ każijiet, jiġifieri, fl-ewwel lok, jekk hija setgħet tinvoka interess tagħha, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatur kien ġie affettwat mill-att li tiegħu jkun qed jintalab l-annullament, jew, fit-tieni lok, jekk il-membri tagħha jew xi wħud minnhom ikollhom il-kwalità li jaġixxu individwalment (ara d-digriet tad-29 ta’ Marzu 2012, Asociación Española de Banca vs Il‑Kummissjoni, T-236/10, EU:T:2012:176, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti qed jippreżentaw ruħhom bħala għaqdiet li jiġbru l-utenti tat-triq, li tagħhom huma għandhom l-għan li jiddefendu l-interessi:

    l-ACDA tiġbor avukati prattikanti jew li qed jgħallmu kif ukoll ġuristi kkwalifikati u għandha bħala għan id-difiża tad-drittijiet fundamentali tal-utenti tat-triq;

    l-OTRE tiżgura r-rappreżentanza u d-difiża tal-interessi morali u professjonali tat-trasportaturi tat-triq membri tagħha;

    il-FFMC, min-naħa tagħha, li tiġbor l-utenti tal-muturi u tal-vetturi bi tliet roti mmotorizzati (mill-muturi żgħar sa dawk b’muturi qawwija), taħdem favur is-sigurtà u l-użu ċivili tat-triq u tiddefendi l-membri tagħha fil-kwalità tagħhom ta’ utenti tat-triq bħala konsumaturi;

    il-Fédération française de motocyclisme tiġbor l-għaqdiet li jorganizzaw il-manifestazzjonijiet sportivi jew kull attività motoċiklistika oħra u klabbijiet oħra ta’ sewqan u għandha b’mod partikolari bħala għan li torganizza azzjonijiet dwar is-sigurtà fit-triq u fir-rotot pubbliċi;

    fl-aħħar nett, l-Union nationale des automobile clubs tfittex li tippromwovi r-relazzjonijiet bejn il-klabbijiet awtomobilistiċi ta’ Franza u bejn il-membri tagħha u l-klabbijiet awtomobilistiċi Ewropej.

    24

    Ir-rikorrenti indikaw barra minn hekk li huma kienu qed jaġixxu f’isimhom u fl-interess tal-membri tagħhom.

    25

    F’dak li jirrigwarda lilhom, ir-rikorrenti madankollu ma ressqu ebda element li juri li l-interessi tagħhom ser jiġu affettwati. B’mod partikolari, ma jirriżultax mill-proċess li huma intervjenew fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod ġenerali, il-Qorti Ġenerali ma għandha ebda element li jippermettilha tikkonkludi li l-pożizzjoni tar-rikorrenti f’xi negozjat ġie affettwat minn din id-deċiżjoni.

    26

    L-eżistenza ta’ interess individwali tiddependi għaldaqstant mill-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-membri tar-rikorrenti humiex ammessi jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    27

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jressqu, f’dan il-każ, ebda element intiż li juri li l-membri tagħhom huma individwalizzati bid-deċiżjoni kkontestata, bl-istess mod ta’ dik ta’ destinatarju.

    28

    Bil-kontra, jirriżulta mill-proċess li huwa fil-kwalità ġenerali tagħhom ta’ utenti tat-triq u tal-karozzi li l-membri tar-rikorrenti huma allegatament affettwati bid-deċiżjoni kkontestata.

    29

    Fil-fatt, fir-rikors, ir-rikorrenti jindikaw, sostanzjalment, li t-tariffi pprattikati mill-kumpanniji konċessjonarji tal-awtostradi huma eċċessivi fi Franza u li l-membri tagħhom jinsabu affettwati fil-kwalità tagħhom ta’ utenti ta’ dawn ir-rotot ta’ komunikazzjoni.

    30

    B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li, fi Franza, il-kumpanniji konċessjonarji tal-awtostradi jikkumpensaw kull żieda fit-taxxa, mit-tariffi għall-użu tal-awtostradi jew mit-taxxi li jinġabru minnhom permezz ta’ żieda fil-prezz tal-użu tat-awtostradi u jadottaw, b’mod ġenerali, żieda fit-tariffi li jirriżultaw eċċessivi għall-utenti u sproporzjonati meta mqabbla mas-servizz ipprovdut.

    31

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, fi Franza, il-profitti eċċessivi li jinħolqu permezz tat-tariffi għall-użu tal-awtostradi miġbura mill-kumpanniji konċessjonarji tagħhom bħala korrispettiv tal-impenn tagħhom li jibnu, jiffinanzjaw u joperaw in-nisġa awtostradali konċessa jwasslu għal mekkaniżmi ta’ kumpens żejjed.

    32

    Ir-rikorrenti jsostnu li din is-sitwazzjoni ser tibqa’ bl-estensjoni tat-tul tal-kuntratti ta’ konċessjoni awtorizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-interess li qed jiġi invokat mir-rikorrenti dwar il-membri tagħhom ma huwiex differenti minn dak li jistgħu jinvokaw l-utenti kollha tal-awtostradi kollha kkonċernati, b’mod partikolari fejn it-tariffi għall-użu tal-awtostradi pprattikati fi Franza mill-kumpanniji konċessjonarji tagħhom jkunu eċċessivi u jkunu jistgħu jiżdiedu matul il-perijodu ta’ estensjoni tat-tul tal-kuntratti ta’ konċessjoni.

    34

    Isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax lill-membri tar-rikorrenti minħabba ċerti kwalitajiet partikolari jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tindividwalizzahom bl-istess mod li taffettwa lid-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni.

    35

    Wieħed għandu jikkonkludi li r-rikorrenti ma humiex individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, li huma ma jissodisfawx ir-rekwiżit li għalih hija suġġetta l-ammissibbiltà, fit-tieni ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    36

    Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti humiex, barra minn hekk, direttament ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq il-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni

    37

    Skont l-aħħar parti tal-frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jressqu rikors għal annullament kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni u li jikkonċernahom direttament.

    38

    Il-kunċett ta’ “atti regolatorji […] li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan imfittex ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, li jiġi evitat li individwu jkun imġiegħel jikser il-liġi biex ikun jista’ jaċċedi għal qorti. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, din tal-aħħar tirriskja li ma jkollhiex protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk hija ma jkollhiex rimedju ġudizzjarju dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni għall-finijiet li tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, anki jekk direttament ikkonċernata mill-att inkwistjoni, tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fl-ambitu tal-proċeduri miftuħa kontra tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, Ġabra, EU:C:2013:852, punt 27).

    39

    Min-naħa l-oħra, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa ggarantit meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, C-294/83, EU:C:1986:166, punt 23; tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 93, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-kummissjoni, C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 28).

    40

    Għalkemm l-implementazzjoni ta’ att regolatorju taqa’ fuq l-istituzzjonijiet, l-organi u l-korpi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jressqu rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ applikazzjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jinvokaw, insostenn ta’ dan ir-rikors, b’applikazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku inkwistjoni (sentenzi tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, C-294/83, EU:C:1986:166, punt 23; tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 93, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 29).

    41

    Filwaqt li l-implementazzjoni ta’ att regolatorju taqa’ fuq l-Istati Membri, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jikkontestaw il-validità tal-miżura nazzjonali ta’ implementazzjoni quddiem qorti nazzjonali u, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jinvokaw il-invalidità tal-att bażiku billi jitolbuha, jekk ikun il-każ, tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ domandi preliminari, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE (sentenzi tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, C‑294/83, EU:C:1986:166, punt 23; tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 93, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 29).

    42

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, ma tiddefinixxix il-konsegwenzi speċifiċi u konkreti tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern, la għall-benefiċjarji u lanqas għal kull persuna oħra li tista’ tiġi affettwata bi kwalunkwe mod bil-miżura inkwistjoni.

    43

    Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kuntratti ta’ konċessjoni, konklużi bejn l-Istat Franċiż u l-kumpanniji konċessjonarji tal-awtostradi kkonċernati, għandhom ikunu suġġetti għal ftehimiet approvati permezz ta’ digriet, sabiex jiġu introdotti l-modalitajiet tal-pjan ta’ stimulu, jiġifieri b’mod partikolari x-xogħlijiet li għandhom jitwettqu, l-estensjoni tat-tul tal-konċessjonijiet, il-miżuri ddestinati li jiżguraw il-monitoraġġ tax-xogħlijiet u l-assenza ta’ kumpens eċċessiv kif ukoll l-impenji magħmula mill-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura li biha l-miżura inkwistjoni tkun ġiet eżaminata.

    44

    Il-konsegwenzi speċifiċi u konkreti tad-deċiżjoni kkontestata fil-konfront tar-rikorrenti u tal-membri tagħhom huma mistennija li jseħħu fl-atti nazzjonali li jieħdu b’dan il-mod in-natura ta’ miżuri ta’ implementazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-21 ta’ April 2016, Royal Scandinavian Casino Århus vs Il‑Kummissjoni, C-541/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:302, punt 47).

    45

    Skont il-ġurisprudenza, il-possibbiltà għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali ta’ att tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali għandha tiġi ggarantita mill-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk fakkret li huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri li jippermettu r-rispett tad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 100, u digriet tal-21 ta’ April 2016, Royal Scandinavian Casino Århus vs Il‑Kummissjoni, C-541/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:302, punt 51).

    46

    Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu rimedji neċessarji biex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 101).

    47

    Barra minn hekk, fl-assenza ta’ regolamentazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu jaħtar, b’osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, il-qrati kompetenti u li jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi li jiggarantixxu l-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jinvokaw taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et Il-Parlament u Il-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 102).

    48

    Indipendentement mill-kwistjoni li jsir magħruf jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li dan ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżit dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li għalih hija suġġetta l-ammissibbiltà tiegħu fid-dawl tat-tielet ipoteżi prevista minn din id-dispożizzjoni.

    49

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala inammissibbli mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-assenza ta’ rappreżentazzjoni minn avukat terz indipendenti mir-rikorrenti.

    Fuq it-talba għal intervent

    50

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 142(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent imressqa mir-Repubblika Franċiża.

    Fuq l-ispejjeż

    51

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    52

    Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kif mitlub minnha.

    53

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

    tordna:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

     

    2)

    Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent tar-Repubblika Franċiża.

     

    3)

    L-Automobile club des avocats (ACDA), l-Organisation des transporteurs routiers européens (OTRE), il-Fédération française des motards en colère (FFMC), il-Fédération française de motocyclisme u l-Union nationale des automobile clubs għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    4)

    Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta mat-talba għal intervent tagħha.

     

    Magħmul fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Jannar 2017.

    Reġistratur

    E. Coulon

    Il-President

    I. Pelikánová


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top