EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0584

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-2 ta’ Marzu 2017.
Glencore Céréales France vs Établissement national des produits de l'agriculture et de la mer (FranceAgriMer).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal administratif de Melun.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 3 — Regolament (KEE) Nru 3665/87 — Artikolu 11 — Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija indebitament — Regolament (KEE) Nru 3002/92 — Artikolu 5a — Garanzija rilaxxata indebitament — Interessi dovuti — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu — Interruzzjoni tal-perijodu — Limitu massimu — Terminu itwal — Applikabbiltà.
Kawża C-584/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:160

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

tat-2 ta’ Marzu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 3 — Regolament (KEE) Nru 3665/87 — Artikolu 11 — Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija indebitament — Regolament (KEE) Nru 3002/92 — Artikolu 5a — Garanzija rilaxxata indebitament — Interessi dovuti — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu — Interruzzjoni tal-perijodu — Limitu massimu — Terminu itwal — Applikabbiltà”

Fil-Kawża C-584/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal administratif de Melun (qorti amministrattiva ta’ Melun, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Glencore Céréales France

vs

Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Glencore Céréales Franza, minn F. Citron u S. Le Roy, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn S. Ghiandoni u A. Daly, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet, J. Baquero Cruz u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas‑27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU 1987, L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 495/97, tat-18 ta’ Marzu 1997 (ĠU 1997, L 77, p. 12) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3665/87”), u tal-Artikolu 5a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3002/92, tas‑16 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-verifika tal-użu u/jew destinazzjoni ta’ prodotti minn intervent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 4, p. 297), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 770/96, tas-26 ta’ April 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 7, p. 173) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3002/92”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Glencore Céréales France (iktar ’il quddiem “Glencore”) u l-Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer) dwar ħlas ta’ interessi relatati ma’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni rċevuti indebitament minn din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 2988/95

3

It-tielet premessa tar-Regolament Nru 2988/95 tipprovdi:

“[…] [A]tti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha;

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni].

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-[Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

5

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. […]

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skont Artikolu 6(1).

2.   Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. Dak il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”

6

It-Titolu II tar-Regolament Nru 2988/95 huwa intitolat “Il-miżuri amministrattivi u l-penali”. Dan it-titolu jinkludi l-Artikolu 4 ta’ dan tal-aħħar, li jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.

2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.”

7

L-Artikolu 5 tal-istess regolament jistabbilixxi l-penali amministrattivi li jistgħu jwasslu għalihom l-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk ikkawżati minn negliġenza.

Ir-Regolament Nru 3665/87

8

Ir-Regolament Nru 3665/87 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 102, p. 11, u – rettifika – ĠU L 180, p. 53). Madankollu l-kawża prinċipali tibqa’ rregolata bir-Regolament Nru 3665/87.

9

L-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 kien jipprovdi:

“[…] [M]eta jsir ħlas indebitu ta’ rifużjoni, il-benefiċjarju għandu jirrimborsa l-ammonti rċevuti indebitament – inkluża kull penali applikabbli bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 – flimkien mal-interessi kkalkolati skont iż-żmien li jkun għadda bejn il-ħlas u r-rimbors. […] Madanakollu:

a)

meta l-ħlas lura jkun kopert b’garanzija, mhux rilaxxata, is-sekwestru ta’ dik il-garanzija skont l-Artikolu 23(1) jew 33(1) għandu jikkostitwixxi l-irkupru tal-ammont dovut;

b)

meta l-garanzija tkun ġiet rilaxxata, il-benefiċjarju jista’ jħallas dik il-parti tal-garanzija li kienet tkun ġiet issekwestrata, flimkien mal-interessi kkalkolati mid-data tar-rilaxx tad-data li tippreċedi dik tal-pagament.

Il-pagament għandu jsir fi żmien 30 jum tal-wasla tat-talba għall-pagament. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

Ir-Regolament Nru 3002/92

10

Ir-Regolament Nru 3002/92 ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1130/2009, tal-24 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-verifika tal-użu u/jew destinazzjoni ta’ prodotti minn intervent (ĠU 2009, L 310, p. 5). Madankollu l-kawża prinċipali tibqa’ rregolata bir-Regolament Nru 3002/92.

11

L-Artikolu 5a(1) u (2) tar-Regolament Nru 3002/92 kien ifformulat kif ġej:

“1.   Fejn, wara r-rilaxx tal-garanzija kollha jew in parti msemmija fl-Artikolu 5, ikun stabbilit li l-prodotti kollha jew in parti ma laħqux l-użu preskritt u/jew id-destinazzjoni tagħhom l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru […] għandha titlob […] li l-operatur interessat iħallas ammont ugwali għall-ammont tal-garanzija li kien jintilef kieku n-nuqqas ikun ittieħed in konsiderazzjoni qabel ir-rilaxx tal-garanzija. Dan l-ammont għandu jiżdied permezz ta’ interessi kkalkulati mid-data tar-rilaxx sal-jum ta’ qabel id-data tal-pagament.

Ir-riċeviment mill-awtorità kompetenti ta’ l-ammont imsemmi fis-subparagrafu preċedenti għandu jikkostitwixxi l-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku mhux dovut li jkun ingħata.

2.   Il-ħlas tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jsir fi żmien tletin jum mill-jum li fih tkun riċevuta d-domanda għall-ħlas.

[…]”

Id-dritt Franċiż

12

Il-loi no 2008-561, du 17 juin 2008, portant réforme de la prescription en matière civile (Liġi Nru 2008-561, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar ir-riforma tal-preskrizzjoni ċivili) (JORF Nru 141, tat-18 ta’ Ġunju 2008, p. 9856) ħolqot sistema ġdida ta’ preskrizzjoni ta’ dritt komuni, ikkodifikata fl-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili li jipprovdi:

“L-azzjonijiet personali u dawk reali fuq il-proprjetà mobbli jiskadu ħames snin wara l-jum li fih id-detentur ta’ dritt ikun sar konxju jew kellu jsir konxju dwar il-fatti li kienu jipprovdu l-bażi legali għall-eżerċizzju tagħhom”

13

L-Artikolu 26 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“I.–

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi li jestendu t-tul ta’ preskrizzjoni għandhom japplikaw meta t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jkunx għadu skada fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-terminu li jkun diġà għadda.

II.–

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi li jnaqqsu t-tul tal-preskrizzjoni għandhom japplikaw għall-preskrizzjonijiet mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, mingħajr ma t-tul totali ma jkun jista’ jeċċedi t-tul previst mil-liġi preċedenti.

III.–

Meta azzjoni tkun tressqet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, l-azzjoni għandha tinstema’ u tiġi deċiża skont il-liġi l-antika. Din il-liġi tapplika wkoll fl-appell u fil-kassazzjoni […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fis-26 ta’ Mejju 1999, Glencore kisbet ċertifikat għall-esportazzjoni ta’ 3300 tunnellata ta’ xgħir tal-birra bl-ingrossa, bil-benefiċċju ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

15

Wara kontroll doganali li wera irregolaritajiet fit-tagħbija taċ-ċereali fuq il-bastimenti intiżi għall-esportazzjoni ta’ dan ix-xgħir, l-Uffiċċju nazzjonali interprofessjonali għaċ-ċereali ħareġ fil-konfront ta’ Glencore ordni għall-ġbir tas-somma totali ta’ EUR 93933.85, li tikkorrispondi għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni rċevuti indebitament, flimkien ma’ sanzjoni u penali li jammontaw rispettivament għal 50 % u għal 15 % tal-ammont ta’ dawn ir-rifużjonijiet. Din l-ordni għall-ġbir ġiet innotifikata lil din il-kumpannija fil-25 ta’ Frar 2004.

16

Bejn ix-xhar ta’ Mejju u ta’ Settembru 2000, Glencore għaddiet lill-awtoritajiet doganali dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni għall-kwantità ta’ 43 630.13–il tunnellata ta’ qamħ komuni.

17

Wara kontroll doganali li wera irregolaritajiet fil-metodi ta’ ħżin ta’ dan il-qamħ qabel l-esportazzjoni tiegħu, l-Uffiċċju nazzjonali interprofessjonali taċ-ċereali ħareġ, fit-30 ta’ Novembru 2005, kontra Glencore, tliet ordnijiet għall-ġbir għall-ammonti rispettivi ta’ EUR 113685.40, ta’ EUR 22285.60 u ta’ EUR 934598.28, bħala rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament minn din il-kumpannija. Dawn l-ordnijiet għall-ġbir ġew innotifikati lil din tal-aħħar permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2006.

18

Wara li kkontestat quddiem il-qorti kompetenti, mingħajr suċċess, l-ordnijiet għall-ġbir imsemmija fil-punti 15 u 17 ta’ din is-sentenza, Glencore ħallset is-somom mitluba, fis-6 ta’ April 2010, għal dak li jikkonċerna l-għajnuna rċevuta għall-esportazzjoni tax-xgħir tal-birra, u, fis-27 ta’ Settembru 2010, għal dak li jikkonċerna l-ammonti relatati mal-esportazzjoni tal-qamħ komuni.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2013, li magħha kien hemm anness ordni għall-ġbir tat-12 ta’ April 2013, FranceAgriMer talab lil Glencore il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 289569.05 bħala interessi relatati mal-għajnuna u mal-ammonti rċevuti indebitament minn din il-kumpannija.

20

Glencore ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li invokat il-preskrizzjoni tal-irkupru ta’ dawn l-interessi, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

21

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal administratif de Melun (qorti amministrattiva ta’ Melun, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Mill-kliem [tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Pfeifer & Langen, (C‑564/10, EU:C:2012:190)], jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 3 tar-[Regolament Nru 2988/95] huwa applikabbli għal miżuri intiżi għall-ħlas tal-interessi dovuti skont [l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87] u skont l-Artikolu 5a [tar-Regolament Nru 3002/92]?

2)

Il-kreditu relatat mal-interessi għandu jitqies bħala li jirriżulta minn natura tiegħu minn irregolarità ‘kontinwa jew ripetuta’, li tintemm fil-jum tal-ħlas tal-ammont prinċipali, u għaldaqstant jiddifferixxi sa din id-data l-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni fir-rigward tiegħu?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva [għat-tieni-domanda], il-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni għandu jiġi stabbilit fil-jum tat-twettiq tal-irregolarità li tat lok għall-kreditu prinċipali, jew dan jista’ jiġi stabbilit biss fil-jum tal-ħlas tal-għajnuna jew tar-rilaxx tal-garanzija li jikkorrispondi għall-bidu tad-dekorrenza tal-kalkolu ta’ dawn l-interessi?

4)

Għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jitqies li kull att li jinterrompi l-preskrizzjoni fir-rigward tal-kreditu prinċipali jinterrompi wkoll il-preskrizzjoni għaddejja fir-rigward tal-interessi, anki jekk ma jsir ebda riferiment għalihom fl-atti li jinterrompu l-preskrizzjoni li jikkonċernaw il-kreditu prinċipali?

5)

Il-preskrizzjoni hija akkwistata permezz tal-iskadenza tat-terminu massimu previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jekk, f’dan it-terminu, l-organu li jħallas jitlob ir-rimbors tal-għajnuna mħallsa indebitament, mingħajr ma jitlob fl-istess ħin il-ħlas tal-interessi?

6)

It-terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, introdott fid-dritt nazzjonali fl-Artikolu 2224 tal-kodiċi ċivili permezz tal-Liġi Nru 2008-561, […], seta’ jissostitwixxi, għall-preskrizzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx akkwistati fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 4 snin previst mir-Regolament Nru 2988/95 b’applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li terminu ta’ preskrizzjoni previst f’din id-dispożizzjoni huwa applikabbli għall-irkupru ta’ kreditu ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovuti abbażi tal-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92.

23

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 u kif jirriżulta mit-tielet premessa ta’ dan ir-regolament, dan jintroduċi “regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni]” sabiex “atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha” (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet ta’ erba’ snin mit-twettiq tal-irregolarità jew, fil-każ ta’ irregolarità kontinwa jew ripetuta, mill-ġurnata li fiha ntemmet l-irregolarità. Madankollu, skont din id-dispożizzjoni, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perijodu iqsar li ma jistax ikun inqas minn tliet snin.

25

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjonijiet settorjali tal-Unjoni rilevanti fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-Regolament Nru 3665/87, li jirregola s-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli, u r-Regolament Nru 3002/92, dwar il-verifika tal-użu u/jew tad-destinazzjoni ta’ prodotti minn intervent, ma jipprovdux dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam ta’ preskrizzjoni.

26

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu ta’ erba’ snin huwa applikabbli kemm għall-irregolaritajiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għal irregolaritajiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma s-suġġett ta’ miżura amministrattiva li tikkonsisti fit-tneħħija tal-vantaġġ miksub b’mod indebitu, skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, kull irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, twassal, b’mod ġenerali, għall-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament, b’mod partikolari, permezz tal-obbligu li jitħallsu l-ammonti dovuti jew li jiġu rrimborsati l-ammonti rċevuti indebitament. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, li l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, hija limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub flimkien, jekk dan ikun previst, mal-interessi li jistgħu jiġu ddeterminati skont rata fissa.

28

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-ordnijiet għall-ġbir inkwistjoni fil-kawża prinċipali, maħruġa mill-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex tirkupra l-għajnuna u l-ammonti rċevuti indebitament minn Glencore minħabba irregolaritajiet imwettqa minn din, ġew adottati abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87, fir-rigward tax-xgħir tal-birra bl-ingrossa, u abbażi tal-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92, fir-rigward tal-qamħ komuni ta’ intervent. Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ordni għall-ġbir relatata mal-irkupru tal-interessi flimkien ma’ din l-għajnuna u dawn l-ammonti wkoll ġiet adottata abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprovdu espressament li r-rimbors tal-għajnuna u tal-ammonti rċevuti indebitament mill-operatur ikkonċernat huwa miżjud bl-interessi, liema huma kkalkolati abbażi ta’ din l-għajnuna u ta’ dawn l-ammonti, skont iż-żmien li jkun għadda bejn il-mument li jkunu ġew rċevuti u dak tar-rimbors tagħhom. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-ġbir mill-awtorità kompetenti tal-ammont hekk ikkalkolat jekwivali għall-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku mogħti indebitament mill-operatur ikkonċernat.

30

Għalhekk, l-ordnijiet għal ġbir inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkwalifikati bħala “miżuri amministrattivi”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95, kemm meta jirrigwardaw il-prinċipal kif ukoll meta jirrigwardaw l-interessi, peress li dawn l-ordnijiet jipparteċipaw, flimkien, għat-tneħħija tal-vantaġġ miksub indebitament mill-operatur ikkonċernat.

31

Minn dan isegwi li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Pfeifer & Langen (C-564/10, EU:C:2012:190), li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, għalkemm fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni li huwa jipprovdi għall-irkupru tal-kreditu prinċipali ma huwiex applikabbli għall-irkupru tal-interessi li jirriżultaw minn dan il-kreditu, tali interpretazzjoni kienet tirrigwarda, kif jirriżulta minn dan il-punt, sitwazzjoni fejn l-interessi kienu dovuti abbażi tad-dritt nazzjonali biss u mhux, bħal f’dan il-każ, abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst f’din id-dispożizzjoni huwa applikabbli għall-irkupru ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovuti abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u tal-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt, għal operatur, li jkun debitur ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxix irregolarità “kontinwa jew ripetuta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li t-terminu ta’ preskrizzjoni tagħha jibda jiddekorri mill-jum meta l-għajnuna jew l-ammonti rċevuti indebitament, kostituttivi jew prinċipali, ġew irrimborsati.

35

Għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, irregolarità hija “kontinw[a] jew ripetut[a]”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, meta titwettaq minn operatur li jikseb vantaġġi ekonomiċi minn numru ta’ operazzjonijiet simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, il-Gvern Franċiż isostni, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet tiegħu mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, li hija l-oriġini ta’ kull wieħed mill-krediti ta’ interessi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala distinta mill-irregolarità li wasslet għall-krediti prinċipali. Għaldaqstant, teżisti irregolarità kontinwa fl-assenza persistenti ta’ ħlas tal-kreditu prinċipali, matul il-perijodu fejn l-operatur jibqa’ debitur ta’ dan il-kreditu.

37

Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jirriżultaw minn irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, li hija distinta minn dik li twassal għall-irkupru tal-għajnuna u tal-ammonti li jikkostitwixxu l-prinċipal.

38

Fil-fatt, għandu jitfakkar li t-twettiq ta’ irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, jippresupponi, li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll dannu, jew dannu potenzjali, ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export, C-59/14, EU:C:2015:660, punt 24).

39

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, mill-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u mill-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92 jirriżulta li l-istess ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jagħti lok fl-istess ħin għall-irkupru ta’ somom rċevuti indebitament minħabba dan il-ksur u l-ġbir ta’ interessi flimkien ma’ dawn is-somom, liema jipparteċipaw flimkien għall-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku indebitament mogħti lill-operatur ikkonċernat.

40

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu jew ta’ dannu potenzjali, għall-baġit tal-Unjoni, għandu jiġi indikat, kif irreleva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment fil-punti 51 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-interessi previsti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u fl-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92 jikkostitwixxu interessi kompensatorji intiżi sabiex jirriflettu l-valur aġġornat tad-“dannu” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, bejn id-data ta’ meta jseħħ u dik tar-rimbors tal-ammont effettiv tiegħu mill-operatur ikkonċernat.

41

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, fir-rigward ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 3665/87 u 3002/92, irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, twassal għall-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku mogħti indebitament lill-operatur ikkonċernat, li huwa magħmul, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u l-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92, mill-għajnuna jew mill-ammonti rċevuti indebitament minn dan l-operatur, biż-żieda tal-interessi previsti f’dawk l-artikoli.

42

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li operatur ikun debitur ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix “irregolarità kontinwa jew ripetuta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali krediti għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jirriżultaw mill-istess irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95, bħal dik li twassal għall-irkupru tal-għajnuna u tal-ammonti rċevuti indebitament, li jikkostitwixxu l-krediti prinċipali.

Fuq it-tielet domanda

43

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ azzjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jiddekorrix mid-data meta twettqet l-irregolarità li tagħti lok għall-ikupru tal-għajnuna u tal-ammonti indovuti li abbażi tagħhom huma kkalkolati dawn l-interessi jew jekk dan it-terminu jiddekorrix mid-data li tikkorrispondi għall-punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-imsemmija interessi.

44

Preliminarjament, għandu jitfakkar li mir-risposta għat-tieni domanda jirriżulta li krediti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati li jirriżultaw mill-istess irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, kemm għal dak li jikkonċerna l-prinċipal kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-interessi.

45

Għaldaqstant, skont il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet intiżi għall-irkupru ta’ tali krediti huwa ta’ erba’ snin mid-data meta twettqet din l-irregolarità.

46

Huwa fid-dawl tal-iżvolġiment tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandha tiġi ddeterminata d-data meta twettqet l-imsemmija irregolarità.

47

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-konstatazzjoni ta’ irregolarità, imfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-punt ta’ tluq ta’ preskrizzjoni jinsab fid-data tal-avveniment, liema waħda sseħħ l-aħħar, jiġifieri jew fid-data tat-twettiq tad-dannu, meta dan id-dannu jseħħ wara l-att jew l-ommissjoni li jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni, jew fid-data ta’ dan l-att jew ta’ din l-ommissjoni, meta l-vantaġġ inkwistjoni jkun ġie mogħti qabel l-imsemmi att jew l-imsemmija ommissjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export, C-59/14, EU:C:2015:660, punt 26).

48

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, fir-rigward tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, “dannu”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, iseħħ fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni tal-għoti definittiv tal-vantaġġ ikkonċernat. Fil-fatt, huwa minn dan il-mument li jeżisti effettivament dannu kkawżat lill-baġit tal-Unjoni. Dan id-dannu ma għandux jiġi kkunsidrat bħala li jeżisti qabel id-data tal-għoti definittiv ta’ dan il-vantaġġ, suġġett għall-ammissjoni li t-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex jiġi rkuprat dan l-istess vantaġġ jista’ jibda jiddekorri fil-mument li huwa għadu ma ġiex mogħti (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export, C-59/14, EU:C:2015:660, punt 32). Fir-rigward ta’ garanzija bħal dik imsemmija fl-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92, għandu jiġi kkonstatat li dannu, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, iseħħ fil-jum tar-rilaxx ta’ din il-garanzija.

49

F’dan il-każ, il-kronoloġija tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif esposta fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma tippermettix li tiġi ddeterminata, minn naħa, id-data meta seħħ id-“dannu”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u, min-naħa l-oħra, jekk dan id-dannu seħħx qabel jew wara l-omissjoni li tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

50

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, li taf b’mod sħiħ il-fatti fil-kawża prinċipali, li għandha tiddetermina, jekk, f’dan il-każ, il-vantaġġ ikkonċernat ingħatax definittivament qabel l-att jew mal-omissjoni li tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Jekk dan ikun il-każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet intiżi għall-irkupru tal-krediti magħmula mill-interessi inkwistjoni jibda jiddekorri minn dan l-att jew minn din l-omissjoni. Jekk, għall-kuntrarju, ikun jidher li dan il-vantaġġ ingħata wara l-imsemmi att jew l-imsemmija omissjoni, id-dies a quo jikkorrispondi għad-data tal-għoti tal-imsemmi vantaġġ u, għaldaqstant, għall-jum li jikkorrispondi għall-punt ta’ tluq fil-kalkolu tal-imsemmija interessi.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-azzjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jibda jiddekorri mid-data meta twettqet l-irregolarità li tagħti lok għall-irkupru tal-imsemmija għajnuna u tal-ammonti dovuti li abbażi tagħhom huma kkalkolati dawn l-interessi, jiġifieri d-data tal-element li jikkostitwixxi din l-irregolarità, jiġifieri, jew l-att jew l-omissjoni jew id-dannu, li jseħħ l-aħħar.

Fuq ir-raba ’ u l-ħames domanda

52

Permezz tat-tielet u l-ħames domanda, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ azzjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-preskrizzjoni tinkisibx minħabba li jiskadi t-terminu previst f’dan ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1), meta, f’dan it-terminu, l-awtorità kompetenti, minkejja li tkun talbet ir-rimbors tal-għajnuna jew tal-ammonti rċevuti indebitament mill-operatur ikkonċernat, ma tkun adottat ebda deċiżjoni f’dak li jikkonċerna dawn l-interessi.

53

Kemm mill-kliem kif ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li din id-dispożizzjoni timponi, fir-raba’ subparagrafu tagħha, limitu assolut li japplika għall-preskrizzjoni tal-azzjonijiet kontra irregolarità, fejn din il-preskrizzjoni tiddekorri sa mhux iktar tard mill-ġurnata fejn terminu ta’ żmien ugwali għad-doppju ta’ dak previst fl-ewwel subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni jasal sabiex jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet sanzjoni, ħlief fil-każ fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 63).

54

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li dan il-limitu assolut japplika wkoll għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Sodiaal International, C-383/14, EU:C:2015:541, punt 33).

55

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi limitu jikkontribwixxi sabiex isaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi billi jipprekludi li l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet relatati ma’ irregolarità tista’ tiġi mdewma indefinittivament permezz ta’ atti ta’ interruzzjoni ripetuti (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-11ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 64).

56

Għaldaqstant, minbarra fl-ipoteżi ta’ sospensjoni tal-proċedura amministrattiva, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2988/95, l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni adottati mill-awtorità kompetenti u nnotifikati lill-persuna inkwistjoni, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, ma għandhomx bħala effett li jinterrompu t-terminu previst mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 72).

57

Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ irregolaritajiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità kompetenti għandha tadotta l-miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku mogħti indebitament fi kwalunkwe każ fit-terminu previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 30 u 45 ta’ din is-sentenza, dan it-terminu japplika kemm għall-miżuri intiżi għall-irkupru tal-ammonti, imsemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u fl-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92, kif ukoll għal dawk dwar l-interessi previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, u jibda jiddekorri mid-data meta twettqet l-irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, li tikkostitwixxi l-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 3665/87 u 3002/92.

59

Għaldaqstant, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-awtorità kompetenti talbet, l-ewwel ir-rimbors tal-krediti prinċipali, qabel ma talbet, sussegwentement, ir-rimbors tal-interessi, anki fl-ipoteżi li atti li jinterrompu l-preskrizzjoni kienu ġew adottati fir-rigward ta’ dawn l-interessi, din l-awtorità kellha tadotta d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rimbors tal-imsemmija interessi fit-terminu previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

60

Minn dan isegwi li, meta irregolaritajiet relatati mar-Regolamenti Nri 3665/87 u 3002/92 kienu twettqu, bħal fil-kawża prinċipali, rispettivament matul is-snin 1999 u 2000, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma jippermettix lill-awtorità kompetenti tadotta, matul is-sena 2013, deċiżjoni dwar l-interessi dovuti abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u tal-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92, peress li l-krediti relatati ma’ dawn l-interessi kienu, taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, f’din id-data, preskritti. Fid-dawl tan-natura assoluta tal-limitu previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, din il-konklużjoni tapplika wkoll meta, fit-terminu msemmi f’din id-dispożizzjoni, l-imsemmija awtorità tkun adottat deċiżjoni dwar ir-rimbors tal-ammonti li jikkostitwixxu l-prinċipali.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ u l-ħames domanda għandha tkun li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-azzjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-preskrizzjoni tinkiseb meta jiskadi t-terminu previst f’dan ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1), peress li, f’dan it-terminu, l-awtorità kompetenti, għalkemm talbet ir-rimbors tal-għajnuna jew tal-ammonti rċevuti indebitament mill-operatur ikkonċernat, ma adottat ebda deċiżjoni f’dak li jikkonċerna dawn l-interessi.

Fuq is-sitt domanda

62

Permezz tas-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li terminu ta’ preskrizzjoni, previst mid-dritt nazzjonali, itwal minn dak previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jistax jiġi applikat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dak li jikkonċerna l-irkupru ta’ krediti ta’ interessi, li saru dovuti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-terminu u li għadhom ma humiex preskritti skont din l-aħħar dispożizzjoni.

63

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-Istati Membri jistgħu japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal mit-terminu minimu ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C-341/13, EU:C:2014:2230, punt 54).

64

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-iffissar tat-termini ta’ preskrizzjoni itwal li huma jkollhom l-intenzjoni li japplikaw f’każ ta’ irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C-341/13, EU:C:2014:2230, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-Istati Membri jistgħu, minn naħa, ikomplu japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal li jkunu jeżistu fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, jintroduċu regoli ġodda ta’ preskrizzjoni li jipprovdu tali termini wara din id-data (sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C-278/07 sa C-280/07, EU:C:2009:38, punt 42).

66

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-data tat-twettiq tal-irregolaritajiet inkwistjoni, ma kienet teżisti ebda sistema ta’ preskrizzjoni fid-dritt nazzjonali, li setgħet tapplika minflok dik prevista mir-Regolament Nru 2988/95.

67

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, madankollu, li l-Liġi Nru 2008-561, tas-17 ta’ Ġunju 2008, li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tagħha huma mfakkra fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, introduċiet sistema ta’ preskrizzjoni ġdida tad-dritt komuni, li tistabbilixxi t-terminu ta’ din il-preskrizzjoni għal ħames snin.

68

F’dawn il-kundizzjonijiet, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-punt dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, sa fejn din għandha l-effett li testendi b’sena t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli bħala regola għal krediti li jkunu għadhom ma ġewx preskritti.

69

Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, tista’ tiġi kkunsidrata biss jekk, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi terminu, il-krediti kkonċernati ma jkunu preskritti la fid-dawl tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, u lanqas fid-dawl tar-raba’ subparagrafu ta’ din, li jikkostitwixxi limitu assolut, kif jirriżulta mill-punti 53 u 59 ta’ din is-sentenza.

70

Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri jipprovdu termini ta’ preskrizzjoni itwal, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, huma ma għandhomx, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, jipprovdu dawn it-termini ta’ preskrizzjoni itwal f’regoli speċifiċi u/jew settorjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C-278/07 sa C-280/07, EU:C:2009:38, punt 46). L-Istati Membri jistgħu wkoll jadottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistabbilixxu terminu ta’ preskrizzjoni ta’ natura ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C-341/13, EU:C:2014:2230, punti 57 u 63, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

Jekk jiġi applikat terminu ta’ preskrizzjoni itwal skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, il-preskrizzjoni, indipendentement mill-adozzjoni ta’ att li jinterrompiha, fi kwalunkwe każ tiskadi l-iktar tard fil-jum meta terminu daqs jew id-doppju ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni itwal jiskadi.

72

Barra minn hekk, għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-iffissar ta’ termini ta’ preskrizzjoni itwal, dawn l-Istati għandhom madankollu josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

73

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’materji kriminali, bħala regola, l-Istati Membri jistgħu jtawwlu t-terminu ta’ preskrizzjoni meta l-fatti li l-akkużati jkunu akkużati bihom ma jkunu ġew preskritti qatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C-105/14, EU:C:2015:555, punt 57).

74

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal, bħal kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, bil-għan li titressaq azzjoni kontra irregolaritajiet, fis-sens ta’ dan ir-regolament, ma għandhiex tmur manifestament lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C-341/13, EU:C:2014:2230, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, bħal dak previst fl-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru 2008-561, għandu jiġi rrilevat li dan huwa itwal minn dak previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 b’sena biss. Għaldaqstant, tali terminu ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jibdew azzjonijiet kontra l-irregolaritajiet li jikkawżaw dannu lill-baġit tal-Unjoni u josserva r-rekwiżit ta’ proporzjonalità.

75

F’dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u għat-tielet domanda kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 58 ta’ din is-sentenza u relatati mal-punt ta’ meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha tivverifika jekk, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 2008-561, li tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, dawn il-krediti kinux preskritti fid-dawl tal-ewwel u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Għalkemm jirriżulta li l-preskrizzjoni ma kinitx skadiet f’din id-data, jidher, abbażi tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li t-terminu daqs jew id-doppju tat-terminu ta’ ħames snin previst minn din il-liġi kien, fi kwalunkwe każ, skada fid-data meta l-awtorità kompetenti kienet adottat id-deċiżjoni tagħha dwar l-interessi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fix-xahar ta’ April 2013, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li terminu ta’ preskrizzjoni, previst mid-dritt nazzjonali, itwal minn dak previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, jista’ jiġi applikat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dak li jikkonċerna l-irkupru ta’ krediti li jsiru dovuti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-terminu u li jkunu għadhom ma ġewx preskritti b’applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst f’din id-dispożizzjoni huwa applikabbli għall-irkupru ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovuti abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas‑27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 495/97, tat-18 ta’ Marzu 1997, u tal-Artikolu 5a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3002/92, tas‑16 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-verifika tal-użu u/jew destinazzjoni ta’ prodotti minn intervent, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 770/96, tas-26 ta’ April 1996.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li operatur ikun debitur ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix “irregolarità kontinwa jew ripetuta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali krediti għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jirriżultaw mill-istess irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95, bħal dik li twassal għall-irkupru tal-għajnuna u tal-ammonti rċevuti indebitament, li jikkostitwixxu l-krediti prinċipali.

 

3)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-azzjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jibda jiddekorri mid-data meta twettqet l-irregolarità li tagħti lok għall-irkupru tal-imsemmija għajnuna u tal-ammonti dovuti li abbażi tagħhom huma kkalkolati dawn l-interessi, jiġifieri d-data tal-element li jikkostitwixxi din l-irregolarità, jiġifieri, jew l-att jew l-omissjoni jew id-dannu, li jseħħ l-aħħar.

 

4)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-azzjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-preskrizzjoni tinkiseb meta jiskadi t-terminu previst f’dan ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1), peress li, f’dan it-terminu, l-awtorità kompetenti, għalkemm talbet ir-rimbors tal-għajnuna jew tal-ammonti rċevuti indebitament mill-operatur ikkonċernat, ma adottat ebda deċiżjoni f’dak li jikkonċerna dawn l-interessi.

 

5)

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li terminu ta’ preskrizzjoni, previst mid-dritt nazzjonali, itwal minn dak previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, jista’ jiġi applikat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dak li jikkonċerna l-irkupru ta’ krediti, li jsiru dovuti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-terminu u li jkunu għadhom ma ġewx preskritti b’applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top