Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0294

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2016.
    Edyta Mikołajczyk vs Marie Louise Czarnecka u Stefan Czarnecki.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 1(1)(a) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata minn terz wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi – Artikolu 3(1) – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza tal-‘applikant’ – Portata.
    Kawża C-294/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:772

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    13 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 1(1)(a) — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata minn terz wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi — Artikolu 3(1) — Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza tal-‘applikant’ — Portata”

    Fil-Kawża C‑294/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja, Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

    Edyta Mikołajczyk

    vs

    Marie Louise Czarnecka,

    Stefan Czarnecki,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Pucciariello, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Mejju 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) u tal-ħames u fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Edyta Mikołajczyk u Stefan Czarnecki, li miet, irrappreżentat fil-kawża prinċipali minn kuratur, u Marie Louise Czarnecka, li tirrigwarda talba għall-annullament taż-żwieġ konkluż bejn dawn tal-aħħar.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 1 u 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma redatti kif ġej:

    “(1)

    il-Komunitajiet Ewropej iffissaw l-oġġettiv li joħolqu żona ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa assigurat. Għal din il-għan, il-Komunità għandha taddotta, fost affarijiet oħra, miżuri fl-oqsma ta’ koperazzjoni ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili li huma neċessarji għat-tħaddim kif suppost tas-suq intern.

    [...]

    (8)

    Fir-rigward ta’ sentenzi dwar divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg, dan ir-Regolament għandu japplika biss għax-xoljiment tar-rabtiet matrimonjali u m’għandux jittratta ma’ kwistjonijiet bħal raġunijiet għal divorzju, il-proprjetà bħala konsegwenza taż-żwieg jew kwalsiasi miżuri oħra anċillari.”

    4

    Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

    a)

    id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

    [...]

    3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

    (a)

    l-istabbiliment jew kontestazzjoni ta’ relazzjonijiet bejn minuri u ġenituri;

    (b)

    id-deċizjonijiet dwar l-adozzjoni, il-miżuri preparatorji għall-adozzjoni, jew l-annullament jew ir-revoka ta’ l-adozzjoni;

    (ċ)

    l-isem u l-ewwel ismijiet ta’ l-minuri;

    (d)

    l-emanċipazzjoni;

    (e)

    l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment;

    (f)

    il-fondi fiduċjarji jew ta’ suċċessjoni;

    (ġ)

    il-miżuri meħuda bħala rizultat ta’ xi reati kriminali magħmula mill-minuri.”

    5

    L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru:

    (a)

    f’liema territorju:

    il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

    il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

    il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

    fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

    L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma’ saret l-applikazzjoni, jew

    L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha “id-domiċilju” hemmhekk;

    […]”

    6

    L-Artikolu 17 ta’ dan l-istess Regolament intitolat : “L-Eżaminazzjoni nkwantu għall-ġurisdizzjoni”, jipprovdi :

    “Fejn qorti ta’ Stat Membru għandha l-pussess dwar każ li m’għandiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddikjara b’mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”

    Id-dritt Pollakk

    7

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 13(1) tal-kodeks rodzinny i opiekuńczy (liġi tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-kodiċi tal-familja u tat-tutela) (Dz. U. no 9, pożizzjoni 59, kif emendata), persuna li tkun għadha marbuta fi żwieġ preċedenti hija pprojbita milli tiżżewweġ.

    8

    L-Artikolu 13(2) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li jista’ jintalab l-annullament taż-żwieġ minn kull persuna li jkollha interess ġuridiku minħabba li wieħed mill-konjuġi jkun għadu marbut bi żwieġ iċċelebrat preċedentement.

    9

    Skont l-Artikolu 13(3) tal-istess kodiċi, żwieġ ma jistax jiġi annullat minħabba li wieħed mill-konjuġi jkun għadu marbut bi żwieġ iċċelebrat preċedentement meta din ir-rabta konjugali preċedenti tkun ġiet xolta jew annullata, dment li x-xoljiment ma jkunx irriżulta minn mewt tal-persuna li tkun reġgħet iżżewġet meta kienet għadha marbuta bi żwieġ iċċelebrat preċedentement.

    10

    Skont l-Artikolu 1099 tal-kodeks postępowania cywilnego (liġi tas-17 ta’ Novembru 1964 dwar il-kodiċi tal-proċedura ċivili) (Dz. U. no 43, pożizzjoni 296, kif emendata), il-qorti adita għandha teżamina ex officio, f’kull stadju tal-proċedura, il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali u tiddikjara t-talba inammissibbli f’każ ta’ tali nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. In-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali jikkostitwixxi kawża għal nullità tal-proċedura.

    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11

    Fl-20 ta’ Novembru 2012, Edyta Mikołajczyk fteħet kawża quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (qorti reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) għall-annullament taż-żwieġ ta’ Stefan Czarnecki u Marie Louise Czarnecka, née Cuenin, iċċelebrat fl-4 ta’ Lulju 1956 f’Pariġi (Franza). F’din il-kawża hija indikat li hija l-eredi testamentarju ta’ Zdzisława Czarnecka, l-ewwel mara ta’ S. Czarnecki, li mietet fil-15 ta’ Ġunju 1999.

    12

    Skont E. Mikołajczyk, iż-żwieġ ta’ S. Czarnecki u ta’ Zdzisława Czarnecka, iċċelebrat fit-13 ta’ Lulju 1937 f’Poznań (Il-Polonja), kien għadu jeżisti fil-mument li fih ġie ċċelebrat iż-żwieġ bejn S. Czarnecki u Marie Louise Czarnecka, b’tali mod li dan l-aħħar imsemmi żwieġ kien jikkostitwixxi relazzjoni ta’ bigamija u kellu, konsegwentement, jiġi annullat.

    13

    Min-naħa tagħha, Marie Louise Czarnecka talbet l-inammissibbiltà tal-kawża għall-annullament taż-żwieġ minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki. Fl-opinjoni tagħha, din il-kawża kellha tiġi ppreżentata, skont it-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, jew quddiem qorti tal-Istat Membru tal-aħħar residenza abitwali tal-konjuġi, sa fejn wieħed minnhom għandu jgħix fih, jew inkella quddiem qorti tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-konvenuta, jiġifieri, fiż-żewġ każijiet, quddiem qorti Franċiża. Il-kuratur li jirrappreżenta lil S. Czarnecki fil-kawża prinċipali, peress li dan tal-aħħar miet fit-3 ta’ Marzu 1971 fi Franza, ikkondivida t-talbiet ta’ Marie Louise Czarnecka.

    14

    Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Settembru 2013, li sar definittiv fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-partijiet, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (qorti reġjonali ta’ Varsavja) ċaħdet din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, billi qieset, abbażi tal-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża għall-annullament taż-żwieġ.

    15

    Fuq il-mertu, din il-qorti, permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, ċaħdet l-imsemmija kawża bħala infondata, peress li l-attriċi ma kinitx ipprovat li l-ewwel żwieġ ta’ S. Czarnecki kien għadu jeżisti fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ bejn dan tal-aħħar u Marie Louise Czarnecki u l-fatti kif stabbiliti mill-imsemmija qorti kienu għall-kuntrarju jippermettu li jiġi kkonstatat ix-xoljiment ta’ dan l-ewwel żwieġ permezz ta’ divorzju tad-29 ta’ Mejju 1940.

    16

    E. Mikołajczyk appellat minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja), il-qorti tar-rinviju.

    17

    Din il-qorti tikkunsidra li hija obbligata, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 1099 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, li teżamina ex officio il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, minkejja ċ-ċirkustanza li l-qorti tal-ewwel istanza diġà ttrattat din il-materja.

    18

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tesprimi dubbji dwar l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, u tixtieq li tikseb kjarifiki dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament. B’hekk hija tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi taqax taħt l-imsemmi regolament. F’dan il-kuntest, hija tosserva li dan tal-aħħar ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209), li l-kontenut tiegħu kien fil-maġġor parti tiegħu jirriproduċi l-kontenut tal-konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam matrimonjali, stabbilta permezz ta’ att tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 1998 (ĠU C 221, p. 2). Issa, fir-rapport ta’ spjegazzjoni marbut ma’ din il-konvenzjoni, żviluppat minn Alegria Borrás u approvat mill-Kunsill (ĠU C 221, p. 27), kien ġie speċifikat li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, il-proċeduri li jikkonċernaw l-eżami tal-validità ta’ żwieġ abbażi ta’ talba għal annullament mressqa wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi.

    19

    Dejjem fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 u f’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, din il-qorti tistaqsi, fit-tieni lok, jekk kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata minn persuna li ma tkunx waħda mill-konjuġi stess taqax taħt dan ir-regolament.

    20

    F’każ ta’ li tingħata risposta posittiva għal din it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb speċifikazzjonijiet marbuta mal-kwistjoni dwar jekk il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata minn terz tistax tkun ibbażata fuq il-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti fil-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, b’tali mod li l-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali ta’ dan it-terz ikunu jistgħu jiddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni, anki fil-karenza ta’ rabta bejn il-qorti adita u l-post ta’ residenza abitwali tal-konjuġi jew ta’ wieħed minnhom.

    21

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Proċeduri għall-annullament ta’ żwieġ wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament Nru 2201/2003]?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament [ċċitat iktar ’il fuq] huwa estiż għal proċeduri għall-annullament ta’ żwieġ mibdija minn persuna li ma hijiex wieħed mill-konjuġi?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, fi proċeduri għall-annullament ta’ żwieġ mibdija minn persuna li ma hijiex wieħed mill-konjuġi, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tista’ tkun ibbażata fuq il-bażijiet msemmija fil-ħames u fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament [Nru 2001/2003]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    22

    Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kawża għall-annullament taż-żwieġ ippreżentata minn terz wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjugi taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

    23

    Skont l-Artikolu 1(1)(a) tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 japplika, tkun xi tkun in-natura tal-qorti, fi kwistjonijiet ċivili dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali u l-annullament taż-żwieġ.

    24

    Bil-għan li jiġi ddeterminat jekk talba tidħolx jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, hemm lok li jiġi eżaminat l-għan ta’ din tal-aħħar (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2015, Gogova, C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija adita b’talba għall-annullament ta’ żwieġ iċċelebrat fl-4 ta’ Lulju 1956, f’Pariġi, bejn Marie Louise Czarnecka u S. Czarnecki, liema talba hija mmotivata mill-allegata eżistenza ta’ żwieġ iċċelebrat preċedentement bejn dan tal-aħħar u Zdzisława Czarnecka. B’hekk din il-kawża għandha prinċipalment bħala l-għan tagħha “l-annullament taż-żwieġ” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003.

    25

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta li tali kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament peress li ġiet ippreżentata minn terz wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi.

    26

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet fil-mira tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, van Buggenhout u van de Mierop, C‑251/12, EU:C:2013:566, punt 26, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2015, Litaksa, C‑556/13, EU:C:2015:202, punt 23).

    27

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, hemm lok li jiġi osservat li din id-dispożizzjoni ssemmi, fost il-materji li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, l-annullament taż-żwieġ, mingħajr ebda distinzjoni inkonnessjoni mad-data tal-preżentata ta’ tali kawża, mal-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi jew mal-identità tal-persuna li jkollha d-dritt li titlob lil qorti tieħu konjizzjoni ta’ tali kawża. Għaldaqstant, jekk jittieħed kont biss tal-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata minn terz wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi tidher li għandha tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

    28

    Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, hija kkorroborata mill-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni.

    29

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jenumera b’mod limitattiv il-materji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u fosthom hemm inklużi, b’mod partikolari, l-obbligi alimentari kif ukoll it-trusts u s-suċċessjonijiet. Għall-istess fini, il-premessa 8 tal-imsemmi regolament tispeċifika li dan tal-aħħar għandu japplika biss għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali u ma għandux jikkonċerna kwistjonijiet bħall-effetti patrimonjali taż-żwieġ.

    30

    Issa, kawża għall-annullament taż-żwieġ ippreżentata minn terz wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi hija hijiex ikluża fost il-materji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, enumerati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan tal-aħħar.

    31

    Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li, skont il-qorti tar-rinviju, l-interess ġuridiku ta’ E. Mikołajczyk huwa, fil-kawża priniċpali, marbut mal-kwalità tagħha ta’ eredi testementarja ta’ Zdzisława Czarnecka, din il-qorti tispeċifika li din il-kawża tirrigwarda biss il-kwistjoni tal-annullament taż-żwieġ iċċelebrat bejn Marie Louise Czarnecka u S. Czarnecki u għaldaqstant ma tistax taqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(3)(f) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jikkonċerna t-trusts u s-suċċessjonijiet.

    32

    Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, li kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata minn terz wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi taqa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament hija kkonfermata wkoll mill-għan segwit minn dan tal-aħħar.

    33

    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 jikkontribwixxi sabiex tinħoloq żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fiha jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Għal dan l-għan, fil-Kapitoli II u III, dan ir-regolament jistabbilixxi b’mod partikolari regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni kif ukoll ir-rikoroxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, liema regoli huma intiżi sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi, C‑168/08, EU:C:2009:474, punti 4748).

    34

    Issa l-esklużjoni ta’ kawża bħal dik prinċipali mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament Nru 2201/2003 tkun tippreġudika l-osservanza tal-imsemmi għan, sa fejn din l-esklużjoni hija ta’ natura li żżid l-inċertezza legali marbuta mal-assenza ta’ kuntest regolatorju uniformi fil-qasam, u dan iktar u iktar meta r-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107), la jkoprix il-kwistjonijiet marbuta mal-istat tal-persuni fiżiċi u lanqas ir-relazzjonijiet tal-familja.

    35

    Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-kawża prinċipali għal annullament tikkonċerna żwieġ li diġà ġie xolt bil-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi ma jimplikax li din il-kawża ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li persuna jista’ jkollha interess li tikseb l-annullament ta’ żwieġ, anki wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi.

    36

    Għalkemm tali interess għandu jiġi evalwat fil-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, għall-kuntrarju ma teżisti l-ebda raġuni sabiex terz li jkun ippreżenta kawża għall-annullament ta’ żwieġ wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi jiġi mċaħħad mill-benefiċċju tar-regoli uniformi ta’ kunflitt previsti fir-Regolament Nru 2201/2003.

    37

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari li l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata minn terz wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

    Fuq it-tielet domanda

    38

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li ma tkunx waħda mill-konjuġi li tippreżenta kawża għall-annullament ta’ żwieġ tista’ tipprevalixxi ruħha mill-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

    39

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, sa fejn, f’każ ta’ risposta affermattiva, qorti li ma jkollha l-ebda rabta mal-post ta’ residenza abitwali tal-konjuġi jew ta’ wieħed mill-konjuġi tista’ tieħu konjizzjoni ta’ kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata minn terz.

    40

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi l-kriterji ġenerali tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju, tas-separazzjoni tal-assi u tal-annullament taż-żwieġ. Dawn il-kriterji oġġettivi, mhux kumulattivi u esklużivi jaqdu n-neċessità ta’ leġiżlazzjoni adattata għall-bżonnijiet speċifiċi tal-kunflitti fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali.

    41

    Għalkemm l-ewwel u r-raba’ inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2201/2003 jagħmel riferiment espliċitu għall-kriterji tar-residenza abitwali tal-konjuġi u dik tal-konvenut, il-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) kif ukoll is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament jawtorizzaw l-applikazzjoni tar-regola tal-ġurisdizzjoni tal-forum actoris.

    42

    Fil-fatt, dawn l-aħħar imsemmija dispożizzjonijiet jirrikonoxxu, taħt ċertu kundizzjonijiet, fir-rigward tal-qrati tal-Istati Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab ir-residenza abitwali tal-persuna li tressaq it-talba, il-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali. B’hekk, il-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirrikonoxxi tali ġurisdizzjoni jekk il-persuna li tressaq it-talba tkun irrisjediet f’dan l-Istat Membru għal tal-inqas sena immedjatament qabel ma tkun ressqet it-talba, filwaqt li s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament ukoll jipprevedi tali ġurisdizzjoni jekk il-persuna li tressaq it-talba tkun irrisjediet f’dan l-Istat Membru għal tal-inqas sitt xhur qabel ma tkun ressqet it-talba u jekk tkun ċittadin tal-Istat Membru inkwistjoni jew, f’ċerti każijiet, jekk ikollha fih id-domiċilju tagħha.

    43

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-kunċett ta’ “applikant”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, bil-għan li jiġi stabbilit jekk dan il-kunċett huwiex limitat għall-konjuġi jew jekk jinkludix ukoll terzi.

    44

    Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 34, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi, C‑168/08, EU:C:2009:474, punt 38).

    45

    Peress li l-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jinkludu l-ebda rinviju espress lejn id-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ “applikant”, din id-determinazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tal-għan ta’ dan ir-regolament.

    46

    Fir-rigward tal-kuntest li jaqgħu fih il-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li peress li dan l-artikolu jipprovdi għal diversi kapijiet ta’ ġurisdizzjoni, li fosthom ma hemm stabbilita l-ebda ġerarkija, il-kriterji oġġettivi stabbiliti fl-imsemmi artikolu huma alternattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi, C‑168/08, EU:C:2009:474, punt 48).

    47

    Minn dan jirriżulta li s-sistema tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 2201/2003 dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali ma hijiex intiża sabiex teskludi diversi qrati. Għall-kuntrarju, il-koeżistenza ta’ diversi qrati li għandhom ġurisdizzjoni, mingħajr ma hemm stabbilita ebda ġerarikija bejniethom, hija prevista espressament (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi, C‑168/08, EU:C:2009:474, punt 49).

    48

    Fir-rigward tal-kriterji enumerati fl-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn huma bbażati minn diversi lati fuq ir-residenza abitwali tal-konjuġi (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi, C‑168/08, EU:C:2009:474, punt 50).

    49

    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, inklużi dawk previsti fil-ħames u s-sitt inċiż tal-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, huma maħsuba sabiex jipproteġu l-interessi tal-konjuġi.

    50

    Tali interpretazzjoni tirrispekkja wkoll il-finalità segwita minn dan ir-regolament, sa fejn din stabbilixxiet regoli ta’ kunflitt flessibbli bil-għan li tittieħed inkunsiderazzjoni l-mobbiltà tal-persuni u li jiġu protetti wkoll id-drittijiet tal-konjuġu li jkun telaq mill-pajjiż ta’ residenza abitwali komuni filwaqt li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Sundelind Lopez, C‑68/07, EU:C:2007:740, punt 26).

    51

    Minn dan isegwi li, jekk kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata minn terz tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, dan it-terz għandu jibqa’ marbut bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ddefiniti għall-benefiċċju tal-konjuġi. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ma ċċaħħadx lill-imsemmija terzi minn aċċess għal qorti, sa fejn dan tal-aħħar jista’ jipprevalixxi ruħu minn kapijiet oħra ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament.

    52

    Minħabba dan, il-kunċett ta’ “applikant” fis-sens tal-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jinkludi lil ħadd iktar ħlief lill-konjuġi.

    53

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari li l-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li ma tkunx waħda mill-konjuġi li tippreżenta kawża għall-annullament ta’ żwieġ ma tistax tipprevalixxi ruħha mill-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet.

    Fuq l-ispejjeż

    54

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża għall-annullament ta’ żwieġ ippreżentata minn terz wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

     

    2)

    Il-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li ma tkunx waħda mill-konjuġi li tippreżenta kawża għall-annullament ta’ żwieġ ma tistax tipprevalixxi ruħha mill-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top