Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0258

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Novembru 2016.
    Gorka Salaberria Sorondo vs Academia Vasca de Policía y Emergencias.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2) u Artikolu 4(1) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Limitazzjoni tar-reklutaġġ tal-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask għall-kandidati li ma laħqux l-età ta’ 35 sena – Kunċett ta’ ‘ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]’ – Għan imfittex – Proporzjonalità.
    Kawża C-258/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:873

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    15 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78/KE — Artikolu 2(2) u Artikolu 4(1) — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Limitazzjoni tar-reklutaġġ tal-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask għall-kandidati li ma laħqux l-età ta’ 35 sena — Kunċett ta’ ‘ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]’ — Għan imfittex — Proporzjonalità”

    Fil-Kawża C‑258/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

    Gorka Salaberria Sorondo

    vs

    Academia Vasca de Policía y Emergencias,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), E. Juhász, M. Berger u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, C. Toader, D. Šváby, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2016,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal G. Salaberria Sorondo, minn I. Jiménez Echevarría, Procuradora, kif ukoll minn J. C. Pérez Cuesta, F. J. González Madariaga u A. Martínez Gutierrez, avukati,

    għall-Academia Vasca de Policía y Emergencias, minn J. L. Iparragirre Mujika u A. Saiz Garitaonandia, avukati,

    għall-Gvern Spanjol, minn J. García-Valdecasas Dorrego u V. Ester Casas, kif ukoll minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn E. Creedon u L. Williams, kif ukoll minn T. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. M. De Socio u de E. De Bonis, avvocati dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u D. Martin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Lulju 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2), tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Salaberria Sorondo u l-Academia Vasca de Policía y Emergencias (l-akkademja tal-pulizija u tas-servizzi ta’ emerġenza tal-Pajjiż Bask, Spanja, iktar ’il quddiem l-“akkademja”) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tippubblika avviż ta’ kompetizzjoni li jirrikjedi li l-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ma jkunux laħqu l-età ta’ 35 sena.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 18, 23 u 25 tad-Direttiva 2000/78 jiddikjaraw:

    “(18)

    Din id-Direttiva ma teħtieġx, b’mod partikolari, illi l-forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward ta’ l-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi.

    […]

    (23)

    F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ […] età […] tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. […]

    […]

    (25)

    Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

    4

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, din għandha l-iskop li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    5

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

    (a)

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

    […]”

    6

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

    (a)

    il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

    […]”

    7

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol [Rekwiżiti professjonali]”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti], sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

    8

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprevedi b’mod partikolari:

    “1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

    Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

    […]

    (ċ)

    l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

    […]”

    Id-dritt Spanjol

    9

    Il-Ley Orgánica 2/1986 de Fuerzas y Cuerpus de Seguridad (Liġi Organika 2/1986 dwar il-forzi u l-korpi tas-sigurtà), tat‑13 ta’ Marzu 1986 (BOE Nru 63, tal‑14 ta’ Marzu 1986) tiddefinixxi l-funzjonijiet fdati lill-forzi u lill-korpi tas-sigurtà tal-Istat, lill-korpi tal-pulizija tal-komunitajiet awtonomi kif ukoll lill-korpi tal-pulizija lokali.

    10

    F’dak li jirrigwarda l-korpi tal-pulizija tal-komunitajiet awtonomi, l-Artikolu 38(1) sa (3) ta’ din il-liġi jipprevedi l-funzjonijiet li ġejjin:

    “1.   Il-kompetenzi speċifiċi tal-korpi tal-pulizija għandhom ikunu li:

    a)

    jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet u tal-ordnijiet individwali maħruġa mill-korpi tal-komunità awtonoma;

    b)

    jissorveljaw u jipproteġu lill-persuni, istituzzjonijiet, bini, stabbilimenti u beni tal-komunità awtonoma u tal-amministrazzjonijiet tagħha, billi jiggarantixxu l-funzjonament normali tal-installazzjonijiet u s-sigurtà tal-persuni li jużaw is-servizzi tagħhom;

    c)

    jispezzjonaw l-attivitajiet suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-komunità awtonoma, billi jirrapportaw kull attività illegali;

    d)

    jużaw il-forza għall-finijiet tal-eżekuzzjoni forzata tal-atti jew tad-dispożizzjonijiet meħuda mill-komunità awtonoma.

    2.   B’kollaborazzjoni mal-forzi u mal-korpi tas-sigurtà tal-Istat, huma għandhom:

    a)

    jiżguraw l-osservanza tal-liġijiet u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Istat u jiżguraw il-funzjonament tas-servizzi pubbliċi essenzjali;

    b)

    jipparteċipaw fil-funzjonijiet tal-pulizija ġudizzjarja skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 29(2) ta’ din il-liġi;

    c)

    jissorveljaw l-ispazji pubbliċi, jipproteġu l-manifestazzjonijiet u jżommu l-ordni waqt laqgħat kbar.

    L-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni jaqa’ b’mod prijoritarju fuq il-korpi tal-pulizija tal-komunitajiet awtonomi, bla ħsara għall-intervent tal-forzi u tal-korpi ta’ sigurtà tal-Istat meta, jew fuq talba tal-awtoritajiet tal-komunità awtonoma jew fuq l-inizjattiva tagħhom stess, l-awtoritajiet tal-Istat kompetenti jqisu li dan huwa meħtieġ.

    3.   Fil-kuntest ta’ intervent simultanju u mingħajr distinzjoni mal-forzi u mal-korpi tas-sigurtà tal-Istat, huma għandhom:

    a)

    jikkooperaw għar-riżoluzzjoni bonarja tal-kunflitti privati meta mitluba;

    b)

    jagħtu assistenza fil-każ ta’ inċident, katastrofi jew diżastru pubbliku, billi jipparteċipaw, skont il-modalitajiet legali, fl-eżekuzzjoni ta’ programmi ta’ protezzjoni ċivili;

    c)

    jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet intiżi għall-preżervazzjoni tan-natura u tal-ambjent, tar-riżorsi tal-ilma, kif ukoll għal dik tar-rikkezza tal-annimali tal-kaċċa, tal-ħut u tas-siġar jew affarijiet oħrajn b’rabta man-natura.”

    11

    L-Artikolu 53 tal-Liġi Organika 2/1986, li jistabbilixxi l-funzjonijiet tal-korpi tal-pulizija lokali, jipprovdi:

    “1.   Il-korpi tal-pulizija lokali jeżerċitaw il-funzjonijiet li ġejjin:

    a)

    jipproteġu l-awtoritajiet tal-kollettivitajiet lokali u jiżguraw is-sorveljanza jew il-kustodja tal-bini u l-installazzjonijiet tagħhom;

    b)

    jirregolaw u jidderiġu t-traffiku fiċ-ċentru tal-belt u jagħmlu s-sinjali, konformement mar-regoli tat-traffiku;

    c)

    jistabbilixxu l-fatti tal-inċidenti tas-sewqan li jseħħu fiċ-ċentru tal-belt;

    d)

    jeżerċitaw funzjonijiet ta’ pulizija amministrattiva, fir-rigward tad-digrieti, l-istruzzjonijiet u d-dispożizzjonijiet muniċipali oħra li jaqgħu fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom;

    e)

    jipparteċipaw fil-funzjonijiet ta’ pulizija ġudizzjarja […]

    f)

    jgħinu fil-każ ta’ inċident, ta’ katastrofi jew ta’ diżastru pubbliku, billi jipparteċipaw, kif previst fil-liġi, fl-eżekuzzjoni tal-pjanijiet ta’ protezzjoni ċivili;

    g)

    jieħdu azzjoni ta’ prevenzjoni u kull azzjoni oħra biex jipprekludu t-twettiq ta’ atti kriminali […]

    h)

    jissorveljaw l-ispazji pubbliċi u jikkollaboraw, meta mitluba, mal-forzi u l-korpi ta’ sigurtà tal-Istat u mal-pulizija tal-komunitajiet awtonomi għall-protezzjoni ta’ manifestazzjonijiet u għaż-żamma tal-ordni matul dimostrazzjonijiet kbar;

    i)

    jikkooperaw, meta mitluba, biex jiġu riżolti kunflitti privati.”

    12

    Fir-rigward tal-ammissjoni fil-korp nazzjonali tal-pulizija, l-Artikolu 7(b) tar-Real Decreto 614/1995 por el que se aprueba el Reglamento de los Procesos selectivos y de formación del Cuerpo Nacional de Policía (Digriet Irjali 614/1995 li japprova r-regolament dwar il-proċeduri ta’ selezzjoni u ta’ taħriġ fil-korpi nazzjonali tal-pulizija), tal‑21 ta’ April 1995 (BOE Nru 118, tat‑18 ta’ Mejju 1995), jipprevedi li l-kandidati għandu jkollhom bejn it‑18 u l‑35 sena.

    13

    L-Artikolu 26(1) tal-Ley 4/1992 de Policía del País Vasco (Liġi 4/1992 dwar il-pulizija tal-Pajjiż Bask), tas‑17 ta’ Lulju 1992 (Boletin Oficial del Pais Vasco Nru 155, tal‑11 ta’ Awwissu 1992) jipprovdi:

    “Fil-kuntest tal-kompetenzi eżerċitati mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, l-Ertzaintza [pulizija awtonoma Baska] għandha l-funzjoni essenzjali li tipproteġi l-persuni u l-proprjetà, li tiżgura l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħhom u li tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Komunità Awtonoma. Għal dan il-għan, hija twettaq il-funzjonijiet li l-ordinament ġuridiku jagħti lill-korpi tas-sigurtà tal-Istat”.

    14

    It-tmien dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 4/1992 tagħti lill-Gvern Bask il-kompetenza sabiex jiddetermina, “permezz ta’ regolament, il-kuntest tal-esklużjonijiet mediċi għall-finijiet tal-aċċess għall-gradi u għall-kategoriji tal-korpi li jikkomponu l-pulizija tal-Pajjiż Bask, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ età u ta’ tul meħtieġa”.

    15

    L-Artikolu 4(b) tad-Decreto 315/1994 por el que se aprueba el reglamento de selección y formación de la policía del País Vasco (Digriet 315/1994 li japprova r-regolament ta’ selezzjoni u ta’ taħriġ tal-pulizija tal-Pajjiż Bask), tad‑19 ta’ Lulju 1994 (Boletin Oficial del Pais Vasco Nru 157, tad‑19 ta’ Awwissu 1994), kif emendat bid-Decreto 120/2010 (Digriet 120/2010), tal‑20 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem id-“Digriet 315/1994”), jistabbilixxi l-kundizzjoni ta’ età li ġejja:

    “Wieħed għandu jkollu mill-inqas 18‑il sena u ma jkunx laħaq l-età ta’ 35 sena sabiex jiġi rreklutat fil-kategorija ta’ uffiċjal. Madankollu, sabiex wieħed jaċċedi għall-korpi tal-pulizija lokali, il-limitu ta’ età massima jista’ jiġu rivedut fid-dawl tas-servizzi mwettqa fi ħdan l-amministrazzjoni lokali, fil-korpi tal-pulizija lokali.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    16

    G. Salaberria Sorondo ppreżenta rikors quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, Spanja) kontra d-deċiżjoni tal‑1 ta’ April 2014 tad-Directora General de la Academia Vasca de Policía y Emergencias (direttur ġenerali tal-akkademja tal-pulizija u tas-servizzi ta’ emerġenza tal-Pajjiż Bask, Spanja) li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi previsti minn avviż ta’ kompetizzjoni intiż għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask (Boletin Oficial del Pais Vasco Nru 82, tal‑1 ta’ April 2014).

    17

    G. Salaberria Sorondo tikkontesta l-legalità tal-punt 1(c) tal-parti 2 ta’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni, li jeżiġi li l-kandidati ma għandhomx ikunu laħqu l-età ta’ 35 sena sabiex jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni. Il-persuna kkonċernata, li għandha iktar minn 35 sena, targumenta li dan ir-rekwiżit jikser id-Direttiva 2000/78 u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari hija targumenta li l-limitu ta’ età impost huwa nieqes minn kull ġustifikazzjoni, sa fejn jirrestrinġi d-dritt ta’ aċċess għall-funzjonijiet pubbliċi mingħajr motiv raġonevoli.

    18

    Il-qorti tar-rinviju tfakkar li hija diġà ddeċidiet li l-limitu ta’ età massima ta’ 32 sena għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask kien konformi mar-rekwiżiti ta’ proporzjonalità li jirriżultaw kemm mill-Kostituzzjoni u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll mid-Direttiva 2000/78. Dik il-qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, fis-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ma kienx jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-età massima ta’ 30 sena għar-reklutaġġ fil-kuntest tal-impjieg fis-servizz tekniku intermedju ta’ pumpiera.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment ukoll għas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 kienu jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tistabbilixxi l-età massima ta’ 30 sena għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-pulizija lokali.

    20

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, madankollu, li l-funzjonijiet irriżervati mill-ordinament ġuridiku Spanjol għall-uffiċjali tal-pulizija lokali huma differenti minn dawk li huma assenjati lill-membri tal-forzi u tal-korpi ta’ sigurtà tal-Istat. Dawn il-funzjonijiet tal-aħħar jikkorrispondu għal dawk li huma attribwiti lil pulizija “vera u proprja”, li għandha tiżgura l-ordni pubblika u s-sigurtà taċ-ċittadini fl-aspetti kollha tagħha. Peress li l-funzjonijiet tal-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ma jikkorrispondux għal dawk attribwiti lill-korpi tal-pulizija lokali, iżda jestendu għal dawk tal-forzi u tal-korpi ta’ sigurtà, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371) ma hijiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-livell għoli tal-eżiġenzi inerenti fil-funzjonijiet attribwiti lill-forzi u lill-korpi ta’ sigurtà tal-Istat, l-iffissar ta’ 35 sena bħala l-limitu ta’ età massima għall-aċċess għal korp ta’ pulizija li jeżerċita l-funzjonijiet kollha relatati maż-żamma tal-ordni pubbliku u mas-sigurtà pubblika, jista’ jitqies bħala proporzjonat u raġonevoli, u, konsegwentement, konformi mal-Artikolu 2(2), mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-iffissar tal-limitu massimu ta’ età għal 35 sena bħala rekwiżit għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni ta’ membru fil-korp tal-pulizija awtonoma Baska huwa konformi mal-interpretazzjoni [tal-Artikolu] 2(2), [tal-Artikolu] 4(1) u [tal-Artikolu] 6(1)(ċ) tad-Direttiva […] 2000/78 […]?”

    Fuq id-domanda preliminari

    23

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 6(1)(ċ) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjali ta’ korp ta’ pulizija ma għandhomx ikunu għalqu l-età ta’ 35 sena.

    24

    L-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

    25

    F’dan ir-rigward, billi jipprevedi li l-persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 35 sena ma jistgħux jaċċedu għall-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, l-Artikolu 4(b) tad-Digriet 315/1994 jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ dawn il-ħaddiema. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni ta’ din in-natura għandha titqies li tistabbilixxi regoli fil-qasam ta’ aċċess għall-impjieg fis-settur pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 30).

    26

    Minn dan isegwi li sitwazzjoni bħal dik li wasslet għall-kawża li l-qorti tar-rinviju hija adita biha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

    27

    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, l-iskop tagħha huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi b’mod partikolari ta’ età f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bl-iskop li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    28

    Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, “’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tagħha, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

    29

    F’dan il-każ, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(b) tad-Digriet 315/1994 għandha l-effett li tagħti lil ċerti persuni trattament inqas favorevoli minn dak li jibbenefikaw minnu persuni oħrajn f’sitwazzjonijiet paragunabbli, għar-raġuni biss li huma jkunu laħqu l‑35 sena.

    30

    Din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi, għaldaqstant, differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 33).

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, fl-aħħar nett, jiġi eżaminat jekk, madankollu, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni, skont l-Artikolu 4(1) jew l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

    32

    B’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li “differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 [ta’ din id-direttiva] m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti], sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

    33

    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li ma huwiex il-motiv li fuqu hija bbażata d-differenza fit-trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ dan il-motiv li għandu jikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinati (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Issa, li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi partikolari hija karatteristika marbuta mal-età u l-funzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-persuni u tal-proprjetà, l-arrest u s-sorveljanza ta’ awturi tal-fatti kriminali kif ukoll ir-ronda għal skop preventiv jistgħu jeżiġu l-użu tal-forza fiżika (sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2010, Wolf, C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 41; tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 67, u tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punti 3739 u l–ġurisprudenza ċċitata).

    35

    In-natura ta’ dawn il-funzjonijiet timplika ħtieġa fiżika partikolari sa fejn in-nuqqasijiet fiżiċi waqt it-twettiq tal-imsemmija funzjonijiet jistgħu jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi mhux biss għall-uffiċjali tal-korp tal-pulizija stess u għal terzi, iżda wkoll għaż-żamma tal-ordni pubbliku (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 40).

    36

    Minn dan isegwi li l-fatt li wieħed ikollu l-kapaċitajiet fiżiċi partikolari sabiex ikun jista’ jissodisfa t-tliet funzjonijiet essenzjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask deskritti fl-Artikolu 26(1) tal-Liġi 4/1992, jiġifieri li jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni u tal-proprjetà, li jiżguraw l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ kulħadd u li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini, jista’ jitqies bħala rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-eżerċizzju tal-professjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    37

    Fir-rigward tal-għan segwit mid-Digriet 315/1994, l-Akkademja u l-Gvern Spanjol jargumentaw li, bl-iffissar tal-limitu ta’ età massima ta’ 35 sena għall-aċċess fil-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, l-imsemmi digriet huwa intiż li jiggarantixxi n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb ta’ dan il-korp tal-pulizija, billi jiżgura li l-uffiċjali li għadhom kemm ġew irreklutati jkunu f’pożizzjoni li jwettqu l-itqal inkarigi mill-perspettiva fiżika għal perijodu relattivament twil tal-karriera tagħhom.

    38

    F’dan ir-rigward, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, (C‑416/13, EU:C:2014:2371), wara li rrilevat li l-premessa 18 tad-Direttiva 2000/78 tispeċifika li din tal-aħħar ma teħtieġx li s-servizzi tal-pulizija jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg tagħhom persuni li ma jkollhomx il-kapaċitajiet rikjesti sabiex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jintalbu jwettqu fid-dawl tal-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interess li tiġi żgurata n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-pulizija jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

    39

    Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 57 tal-istess sentenza, li leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tiffissa għal 30 sena l-età massima ta’ reklutaġġ tal-uffiċjali tal-pulizija lokali tal-Ayuntamiento de Oviedo (komun ta’ Oviedo, Spanja) kienet timponi rekwiżit sproporzjonat, li jmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

    40

    Madankollu, il-funzjonijiet eżerċitati mill-forzi tal-pulizija tal-komunitajiet awtonomi huma distinti minn dawk imposti fuq il-pulizija lokali, li kienu inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, (C‑416/13, EU:C:2014:2371). Għaldaqstant, għandu jitfakkar li l-uffiċjali tal-pulizija lokali huma responsabbli, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 53 tal-Liġi Organika 2/1986, li jiżguraw il-protezzjoni tal-awtoritajiet tal-kollettivitajiet lokali u s-sorveljanza tal-bini tagħhom, li jirregolaw u li jidderieġu t-traffiku fiċ-ċentru tal-belt, li jagħmlu s-sinjali kif ukoll jeżerċitaw funzjonijiet ta’ pulizija amministrattiva. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 26(1) tal-Liġi 4/1992 jirriżulta li l-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask “għandha l-funzjoni essenzjali li tipproteġi l-persuni u l-proprjetà, li tiżgura l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħhom u li tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Komunità Awtonoma”.

    41

    Bħalma speċifikat l-Akkademja matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, uffiċjal tal-ewwel grad tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, grad li għalih ġiet organizzata l-kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqdix funzjonijiet amministrattivi, iżda jeżerċita essenzjalment funzjonijiet operattivi jew eżekuttivi, li, bħalma rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, jistgħu jinvolvu l-użu tal-forza fiżika kif ukoll it-twettiq ta’ funzjonijiet f’kundizzjonijiet diffiċli jew estremi. Għat-twettiq ta’ kompiti amministrattivi biss, il-membri tal-persunal huma, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Akkademja, irreklutati permezz ta’ kompetizzjonijiet speċifiċi, li ma jipprevedu ebda età massima.

    42

    Issa, l-Akkademja argumentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, bħalma jirriżulta mir-rapporti annessi mal-osservazzjonijiet mill-miktub tagħha, sa mill-età ta’ 40 sena l-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask isofru minn degradazzjoni operattiva, li tirriżulta fi tnaqqis tal-kapaċità ta’ rkupru wara sforz fit-tul u inkapaċità għall-eżerċizzju ta’ kwalunkwe kompitu ieħor li jirrikjedi l-istess livell ta’ eżiġenzi għal ċertu perijodu ta’ żmien. Barra minn hekk, skont l-istess rapporti, uffiċjal li għandu iktar minn 55 sena ma jistax jitqies iktar li għandu l-kapaċitajiet kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jeżerċita l-professjoni tiegħu b’mod adegwat, mingħajr riskji għalih u għal terzi.

    43

    Barra minn hekk, l-Akkademja speċifikat li l-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask igawdu minn tnaqqis legali tal-ħin tax-xogħol annwali, sa mill-età ta’ 56 sena, kif ukoll minn eżenzjoni ta’ xogħol billejl u ta’ funzjonijiet ta’ rondi ’l barra minn stabbilimenti tal-pulizija (“servizz attiv aġġustat”), u l-uffiċjal li jgawdi minn dan it-tip ta’ arranġament jintrabat, fuq bażi volontarja, li jirtira fl-età ta’ 60 sena jew, skont il-każ, ta’ 59 sena.

    44

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-data ppreżentata mill-Akkademja, il-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask kien, fl‑2009, jiġifieri eżatt qabel iż-żieda, fid-Digriet 315/1994, tal-limitu ta’ età inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kompost minn 8000 uffiċjal. F’dan il-perijodu, 59 minn dawn l-uffiċjali kellhom bejn 60 u 65 sena u 1399 kellhom bejn 50 u 59 sena. Hija żiedet li, skont xi previżjonijiet magħmula matul l‑2009, fl‑2018, 1135 uffiċjal kien se jkollhom bejn 60 u 65 sena, u 4660 uffiċjal, jiġifieri iktar minn nofs il-membri, kien se jkollhom bejn 50 u 59 sena. Fl‑2025, l-uffiċjali tal-korp tal-pulizija, għal iktar minn 50 % minnhom, kien se jkollhom bejn 55 u 65 sena. Din id-data għaldaqstant turi li l-imsemmi korp huwa milqut minn età li qiegħda dejjem tikber.

    45

    Fid-dawl tal-imsemmija data, l-Akkademja enfasizzat il-ħtieġa li ssir is-sostituzzjoni progressiva, permezz ta’ kompetizzjoni, tal-iktar uffiċjali anzjani b’reklutaġġi ta’ membri tal-persunal iżgħar, li jistgħu jassumu funzjonijiet eżiġenti fuq il-livell fiżiku. F’dan ir-rigward, din il-kawża hija distinta wkoll mill-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, (C‑416/13, EU:C:2014:2371), li fiha, bħalma jirriżulta mill-punt 56 tal-imsemmija sentenza, ma kienx ġie stabbilit li l-għan li tiġi ggarantita n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali kien jeħtieġ li tinżamm ċerta struttura ta’ etajiet fi ħdanu, li kienet timponi li jiġu rreklutati biss aġenti li għandhom inqas minn 30 sena.

    46

    Minn dawn l-elementi preċedenti kollha jirriżulta li l-funzjonijiet imposti fuq l-uffiċjali tal-ewwel grad tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jinkludu kompiti eżiġenti fuq il-livell fiżiku. L-Akkademja argumentat ukoll li l-età li jkollu uffiċjal tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask meta jiġi rreklutat tiddetermina ż-żmien li matulu dan ikun jista’ jwettaq tali kompiti. Uffiċjal irreklutat fl-età ta’ 34 sena, filwaqt li għandu, barra minn hekk, isegwi taħriġ ta’ madwar sentejn, jista’ jingħata dawn il-kompiti għal perijodu massimu ta’ 19‑il sena, jiġifieri sakemm jilħaq l-età ta’ 55 sena. F’dawn iċ-ċirkustanzi, reklutaġġ f’età iktar anzjana jippreġudika l-possibbiltà li numru biżżejjed ta’ uffiċjali jingħataw il-kompiti l-iktar eżiġenti fuq il-livell fiżiku. Bl-istess mod, tali reklutaġġ ma jippermettix li l-uffiċjali hekk irreklutati jiġu assenjati għal perijodu twil biżżejjed għall-imsemmija kompiti. Fl-aħħar nett, bħalma spjegat l-Akkademja, l-organizzazzjoni raġonevoli tal-korpi tal-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask teħtieġ li jiġi żgurat bilanċ bejn in-numru ta’ pożizzjonijiet eżiġenti fuq il-livell fiżiku, li ma humiex adattati għall-uffiċjali l-iktar anzjani, u n-numru ta’ pożizzjonijiet inqas eżiġenti fuq dan il-livell, li jistgħu jiġu ssodisfatti minn dawn l-uffiċjali tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2010, Wolf, C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 43).

    47

    Barra minn hekk, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-nuqqasijiet li jistgħu joħolqu preokkupazzjoni fil-funzjonament tas-servizzi tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jeskludu li, matul kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, l-organizzazzjoni ta’ provi fiżiċi eżiġenti u eliminatorji tista’ tikkostitwixxi miżura alternattiva inqas stretta. L-għan li jinżammu n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jeħtieġ, fil-fatt, li, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid struttura sodisfaċenti tal-etajiet, il-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari jitqies mhux b’mod statiku, fil-mument tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, iżda b’mod dinamiku, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz li ser ikun jista’ jwettaq l-uffiċjal wara li jkun ġie rreklutat.

    48

    Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ma għandhomx ikunu laħqu l-età ta’ 35 sena, tista’, suġġett għall-fatt li l-qorti tar-rinviju tiżgura ruħha li d-diversi indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-osservazzjonijiet magħmula u mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Akkademja u li ssemmew iktar ’il fuq huma tabilħaqq preċiżi, titqies, minn naħa, li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jinżammu n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizz tal-pulizija kkonċernat u, min-naħa l-oħra, li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq.

    49

    Peress li d-differenza fit-trattament minħabba l-età li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, ma hemmx il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk din tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

    50

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjali ta’ korp tal-pulizija li jwettqu l-funzjonijiet operattivi jew eżekuttivi kollha imposti fuqu, ma għandhomx ikunu laħqu l-età ta’ 35 sena.

    Fuq l-ispejjeż

    51

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjali ta’ korp tal-pulizija li jwettqu l-funzjonijiet operattivi jew eżekuttivi kollha imposti fuqu, ma għandhomx ikunu laħqu l-età ta’ 35 sena.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top