This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CO0631
Order of the Court (Tenth Chamber) of 21 September 2016.#Carlos Álvarez Santirso v Consejería de Educación, Cultura y Deporte del Principado de Asturias.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado de lo Contencioso-Administrativo No 1 de Oviedo.#References for a preliminary ruling — Article 99 of the Rules of Procedure of the Court of Justice — Directive 1999/70/EC — Framework agreement on fixed-term work concluded by ETUC, UNICE and CEEP — Clause 4 — Successive fixed-term employment contracts in the public sector — Non-tertiary education — National rules — Grant of remuneration supplement — Condition — Positive result obtained in evaluation process — Professors employed as interim civil servants — Not included — Principle of non-discrimination.#Case C-631/15.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-21 ta’ Settembru 2016.
Carlos Álvarez Santirso vs Consejería de Educación, Cultura y Deporte del Principado de Asturias.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Oviedo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Tagħlim mhux universitarju – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Għoti ta’ remunerazzjoni addizzjonali – Kundizzjoni – Ksib ta’ riżultat pożittiv matul proċess ta’ evalwazzjoni – Għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti – Esklużjoni – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawża C-631/15.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-21 ta’ Settembru 2016.
Carlos Álvarez Santirso vs Consejería de Educación, Cultura y Deporte del Principado de Asturias.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Oviedo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Tagħlim mhux universitarju – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Għoti ta’ remunerazzjoni addizzjonali – Kundizzjoni – Ksib ta’ riżultat pożittiv matul proċess ta’ evalwazzjoni – Għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti – Esklużjoni – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawża C-631/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:725
*A9* Juzgado Contencioso-Administrativo de Oviedo, Auto de 17/11/2015 (33044 45 8 2015 0001328)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
21 ta’ Settembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Klawżola 4 — Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku — Tagħlim mhux universitarju — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Għoti ta’ remunerazzjoni addizzjonali — Kundizzjoni — Ksib ta’ riżultat pożittiv matul proċess ta’ evalwazzjoni — Għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti — Esklużjoni — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”
Fil-Kawża C‑631/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n 1 de Oviedo (qorti amministrattiva Nru 1 ta’ Oviedo, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura
Carlos Álvarez Santirso
vs
Consejería de Educación, Cultura y Deporte del Principado de Asturias,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Carlos Álvarez Santirso u l-Consejería de Educación, Cultura y Deporte del Principado de Asturias (Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Kultura u għall-Isports tal-Komunità awtonoma tal-Prinċipat ta’ Asturias, iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Edukazzjoni”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ma jaċċettax lill-persuna kkonċernata għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni għall-ewwel pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70 l-għan tagħha huwa li “[ġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas [...], konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”. |
4 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva [u għandhom] jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. [...]” |
5 |
Skont il-Klawżola 1 tal-ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa waħda, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni tal-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. |
6 |
Il-Klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha: “Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.” |
7 |
Il-Klawżola 3 tal-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi: “Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:
|
8 |
Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, fil-paragrafu 1 tagħha tipprevedi: “Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.” |
Id-dritt Spanjol
9 |
Il-Ley del Principado de Asturias 3/1985 de Ordenación de la Función Pública de la Administración del Principado de Asturias (liġi tal-Prinċipat ta’ Asturias 3/1985 dwar l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-amministrazzjoni tal-Prinċipat ta’ Asturias), tas-26 ta’ Diċembru 1985 (BOE Nru 59, tal-10 ta’ Marzu 1986, p. 9083), tiddefinixxi, fl-Artikolu 6 tagħha, l-“membri tal-persunal mhux permanenti” bħala persuni legalment maħtura sabiex jokkupaw temporanjament postijiet vakanti mal-amministrazzjoni tal-Prinċipat ta’ Asturias sakemm dawn il-postijiet jimtlew minn uffiċjali jew sabiex jissostitwixxu jew jassumu l-kompiti tal-uffiċjali kkollokati jew fuq leave speċjali. |
10 |
Skont l-Artikolu 106 tal-Ley Orgánica 2/2006 de éducación (liġi organika 2/2006 dwar it-tgħalim), tat-3 ta’ Mejju 2006 (BOE Nru 106, tal-4 ta’ Mejju 2006, p. 17158), l-awtoritajiet responsabbli għat-tagħlim għandhom jelaboraw, bil-parteċipazzjoni tal-korp tal-għalliema, pjanijiet ta’ evalwazzjoni tal-funzjoni tat-tagħlim sabiex titjieb il-kwalità tat-tagħlim u x-xogħol tal-għalliema. |
11 |
Skont il-Ley del Principado de Asturias 6/2009 de Evaluación de la Función Docente y sus Incentivos (liġi tal-Prinċipat ta’ Asturias 6/2009 dwar l-evalwazzjoni tas-servizz ta’ tagħlim pubbliku u tal-inċentivi relatati miegħu), tad‑29 ta’ Diċembru 2009 (BOE Nru 53, tat-2 ta’ Marzu 2010, p. 20432), il-pjanijiet ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxu parametru ta’ funzjonament u ta’ kejl tas-sistema tat-tagħlim ta’ Asturias permezz tal-analiżi u tal-evalwazzjoni tal-funzjonijiet eżerċitati mill-għalliema. F’dan ir-rigward, il-pjanijiet ta’ evalwazzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, fatturi bħall-assenteiżmu, il-piż tax-xogħol tal-għalliem prinċipali, il-parteċipazzjoni għal proġetti komuni ta’ titjib u ta’ esperimentazzjoni fil-qasam ta’ attivitajiet extra-kurrikulari, l-involviment, l-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-amministrazzjoni kif ukoll il-kontribut tal-għalliema għall-objettivi kollettivi tal-istabbiliment tat-tagħlim iffissati fil-programmazzjoni ġenerali annwali. |
12 |
Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi 6/2009, il-pjanijiet ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem huma miftuħa għall-uffiċjali li jagħmlu parti mill-korp tal-għalliema stabbiliti fil-liġi organika 2/2006, li jagħmlu parti mill-persunal tal-amministrazzjoni u li jistgħu jipprovaw li ilhom fis-servizz ħames snin. |
13 |
L-Artikolu 3 tal-Liġi 6/2009 jipprovdi li dawk li jissodisfaw il-kriterji ffissati fil-pjanijiet ta’ evalwazzjoni għandhom jirċievu l-inċentiv finanzjarju mogħti bħala rikonoxximent tal-funzjoni ta’ għalliem, skont il-modalitajiet u l-ammont iffissat mill-kunsill reġjonali waqt l-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem. |
14 |
Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi għaldaqstant għall-għoti ta’ inċentiv finanzjarju ffissat għal EUR 206.53 fix-xahar għall-uffiċjali fis-sottogrupp A1 u ta’ EUR 132.18 fix-xahar għall-uffiċjali tas-sottogrupp A2. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15 |
C. Álvarez Santirso, impjegat bħala membru tal-persunal mhux permanenti, ilu jokkupa għal 16-il sena, skont il-postijiet battala, diversi postijiet ta’ għalliem tal-edukazzjoni sekondarja f’ċentri tat-tagħlim pubbliku li jaqgħu taħt il-Komunità awtonoma ta’ Asturias. |
16 |
Wara deċiżjoni tas-6 ta’ April 2015 tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, dwar il-ftuħ tal-proċedura tal-applikazzjoni għall-ewwel pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem, C. Álvarez Santirso ssottometta applikazzjoni skont il-formalitajiet u fit-termini mitluba. |
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2015, il-Ministeru għall-Edukazzjoni approva l-lista definittiva tal-persuni aċċettati wara li ntemmet il-proċedura tal-applikazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem. L-applikazzjoni ta’ C. Álvarez Santirso ġiet miċħuda minħabba li l-applikant huwa membru tal-persunal mhux permanenti u li l-applikazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni hija rriżervata għall-uffiċjali li ilhom fis-servizz għall-inqas ħames snin. |
18 |
C. Álvarez Santirso ppreżenta rikors kontenzjuż amministrattiv kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n 1 de Oviedo (qorti amministrattiva Nru 1 ta’ Oviedo, Spanja), filwaqt li invoka l-eżistenza ta’ inugwaljanza ta’ remunerazzjoni bejn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal mhux permanenti bbażata fuq is-sempliċi natura temporanja tal-impjieg ta’ dawn tal-aħħar. |
19 |
Ir-rappreżentanti tal-Prinċipat ta’ Asturias isostnu li d-differenza fit-trattament inkwistjoni hija ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi relatati mad-differenza fit-taħriġ, fil-kompetenzi u fil-merti pprovati mis-suċċess fil-proċess ta’ selezzjoni, peress li l-uffiċjali għandhom jissodisfaw kriterji iktar severi li jiġġustifikaw remunerazzjoni ogħla. Barra minn hekk, jekk il-membri tal-persunal mhux permanenti jingħataw remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-iskema ta’ żvilupp professjonali tal-uffiċjali dan iwassal għal diskriminazzjoni inversa fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar, peress li ż-żamma tal-uffiċjal fil-post tiegħu, miksub skont il-merti, tiddependi fuq ir-riżultat tal-evalwazzjoni tiegħu. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li s-sempliċi natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg, minbarra kwalunkwe ġustifikazzjoni minn raġunijiet oġġettivi, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, sew jekk ikun l-għoti ta’ remunerazzjoni addizzjonali permezz ta’ allowance li tingħata kull tliet snin (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819), il-klassifikazzjoni f’kategorija ta’ remunerazzjoni superjuri (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557) u sew jekk it-talba għal allowance li tingħata kull sitt snin għall-kontinwazzjoni tat-taħriġ (digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67). |
21 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tirriżerva l-applikazzjoni tal-pjanijiet ta’ evalwazzjoni tal-għalliema għall-uffiċjali, bl-esklużjoni tal-membri tal-persunal mhux permanenti, anki jekk dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw li ilhom ħames snin fis-servizz kif mitlub u jissodisfaw il-kriterji mitluba fil-qasam tat-taħriġ, tal-involviment fl-istabbiliment u tal-kontribut għall-objettivi kollettivi li jridu jintlaħqu minn dan l-istabbiliment. Fil-fatt, sa fejn dawn id-diversi kriterji li huma s-suġġett tal-evalwazzjoni jistgħu jiġu sodisfatti kemm minn uffiċjal kif ukoll minn membru tal-persunal mhux permanenti, din il-qorti tqis li ma jeżistux elementi oġġettivi li jippermettu li dawn il-pjanijiet ta’ evalwazzjoni jiġu rriżervati biss għall-uffiċjali. |
22 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-evalwazzjoni pożittiva tirriżulta esklużivament fl-għoti ta’ inċentiv finanzjarju u bla ebda mod ma tipparteċipa għas-sistema ta’ promozzjoni jew ta’ progress professjonali. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n 1 de Oviedo (qorti amministrattiva ta’ Oviedo) iddeċidiet li tissosspendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-Klawżola 4 tal-[ftehim qafas] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni reġjonali bħal-[Liġi 6/2009], li fl-Artikolu 2 tagħha tissuġġetta l-ammissibbiltà għall-pjan ta’ evalwazzjoni (u għalhekk għall-benefiċċju tal-inċentivi finanzjarji marbuta ma’ dan il-pjan) għall-fatt li persuna tkun uffiċjal permanenti, u għalhekk bl-esklużjoni tal-membri tal-persunal mhux permanenti?” |
Fuq id-domanda preliminari
24 |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-parteċipazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem u l-inċentiv finanzjarju li jirriżulta minnu, f’każ ta’ evalwazzjoni pożittiva, għall-għalliema impjegati b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala uffiċjali stabbiliti biss, bl-esklużjoni ta’ dawk impjegati b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat bħala membri tal-persunal mhux permanenti. |
25 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
26 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża. Fil-fatt, ir-risposta għad-domanda preliminari tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819; id-digriet tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167; is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557; id-digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67; is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646; tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, u d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Bertazzi et, C‑393/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:143). |
27 |
L-ewwel nett, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi rremunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 28; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 42; digriet tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 26; sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 40, u digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 31). |
28 |
Ir-rekwiżiti msemmija fil-ftehim qafas għandhom għaldaqstant japplikaw għall-kuntratti u għar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; digrieti tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 27, u tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 32). |
29 |
Peress li C. Álvarez Santirso eżerċita, bħala membru tal-persunal mhux permanenti impjegat b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, il-funzjonijiet ta’ għalliem tal-edukazzjoni sekondarja matul perijodu ta’ iktar minn 16-il sena f’diversi ċentri tat-tagħlim pubbliku tal-Komunità awtonoma ta’ Asturias, huwa jaqa’ taħt id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas. |
30 |
Sussegwentement, u sa fejn il-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tipprovdi projbizzjoni, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjiet, li l-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat kumparabbli, minħabba s-sempliċi raġuni li huma jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi, għandu jiġi ddeterminat jekk il-parteċipazzjoni fil-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem u l-inċentiv finanzjarju li jirriżulta fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
31 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-Klawżola 1(a) tal-ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet ta’ dan huwa li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-ftehim qafas jippreċiża li dan “juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika għalhekk li l-għan ta’ dan il-ftehim qafas huwa, b’mod partikolari, sabiex itejjeb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 47; digrieti tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 29, u tad-9 ta’ Frar 2012Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 34). |
32 |
Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas għandha l-għan li tapplika l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan it-tip tintuża minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lil ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 37; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 48; digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 30, u tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 35). |
33 |
Fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-ftehim qafas, il-Klawżola 4 tiegħu għandha għalhekk tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 49; id-digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 31, u tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 36). |
34 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-“kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri ir-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 35). |
35 |
Għaldaqstant, l-allowances li jingħataw kull tliet snin ta’ servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 47; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 50 sa 58, kif ukoll id-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punti 32 sa 34), l-allowances li jingħataw kull sitt snin għall-kontinwazzjoni tat-taħriġ (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez,C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 38) kif ukoll ir-regoli dwar il-perijodi ta’ servizz li għandu jkun twettaq sabiex wieħed ikun jista’ jiġi kklassifikat f’kategorija ta’ remunerazzjoni superjuri jew dwar il-kalkolu tal-perijodi ta’ servizz meħtieġa sabiex wieħed isirlu rapport annwali, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
F’dan il-każ, anki jekk fil-prinċipju huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina n-natura kif ukoll l-għanijiet tal-miżuri inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li mill-elementi fil-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja minn din il-qorti jirriżulta li l-parteċipazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni u l-inċentiv finanzjarju li jirriżulta fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva għandhom ukoll jitqiesu li huma “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas. |
37 |
Fil-fatt, minn naħa, il-kundizzjoni ta’ ħames snin ta’ servizz meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jipparteċipa għall-pjan ta’ evalwazzjoni tissodisfa l-kriterju deċiżiv imfakkar fil-punt 34 tad-digriet preżenti. |
38 |
Min-naħa l-oħra, jidher li l-kisba ta’ evalwazzjoni pożittiva waqt il-pjan ta’ evalwazzjoni ma għandha ebda riperkussjoni fuq is-sistema ta’ promozzjoni jew ta’ progress professjonali, iżda hija tirriżulta esklużivament f’remunerazzjoni addizzjonali. Issa, parti mir-remunerazzjoni taħt il-forma ta’ inċentiv finanzjarju għandha, bħala kundizzjoni tal-impjieg, tingħata lil ħaddiem għal żmien determinat bl-istess mod bħalma tingħata lil ħaddiem għal żmien indeterminat. |
39 |
Interpretazzjoni tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas li teskludi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” id-dritt ta’ parteċipazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni u l-inċentiv finanzjarju li jirriżulta, fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva, tkun tfisser li jitnaqqas, minkejja l-objettiv imfittex minn din id-dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjonijiet. |
40 |
Fl-aħħar nett, hija ġurisprudenza stabbilita li, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, il-ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu fl-istess sitwazzjoni kumparabbli, sakemm trattament ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 42 u 47; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 53; id-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 34; is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punti 56, 57 u 64, kif ukoll id-digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 40). |
41 |
Peress li, f’dan il-każ, huwa paċifiku li teżisti differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali stabbiliti impjegati b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u l-membri tal-persunal mhux permanenti impjegati b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk is-sitwazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat u dik tal-ħaddiema għal żmien indeterminat, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, humiex kumparabbli. |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat]”huwa ddefinit fil-Klawżola 3(2) tal-ftehim qafas bħala li jikkorrispondi għal “ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit [indeterminat], fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet” (digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 36, u tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 42). |
43 |
Sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-ftehim qafas, hemm lok, b’mod konformi mal-Klawżola 3(2) u mal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-ħaddiema jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’sitwazzjoni kumparabbli (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata; digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 37, u tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 43). |
44 |
Fil-prinċipju, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju, u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabbilixxi jekk l-uffiċjali stabbiliti u l-membri tal-persunal mhux permanenti jinsabux f’sitwazzjoni kumparabbli (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 39; is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 67; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 44). |
45 |
Madankollu, fil-kawża prinċipali, ma jidhirx li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ għalliem mill-għalliema impjegati bħala uffiċjali stabbiliti u minn dawk impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti jeħtieġ kwalifiki akkademiċi jew esperjenza differenti. Anzi bil-kontra, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ għalliema jeżerċitaw funzjonijiet simili u huma suġġetti għal obbligi identiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji adottati fil-pjanijiet ta’ evalwazzjoni u li jirrigwardaw it-taħriġ, il-kontribut għall-objettivi tal-istabbiliment u l-parteċipazzjoni għall-attivitajiet ta’ dan l-istabbiliment. |
46 |
Għaldaqstant, jirriżulta li l-uniku element li jista’ joħloq differenza, f’dan il-każ, bejn is-sitwazzjoni ta’ għalliem impjegat bħala membru tal-persunal mhux permanenti u dik ta’ uffiċjal stabbilit kandidat għall-ammissjoni ta’ pjan ta’ evalwazzjoni hija n-natura temporanja tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbtu mal-persuna li timpjegah. |
47 |
F’tali każ, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk teżistix raġuni oġġettiva, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, li tiġġustifika d-differenza fit-trattament ikkonstatata. |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “bażi oġġettiva” li jinsab fil-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata mill-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħalma hija liġi jew ftehim kollettiv (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 57; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 54; digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 40; sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 72, u digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 47). |
49 |
L-użu tas-sempliċi natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika ma jistax, għaldaqstant, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 56; digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 42; sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 74, u digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 49). |
50 |
Fil-fatt, differenza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat ma tistax tkun iġġustifikata minn kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jirreferi għat-terminu stess tal-impjieg. Li jiġi ammess li s-sempliċi natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg, hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika tali differenza, jeżawrixxi mis-sustanza tagħhom l-objettivi tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas. Minflok itejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat u jippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament imfittxija kemm mid-Direttiva 1999/70 kif ukoll mill-ftehim qafas, l-użu ta’ tali kriterju jwassal sabiex tkun ipperpetwata ż-żamma ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 57; digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 43, u tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 50). |
51 |
L-imsemmi kunċett jeħtieġ għaldaqstant li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-objettiv imfittex u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ikunu ġew konklużi u minn karatteristiċi inerenti għalihom jew, skont il-każ, mit-tfittxija ta’ objettiv leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 53 u 58; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 55; digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 41; sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 73, u digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 48). |
52 |
F’dan il-każ, ir-rappreżentanti tal-Prinċipat ta’ Asturias sempliċement jiddikjaraw l-eżistenza ta’ rekwiżiti minimi għal dak li jikkonċerna d-dħul fis-servizz tal-membri tal-persunal mhux stabbiliti kif ukoll l-eventwali diskriminazzjoni inversa għad-detriment tal-uffiċjali stabbiliti. |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tagħhom, huma jistgħu, fil-prinċipju, mingħajr la jmorru kontra d-Direttiva 1999/70 u lanqas il-ftehim qafas, jipprevedu kundizzjonijiet ta’ anzjanità sabiex wieħed ikollu aċċess għal ċertu impjieg, jirrestrinġu l-aċċess għal promozzjoni interna għall-uffiċjali stabbilit biss u jitlobu li l-imsemmija uffiċjali jipprovaw li għandhom esperjenza professjonali li tikkorrispondi għall-grad immedjatament inferjuri għal dak li huwa s-suġġett tal-proċedura ta’ selezzjoni (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 76; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 57, kif ukoll digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Bertazzi et, C‑393/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:143, punt 43). |
54 |
Madankollu, minkejja dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri jistabbilixxu għandha sseħħ b’mod trasparenti u b’mod li tista’ tiġi kkontrollata sabiex tiġi prekluża kwalunkwe esklużjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat fuq is-sempliċi bażi tat-tul tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiġġustifikaw l-anzjanità tagħhom jew l-esperjenza professjonali tagħhom (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 77; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 59, kif ukoll digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Bertazzi et, C‑393/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:143, punt 44). |
55 |
Meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ selezzjoni, tali trattament differenzjat jirriżulta min-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti oġġettivi dwar l-impjieg li din il-proċedura għandha l-għan li timla u li huma estranji għat-tul determinat tar-relazzjoni tax-xogħol li torbot lill-ufiċċjal temporanju mal-persuna li timpjegah, dan jista’ jkun iġġustifikat b’mod validu fis-sens tal-Klawżola 4(1) u/jew (4) tal-ftehim qafas (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 79; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 61, kif ukoll digriet tas‑7 ta’ Marzu 2013, Bertazzi et, C‑393/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:143, punt 46). |
56 |
Min-naħa l-oħra, kundizzjoni ġenerali u astratta li tipprovdi li l-perijodu ta’ anzjanità ta’ ħames snin ma jistax jitwettaq ħlief bħala uffiċjal stabbilit biss, mingħajr la jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura partikolari tal-kompiti li dawn tal-aħħar għandhom iwettqu u lanqas il-karatteristiċi inerenti għalihom, ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza dwar il-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas kif imfakkra fil-punti 48 sa 51 tad-digriet preżenti. |
57 |
Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-allegat objettiv, li jikkonsisti f’li tiġi evitata diskriminazzjoni inversa għad-detriment tal-uffiċjali stabbiliti, għandu jiġi osservat li, għalhemm ċertament tali objettiv jista’ jikkostitwixxi “bażi oġġettiva” fis-sens tal-Klawżola 4(1) u/jew (4) tal-ftehim qafas, l-imsemmi objettiv ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali sproporzjonata bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi totalment u f’kull ċirkustanza t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa mill-ħaddiema fil-kuntest tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex tiġi ddeterminata l-anzjanità tagħhom u, għaldaqstant, il-livell ta’ remunerazzjoni tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 62, kif ukoll digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Bertazzi et, C‑393/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:143, punt 47). |
58 |
Dan huwa iktar il-każ meta, bħal fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-ammissjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem kif ukoll il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni addizzjonali fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva biss għall-għalliema impjegati bħala uffiċjali stabbiliti li għamlu ħames snin fis-servizz, minkejja li l-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti jissodisfaw eżattament l-istess kriterji ta’ ammissjoni, iżda huma esklużi mill-benefiċċju tal-vantaġġi. |
59 |
Fl-aħħar lok, għandu jitfakkar li l-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas hija mingħajr kundizzjoni u suffiċjentement preċiża sabiex tkun tista’ tiġi invokata kontra l-Istat mill-individwi quddiem qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 78 sa 83; id-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 46; is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 56, u d-digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 53). |
60 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni għal raġunijiet oġġettivi, il-parteċipazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem u l-inċentiv finanzjarju li jirriżulta minnu, f’każ ta’ evalwazzjoni pożittiva, għall-għalliema impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala uffiċjali stabbiliti biss, bl-esklużjoni ta’ dawk impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bħala membri tal-persunal mhux permanenti. |
Fuq l-ispejjeż
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni għal raġunijiet oġġettivi, il-parteċipazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem u l-inċentiv finanzjarju li jirriżulta minnu, f’każ ta’ evalwazzjoni pożittiva, għall-għalliema impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala uffiċjali stabbiliti biss, bl-esklużjoni ta’ dawk impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bħala membri tal-persunal mhux permanenti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.