Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0649

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017.
TV2/Danmark A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE. – Servizz pubbliku ta’ xandir – Miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tax-xandar Daniż TV2/Danmark – Kunċett ta’ ‘għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat’ – Sentenza Altmark.
Kawża C-649/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:835

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE. – Servizz pubbliku ta’ xandir – Miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tax-xandar Daniż TV2/Danmark – Kunċett ta’ ‘għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat’ – Sentenza Altmark”

Fil-Kawża C-649/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-3 ta’ Diċembru 2015,

TV2/Danmark A/S, stabbilita f’Odense (id-Danimarka), irrappreżentata minn O. Koktvedgaard, avukat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u B. Stromsky kif ukoll minn L. Grønfeldt, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn R. Holdgaard, avukat,

Viasat Broadcasting UK Ltd, stabbilita f’West Drayton (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Kalsmose-Hjelmborg u M. Honoré, avukati,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, TV2/Danmark A/S (iktar ’il quddiem “TV2/Danmark”) titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Settembru 2015, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni (T-674/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:684), li biha din, minn naħa, annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C-2/03) għal TV2/Danmark (ĠU 2011, L 340, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), inkwantu l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat li d-dħul mir-reklamar għas-sena 1995 u għas-sena 1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors tagħha.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

TV2/Danmark hija kumpannija tax-xandir Daniża li ġiet stabbilita fl-1986. Hija ġiet stabbilita inizjalment fil-forma ta’ impriża statali awtonoma, hija ġiet ttrasformata, b’effetti ta’ kontabbiltà u fiskali fl-1 ta’ Jannar 2003, f’kumpannija b’responsabbiltà limitata. TV2/Danmark huwa t-tieni l-ikbar stazzjon televiżiv pubbliku fid-Danimarka, billi l-ewwel wieħed huwa Danmarks Radio.

3

Il-missjoni ta’ TV2/Danmark hija li jipprovdi u jiddistribwixxi programmi televiżivi nazzjonali u reġjonali. Id-distribuzzjoni tista’ ssir permezz ta’ apparat tar-radju, sistemi tas-satellita jew tal-kejbil. L-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq TV2/Danmark huma stabbiliti mill-Ministeru tal-Kultura.

4

Barra x-xandara pubbliċi, fis-suq Daniż kollu tat-televiżjoni joperaw xandara kummerċjali. Dawn huma b’mod partikolari, minn naħa, il-kumpannija Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ’il quddiem “Viasat”) u, min-naħa l-oħra, tal-grupp magħmul mill-kumpanniji SBS TV A/S u SBS Danish Television Ltd (iktar ’il quddiem “SBS”).

5

TV2/Danmark oriġinarjament ġiet ikkostitwita bl-għajnuna ta’ self mill-Istat b’interess u l-attività tagħha kellha, bħal dik ta’ Danmarks Radio, tiġi ffinanzjata bl-għajnuna tal-qligħ tad-drittijiet tal-liċenzji mħallsa mit-telespettaturi Daniżi. Il-leġiżlatur Daniż kien, madankollu, iddeċieda li, kuntrarjament għal Danmarks Radio, TV2/Danmark ikollha wkoll l-opportunità li tibbenefika, b’mod partikolari, mill-qligħ tal-attività ta’ reklamar.

6

Wara lment ippreżentat, fil-5 ta’ April 2000, mill-kumpannija SBS Broadcasting SA/Tv Danmark, is-sistema ta’ finanzjament ta’ TV2/Danmark kienet suġġetta għal eżami mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2006/217/KE tagħha, tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar il-miżuri meħuda mid-Danimarka favur TV2/Danmark (ĠU 2006, L 85, p. 1, rettifika fil-ĠU 2006, L 368, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni TV2 I”). Din id-deċiżjoni kienet tkopri l-perijodu mill-1995 sal-2002 u kienet tirrigwarda l-miżuri segwenti: ir-riżorsi bbażati fuq id-dħul mil-liċenzji, it-trasferiment ta’ fondi responsabbli għall-finanzjament ta’ TV2/Danmark (Fond TV2 u Radiofonden), somom mogħtija ad hoc, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ interessi u mir-rimbors tal-kapital tas-self mogħti lil TV2/Danmark waqt il-kostituzzjoni tagħha, il-garanzija tal-Istat għas-self operattiv kif ukoll il-kundizzjonijiet favorevoli ta’ ħlas tad-dritt għal-liċenzji dovuta minn TV2/Danmark għall-użu tal-frekwenza ta’ trażmissjoni nazzjonali (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“miżuri kkonċernati”). Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ffokat ukoll fuq l-awtorizzazzjoni mogħtija lil TV2/Danmark sabiex ixxandar fuq frekwenzi lokali fin-netwerk u fuq l-obbligu tas-sidien kollha ta’ antenni komunali li jxandru l-programmi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 fuq il-faċilitajiet tagħhom.

7

Fit-tmiem tal-eżami tal-miżuri kkonċernati, il-Kummissjoni qieset li huma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba al-iskema ta’ finanzjament ta’ TV2/Danmark, li kienet intiża sabiex tikkumpensa l-ispiża tal-provvisti tagħha ta’ servizz pubbliku, ma kinitx tissodisfa t-tieni u r-raba’ kundizzjoni stabbiliti minn il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415, iktar ’il quddiem fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-“kundizzjonijiet Altmark”).

8

Il-Kummissjoni barra minn hekk iddeċidiet li l-għajnuna msemmija iktar ’il fuq, mogħtija bejn l-1995 u l-2002 mir-Renju tad-Danimarka lil TV2/Danmark, kienet kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 106(2) TFUE) bl-eċċezzjoni ta’ ammont ta’ DKK (kroner Daniżi) 628.2 miljun (madwar EUR 84.45 miljun) li hija tikklassifika bħala “kumpens żejjed”. Hija b’hekk ordnat lir-Renju tad-Danimarka l-irkupru ta’ dan l-ammont bl-interessi mingħand TV2/Danmark.

9

Id-Deċiżjoni TV2 I kien is-suġġett ta’ erba’ rikorsi għal annullament ippreżentati, minn naħa, minn TV2/Danmark (Kawża T-309/04) u mir-Renju tad-Danimarka (Kawża T-317/04) u, min-naħa l-oħra, mill-kompetituri ta’ TV2/Danmark, Viasat (Kawża T-329/04) u SBS (Kawża T-336/04).

10

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni (T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04, EU:T:2008:457), il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija deċiżjoni. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li l-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lil TV2/Danmark kienet tissodisfa d-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tax-xandir. Madankollu, hija kkonstatat ukoll l-eżistenza ta’ diversi illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni TV2 I.

11

B’hekk, l-ewwel nett, meta eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ntiżi mid-deċiżjoni TV2 I kinux jinvolvu riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li għall-finijiet tal-klassifikazzjoni jew le bħala riżorsi tal-istat, il-Kummissjoni ma kinitx immotivat id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, de facto, tad-dħul mir-reklamar tas-snin 1995 sa 1996. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżami, mill-Kummissjoni, tad-domanda dwar jekk it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark kinux issodisfatti ma kinitx ibbażata fuq analiżi serja, tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi konkreti li fuq il-bażi tagħhom ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2/Danmark. Konsegwentement, id-deċiżjoni TV2 I kienet ivvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 106(2) TFUE, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ kumpens żejjed, kienu, huma wkoll, ivvizzjati bi żball ta’ motivazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa spjegat mill-assenza ta’ eżami serju tal-kundizzjonijiet konkreti, ġuridiċi u ekonomiċi, li wasslu sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2/Danmark matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

12

Sussegwentement għall-annullament tad-deċiżjoni TV2 I, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid il-miżuri kkonċernati. F’din l-okkażjoni, hija kkonsultat lir-Renju tad-Danimarka u lil TV2/Danmark u, barra minn hekk, irċeviet ukoll osservazzjonijiet minn terzi.

13

Fit-tmiem tal-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

14

Dik id-deċiżjoni tikkonċerna l-miżuri meħuda fir-rigward ta’ TV2/Danmark bejn l-1995 u l-2002. Madankollu, waqt l-eżami tagħha, il-Kummissjoni qieset ukoll il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni meħuda matul l-2004 wara d-deċiżjoni TV2 I.

15

Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. L-ewwel nett, hija qieset li d-dħul tar-reklamar għas-snin 1995 u 1996 kien jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat u, it-tieni nett, meta vverifikat l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, ikkonkludiet li l-miżuri kkonċernati ma kinux jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark. Madankollu, filwaqt li fid-deċiżjoni TV2 I il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li s-somma ta’ DKK 628.2 miljun (madwar EUR 85 miljun) kienet tikkostitwixxi kumpens żejjed inkompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li din is-somma kienet riżerva ta’ fondi xierqa għal TV2/Danmark. Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, hija għaldaqstant iddikjarat kif ġej:

“Artikolu 1

Il-miżuri li d-Danimarka implimentat favur TV2/Danmark bejn l-1995 u l-2002 fil-forma ta’ fondi mid-drittijiet tal-liċenzja u miżuri oħra identifikati fid-deċiżjoni preżenti huma kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) [TFUE]”.

Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2011, TV2/Danmark ippreżentat dan ir-rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

17

Prinċipalment, TV2/Danmark talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kontestata, sa fejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-miżuri kkonċernati kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

18

Sussidjarjament, TV2/Danmark tannulla d-deċiżjoni kontestata, sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset li:

il-miżuri kkonċernati kollha kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida;

ir-riżorsi meħuda mid-dħul mil-liċenzja li kienu, mill-1997 sal-2002, ittrasferiti lil TV2/Danmark, u wara mogħtija lill-istazzjonijiet reġjonali ta’ TV2/Danmark, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2/Danmark;

id-dħul mir-reklamar li, fl-1995 u fl-1996, kif ukoll il-waqt l-istralċ tal-Fond TV2 fl-1997, ġew ittrasferiti mill-imsemmija fond lil TV2/Danmark kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2/Danmark.

19

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li d-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-intervent tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

20

Permezz tal-appell tagħha, TV2/Danmark titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

li tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad il-kap ta’ talbiet prinċipali fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex tiddeċiedi fuq din tal-aħħar u tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonkludi li l-miżuri eżaminati jikkostitwixxu għajnuna tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 (1) tat-TFUE, jew, sussidjarjament, li tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali;

tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija tiċħad it-tieni parti tal-kap tat-talbiet sussidjarji tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi fuq din tal-aħħar u tannulla d-deċiżjoni kkontestata billi tikkonkludi li r-riżorsi derivati mill-miżata li ġew, mis-sena 1997 sas-sena 2002, ittrasferiti lil TV2/Danmark, imbagħad ittrasferiti għall-istazzjonijiet reġjonali, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2/Danmark, jew, sussidjarjament, li tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali;

tannulla s-sentenza appellata, sa fejn tordnalha tbati l-ispejjeż tagħha stess, kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn TV2/Danmark, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jew, jekk il-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, li tadixxiha wkoll sabiex tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

21

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil TV2/Danmark għall-ispejjeż.

22

Ir-Renju tad-Danimarka jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tilqa’ l-appell fl-intier tiegħu.

23

Viasat titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fl-aggravji kollha tiegħu;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla s-sentenza kollha jew parti minnha, sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata fuq il-punti kkontestati minn TV2/Danmark, u

tikkundanna lil TV2/Danmark għall-ispejjeż sostnuti minn Viasat kemm quddiem il-Qorti Ġenerali u kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-appell

24

Insostenn tal-appell tagħha, TV2/Danmark tinvoka żewġ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

25

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, TV2/Danmark issostni li meta ċaħdet il-kap ta’ talbiet prinċipali fir-rikors tagħha abbażi ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tar-raba’ kundizzjoni Altmark, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

26

TV2/Danmark tikkunsidra b’mod partikolari li, fid-dawl tan-natura partikolari tal-missjoni ta’ servizz pubbliku li hija obbligata twettaq u l-applikazzjoni retroattiva tal-kundizzjonijiet Altmark, il-Qorti Ġenerali kellha obbligu li ma tipproċedix b’interpretazzjoni u applikazzjoni strettament litterali tar-raba’ kundizzjoni Altmark, iżda tillimita ruħha biex tivverifika jekk, f’dan il-każ, l-għan tagħha kienx milħuq.

27

Fil-fatt, skont TV2/Danmark, din l-applikazzjoni hija impossibbli peress li s-settur ta’ attività ta’ fejn topera huwa nieqes mid-dimensjoni kompetittiva u kummerċjali u għaldaqstant ma teżistix “impriża ta’ riferiment” li magħha jista’ jsir il-paragun meħtieġ mill-imsemmija kundizzjoni.

28

Għaldaqstant, TV2/Danmark issostni li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika r-raba’ kundizzjoni Altmark fir-rigward tal-għan tagħha, u tikkonstata li, fid-dawl tal-kontroll tal-kontijiet ta’ TV2 magħmula mir-Rigsrevisionen (qorti tal-awdituri, id-Danimarka), dan l-għan kien intlaħaq. Konsegwentement, hija kellha l-obbligu li tikkunsidra li dik il-kundizzjoni ġiet issodisfatta.

29

TV2/Danmark iżżid tgħid li t-teżi tagħha hija kkonfortata mill-fatt li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet Altmark ġew applikati b’mod retroattiv kif ukoll permezz tal-preġudizzju għaċ-ċertezza legali li tirriżulta minnha.

30

Ir-Renju tad-Danimarka jikkondividi mal-argumenti ta’ TV2/Danmark.

31

Il-Kummissjoni u Viasat jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dan l-ewwel aggravju ta’ TV2/Danmark u jsostnu li huwa kompletament infondat.

32

Fir-replika tagħha, TV2/Danmark tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni u ta’ Viasat li bih jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-appell tagħha, billi ssostni, essenzjalment, li l-aggravji u l-argumenti tagħha li jinsabu fl-appell jqajmu kwistjonijiet ta’ liġi.

33

Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-appell ta’ TV2/Danmark huwa ammissibbli. B’mod partikolari skontu, il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark hija punt ta’ liġi u l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw din il-kwistjoni jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet legali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza jew tad-digriet li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u l-BĊE, C-8/15 P sa C-10/15 P, EU:C:2016:701, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Appell li jillimita ruħu għal repetizzjoni jew riproduzzjoni testwali tal-motivi u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, appell bħal dan fir-realtà huwa talba sabiex jerġa’ jiġi eżaminat ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u l-BĊE, C-8/15 P sa C-10/15 P, EU:C:2016:701, punt 37, kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u dawn il-provi ma tikkostitwixxix, sakemm ma jkunux ġew żnaturati, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-279/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:461, punt 36).

37

Issa permezz tal-ewwel aggravju tagħha, TV2/Danmark tillimita ruħha, essenzjalment, li tirrepeti jew tirriproduċi argumenti li hija diġà ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, bil-għan li tikseb eżami mill-ġdid, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tar-rikors għal annullament tagħha.

38

Barra minn hekk, dan l-aggravju ma jifformulax argumenti legali b’mod preċiż, li huma intiżi speċifikament li jidentifikaw żball ta’ liġi li bihom hija vvizzjata s-sentenza appellata f’dan ir-rigward, iżda huwa bbażat fuq kontestazzjoni ta’ evalwazzjonijiet ta’ fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-assenza ta’ dimensjoni kompetittiva u kummerċjali fis-settur tax-xandir, l-eżistenza ta’ impriża medja, amministrata tajjeb u adegwatament mgħammra li magħha jistgħu jitqabblu l-ispejjeż ta’ TV2/Danmark kif ukoll n-natura tal-verifiki tal-kontijiet ta’ TV2/Danmark imwettqa mir-Rigsrevisionen (qorti tal-awdituri, id-Danimarka). Issa, f’dan ir-rigward TV2/Danmark ma tinvoka ebda żnaturament manifest tal-fatti jew tal-provi.

39

Barra minn hekk, TV2/Danmark ma turix li evalwazzjoni differenti tal-fatti jew ta’ interpretazzjoni teleoloġika tar-raba’ kundizzjoni ta’ Altmark kienet twassal għal evalwazzjoni differenti minn dik tal-Qorti Ġenerali.

40

Barra minn hekk, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll, fil-punti 132 sa 148 tas-sentenza appellata, li, fi kwalunkwe każ, anki jekk, f’dan il-każ, ir-raba’ kundizzjoni Altmark kellha tiġi applikata fis-sustanza tagħha jew inqas rigoruża, l-argumenti ppreżentati minn TV2/Danmark baqgħu insuffiċjenti sabiex juru li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ dik ir-raba’ kundizzjoni, l-ewwel motiv juri natura ineffettiva.

41

L-istess jgħodd għall-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-kundizzjonijiet Altmark, peress li dawn il-kundizzjonijiet jippermettu li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE miżuri li, fl-assenza tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), mill-bidu nett, huma koperti mill-kunċett ta’ “għajnuna” msemmi f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma jistax jiffavorixxi t-talbiet ta’ TV2/Danmark.

42

Konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

43

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, TV2/Danmark issostni li billi l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-mertu u ċaħdet it-tieni kap ta’ talbiet sussidjarji, filwaqt li TV2/Danmark u l-Kummissjoni ma kinux f’nuqqas ta’ qbil dwar il-klassifikazzjoni tar-riżorsi bbażati fuq id-drittijiet mil-liċenzja mħallsa minn TV2/Danmark lill-istazzjonijiet reġjonali, din tal-aħħar iddeċidiet ultra petita, eċċediet il-limiti tal-istħarriġ ta’ legalità u kisret il-prinċipju tal-kontradittorju.

44

Barra minn hekk, TV2/Danmark issostni li l-evalwazzjoni tal-mertu mill-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-dritt Daniż.

45

B’mod partikolari, TV2/Danmark issostni li r-regolamenti nazzjonali ma jimponux li titħallas remunerazzjoni lill-istazzjonijiet reġjonali tagħha għall-provvista tal-programmi reġjonali li xxandar. Barra dan, lanqas ma jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni li t-trasferiment għal dawk l-istazzjonijiet tar-riżorsi derivati mil-liċenzja kien jikkostitwixxi obbligu ta’ remunerazzjoni li TV2/Danmark assumiet hija stess fir-rigward tal-imsemmija istazzjonijiet bħala korrispettiv għall-provvista ta’ dawk il-programmi.

46

Ir-Renju tad-Danimarka jikkondividi mal-argumenti ta’ TV2/Danmark.

47

Il-Kummissjoni u Viasat jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju u jsostnu li, fi kwalunkwe każ, ma huwiex fondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Peress li t-tieni motiv, essenzjalment, jikkonsisti fil-kontestazzjoni tal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-dritt Daniż, preliminarjament, għandu jiġi nnotat li din hija kwistjoni ta’ fatt li fil-prinċipju hija barra mill-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja.

49

Għalhekk, fir-rigward tal-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fid-dawl tad-dritt nazzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt (ara sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C-559/12 P, EU:C:2014:217, punt 79, u tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, C-449/14 P, EU:C:2016:848, punt 44).

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara s-sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C-559/12 P, EU:C:2014:217, punt 80, u tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, C-449/14 P, EU:C:2016:848, punt 45).

51

Issa, f’dan il-każ, dan l-iżnaturament ma huwiex ippruvat, peress li TV2/Danmark ma jindikax b’mod preċiż liema fatti jew liema provi setgħu ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u lanqas juru l-eżistenza ta’ żbalji, min-naħa ta’ din tal-aħħar, li setgħu jwassluha sabiex tiżnatura l-fatti jew il-provi.

52

B’mod partikolari, TV2/Danmark ma urietx li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjonijiet li manifestament imorru kontra l-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġiżlazzjoni jew tat lil dawn tal-aħħar portata li mhix dovuta lilhom.

53

Għandu jiġi kkonstatat li, taħt il-pretest ta’ kritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata u li żnaturat dawn id-dispożizzjonijiet, TV2/Danmark tillimita ruħha, fir-realtà, li tikkritika l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-provi li jikkostitwixxu l-imsemmija dispożizzjonijiet, li ġew diġà analizzati b’mod speċifiku fil-punti 169 sa 173 tas-sentenza appellata, u sabiex twettaq eżami ulterjuri u ddettaljat tad-dritt Daniż u biex tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti u l-provi fl-istadju tal-appell.

54

Il-fatt li, quddiem il-Qorti Ġenerali, TV2/Danmark u l-Kummissjoni ma kinux f’kunflitt dwar l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-riżorsi miġbura mil-liċenzja mħallsa minn TV2/Danmark lill-istazzjonijiet reġjonali tagħha mingħajr preġudizzju għar-regolarità tal-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali, ta’ dan l-istħarriġ.

55

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma l-qrati tal-Unjoni li għandhom jinterpretaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fid-dawl tal-motivazzjoni f’dik is-sentenza u dan, jekk ikun il-każ, indipendentement mill-argument żviluppat minn din l-istituzzjoni fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni, C-628/10 P u C-14/11 P, EU:C:2012:479, punti 72 sa 79, tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C-399/10 P u C-401/10 P, EU:C:2013:175, punti 126 sa 129, kif ukoll tat-30 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Franza, C-486/15 P, EU:C:2016:912, punti 130 sa 132).

56

Barra minn hekk. mill-punti 154, 157 u 173 tas-sentenza appellata, jirriżulta li TV2/Danmark instemgħet fl-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward u rrinunzjat għall-appell tagħha fuq dan il-punt.

57

Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-talba għal sostituzzjoni ta’ raġunijiet mressqa mill-Kummissjoni

59

Permezz tat-talba tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-tieni kundizzjoni Altmark kienet issodisfatta f’dan il-każ u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’sostituzzjoni tal-aggravji f’dan ir-rigward. Din it-talba hija ta’ interess fil-każ li l-ewwel argument TV2/Danmark fir-rigward tal-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark tiġi milqugħa.

60

TV2/Danmark tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din it-talba.

61

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex talba għas-sostituzzjoni tal-motivi tkun ammissibbli, huwa meħtieġ li jkun hemm interess ġuridiku, fis-sens li din it-talba għandha tkun tali li, permezz tal-eżitu tagħha, tikseb vantaġġ għall-parti li tkun ressqitha. Dan jista’ jkun il-każ meta t-talba għal sostituzzjoni ta’ motivi tikkostitwixxi difiża kontra motiv imressaq mir-rikorrent (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, punt 42, EU:C:2013:513, punt 42, u tat-22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il-Kummissjoni, C-540/14 P, EU:C:2016:469, punt 42).

62

Madankollu, peress li l-kundizzjonijiet ta’ Altmark huma kumulattivi u l-ewwel aggravju ta’ TV2/Danmark ġie miċħud, il-Kummissjoni ma għandhiex l-interess meħtieġ biex tissottometti t-talba tagħha.

63

Barra minn hekk, din it-talba, li ġiet ifformulata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għal dan l-appell, u li mhix maħsuba biex tilqa’ jew tirrifjuta, kompletament jew parzjalment, ma tistax testendi l-għan tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, C-449/14 P, EU:C:2016:848, punti 100101).

64

Minn dan jirriżulta li t-talba tal-Kummissjoni ma hijiex ammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

65

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

66

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

67

Peress li tilfet l-aggravji tagħha, hemm lok li TV2/Danmark tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha kif mitlub mill-Kummissjoni u minn Viasat, l-ispejjeż kollha sostnuti mill-Kummissjoni u minn Viasat kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

68

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

69

Ir-Renju tad-Danimarka, li kien intervenjent fl-ewwel istanza, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

TV2/Danmark A/S għandha tbati minbarra l-ispejjeż tagħha stess, it-totalità ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni u minn Viasat Broadcasting UK Ltd kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

 

3)

Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top