Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0458

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2019.
    Proċeduri kriminali kontra K.P.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Saarbrücken.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Artikolu 1(4) u (6) – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikolu 2(3) – Deċiżjoni tal-Kunsill li żżomm organizzazzjoni fuq il-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Validità.
    Kawża C-458/15.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:522

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    20 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Artikolu 1(4) u (6) – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikolu 2(3) – Deċiżjoni tal-Kunsill li żżomm organizzazzjoni fuq il-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Validità”

    Fil-Kawża C‑458/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), b’deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Awwissu 2015, fil-proċeduri kriminali kontra

    K.P.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, F. Biltgen (Relatur), u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: D. Dittert, kap ta’ unità,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal K.P., minn A. Golzem u A. Nagler, Rechtsanwalte,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn B. Driessen u J.-P. Hix, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Ramopoulos u F. Erlbacher, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità:

    tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE tat-28 ta’ Ġunju 2007 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE (ĠU 2007, L 169, p. 58);

    tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445/KE (ĠU 2007, L 340, p. 100);

    tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE (ĠU 2008, L 188, p. 21);

    tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/62/KE tas-26 ta’ Jannar 2009 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-ħsieb li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/583/KE (ĠU 2009, L 23, p. 25); u

    tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2009 tal-15 ta’ Ġunju 2009 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar id-Deċiżjoni 2009/62/KE (ĠU 2009, L 151, p. 14);

    sa fejn, permezz ta’ dawn l-atti, it-Tigri għal-Liberazzjoni ta’ Tamil Eelam (iktar ’il quddiem il-“LTTE”) inżammu fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU 2001, L 344, p. 70, u l-corrigendum ĠU 2010, L 52, p. 58).

    2

    Din it-talba saret fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra K.P. rigward fatti allegati dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi lil-LTTE matul il-perijodu bejn il-11 ta’ Awwissu 2007 u s-27 ta’ Novembru 2009.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    3

    Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li tistabbilixxi strateġiji fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Il-paragrafu 1(c) ta’ din ir-riżoluzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra jew ir-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni li jwettqu, jew jippruvaw iwettqu, atti terroristiċi, jew li jipparteċipaw jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew ikkontrollati minnhom, u tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem, jew huma mmexxija minn, dawn il-persuni u entitajiet.

    4

    L-imsemmija riżoluzzjoni ma tistabbilixxix lista ta’ persuni li fil-konfront tagħhom għandhom jiġu applikati dawn il-miżuri restrittivi.

    Id-dritt tal-Unjoni

    Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK

    5

    Sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).

    6

    L-Artikolu 1 ta’ din il-Pożizzjoni Komuni jipprovdi:

    “1.   Din il-Pożizzjoni Komuni taħdem flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin lill-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness.

    […]

    4.   Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista.

    Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam.

    […]

    6.   Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

    7

    Annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hemm “[l]-ewwel lista tal-persuni, gruppi u entitajiet msejħa fl-Artikolu 1”, li fiha ma jissemmewx il-LTTE. Dan l-Anness ġie rivedut diversi drabi.

    8

    Il-LTTE kienu elenkati f’din il-lista għall-ewwel darba mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/380/PESK tad-29 ta’ Mejju 2006 li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2006/231/PESK (ĠU 2006, L 144, p. 25).

    Ir-Regolament Nru 2580/2001

    9

    Peress li qies li kien neċessarju regolament sabiex jiġu implimentati, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 2580/2001.

    10

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

    a)

    Il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’jew miżmuma minn, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu ffriżati;

    b)

    L-ebda fondi, assi finanzjarji oħra u risorsi ekonomiċi m’għandhom jiġu magħmula disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

    2.   Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6, għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

    3.   Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK; din il-lista għandha tinkludi:

    i)

    persuni naturali li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

    ii)

    persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

    iii)

    persuni legali, gruppi jew entitajiet li huma ta’ jew kontrollati minn persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii); jew

    iv)

    persuni naturali legali, gruppi jew entitajiet li jaġixxu fl-interess ta’ jew fuq id-direzzjoni ta’ persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii).”

    11

    Fl-istess jum tas-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2001/927/KE, li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2001, L 344, p. 83). Il-LTTE ma kinux jidhru f’din il-lista.

    L-atti relattivi għar-reġistrazzjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001

    12

    Bid-Deċiżjoni 2006/379/KE tad-29 ta’ Mejju 2006 li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU 2006, L 249M, p. 169), il-Kunsill elenka għall-ewwel darba lil-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

    13

    Ir-reġistrazzjoni tal-LTTE fuq din il-lista nżammet bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1008/KE tal-21 ta’ Diċembru 2006 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2006, L 200M, p. 532), u sussegwentement mill-atti tal-Kunsill inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri mid-Deċiżjonijiet 2007/445, 2007/868, 2008/583 u 2009/62 kif ukoll mir-Regolament Nru 501/2009. L-istqarrija tal-motivi għal kull wieħed minn dawn l-atti ġiet ikkomunikata lil-LTTE wara li ġew adottati.

    Id-dritt Ġermaniż

    14

    L-Artikolu 34 tal-Außenwirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Kummerċ Barrani, iktar ’il quddiem l-“AWG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli bejn it-8 ta’ April 2006 u t-23 ta’ April 2009, kien jipprovdi:

    “[…]

    (4)   Hija punibbli b’sentenza ta’ priġunerija minn sitt xhur sa ħames snin kull persuna li

    […]

    2.

    tikser projbizzjoni, ippubblikata fil-Bundesanzeiger u direttament applikabbli, ta’ esportazzjoni, ta’ bejgħ, ta’ kunsinna, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, ta’ trażmissjoni, ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ investiment, ta’ sostenn, jew ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni msemmija, prevista minn att legali tal-Komunitajiet Ewropej intiża għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni.

    […]

    (6)   Hija punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn sentejn kull persuna li

    […]

    2.

    twettaq att imsemmi fil-paragrafi 1, 2 jew 4, fuq bażi professjonali jew bħala membru ta’ grupp li assoċja ruħu mat-twettiq ta’ tali atti fuq bażi kontinwa, bil-parteċipazzjoni ta’ membru ieħor tal-grupp.

    […]”

    15

    L-Artikolu 34 tal-AWG, fil-verżjoni tagħha applikabbli bejn l-24 ta’ April 2009 u l-11 ta’ Novembru 2010, kien jaqra kif ġej:

    “[…]

    (4)   Hija punibbli b’sentenza ta’ priġunerija minn sitt xhur sa ħames snin kull persuna li

    […]

    2.

    tikser projbizzjoni, ippubblikata fil-Bundesanzeiger u direttament applikabbli, ta’ esportazzjoni, ta’ importazzjoni, ta’ tranżitu, ta’ trasport, ta’ bejgħ, ta’ kunsinna, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, ta’ trażmissjoni, ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ investiment, ta’ sostenn, jew ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni msemmija, prevista minn att legali tal-Komunitajiet Ewropej intiża għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. […]

    […]

    (6)   Hija punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn sentejn kull persuna li

    […]

    2.

    twettaq att imsemmi fil-paragrafi 1, 2 jew 4, fuq bażi professjonali jew bħala membru ta’ grupp li assoċja ruħu mat-twettiq ta’ tali atti fuq bażi kontinwa, bil-parteċipazzjoni ta’ membru ieħor tal-grupp.

    […]”

    16

    Wara riformulazzjoni tal-AWG, dawn id-dispożizzjonijiet issa jidhru, essenzjalment, fl-Artikolu 18(1) u (8) ta’ dik il-liġi.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    17

    Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni li tikkonċerna lil terzi, saret tfittxija fid-domiċilju ta’ K.P. Fost l-oġġetti li nstabu kien hemm irċevuti ta’ donazzjonijiet finanzjarji favur il-LTTE u fuljetti ta’ reklamar relatati ma’ manifestazzjoni organizzata mil-LTTE.

    18

    Peress li kien suspettat li huwa l-persuna responsabbli lokalment tal-kumitat ta’ koordinazzjoni Tamil fis-Saarland (il-Ġermanja), K.P. ġie akkużat mis-Staatsanwaltschaft Saarbrücken (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja) li wettaq, fi grupp u fi 43 każ ta’ parteċipazzjoni, ksur tal-Artikolu 34(4)(2) u tal-Artikolu 34(6)(2) tal-AWG. Fil-fatt, mill-11 ta’ Awwissu 2007 sas-27 ta’ Novembru 2009, l-interessat kien ġabar għotjiet li jammontaw għal EUR 69385 mingħand nies mit-Tamil li jgħixu fil-Ġermanja, u għaddiehom lill-Kumitat ta’ Koordinazzjoni Tamil stabbilit f’Oberhausen (il-Ġermanja) għall-finanzjament tal-ġlieda armata kontra l-gvern ċentrali tas-Sri Lanka.

    19

    Waqt is-seduta tal-1 ta’ Lulju 2015 quddiem il-qorti tar-rinviju, K.P. osserva li r-reġistrazzjoni tal-LTTE fuq il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 kienet invalida u, konsegwentement, ma setgħetx isservi bħala l-bażi legali għal kundanna kriminali għall-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    20

    F’dan ir-rigward, K.P. irrefera, minn naħa, għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C‑550/09, EU:C:2010:382), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-reġistrazzjoni fuq dik il-lista ta’ organizzazzjoni oħra (id-Devrimci Halk Kurtulus Partisi-Cephesi) kienet invalida u, min-naħa l-oħra, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885), li permezz tagħha din annullat ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kunsill matul is-snin 2011 sa 2014 peress li kienu żammew il-LTTE fuq dik il-lista. Għaldaqstant, l-istess raġunijiet għall-annullament japplikaw għad-deċiżjonijiet u għar-Regolament tal-Kunsill inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li d-dispożizzjonijiet kriminali tal-AWG jirreferu, sabiex jiddefinixxu l-elementi li jikkostitwixxu ksur, għal dispożizzjonijiet legali oħra, bħad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jimplimentaw sanzjonijiet ekonomiċi fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tqis għalhekk li għandu jiġi vverifikat jekk, f’dak li jikkonċerna l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-reġistrazzjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 hijiex valida għall-perijodu mill-11 ta’ Awwissu 2007 sas-27 ta’ Novembru 2009.

    23

    Fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mogħtija fis-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885), jeżistu dubji dwar jekk tali reġistrazzjoni saritx b’konformità mal-kundizzjonijiet meħtieġa, peress li huwa ppreċiżat li l-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa preċedenti għal dak inkwistjoni fil-każijiet li wasslu għal din is-sentenza.

    24

    Fil-każ li r-reġistrazzjoni tal-LTTE f’din l-istess lista kellu jiġi ddikjarat invalidu, il-projbizzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 2580/2001 tispiċċa.

    25

    Il-qorti tar-rinviju żżid li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, peress li K.P. ma kienx direttament ikkonċernat mid-deċiżjonijiet u r-regolament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u li rikors għal annullament imressaq mill-parti interessata kontra dawk l-atti ma kienx ikun ammissibbli.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-inklużjoni tal-[LTTE] fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament [Nru 2580/2001], bejn il-11 ta’ Awwissu 2007 u s-27 ta’ Novembru 2009 (iż-żewġ dati inklużi), li tirriżulta b’mod partikolari mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill

    tat-28 ta’ Ġunju 2007 (2007/445/KE),

    tal-20 ta’ Diċembru 2007 (2007/868/KE, fil-verżjoni tal-corrigendum tal-istess data),

    tal-15 ta’ Lulju 2008 (2008/583/KE),

    tas-26 ta’ Jannar 2009 (2009/62/KE),

    u mir-Regolament tal-Kunsill [Nru 501/2009] hija illegali?”

    Fuq id-domanda preliminari

    27

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-atti tal-Kunsill inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex validi sa fejn żammew l-inklużjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

    28

    B’mod partikolari, din tistaqsi jekk ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885), li d-dispożittiv tagħha kien ikkonfermat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), biex tannulla l-atti tal-Kunsill li żammew lil-LTTE fuq dik il-lista matul is-snin milll-2011 sal-2014 jistgħux jiġu invokati kontra l-atti tal-Kunsill inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    29

    Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha ssir domanda dwar il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni dwar dak il-punt hijiex meħtieġa sabiex tagħti s-sentenza tagħha u, b’hekk, jekk għandhiex titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 13, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 31).

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull parti għandha d-dritt li tinvoka, quddiem il-qorti nazzjonali adita, l-invalidità ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti tal-Unjoni li jservu bħala l-bażi għal deċiżjoni jew għal att nazzjonali adottat kontriha, li tista’ twassal biex dik il-qorti, li ma jkollha l-ebda ġurisdizzjoni biex tistabbilixxi tali invalidità nnifisha, tagħmel domanda f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domanda preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 45).

    31

    Ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt jippreżupponi madankollu li din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn id-dispożizzjonijiet, li hija tbati l-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 46).

    32

    F’dan il-każ, u billi l-inklużjoni tal-LTTE fuq il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 matul il-perijodu mill-11 ta’ Awwissu 2007 sas-27 ta’ Novembru 2009 kkontribwixxiet, abbażi tal-Artikolu 34(4) tal-AWG, biex tibbaża l-att ta’ akkuża li kien is-suġġett tagħha K.P., il-qorti tar-rinviju tfakkar korrettament li ma kienx ammissibbli għal dan li jippreżenta rikors dirett kontra l-atti tal-Kunsill inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    33

    Fil-fatt, K.P. ma kienx is-suġġett ta’ elenkar personali fuq il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, peress li din l-entrata kienet tikkonċerna lil-LTTE bħala organizzazzjoni. Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-elementi tal-fajl li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li K.P. okkupa kariga ta’ responsabbli lokali għal kumitat ta’ koordinazzjoni Tamil inkorporat f’ġerarkija stretta taħt is-superviżjoni tal-mexxejja territorjali u ta’ uffiċjali oħra fil-Ġermanja. B’hekk, fid-dawl tal-pożizzjoni li kien jokkupa l-interessat f’din il-ġerarkija, ma hemmx dubju li ma ngħatax is-setgħa li jirrappreżenta lil-LTTE fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressqa quddiem il-Qrati tal-Unjoni kontra l-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Bl-istess mod, mingħajr dubju ma jistax jitqies li huwa kien ikkonċernat individwalment minn dawk l-atti, fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE, peress li dan ma ġiex affettwat minnhom minħabba ċerti attributi li huma partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwih minn kull persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punti 72 sa 74).

    34

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu tad-domanda preliminari

    Fuq il-portata tal-eżami tal-validità

    35

    Mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun hemm fil-funzjonament tar-rinviju preliminari jirriżulta li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali għandha tesponi, fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għalfejn hija tikkunsidra li hija neċessarja risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 47).

    36

    Għaldaqstant, huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu. Tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    L-informazzjoni li jkun hemm fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lil partijiet interessati oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tħares li tiġi ssalvagwardjata din il-possibbiltà, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li, skont dan l-Artikolu, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien mat-traduzzjoni bil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, bl-esklużjoni tal-fajl nazzjonali li eventwalment jista’ jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-kuntest ta’ kwistjoni dwar il-validità ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni, huwa fir-rigward tal-motivi ta’ invalidità stabbiliti fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-validità ta’ tali dispożizzjoni.

    39

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità ta’ ħames atti tal-Kunsill li żammew l-inklużjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, jiġifieri d-Deċiżjonijiet 2007/445, 2007/868, 2008/583 u 2009/62 kif ukoll ir-Regolament Nru 501/2009.

    40

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirreferi espressament għall-motivi li wasslu lill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885), biex tannulla l-inklużjoni tal-LTTE mil-lista msemmija matul is-snin 2011 sa 2014, liema annullament ġie kkonfermat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583).

    41

    Madankollu, fit-talba motivata tiegħu biex issir seduta, K.P. isostni li hija wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li għandha tevalwa l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li wasslet għall-elenkar inizjali tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, f’dan il-każ id-Deċiżjoni 2006/379. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 51 tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), iż-żamma ta’ persuna, grupp jew entità f’din il-lista fir-realtà tkun biss l-estensjoni tar-reġistrazzjoni inizjali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju rreferiet espressament għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 55), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja invalidat ir-reġistrazzjoni ta’ entità fuq il-lista msemmija minħabba l-fatt li la d-deċiżjoni li tirreġistra lil dik l-entità fuq l-istess lista u lanqas id-deċiżjonijiet sussegwenti ma kellhom motivazzjoni biżżejjed tal-kundizzjonijiet legali għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001.

    42

    Madankollu, minn naħa, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C‑550/09, EU:C:2010:382), fejn l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet inkwistjoni ma kien fiha espożizzjoni tal-motivi, mill-punt 13 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kollha akkumpanjati minn dikjarazzjoni tal-motivi li għalihom, skont il-Kunsill, iż-żamma tal-elenkar tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 baqgħet iġġustifikata.

    43

    Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni li saret fil-punt 51 tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), li tgħid li ż-żamma ta’ persuna, grupp jew entità fuq il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tar-reġistrazzjoni inizjali, għandha tinqara fil-kuntest tal-verifika tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment ta’ dik il-persuna, grupp jew entità f’attivitajiet terroristiċi, fejn l-unika kwistjoni rilevanti biex jiġi evalwat jekk tali kontinwazzjoni hijiex xierqa, fil-prinċipju, hija dik jekk, minn meta saret ir-reġistrazzjoni inkwistjoni jew mir-reviżjoni preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma għadhiex tippermetti li tintlaħaq l-istess konklużjoni fir-rigward ta’ dak ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 46).

    44

    Fil-fatt, id-deċiżjoni inizjali li persuna, grupp jew entità tiġi rreġistrata fuq il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u l-att sussegwenti li jżomm din ir-reġistrazzjoni huma żewġ miżuri legali distinti, adottati fuq bażijiet legali differenti, fejn l-ewwel waħda hija bbażata fuq l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tippreżumi l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali minn awtorità kompetenti, u t-tieni waħda hija bbażata fuq l-Artikolu 1(6) ta’ dik il-pożizzjoni komuni u li ma teħtieġx l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni nazzjonali. Din id-distinzjoni hija spjegata mill-fatt li ż-żamma ta’ persuna, grupp jew entità fuq il-lista msemmija mhux biss tikkostitwixxi estensjoni tar-reġistrazzjoni inizjali, iżda fuq kollox tippreżupponi l-persistenza tar-riskju ta’ involviment ta’ dik il-persuna, grupp jew entità f’atti terroristiċi, kif inizjalment ikkonstatat mill-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 59 sa 61).

    45

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ talba espressa f’dan is-sens mill-qorti tar-rinviju, din it-talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-atti tal-Kunsill li jordnaw iż-żamma tar-reġistrazzjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 matul il-perijodu kkonċernat ma timplikax obbligu fuq il-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina l-validità tad-deċiżjoni li tordna r-reġistrazzjoni inizjali.

    46

    Barra minn hekk, l-estensjoni tal-kontroll tal-validità għal atti li ma humiex koperti mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tirriskja, hekk kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, li ċċaħħad lill-partijiet interessati mill-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Fuq il-validità tal-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali

    47

    Hekk kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-validità tad-deċiżjonijiet u tar-Regolament tal-Kunsill inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-annullament tal-atti li jordnaw iż-żamma tal-LTTE matul is-snin 2011 sa 2014 mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885), u kkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583).

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-validità ta’ deċiżjoni li tordna ż-żamma ta’ persuna, grupp jew entità fuq il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni, din tal-aħħar għandha tivverifika, b’mod partikolari, minn naħa, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura preċiża u konkreta tal-motivi invokati, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punt jekk dawk il-motivi humiex issostanzjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70). Għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ, il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw biss l-osservanza mill-Kunsill tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tal-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    49

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li motivazzjoni għandha turi, b’mod ċar u mingħajr ekwivoku, ir-raġunament segwit mill-istituzzjoni li adottat l-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jaċċertaw ir-raġunijiet għall-miżura adottata għall-finijiet li tiġi evalwata l-fondatezza tagħhom u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa v Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 138; tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 54; kif ukoll tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 29).

    50

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom il-Kunsill jista’, fil-kuntest tar-rieżami tar-reġistrazzjoni ta’ persuna, grupp jew entità fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, jiddeċiedi li jżomm dik ir-reġistrazzjoni, għandu jiġi rrilevat, hekk kif diġà tfakkar fil-paragrafu 44 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, ir-reġistrazzjoni inizjali fil-lista msemmija ta’ persuna, grupp jew entità, imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu u, min-naħa l-oħra, iż-żamma fuq l-istess lista ta’ persuna, grupp jew entità diġà rreġistrata f’dik il-lista, kif imsemmi fil-paragrafu 6 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 58).

    51

    Għalkemm id-deċiżjoni inizjali għar-reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 tirrikjedi, min-naħa tal-Kunsill, li dan jibbaża dik ir-reġistrazzjoni fuq informazzjoni preċiża jew fuq provi fil-fajl li juru li din id-deċiżjoni ttieħdet minn awtorità kompetenti, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ żamma fuq dik il-lista, dik l-istituzzjoni hija marbuta li turi provi li jippermettu li juru li din ivverifikat jekk, wara r-reġistrazzjoni inizjali jew l-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali ma nbidlitx b’tali mod li ma għadhiex tippermetti li tintlaħaq l-istess konklużjoni fir-rigward tal-involviment tal-persuna, tal-grupp jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 4546 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Fil-kuntest tal-verifika tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna, tal-grupp jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, jeħtieġ b’mod partikolari li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra t-trattament ulterjorment irriżervat lid-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għar-reġistrazzjoni inizjali ta’ dik il-persuna, grupp jew entità fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, l-elementi fattwali iktar riċenti, li juru li r-riskju msemmi għadu jippersisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 156, kif ukoll tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill v LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 5254).

    53

    F’dan il-każ, mid-dikjarazzjoni tal-motivi għall-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-Kunsill ibbaża ruħu, sabiex iżomm ir-reġistrazzjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, b’mod partikolari fuq żewġ deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit matul l-2001 u li kienu servew bħala bażi għar-reġistrazzjoni inizjali tal-LTTE fuq dik il-lista, kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ tnax-il att li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “att terroristiku” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li setgħu jiġu attribwiti lilu.

    54

    Konsegwentement, u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 53 tal-konklużjonijiet tagħha, dawk l-espożizzjonijiet tal-motivi kienu jippermettu lil-LTTE li jkun jaf ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn il-Kunsill kien qies li kellha tinżamm ir-reġistrazzjoni ta’ isimhom f’dik il-lista.

    55

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi kinux biżżejjed biex juru l-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-LTTE f’attivitajiet terroristiċi, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill v LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), fejn kienet inkwistjoni l-legalità tal-atti li żammew ir-reġistrazzjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 matul is-snin 2011 sa 2014, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li kien għadda perijodu twil ta’ żmien bejn l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tar-Renju Unit matul l-2001 li servew bħala bażi għar-reġistrazzjoni inizjali tiegħu f’din il-lista, u l-adozzjoni tal-atti li żammew din ir-reġistrazzjoni matul is-snin 2011 sa 2014. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, hekk kif kien jirriżulta mill-espożizzjonijiet tal-motivi għal dawk l-atti, il-LTTE kienu sofrew telfa militari, imħabbra mill-Gvern tas-Sri Lanka f’Mejju 2009, li kienet dgħajfet b’mod sinjifikanti lil din l-organizzazzjoni. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-Kunsill kien marbut li jibbaża ż-żamma tal-LTTE fil-lista msemmija fuq provi iktar riċenti, li juru li r-riskju tal-involviment tal-LTTE f’attivitajiet terroristiċi baqa’ jeżisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 55).

    56

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li f’dan il-każ, għadda perijodu ta’ żmien inqas twil bejn l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet nazzjonali li servew bħala bażi għar-reġistrazzjoni inizjali tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u l-adozzjoni tal-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    57

    Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha, bejn id-data tal-aħħar att terroristiku li bbaża ruħu fuqu l-Kunsill fid-diversi espożizzjonijiet tal-motivi tiegħu, jiġifieri fis-16 ta’ Ottubru 2006, u l-ewwel att inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri d-Deċiżjoni 2007/445, adottata fit-28 ta’ Ġunju 2007, għaddew ftit iktar minn 8 xhur. Barra minn hekk, inqas minn sentejn jisseparaw dak l-ewwel att u l-aħħar att inkwistjoni, jiġifieri r-Regolament Nru 501/2009, adottat fil-15 ta’ Ġunju 2009. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-atti ta’ terroriżmu mwettqa matul l-2006, flimkien mad-deċiżjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, adottati matul l-2001, kienu jikkostitwixxu provi fattwali wisq ’il bogħod ratione temporis biex jiġġustifikaw iż-żamma, bl-adozzjoni tal-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tar-reġistrazzjoni tal-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

    58

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iżvilupp materjali taċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-telfa militari mġarrba mil-LTTE f’Mejju 2009 kienet tikkostitwixxi bidla sinjifikanti fiċ-ċirkustanzi, li tista’ tpoġġi indiskussjoni l-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-LTTE f’attivitajiet terroristiċi u li l-Kunsill kien marbut li jsemmi, fl-espożizzjonijiet tal-motivi tad-deċiżjonijiet adottati matul is-snin 2011 sa 2014 li jżommu lil-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, elementi li jistgħu jibbażaw l-evalwazzjoni tiegħu li tgħid li, minkejja l-imsemmija telfa militari, il-LTTE kellhom probabbilment il-ħsieb li jkomplu l-attakki terroristiċi fis-Sri Lanka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 79).

    59

    Issa, f’dan il-każ, filwaqt li t-telfa militari tal-LTTE seħħet fil-15 ta’ Mejju 2009, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 501/2009, li ġie adottat fil-15 ta’ Ġunju 2009, u għalhekk, minn fost l-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi l-uniku wieħed li kien adottat sussegwentement għal dik it-telfa, la jsemmi dan l-avveniment u lanqas a fortiori ir-raġunijiet għalfejn, minkejja dan, kien meħtieġ li l-LTTE jinżammu fil-lista msemmija.

    60

    Ċertament, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, il-perijodu ta’ sitt xhur li warajh tiġi rriveduta r-reġistrazzjoni ta’ persuna, grupp jew entità skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huwa perijodu qasir, b’mod li, anki fin-nuqqas ta’ att terroristiku matul perijodu partikolari, jew anki ta’ telfa militari li sseħħ fix-xahar preċedenti għat-tmiem ta’ dak il-perijodu, iż-żamma tar-reġistrazzjoni għal perijodu ġdid tista’ titqies bħala miżura ta’ prekawzjoni.

    61

    Fil-fatt, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill fil-kuntest tal-miżuri preventivi intiżi biex jipprojbixxu attivitajiet terroristiċi u biex jiżguraw bilanċ tajjeb bejn il-preżervazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, il-Kunsill għandu jkollu d-dritt li jżomm lill-persuna, grupp jew entità kkonċernati fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, anki wara t-tmiem riċenti tal-attività terroristika bħala tali, jekk iċ-ċirkustanzi jkunu jiġġustifikaw dan.

    62

    Madankollu, f’dan il-każ, anki jekk jitqies li l-Kunsill kien qies li kien prematur, minkejja t-telfa militari mġarrba, li l-LTTE jitneħħew minn din il-lista, xorta kien marbut, abbażi tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, li jesponi l-motivi għal dan. Għaldaqstant, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha, in-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni f’dan ir-rigward jikkostitwixxi irregolarità skont l-Artikolu 296 TFUE li twassal għall-invalidità tar-Regolament Nru 501/2009.

    63

    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-evalwazzjoni tad-domanda preliminari ma żvelat ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjonijiet 2007/445, 2007/868, 2008/583 u 2009/62. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 501/2009 huwa invalidu, sa fejn, permezz tiegħu, il-LTTE inżammu fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-evalwazzjoni tad-domanda preliminari ma tiżvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità:

    tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE tat-28 ta’ Ġunju 2007 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE;

    tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445/KE;

    tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE; u

    tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/62/KE tas-26 ta’ Jannar 2009 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-ħsieb li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/583/KE.

     

    2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2009 tal-15 ta’ Ġunju 2009 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar id-Deċiżjoni 2009/62/KE huwa invalidu, sa fejn, permezz tiegħu, it-Tigri għal-Liberazzjoni ta’ Tamil Eelam inżammu fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top