Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0420

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-31 ta’ Mejju 2017.
Proċeduri kriminali kontra U.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE) – Moviment liberu tal-ħaddiema – Obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura li hija proprjetà ta’ persuna residenti fil-Belġju u intiża li tintuża fl-Italja.
Kawża C-420/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:408

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

31 ta’ Mejju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 45 TFUE — Moviment liberu tal-ħaddiema — Obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura li hija proprjetà ta’ persuna residenti fil-Belġju u intiża li tintuża fl-Italja”

Fil-Kawża C-420/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (qorti tal-ewwel istanza frankofona ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura kriminali kontra

U,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal U, minn J. Waldron, avukat,

għall-Gvern Elleniku, minn S. Papaïoannou u K. Nasopoulou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 20, 45, 49 u 56 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra U, ċittadin Taljan, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, talli saq fil-Belġju b’vettura rreġistrata fl-Italja.

Il-kuntest ġuridiku Belġjan

Id-dritt Belġjan

3

L-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (Moniteur belge tat-8 ta’ Awwissu 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001”), jipprevedi:

“Vettura ma tistax titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni jekk ma tkunx irreġistrata u jekk ma jkollhiex il-pjanċa ta’ reġistrazzjoni mogħtija waqt ir-reġistrazzjoni.”

4

Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, ir-reġistrazzjoni ma hijiex madankollu obbligatorja għal serje ta’ vetturi, minħabba l-karatteristiċi tagħhom.

5

L-Artikolu 3(1) ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“Il-persuni residenti fil-Belġju għandhom jirreġistraw il-vetturi li jixtequ jqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fil-Belġju fir-reġistru tal-vetturi msemmi fl-Artikolu 6, anki jekk dawn il-vetturi huma diġa rreġistrati f’pajjiż barrani.

Ir-residenza fil-Belġju tfisser li dawn il-persuni jissodisfaw waħda mis-segwenti kundizzjonijiet:

a)

ikunu mniżla fir-reġistri tal-popolazzjoni ta’ komun Belġjan;

[…]

[…].”

6

Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jelenka l-ipoteżijiet li fihom ir-reġistrazzjoni fil-Belġju tal-vetturi rreġistrati barra mill-pajjiż u li tqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni mill-persuni li huma residenti f’dan l-Istat Membru ma hijiex obbligatorja.

Il-fatti fil-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

7

Mid-deċiżjoni tar-rinviju tat-22 ta’ Novembru 2013, jirriżulta li U kien suġġett għal stħarriġ tal-pulizija ta’ Brussell (il-Belġju), filwaqt li kien qed isuq il-vettura tiegħu rreġistrata fl-Italja.

8

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, rapport tal-investigazzjoni tal-pulizija, U għandu r-residenza prinċipali tiegħu fil-Belġju u għandu liċenzja tas-sewqan Taljana u Belġjana.

9

Quddiem l-imsemmija qorti, U ppreċiża li huwa uffiċjal tal-Kummissjoni u li huwa jikkondividi r-residenza tiegħu bejn il-Belġju u l-Italja, fejn huwa jmur kull ġimgħa sabiex jgħallem fl-Università ta’ Pisa u kif ukoll għal raġunijiet familjari, marbuta b’mod partikolari mal-marda ta’ missieru. Huwa indika li huwa proprjetarju ta’ żewġ vetturi, waħda irreġistrata fil-Belġju u l-oħra fl-Italja, din tal-aħħar hija intiża li tintuża prinċipalment f’dan it-tieni Stat Membru. Huwa espona wkoll li fil-jum tal-istħarriġ, kulma għamel huwa li għadda minn ġewwa l-Belġju mill-Italja fejn kien il-jum ta’ qabel, sabiex jagħti passaġġ, lejn Brussell, lil persuna oħra, li magħha kellu jattendi seminar fil-Ġermanja. Fi tmiem dan is-seminar, U kien se jerġa’ lura lejn l-Italja, u kien se jħalli din il-vettura hemm u jerġa’ lura lejn Brussell bl-ajru.

10

Permezz tat-tribunal de police de Bruxelles (il-Belġju) (qorti distrettwali tal-kontravenzjonijiet ta’ Brussell) tal-10 tas-Settembru 2014, U ġie kkundannat għal multa, b’mod partikolari, peress li qiegħed fiċ-ċirkolazzjoni fit-triq pubblika vettura mhux irreġistrata fil-Belġju, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001.

11

Meta ġiet adita bl-appell minn U, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-kwistjoni tal-eventwali inkompatibbiltà bejn l-Artikoli 2 u 3 tad-Digriet Irjali tal-20 tal-Lulju 2001 u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam taċ-ċirkulazzjoni libera ta’ persuni kien is-suġġett, minn naħa, tal-Avviż 31.530/4, tat-13 ta’ Ġunju 2001, tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat, il-Belġju) u, min-naħa l-oħra, tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, Nadin u Nadin-Lux (C-151/04 u C-152/04, EU:C:2005:775).

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (qorti tal-ewwel istanza frankofona ta’ Brussell, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikoli 2 u 3 tad-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001 […], dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi jinsabu f’kontradizzjoni mal-Artikoli 18, 20, 45, 49 u 56 tat-[TFUE], sa fejn, sabiex jinstaqu fil-Belġju – anki jekk sempliċement sabiex jgħaddu mill-pajjiż – il-vetturi li jappartjenu lil resident ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ieħor għajr [ir-Renju ta]l-Belġju u li jkunu rreġistrati f’dan l-Istat Membru ieħor għandhom ikunu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni Belġjana meta l-persuna tkun ukoll residenti fil-Belġju?”

Fuq id-domanda preliminari

13

Preliminarjament, fir-rigward tad-dispożizzjoni tat-Trattat FUE applikabbli għall-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li ċittadin tal-Unjoni, bħalma hu U, li jaħdem għal istituzzjoni jew organu tagħha fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini, C-411/98, EU:C:2000:530, punt 42, tas-16 ta’ Diċembru 2004, My, C-293/03, EU:C:2004:821, punt 47 kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et, C-466/15, EU:C:2016:749, punti 2425).

14

B’hekk, l-Artikolu 49 TFUE, li jipprojbixxi ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment, ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, peress li din il-libertà tirrigwarda l-aċċess għall-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u għall-eżerċizzju tagħhom.

15

Lanqas ma huwa rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 56 TFUE, sa fejn il-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrivela l-ebda prova li tippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-eżerċizzju tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi prevista f’dan l-artikolu.

16

Fir-rigward tal-Artikolu 18 TFUE, ma huwiex intiż sabiex japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jistabbilixxix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni. Madankollu, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implementat, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, permezz tal-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Prete, C-367/11, EU:C:2012:668, punti 1819).

17

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 20 TFUE, filwaqt li jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni jillimita sabiex jipprevedi li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u huma suġġetti għad-dmirijiet previsti mit-Trattat. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, dan l-artikolu ma jistax jiġi applikat indipendentament mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat li jirregolaw id-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, My, C-293/03, EU:C:2004:821, punt 32).

18

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Artikoli 18, 20, 49 u 56 TFUE ma għandhomx rilevanza fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

19

Konsegwentement, għandha tiġi fformulata mill-ġdid id-domanda preliminari bħala li hija intiża li tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat f’dan is-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga ħaddiem residenti fi Stat Membru li jirreġistra fl-imsemmi Stat, sabiex ikun jista’ jiċċirkola fih, anki jekk biss sporadikament, vettura li tagħha l-ħaddiem huwa proprjetarju u li hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et, C-466/15, EU:C:2016:749, punt 26).Għaldaqstant, restrizzjoni għal moviment liberu tal-persuni anki jekk ta’ portata dgħajfa jew ta’ importanza minuri hija pprojbita mill-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-269/09, EU:C:2012:439, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-obbligu li huwa impost fuq il-ħaddiema li jirresjedu fi Stat Membru, ta’ reġistrazzjoni, f’dan l-istat ta’ vetturi ta’ kumpannija, imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor kien jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 tas-Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-464/02, EU:C:2005:546, punti 4652, kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005, Nadin u Nadin-Lux, C-151/04 u C-152/04, EU:C:2005:775, punt 36).

22

Barra minn hekk, hija ddeċidiet li tista’ toħloq ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema leġiżlazzjoni li, anki jekk tapplika indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati, taffettwa mhux biss fuq is-suq tax-xogħol, iżda wkoll fuq il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika (is-sentenza tal-15 tas-Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-464/02, EU:C:2005:546, punti 3637).

23

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ tilwima dwar l-applikazzjoni tal-istess Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qieset, essenzjalment, li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligu ta’ reġistrazzjoni bħal dak previst f’dan l-artikolu seta’ jiġi aċċettat, f’dak li jirrigwarda vettura ta’ kumpannija mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu li jirresjedi fil-Belġju u li tkun diġà rreġistrata fi Stat Membru ieħor, meta din il-vettura tkun intiża, b’mod permanenti, li tkun użata essenzjalment fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru jew meta kienet, fil-fatt, użata b’dan il-mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Nadin u Nadin-Lux, C-151/04 u C-152/04, EU:C:2005:775, punti 41 sa 43).

24

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001, l-awtoritajiet Belġjani imponew multa fuq ir-residenti fil-Belġju li jiċċirkolaw fin-network stradali ta’ dan l-Istat Membru b’vettura li tkun tagħhom u li tkun rreġistrata fi Stat Membru ieħor

25

Għandu jiġi kkonstatat li tali prattika tipprekludi ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fil-Belġju li jkun telaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u jkun għamel użu tad-dritt tiegħu għall-moviment liberu bħala ħaddiem, li juża, anki jekk b’mod marġinali, in-network stradali Belġjan b’vettura li tagħha huwa proprjetarju u li hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni, bħal dak stabbilit fl-Artikoli 2 u 3 tad-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001, anki jekk japplika għal kull resident fil-Belġju, mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, jista’ jirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali prevista fl-Artikolu 45 TFUE. Konsegwentement, tali obbligu jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

27

F’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni possibbli ta’ dan l-ostaklu, mill-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-vettura li hija proprjetà ta’ U u hija rreġistrata fl-Italja kienet intiża essenzjalment li tintuża fl-imsemmi Stat Membru.

28

Jekk dak deskritt huwa effettivament l-użu ta’ din il-vettura, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-kundizzjoni ta’ kollegament mal-Istat Membru li jimponi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni u previst fil-punt 23 ta’ din is-sentenza ma jkunx sodisfatt.

29

B’hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata biss abbażi ta’ miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikolu 45(3) TFUE jew bħala li tfittex għan leġittimu kompatibbli mat-trattat u li hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Madankollu, huwa meħtieġ, f’każijiet bħal dawn, l-evalwazzjoni tagħhom tkun adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (is-sentenza tal-15 tas-Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-464/02, EU:C:2005:546, punt 53).

30

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma indikat ebda raġuni li tista’ tiġġustifika l-ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiemali jikkostitwixxu l-Artikoli 2 u 3 tad-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001, kif applikati mill-awtoritajiet Belġjani. Bl-istess mod, il-Gvern Belġjan astjena milli jinvoka kwalunkwe ġustifikazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet

31

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula hija li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha ħaddiem residenti għandu l-obbligu li jirreġistra f’dan l-Istat Membru vettura li huwa l-proprjetarju tagħha iżda li hija diġà rreġistrata fi Stat Membru ieħor u hija intiża essenzjalment sabiex tiġi użata fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat.

Fuq l-ispejjeż

32

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha ħaddiem residenti għandu l-obbligu li jirreġistra f’dan l-Istat Membru vettura li huwa l-proprjetarju tagħha iżda li hija diġà rreġistrata fi Stat Membru ieħor u hija intiża essenzjalment sabiex tiġi użata fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top