EUR-Lex Euroopan unionin oikeus ulottuvillasi

Takaisin EUR-Lexin etusivulle

Tämä asiakirja on ote EUR-Lex-verkkosivustolta

Asiakirja 62015CJ0626

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Novembru 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) – Deċiżjoni li tapprova l-issuġġettar ta’ dokument ta’ riflessjoni lil korp internazzjonali – Ammissibbiltà – Att li jista’ jiġi kkontestat – Kompetenza esklużiva, kondiviża jew komplementari tal-Unjoni Ewropea – Azzjoni tal-Unjoni unikament fi ħdan organu internazzjonali jew parteċipazzjoni tal-Istati Membri flimkien magħha – Konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar – Sajd – Protezzjoni tal-ambjent – Riċerka – Żoni protetti tal-baħar (ŻPB) – Trattat fuq l-Antartiku – Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marini Ħajjin tal-Antartiku – Baħar ta’ Weddell u Baħar ta’ Ross.
Kawżi magħquda C-626/15 u C-659/16.

Oikeustapauskokoelma – yleinen – osio ”Tiedotteet päätöksistä, joita ei ole julkaistu”

ECLI-tunnus: ECLI:EU:C:2018:925

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) – Deċiżjoni li tapprova l-issuġġettar ta’ dokument ta’ riflessjoni lil korp internazzjonali – Ammissibbiltà – Att li jista’ jiġi kkontestat – Kompetenza esklużiva, kondiviża jew komplementari tal-Unjoni Ewropea – Azzjoni tal-Unjoni unikament fi ħdan organu internazzjonali jew parteċipazzjoni tal-Istati Membri flimkien magħha – Konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar – Sajd – Protezzjoni tal-ambjent – Riċerka – Żoni protetti tal-baħar (ŻPB) – Trattat fuq l-Antartiku – Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marini Ħajjin tal-Antartiku – Baħar ta’ Weddell u Baħar ta’ Ross”

Fil-Kawżi magħquda C‑626/15 u C‑659/16,

li għandhom bħala suġġett żewġ rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentati rispettivament fit-23 ta’ Novembru 2015 (C‑626/15) u fl-20 ta’ Diċembru 2016 (C‑659/16),

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, E. Paasivirta u C. Hermes, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Westerhof Löfflerová, R. Liudvinaviciute-Cordeiro u M. Simm, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, J. Möller, K. Stranz u S. Eisenberg, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn G. Karipsiadis u K. Boskovits, bħala aġenti,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn F. Fize, D. Colas, G. de Bergues u B. Fodda, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Gijzen, M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u L. Duarte, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson, N. Otte Widgren, L. Zettergren u L. Swedenborg, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Brodie, bħala aġent, assistita minn J. Holmes, QC,

intervenjenti (C‑626/15),

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, E. Paasivirta u C. Hermes, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Westerhof Löfflerová, R. Liudvinaviciute-Cordeiro u M. Simm, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir‑Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn J. Van Holm, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

Ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u B. Fodda, bħala aġenti,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn D. Holderer, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn B. Koopman, M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u L. Medeiros, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev u L. Zettergren, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Brodie u G. Brown, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, QC, u minn J. Gregory, barrister,

intervenjenti (C‑659/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, J‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, M. Vilaras, T. von Danwitz, F. Biltgen u K. Jürimäe, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), E. Levits, L. Bay Larsen u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikorsi tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob rispettivament, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif tinsab fil-konklużjoni tal-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-11 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2015”), sa fejn tapprova l-issuġġettar, f’isem l-Unjoni Ewropa u tal-Istati Membri tagħha, lill-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar tal-Antartiku (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni CAMLR”) ta’ dokument ta’ riflessjoni relatat ma’ proposta futura ta’ ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fil-baħar ta’ Weddell (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ riflessjoni) (Kawża C‑626/15), kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2016”) sa fejn tapprova l-issuġġettar, f’isem l-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, lill-Kummissjoni CAMLR, waqt il-35 laqgħa annwali ta’ dan il-korp, ta’ tliet proposti ta’ ħolqien ta’ żoni protetti tal-baħar kif ukoll proposta ta’ ħolqien ta’ żoni speċjali ddestinati għall-istudju xjentifiku tal-ispazju marittimu kkonċernat, tal-bidla fil-klima u tal-irtirar tal-pjattaformi tas-silġ (Kawża C‑659/16).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

It-Trattat fuq l-Antartiku

2

It-Trattat fuq l-Antartiku, iffirmat f’Washington fl-1 ta’ Diċembru 1959, daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Ġunju 1961. L-Artikolu VI ta’ dan it-trattat jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat preżenti japplikaw għaż-żona fin-Nofsinhar ta’ 60° tal-latitudni tan-Nofsinhar, inklużi l-pjattaformi tas-silġ kollha; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3

L-Artikolu IX tal-imsemmi Trattat jipprovdi b’mod partikolari:

“1.   “Ir-rappreżentanti tal-partijiet kontraenti […] jiltaqgħu f’Canberra [l-Awstralja] fix-xahrejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u, sussegwentement, f’intervalli u f’postijiet xierqa, għall-finijiet tal-iskambju tal-informazzjoni, sabiex jikkonsultaw ma’ xulxin fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni li għandhom x’jaqsmu mal-Antartiku, jistudjaw, jifformulaw u jirrakkomandaw lill-gvernijiet tagħhom, miżuri intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji u t-twettiq tal-għanijiet ta’ dan it-trattat, u b’mod partikolari miżuri:

[…]

(f)

relatati mal-konservazzjoni u mal-protezzjoni tar-riżorsi ħajjin fl-Antartiku.

2.   Kull parti kontraenti li aderixxiet ma’ dan it-trattat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XIII għandha d-dritt li taħtar rappreżentanti li jipparteċipaw fil-laqgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, daqstant żmien daqs kemm hija turi l-interess lejn l-Antartiku u billi twettaq fih attivitajiet sostanzjali ta’ riċerka xjentifika bħall-istabbiliment ta’ stazzjon jew billi tibgħat spedizzjoni.”

4

Sal-lum, għoxrin Stat Membru huma partijiet kontraenti għat-Trattat fuq l-Antartiku. Tliet Stati Membri kienu firmatarji ta’ dan it-trattat sa mill‑1 ta’ Diċembru 1959 u għaldaqstant għandhom l-istatus ta’ partijiet konsultattivi “ratifikaturi” (ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq). Disgħa oħra aderixxew sussegwentement mat-Trattat fuq l-Antartiku u għandhom l-istatus ta’ partijiet konsultattivi “aderenti” (ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja). Fl-aħħar nett, tmien Stati Membru għandhom l-istatus ta’ partijiet mhux konsultattivi (ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka). Il-partijiet konsultattivi biss jistgħu jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjoni waqt laqgħat tal-partijiet kontraenti.

Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Risorsi Marini Ħajjin ta’ l-Antartiku

5

Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Risorsi Marini Ħajjin ta’ l-Antartiku ġiet iffirmata f’Canberra fl-20 ta’ Mejju 1980 u daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ April 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Canberra”). Il-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Canberra jindika, b’mod partikolari, li l-partijiet kontraenti:

“filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tal-ħarsien ta’ l-ambjent u l-protezzjoni ta’ l-integrità ta’ l-ekosistema ta’ l-ibħra li jiċċirkondaw l-Antartiku;

filwaqt illi jinnotaw il-konċentrazzjoni ta’ risorsi marini ħajjin li tinsab fl-ibħra Antartiċi u l-interess dejjem jiżdied fil-possibbilitajiet offruti bl-utilizzar ta’ dawn ir-risorsi bħala sors ta’ proteina;

konxji mill-urġenza li jiżguraw il-konservazzjoni tar-risorsi marini ħajjin ta’ l-Antartiku;

filwaqt li jikkonsidraw illi hu essenzjali li jiżdied l-għarfien ta’ l-ekositema marina ta’ l-Antartiku u l-komponenti tagħha sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar ġbir fuq informazzjoni xjentifika sana;

jemmnu illi l-konservazzjoni tar-risorsi marini ħajjin ta’ Antartiku teħtieġ il-koperazzjoni internazzjonali filwaqt illi […] bil-parteċipazzjoni attiva ta’ l-Istati kollha involuti fir-riċerka jew attivitajiet ta’ ġbir fl-ibħra Antartiċi;

filwaqt li jirrikonoxxu r-responsabbilitajiet primarji tal-Partijiet Konsultattivi għat-Trattat ta’ l-Antartiku għall-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent ta’ l-Antartiku u, b’ mod partikolari, ir-responsabbilitajiet tagħhom taħt l-Artikolu IX, paragrafu 1 (f) tat-Trattat ta’ Antartiku dwar il-preservazzjoni u l-konservazzjoni tar-risorsi ħajjin fl-Antartiku;

filwaqt illi jfakkru fl-azzjoni li ġia’ ttieħdet mill-Partijiet Konsultattivi tat-Trattat ta’ l-Antartiku li tinkludi, b’ mod partikolari, l-miżuri miftehma għall-konservazzjoni tal-fawna u l-flora Antartika, kif ukoll id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-konservazzjoni tal-foki Antartiċi:

filwaqt illi jqisu t-tħassib dwar il-konservazzjoni tar-risorsi marini ħajjin ta’ l-Antartiku espress mill-partijiet konsultattivi fid-disa’ laqgħa konsultattiva tat-Trattat ta’ l-Antartiku u l-importanza tad-disposizzjonijiet tar-rakkomandazzjoni IX-2 li kienet strumentali għat-twaqqif tal-preżenti Konvenzjoni;

[…]

filwaqt li jirrikonoxxu, fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, illi huwa desiderabbli li jiġi stabbilit makkinarju xieraq biex jirrakkomanda, jippromuovi, jiddeċidi fuq u jikkordina l-miżuri u l-istudji xjentifiċi meħtieġa biex tiġi żgurata l-konservazzjoni ta’ l-organiżmi marini ħajjin ta’ l-Antartiku.”

6

L-Artikolu 1(1) sa (3) tal-Konvenzjoni ta’ Canberra jipprovdi:

“1.   Din il-Konvenzjoni tapplika għar-risorsi marini ħajjin ta’ l-Antartiku taż-żona nofs in-nhar mis-60o latitudni nofs in-nhar u għar-risorsi marini ħajjin ta’ l-Antartiku taż-żona li tinsab bejn dik il-latitudni u u l-Konverġenza Antartika li tifforma parti mill-ekositema marina ta’ l-Antartiku.

2.   Risorsi marini ħajjin ta’ l-Antartiku tfisser il-popolazzjoni ta’ ħut bix-xewka, il-molluski, il-krustaċeji u l-ispeċji l-oħra kollha ta’ organiżmi ħajjin, inklużi l-għasafar li jinsabu fin-nofs in-nhar ta’ l-Arktiku.

3.   L-ekositema marina ta’ l-Antartiku tfisser ir-relazzjonijiet komplessi tar-risorsi marini ħajjin ma’ xulxin u ma’ l-ambjent fiżiku tagħhom.”

7

L-Artikolu II tal-Konvenzjoni ta’ Canberra jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa l-konservazzjoni tar-risorsi marini ħajjin ta’ l-Antartiku.

2.   Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni [ta’ Canberra], it-terminu ‘konservazzjoni’ jinkludi l-użu razzjonali.

3.   Kull ġbir u attivitajiet assoċjati fiż-żona li għaliha din il-konvenzjoni [ta’ Canberra] tapplika għandu jkun kondott skond id-disposizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni [ta’ Canberra] u skond il-prinċipji ta’ konservazzjoni li ġejjin:

(a)

il-prevenzjoni ta’ tnaqqis fid-daqs ta’ xi popolazzjoni miġbura għal-livelli taħt dawk li jiżguraw ir-reklutaġġ stabbli tagħha. Għal dan il-għan id-daqs tagħha m’għandux jitħalla jinżel taħt livell qrib dak li jiżgura l-akbar żieda netta annwali;

(b)

il-manteniment tar-relazzjonijiet ekoloġiċi bejn il-popolazzjojnijiet miġbura, dipendenti u relatati ta’ risorsi marini ħajjin ta’ l-Antartiku u t-tisħieħ ta’ popolazzjonijiet imnaqqsa għal-livelli ddefiniti fis-subparagrafu (a) hawn fuq; u

(ċ)

il-prevenzjoni ta’ bdil jew il-mimimizzazzjoni tar-riskju ta’’ tibdil fl-ekosistma marittima li mhumiex potenzalment riversibbli fuq medda ta’ zewġ għexieren ta’ snin jew tlieta, waqt li jittieħed in konsiderazzjoni l-għerf attwali disponibbli ta’ l-impatt dirett u indirett tal-ġbir, l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ speċji barranin, l-effetti ta’ attivitajiet assoċjati fuq l-ekositema marittima u fuq l-effetti ta’ tibdil ambjentali, bil-għan li jagħmlu possibbli l-konservazzjoni sostenibbli tar-risorsi marini ħajjin ta’ l-Antartiku.”

8

L-Artikolu V ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“1.   Il-Partijiet Kontraenti li m’humiex parti għat-Trattat ta’ l-Antartiku jirrikonoxxu l-obbligazzjonijiet u r-risponsabbilitajiet speċjali tal-Partijiet Konsultattivi tat-Trattat ta’ l-Antartiku għall-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent taż-żona tat-Trattat ta’ l-Antartiku.

2.   Il-Partijiet Kontraenti li mhumiex Parti għat-Trattat ta’ l-Antartiku jiftehmu illi, fl-attivitajiet tagħhom fiż-żona tat-Trattat ta’ l-Antartiku, josservaw kif u meta jkun meħtieġ il-miżuri miftehma għall-konservazzjoni tal-fawna u l-flora ta’ l-Antartiku u miżuri oħra tali li ġew irrakkomandati mill-Partijiet Konsultattivi għat-Trattat ta’ l-Antartiku biex jonoraw ir-responsabbilitajiet tagħhom għall-protezzjoni ta’ l-ambjent ta’ l-Antartiku mill-forom kollha ta’ interferenza noċiva umana.

3.   Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, ‘Il-Partijiet Konsultattivi tat-Trattat ta’ l-Artiku’ tfisser il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat ta’ l-Antartiku li r-rappreżentanti tagħhom jipparteċipaw fil-laqgħat taħt l-Artikolu IX tat-Trattat ta’ l-Antartiku.”

9

L-Artikolu VII tal-Konvenzjoni ta’ Canberra jipprovdi:

“1.   Il-Partijiet Kontraenti hawnhekk jistabbilixxu u jiftehmu li jżommu l-[Kummissjoni CAMLR]:

2.   Is-sħubija fil-[Kummissjoni CAMLR] għandha tkun kif ġej:

[…]

(ċ)

kull organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li aderixxiet għal din il-Konvenzjoni skond l-artikolu XXIX għandha tkun intitolata li tkun membru tal-[Kummissjoni CAMLR] matul tali żmien li l-Istati membri tagħha jkunu intitolati li jkunu membri;

[…]”

10

L-Artikolu IX(1) u (2) ta’ din il-konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-funzjoni tal-[Kummissjoni CAMLR] għandha tkun illi tara li jiġu applikati l-għanijiet u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu II ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, għandha:

(a)

tiffaċilita r-riċerka fi u l-istudji komprensivi tar-risorsi marini ħajjin ta’ l-Antartiku u ta’ l-ekositemi marini ta’ l-Antartiku:

(b)

Tiġbor data fuq l-istatus ta’ u tibdil fil-popolazzjoni tar-risorsi marini ħajjin ta’ l-Antartiku u fuq fatturi li jaffettwaw id-distribuzzjoni, l-abbundanza u l-produttività ta’ l-ispeċji miġbura jew dipendenti jew speċji relatati jew popolazzjonijiet;

(ċ)

tiżgura li takkwista statistiċi dwar il-qabda u l-effett fuq il-popolazzjonijiet miġbura;

[…]

(f)

tifformula, tadotta, u tirrevedi miżuri ta’ konservazzjoni a bażi ta’ l-aħjar xiehda xjentifika disponibbli, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu;

[…]

2.   Il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fil-paragrafu (f) hawn fuq jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

id-deskrizzjoni tal-kwantità ta’ xi speċje li tista’ tinġabar fiż-żona li għaliha tapplika din il-Konvenzjoni;

[…]

(d)

id-deskrizzjoni ta’ speċji protetti;

(e)

id-deskrizzjoni tad-daqs, l-eta’ u, kif meħtieġ, is-sess ta’ l-ispeċji li tista’ tinġabar;

(f)

id-deskrizzjoni ta’ staġuni miftuħa u magħluqa għall-ġbir;

(g)

id-deskrizzjoni tal-ftuħ u ta’ l-għeluq ta’ żoni, reġjuni, subreġjuni, bil-għan li jsiru studji xjentifiċi jew konservazzjoni, li tinkludi żoni speċjali, inklużi żoni spċjali għall-protezzjoni u l-istudju xjentifiku;

(h)

il-kontroll ta’ l-isforz magħmul u l-metodi tal-ġbir, li jinkludu l-irkaptu tas-sajd, bil-għan inter alia li tiġi evitata l-konċentrazzjoni bla bżonn ta’ ġbir f’xi reġjun jew subreġjun:

(i)

it-teħid ta’ miżuri oħra ta’ konservazzjoni bħalma tikkonsidra l-[Kummissjoni CAMLR] neċessarju għat-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, inklużi tali miżuri li jikkonċernaw l-effetti tal-ġbir u attivitajiet assoċjati fuq komponenti ta’ l-ekosistema marina għajr dik tal-popolazzjonijiet miġbura.”

11

L-Artikolu XXIX(2) tal-Konvenzjoni ta’ Canberra jipprovdi:

“Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni mill-organizzazzjonijiet reġjonali ekonomiċi integrazzjonali kkostitwiti minn Stati sovrani li jinkludu fost il-membri tagħhom Stat jew aktar Stati membri tal-[Kummissjoni CAMLR] u li lilhom l-Istati membri ta’ l-organizzazzjoni ttrasferewlhom kompletament jew in parte kompetenzi in rigward ta’ materji koperti minn din il-Konvenzjoni. L-adeżjoni ta’ tali organizzazzjonijiet reġjonali ekonomiċi integrazzjonali għandha tkun is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet fost il-membri tal-[Kummissjoni CAMLR].”

12

L-Unjoni approvat il-Konvenzjoni ta’ Canberra bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/691/KEE tal-4 ta’ Settembru 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 251) u saret parti minnha fil-21 ta’ April 1982.

13

F’dak il-jum, tnax-il Stat Membru saru partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Canberra, fejn sitta minnhom (ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit) qabel l-adeżjoni tal-Unjoni ma’ din il-konvenzjoni u sitta (ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja) sussegwentement għal din l-adeżjoni.

Il-Qafas Ġenerali tat-Twaqqif ta’ Żoni Protetti tal-Baħar

14

Waqt is-sessjoni li seħħet mill-24 ta’ Ottubru sal-4 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni CAMLR adottat il-miżura ta’ konservazzjoni intitolata “Qafas Ġenerali ta’ Twaqqif ta’ Żoni Protetti tal-Baħar”, fejn il-premessi 1 u 6 tagħha jindikaw:

“Il-[Kummissjoni CAMLR],

Filwaqt li fakkret l-adeżjoni tagħha għall-programm ta’ xogħol tal-Kumitat Xjentifiku, li l-intenzjoni tiegħu hija li titwaqqaf sistema rappreżentattiva ta’ żoni protetti tal-baħar tal-Antartiku (ŻPB), li jkollha bħala għan li tippreserva l-bijodiversità tal-baħar fiż-żona tal-Konvenzjoni u, konformement mad-deċiżjoni meħuda mis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (SDŻS) fl-2002, li tistabbilixxi netwerk rappreżentattiv ta’ ŻPB minn issa sa 2012.

[…]

Filwaqt li tirrikonoxxi li ż-ŻPB tal-[Kummissjoni CAMLR] huma intiżi sabiex jingħaqdu sabiex iżommu l-istruttura u l-funzjoni tal-ekosistema, inkluż f’setturi li jinsabu lil hinn miż-ŻBP, sabiex tinżamm il-kapaċità ta’ adattament quddiem il-bidla fil-klima u titnaqqas il-possibbiltà ta’ invażjoni ta’ speċi esoġeni minħabba attivitajiet antropoġeniki” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

15

Skont il-punt 2 tal-Qafas Ġenerali ta’ Twaqqif ta’ Żoni Protetti tal-Baħar:

“Iż-ŻPB tal-[Kummissjoni CAMLR] huma stabbiliti fuq il-bażi tal-aħjar provi xjentifiċi disponibbli, u jikkontribwixxu, b’teħid inkunsiderazzjoni sħiħ tal-Artikolu II ta’ [il-Konvenzjoni ta’ Canberra] li fiha l-konservazzjoni tinkludi l-użu razzjonali, għat-twettiq tal-għanijiet li ġejjin:

i)

il-protezzjoni ta’ eżempji rappreżentattivi ta’ ekosistemi, tal-bijodiversità u tal-habitats tal-baħar fuq skala li tippermetti li tinżamm il-vijabbiltà tagħhom u l-integrità tagħhom għal żmien twil;

ii)

il-protezzjoni ta’ proċessi ekosistemiċi, ta’ habitats u ta’ speċi ewlenin, inklużi popolazzjonijiet u stadji taċ-ċiklu vitali;

iii)

l-istabbiliment ta’ żoni ta’ referenza xjentifika għat-tkomplija tal-varjabbiltà naturali u tat-tibdil fit-tul jew għat-tkomplija tal-effetti tal-isfruttament u ta’ attivitajiet antropoġeniki oħra fuq ir-riżorsi tal-baħar ħajjin tal-Antartiku u l-ekosistemi li dawn jikkostitwixxu;

iv)

il-protezzjoni ta’ żoni vulnerabbli quddiem l-impatt ta’ attivitajiet antropoġeniki, inklużi habitats u karatteristiċi uniċi, rari jew estremament diversi bijoloġikament;

v)

il-protezzjoni ta’ karatteristiċi essenzjali għall-funzjoni tal-ekosistemi lokali;

vi)

il-protezzjoni ta’ żoni, sabiex tinżamm ir-reżiljenza jew il-kapaċità ta’ adattament għall-effetti tal-bidla fil-klima.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Il-pożizzjoni multiannwali

16

Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 13908/1/09 REV 1 tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kummissjoni CAMLR għall-perijodu 2009‑2014. Din id-deċiżjoni ġiet issostitwita, għall-perijodu 2014‑2019, bid-Deċiżjoni 10840/14, tal-11 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni multiannwali”).

17

Mill-Artikolu 1 tal-pożizzjoni multiannwali jirriżulta li r-regoli li hija tistabbilixxi japplikaw “meta l-[Kummissjoni CAMLR] hija msejħa tadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti legali fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-politika komuni tas-sajd” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

18

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li l-elementi speċifiċi tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni, waqt il-laqgħa annwali tal-Kummissjoni CAMLR, huma stabbiliti konformement mal-modalitajiet iddefiniti fl-Anness II ta’ din l-istess deċiżjoni. Dan l-anness jistabblixxi proċedura ssemplifikata li skont din:

“[…] il-Kummissjoni Ewropea tittrażmetti lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tagħha, biżżejjed żmien qabel kull laqgħa annwali tal-[Kummissjoni CAMLR], dokument bil-miktub li jesponi fid-dettall l-elementi speċifiċi proposti għall-pożizzjoni tal-Unjoni, għal eżami u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li ser tiġi espressa f’isem l-Unjoni.

Jekk, waqt laqgħat sussegwententi, inklużi fil-post, ma jkunx possibbli li jintlaħaq ftehim sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ġodda, il-kwistjoni titressaq quddiem il-Kunsill jew quddiem il-korpi preparatorji tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolamenti (KE) Nru 600/2004 u (KE) Nru 601/2004

19

Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 600/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jelenka certi miżuri tekniċi applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fl-inħawi koperti mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar ta’ l-Antartiku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 7, p. 43), jipprovdu:

“(4)

Uħud mill-miżuri tekniċi [tal-Kummissjoni CAMLR] kienu adottati mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3943/90 tad-19 ta’ Diċembru 1990 dwar l-applikazzjoni dwar is-sistema ta’ l-osservanza u l-ispezzjoni stabbilita taħt Artikolu XXIV tal-konvenzjoni [ta’ Canberra] [ĠU 1990, L 379, p. 45] u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 66/98 tat-18 ta’ Diċembru 1997 li jirregola ċertu mizuri ta’ konservazzjoni u kontroll applikabbli għal ċertu attivitajiet tas-sajd fl-Anatrtiku [ĠU 1998, L 6, p. 41].

(5)

L-adozzjoni [tal-Kummissjoni CAMLR] ta’ miżuri ġodda ta’ konservazzjoni u l-aġġornament ta’ dawk ġa fis-seħħ mindu ġew adottati r-Regolamenti msemmija, ifisser li dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu emendati aktar tard.”

20

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 600/2004 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jelenka miżuri tekniċi li jikkonċernaw l-attivitajiet ta’ bastimenti tas-sajd [tal-Unjoni] li jaqbdu u jżommu abbord organiżmi tal-baħar meħuda minn riżorsi ħajjin tal-baħar fl-inħawi koperti mill-Konvenzjoni [ta’ Canberra].”

21

Il-premessa 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 601/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartiku u jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 3943/90, (KE) Nru 66/98 u (KE) Nru 1721/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 52), tipprovdi:

“(6) In vista ta’ l-implementazzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ konservazzjoni adottati mill-[Kummissjoni CAMLR], dawk ir-[Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 3943/90, (KE) Nru 66/98 u (KE) Nru 1721/1999 tad-29 ta’ Lulju 1999 li jippreskrivi ċerti miżuri ta’ kontroll rigward bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Partijiet Mhux Kontraenti għall-Konvenzjoni [ta’ Canberra] (ĠU 1999, L 203, p. 14)] għandhom ikunu mħassra u mibdula b’Regolament wieħed li jiġbor flimkien id-disposizzjonijiet speċjali għal-kontroll ta’ l-attivitajiet tas-sajd li jirriżultaw mill-obbligi [tal-Unjoni] bħala Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni.”

22

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 601/2004 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli u kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni mill-[Unjoni] ta’:

a)

il-miżuri ta’ kontroll applikabbli għad-dgħajjes tas-sajd li jtajjru il-bandiera ta’ Parti Kontraenti mal-Konvenzjoni [ta’ Canberra] li joperaw fiż-żona [ta’ din il-Konvenzjoni fl-ibħra lokalizzati lil hinn mil-limiti ta’ ġurisdizzjonijiet nazzjonali;

b)

sistema li tħeġġeġ il-konformità mid-dgħajjes li jtajjru il-bandiera ta’ Parti mhux-Kontraenti mal-Konvenzjoni [ta’ Canberra] mal-miżuri tal-konservazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartiku (Kummissjoni CAMLR).”

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013

23

Il-premessa 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22), tindika:

“Jeħtieġ li jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, l-impatti ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd għandhom jiġu limitati u l-qabdiet mhux mixtieqa għandhom jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista’ jkun.”

24

L-Artikolu 2(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Il-[politika komuni tas-sajd (PKS)] għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura huma ambjentalment sostenibbli fit-tul u huma ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta’ impjieg, u li jingħata kontribut għad-disponibbiltà ta’ provvisti tal-ikel.

2.   Il-PKS għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ‘il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli.

[…]

3.   Il-PKS għandha timplimenta l-approċċ ibbażat fuq l–ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex tiżgura li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar ikunu minimizzati, u għandha tirsisti sabiex tiżgura li attivitajiet ta’akkwakultura u sajd jevitaw id-degradazzjoni tal-ambjent marittimu.”

25

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jistipula:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

9)

‘approċċ għall-ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema’ jfisser approċċ integrat għall-ġestjoni tas-sajd f’limiti ekoloġikament sinifikanti li jfittex li jiġġestixxi l-użu ta’ riżorsi naturali, b’kont meħud tas-sajd u attivitajiet oħra tal-bniedem, filwaqt li jippreserva kemm il-ġid bijoloġiku kif ukoll il-proċessi bijoloġiċi meħtieġa biex tiġi mħarsa l-kompożizzjoni, l-istruttura u t-tħaddim tal-ambjenti naturali tal-ekosistema affetwata, billi jqis l-għarfien u l-inċertezzi fir-rigward tal-komponenti bijotiċi, abijotiċi u dawk umani tal-ekosistemi;”

Il-fatti li wasslu għall-kawżi

26

Il-Kummissjoni CAMLR sabbilixxiet għaliha nnifisha l-għan li toħloq netwerk ta’ ŻPB fl-Antartiku, għan li huwa espressament sostnut mill-Unjoni.

27

F’dan il-kuntest, sabiex jipprepara l-parteċipazzjoni tal-Unjoni għal-laqgħat futuri annwali tal-Kummissjoni CAMLR, il-Kunsill stabbilixxa, matul is-sena 2014, abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE, il-pożizzjoni multiannwali li tipprevedi, b’mod partikolari, proċedura ssemplifikata għat-teħid ta’ deċiżjoni mill-Kunsill f’dak li jikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-kuntest tal-Kummissjoni CAMLR dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-PKS. Skont din il-proċedura, qabel kull laqgħa annwali tal-Kummissjoni CAMLR, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jittrażmettu d-dokumenti rilevanti lill-korpi preparatorji tal-Kunsill. Fil-prattika, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jikkomunikaw dawn id-dokumenti kemm lill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill għas-Sajd u kemm lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper).

Il‑Kawża C‑626/15

28

Fil-31 ta’ Awwissu 2015, id-dipartimenti tal-Kummissjoni ttrażmettew lill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill għas-Sajd, filwaqt li bbażaw ruħhom fuq il-proċedura ssemplifikata stabbilita mill-Kunsill, dokument informali (non-paper) li miegħu kien anness l-abbozz tad-dokument ta’ riflessjoni. Fil-paġni 4 u 5 ta’ dan id-dokument ta’ riflessjoni, hemm riferiment, b’mod partikolari, għan-neċessità li tiġi protetta l-ekosistema fil-Baħar ta’ Weddell u, b’mod partikolari, l-annimali li jagħmlu parti minnha, bħall-mammiferi tal-baħar, il-pingwini u l-għasafar tal-baħar.

29

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni pproponew li d-dokument ta’ riflessjoni jitressaq quddiem il-kumitat xjentifiku li jagħmel parti mill-Kummissjoni CAMLR, unikament f’isem l-Unjoni, minħabba li dan id-dokument kien jaqa’, fil-fehma tagħhom, taħt il-qasam tal-PKS.

30

Waqt il-laqgħa tiegħu tat-3 ta’ Settembru 2015, il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill approva l-kontenut tad-dokument ta’ riflessjoni, iżda kkunsidra li dan kien jaqa’ taħt il-qasam tal-politika tal-ambjent pjuttuost milli dak tal-PKS, u li konsegwentement kellu jiġi ppreżentat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Minħabba din id-diverġenza ta’ fehim, ġie deċiż li l-kwistjoni tiġi rriferita lill-Coreper.

31

Il-Coreper eżamina dan il-fajl matul il-laqgħa tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2015. Wara skambju ta’ fehmiet, il-President tal-Corepor ikkonstatata li dan tal-aħħar kien approva l-issuġġettar tad-dokument ta’ riflessjoni u ddeċieda li dan kellu jitressaq quddiem il-Kummissjoni CAMLR fl-okkażjoni tal-34 laqgħa annwali tagħha, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

32

F’dikjarazzjoni mniżżla fil-minuti tal-laqgħa tal-11 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha fuq dan l-aħħar punt. Hija indikat li kienet lesta li tressaq id-dokument ta’ riflessjoni lill-Kummissjoni CAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif kien iddeċieda l-Corepor, iżda kienet ser tirriżerva d-dritt li teżerċita azzjoni ġudizzjarja.

33

Permezz ta’ att tat-23 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għal annullament tad-deċiżjoni tal-2015, sa fejn tapprova l-issuġġettar tad-dokument ta’ riflessjoni lill-Kummissjoni CAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Il‑Kawża C‑659/16

34

Fit-30 ta’ Awwissu 2016, id-dipartimenti tal-Kummissjoni, mill-ġdid billi bbażaw ruħhom fuq il-proċedura ssemplifikata, ittrażmettew dokument informali (non-paper) lill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill għas-Sajd. Fis-6 ta’ Settembru 2016, dan id-dokument ġie kkompletat permezz ta’ tlett abbozzi ta’ proposti ta’ ħolqien jew ta’ sostenn għall-ħolqien taż-ŻPB fl-Antartiku, jiġifieri ż-ŻPB fil-Baħar ta’ Weddell, ŻPB fil-Baħar ta’ Ross u ŻPB fil-Lvant tal-Antartiku, kif ukoll permezz ta’ abbozz ta’ ħolqien ta’ ġabra ta’ żoni speċjali ddestinati għall-istudju xjentifiku tal-ispazju marittimu kkonċernat, tal-bilda fil-klima u tal-irtirar tal-pjattaformi tas-silġ (iktar ’il quddiem il-“miżuri previsti”).

35

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni pproponew li l-miżuri previsti jitressqu quddiem il-Kummissjoni CAMLR f’isem l-Unjoni biss, minħabba li f’għajnejhom, dawn il-miżuri kienu jaqgħu taħt il-PKS. Sabiex tosserva t-termini li fihom proposti setgħu jitressqu fil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni CAMLR, il-Kummissjoni, parallelament, indirizzat dawn il-miżuri lis-Segretarjat tal-Kummissjoni CAMLR, f’isem l-Unjoni.

36

Fl-okkażjoni tal-laqgħat tiegħu tal-15 ta’ Settembru u tat-22 ta’ Settembru 2016, il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill għas-Sajd eżamina l-kontenut tal-miżuri previsti. Huwa kkunsidra li dawn kienu jaqgħu taħt il-qasam tal-politika tal-ambjent, u mhux dak tal-PKS, b’tali mod li, minn naħa, dawn kellhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni CAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u, min-naħa l-oħra, dawn ma setgħux jiġu approvati fil-kuntest tal-proċedura ssemplifikata stabbilita mill-Kunsill, peress li din kienet limitata unikament għall-kwistjonijiet relatati mal-PKS. Il-fajl ġie sussegwentement trażmess lill-Corepor u wara lill-Kunsill.

37

Fl-10 ta’ Ottubru 2016, fil-Lussemburgu, fl-okkażjoni tat-3487 sessjoni tiegħu, il-Kunsill approva l-issuġġettar tal-miżuri previsti lill-Kummissjoni CAMLR, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Minbarra dan, huwa ddeċieda li dawn il-miżuri kienu jistabbilixxu l-pożizzjoni li kellha tittieħed mill-Unjoni waqt il-35 laqgħa annwali tal-Kummissjoni CAMLR.

38

F’dikjarazzjoni mniżżla fil-minuti ta’ din il-laqgħa, il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li dawn il-miżuri kienu jaqgħu taħt il-qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) TFUE u li għalhekk ma kienx iġġustifikat li jitressqu f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

39

Matul is-sena 2016, fl-okkażjoni tal-35 laqgħa annwali tagħha, il-Kummissjoni CAMLR iddeċidiet li tagħti segwitu għal tnejn mill-miżuri ppreżentati u sostnuti mill-Unjoni, jiġifieri l-istabbilment ta’ ŻPB fil-Baħar ta’ Ross u l-ħolqien ta’ diversi żoni speċjali ddestinati għall-istudju xjentifiku tal-ispazju marittimu kkonċernat, tal-bidla fil-klima u tal-irtirar tal-pjattaformi tas-silġ. Minbarra dan, il-Kummissjoni CAMLR iddeċidiet li tkompli bid-diskussjonijiet fuq iż-żewġ proposti oħra tal-Unjoni.

40

B’att tal-20 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għal annullament tad-deċiżjoni tal-2016 sa fejn tapprova l-issuġġettar tal-miżuri previsti lill-Kummissjoni CAMLR, waqt il-35 laqgħa annwali ta’ dan il-korp, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

41

Fil-Kawża C‑626/15, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-2015, sa fejn tapprova l-issuġġettar tad-dokument ta’ riflessjoni lill-Kummissjoni CAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

42

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43

Bid-deċiżjonijiet tas-7 ta’ April, tal-14 ta’ April, tad-29 ta’ April, tat-2 ta’ Mejju u tat-3 ta’ Mejju 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza rispettivament, l-ewwel nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, it-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, it-tielet nett, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja, ir-raba’ nett, ir-Repubblika Portugiża u, il-ħames nett, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit sabiex jintervjenu insostenn tal-Kunsill f’din il-kawża.

44

Fil-kontroreplika tiegħu, il-Kunsill talab, abbażi tal-Artikolu 60(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kawża tiġi deċiża fl-Awla Manja.

45

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Frar 2017, il-proċedura fil-Kawża C‑626/15 ġiet sospiża sa għeluq il-fażi bil-miktub fil-Kawża C‑659/16.

46

Fil-Kawża C‑659/16, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-2016, sa fejn tapprova l-issuġġettar tal-miżuri previsti lill-Kummissjoni CAMLR waqt il-35 laqgħa annwali ta’ dan il-korp f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

47

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

48

Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlanda, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit sabiex jintervjenu insostenn tal-Kunsill f’din il-kawża.

49

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Frar 2017, il-Kawżi C‑626/15 u C‑659/16 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

50

Wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, fis-16 ta’ Settembru 2016, il-Kunsill talab, fis-16 ta’ Novembru 2016, filwaqt li invoka l-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jiġi awtorizzat jipproduċi, fil-Kawża C‑626/15, tliet provi ġodda, jiġifieri nota li tikkonċerna l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-35 laqgħa annwali tal-Kummissjoni CAMLR f’dak li jikkonċerna l-miżuri previsti, it-test tal-pożizzjoni kif stabbilita u dikjarazzjoni tal-Kummissjoni relatata magħha.

51

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2017, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-tlett provi ġodda prodotti wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura ġew ammessi fil-proċedura relatata mal-Kawża C‑626/15.

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

52

Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill talab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa essenzjalment isostni li l-argument sostnut mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tagħha, dwar allegat eżerċizzju sħiħ tal-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-2015 u tal-2016, ma kienx tqajjem mill-Kummissjoni la fid-dokumenti tagħha u lanqas waqt is-seduta, dan l-argument, barra minn hekk, ma kienx ġie diskuss bejn il-partijiet matulha.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex ittrattat bejn il-partijiet jew il-persuni kkonċernati previsti fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (effett sospensiv tal-appell), C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 20).

54

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex ittrattat quddiemha.

55

Konsegwentement, it-talba tal-Kunsill għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

Fuq ir-rikorsi

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża C‑626/15

L-argumenti tal-partijiet

56

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit, jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors li ta lok għall-Kawża C‑626/15, minħabba li d-deċiżjoni tal-2015 ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat.

57

Dan isostni, minn naħa, li din id-deċiżjoni ma kinitx ġiet adottata minn istituzzjoni, iżda mill-Corepor, li ma għandux setgħa deċiżjonali proprja. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni ma hijiex ta’ natura li “toħloq effetti legali”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn tirrigwarda approvazzjoni ta’ sempliċi dokument ta’ riflessjoni intiż sabiex jilqa’ opinjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ ŻPB fil-Baħar ta’ Weddell. Din l-istess deċiżjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala approvazzjoni ta’ pożizzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 218(9) TFUE peress li tali kwalifika tippreżumi li l-korp internazzjonali inkwistjoni huwa fil-punt li jadotta att li jipproduċi effetti legali. Issa, f’dan il-każ, il-kontenut preċiż tal-proposta intiża sabiex tiġi stabbilita ŻPB fil-Baħar ta’ Weddell ma kienx għadu magħruf meta d-deċiżjoni tal-2015 ġiet adottata u ma kienx ċert li tali proposta tiġi fformulata.

58

Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li r-rikors ippreżentat fil-Kawża C‑626/15 huwa ammissibbli. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-2015 hija imputabbli lill-Kunsill, li huwa istituzzjoni. Minbarra dan, din hija intiża sabiex tipproduċi effetti legali sa fejn iġġiegħel lill-Kummissjoni tippreżenta d-dokument ta’ riflessjoni f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u mhux unikament f’isem l-Unjoni. Barra minn hekk, din tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 218(9) TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59

Skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kull deċiżjoni adottata minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, indipendentment min-natura tagħha jew mill-forma tagħha, li hija intiża li tipproduċi effetti legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 14).

60

L-ewwel nett, skont l-Artikolu 240(1) TFUE, il-Corepor huwa kompost minn rappreżentanti permanenti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni u huwa responsabbli mill-preparazzjoni tal-ħidma tal-Kunsill u sabiex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu minn dan tal-aħħar. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-awturi tat-trattati kellhom l-intenzjoni li l-Corepor ikun korp awżiljari tal-Kunsill, li jiżgura, fir-rigward tiegħu, kompiti ta’ preparazzjoni u ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑25/94, EU:C:1996:114, punti 25 u 26).

61

Issa, għalkemm il-funzjoni ta’ preparazzjoni tax-xogħlijiet u tal-eżekuzzjoni tal-mandati tal-Kunsill ma tawtorizzax lill-Corepor li jeżerċita s-setgħa deċiżjoni li tappartjeni, skont it-trattati, lill-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑25/94, EU:C:1996:114, punt 27), xorta jibqa’ l-fatt li, billi l-Unjoni hija unjoni ta’ dritt, att adottat mill-Corepor għandu jkun jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ta’ legalità meta huwa intiż, bħala tali, li jipproduċi effetti legali u joħroġ, għalhekk, mill-kuntest ta’ din il-funzjoni ta’ preparazzjoni u ta’ eżekuzzjoni.

62

Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-effetti li d-deċiżjoni tal-2015 hija intiża li tipproduċi, skont ġurisprudenza stabbilita, għanda tingħata importanza lis-sustanza tagħha, li għandha tiġi evalwata skont kriterji oġġettivi bħall-kuntest li fih dan l-att ġie adottat, il-kontenut tiegħu u l-intenzjoni tal-awtur tiegħu, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar tkun tista’ tiġi stabbilita b’mod oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42).

63

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-kuntest tad-deċiżjoni tal-2015, għandu jiġi kkonstatat li din ġiet adottata sabiex il-Kummissjoni CAMLR tiġi konvinta tistabbilixxi ŻPB fil-Baħar ta’ Weddell.

64

It-tieni nett, fir-rigward tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta ddeċieda li jissottometti d-dokument ta’ riflessjoni f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, il-Coreper obbliga lill-Kummissjoni żżomm ma’ din il-pożizzjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha ta’ rappreżentazzjoni esterna tal-Unjoni waqt il-parteċipazzjoni tagħha fl-34 laqgħa annwali tal-Kummissjoni CAMLR.

65

It-tielet nett, sa fejn hija l-intenzjoni tal-awtur tal-att, mill-minuti tal-laqgħa tal-Corepor tal-11 ta’ Settembru 2015, li jikkostitwixxu element li jippermetti li jiġi stabbilit b’mod oġġettiv din l-intenzjoni, jirriżulta li d-deċiżjoni tal-2015 kellha bħala għan li b’mod definittiv tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Kunsill u, sussegwentement, tal-Unjoni, f’dak li jikkonċerna l-issuġġettar tad-dokument ta’ riflessjoni lill-Kummissjoni CAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u mhux unikament f’isem l-Unjoni.

66

Fir-rigward ta’ dak li ntqal, id-deċiżjoni tal-2015 hija għalhekk tassew intiża sabiex tipproduċi effetti legali u tikkostitwixxi, għaldaqstant, att li jista’ jiġi kkontestat.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fil-Kawża C‑626/15 għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-mertu

68

Insostenn ta’ kull wieħed mir-rikorsi tagħha, il-Kummissjoni tressaq l-istess żewġ motivi. L-ewwel motiv, li huwa dak ippreżentat prinċipalment, huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet tal-2015 u tal-2016 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) kienu ġew adottati bi ksur tal-kompetenza esklużiva li l-Artikolu 3(1)(d) TFUE jattribwixxi lill-Unjoni fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. It-tieni motiv, ippreżentat sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet kienu ġew adottati bi ksur tal-kompetenza esklużiva li l-Unjoni għandha għal dan il-għan, skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(1)(d) TFUE

– L-argumenti tal-partijiet

69

Il-Kummissjoni ssostni li d-dokument ta’ riflessjoni u l-miżuri previsti kellhom jitressqu lill-Kummissjoni CAMLR unikament f’isem l-Unjoni, u mhux f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, peress li dawn jaqgħu għalkollox jew, fi kwalunkwe każ, prinċipalment, taħt il-kompetenza esklużiva miżmuma mill-Unjoni, skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

70

Insostenn ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li din il-kompetenza tikkonċerna mhux biss il-miżuri ta’ konservazzjoni adottati għas-salvagwardja tal-possibbiltajiet ta’ sajd, iżda l-miżuri ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kollha. Fil-fatt, ir-riferiment, magħmul fl-Artikolu 3(1)(d) TFUE, għall-PKS għandu jinftiehem bħala intiż sabiex jenfasizza li l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tikkostitwixxi kompetenza partikolari fi ħdanha, iktar ġenerali, li l-Unjoni żżomm fil-qasam tas-sajd, u mhux bħala li tillimita l-kompetenza esklużiva li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni unikament għall-miżuri ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar adottati fil-kuntest ta’ din l-aħħar politika.

71

Min-naħa l-oħra, għalkemm il-ħolqien ta’ ŻPB jissodisfa parzjalment it-tħassib ambjentali, din iċ-ċirkustanza ma hijiex suffiċjenti sabiex jitqies li miżura ta’ din in-natura taqa’ taħt il-politika ambjentali. Peress li l-Artikolu 11 TFUE jipprevedi li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet tal-Unjoni, il-fatt biss li miżura ssegwi għan jew tinkludi komponent b’rabta mal-protezzjoni tal-ambjent ma jimplikax neċessarjament li din il-miżura taqa’ taħt il-kompetenza li l-Unjoni u l-Istati Membri jikkondividu fil-qasam ambjentali. Fil-fatt, huwa meħtieġ ukoll li ċ-ċentru ta’ gravità ta’ din il-miżura jinsab fuq in-naħa tal-politika ambjentali. Issa, f’dan il-każ, iċ-ċentru ta’ gravità tad-dokument ta’ riflessjoni kif ukoll tal-miżuri previsti u, sussegwentement, dak tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ixaqilbu lejn il-kompetenza esklużiva li l-Unjoni żżomm fil-qasam ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

72

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li din il-kompetenza esklużiva hija limitata unikament għall-miżuri ta’ protezzjoni li jaqgħu taħt il-PKS, jiġifieri l-miżuri intiżi li jissalvagwardjaw il-possibbiltajiet ta’ sajd, id-dokument ta’ riflessjoni u l-miżuri previsti madankollu jaqgħu taħt tali kompetenza peress li, kif jippreċiża r-Regolament Nru 1380/2013, din il-PKS hija bbażata fuq approċċ ibbażat fuq l-ekosistema.

73

Il-Kunsill kif ukoll l-Istati Membri intervenjenti kollha jsostnu li l-ewwel motiv ma huwiex fondat. Fil-fatt, it-termini “fil-qafas tal-[PKS]”, użati fl-Artikolu 3(1)(d) TFUE huma intiżi sabiex jillimitaw il-kompetenza esklużiva, miżmuma mill-Unjoni f’dan il-kuntest, unikament għall-miżuri ta’ konservazzjoni adottati biex jiġu salvagwardjati speċi kkonċernati mis-sajd. Issa, għalkemm id-dokument ta’ riflessjoni u l-miżuri previsti kellhom, ċertament, bħala għan l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, dawn tal-aħħar madankollu jaqgħu mhux taħt il-qasam tas-sajd, iżda taħt dak tal-protezzjoni tal-ambjent li, minnu nnifsu, jaqa’ taħt il-kompetenza li l-Unjoni tikkondividi mal-Istati Membri.

74

Sussidjarjament, uħud mill-Istati Membri intervenjenti jsostnu li d-dokument ta’ riflessjoni u l-miżuri previsti jaqgħu taħt il-kompetenza li, konformement mal-Artikolu 4(3) TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw parallelament fil-qasam tar-riċerka u li, f’dan ir-rigward, kellhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni CAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75

L-ewwel nett, minkejja li d-deċiżjonijiet ikkontestati sempliċement jippreċiżaw li d-dokument ta’ riflessjoni u l-miżuri previsti għandhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni CAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, sa fejn dawn japprovaw, mingħajr ma jemendawh, il-kontenut ta’ dan id-dokument u ta’ dawn il-miżuri, il-kompetenza għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet hija stabbilita min-natura u mill-kontenut ta’ dan id-dokument u ta’ dawn il-miżuri l-istess bħalma hija stabbilita mill-għan tagħhom u mill-kuntest li jagħmlu parti minnu.

76

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi identifikata l-kompetenza li magħha għandhom ikunu marbuta deċiżjonijiet, hemm lok li tiġi ppreċiżata fihom il-bażi legali rilevanti billi jittieħdu bħala bażi elementi oġġettivi li jinkludu l-kuntest u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-deċiżjonijiet inkwistjoni (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 35).

77

Minbarra dan, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan l-att ifittex li jilħaq diversi skopijiet jew li għandu diversi komponenti u jekk wieħed minn dawn l-iskopijiet jew minn dawn il-komponenti jista’ jiġi identifikat bħala li huwa prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-oħrajn huma biss aċċessorji, dan l-att għandu għalhekk ikun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik li tikkorrispondi ma’ dan l-iskop jew ma’ dan il-komponent prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Huwa biss eċċezzjonalment li att tal-Unjoni għandu jkun ibbażat simultanjament fuq diversi bażijiet legali, jiġifieri meta dan l-att isegwi kemm diversi skopijiet jew għandu diversi komponenti li huma marbuta b’mod indissoċjabbli, mingħajr ma wieħed ikun aċċessorju fir-rigward tal-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑211/01, EU:C:2003:452, punt 40).

79

F’dan il-każ, il-partijiet kollha jaqblu sabiex jiġi kkunsidrat li d-dokument ta’ riflessjoni u l-miżuri previsti jistgħu jaqgħu taħt diversi oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, dawn ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema hija l-bażi legali li fuqha d-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom jiġu adottati. Konsegwentement, hemm lok li tiġi applikata mad-dokument ta’ riflessjoni u mal-miżuri previsti l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 76 sa 78 ta’ din is-sentenza.

80

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-iskop u l-komponent prinċipali tad-dokument ta’ riflessjoni u tal-miżuri previsti jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva miżmuma mill-Unjoni fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-kuntest tal-PKS, konformement mal-Artikolu 3(1)(d) TFUE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tkopri l-adozzjoni ta’ kull dokument jew kull miżura intiża għall-konservazzjoni ta’ riżorsi marbuta mal-baħar, ikun xi jkun l-għan li għandu jintlaħaq.

81

Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk dan il-motiv huwiex fondat, fl-ewwel lok għandha tiġi ppreċiżata l-portata tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE, sussegwentement, fit-tieni lok, jiġi stabbilit jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-iskop u l-komponent esklużivi jew prinċipali ta’ dokument ta’ riflessjoni u tal-miżuri previsti jaqgħux taħt dan il-qasam ta’ kompetenza.

82

F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-portata tal-kompetenza esklużiva miżmuma mill-Unjoni skont dan l-Artikolu 3(1)(d) TFUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li din il-kompetenza tirrigwarda l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar “fil-qafas tal-[PKS]”.

83

Issa, billi lil dawn it-termini tiġi attribwita s-sens ordinarju tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li unikament il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar żgurata fil-kuntest tal-PKS, u għalhekk indissoċjabbli minnha, hija prevista fl-Artikolu 3(1)(d) TFUE.

84

Huwa għalhekk unikament sa fejn il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar hija mfittxija f’tali kuntest li din tal-aħħar taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u hija, konsegwentement, hekk kif jistabbilixxi espliċitament l-Artikolu 4(2)(d) TFUE, eskluża mill-kompetenza li hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fl-oqsma tal-agrikoltura u tas-sajd.

85

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-oriġini tal-Artikolu 3(1)(d) TFUE.

86

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, inizjalment, it-Trattati kienu jipprevedu, fost il-kompetenzi tal-Unjoni, l-istabbiliment ta’ politika agrikola komuni li tinkludi s-sajd mingħajr ma jsemmu, b’mod awtonomu, il-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar. Fil-kuntest ta’ din il-kompetenza, l-Unjoni, fl-20 ta’ Ottubru 1970, adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2141/70 tal-20 ta’ Ottubru 1970 li tistabbilixxi politika komuni tal-istrutturi fis-settur tas-sajd (ĠU 1970 L 236, p. 1), fejn l-Artikolu 5 tiegħu speċifikament awtorizza lill-Kunsill li jadotta miżuri ta’ konservazzjoni tar-riżorsi tal-ħut. Din l-awtorizzazzjoni kienet sussegwentement adottata fl-att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1972 L 73, p. 14), li fir-rigward tiegħu il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fi tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni previst minn dan l-att, l-Istati Membri jieqfu milli jkunu kompetenti għal dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1976, Kramer et, 3/76, 4/76 u 6/76, EU:C:1976:114, punt 40, kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 1981, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, 804/79, EU:C:1981:93, punti 17 u 27).

87

Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-determinazzjoni tal-iskop u tal-komponent esklużivi jew prinċipali tad-dokument ta’ riflessjoni u tal-miżuri previsti, kif dan tfakkar fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, din għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, jiġifieri l-kuntest, il-kontenut u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-deċiżjonijiet inkwistjoni.

88

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kuntest, peress li d-dokument ta’ riflessjoni u l-miżuri previsti huma ddestinati sabiex jitressqu quddiem il-Kummissjoni CAMLR, għandhom jiġu eżaminati l-missjonijiet assenjati għal dan l-organu internazzjonali mill-Konvenzjoni ta’ Canberra kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati rappreżentanti fi ħdan din il-kummissjoni.

89

F’dan ir-rigward, ċertament jirriżulta mill-Artikolu IX tal-Konvenzjoni ta’ Canberra, moqri flimkien mal-Artikolu II tagħha, li ċertu numru ta’ missjonijiet fdati lill-Kummissjoni CAMLR ittrattaw il-preservazzjoni tar-riżorsi marini ħajjin tal-Antartiku li huma s-suġġett ta’ sfruttament tal-ħut.

90

Madankollu, l-ewwel nett, il-paragrafu introduttiv tal-preambolu ta’ din il-konvenzjoni jippreċiża li din tal-aħħar ġiet adottata b’kunsiderazzjoni tal-importanza li jiġi protett l-ambjent u li tiġi ppreservata l-ekosistema tal-ibħra kollha li jiċċirkondaw l-Antartiku.

91

Sussegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Canberra ma huwiex limitat unikament għar-riżorsi marbuta mas-sajd, iżda japplika, skont l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din il-konvenzjoni, għall-ispeċi ta’ organi ħajjin kollha li jagħmlu parti mill-ekosistema tal-baħar Antartiku, inklużi għall-għasafar.

92

Barra minn hekk, l-Artikolu V(2) tal-Konvenzjoni ta’ Canberra jistabbilixxi li l-partijiet għal din il-konvenzjoni li ma humiex partijiet fit-Trattat dwar l-Antartiku għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex japplikaw il-miżuri miftehma fil-kuntest ta’ dan it-trattat favur il-protezzjoni tal-fawna u tal-flora tal-Antartiku kif ukoll il-miżuri l-oħra li ġew irrakkomandati mill-partijiet konsultattivi għal dan it-trattat fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent Antartiku kontra kull forma ta’ interferenza noċiva tal-bniedem, li jmur b’mod ċar lil hinn mill-obbligi normalment meħuda fil-kuntest ta’ ftehim ta’ ġestjoni tal-attivitajiet ta’ sajd.

93

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-kuntest ġenerali ta’ stabbiliment ta’ żoni marittimi protetti ma jassenjax lil dawn, bħala skop prinċipali, is-sajd jew il-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ħut. Min-naħa l-oħra, mill-premessi 1 u 6 ta’ dan il-qafas jirriżulta li ż-ŻPB li jistgħu jinħolqu mill-Kummissjoni CAMLR għandhom bħala għanijiet iż-żamma tal-“bijodiversità tal-baħar”, “l-istruttura u l-funzjoni tal-ekosistema” u tal-“kapaċità ta’ adattament quddiem il-bidla fil-klima” tagħha kif ukoll it-tnaqqis ta’ “il-possibbiltà ta’ invażjoni ta’ speċi esoġeni minħabba attivitajiet antropoġeniki”. Min-naħa l-oħra, il-punt 2 ta’ dan il-qafas, li huwa intiż sabiex jippreċiża dawn l-għanijiet, jindika li ż-ŻPB għandhom jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ “il-protezzjoni ta’ eżempji rappreżentattivi ta’ ekosistemi, tal-bijodiversità u tal-habitats tal-baħar fuq skala li tippermetti li tinżamm il-vijabbiltà tagħhom u l-integrità tagħhom għal żmien twil”, għall-“protezzjoni ta’ proċessi ekosistemiċi, ta’ habitats u ta’ speċi ewlenin”, għal “il-protezzjoni ta’ żoni vulnerabbli quddiem l-impatt ta’ attivitajiet antropoġeniki” jew ukoll “il-protezzjoni ta’ karatteristiċi essenzjali għall-funzjoni tal-ekosistemi lokali”.

94

Minn dan jirriżulta li mhux biss il-Kummissjoni CAMLR hija awtorizzata li tadotta miżuri differenti li jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-ambjent, iżda wkoll li tali protezzjoni kienet tidher bħala li kienet l-iskop u l-komponent prinċipali ta’ dawn il-miżuri.

95

F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-kontenut tad-dokument ta’ riflessjoni u tal-miżuri previsti, minn naħa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-kontenut ċertament jenfasizza l-leġiżlazzjoni tal-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd. Madankollu, hekk kif dan jirriżulta mill-punti 5.3 u 5.4 tal-proposta ta’ ħolqien ta’ ŻPB fil-Baħar ta’ Weddell, mill-punti 3 u 7 tal-proposta ta’ ħolqien ta’ ŻPB fil-Baħar ta’ Ross kif ukoll mill-paragrafu introduttiv u mill-punt 10 tal-proposta ta’ ħolqien ta’ żoni speċjali ddesintati għall-istudju xjentifiku tal-ispazju marittimu kkonċernat, tal-bidla fil-klima u tal-irtirar tal-pjattaformi tas-silġ, din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tistipula projbizzjoni parzjali, iżda importanti tas-sajd, fejn dan tal-aħħar huwa awtorizzat biss eċċezzjonalment, sabiex jiġu ppreservati l-ekosistemi kkonċernati jew, fir-rigward ta’ din l-aħħar miżura, sabiex ikun jista’ jsir l-istudju tal-impatt tal-bidla fil-klima fuq l-ekosistema tal-baħar prevista minn din il-miżura. Isegwi li l-possibbiltajiet ta’ sajd limitati ħafna previsti fiż-żoni kkonċernati mill-miżuri u mid-dokument ta’ riflessjoni msemmija iktar ’il fuq huma esklużivament iġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet ambjentali.

96

Min-naħa l-oħra, ċerti dispożizzjonijiet tad-dokument ta’ riflessjoni u tal-miżuri previsti, bħall-punt 5.5 tal-proposta ta’ ħolqien ta’ ŻPB fil-Baħar ta’ Weddell, il-punt 10 tal-proposta ta’ ħolqien ta’ ŻPB fil-Baħar ta’ Ross u l-punt 14 tal-proposta ta’ ħolqien ta’ żoni speċjali ddestinati għall-istudju xjentifiku tal-ispazju marittimu kkonċernat, tal-bidla fil-klima u tal-irtirar tal-pjattaformi tas-silġ, jipprojbixxu wkoll id-depożitu jew ir-rimi ta’ skart u għalhekk ma jikkonċernawx, inkwantu tali, il-leġiżlazzjoni tal-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd.

97

Konsegwentement, għalkemm id-dokument ta’ riflessjoni u l-miżuri previsti ċertament parzjalment għandhom bħala għan li jirregolaw l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd u għalhekk jaqbżu, minħabba l-kontenut tagħhom, l-unika protezzjoni tal-ambjent, din tal-aħħar ma tikkostitwxxix il-komponent prinċipali tagħhom.

98

Fir-rigward, it-tielet nett, tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-dokument ta’ riflessjoni u mill-miżuri previsti, jirriżulta kemm mill-premessi tagħhom kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tagħhom, li dan id-dokument u dawn il-miżuri huma intiżi għall-konservazzjoni, għall-istudju u għall-protezzjoni tal-ekosistemi, tal-bijodiversità u tal-habitats fl-Antartiku, kif ukoll għall-ġlieda kontra l-effetti dannużi tal-bidla fil-klima fuq dan ir-reġjun estremament importanti għall-klima dinjija. Għalhekk, l-ispeċi annimali li dawn il-miżuri huma intiżi li jipproteġu ma humiex limitati għal dawk li huma s-suġġett ta’ sajd kummerċjali, iżda jinkludu, b’mod partikolari, kif isemmu l-paġna 4 u 5 tad-dokument ta’ riflessjoni, il-punt 3.1(b) tal-proposta ta’ ħolqien ta’ ŻPB fil-Baħar ta’ Weddell u l-punt 3(i) tal-proposta ta’ ħolqien ta’ ŻPB fil-Baħar ta’ Ross, ċerti għasafar u mammiferi tal-baħar.

99

Għalhekk, l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-dokument ta’ riflessjoni u mill-miżuri previsti, li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ diversi mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, stabbiliti fl-Artikolu 191(1) TFUE, jikkorroboraw il-konklużjonijiet ibbażati fuq il-punti 94 u 97 ta’ din is-sentenza.

100

Minn dak li ntqal jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sajd jidher bħala li huwa biss skop aċċessorju tad-dokument ta’ riflessjoni u tal-miżuri previsti. Peress li dan id-dokument u dawn il-miżuri għandhom bħala skop u bħala komponent prinċipali l-protezzjoni tal-ambjent, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, stabbilita fl-Artikolu 3(1)(d) TFUE, iżda taħt il-kompetenza li din tikkondividi, bħala prinċipju, mal-Istati Membri fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ambjent skont l-Artikolu 4(2)(e) TFUE.

101

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza li, skont l-Artikolu 11 TFUE, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-PKS. Fil-fatt, għalkemm l-Unjoni għandha tikkonforma ruħha ma’ din id-dispożizzjoni meta teżerċita waħda mill-kompetenzi tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li l-politika tal-ambjent hija espliċitament imsemmija fit-trattati bħala li tikkostitwixxi qasam ta’ kompetenza awtonomu u li, konsegwentement, meta l-iskop u l-komponent prinċipali ta’ miżura jkunu relatati ma’ dan il-qasam ta’ kompetenza, din il-miżura għandha wkoll titqies bħala li taqa’ taħt dan il-qasam ta’ kompetenza (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punti 34 u 42 sa 44).

102

Bl-istess mod, huwa ċertament possibbli għall-Unjoni li tintegra fil-PKS elementi ddestinati sabiex jimplimentaw din il-politika fil-kuntest ta’ approċċ ekosistemiku intiż li jimminimizza l-effetti negattivi tal-attivitajiet ta’ sajd fuq l-ekosistema tal-baħar u sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni, minħabba dawn l-attivitajiet, tal-ambjent tal-baħar bħalma juru l-premessa 13 tar-Regolament Nru 1380/2013, kif ukoll l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, tali approċċ isegwi għan ħafna iktar limitat minn dawk li għandhom jintlaħqu mid-dokument ta’ riflessjoni u l-miżuri previsti, esposti fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, u ma jistax, għalhekk, jiġġustifika l-integrazzjoni ta’ dawn il-miżuri fil-PKS.

103

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

Fuq it-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) TFUE

– L-argumenti tal-partijiet

104

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, fl-ipoteżi fejn l-issuġġettar tad-dokument ta’ riflessjoni u tal-miżuri previsti lill-Kummissjoni CAMLR ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(d) TFUE, l-Unjoni madankollu kellha tipproponi dan id-dokument u dawn il-miżuri f’isimha biss, u dan skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

105

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, peress li dan il-ftehim jista’ jaffettwa regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom. Issa, din il-kompetenza tikkonċerna mhux biss il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, iżda wkoll, bħal f’dan il-każ, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni mill-korpi stabbiliti skont dawn. Sussegwentement, jekk jiġi preżunt li l-parteċipazzjoni fil-votazzjoni li għandha twassal għall-adozzjoni, fi ħdan il-Kummissjoni CAMLR, tal-miżuri previsti taqa’ taħt kompetenza kondiviża, din tal-aħħar tkun saret esklużiva minħabba żewġ motivi. Minn naħa, dawn il-miżuri jikkontradixxu l-pożizzjoni multiannwali li skont din il-pożizzjonijiet fi ħdan dan il-korp internazzjonali għandhom jittieħdu mill-Unjoni li taġixxi waħedha. Min-naħa l-oħra, l-istabbiliment taż-ŻPB u taż-żoni ta’ riċerka speċjali proposti jista’ jaffettwa diversi regoli li jinsabu fir-Regolamenti Nri 600/2004 u 601/2004.

106

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill bi żball ikkunsidra li kompetenza kondiviża twassal neċessarjament għal azzjoni esterna mħallta tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fir-realtà, skont il-Kummissjoni, il-Kunsill jirrifjuta li josserva l-fatt li, f’qasam li allegatament huwa ta’ kompetenza kondiviża, l-Unjoni tista’ effettivament taġixxi waħedha u tista’ tagħmel dan billi tapplika l-proċedura deċiżjonali prevista mit-trattati.

107

Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill, sostnut mill-Istati Membri intervenjenti kollha, isostni, minn naħa, li l-miżuri previsti, jekk kellhom jiġu adottati, ma jistgħux jaffettwaw il-portata tal-pożizzjoni multiannwali, peress li, hekk kif dan jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha u mill-punt 2 tal-Anness I tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-pożizzjoni multiannwali ġie intenzjonalment limitat mill-Kunsill għall-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-PKS. Issa, il-miżuri previsti ma jaqgħux taħt din il-politika.

108

Fir-rigward tal-argument sostnut mill-Kummissjoni rigward żewġ regolamenti evokati, dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ prova li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 75), hija l-parti li tibbaża fuq in-natura esklużiva tal-kompetenza esterna tal-Unjoni li għandha tipproduċi l-prova dwar dan. Issa, il-Kummissjoni ma pproduċietx element ta’ natura li jistabbilixxi n-natura esklużiva tal-kompetenza esterna tal-Unjoni li hija tibbaża fuqha abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri previsti ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tista’ taffettwa l-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 600/2004 u 601/2004, peress li dawn tal-aħħar kienu jikkonċernaw l-attivitajiet ta’ sajd, u mhux, bħal f’dan il-każ, l-attivitajiet ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi.

109

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-Kunsill kien fixkel kompetenza kondiviża u mħallta tal-azzjoni, minkejja li dan l-argument kien ġie espost mill-Kummissjoni fir-rikorsi tagħha, il-Kunsill għażel li ma jweġibx għalih.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

110

F’dak li jikkonċerna l-argument dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont din id-dispożizzjoni, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali meta din il-konklużjoni tista’ taffettwa regoli komuni jew tbiddel il-portata tagħhom.

111

Għalhekk, billi jirriżerva kompetenza esklużiva lill-Unjoni sabiex tadotta ftehim fil-kundizzjonijiet ippreċiżati fl-Artikolu 3(2) TFUE permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni li jevita li l-Istati Membri jkunu jistgħu, unilateralment jew kollettivament, jidħlu f’obbligi ma’ Stati terzi li jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-portata tagħhom (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor), tas-16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punt 170).

112

Fir-rigward ta’ dan l-għan, l-Artikolu 3(2) TFUE għalhekk għandu jiġi interpretat, sabiex jinżamm l-effett utli tiegħu, fis-sens li, minkejja li l-formulazzjoni tiegħu tirreferi unikament għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, dan japplika wkoll, fi stadju bikri, waqt in-negozjati ta’ tali ftehim u, sussegwentement, meta korp stabbilit skont dan il-ftehim huwa msejjaħ li jadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni tiegħu.

113

Sussegwentement, minn ġurisprudenza kkonsolidata jirriżulta li jeżisti riskju ta’ dannu għal regoli komuni tal-Unjoni minħabba impenji internazzjonali meħuda mill-Istati Membri jew li tinbidel il-portata tar-regoli proprji sabiex tiġi ġġustifikata kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, meta dawn l-impenji jaqgħu taħt il-qasam tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, peress li l-konstatazzjoni ta’ tali riskju ma tippreżupponix konkordanza kompleta bejn il-qasam kopert mill-impenji internazzjonali u dak tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-portata tar-regoli tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata jew mibdula minn impenji internazzjonali, meta dawn tal-aħħar jaqgħu taħt qasam diġà kopert fil-parti l-kbira minn tali regoli (Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punti 71 sa 73).

114

Minbarra dan, l-eżistenza ta’ tali riskju ta’ inċidenza tista’ tiġi kkonstatata meta, mingħajr ma jkunu neċessarjament f’kontradizzjoni mar-regoli komuni tal-Unjoni, l-impenji internazzjonali inkwistjoni jistgħu jkollhom effett fuq is-sens, il-portata u l-effikaċità ta’ dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 102, u Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 85).

115

Hija l-parti kkonċernata li għandha tipproduċi l-elementi tali li jiġi stabbilit li n-natura esklużiva tal-kompetenza esterna tal-Unjoni li għandha l-intenzjoni li tibbaża fuqha ġiet miksura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 75).

116

Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pproduċietx tali elementi.

117

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, sabiex jiġi stabbilit li l-impenji internazzjonali inkwistjoni jaqgħu taħt qasam diġà kopert mnn regoli tal-Unjoni, il-Kummissjoni sempliċement tinvoka l-kontenut tal-pożizzjoni multiannwali, kif ukoll ir-Regolamenti Nri 600/2004 u 601/2004, mingħajr ma tanalizza jekk il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar ikoprix “fil-parti l-kbira” dawk previsti minn dawn l-impenji internazzjonali.

118

Issa, f’dan ir-rigward, mill-analiżi magħmula fil-punti 89 sa 92 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Canberra tawtorizza lill-Kummissjoni CAMLR, li lilha d-dokument ta’ riflessjoni u l-miżuri previsti kienu ġew indirizzati, tadotta miżuri li għandhom bħala komponent u skop prinċipali, u, għalhekk, essenzjalment bħala qasam ta’ applikazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent.

119

Min-naħa l-oħra, jidher li l-qasam kopert mill-pożizzjoni multiannwali, kif ukoll mir-Regolamenti Nri 600/2004 u 601/2004 huwa, essenzjalment, limitat għas-sajd. Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 1 kif ukoll mill-punt 2 tal-Anness I tal-pożizzjoni multiannwali jirriżulta li din tapplika għall-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kummissjoni CAMLR meta dan il-korp huwa msejjaħ sabiex jieħu deċiżjonijiet li għandhom effetti legali fl-oqsma marbuta mal-PKS. Min-naħa l-oħra, mill-premessi 4 u 5 tar-Regolament Nru 600/2004 u mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 601/2004, kif ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1 ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti jirriżulta li dawn tal-aħħar huma essenzjalment intiżi sabiex jirregolaw l-attivitajiet ta’ sajd fiż-żona ta’ applikazjoni tal-Konvenzjoni ta’ Camberra.

120

Għalhekk, il-qasam ta’ applikazzjoni tal-impenji internazzjonali kkonċernati ma jistax jitqies, fi kwalunkwe każ, bħala li jaqa’ “fil-parti l-kbira” taħt dak diġà kopert mill-pożizzjoni multiannwali jew mir-Regolamenti Nri 600/2004 u 601/2004.

121

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma pprovdietx elementi suffiċjenti relatati man-natura tar-riskju ta’ inċidenza allegat.

122

Fil-fatt, fir-rigward tal-pożizzjoni multiannwali, il-Kummissjoni sempliċement tindika li din ma tipprevedix l-obbligu għall-Unjoni li taġixxi konġuntament mal-Istati Membri. Issa, fuq dan il-punt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1 tal-pożizzjoni multiannwali jippreċiża li din tikkonċerna unikament l-istabbbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fl-okkażjoni tal-laqgħa annwali tal-Kummissjoni CAMLR meta din tal-aħħar hija msejħa sabiex tadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti legali fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-PKS. Isegwi li, fi kwalunkwe każ, din il-pożizzjoni multiannwali bl-ebda mod ma tippreġudika l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-komponiment u l-iskop prinċipali tagħhom jaqgħu taħt il-politika tal-ambjent, kellhomx jiġu adottati unikament mill-Unjoni jew mill-Unjoni li taġixxi bil-konkordanza tal-Istati Membri.

123

Bl-istess mod, f’dak li jikkonċerna r-Regolamenti Nri 600/2004 u 601/2004, il-Kummissjoni ċertament irreferiet għal diversi regoli komuni li għalihom, fil-fehma tagħha, il-miżuri previsti, kieku kellhom jiġu adottati, jistgħu joħolqu preġudizzju u, għalhekk, ipproduċiet ċerti elementi ta’ natura li juru li l-miżuri previsti jaqgħu, tal-inqas parzjalment, taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 600/2004 u 601/2004. Madankollu, hija ma identifikatx, sabiex turi li dawn l-istess miżuri jistgħu jkollhom effett fuq is-sens, il-portata u l-effikaċja ta’ dawn ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-miżuri li huma fl-oriġini ta’ dan il-ksur, u lanqas ma ppreċiżat il-kontenut ta’ dan il-ksur.

124

Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 3(2) TFUE għandu jiġi miċħud bħala infondat.

125

Fir-rigward ukoll tal-argument sostnut mill-Kummissjoni li permezz tiegħu hija ssostni li l-Kunsill fixkel il-kunċetti ta’ “kompetenza kondiviża” u ta’ “taħlita tal-azzjoni esterna” u, bħala konsegwenza, irrifjuta li, f’qasam ta’ kompetenza kondiviża, l-Unjoni tista’ taġixxi waħedha, ma jistax jintlaqa’.

126

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, kellha l-okkażjoni li tippreċiża li l-unika ċirkustanza li azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali taqa’ taħt kompetenza kondiviża bejnha u l-Istati Membri ma teskludix il-possibbiltà li l-Kunsill jirċievi fi ħdanu l-maġġoranza meħtieġa sabiex l-Unjoni teżerċita waħedha din il-kompetenza esterna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 68, li tiċċita l-punt 244 tal-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor), tas-16 ta’ Mejju 2017, (EU:C:2017:376)).

127

Fid-dawl ta’ dan, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Unjoni tiddeċiedi li teżerċita l-kompetenzi tagħha, eżerċizzju bħal dan għandu jsir fl-osservanza tad-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

128

Issa, fil-kuntest speċifiku tas-sistema konvenzjonali fuq l-Antartiku, l-eżerċizzju, mill-Unjoni, tal-kompetenza esterna inkwistjoni f’dawn il-kawżi li teskludi l-Istati Membri huwa inkompatibbli mad-dritt internazzjonali.

129

Fil-fatt, mill-qari konġunt tal-Artikolu VII(2)(ċ) u tal-Artikolu XXIX(2) tal-Konvenzjoni ta’ Canberra jirriżulta li organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, bħall-Unjoni, tista’ taderixxi ma’ din il-konvenzjoni u ssir membru tal-Kummissjoni CAMLR unikament bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jkunu wkoll. Min-naħa l-oħra, ebda kundizzjoni analoga, li torbot il-preżenza ta’ dawn l-Istati fi ħdan il-Kummissjoni CAMLR mal-fatt li l-organizzazzjoni reġjonali kkonċernata tkun ukoll membru ta’ din il-kummissjoni, ma hija prevista.

130

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Konvenzjoni ta’ Canberra ma tagħtix lill-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali, bħall-Unjoni, status kompletament awtonomu fi ħdan il-Kummissjoni CAMLR.

131

Dan japplika iktar ukoll minħabba li trattati u konvenzjonijiet internazzjonali kollha applikabbli għall-Antartiku jifformaw sistema organizzata u koerenti, marbuta mat-trattat l-iktar antik u l-iktar ġenerali fosthom, jiġifieri t-Trattat fuq l-Antartiku, fatt rifless fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu V tal-Konvenzjoni ta’ Canberra. Minn dan jirriżulta li anki l-partijiet għal din il-konvenzjoni li ma humiex partijiet fit-Trattat fuq l-Antartiku jirrikonoxxu l-obbligi u r-responsabbiltajiet partikolari tal-partijiet konsultattivi ta’ dan l-aħħar trattat u, konsegwentement, japplikaw il-miżuri differenti rrakkomandati minnhom. Ghalhekk, l-ewwel nett, huma l-partijiet konsultattivi tat-Trattat fuq l-Antartiku li għandhom jevolvu din il-ġabra konvenzjonali dwar l-Antartiku u li jiżguraw il-koerenza tagħha.

132

Issa, l-Unjoni tinsab fost il-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Canberra li huma indirizzati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu V(1) u (2) ta’ din il-konvenzjoni, sa fejn hija ma tagħmilx parti mit-Trattat fuq l-Antartiku. Isegwi, b’mod partikolari, li hija obbligata tirrikonoxxi l-obbligi u r-responsabbiltajiet partikolari tal-partijiet konsulatttivi tat-Trattat fuq l-Antartiku, inklużi dawk tal-Istati Membri tagħha li għandhom dan l-istatus, kemm jekk huma membri tal-Kummissjoni CAMLR jew le.

133

F’dawn il-kundizzjonijiet, li l-Unjoni tkun tista’, fi ħdan il-Kummissjoni CAMLR, tirrikorri għall-possibbiltà li hija għandha li taġixxi mingħajr il-konkordanza tal-Istati Membri tagħha f’qasam ta’ kompetenza kondiviża, minkejja li, kuntrarjament tagħha, uħud minnhom għandhom l-istatus ta’ partijiet konsultattivi fit-Trattat fuq l-Antartiku, joħloq riskju, fir-rigward tal-pożizzjoni partikolari tal-Konvenzjoni ta’ Canberra fi ħdan is-sistema konvenzjonali fuq l-Antartiku, li jiġu kompromessi r-responsabbiltajiet u l-prerogattivi ta’ dawn il-partijiet konsultattivi, li jista’ jdgħajjef il-koerenza ta’ din is-sistema konvenjzonali u, b’mod definittiv, imur kontra dispożizzjonijiet tal-Artikolu V(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Canberra.

134

Isegwi li t-tieni motiv sussidjarju għandu jiġi miċħud.

135

Billi ebda wieħed miż-żewġ motivi ma ġie milqugħ, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

136

L-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li kull parti li titlef għadha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kunsill, konformement mat-talbiet ta’ din l-istituzzjoni.

137

Barra minn hekk, l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli tal-proċedura jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonjiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Alkuun