EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0667

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2016.
Loterie Nationale – Nationale Loterij NV van publiek recht vs Paul Adriaensen et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Antwerpen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Prattika kummerċjali qarrieqa – Skema promozzjonali piramidali – Kontribuzzjonijiet imħallsa minn membri ġodda u kumpens riċevut mill-membri eżistenti – Rabta finanzjarja indiretta.
Kawża C-667/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:958

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

tal-15 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Prattika kummerċjali qarrieqa — Skema promozzjonali piramidali — Kontribuzzjonijiet imħallsa minn membri ġodda u kumpens riċevut mill-membri eżistenti — Rabta finanzjarja indiretta”

Fil-Kawża C‑667/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Loterie Nationale – Nationale Loterij NV van publiek recht

vs

Paul Adriaensen,

Werner De Kesel,

The Right Frequency VZW,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Loterie Nationale – Nationale Loterij NV van publiek recht, minn J. Muyldermans, P. Maeyaert, P. Vlaemminck, avukati,

għal Paul Adriaensen u Werner De Kesel kif ukoll għal The Right Frequency VZW, minn R. Peeters, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22, u Korriġendum ĠU L 114, p. 86).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Loterie Nationale – Nationale Loterij NV van publiek recht (iktar ’il quddiem “Loterie Nationale”) u, min-naħa l-oħra, Paul Adriaensen u Werner De Kesel kif ukoll The Right Frequency VZW, dwar l-implementazzjoni u l-promozzjoni ta’ skema ta’ parteċipazzjoni kollettiva għal-lotteriji pubbliċi fil-Belġju, imsemmija “Lucky 4 All” (iktar ’il quddiem l-“iskema Lucky 4 All”).

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 8 tad-Direttiva 2005/29 hija fformulata kif ġej:

“Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. [...]”

4

Il-premessa 17 ta’ din id-direttiva tistipula:

“Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

5

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

6

L-Artikolu 2(d) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(d)

‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

7

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

8

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[...]

4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

a)

jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)

jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.   Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

9

L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prattiċi Kummerċjali li f’kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali”, jipprevedi, fil-punt 14 tiegħu:

“Fejn il-kummerċjant jistabbilixxi, jopera jew jippromwovi skema promozzjonali piramidali fejn konsumatur iħallas għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħrajn fl-iskema minflok mill-bejgħ jew konsum ta’ prodotti.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Loterie Nationale hija kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata stabbilita l-Belġju fejn hija responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ lotteriji pubbliċi. Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen, afdeling Antwerpen (qorti tal-kummerċ ta’ Antwerpen, sezzjoni ta’ Antwerpen, il-Belġju), din il-kumpannija riedet, b’mod partikolari, tikkonstata li l-iskema Lucky 4 All tikkostitwixxi skema promozzjonali piramidali pprojbita jew, minn tal-inqas, prattika kummerċjali qarrieqa.

11

Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2014, din il-qorti kkonstatat li l-implementazzjoni u l-promozzjoni tal-iskema Lucky 4 All jikkostitwixxu effettivament prattika kummerċjali qarrieqa. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ April 2014, 4finance (C‑515/12, EU:C:2014:211), sabiex prattika kummerċjali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “skema promozzjonali piramidali” fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, ma kinitx issodisfatta. B’mod iktar speċifiku, l-imsemmija qorti qieset li ma kienx ippruvat li l-finanzjament tal-kumpens mogħti lill-membri eżistenti fl-iskema Lucky 4 All kien jiddependi “primarjament” jew “prinċipalment” mill-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ membri ġodda.

12

Loterie Nationale appellat minn din is-sentenza quddiem il-hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), b’mod partikolari għar-raġuni li, fl-ewwel istanza, kien deċiż, b’mod żbaljat, li l-iskema Lucky 4 All ma kinitx tikkostitwixxi skema promozzjonali piramidali pprojbita.

13

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-iskema Lucky 4 All tippermetti li jiġu kkostitwiti gruppi ta’ persuni li jixtiequ jipparteċipaw fit-tlugħ tal-Lotto proposti minn Loterie Nationale. L-idea wara din l-iskema hija li l-plejers reċiprokament iżidu ċ-ċans tagħhom li jirbħu jekk jilagħbu flimkien. Grupp mimli ta’ plejers, kif previst mill-imsemmija skema, jikkostitwixxi piramida bi tmien livelli u jippermetti li tintlagħab, f’darba waħda, 9841 kombinazzjoni.

14

Mar-reġistrazzjoni tiegħu, kull parteċipant ġdid fl-iskema Lucky 4 All iħallas l-ewwel pagament fl-ammont ta’ EUR 10 sabiex jirċievi “pakkett ta’ dħul”, u wara kontribuzzjoni mensili ta’ madwar EUR 43. Dan l-ammont tal-aħħar jippermetti l-akkwist ta’ biljetti tal-Lotto. Wara li jħallas il-kontribuzzjoni mensili tiegħu, plejer jista’ jimla, onlajn, formola li tippermettilu jagħżel għaxar kombinazzjonijiet ta’ Lotto kull ġimgħa. Sussegwentement, rappreżentant ta’ din l-iskema jpoġġi l-biljetti tal-Lotto tal-parteċipanti kollha f’punt ta’ bejgħ. Fil-każ li jirbħu, l-ammonti jitqassmu skont skema ppredeterminata. B’mod iktar speċifiku, ir-rebbieħ ta’ kombinazzjoni jirċievi 50 % tat-total tar-rebħ u 40 % huma allokati lit-tmien livelli taħt din il-kombinazzjoni, fejn l-iskema Lucky 4 All tkun tokkupa hija nfisha l-ewwel erba’ livelli ta’ kull grupp, peress li l-ewwel plejers huma ammessi biss sa mil-livell 5. L‑10 % li jibqa’ mir-rebħ jerġgħu jiġu investiti fix-xiri ta’ kombinazzjonijiet ġodda. Fl-aħħar nett, ir-rebħ ta’ iktar minn EUR miljun ma jingħatawx lill-plejers, li r-rebħ eventwali tagħhom huwa għaldaqstant limitat għal dan l-ammont.

15

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li mis-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance (C‑515/12, EU:C:2014:211) jirriżulta li l-projbizzjoni tal-iskemi promozzjonali piramidali, kif iddefiniti fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29, hija bbażata fuq tliet kundizzjonijiet kumulattivi. F’dan il-każ, skont dik il-qorti, huwa stabbilit li l-iskema Lucky 4 All tissodisfa l-ewwel żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, din twiegħed il-kisba ta’ qligħ ekonomiku li jikkonsisti f’ċans ikbar ta’ rebħ u, min-naħa l-oħra, biex din il-wegħda sseħħ tiddependi mid-dħul ta’ dejjem iktar plejers ġodda.

16

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, il-qorti tar-rinviju tfakkar li din hija ssodisfatta biss jekk il-kontribuzzjonijiet tal-parteċipanti l-ġodda jiffinanzjaw essenzjalment il-kumpens mogħti lill-membri eżistenti. Din il-kundizzjoni teħtieġ konsegwentement l-eżistenza ta’ rabta finanzjarja bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa u l-kumpens mogħti. Madankollu, ma huwiex ċert li skema tkun tista’ tiġi pprojbita meta din ir-rabta tkun indiretta biss. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma adottatx pożizzjoni ċara f’dan ir-rigward fis-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance (C‑515/12, EU:C:2014:211).

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss:

“Sabiex ikun applikabbli l-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29[...], huwa meħtieġ li wieħed iqis li jkun hemm skema promozzjonali piramidali pprojbita biss jekk it-twettiq tal-wegħda finanzjarja magħmula lil membri eżistenti:

ikun jiddependi essenzjalment jew prinċipalment [primarjament jew prinċipalment] fuq it-trasferiment dirett tal-kontribuzzjonijiet [finanzjarji] tal-membri l-ġodda (“rabta diretta”),

jew

huwa biżżejjed li t-twettiq ta’ din il-wegħda finanzjarja favur membri eżistenti jkun jiddependi essenzjalment jew prinċipalment [primarjament jew prinċipalment] fuq ħlas indirett permezz tal-kontribuzzjonijiet [finanzjarji] ta’ membri eżistenti, jiġifieri mingħajr ma l-membri eżistenti jiksbu l-kumpens tagħhom essenzjalment jew prinċipalment mill-bejgħ tagħhom stess jew mill-konsum tagħhom stess ta’ prodotti jew ta’ servizzi, iżda t-twettiq tal-wegħda finanzjarja magħmula lilhom ikun jiddependi essenzjalment jew prinċipalment mill-abbonament u mill-kontribuzzjonijiet [finanzjarji] ta’ membri ġodda (“rabta indiretta”)?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qiegħda tiġi mitluba tivverifika jekk l-iskema Lucky 4 All għandhiex tiġi pprojbita skont il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29.

19

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ “skemi promozzjonali piramidali”, fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, hija bbażata fuq tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Qabelxejn, il-promozzjoni hija bbażata fuq il-wegħda li l-konsumatur ser ikollu l-opportunità li jagħmel qligħ ekonomiku. It-tieni nett, it-twettiq ta’ din il-wegħda jiddependi mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħrajn f’tali skema. Fl-aħħar nett, il-parti l-kbira tad-dħul li jippermetti li jiġi ffinanzjat il-kumpens imwiegħed lill-konsumaturi ma jirriżultax minn attività ekonomika reali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance, C‑515/12, EU:C:2014:211, punt 20).

20

Skont il-qorti tar-rinviju, l-organizzaturi tal-iskema Lucky 4 All implementaw u jippromwovu skema ta’ parteċipazzjoni kollettiva għat-tlugħ tal-Lotto propost minn Loterie Nationale li hija partikolarment kumplessa u li tissodisfa l-ewwel żewġ kundizzjonijiet elenkati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

21

Minn naħa, il-konsumaturi huma attirati bil-wegħda li jkunu jistgħu jagħmlu qligħ ekonomiku peress li l-parteċipazzjoni kollettiva fil-Lotto żżid b’mod kunsiderevoli ċ-ċans tagħhom li jirbħu f’din il-logħba tal-ażżard.

22

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-twettiq ta’ din il-wegħda jeħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ dejjem iktar plejers, li jirriżulta direttament mill-organizzazzjoni u mill-ħsieb innifsu wara l-iskema Lucky 4 All. Fil-fatt, il-gruppi ta’ plejers jieħdu l-forma ta’ piramidi li l-ewwel erba’ livelli tagħhom huma meħuda mill-iskema nfisha. Peress li t-tqassim tar-rebħ fi ħdan grupp jiffavorixxi l-livelli superjuri, hija qabelxejn l-iskema li tibbenefika mill-possibbiltajiet ogħla ta’ rebħ kif ukoll, sa ċertu punt, il-plejers eżistenti li rreklutaw membri oħrajn. Għaldaqstant kull plejer għandu interess, sabiex itejjeb il-pożizzjoni relattiva tiegħu, li jirrekluta plejers ġodda.

23

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tielet kundizzjoni dwar il-finanzjament tal-wegħda finanzjarja hijiex issodisfatta sa fejn il-punt 28 tas-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance (C‑515/12, EU:C:2014:211) tista’ tiġi interpretata fis-sens li din il-wegħda għandha tiġi ffinanzjata direttament mill-parteċipazzjoni ta’ membri ġodda.

24

Konsegwentement, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti li prattika kummerċjali tiġi kklassifikata bħala “skema promozzjonali piramidali” anki fil-każ li, skont dik il‑qorti, tkun teżisti biss rabta indiretta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri ġodda għal tali skema u l-kumpens li jirċievu l-membri eżistenti.

25

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ attività ekonomika reali li tippermetti li jiġi ġġenerat biżżejjed dħul sabiex jiġi ffinanzjat il-kumpens imwiegħed lill-konsumaturi, skema promozzjonali piramidali hija bbażata neċessarjament fuq il-kontribuzzjoni ekonomika tal-parteċipanti tagħha, għaliex il-possibbiltà għal membru ta’ din l-iskema li jikseb kumpens tiddependi essenzjalment minn spejjeż imħallsa minn membri addizzjonali (sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance, C‑515/12, EU:C:2014:211, punt 21).

26

Tali skema hija neċessarjament “piramidali” fis-sens li s-sostenibbiltà tagħha teħtieġ l-adeżjoni ta’ numru dejjem ikbar ta’ parteċipanti ġodda biex jiffinanzjaw il-kumpens mogħti lill-membri eżistenti. Dan jimplika wkoll li l-membri l-iktar reċenti għandhom inqas ċans li jirċievu kumpens għall-kontribuzzjoni tagħhom. Din l-iskema tieqaf milli tkun vijabbli meta ż-żieda fin-numru ta’ membri, li teoretikament għandha tkun infinita sabiex l-iskema titkompla, ma tkunx iktar biżżejjed sabiex jiġu ffinanzjati l-ħlasijiet imwiegħda lill-parteċipanti kollha (sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance, C‑515/12, EU:C:2014:211, punt 22).

27

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ “skema promozzjonali piramidali” fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 teżiġi li l-membri f’tali skema jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja (sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance, C‑515/12, EU:C:2014:211, punt 23).

28

Għall-istess raġunijiet, din il-klassifikazzjoni teħtieġ l-eżistenza ta’ rabta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn membri ġodda u l-kumpens riċevut mill-membri eżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance, C‑515/12, EU:C:2014:211, punt 27).

29

F’dak li jirrigwarda n-natura ta’ din ir-rabta, mill-formulazzjoni tal-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li l-finanzjament tal-kumpens li konsumatur jista’ jirċievi jiddependi “primarjament” jew “prinċipalment” mill-kontribuzzjonijiet imħallsa sussegwentement mill-parteċipanti l-ġodda fl-iskema (ara s-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance, C‑515/12, EU:C:2014:211, punt 28).

30

Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi dedott mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li r-rabta finanzjarja meħtieġa għandha neċessarjament tkun diretta. Dak li huwa rilevanti huwa l-klassifikazzjoni ta’ “primarji” jew ta’ “prinċipali” tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn parteċipanti ġodda f’tali skema. Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 konsegwentement jista’ jkun applikabbli għal skema li fiha teżisti rabta indiretta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn membri ġodda u l-kumpens li jirċievu l-membri eżistenti.

31

Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntrarja ta’ din id-dispożizzjoni tista’ timmina l-effett utli tagħha għaliex il-ħtieġa ta’ rabta diretta tippermetti li tiġi evitata faċilment il-projbizzjoni assoluta tal-iskemi promozzjonali piramidali.

32

Fir-rigward tar-rabta finanzjarja meħtieġa sabiex ikun hemm tali “[promozzjoni] piramidali”, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, iċ-ċans ta’ rebħ huwa marbut ma’ li jiddaħħal numru mingħajr limitu ta’ plejers ġodda fl-iskema Lucky 4 All, li huwa nnifsu huwa suġġett għal miżata tas-sħubija u għal imħatri regolari. Barra minn hekk, jidher li l-limitu fl-ammont ta’ rebħ, li l-probabbiltà li jintlaħaq tiżdied skont in-numru ta’ plejers, jikkontribwixxi wkoll għall-finanzjament ta’ din l-iskema. Tali rabta finanzjarja tidher li hija indiretta iżda ċerta. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dawn il-fatti.

33

Fi kwalunkwe każ, skema bħall-iskema Lucky 4 All tidher li tissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi kklassifikata bħala “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 peress li għandha l-għan li tiġġenera profitt għall-iskema nfisha, jiġifieri għall-promoturi ta’ din l-iskema u mhux għall-plejers biss. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonferma dan.

34

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti li prattika kummerċjali tiġi kklassifikata bħala “skema promozzjonali piramidali” anki fil-każ li tkun teżisti biss rabta indiretta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn membri ġodda għal tali skema u l-kumpens li jirċievu l-membri eżistenti.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”), għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti li prattika kummerċjali tiġi kklassifikata bħala “skema promozzjonali piramidali” anki fil-każ li tkun teżisti biss rabta indiretta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn membri ġodda għal tali skema u l-kumpens li jirċievu l-membri eżistenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top