This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0427
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 18 January 2017.#NEW WAVE CZ, a.s. v ALLTOYS, spol. s r. o.#Request for a preliminary ruling from the Nejvyšší soud České republiky.#Reference for a preliminary ruling — Intellectual property — Directive 2004/48/EC — Proceedings concerning an infringement of an intellectual property right — Right of information — Request for information in proceedings — Proceedings linked to the action in which an infringement of an intellectual property right has been found.#Case C-427/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-18 ta’ Jannar 2017.
NEW WAVE CZ, a.s. vs ALLTOYS, spol. s r. o.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud České republiky.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Azzjoni marbuta ma’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali – Dritt għal informazzjoni – Talba għal informazzjoni fi proċedura – Proċedura marbuta mal-azzjoni li wasslet għall-konstatazzjoni ta’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.
Kawża C-427/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-18 ta’ Jannar 2017.
NEW WAVE CZ, a.s. vs ALLTOYS, spol. s r. o.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud České republiky.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Azzjoni marbuta ma’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali – Dritt għal informazzjoni – Talba għal informazzjoni fi proċedura – Proċedura marbuta mal-azzjoni li wasslet għall-konstatazzjoni ta’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.
Kawża C-427/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:18
*A9* Nejvyšší soud, usnesení ze dne 24/06/2015 (23 Cdo 2765/2012-121)
*P1* Nejvyšší soud, rozsudek 23/05/2017 (23 Cdo 2765/2012-162)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
tat-18 ta’ Jannar 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Direttiva 2004/48/KE — Azzjoni marbuta ma’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali — Dritt għal informazzjoni — Talba għal informazzjoni fi proċedura — Proċedura marbuta mal-azzjoni li wasslet għall-konstatazzjoni ta’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali”
Fil-Kawża C-427/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (qorti suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura
NEW WAVE CZ, a.s.
vs
ALLTOYS, spol. s r. o.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn C. Vajda (Relatur), li qed jaġixxi bħala President ta’ Awla, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: M. A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn Němečková u M. F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn NEW WAVE CZ, a.s. (iktar ’il quddiem “NEW WAVE”), proprjetarja tat-trade mark verbali MegaBabe, u ALLTOYS, spol. s. r. o. dwar l-użu minn din tal-aħħar ta’ din it-trade mark mingħajr il-kunsens tal-ewwel kumpannija. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/48 tipprovdi kif ġej: “L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.” |
4 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li::
2. L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:
|
5 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmija Direttiva, intitolat “Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji”, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdi li: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, fuq talba ta’ l-applikant:
2. Fil-każ ta’ kontravvenzjoni kommessa fuq skala kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, jekk il-parti offiża turi li hemm riskju li l-ħsara ma tistax tissewwa, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw s-sekwestru ta’ proprjetà mobbli jew mhux mobbli tal-kontravventur allegat, li jinkludu l-waqfien tal-kontijiet bankarji tiegħu/tagħha u assi oħra. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordaw komunikazzjoni tal-bank, finanzarja jew dokumenti kummerċjali jew aċċess xieraq għall-informazzjoni rilevanti.” |
6 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Id-danni”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni. […]” |
Id-dritt Ċek
7 |
L-Artikolu 3(1) taz-zákon č. 221/2006 Sb., o vymáhání práv z průmyslového vlastnictví a o změně zákonů na ochranu průmyslového vlastnictví (Liġi Nru 221/2006 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet naxxenti mill-proprjetà industrijali u li temenda l-liġijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 221/2006”) jipprovdi għall-possibbiltà li tiġi invokata l-pretenzjoni ta’ dritt għal informazzjoni marbuta ma’ leżjoni ta’ dritt. |
8 |
Skont l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 221/2006, jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma tingħatax b’mod volontarju f’terminu raġonevoli, il-proprjetarju jista’ jitlob din l-informazzjoni billi jressaq talba quddiem il-qorti fil-kuntest ta’ azzjoni marbuta ma’ leżjoni ta’ dritt. Il-qorti għandha tiċħad tali talba jekk din ma tkunx proporzjonata mal-gravità tat-theddida jew tal-leżjoni tad-dritt. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 |
NEW WAVE ippreżentat l-ewwel proċedura kontra ALLTOYS peress li din tal-aħħar kienet użat, sabiex toffri l-oġġetti tagħha, it-trade mark MegaBabe mingħajr il-kunsens tagħha. |
10 |
Fil-kuntest ta’ din l-ewwel proċedura, il-qorti nazzjonali ddeċidiet, permezz ta’ sentenza definittiva, li ALLTOYS kienet illediet id-drittijiet li NEW WAVE kellha fuq it-trade mark MegaBabe u ordnatilha li ma taġixxix b’mod improprju fil-futur kif ukoll li tirtira l-prodotti kkonċernati li kienu diġà mpoġġija fis-suq. Madankollu, din il-qorti ma awtorizzatx lil NEW WAVE timmodifika r-rikors tagħha bil-għan li ALLTOYS tiġi obbligata tipprovdi l-informazzjoni kollha marbuta mal-oġġetti kkonċernati. |
11 |
Wara l-għeluq definittiv tal-imsemmija proċedura, NEW WAVE bdiet proċedura ġdida quddiem il-Městský soud v Praze (qorti munċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) bil-għan li ALLTOYS tiġi obbligata tipprovdi l-informazzjoni kollha dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-oġġetti li jużaw it-trade mark MegaBabe li din tal-aħħar kienet, f’xi mument fil-passat jew anki attwalment, ħażnet, poġġiet fis-suq jew importat, jiġifieri, b’mod konkret, l-isem u l-kunjom, jew l-isem jew id-denominazzjoni tal-kumpannija kif ukoll ir-residenza jew is-sede tal-fornitur, tal-manifattur, tal-bejjiegħ bl-imnut, tad-distributur u ta’ kull detentur preċedenti ieħor ta’ dawn l-oġġetti, kif ukoll id-data marbuta mal-kwantitajiet fornuti, maħżuna, rċevuti jew ordnati u mal-kwantitajiet mibjugħa, id-data speċifikata fuq il-prezz tal-bejgħ tal-biċċiet differenti u fuq il-prezz imħallas minn Alltoys lill-fornitur għall-oġġetti kkunsinnati. |
12 |
Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ April 2011, il-Městský soud v Praze (qorti muniċipali ta’ Praga) ċaħdet ir-rikors ta’ NEW WAVE. Din il-qorti kkunsidrat li ma kienx possibbli li jiġi invokat b’suċċess dritt għal informazzjoni permezz ta’ rikors ippreżentat b’mod awtonomu, peress li l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 221/2006 kien jipprevedi li tali dritt jista’ jiġi invokat biss permezz ta’ talba indirizzata lill-qorti adita b’kawża għal leżjoni ta’ dritt. Issa, skont dik il-qorti, fil-kawża prinċipali, l-azzjoni marbuta ma’ leżjoni ta’ dritt kienet diġà ngħalqet permezz tas-sentenza definittiva mogħtija fil-kuntest tal-ewwel proċedura. |
13 |
NEW WAVE appellat quddiem il-Vrchní soud v Praze (qorti superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), li, permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Frar 2012, irriformat is-sentenza tal-ewwel istanza billi ordnat lil ALLTOYS tikkomunika lil NEW WAVE e l-informazzjoni mitluba. Din il-qorti tal-appell ikkunsidrat li kien jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 221/2006. F’dan il-kuntest, hija kkunsidrat li proċedura marbuta mal-provvista ta’ informazzjoni li ma tkunx ġiet ipprovduta b’mod volontarju kienet ukoll proċedura marbuta ma’ leżjoni ta’ dritt. |
14 |
ALLTOYS ippeżentat rikors ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-imsemmija qorti tal-appell quddiem in-Nejvyšší soud (qorti suprema, ir-Repubblika Ċeka). |
15 |
Din l-aħħar imsemmija qorti tirrimarka li, minkejja li l-Liġi Nru 221/2006 ittrasponiet id-Direttiva 2004/48 fl-ordinament ġuridiku Ċek, xorta teżisti differenza bejn it-test ta’ din il-liġi u dak ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 221/2006 kien jipprevedi l-possibbiltà li tinkiseb informazzjoni permezz ta’ talba “fil-kuntest ta’ proċedura marbuta ma’ leżjoni ta’ dritt” (“v řízení o porušení práva”), l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Ċeka, kien jipprevedi l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw il-possibbiltà li tinkiseb informazzjoni “inkonnessjoni ma’ azzjoni marbuta ma’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali” (“v souvislosti s řízením o porušení práva duševního vlastnictví”). Skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 2004/48. Madankollu, hija tirrileva li l-interpretazzjoni ta’ din l-espressjoni, inkluża fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, ma hijiex inekwivoka. |
16 |
Barra minn hekk, in-Nejvyšší soud (qorti suprema) tenfasizza li jeżistu differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva 2004/48. Difatti, il-verżjonijiet bil-lingwa Ċeka, Ingliża u Franċiża ta’ din id-direttiva jużaw rispettivament l-espressjoni “inkonnessjoni ma’ azzjoni” (“v souvislosti s řízením”), “fil-kuntest ta’ azzjoni” (“in the context of proceedings”) u “fil-kuntest ta’ azzjoni” (“dans le cadre d’une action”). Skont dik il-qorti, b’mod kuntrarju għall-verżjonijiet bil-lingwa Ċeka u Ingliża tad-Direttiva 2004/48, il-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din tal-aħħar tikkorrispondi iktar mat-test tal-Liġi Nru 221/2006, peress li tindika konnessjoni iktar mill-qrib bejn l-azzjoni u t-talba għal informazzjoni. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší soud (il-qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li wieħed ikun jinsab fil-kuntest ta’ azzjoni dwar ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali anki meta, wara l-għeluq definittiv tal-azzjoni li tkun wasslet għall-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali r-rikorrent jistaqsi, fi proċedura awtonoma, għal informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-merkanzija jew tas-servizzi li jiksru dan id-dritt tal-proprjetà intellettwali (pereżempju sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat b’mod preċiż id-dannu u sussegwentement jintalab il-kumpens għalih)?” |
Fuq id-domanda preliminari
18 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għal sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha, wara l-għeluq definittiv ta’ azzjoni li tkun wasslet għall-konstatazzjoni ta’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, rikorrent jitlob, fi proċedura awtonoma, informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi li jilledu dak id-dritt. |
19 |
F’dan ir-rigward, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jittieħed kont mhux biss tat-termini tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Liffers, Rosselle, C-99/15, EU:C:2016:173, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, jeħtieġ, minn naħa, jiġi rrilevat li l-espressjoni “fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali” ma tistax tinftiehem bħala li tagħmel riferiment biss għal proċeduri maħsuba sabiex tinkiseb il-konstatazzjoni ta’ leżjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. Fil-fatt, l-użu ta’ din l-espressjoni ma teskludix li dan l-Artikolu 8(1) jista’ jinkludi fih ukoll proċeduri awtonomi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mibdija wara l-għeluq definittiv ta’ azzjoni li tkun wasslet għall-konstatazzjoni ta’ leżjoni ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali. |
21 |
F’dan ir-rigward hemm lok li jiżdied, ċertament, kif irrimarkat il-qorti tar-rinviju, li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, bħal dawk bil-lingwa Franċiża, jużaw espressjonijiet li jistgħu jiġu interpretati bħala li għandhom kamp ta’ applikazzjoni iktar limitat meta mqabbla ma’ dawk użati f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħal dawk bil-lingwa Ċeka u Ingliża. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt, kif irrimarkat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma jirriżulta minn ebda waħda minn dawk il-verżjonijiet lingwistiċi li r-rikorrent għandu jinvoka d-dritt għall-informazzjoni prevista f’dan l-artikolu fil-kuntest tal-istess proċedura intiża sabiex tiġi kkonstatata l-leżjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. |
22 |
Min-naħa l-oħra, mill-kliem tal-Artikolu 8(1) Direttiva 2004/48, jirriżulta li d-destinatarju tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni ma huwiex biss dak li jilledi d-dritt tal-proprjetà inkwistjoni, iżda wkoll “xi persuna oħra” li hija inkluża f’din id-dispożizzjoni, taħt a) sa d). Issa, dawn il-persuni l-oħra ma humiex neċessarjament parti fil-proċedura intiża sabiex tiġi kkonstatata leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali. Din il-konstatazzjoni tikkonferma li l-kliem tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi interpretat bħala li huwa applikabbli biss fil-kuntest ta’ tali proċeduri. |
23 |
Fit-tieni lok, din l-interpretzzjoni hija konformi wkoll mal-għan tad-Direttiva 2004/48, li huwa, kif tindika l-premessa 10 tagħha, li jiġu armonizzati l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi biex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C-681/13, EU:C:2015:471, punt 71). |
24 |
B’hekk, bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni għolja tal-proprjetà intellettwali, jeħtieġ li tiġi miċħuda interpretazzjoni li tirrikonoxxi d-dritt għal informazzjoni previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 unikament fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex tiġi kkonstatata leżjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. Fil-fatt, tali livell ta’ protezzjoni kien ikun f’riskju li ma jiġix żgurat li kieku ma kienx possibbli li dan id-dritt għal informazzjoni jiġi eżerċitat ukoll fil-kuntest ta’ proċedura awtonoma mibdija wara l-għeluq definittiv ta’ azzjoni li tkun wasslet għall-konstatazzjoni ta’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, kif fil-fatt ġara fil-kawża prinċipali. |
25 |
Fit-tielet lok, jeħtieġ li jitfakkar li d-dritt għal informazzjoni previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’tali mod jiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-dritt fundamentali tal-proprjetà, li jifforma parti minnu d-dritt tal-proprjetà intellettwali protett mill-Artikolu 17(2) ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C-580/13, EU:C:2015:485, punt 29). B’hekk, dan id-dritt għal informazzjoni jippermetti lid-detentur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali li jidentifika lill-persuna li tilledi dan l-aħħar imsemmi dritt u li jadotta l-miżuri neċessarji, bħall-preżentazzjoni ta’ talbiet għal miżuri provviżorji previsti fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2004/48 jew talbiet għad-danni previsti fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, bil-għan li dan id-dritt jiġi protett. Fil-fatt, jekk ma jkunx kiseb konjizzjoni sħiħa tal-portata tal-leżjoni tad-dritt tiegħu tal-proprjetà intellettwali, id-detentur ta’ tali dritt ma jkunx f’pożizzjoni li jiddetermina jew li jikkalkula b’mod preċiż id-danni li jkollu dritt għalihom minħabba din il-leżjoni. |
26 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ma huwiex dejjem possibbli li ssir talba bil-għan li tinkiseb l-informazzjoni rilevanti kollha fil-kuntest ta’ proċedura li fi tmiemha tkun ġiet ikkonstatata l-leżjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li d-detentur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali jikseb konjizzjoni tal-portata tal-leżjoni ta’ dan id-dritt biss wara l-għeluq definittiv ta’ din il-proċedura. |
27 |
Minn dan isegwi li ma hemmx lok li l-eżerċizzju tad-dritt għal informazzjoni previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 jiġi limitat għal proċeduri li jkollhom l-għan li tiġi kkonstatata leżjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. |
28 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, wara l-għeluq definittiv ta’ azzjoni li tkun wasslet għall-konstatazzjoni ta’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, rikorrent jitlob, fi proċedura awtonoma, informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi li jilledu dan id-dritt. |
Fuq l-ispejjeż
29 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, wara l-għeluq definittiv ta’ azzjoni li tkun wasslet għall-konstatazzjoni ta’ leżjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, rikorrent jitlob, fi proċedura awtonoma, informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi li jilledu dan id-dritt. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.