Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0392

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-1 ta’ Frar 2017.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Nutara – Kundizzjoni ta’ nazzjonalità – Artikolu 51 TFUE – Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
    Kawża C-392/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:73

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    1 ta’ Frar 2017 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Nutara — Kundizzjoni ta’ nazzjonalità — Artikolu 51 TFUE — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika”

    Fil-Kawża C-392/15,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fl-20 ta’ Lulju 2015,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Støvlbæk u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    vs

    L-Ungerija, irrappreżentata minn Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn M.M. Tátrai, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u D. Hadroušek, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Settembru 2016,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bl-impożizzjoni ta’ kundizzjoni ta’ nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 TFUE.

    Il-kuntest ġuridiku

    L-organizzazzjoni ġenerali tal-professjoni ta ’ nutar fl-Ungerija

    2

    Fl-ordinament ġuridiku Ungeriż, in-nutara jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest ta’ professjoni libera. L-organizzazzjoni tan-notarjat hija rregolata permezz tal-közjegyzőkről szóló 1991. évi XLI. törvény (Liġi Nru XLI tal-1991, dwar in-nutara) (Magyar Közlöny 1991/109 iktar ’il quddiem il-“liġi dwar in-nutara”).

    3

    Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi, in-nutara għandhom is-setgħa li jawtentikaw l-atti sabiex, b’mod imparzjali, jipprovdu servizzi ġuridiċi lill-partijiet bil-għan li jiġu evitati tilwimiet.

    4

    Skont l-Artikolu 1(4) tal-liġi imsemmija, in-nutar jeżerċita, fil-kuntest tal-kompetenzi legali tiegħu, attività uffiċjali ta’ applikazzjoni tad-dritt marbut mas-servizz pubbliku tal-ġustizzja.

    5

    L-Artikolu 2(1) tal-istess liġi jipprevedi li, fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, in-nutar huwa suġġett għal-liġi biss u ma jistax jirċievi struzzjonijiet.

    6

    L-Artikolu 10 tal-liġi dwar in-nutara jipprevedi li n-nutar huwa responsabbli, skont il-kodiċi ċivili, għad-danni li huwa jkun kkawża. Huwa, barra minn hekk, obbligat ikun kopert minn assigurazzjoni, tul iż-żmien kollu tal-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu, għad-danni eventwalment ikkawżati.

    7

    Skont l-Artikolu 31/A(1) tal-imsemmija liġi, in-nutara jistgħu jeżerċitaw l-attività tagħhom jew individwalment, jew fil-kuntest ta’ uffiċċju. L-Artikolu 31/E tal-istess liġi jispeċifika li t-twaqqif u l-funzjonament tal-uffiċċju ma jaffettwawx l-istatus ġuridiku personali tan-nutara, kif stabbilit mill-liġi dwar in-nutara, b’mod partikolari l-obbligu tagħhom li jeżerċitaw personalment il-funzjonijiet tagħhom, kif ukoll ir-responsabbiltà tagħhom fuq il-livell deontoloġiku u l-livell materjali.

    8

    L-onorarji tan-nutara huma stabbiliti mill-közjegyzői díjszabásról szóló 14/1991. IM rendelet (Digriet Nru 14/1991 tal-Ministru tal-Ġustizzja, li jistabbilixxi t-tariffi tal-onorarji ta’ nutar), tas-26 ta’ Novembru 1991, (Magyar Közlöny 1991/30).

    9

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-funzjonijiet ta’ nutar, l-Artikolu 17(1)(a) tal-liġi dwar in-nutara jipprevedi li jista’ jinħatar nutar biss min huwa ċittadin Ungeriż.

    L-attivitajiet notarili fl-Ungerija

    10

    L-Artikolu 1(1) tal-fizetési meghagyásos eljárásról szóló 2009. évi L. törvény (Liġi Nru L tal-2009, dwar il-proċedura ta’ ordni għal ħlas), (Magyar Közlöny 2009/85, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-proċedura ta’ ordni għal ħlas”), jipprevedi li l-proċedura ta’ ħruġ ta’ ordnijiet għal ħlas hija proċedura mhux kontenzjuża ssimplifikata tad-dritt ċivili intiża għall-irkupru tad-djun pekunjarji li taqa’ fil-kompetenza tan-nutara.

    11

    Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, din il-proċedura għandha l-istess effetti bħal proċedura fil-qorti.

    12

    L-Artikolu 9(1) tal-liġi dwar il-proċedura ta’ ordni għal ħlas jipprevedi li t-talbiet għall-ħruġ ta’ ordnijiet għal ħlas imressqa elettronikament huma, bla ħsara għall-każijiet ta’ eżenzjoni, imqassma awtomatikament u f’partijiet ugwali bejn ir-residenzi notarili b’applikazzjoni tas-sistema tal-Kamra nazzjonali tan-nutara tal-Ungerija.

    13

    Skont l-Artikolu 18(1) u (3) tal-liġi dwar il-proċedura ta’ ordni għal ħlas, fil-kuntest ta’ proċedura għall-ħruġ ta’ ordnijiet għal ħlas ma jeħtieġx li tinstema’ l-parti jew li titressaq proċedura għall-produzzjoni ta’ provi.

    14

    Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-liġi u dawk tal-bírósági végrehajtásról szóló 1994. évi LIII törvény (Liġi Nru LIII tal-1994, dwar l-eżekuzzjoni ġudizzjarja, Magyar Közlöny 1994/51), fuq it-talba tal-kreditur, in-nutar jipproċedi bl-ordni ta’ eżekuzzjoni tal-ordni għal ħlas, mingħajr ma jinstema’ d-debitur meta, fl-assenza ta’ oppożizzjoni, l-ordni inkwistjoni tkun saret vinkolanti. L-ordni ta’ eżekuzzjoni hija meħtieġa għall-implementazzjoni tal-miżuri vinkolanti kontra d-debitur għall-irkupru tad-dejn.

    15

    L-Artikolu 52(2) tal-liġi dwar il-proċedura ta’ ordni għal ħlas jipprevedi li n-nutar li joħroġ ordni għal ħlas huwa kompetenti joħroġ ordni ta’ eżekuzzjoni tagħha.

    16

    Fir-rigward tal-proċedura ta’ suċċessjoni, l-Artikolu 2(1) tal-hagyatéki eljárásról szóló 2010. évi XXXVIII törvény (Liġi Nru°XXXVIII tal-2010, dwar il-proċedura ta’ suċċessjoni) (Magyar Közlöny 2010/35 iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-proċedura ta’ suċċessjoni”), jispeċifika li din hija proċedura mhux kontenzjuża tad-dritt ċivili.

    17

    Skont l-Artikolu 2(2) ta’ din il-liġi, il-proċedura mmexxija min-nutar għandha l-istess effetti bħal proċedura fil-qrati tal-ewwel istanza.

    18

    Mill-qari flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 3(1) tal-liġi msemmija jirriżulta li l-proċedura ta’ suċċessjoni tikkonsisti fid-determinazzjoni, permezz ta’ deċiżjoni tan-nutar, ta’ min, fi tmiem il-proċedura, u taħt liema titolu, ser igawdi minn liema dritt u ta’ min ser jassumi liema obbligu fir-rigward tal-patrimonju tas-suċċessjoni, jew fir-rigward ta’ parti minnu jew ta’ oġġett speċifiku.

    19

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-istess liġi, in-nutar jirregola l-kwistjonijiet imqajma waqt il-proċedura ta’ suċċessjoni permezz ta’ deċiżjonijiet formali.

    20

    Skont l-Artikolu 13(1) tal-liġi dwar il-proċedura ta’ suċċessjoni, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, ma ssir l-ebda seduta ta’ eżami tal-provi, iżda l-persuni kkonċernati mir-riżoluzzjoni tas-suċċessjoni u l-parteċipanti fil-proċedura jistgħu jipproduċu dokumenti insostenn tat-talbiet ta’ persuni oħrajn.

    21

    Fil-kuntest tal-proċedura ta’ suċċessjoni, in-nutar jista’ jadotta miżuri kawtelatorji fiċ-ċirkustanzi previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 32 sa 34 ta’ din il-liġi.

    22

    Skont l-Artikolu 43 tal-liġi msemmija, in-nutar jista’, b’mod partikolari, jadotta miżuri preparatorji għall-organizzazzjoni tal-patrimonju tas-suċċessjoni. Barra minn hekk, huwa jista’ jeżamina jekk għandhiex tiġi interrotta l-proċedura ta’ suċċessjoni, jekk għandux jirrikuża ruħu jew jekk għandux kompetenzi territorjali. In-nutar jista’ wkoll jadotta miżuri sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-inventarju tas-suċċessjoni.

    23

    L-Artikolu 46(1) tal-istess liġi jipprevedi li, jekk teżisti indikazzjoni li d-de cujus għamel att ta’ dispożizzjoni causa mortis, in-nutar għandu jistieden lis-servizz amministrattiv jew lill-persuna li għandha pussess tiegħu jibgħatulu.

    24

    Barra minn hekk, jekk l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ suċċessjoni teħtieġ informazzjoni jew dokument li jinsab għand qorti, servizz amministrattiv, korp ieħor tal-istat, awtorità lokali jew għand organu jew persuna oħra li tamministra din l-informazzjoni, skont l-Artikolu 16(1) tal-liġi dwar il-proċedura ta’ suċċessjoni, in-nutar jista’, jitlob li din l-informazzjoni tingħatalu jew li dan id-dokument jiġi prodott. Skont l-Artikolu 16(2) ta’ din il-liġi, it-talba tan-nutar tista’ tiġi miċħuda biss meta l-aċċess jikser liġi jew regolament.

    25

    In-nutar jaqsam il-wirt b’effett sħiħ jew b’titolu provviżorju. Skont l-Artikolu 81(1) tal-liġi dwar il-proċedura ta’ suċċessjoni, jekk ikun hemm, fost l-eredi u l-legatarji, diżgwid dwar liema oġġetti mobbli jappartjenu għas-suċċessjoni, in-nutar jipproċedi bit-tqassim tal-oġġetti mobbli mhux kontenzjużi, filwaqt li jindika madankollu li t-talbiet fir-rigward tal-oġġetti mobbli kontenzjużi jkunu jistgħu jiġu deċiżi minn qorti.

    26

    Skont l-Artikolu 83(1) ta’ din il-liġi, in-nutar jaqsam il-wirt b’effett sħiħ meta ma jkun hemm l-ebda ostakolu legali għat-tqassim u meta, jew ikun hemm eredi wieħed biss li jkun sostna pretensjoni fuq is-suċċessjoni u, skont l-informazzjoni disponibbli, ma jkun hemm ebda persuna oħra li għandha pretensjoni fuq il-wirt taħt titolu ta’ suċċessjoni, ta’ donazzjoni causa mortis, ta’ legat materjali jew ta’ għotja ta’ interess pubbliku, jew ma jkunx hemm, fil-kuntest tal-proċedura ta’ suċċessjoni, diżgwid ġuridiku relatat mat-tqassim ta’ oġġetti tal-wirt jew inkella jkun hemm biss diżgwid sekondarju relatat mas-suċċessjoni.

    27

    Skont l-Artikolu 85(1) tal-liġi dwar il-proċedura ta’ suċċessjoni, in-nutar għandu jaqsam il-wirt b’titolu provviżorju meta ma jkunx possibbli li jinqasam b’effett sħiħ. L-Artikolu 86 ta’ din il-liġi jistabbilixxi l-ordni ta’ tqassim applikabbli f’dan il-każ.

    28

    Skont l-Artikolu 88 tal-liġi dwar il-proċedura ta’ suċċessjoni, id-deċiżjoni formali ta’ tqassim tal-wirt b’titolu provviżorju tikseb effett sħiħ jekk is-suċċessur fit-titolu ma jippreżentax rikors għal azzjoni suċċessorja fil-qorti sabiex tiġi rrikonoxxuta talba li ma ttieħditx inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni formali ta’ tqassim b’titolu provviżorju u li fir-rigward tagħha jeżisti diżgwid relatat mas-suċċessjoni, jekk il-qorti tiddikjara l-inammissibbiltà jew l-infondatezza ta’ din l-azzjoni jew ittemm il-proċedura kontenzjuża, jew jekk il-qorti tagħlaq il-proċedura kontenzjuża mingħajr ma tiddeċiedi fuq il-mertu.

    29

    Huwa possibbli li tiġi ppreżentata azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni formali tan-nutar li għalqet il-proċedura ta’ suċċessjoni fuq il-mertu, kontra d-deċiżjoni tan-nutar li tistabbilixxi l-ispejjeż proċedurali u li tikkundanna lill-persuni kkonċernati għall-ispejjeż, kif ukoll kontra d-deċiżjoni tiegħu li timponi multa fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikoli 109 sa 113 tal-liġi dwar il-proċedura ta’ suċċessjoni.

    30

    Mill-Artikolu 1(2) u (3) tal-közjegyzői állások számáról és a közjegyzők székhelyéről 15/1991. (XI. 26.) IM rendelet (Digriet Nru 15/1991 tal-Ministru tal-Ġustizzja, dwar in numru ta’ postijiet ta’ nutara u r-residenza notarili), tas-26 ta’ Novembru 1991, (Magyar Közlöny 1991/130), jirriżulta li l-kompetenza tan-nutara f’Budapest (l-Ungerija), fir-rigward tal-kwistjonijiet marbuta mas-suċċessjoni, hija stabbilita skont iż-żona li fiha huma jeżerċitaw. Jekk diversi nutara jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-istess żona, huma jintervjenu fil-każijiet ta’ suċċessjoni billi jalternaw minn xahar għal xahar, fejn il-proċedura ta’ suċċessjoni taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ min ikun kompetenti fil-ġurnata tal-mewt tad-de cujus.

    31

    Fir-rigward tar-rwol tan-nutar fil-qasam tad-depożitu notarili, l-egyes közjegyzői nemperes eljárásokról szóló 2008. évi XLV törvény (Liġi Nru°XLV tal-2008, dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi), (Magyar Közlöny 2008/94 iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi”), tipprevedi li l-eżekuzzjoni ta’ kreditu permezz ta’ depożitu notarili għandha l-istess effetti bħal dik li sseħħ permezz ta’ depożitu ġudizzjarju. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-liġi, jekk in-nutar jaċċetta d-depożitu, huwa għandu jindika l-aċċettazzjoni fuq it-talba. In-nutar għandu jiċħad it-talba jew jirrifjuta li jaċċettaha meta l-kundizzjonijiet legalment meħtieġa ma jkunux issodisfatti. Huwa mbagħad jieħu deċiżjoni formali. In-nutar jieħu deċiżjoni formali wkoll fir-rigward tal-għoti tad-depożitu. Ir-rilaxx tiegħu jseħħ biss wara li din id-deċiżjoni tkun kisbet saħħa vinkolanti.

    32

    In-nutar jistabbilixxi, barra minn hekk, atti awtentiċi. Dawn l-atti jkollhom saħħa eżekuttiva meta n-nutar iżid magħhom il-formola tal-eżekuzzjoni. Skont l-Artikolu 112 tal-liġi dwar in-nutara, in-nutar għandu jżid il-formola tal-eżekuzzjoni fl-att notarili jekk dan jindika l-impenn dwar il-prestazzjoni u l-kontroprestazzjoni jew l-impenn unilaterali, l-isem tal-kreditur u dak tad-debitur, l-oġġett tal-obbligu, il-kwantità jew l-ammont tiegħu, kif ukoll il-modalitajiet u t-terminu ta’ eżekuzzjoni.

    33

    Għall-irkupru ta’ kreditu rreġistrat f’att notarili, fuq it-talba tal-kreditur u mingħajr ma jinstema’ d-debitur, in-nutar joħroġ ordni ta’ eżekuzzjoni. L-ordni ta’ eżekuzzjoni jseħħ minħabba ż-żieda tal-formola tal-eżekuzzjoni fl-att. Il-legalità taż-żieda ta’ din il-formola tista’ tiġi kkontestata fil-qorti.

    34

    L-Artikolu 195 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili jistabbilixxi s-saħħa probatorja tal-att awtentiku. Mill-paragrafi 6 u 7 ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li huwa, bħala prinċipju, possibbli li tiġi prodotta prova kuntrarja fir-rigward tal-atti awtentiċi. Barra minn hekk, il-qorti tista’ titlob lil min ħareġ l-att jippronunzja ruħu fir-rigward tal-awtentiċità tiegħu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 206 ta’ dan il-kodiċi, il-qorti għandha tevalwa il-provi kif jidhrilha xieraq.

    35

    Fir-rigward tal-attivitajiet li n-nutar iwettaq fil-qasam ta’ ġbir ta’ provi minn qabel, l-Artikolu 17 tal-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi jipprevedi li tali ġbir jista’ jintalab min-nutar fiċ-ċirkustanzi previsti mill-kodiċi ta’ proċedura ċivili, meta min jagħmel it-talba jkollu interess legali fil-kisba ta’ prova, u b’mod partikolari fil-konstatazzjoni ta’ fatt jew ta’ sitwazzjoni partikolarment importanti. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi, ma jistax jintalab il-ġbir ta’ provi minn qabel meta hemm kawża ċivili jew proċeduri kriminali pendenti fil-każ inkwistjoni. Jekk in-nutar jikkunsidra li l-kundizzjonijiet sabiex isir ġbir ta’ provi minn qabel x’aktarx ma humiex issodisfatti, huwa għandu jieħu deċiżjoni ta’ ċaħda, li l-legalità tagħha tista’ tiġi kkontestata fil-qorti.

    36

    In-nutar għandu jintervjeni wkoll fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża ta’ nomina minn qabel ta’ espert ġudizzjarju. Skont l-Artikolu 21 tal-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi, in-nomina ta’ espert ġudizzjarju tista’ tintalab lin-nutar meta l-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ fatt jew ta’ kwalunkwe ċirkustanza oħra importanti għal min jagħmel it-talba teżiġi kompetenzi tekniċi speċjali. In-nomina ta’ espert ġudizzjarju ma tistax tintalab lin-nutar jekk hemm pendenti proċedura ġudizzjarja relatata mal-kwistjoni li għaliha tintalab il-miżura, li fiha min jagħmel it-talba huwa rikorrent jew konvenut, jew jekk huma pendenti proċeduri kriminali kontra din il-persuna li għamlet it-talba. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-liġi, jekk in-nutar jikkunsidra li l-kundizzjonijiet għan-nomina ta’ espert ġudizzjarju ma humiex issodisfatti, huwa għandu jieħu deċiżjoni ta’ ċaħda, li l-legalità tagħha tista’ tiġi kkontestata fil-qorti.

    37

    Kif irregolat mill-Artikoli 28 sa 36 tal-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi, in-nutar għandu wkoll rwol fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament ta’ titoli negozjabbli u ta’ ċertifikati mitlufa, misruqa jew meqruda. L-annullament min-nutar ta’ dawn it-titoli u ċertifikati għandu bħala konsegwenza li d-drittijiet fformalizzati fihom ma jistgħux jiġu eżerċitati jew li l-obbligi fformalizzati fihom ma jistgħux jiġu infurzati. L-Artikolu 29 ta’ din il-liġi jipprevedi li kull nutar huwa kompetenti jieħu konjizzjoni ta’ talba għal annullament.

    38

    Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi, meta ssir din it-talba, in-nutar għandu jinnotifika lill-persuna jew lill-organu li huwa obbligat iħallas abbażi tat-titolu mitluf, misruq jew meqrud, sabiex ma jwettaqx il-pagament abbażi tiegħu u, fejn xieraq, jiddepożita fil-qorti l-ammont li sadanittant sar dovut. Id-deċiżjoni formali tan-nutar li tiddikjara n-nullità ta’ titolu negozjabbli jew ta’ ċertifikat mitluf, misruq jew meqrud għandha l-istess effett bħal sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata.

    39

    Barra minn hekk, in-nutar iwettaq attivitajiet fil-qasam tax-xoljiment tas-sħubija rreġistrata konkluża bejn żewġ persuni tal-istess sess, li jkunu laħqu l-età ta’ tmintax-il sena. Din il-proċedura hija rregolata permezz tal-Artikoli 36/A sa 36/D tal-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-liġi, huwa possibbli li jinkiseb quddiem in-nutar ix-xoljiment tas-sħubija rreġistrata sakemm is-sieħba rreġistrati liberament jagħmlu talba flimkien għal dan il-għan, sakemm l-ebda wieħed mis-sieħba rreġistrati ma jkollu wild li fir-rigward tiegħu s-sieħba jkunu flimkien responsabbli għall-manteniment u sakemm is-sieħba rreġistrati jkunu ftehmu, b’att notarili jew permezz ta’ skrittura privata kontroffirmata minn avukat, dwar il-kwistjonijiet tal-obbligu ta’ manteniment aċċettat minn wieħed favur l-ieħor skont il-liġi, l-użu tal-abitazzjoni komuni u t-tqassim tal-patrimonju komuni tal-isħubija. Id-deċiżjoni formali ta’ approvazzjoni tal-ftehim bejn il-partijiet għandu l-istess effett bħal approvazzjoni ta’ ftehim mill-qorti, u deċiżjoni formali li xxolji sħubija rreġistrata għandha l-istess effett bħal sentenza ta’ qorti. Jekk dan il-ftehim ma jkunx jista’ jiġi approvat jew jekk il-kundizzjonijiet għax-xoljiment tas-sħubija rreġistrata quddiem in-nutar ma jkunux issodisfatti, in-nutar għandu jirrifjuta l-approvazzjoni tal-imsemmi ftehim u jiċħad it-talba għax-xoljiment tas-sħubija.

    40

    L-Artikoli 36/E sa 36/G tal-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi jirregolaw il-kompetenza tan-nutar fil-qasam tal-ġestjoni tar-reġistru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ sħubija. Dan ir-reġistru jinkludi indikazzjoni ta’ kull dikjarazzjoni li sħubija teżisti jew ma teżistix iktar, fis-sens tal-kodiċi ċivili. Id-dikjarazzjoni hija iskritta fuq talba konġunta tas-sieħba jew, f’każ ta’ dikjarazzjoni ta’ ineżistenza ta’ sħubija, fuq it-talba ta’ wieħed fosthom. In-nutar għandu jivverifika jekk il-kundizzjonijiet tal-proċedura ta’ iskrizzjoni jkunux issodisfatti. Id-deċiżjoni formali ta’ iskrizzjoni fir-reġistru tad-dikjarazzjonijiet ta’ sħubija meħuda min-nutar għandha l-istess effett bħalma għandha s-sentenza ta’ qorti.

    41

    Ir-reġistru nazzjonali tal-kuntratti ta’ żwieġ u r-reġistru nazzjonali tal-kuntratti ta’ sħubija jattestaw uffiċjalment, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju, li l-kuntratti li huma iskritti fihom jeżistu. Skont l-Artikolu 4:65(2) u l-Artikolu 6:515(3) tal-kodiċi ċivili, kuntratt ta’ żwieġ jew ta’ sħubija jista’ jiġi invokat biss kontra terzi jekk huwa rreġistrat jew jekk il-konjuġi jew is-sieħba juru li t-terz ikkonċernat kien jaf jew kellu jkun jaf bl-eżistenza u bil-kontenut tiegħu.

    42

    Skont l-Artikolu 36/H(2) tal-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi, il-Kamra nazzjonali tan-nutara tal-Ungerija hija responsabbli għall-operat tas-sistema ta’ reġistrazzjoni, filwaqt li n-nutara jwettqu l-iskrizzjonijiet fir-reġistru nazzjonali tal-kuntratti ta’ żwieġ u fir-reġistru nazzjonali tal-kuntratti ta’ sħubija bl-użu tal-applikazzjonijiet informatiċi previsti għal dan il-għan. Skont l-Artikolu 36/J(2) ta’ din il-liġi, in-nutar għandu jivverifika li l-kundizzjonijiet legali huma ssodisfatti qabel ma jipproċedi bl-iskrizzjoni tal-ftehim f’dawn ir-reġistri.

    43

    Barra minn hekk, in-nutar għandu jiddetermina, fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża, is-suċċessjoni f’każ ta’ mewt ta’ persuni fiżiċi jew f’każ ta’ xoljiment ta’ persuni ġuridiċi li jkunu għamlu dikjarazzjonijiet fir-reġistru ta’ garanziji tal-proprjetà.

    44

    Skont l-Artikolu 162 tal-liġi dwar in-nutara, in-nutar huwa kompetenti jirċievi għall-konservazzjoni tagħhom, kull tip ta’ dokument, flus kontanti, oġġetti ta’ valur u titoli negozjabbli li jkunu s-suġġett ta’ emissjoni pubblika. Din il-liġi tipprevedi li dan huwa kompetenti wkoll, fuq it-talba ta’ parti, jassenja tali valuri lil terz jew jiddepożitahom f’qorti jew ma awtorità oħra waqt it-tħejjija ta’ att notarili u li jkun relatat magħhom.

    45

    Skont l-Artikolu 171/A tal-liġi dwar in-nutara, fuq it-talba ta’ parti, in-nutar jista’ jdaħħal verżjoni elettronika awtentika ta’ dokument fl-arkivji elettroniċi tiegħu. Dan għandu jiġi kkonservat minnu għal perijodu minimu ta’ tliet snin.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    46

    Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni intimat lill-Ungerija sabiex tippreżenta quddiemha, f’terminu ta’ xahrejn, l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konformità mal-Artikoli 49 TFUE u 51 TFUE tal-kundizzjoni ta’ nazzjonalità meħtieġa għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar fl-Ungerija.

    47

    L-Ungerija rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni b’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2006.

    48

    Peress li ma kinitx sodisfatta bl-argumenti mressqa mill-Ungerija, b’ittra tat-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata li għaliha l-Ungerija wieġbet permezz tal-ittra tat-12 ta’ Frar 2008.

    49

    Fl-24 ta’ Mejju 2011, fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-47/08, EU:C:2011:334); Il-Kummissjoni vs Franza (C-50/08, EU:C:2011:335); Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-51/08, EU:C:2011:336); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-53/08, EU:C:2011:338); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-54/08, EU:C:2011:339); u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-61/08, EU:C:2011:340), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ nazzjonalità meħtieġa rispettivament, mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Repubblika tal-Awstrija, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-Repubblika Ellenika, għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità pprojbita mill-Artikolu 49 TFUE. L-Ungerija kienet intervenjenti, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, insostenn tal-ewwel ħames Stati Membri imsemmija iktar ’il fuq.

    50

    Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-Ungerija fir-rigward tas-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u talbitha tispeċifika liema miżuri hija kienet ħadet jew kienet ser tieħu, abbażi ta’ dawn is-sentenzi, sabiex tirrendi l-leġiżlazzjoni tagħha konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    51

    Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2012, l-Ungerija wieġbet għal din l-ittra billi sostniet li l-funzjonijiet tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Ungeriż kienu jkopru wkoll attivitajiet oħra minbarra dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza u li dawn il-funzjonijiet kienu jvarjaw, minħabba n-natura tagħhom stess, minn dawk inkwistjoni fil-kawżi msemmija.

    52

    Fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija opinjoni motivata komplementari, li għaliha dan l-Istat Membru wieġeb permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2012.

    53

    Wara li eżaminat l-emendi li, sadanittant, l-Ungerija kienet għamlet fil-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-attivitajiet tan-nutara, il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni li għad hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, għaldaqstant, fl-10 ta’ Lulju 2014, bagħtet opinjoni motivata komplementari ġdida lil dan l-Istat Membru.

    54

    B’ittra tat-18 ta’ Settembru 2014, l-Ungerija wieġbet għal din l-opinjoni billi esponiet ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija kienet tikkunsidra li l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni ma kinitx fondata.

    55

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    Fuq ir-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    56

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-attivitajiet eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Ungeriż jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

    57

    F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni tosserva, l-ewwel nett, li, sa fejn ma huwiex impjegat tal-Istat, iżda jeżerċita professjoni libera, li fil-kuntest tagħha huwa jipprovdi servizzi bi ħlas, u sa fejn huwa taxxabbli, in-nutar jeżerċita attività ekonomika.

    58

    It-tieni nett, in-nutara jeżerċitaw parti kbira tal-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom. Dan huwa l-każ fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tħejjija ta’ atti awtentiċi u tal-annullament ta’ titoli negozjabbli u ta’ ċertifikati mitlufa, misruqa jew meqruda. Barra minn hekk, it-talbiet ta’ ordni għal ħlas imressqa fuq karta stampata jew verbalment jistgħu jkunu indirizzati lil kwalunkwe nutar.

    59

    It-tielet nett, l-attivitajiet eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Ungeriż fil-kuntest tal-kompiti tiegħu li jikkonsistu fil-ħruġ ta’ ordnijiet għal ħlas, fit-twettiq tal-eżekuzzjoni tagħhom kif ukoll fit-tmexxija ta’ proċeduri ta’ suċċessjoni, huma attivitajiet awżiljarji jew preparatorji għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jew attivitajiet li jħallu intatti s-setgħat diskrezzjonali u deċiżjonali tal-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji u li ma jinkludux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali, setgħat vinkolanti jew setgħat ta’ impożizzjoni.

    60

    Il-Kummissjoni ssostni, fir-raba’ nett, li l-fatt li n-nutar jintervjeni fl-interess ġenerali ma jimplikax neċessarjament li huwa jipparteċipa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE.

    61

    Il-ħames nett, in-nutar jaġixxi bħala impriża fuq il-pjan fiskali u fuq dak finanzjarju. Barra minn hekk, in-nutar għandu personalità ġuridika u d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ungeriż dwar il-kumpannija b’responsabbiltà limitata huma applikabbli għalih.

    62

    Fl-aħħar nett, in-nutar huwa unikament responsabbli għall-atti mwettqa fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu u l-azzjonijiet tiegħu ma jagħtux lok għar-responsabbiltà tal-Istat.

    63

    Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li l-attivitajiet eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Ungeriż ma humiex marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    64

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi. Billi tipprevedi eċċezzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment għall-attivitajiet li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, din id-dispożizzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi interpretata b’mod strett, u l-eċċezzjoni msemmija għandha tiġi ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jinvolvu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Issa, il-kunċett ta’ awtorità pubblika jimplika l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali li teċċedi d-dritt komuni li tissarraf fil-kapaċità li tittieħed azzjoni indipendentement mir-rieda ta’ suġġetti oħra jew anki li tmur kontra din l-istess rieda.

    65

    Il-funzjonijiet eżerċitati min-nutar ma jinvolvux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali, setgħat vinkolanti, jew setgħat ta’ impożizzjoni. Huma jikkonsistu fil-prevenzjoni ġuridika u huma għalhekk awżiljarji jew preparatorji għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Elementi bħan-natura rregolata tal-attivitajiet notarili, il-fatt li n-nutara jitqiesu mil-liġi kriminali Ungeriża bħala atturi li jeżerċitaw l-awtorità pubblika, il-kompetenzi territorjali tan-nutara, il-permanenza tal-pożizzjoni tagħhom, l-inkompatibbiltà tal-professjoni ta’ nutar mal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħra u l-fatt li n-nutar ma jistax jirrifjuta klijent, ma jikkonfutawx din il-konklużjoni.

    66

    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas, il-Kummissjoni tallega li n-nutar jeżerċita attività awżiljarja fdata lilu sabiex itaffi x-xogħol tal-qrati. Peress li din il-proċedura tirrigwarda biss d-djun pekunjarji dovuti u mhux ikkontestati, in-nutar ma għandu l-ebda setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-partijiet. Is-setgħat tan-nutar huma għalhekk limitati għat-twettiq tal-formalitajiet proċedurali. Huwa ma jistax joħroġ ordni oħra minbarra dik għal ħlas u ma huwiex kompetenti jieħu konjizzjoni tal-kontestazzjoni tad-dejn. Barra minn hekk, l-ordni għal ħlas maħruġa min-nutar issir definittiva u eżegwibbli biss jekk ma tiġix ikkontestata mid-debitur fit-terminu mogħti. Fl-aħħar nett, il-fatt li din l-ordni għandha effetti legali sinjifikattivi ma huwiex biżżejjed biex tintwera parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    67

    Skont il-Kummissjoni, l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tal-attività eżerċitata min-nutar fil-kuntest tal-proċedura Ewropea ta’ ordni għal ħlas b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).

    68

    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ordni tal-eżekuzzjoni tal-ordni għal ħlas, il-Kummissjoni ssostni li n-nutar ma għandu l-ebda setgħa diskrezzjonali jew deċiżjonali. Huwa ma jiddeċidix kawżi, ma jismax il-partijiet u ma jitlobx il-produzzjoni ta’ provi, iżda huwa jillimita ruħu sabiex jirrendi eżiġibbli ordni għal ħlas li ma ġietx ikkontestata. Is-saħħa eżekuttiva ta’ din l-ordni ma tagħtix lin-nutar setgħa vinkolanti. In-nutar jillimita ruħu sabiex jirrendi d-dejn inkontestabbli sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, mingħajr ma jiddeċiedi l-kontestazzjoni tad-dejn fil-mertu. Iż-żieda tal-formola tal-eżekuzzjoni fuq l-ordni għal ħlas hija, għalhekk, attività awżiljarja u preparatorja.

    69

    Fir-rigward, it-tielet nett, tal-proċedura ta’ suċċessjoni, il-Kummissjoni tosserva li din hija proċedura ċivili mhux kontenzjuża, li fil-kors tagħha l-partijiet jistgħu jikkonkludu ftehim li n-nutar jikkonferma permezz ta’ deċiżjoni formali. Il-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, kull suċċessjoni li hija s-suġġett ta’ tilwima tista’ titmexxa biss min-nutar b’effett provviżorju, juri li n-nutar ma għandux is-setgħa jiddeċiedi tilwima tul il-proċedura ta’ suċċessjoni. It-tqassim min-nutar tas-suċċessjoni b’effett sħiħ, lanqas ma timplika l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali jew vinkolanti peress li dan it-tqassim jippreżupponi l-eżistenza minn qabel ta’ kunsens jew ta’ ftehim bejn il-partijiet.

    70

    Barra minn hekk, id-deċiżjoni formali ta’ tqassim tas-suċċessjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att definittiv sa fejn hija tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja. Fir-rigward tal-miżuri vinkolanti, preparatorji jew kawtelatorji li n-nutar jista’ jadotta sabiex jiżgura t-tmexxija korretta tal-proċedura ta’ suċċessjoni, dawn ma jaffettwawx is-sustanza tad-drittijiet inkwistjoni u huma aċċessorji għall-kompitu prinċipali tan-nutar.

    71

    Ir-raba’ nett, in-nutar għandu rwol passiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ depożitu notarili. Huwa ma jeżamina l-ebda kontestazzjoni. Il-proċedura ta’ depożitu notarili ma timplikax, għalhekk, l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, deċiżjonali jew vinkolanti.

    72

    Fir-rigward, fil-ħames nett, tat-tħejjija ta’ atti notarili, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-importanza tal-effetti legali li dawn l-atti jipproduċu ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li din l-attività hija marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Is-saħħa probatorja tal-atti notarili ma torbotx lill-qorti b’mod inkundizzjonat fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-provi. Barra minn hekk, tista’ tinġieb prova kuntrarja. Ċertament, is-saħħa eżekuttiva ta’ dawn l-atti tippermetti lill-kreditur jipproċedi bl-eżekuzzjoni tad-dejn mingħajr ma jkollu jiftaħ kawża l-qorti. Madankollu, ir-rwol tan-nutar f’dan ir-rigward huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet legalment meħtieġa għaż-żieda tal-formola tal-eżekuzzjoni. Għaldaqstant, in-nutar ma għandu l-ebda setgħa deċiżjonali jew vinkolanti.

    73

    Fir-rigward, fis-sitt nett, tal-proċedura ta’ ġbir ta’ provi minn qabel quddiem in-nutar, il-Kummissjoni tosserva li din hija intiża, prinċipalment, għad-depożitu minn qabel ta’ provi sabiex jintlaħaq eżitu pożittiv fi proċeduri kriminali jew ċivili sussegwenti. L-attività li jeżerċita n-nutar fil-kuntest ta’ din il-proċedura għandha, għalhekk, natura manifestament awżiljarja jew preparatorja.

    74

    Is-seba’ nett, il-Kummissjoni tqis li l-proċedura ta’ nomina ta’ espert ġudizzjarju hija strettament marbuta mal-proċeduri l-oħra quddiem in-nutar, bħall-proċedura ta’ ħruġ ta’ ordni għal ħlas jew il-proċedura ta’ suċċessjoni, li ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

    75

    Fir-rigward, fit-tmien nett, tal-kompetenza tan-nutar fil-kuntest tal-annullament tat-titoli negozjabbli u taċ-ċertifikati mitlufa, misruqa jew meqruda, il-Kummissjoni ssostni li din ma tirrigwardax l-istatus ġuridiku ta’ dawn id-dokumenti, iżda tirrigwarda biss il-possibbiltà li dawn jiġu ssostitwiti. Din l-attività tan-nutar ma taqax, għalhekk, taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    76

    Id-disa’ nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-qasam tax-xoljiment tas-sħubija rreġistrata, in-nutar huwa awtorizzat jivverifika biss jekk il-kundizzjonijiet legali applikabbli għax-xoljiment bi qbil komuni ta’ din is-sistema humiex issodisfatti. Għal din ir-raġuni, dan ma għandux setgħa diskrezzjonali jew deċiżjonali reali f’dan ir-rigward.

    77

    Fir-rigward, fl-għaxar nett, tal-ġestjoni tar-reġistru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ sħubija kif ukoll tal-ġestjoni tar-reġistru nazzjonali tal-kuntratti ta’ żwieġ u tar-reġistru nazzjonali tal-kuntratti ta’ sħubija, il-Kummissjoni tqis li l-iskrizzjoni min-nutar ta’ atti f’dawn ir-reġistri tipproduċi effetti biss permezz ta’ ftehimiet jew atti oħra li l-partijiet ikunu liberament ikkonkludew. L-intervent tan-nutar jippreżupponi, għalhekk, l-eżistenza minn qabel ta’ kunsens jew ta’ qbil tar-rieda tal-partijiet.

    78

    Fir-rigward, fil-ħdax nett, tad-determinazzjoni tas-suċċessjoni f’każ ta’ mewt ta’ persuni fiżiċi jew f’każ ta’ xoljiment ta’ persuni ġuridiċi li jkunu għamlu dikjarazzjonijiet fir-reġistru ta’ garanziji tal-proprjetà, il-Kummissjoni ssostni li l-ġestjoni ta’ dan ir-reġistru hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, minħabba li hija tikkonċerna biss il-proċeduri mhux kontenzjużi.

    79

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni, fit-tnax nett, li l-konservazzjoni min-nutar ta’ atti u ta’ flus kontanti, oġġetti ta’ valur u titoli negozjabbli tikkostitwixxi attività komplementari u passiva, li ma timplikax l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali, vinkolanti jew ta’ impożizzjoni, u lanqas ma timplika l-eżami eventwali ta’ kontestazzjonijiet.

    80

    L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, issostni, fl-ewwel lok, li l-attivitajiet eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Ungeriż ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

    81

    Fil-fatt, in-nutar ma jeżerċitax attività ekonomika jew kummerċjali sa fejn in-nomina tiegħu hija suġġetta għall-fatt li jrid jgħaddi minn kompetizzjoni, sa fejn huwa jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’territorju ddeterminat u f’residenza ddeterminata, sa fejn il-kamp tal-attivitajiet tiegħu ma huwiex stabbilit liberament, iżda huwa stabbilit bil-liġi, sa fejn huwa jwettaq il-kompiti tiegħu indipendentement, sa fejn huwa jeżerċita, skont l-Artikolu 1(4) tal-liġi dwar in-nutara, attività “uffiċjali ta’ applikazzjoni tal-liġi”, sa fejn l-onorarji tiegħu ma humiex innegozjati liberament u sa fejn, fir-rigward tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ ordni għal ħlas u tal-kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, il-professjoni tiegħu hija eskluża mill-kompetizzjoni.

    82

    Barra minn hekk, anki meta huwa jaħdem fil-kuntest ta’ uffiċċju, in-nutar għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu personalment. Huwa ma jaġixxix fl-interess ġenerali, iżda “fl-interess tal-klijenti li jqabbdu[h]”.

    83

    Fl-aħħar nett, l-azzjonijiet tan-nutar jinvolvu r-responsabbiltà tal-Istat b’mod indirett.

    84

    L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, issostni, fit-tieni lok, li l-attivitajiet tan-nutar fl-ordinament ġuridiku Ungeriż jaqgħu, fi kwalunkwe każ, taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 51 TFUE. Fil-fatt, fl-Ungerija, l-istatus tan-nutar jista’ jitqabbel ma dak tal-imħallfin u ta’ persuni oħra li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Billi huwa responsabbli għall-prevenzjoni tat-tilwimiet bl-implementazzjoni ta’ proċeduri mhux kontenzjużi, in-nutar jagħmel parti mis-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Huwa ma jistax jirrifjuta kwistjoni li taqa’ fil-kompetenza materjali tiegħu u l-atti tiegħu, li jkunu ġew adottati kollha fil-kuntest ta’ proċeduri mhux kontenzjużi, jipproduċu l-istess effetti bħal deċiżjoni ġudizzjarja. L-istess bħalma jagħmlu l-imħallfin. In-nutar jaġixxi b’mod indipendenti. Huwa għandu setgħat diskrezzjonali u deċiżjonali u jista’ jimplementa restrizzjoni pubblika.

    85

    L-Ungerija ssostni, l-ewwel nett, li l-proċedura ta’ ħruġ ta’ ordni għal ħlas hija intiża sabiex itaffi x-xogħol tal-qrati. Bil-ħruġ, fuq talba tal-kreditur, ta’ ordni li tobbliga lid-debitur iħallas somma ta’ flus mingħajr ma jkollu jinstema’, in-nutar ikun qiegħed jieħu deċiżjoni definittiva dwar kwistjoni ta’ dritt privat. Fil-prattika, hija biss perċentwali żgħira tal-ordnijiet għal ħlas maħruġa minn nutar li jiġu kkontestati. Barra minn hekk, fl-ordinament ġuridiku Ungeriż, in-nutar huwa kompetenti joħroġ ukoll ordni għal ħlas skont ir-Regolament Nru 1896/2006.

    86

    It-tieni nett, l-ordni tal-eżekuzzjoni tal-ordni għal ħlas timplika, skont l-Ungerija, parteċipazzjoni diretta fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika peress li l-eżekuzzjoni forzata hija miżura koerċittiva li twassal li d-debitur ikun imċaħħad mill-proprjetà minħabba d-dejn tiegħu. L-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji kontra d-deċiżjoni formali tan-nutar li jipproċedi bl-ordni tal-eżekuzzjoni jirriżulta mill-bżonn li jiġu osservati d-drittijiet fundamentali u ma jfissirx li din id-deċiżjoni jkollha awtorità ġuridika mnaqqsa. Barra minn hekk, dan it-tip ta’ rimedju ma jirrigwardax il-punt dwar jekk għandhiex tiġi ordnata jew le l-eżekuzzjoni, iżda jirrigwarda sempliċement il-legalità tad-deċiżjoni msemmija.

    87

    Fir-rigward, fit-tielet nett, tal-proċedura ta’ suċċessjoni, l-Ungerija ssostni li n-nutar ma jwettaqx sempliċement kompiti preparatorji fir-rigward tax-xogħol ta’ qorti, iżda jmexxi huwa stess il-proċedura ta’ suċċessjoni fl-intier tagħha u jadotta d-deċiżjoni formali ta’ tqassim tal-wirt. B’mod differenti min-nutar fl-ordinament ġuridiku Awstrijak, in-nutar fl-ordinament ġuridiku Ungeriż ma jintervjenix bħala mandatarju tal-qorti, iżda jaġixxi skont setgħa tiegħu stess u jieħu huwa stess id-deċiżjonijiet kollha. Barra minn hekk, huwa jista’ jieħu miżuri kawtelatorji. Minbarra dan, in-numru ta’ azzjonijiet ġudizzjarji mressqa kontra d-deċiżjonijiet tan-nutara fil-qasam tas-suċċessjoni huwa negliġibbli.

    88

    Fir-rigward, fir-raba’ nett, tal-proċedura ta’ depożitu notarili, l-Ungerija ssostni li din tipproduċi l-istess effett bħall-proċedura ta’ depożitu ġudizzjarju. Dan huwa għaliex in-nutara jgawdu mill-fiduċja tal-pubbliku minħabba r-rwol li huma għandhom fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, kif ukoll peress li huma iktar faċilment aċċessibbli mill-qrati.

    89

    Fir-rigward, fil-ħames nett, tat-tħejjija tal-atti awtentiċi, l-Ungerija ssostni li din l-attività tan-nutar hija rregolata b’mod strett. In-natura statali tal-att awtentiku mħejji min-nutar huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-formola tal-eżekuzzjoni li huwa jżid f’dan l-att meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet legali. Din il-formola li tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ dejn permezz tal-użu ta’ miżuri ta’ restrizzjoni pubblika fl-istess kundizzjonijiet u skont l-istess proċedura bħal dawk applikabbli fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, in-nutar għandu l-istess rwol bħal dak tal-imħallfin fil-kuntest tar-riżoluzzjoni u tal-prevenzjoni ta’ tilwimiet. Is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Unibank (C-260/97, EU:C:1999:312), turi li s-saħħa eżekuttiva ma hijiex marbuta biss ma atti li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), jagħtu saħħa eżekuttiva simili għal dik tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji lill-obbligi inklużi fl-atti awtentiċi.

    90

    L-Ungerija ssostni, fis-sitt nett, li l-ġbir ta’ provi minn qabel quddiem in-nutar huwa varjant speċjali ta’ proċedura mhux kontenzjuża tal-istess natura bħal dik applikabbli fil-qrati, li għandha bħala għan il-ġbir tal-provi fid-dawl tal-possibbiltà li tinbeda proċedura kontenzjuża ulterjuri.

    91

    Fir-rigward, fis-seba’ nett, tal-proċedura ta’ nomina ta’ espert ġudizzjarju, l-Ungerija tispeċifika li din hija varjant speċjali ta’ proċedura simili eżistenti fil-qrati.

    92

    L-Ungerija tirrileva, fit-tmien nett, li l-annullament min-nutar tat-titoli negozjabbli u taċ-ċertifikati mitlufa, misruqa jew meqruda, għandu saħħa vinkolanti u jipproduċi l-istess effetti bħal sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata. Din l-attività tan-nutar taffettwa, għalhekk, id-drittijiet u l-obbligi ta’ terzi u timplika, għal din ir-raġuni, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. L-Ungerija tispeċifika, madankollu, li, minkejja li l-annullament ta’ titolu negozjabbli għandu bħala konsegwenza l-impossibbiltà tal-eżerċizzju tad-dritt li jikkonstata jew tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li huwa jipprevedi, huwa bl-ebda mod ma jbiddel ir-relazzjoni ġuridika sottostanti għal dan it-titolu negozjabbli. L-annullament tat-titolu msemmi sempliċement jippermetti l-ħruġ ta’ titolu negozjabbli ġdid li jissostitwixxu lil dak ta’ qabel.

    93

    Fir-rigward, fid-disa’ nett, tar-rwol tan-nutar fil-qasam ta’ xoljiment tas-sħubija rreġistrata, l-Ungerija ssostni li dan ixolji s-sħubija rreġistrata fuq il-bażi tal-kunsens reċiproku tal-partijiet, fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża. In-nutar jaġixxi bl-istess mod bħall-qorti u x-xoljiment notarili jipproduċi l-istess effetti bħax-xoljiment deċiż minn qorti.

    94

    Fir-rigward, fl-għaxar nett, tal-ġestjoni tar-reġistru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ sħubija kif ukoll tal-ġestjoni tar-reġistru nazzjonali tal-kuntratti ta’ żwieġ u tar-reġistru nazzjonali tal-kuntratti ta’ sħubija, l-Ungerija tirrileva li d-deċiżjoni formali tan-nutar li jiskrivi informazzjoni f’dawn ir-reġistri għandha saħħa vinkolanti, tipproduċi l-istess effetti bħas-sentenza ta’ qorti li għandha l-awtorità ta’ res judicata u taffettwa l-infurzabbiltà fir-rigward ta’ terzi tal-atti kkonċernati.

    95

    L-Ungerija ssostni, fil-ħdax nett, li n-nutar jiddetermina s-suċċessjoni f’każ ta’ mewt ta’ persuni fiżiċi jew f’każ ta’ xoljiment ta’ persuni ġuridiċi li jkunu għamlu dikjarazzjonijiet fir-reġistru ta’ garanziji tal-proprjetà.

    96

    Fl-aħħar nett, l-Ungerija tikkunsidra li l-attività ta’ konservazzjoni ta’ atti u ta’ flus kontanti, oġġetti ta’ valur u titoli negozjabbli ma timplikax l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, iżda li hija ma tistax tiġi sseparata mill-attivitajiet oħra tan-nutar peress li din tippermettilu jwettaq il-kompiti l-oħra tiegħu b’mod iktar effikaċi.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    97

    Qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikors tal-Kummissjoni jikkonċerna biss il-kompatibbiltà tal-kundizzjoni ta’ nazzjonalità meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ungeriża inkwistjoni għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE. Dan ir-rikors la jirrigwarda l-istatus u l-organizzazzjoni tan-notarjat fl-ordinament ġuridiku Ungeriż u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, barra dik relatata man-nazzjonalità, għall-professjoni notarili f’dan l-Istat Membru.

    98

    L-Ungerija ssostni li l-professjoni ta’ nutar ma tistax tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika u li, konsegwentement, din il-professjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

    99

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-libertà ta’ stabbiliment, kif stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE, hija applikabbli għall-professjoni ta’ nutar (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Latvja, C-151/14, EU:C:2015:577, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    100

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-provvista ta’ servizzi bi ħlas għandha titqies bħala attività ekonomika, sakemm l-attivitajiet eżerċitati jkunu reali u effettivi u mhux ta’ natura purament marġinali u aċċessorji (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C-268/99, EU:C:2001:616, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    101

    Madankollu, huwa paċifiku li, fl-ordinament ġuridiku Ungeriż, in-nutara jeżerċitaw professjoni libera li, bħala attività prinċipali, timplika l-provvista ta’ diversi servizzi distinti bi ħlas.

    102

    Jeħtieġ ukoll li jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE huwa intiż sabiex jiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor biex jeżerċita hemmhekk attività bħala persuna li taħdem għal rasha u sabiex jipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Latvja, C-151/14, EU:C:2015:577, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    103

    Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża tirriżerva l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar liċ-ċittadini Ungeriżi biss, u għalhekk toħloq differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 49 TFUE.

    104

    L-Ungerija madankollu ssostni li l-attivitajiet notarili ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE peress li huma marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE.

    105

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat billi tittieħed inkunsiderazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura stess fid-dritt tal-Unjoni tal-limiti imposti mid-dispożizzjoni msemmija għall-eċċezzjonijiet permessi għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment, sabiex jiġi evitat li l-effett utli tat-Trattat fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment tiġi ostakolata minn dispożizzjonijiet unilaterali tal-Istati Membri (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    106

    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment. Bħala tali, din id-deroga għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jipproteġu (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    107

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ripetutament li d-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE għandha tkun ristretta għall-uniċi attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    108

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkunsidra li huma esklużi mid-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE ċerti attivitajiet awżiljarji jew preparatorji għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C-42/92, EU:C:1993:304, punt 22; tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-114/97, EU:C:1998:519, punt 38; tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03,EU:C:2006:208, punt 47; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-404/05, EU:C:2007:723, punt 38, u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-438/08, EU:C:2009:651, punt 36), jew ċerti attivitajiet li l-eżerċizzju tagħhom, minkejja li jinkludi kuntatti, anki regolari u organiċi, ma’ awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, jew għajnuna, anki obbligatorja, għall-funzjonament tagħhom, iħalli intatti s-setgħat diskrezzjonali u deċiżjonali tal-awtoritajiet imsemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, EU:C:1974:68, punti 5153), jew ukoll ċerti attivitajiet li ma jinkludux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C-42/92, EU:C:1993:304, punti 2122; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C-393/05, EU:C:2007:722, punti 3642, tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-404/05, EU:C:2007:723, punt 3844, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs il-Portugall, C-438/08, EU:C:2009:651, punt 3641), ta’ setgħat vinkolanti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑114/97, EU:C:1998:519, punt 37), jew setgħat ta’ impożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Anker et, C-47/02, EU:C:2003:516, punt 61, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C-438/08, EU:C:2009:651, punt 44).

    109

    Għandu, għalhekk, jiġi vverifikat, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 105 sa 108 ta’ din is-sentenza, jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Ungeriż jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    110

    Fir-rigward tal-attività ta’ ħruġ ta’ ordnijiet għal ħlas, huwa paċifiku li din tikkonċerna biss id-djun pekunjarji dovuti u mhux ikkontestati. Barra minn hekk, l-ordni għal ħlas maħruġ min-nutar issir vinkolanti biss jekk ma tiġix ikkontestata mid-debitur. L-intervent tan-nutar jippreżupponi, għalhekk, il-kunsens tad-debitur.

    111

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kompetenza tan-nutar fil-qasam tal-ħruġ ta’ ordnijiet għal ħlas, li tistrieħ esklużivament fuq ir-rieda reċiproka tal-kreditur u tad-debitur u tħalli intatti l-prerogattivi tal-qorti fl-assenza ta’ ftehim bejniethom fir-rigward tal-eżistenza tad-dejn, ma tinvolvi ebda parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    112

    Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-argument tal-Ungerija dwar ir-Regolament Nru 1896/2006. Fil-fatt, mill-premessa 9 tal-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-proċedura Ewropea ta’ ordni għal ħlas tirrigwarda biss id-djun pekunjarji mhux ikkontestati. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament, l-ordni għal ħlas Ewropew hija ddikjarata eżegwibbli jekk ma tkunx ġiet ikkontestata fit-termini mogħtija. Il-ħruġ tal-ordni għal ħlas Ewropew stabbilit bir-Regolament Nru 1896/2006 għandu, għalhekk, l-istess karatteristiċi bħal dawk imsemmija fil-punt 110 ta’ din is-sentenza.

    113

    Fir-rigward tal-ordni għall-eżekuzzjoni tal-ordni għal ħlas, għandu jiġi indikat li din tippermetti, kif sostniet l-Ungerija, l-eżekuzzjoni tad-dejn li huwa s-suġġett tal-ordni għal ħlas li, fl-assenza ta’ oppożizzjoni, tkun saret vinkolanti.

    114

    B’hekk, is-saħħa eżekuttiva li l-ordni għal ħlas tikseb ma tfissirx, madankollu, li n-nutar għandu setgħat li jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, minkejja li ż-żieda min-nutar tal-formola tal-eżekuzzjoni fuq l-ordni għal ħlas li tkun saret vinkolanti tagħtiha s-saħħa eżekuttiva, din hija suġġetta għall-assenza ta’ kontestazzjoni mid-debitur tad-dejn għall-eżekuzzjoni.

    115

    Fir-rigward, tal-kompiti eżerċitati fil-qasam tas-suċċessjonijiet, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, minn naħa, li skont l-Artikolu 83(1) tal-liġi dwar il-proċedura ta’ suċċessjoni, in-nutar jista’ jaqsam il-patrimonju b’effett sħiħ biss fl-assenza ta’ diżgwid bejn il-werrieta u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 85(1) ta’ din il-liġi, f’każ ta’ diżgwid huwa obbligat li jaqsam il-patrimonju b’titolu provviżorju, filwaqt li d-diżgwid jiġi deċiż mill-qorti fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ suċċessjoni.

    116

    Peress li l-kompiti fdati lin-nutar fil-qasam tas-suċċessjoni jiġu eżerċitati fuq bażi kunsenswali u jħallu intatti l-prerogattivi tal-qorti fl-assenza ta’ ftehim tal-partijiet, dawn ma jistgħux, konsegwentement, jitqiesu li huma parteċipanti, bħala tali, direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    117

    Din il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt li n-nutar għandu, kif sostniet l-Ungerija, is-setgħa li jadotta ċerti miżuri kawtelatorji u ċerti miżuri preparatorji fid-dawl tal-organizzazzjoni tal-patrimonju tas-suċċessjoni, kif ukoll is-setgħa li jitlob minn diversi korpi pubbliċi l-għoti ta’ ċerta informazzjoni u l-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, li dawn il-miżuri huma ta’ natura aċċessorja għall-kompitu ewlieni tan-nutar li jaqsam il-wirt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794, punt 83). Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 115 u 116 ta’ din is-sentenza, dan il-kompitu ma jistax jitqies li huwa parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    118

    Fir-rigward tal-attivitajiet tan-nutar fil-qasam tad-depożitu notarili, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jinvolvux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali, peress li r-rwol tan-nutar huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet legalment meħtieġa.

    119

    Fir-rigward tal-attività ta’ awtentikazzjoni mogħtija lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Ungeriż, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 112 tal-liġi dwar in-nutara, huma l-atti li jirriflettu impenji unilaterali jew ftehimiet liberament konklużi bejn il-partijiet li huma s-suġġett ta’ awtentikazzjoni. L-intervent tan-nutar jippreżupponi, għalhekk, l-eżistenza minn qabel ta’ kunsens tal-partijiet jew ta’ qbil ta’ rieda bejniethom.

    120

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-attività ta’ awtentikazzjoni b’hekk fdata lin-nutara ma tinkludix, bħala tali, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 92).

    121

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fatt li attività partikolari tinkludi r-redazzjoni ta’ atti li għandhom effetti bħas-saħħa probatorja u s-saħħa eżekuttiva ma huwiex biżżejjed sabiex din l-attività tiġi kkunsidrata bħala parteċipanti direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    122

    Fil-fatt, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-saħħa probatorja li jgawdi minnha att notarili, għandu jiġi ppreċiżat li din taqa’ taħt ir-regoli ta’ provi stabbiliti mill-kodiċi ta’ proċedura ċivili. Is-saħħa probatorja mogħtija mil-liġi għal att partikolari għalhekk ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, meħuda waħedha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    123

    Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 195(6) u (7) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, fir-rigward tal-atti awtentiċi huwa dejjem possibbli li tinġieb il-prova kuntrarja.

    124

    Ma jistax għalhekk jiġi sostnut li l-att notarili, minħabba s-saħħa probatorja tiegħu, jorbot b’mod inkundizzjonat lill-qorti fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha peress li huwa paċifiku li hija tieħu d-deċiżjoni tagħha skont il-konvinzjoni interna tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi kollha miġbura waqt il-proċedura ġudizzjarja. Il-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi mill-qorti huwa, barra minn hekk, stabbilit mill-Artikolu 206 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    125

    Is-saħħa eżekuttiva tal-att awtentiku lanqas ma tfisser li n-nutar għandu setgħat li jinvolvu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, minkejja li ż-żieda min-nutar tal-formola tal-eżekuzzjoni fuq l-att awtentiku tagħtih is-saħħa eżekuttiva, din tistrieħ fuq ir-rieda tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tagħhom mal-liġi min-nutar, u li jagħtuhom din is-saħħa eżekuttiva (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-47/08, EU:C:2011:334, punt 103).

    126

    Barra minn hekk, huwa paċifiku li, minbarra ż-żieda tal-formola tal-eżekuzzjoni, in-nutar ma għandu l-ebda rwol fil-kuntest tal-eżekuzzjoni forzata. Għaldaqstant, in-nutar ma għandu l-ebda setgħa vinkolanti f’dan ir-rigward.

    127

    Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 125 u 126 ta’ din is-sentenza japplikaw ukoll għaż-żieda min-nutar tal-formola tal-eżekuzzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ djun ikkonfermati fl-atti notarili u tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet formali tan-nutar.

    128

    Fir-rigward tal-argument tal-Ungerija bbażat fuq is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Unibank (C-260/97, EU:C:1999:312), għandu jiġi kkonstatat li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza ma kinitx tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE, iżda kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU L 339, 21.12.2007, p. 3). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 15 u 21 tal-imsemmija sentenza, li, sabiex att jiġi kklassifikat bħala “awtentiku” fis-sens tal-Artikolu 50 ta’ din il-konvenzjoni huwa neċessarju l-intervent jew ta’ awtorità pubblika jew ta’ kwalunkwe awtorità oħra awtorizzata mill-Istat ta’ oriġini.

    129

    Għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ dan l-Istat Membru dwar ir-Regolamenti 44/2001 u 805/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn l-atti jirrigwardaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ atti awtentiċi rċevuti u eżegwibbli fi Stat Membru u, konsegwentement, ma jaffettwawx l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-47/08, EU:C:2011:334, punt 120). Dan japplika wkoll għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), li ssostitwixxa lir-Regolament Nru 44/2001.

    130

    Fir-rigward tal-kompetenzi tan-nutar fil-qasam tal-ġbir ta’ provi minn qabel, għandu jiġi enfasizzat li l-għan ta’ din il-proċedura huwa li provi li fihom min jagħmel it-talba għandu interess legali, jinġabru għall-eventwali tressiq ta’ proċedura kontenzjuża, li madankollu ma taqax fil-kompetenza tan-nutar. Għalhekk, il-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi tipprevedi li ma jistax jintalab il-ġbir ta’ provi minn qabel meta hemm kawża ċivili jew proċeduri kriminali pendenti fil-każ inkwistjoni. Il-kompetenzi tan-nutar fil-qasam tal-ġbir ta’ provi minn qabel jikkonsistu, għalhekk, f’attivitajiet awżiljarji jew preparatorji għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    131

    Dan japplika wkoll għall-kompiti fdati lin-nutar fil-kuntest tal-proċedura ta’ nomina ta’ espert ġudizzjarju, peress li din il-proċedura tiġi implementata meta l-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ fatt jew ta’ kwalunkwe ċirkustanza oħra importanti għal min jagħmel it-talba teżiġi kompetenzi tekniċi speċjali. Bħal fil-każ tal-ġbir ta’ provi minn qabel, skont l-Artikolu 21(2) tal-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi, in-nomina ta’ espert ġudizzjarju ma tistax tintalab lin-nutar jekk, fir-rigward tal-kwistjoni li għaliha min jagħmel it-talba għall-miżura jixtieq jikseb opinjoni ta’ espert, hemm pendenti proċedura ġudizzjarja oħra li fiha min jagħmel it-talba huwa rikorrent jew konvenut, jew jekk huma pendenti proċeduri kriminali kontra din il-persuna li għamlet it-talba.

    132

    Fir-rigward tal-kompetenza tan-nutar biex jipproċedi bl-annullament tat-titoli negozjabbli u taċ-ċertifikati mitlufa, misruqa jew meqruda, għandu jiġi enfasizzat li, kif sostniet l-Ungerija, dan ma jimplikax in-nullità, fis-sens tad-dritt ċivili, tar-relazzjoni ġuridika sottostanti għal dan it-titolu, iżda joħloq biss il-possibbiltà tal-ħruġ ta’ titolu negozjabbli ġdid, li jissostitwixxu lil dak ta’ qabel. Din il-kompetenza tan-nutar ma tinvolvix, għalhekk, l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali.

    133

    Din il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt li n-nutar jista’ jinnotifika lill-persuna jew lill-organu li huwa obbligat iħallas abbażi tat-titolu mitluf, misruq jew meqrud, sabiex ma jwettaqx il-pagament abbażi tiegħu u, fejn xieraq, jiddepożita fil-qorti l-ammont li sadanittant sar dovut. Fil-fatt, dawn il-miżuri huma ta’ natura aċċessorja u indispensabbli għall-kompitu ewlieni tan-nutar imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

    134

    Fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati fil-qasam tax-xoljiment tas-sħubija rreġistrata, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikoli 36/A sa 36/D tal-liġi dwar il-proċeduri notarili mhux kontenzjużi, in-nutar huwa kompetenti jxolji sħubija rreġistrata biss fil-każ fejn is-sieħba rreġistrati liberament ikunu għamlu t-talba flimkien, fejn l-ebda wieħed mis-sieħba rreġistrati ma jkollu wild li fir-rigward tiegħu s-sieħba huma flimkien responsabbli għall-manteniment u fejn is-sieħba rreġistrati jkunu ftehmu dwar il-kwistjonijiet relatati mal-obbligu ta’ manteniment aċċettat minn wieħed favur l-ieħor, l-użu tal-abitazzjoni komuni u t-tqassim tal-patrimonju komuni tal-isħubija, filwaqt li każijiet oħra ta’ xoljiment ta’ sħubija rreġistrata jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti.

    135

    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kompetenza tan-nutar fil-qasam tax-xoljiment tas-sħubija rreġistrata, li tistrieħ esklużivament fuq ir-rieda tal-partijiet u tħalli intatti l-prerogattivi tal-qorti fl-assenza ta’ ftehim bejniethom, ma tinvolvi l-ebda parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Latvja, C-151/14, EU:C:2015:577, punti 68 sa 70).

    136

    Fir-rigward tal-iskrizzjoni ta’ informazzjoni fir-reġistru tad-dikjarazzjonijiet ta’ sħubija kif ukoll fir-reġistru nazzjonali tal-kuntratti ta’ żwieġ u r-reġistru nazzjonali tal-kuntratti ta’ sħubija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-attivitajiet relatati mal-miżuri ta’ pubblikazzjoni ta’ atti ma jikkonsistux f’eżerċizzju dirett u speċifiku tal-awtorità pubblika min-nutar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-51/08, EU:C:2011:336, punt 113).

    137

    Fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suċċessjoni f’każ ta’ mewt ta’ persuni fiżiċi jew f’każ ta’ xoljiment ta’ persuni ġuridiċi li jkunu għamlu dikjarazzjonijiet fir-reġistru ta’ garanziji tal-proprjetà, tal-konservazzjoni ta’ atti u ta’ flus kontanti, ta’ oġġetti ta’ valur u titoli negozjabbli, għandu jiġi kkonstatat li l-Ungerija ma tressaq l-ebda argument sabiex speċifikament turi li tali attivitajiet jinvolvu l-parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE.

    138

    Barra minn hekk, l-Ungerija tirrikonoxxi, hija stess, li l-attività ta’ konservazzjoni ta’ atti fl-arkivji elettroniċi ma hijiex parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    139

    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-istatus speċifiku tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Ungeriż, huwa suffiċjenti li jitfakkar li huwa b’riferiment għan-natura tal-attivitajiet inkwistjoni, ikkunsidrati waħedhom, u mhux b’riferiment għal dan l-istatus bħala tali, li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk dawn l-attivitajiet jaqgħux taħt id-deroga prevista mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794, punt 84).

    140

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-attivitajiet notarili, kif iddefiniti fl-ordinament ġuridiku Ungeriż fl-istat tiegħu fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fit-tieni opinjoni motivata komplementari, ma jinvolvux parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE.

    141

    Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ nazzjonalità meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ungeriża għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar tikkostitwixxi diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità pprojbita mill-Artikolu 49 TFUE.

    142

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.

    143

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi imponiet kundizzjoni ta’ nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 TFUE.

    Fuq l-ispejjeż

    144

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

    145

    Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Repubblika Ċeka għandha, konsegwentement, tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi, l-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi imponiet kundizzjoni ta’ nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 TFUE.

     

    2)

    L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    3)

    Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top