Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0656

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs TV2/Danmark A/S.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Servizz pubbliku ta’ xandir – Miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tax-xandar Daniż TV2/Danmark – Kunċett ta’ “għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat”.
    Kawża C-656/15 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:836

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – L-Artikolu 107(1) TFUE. – Servizz pubbliku ta’ xandir – Miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tax-xandar Daniż TV2/Danmark – Kunċett ta’ ‘għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat’”

    Fil-Kawża C-656/15 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-7 ta’ Diċembru 2015,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u T. Maxian Rusche kif ukoll minn L. Grønfeldt, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn C. Zatschler u M. Schneider kif ukoll minn Í. Isberg u C. Perrin, bħala aġenti, bħala aġenti,

    intervenjenti fl-appell,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    TV2/Danmark A/S, stabbilita f’Odense (id-Danimarka), irrappreżentata minn O. Koktvedgaard, avukat,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn R. Holdgaard, avukat,

    Viasat Broadcasting UK Ltd, stabbilita f,West Drayton (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Honoré u S. Kalsmose-Hjelmborg, avukati,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, TV2/Danmark A/S (iktar ’il quddiem “TV2/Danmark”) titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Settembru 2015, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni (T-674/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:684), li biha din, minn naħa, annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C-2/03) għal TV2/Danmark (ĠU 2011, L 340, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), inkwantu l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat li d-dħul mir-reklamar għas-sena 1995 u għas-sena 1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors ta’ TV2/Danmark A/S intiż għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2

    TV2/Danmark hija kumpannija tax-xandir Daniża li ġiet stabbilita fl-1986. Hija ġiet stabbilita inizjalment fil-forma ta’ impriża statali awtonoma, hija ġiet ttrasformata, b’effetti ta’ kontabbiltà u fiskali fl-1 ta’ Jannar 2003, f’kumpannija b’responsabbiltà limitata. TV2/Danmark huwa t-tieni l-ikbar stazzjon televiżiv pubbliku fid-Danimarka, billi l-ewwel wieħed huwa Danmarks Radio.

    3

    Il-missjoni ta’ TV2/Danmark hija li jipprovdi u jiddistribwixxi programmi televiżivi nazzjonali u reġjonali. Id-distribuzzjoni tista’ ssir permezz ta’ apparat tar-radju, sistemi tas-satellita jew tal-kejbil. L-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq TV2/Danmark huma stabbiliti mill-Ministeru tal-Kultura.

    4

    Barra x-xandara pubbliċi, fis-suq Daniż kollu tat-televiżjoni joperaw xandara kummerċjali. Dawn huma b’mod partikolari, minn naħa, il-kumpannija Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ’il quddiem “Viasat”) u, min-naħa l-oħra, tal-grupp magħmul mill-kumpanniji SBS TV A/S u SBS Danish Television Ltd (iktar ’il quddiem “SBS”).

    5

    TV2/Danmark oriġinarjament ġiet ikkostitwita bl-għajnuna ta’ self mill-Istat b’interess u l-attività tagħha kellha, bħal dik ta’ Danmarks Radio, tiġi ffinanzjata bl-għajnuna tal-qligħ tad-drittijiet tal-liċenzji mħallsa mit-telespettaturi Daniżi. Il-leġiżlatur Daniż kien, madankollu, iddeċieda li, kuntrarjament għal Danmarks Radio, TV2/Danmark ikollha wkoll l-opportunità li tibbenefika, b’mod partikolari, mill-qligħ tal-attività ta’ reklamar.

    6

    Wara lment ippreżentat, fil-5 ta’ April 2000, mill-kumpannija SBS Broadcasting SA/Tv Danmark, is-sistema ta’ finanzjament ta’ TV2/Danmark kienet suġġetta għal eżami mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2006/217/KE tagħha, tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar il-miżuri meħuda mid-Danimarka favur TV2/Danmark (ĠU 2006, L 85, p. 1, rettifika fil-ĠU 2006, L 368, p. 112, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni TV2 I”). Din id-deċiżjoni kienet tkopri l-perijodu mill-1995 sal-2002 u kienet tirrigwarda l-miżuri segwenti: ir-riżorsi bbażati fuq id-dħul mil-liċenzji, it-trasferiment ta’ fondi responsabbli għall-finanzjament ta’ TV2/Danmark (Fond TV2 u Radiofonden), somom mogħtija ad hoc, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ interessi u mir-rimbors tal-kapital tas-self mogħti lil TV2/Danmark waqt il-kostituzzjoni tagħha, il-garanzija tal-Istat għas-self operattiv kif ukoll il-kundizzjonijiet favorevoli ta’ ħlas tad-dritt għal-liċenzji dovuta minn TV2/Danmark għall-użu tal-frekwenza ta’ trażmissjoni nazzjonali (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“miżuri kkonċernati”). Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ffokat ukoll fuq l-awtorizzazzjoni mogħtija lil TV2/Danmark sabiex ixxandar fuq frekwenzi lokali fin-netwerk u fuq l-obbligu tas-sidien kollha ta’ antenni komunali li jxandru l-programmi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 fuq il-faċilitajiet tagħhom.

    7

    Fit-tmiem tal-eżami tal-miżuri kkonċernati, il-Kummissjoni qieset li huma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba al-iskema ta’ finanzjament ta’ TV2/Danmark, li kienet intiża sabiex tikkumpensa l-ispiża tal-provvisti tagħha ta’ servizz pubbliku, ma kinitx tissodisfa t-tieni u r-raba’ kundizzjoni stabbiliti minn il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415, iktar ’il quddiem fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-“kundizzjonijiet Altmark”).

    8

    Il-Kummissjoni barra minn hekk iddeċidiet li l-għajnuna msemmija iktar ’il fuq, mogħtija bejn l-1995 u l-2002 mir-Renju tad-Danimarka lil TV2, kienet kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 106(2) TFUE bl-eċċezzjoni ta’ ammont ta’ DKK (kroner Daniżi) 628.2 miljun (madwar EUR 84.45 miljun) li hija tikklassifika bħala kumpens żejjed. Hija b’hekk ordnat lir-Renju tad-Danimarka l-irkupru ta’ dan l-ammont bl-interessi mingħand TV2/Danmark.

    9

    Id-Deċiżjoni TV2 I kien is-suġġett ta’ erba’ rikorsi għal annullament ippreżentati, minn naħa, minn TV2/Danmark (Kawża T-309/04) u mir-Renju tad-Danimarka (Kawża T-317/04) u, min-naħa l-oħra, mill-kompetituri ta’ TV2/Danmark, Viasat (Kawża T-329/04) u SBS (Kawża T-336/04).

    10

    Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni (T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04, EU:T:2008:457), il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija deċiżjoni. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li l-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lil TV2/Danmark kienet tissodisfa d-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tax-xandir. Madankollu, hija kkonstatat ukoll l-eżistenza ta’ diversi illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni TV2 I.

    11

    B’hekk, l-ewwel nett, meta eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ntiżi mid-deċiżjoni TV2 I kinux jinvolvu riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li għall-finijiet tal-klassifikazzjoni jew le bħala riżorsi tal-istat, il-Kummissjoni ma kinitx immotivat id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, de facto, tad-dħul mir-reklamar tas-snin 1995 sa 1996. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżami, mill-Kummissjoni, tad-domanda dwar jekk it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark kinux issodisfatti ma kinitx ibbażata fuq analiżi serja, tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi konkreti li fuq il-bażi tagħhom ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2/Danmark. Konsegwentement, id-deċiżjoni TV2 I kienet ivvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 106(2) TFUE, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ kumpens żejjed, kienu, huma wkoll, ivvizzjati bi żball ta’ motivazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa spjegat mill-assenza ta’ eżami serju tal-kundizzjonijiet konkreti, ġuridiċi u ekonomiċi, li wasslu sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2/Danmark matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

    12

    Insegwitu għall-annullament tad-deċiżjoni TV2 I, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid il-miżuri kkonċernati. F’din l-okkażjoni, hija kkonsultat lir-Renju tad-Danimarka u lil TV2/Danmark u, barra minn hekk, irċeviet ukoll osservazzjonijiet minn terzi.

    13

    Fit-tmiem tal-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

    14

    Dik id-deċiżjoni tikkonċerna l-miżuri meħuda fir-rigward ta’ TV2/Danmark bejn l-1995 u l-2002. Madankollu, waqt l-eżami tagħha, il-Kummissjoni qieset ukoll il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni meħuda matul l-2004 wara d-deċiżjoni TV2 I.

    15

    Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. L-ewwel nett, hija qieset li d-dħul tar-reklamar għas-snin 1995 u 1996 kien jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat u, it-tieni nett, meta vverifikat l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, ikkonkludiet li l-miżuri kkonċernati ma kinux jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark. Madankollu, filwaqt li fid-deċiżjoni TV2 I il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li s-somma ta’ DKK 628.2 miljun (madwar EUR 85 miljun) kienet tikkostitwixxi kumpens żejjed inkompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li din is-somma kienet riżerva ta’ fondi xierqa għal TV2/Danmark. Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, hija għaldaqstant iddikjarat kif ġej:

    “Artikolu 1

    Il-miżuri li d-Danimarka implimentat favur TV2/Danmark bejn l-1995 u l-2002 fil-forma ta’ fondi mid-drittijiet tal-liċenzja u miżuri oħra identifikati fid-deċiżjoni preżenti huma kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) [TFUE]”.

    Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    16

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2011, TV2/Danmark ippreżentat dan ir-rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    17

    Prinċipalment, TV2/Danmark talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kontestata, sa fejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-miżuri kkonċernati kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    18

    Sussidjarjament, TV2/Danmark tannulla d-deċiżjoni kontestata, sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset li:

    il-miżuri kkonċernati kollha kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida;

    ir-riżorsi meħuda mid-dħul mil-liċenzja li kienu, mill-1997 sal-2002, ittrasferiti lil TV2/Danmark, u wara mogħtija lill-istazzjonijiet reġjonali ta’ TV2/Danmark, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2/Danmark;

    id-dħul mir-reklamar li, fl-1995 u fl-1996, kif ukoll il-waqt l-istralċ tal-Fond TV2 fl-1997, ġew ittrasferiti mill-imsemmi fond lil TV2/Danmark kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2/Danmark.

    19

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li d-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-intervent tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    20

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2016, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, talbet, fuq il-bażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li titħalla tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

    21

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din kienet tannulla d-deċiżjoni kkontestata billi l-Kummissjoni kkunsidrat li d-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-intervent tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat;

    tiċħad fil-mertu t-tielet kap ta’ talbiet magħmul b’mod sussidjarju minn TV2/Danmark fl-ewwel istanza; u

    tikkundanna lil TV2/Danmark għall-ispejjeż.

    22

    TV2/Danmark titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    23

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba li din id-deċiżjoni tikkonkludi li d-dħul mir-reklamar għas-sena 1995 u għas-sena 1996 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat; u

    tiċħad fil-mertu t-tielet kap ta’ talbiet magħmul b’mod sussidjarju minn TV2/Danmark fl-ewwel istanza.

    24

    Viasat titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din kienet tannulla d-deċiżjoni kkontestata li tikkonstata li d-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna;

    li tiċħad fuq il-mertu t-tielet parti tal-kap tat-talbiet sussidjarji ta’ TV2/Danmark fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

    tikkundanna lil TV2/Danmark għall-ispejjeż.

    25

    Ir-Renju tad-Danimarka jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell.

    Fuq l-appell

    L-argumenti tal-partijiet

    26

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed li permezz tiegħu hija ssostni, essenzjalment, li qieset li hija kienet ikklassifikat ħażin bħala għajnuna mill-Istat id-dħul mir-reklamar għas-sena 1995 u s-sena 1996 ittrasferiti minn TV2 Reklame A/S lil TV2/Danmark, permezz tal-intervent ta’ Fond TV2, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

    27

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, peress li TV2 Reklame kienet impriża pubblika li tagħha l-uniku azzjonist kien l-Istat Daniż, din il-kumpannija kienet totalment taħt il-kontroll u għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar, b’tali mod li r-riżorsi tagħha kellhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    28

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-oriġini tar-riżorsi kkonċernati hija irrilevanti għall-finijiet ta’ tali klassifikazzjoni u li n-natura inizjalment privata ta’ dawn ir-riżorsi ma tistax iċċaħħadhom mill-istatus tagħhom bħala riżorsi tal-Istat.

    29

    Madankollu, peress li fil-punti 208, 211 u 212 tas-sentenza appellata, ġie deċiż li r-riżorsi minn partijiet terzi, bħal impriżi pubbliċi, għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat biss jekk kienu ġew jew volontarjament mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Istat mill-proprjetarji tagħhom, jew abbandunati minn dawn tal-aħħar u amministrati mill-Istat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    30

    Il-Kummissjoni tqis ukoll li huwa superfluwu li wieħed jistaqsi jekk l-Istat jeżerċitax kontroll fuq ir-riżorsi kkonċernati, peress li l-kontroll eżerċitat mill-Istat fuq intrapriża pubblika jimplika li jeżerċita kontroll fuq ir-riżorsi ta’ din tal-aħħar.

    31

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-punti 212, 214 u 215 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta tat interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ “kontroll” fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-Istat Daniż kienx jeżerċita kontroll fuq ir-riżorsi ittrasferiti minn TV2 Reklame lil TV2/Danmark, permezz tal-Fond TV2.

    32

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li l-element deċiżiv ma jaqax taħt il-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet Daniżi, f’dan il-każ il-Ministru tal-Kultura, effettivament iddisponew minn dawn ir-riżorsi u ddeċidew dwar l-allokazzjoni tagħhom, iżda fil-fatt li huma kellhom l-possibbiltà. Għalhekk, il-fatt li, għas-snin 1995 u 1996, il-Ministru tal-Kultura ddeċieda li jittrasferixxi l-profitti kollha ta’ TV2 Reklame lill-Fond TV2 ma kienx rilevanti għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk dawk ir-riżorsi kinux ikkontrollati mill-Istat, meta kellu l-possibbiltà li jiddeċiedi li huma jservu fini ieħor għajr dak it-trasferiment.

    33

    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, fil-punti 209 u 213 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza PreussenElektra tat-13 ta’ Marzu 2001, (C-379/98, EU:C:2001:160) u għamlet paralleliżmu mhux xieraq bejn dik is-sentenza u l-kawża preżenti.

    34

    L-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA u Viasat jikkunsidraw, bħall-Kummissjoni, li, meta jitqies li d-dħul mir-reklamar ikkonċernat ma jikkostitwixxix “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u lanqas, konsegwentement, għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    35

    TV2/Danmark u r-Renju tad-Danimarka jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni.

    36

    Huma jargumentaw b’mod partikolari li l-kontroll tal-Istat Daniż fuq id-dħul mir-reklamar imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2 fis-snin 1995 u 1996 kien teoretiku, minħabba li d-disponibbiltà ta’ tali dħul kienet suġġetta għall-kundizzjoni li l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ TV2/Danmark ġew sodisfatti għall-ewwel darba, u li, fil-fatt, id-dħul kollu ġie ttrasferit lil TV2/Danmark.

    37

    TV2/Danmark u r-Renju tad-Danimarka jikkunsidraw li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Daniż.

    38

    Barra minn hekk, TV2/Danmark u r-Renju tad-Danimarka jikkunsidraw li billi ċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti jikkonformaw mas-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98,EU:C:2001:160), il-Qorti Ġenerali ma wettaqx żball ta’ liġi.

    39

    Fl-aħħar nett, ir-Renju tad-Danimarka jikkunsidra li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn id-dħul mir-reklamar ittrasferit minn TV2 Reklame għal TV2/Danmark permezz tal-Fond TV u r-riżorsi miksuba mil-liċenzja awdjoviżiva ttrasferita mill-Fond TV2 għal TV2/Danmark iġġustifikat mill-fatt li dawn tal-ewwel joriġinaw minn pagamenti magħmula minn reklami privati lil TV2 Reklame, filwaqt li dawn tal-aħħar huma l-prodott ta’ taxxa imposta mill-Istat biex jiżgura l-iffinanzjar tas-servizz pubbliku Daniż tax-xandir.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    40

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE teżiġi li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    L-imsemmija dispożizzjoni ssemmi erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkollu l-potenzjal li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan l-intervent irid jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, EU:C:2003:415, punt 75; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 64, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 15).

    42

    F’dan il-każ, l-ewwel waħda biss minn dawn il-kundizzjonijiet hija kontenzjuża.

    43

    Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni li l-benefiċċju jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li miżuri li ma jinvolvux trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 36, tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C-677/11, EU:C:2013:348, punt 34, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 19).

    44

    Għalhekk, il-kunċett ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat hija intiża li jinkludi, barra l-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, dawk mogħtija permezz ta’ organu pubbliku jew privat, stabbilit jew maħtur minn dan l-Istat sabiex tiġi ġestita l-għajnuna (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, EU:C:2001:160, punt 58; tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C-677/11, EU:C:2013:348, punt 26, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 20).

    45

    Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi responsabbli mid-distribuzzjoni tal-għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli daw l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 23).

    46

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jew le jagħmlu parti b’mod permanenti mill-patrimonju tal-Istat. Għaldaqstant, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma jkunux jinsabu b’mod permanenti fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li dawn jibqgħu b’mod kostanti taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 37; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 70; tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C-677/11, EU:C:2013:348, punt 35, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 21).

    47

    Minn dan isegwi li, meta r-riżorsi ta’ impriżi pubbliċi jaqgħu taħt il-kontroll tal-Istat u għalhekk huma għad-dispożizzjoni tal-Istat, dawn ir-riżorsi jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, l-Istat huwa perfettament kapaċi, billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq dawn l-impriżi, li jidderieġi l-użu tar-riżorsi tagħhom sabiex, meta jkun hemm l-okkażjoni, jiffinanzjaw vantaġġi speċifiċi favur impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 38).

    48

    Il-fatt li r-riżorsi kkonċernati huma ġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika jew li huma ta’ oriġini privata ma għandux impatt f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 35, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, EU:C:2003:252, punt 33).

    49

    Kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 176 tas-sentenza appellata, matul is-sena 1995 u s-sena 1996 l-ispazji tar-reklamar ta’ TV2/Danmark ma kinux ikkummerċjalizzati minn TV2/Danmark innifisha, iżda minn kumpannija terza, TV2 Reklame, u d-dħul minn dik il-kummerċjalizzazzjoni ġie ttrasferit lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2.

    50

    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li, bħal TV2/Danmark, TV2 Reklame u l-Fond TV2 kienu impriżi pubbliċi tal-Istat Daniż, u li ġew fdati bil-ġestjoni tat-trasferiment, lejn TV2/Danmark, tad-dħul mit-tqegħid fis-suq ta’ dan l-ispazji ta’ reklamar.

    51

    Għalhekk, il-kanal kollu użat minn dan id-dħul sakemm ġie ttrasferiti lil TV2/Danmark kien irregolat mil-leġiżlazzjoni Daniża, li skontha l-impriżi pubbliċi speċjalment imqabbda mill-Istat kienu responsabbli għall-ġestjoni ta’ tali dħul.

    52

    Id-dħul inkwistjoni kien, minħabba dan il-fatt, taħt kontroll pubbliku u għad-dispożizzjoni tal-Istat, li seta’ jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tagħhom.

    53

    Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-paragrafi 43 sa 48 ta’ din is-sentenza, id-dħul inkwistjoni jikkostitwixxi “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    54

    Minn dan jirriżulta li, peress li ddeċidiet, fil-punt 220 tas-sentenza appellata, li d-dħul għas-snin 1995 u 1996 li kien ġej mill-kummerċjalizzazzjoni, minn TV2 Reklame tal-ispazji ta’ reklamar ta’ TV2/Danmark u ttrasferit lil TV2/Danmark minn TV2 Reklame permezz tal-Fond TV2, ma kienx jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat u li, konsegwentement, il-Kummissjoni b’mod żbaljat iddeskrivietu bħala għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    55

    Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza u kuntrarjament għall-punt 211 tas-sentenza appellata, il-fatt li dan id-dħul li kien ġej minn reklamar kien ta’ oriġini privata huwa bla effett, f’dan ir-rigward u irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk kienx ikkontrollat mill-awtoritajiet Daniżi.

    56

    Barra minn hekk, fil-punti 208 u 212 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li riżorsi ġestiti minn impriżi pubbliċi jistgħu, meta jkunu ġejjin minn terzi, jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat biss meta volontarjament jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istat mill-proprjetarji tagħhom jew meta abbandunati minnhom u li l-Istat kien assuma l-ġestjoni tagħhom.

    57

    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Qorti Ġenerali, tali kunsiderazzjoni ma għandhiex bażi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    58

    L-istess japplika fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jissemmew fil-punti 214, 215 u 217 tas-sentenza appellata, skont liema hija biss dik il-parti ta’ dak id-dħul li, b’deċiżjoni tal-Ministru tal-Kultura, ma ġiex ittrasferit lil TV2/Danmark kien probabbilment jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat u li l-assenza ta’ obbligu tat-trasferiment tad-dħul ta’ kull sena mill-Fond TV2 lil TV2/Danmark ma setax iwassal għal evalwazzjoni differenti.

    59

    Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 49 sa 52 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ kontroll pubbliku fuq id-dħul mir-reklamar inkwistjoni rriżulta mill-fatt li kienu ġestiti minn impriżi pubbliċi li huma proprjetà tal-Istat Daniż. Barra minn hekk, huwa stabbilit li skont il-leġiżlazzjoni Daniża, il-Ministru tal-Kultura kellu l-possibbiltà li jiddeċiedi li dan id-dħul jintuża għal fini ieħor għajr trasferiment għall-Fond TV2.

    60

    Fl-aħħar nett, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex komparabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001 (PreussenElektra, C-379/98, EU:C:2001:160), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu fuq impriżi privati ta’ provvista ta’ elettriku, li jixtru, bi prezzijiet minimi fissi l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu ma jwassal għal ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, EU:C:2001:160, punt 59; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 74, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 34).

    61

    Fil-fatt, din il-kawża tal-aħħar, tirrigwarda impriżi privati li ma ġewx imqabbda mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat, iżda kienu marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 74; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 35, kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás, C-275/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2314, punt 32).

    62

    Barra minn hekk, fl-imsemmija kawża, il-fondi inkwistjoni ma setgħux jitqiesu bħala riżorsa tal-Istat peress li fl-ebda mument ma kienu taħt il-kontroll pubbliku (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 36, kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás, C-275/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2314, punt 32).

    63

    Issa, Kif diġà ġie rrilevat, din il-kawża tikkonċerna impriżi pubbliċi, f’dan il-każ TV2 Reklame u Fond TV2, stabbiliti, miżmuma u mqabbda mill-Istat Daniż biex jiġġestixxu d-dħul mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ reklamar ta’ impriża pubblika oħra, jiġifieri TV2/Danmark, b’tali mod li dan id-dħul kien taħt kontroll u għad-dispożizzjoni tal-Istat Daniż.

    64

    Konsegwentement, peress li ġie deċiż, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża kienet analoga għal dik fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001 (PreussenElektra, C-379/98, EU:C:2001:160), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    65

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa xieraq li jintlaqa’ l-unika aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha u li tiġi annullata s-sentenza appellata, sa fejn annullat id-deċiżjoni kkontestata peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li d-dħul mir-reklamar ta s-snin 1995 u l-1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz ta’ Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    66

    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ wkoll jew hija stess tiddeċiedi definittivament it-tilwima, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

    67

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li hija tiddeċiedi definittivament fuq ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentat minn TV2/Danmark.

    68

    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 43 sa 64 ta’ din is-sentenza, ir-raba’ aggravju mqajjem minn TV2/Danmark, invokat insostenn tat-tielet kap ta’ talbiet imressqa sussidjarjament għandu jiġi miċħud.

    69

    Għaldaqstant ir-rikors ta’ TV2/Danmark għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    70

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ definittivament il-kawża, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

    71

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

    72

    Peress li tilfet l-aggravji tagħha, hemm lok li TV2/Danmark tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha kif mitlub mill-Kummissjoni u minn Viasat, l-ispejjeż kollha sostnuti mill‑Kummissjoni u minn Viasat kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l‑appell.

    73

    L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    74

    Ir-Renju tad-Danimarka, li kien intervenjenti fl-ewwel istanza, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    75

    Skont l-Artikolu 140(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess meta hija tkun intervjeniet fil-kawża.

    76

    Konsegwentement, bħala intervenjenti fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Settembru 2015, TV2/Danmark A/S vs Il-Kummissjoni (T-674/11, EU:T:2015:684) hija annullata sa fejn annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C-2/03) għal TV2/Danmark, inkwantu l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat li d-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

     

    2)

    Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn TV2/Danmark A/S kontra d-Deċiżjoni 2011/839 huwa miċħud.

     

    3)

    TV2/Danmark A/S għandha tbati minbarra l-ispejjeż tagħha stess, it-totalità ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u minn Viasat Broadcasting UK Ltd kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

     

    4)

    Ir-Renju tad-Danimarka u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwi tal-kawża: id-Daniż.

    Top