Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0244

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Tassazzjoni – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 63 TFUE – Artikolu 40 tal-Ftehim taż-ŻEE – Taxxa tas-suċċessjonijiet – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattivi għar-residenza prinċipali bil-kundizzjoni li l-werriet ikun jirresjedi b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni.
Kawża C-244/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:359

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

26 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Tassazzjoni — Moviment liberu tal-kapital — Artikolu 63 TFUE — Artikolu 40 tal-Ftehim taż-ŻEE — Taxxa tas-suċċessjonijiet — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattivi għar-residenza prinċipali bil-kundizzjoni li l-werriet ikun jirresjedi b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑244/15,

li bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2015,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u W. Roels, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent/i,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn M. Tassopoulou u V. Karrá, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn C. Toader, President ta’ Awla, A. Rosas u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li, billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi għal eżenżjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattiva għar-residenza prinċipali, li hija diskriminatorja peress li tapplika biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirresjedu fil-Greċja, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim taż-ŻEE”.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Grieg

2

L-Artikolu 26 A tal-kodiċi dwar it-taxxa tas-suċċessjoni, intitolat “Eżenzjoni tar-residenza prinċipali”, jipprovdi fil-punt 1 tiegħu li:

“Residenza jew art, akkwistati b’wirt mill-konjugu jew mill-wild ta’ decujus, f’sehem sħiħ jew indiviż, huma eżentati mit-taxxa tas-suċċessjoni dment li l-werriet jew il-legatarju jew il-konjugu tiegħu jew wieħed mill-ulied minuri ma jkollhomx id-dritt sħiħ għall-proprjetà jew id-dritt ta’ użufrutt jew ta’ abitazzjoni fuq residenza jew parti minn residenza li tkun suffiċjenti għall-bżonnijiet tal-alloġġ tal-familja tagħhom jew id-dritt sħiħ għall-proprjetà fuq art fabrikabbli jew fuq parti minn art li tikkorrispondi għas-superfiċji ta’ bini suffiċjenti għall-bżonnijiet tagħhom ta’ alloġġ u li jinsabu f’komun b’popolazzjoni ta’ iktar minn 3000 abitant. Il-bżonnijiet ta’ alloġġ huma kkunsidrati bħala koperti jekk is-superfiċji totali tal-beni immobbli msemmija iktar ’il fuq u ta’ beni immobbli oħra tas-suċċessjoni jirrappreżentaw 70 metru kwadru, kejl li għandu jiżdied b’20 m2 għall-kull wieħed mill-ewwel żewġ ulied u b’ 25 metru kwadru għat-tielet u għal kull wild suċċessiv ieħor li jaqgħu taħt il-kura u l-kustodja tal-benefiċċjarju. Dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni huma l-Griegi u ċ-ċittadini tal-Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-benefiċċjarji għandhom ikunu jirresjedu fil-Greċja b’mod permanenti.”

Il-proċedura prekontenzjuża

3

Wara li l-skambji bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika fil-kuntest tas-sistema “EU Pilot”, ma kellhomx suċċess, il-Kummissjoni, fil-25 ta’ Jannar 2013, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru, li fiha hija ġibdet l-attenzjoni ta’ dan tal-aħħar dwar eventwali inkompatibbiltà tal-Artikolu 26 A(1) kodiċi dwar it-taxxa tas-suċċessjoni mal-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim taż-ŻEE.

4

Fir-risposta tagħha tas-26 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika Ellenika sostniet li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet kompatibbli mal-artikoli msemmija mill-Kummissjoni.

5

Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Novembru 2013, ħarġet opinjoni motivata, li għaliha r-Repubblika Ellenika wieġbet fil-21 ta’ Marzu 2014, billi kkonfermat mill-ġdid il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni u billi għamlet riferiment għall-pożizzjoni tagħha espressa fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni.

6

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

7

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 26 A(1) tal-kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni jikser il-moviment liberu tal-kapital, kif iggarantit mill-Artikolu 63 TFUE u mill-Artikolu 40 tal-Ftehim taż-ŻEE.

8

Din l-istituzzjoni tosserva, qabelxejn, li, skont id-dispożizzjoni kontenzjuża, żewġ kategoriji distinti ta’ ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni jew ta’ Stati oħra li huma parti fil-Ftehim taż-ŻEE ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni relattiva għar-residenza prinċipali, jiġifieri ċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni li ma humiex residenti permanenti tal-Greċja u ċ-ċittadini ta’ Stati oħra li huma parti fil-Ftehim taż-ŻEE, indipendentement mill-post ta’ residenza tagħhom. Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li l-valur ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Greċja u li tiġi akkwistata permezz ta’ wirt mill-imsemmija ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni jew ta’ Stati oħra li huma parti fil-Ftehim taż-ŻEE hija ridotta, peress li l-werrieta kkonċernati huma suġġetti għal taxxa ta’ livell għola. Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabbilixxi li s-suċċessjonijiet jikkostitwixxu moviment tal-kapital u li l-miżuri li jnaqqsu l-valur tas-suċċessjoni ta’ persuna residenti fi Stat Membru minbarra dak li jkunu jinsabu fih il-beni kkonċernati huma kkunsidrati bħala restrizzjonijiet ipprojbiti għall-moviment tal-kapital, l-imsemmija dispożizzjoni għandha titqies bħala tali restrizzjoni.

9

Il-Kummissjoni ssostni, sussegwentement, li l-konjugi u l-ulied tad-decujus, li ma jkollhomx beni immobbli oħra, jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli, kemm jekk ikunu residenti u kemm jekk le. Hija tagħmel riferiment għas-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner (C‑510/08, EU:C:2010:216, punt 36), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma teżisti l-ebda differenza oġġettiva li tiġġustifika inugwaljanza fit-trattament fil-qasam fiskali bejn ir-residenti u dawk li ma humiex residenti, peress li l-ammont tat-taxxa marbuta mad-donazzjonijiet tiġi kkalkulata skont il-valur tal-proprjetà immobbli u skont ir-rabta familjari eżistenti bejn id-donant u d-donatarju, u l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji ma jiddependi fuq il-post ta’ residenza tad-donant jew tad-donatarju. Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, it-taxxa tas-suċċessjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni hija bbażata fuq il-valur tal-proprjetà immobbli suġġetta għas-suċċessjoni, fuq ir-rabta familjari eżistenti bejn id-decjus u l-werrieta u fuq il-fatt dwar jekk li l-werrieta għandhomx jew le proprjetà immobbli oħra, mingħajr kunsiderazzjoni tal-fatt dwar jekk il-proprjetà kkonċernata hijiex jew issirx effettivament ir-residenza prinċipali tal-werrieta.

10

B’hekk, id-dispożizzjoni kontenzjuża tiffavorixxi, skont il-Kummissjoni, esklużivament il-werrieta li jirresjedu diġà fil-Greċja, kemm jekk fil-proprjetà immobbli suġġetta għas-suċċessjoni, u kemm jekk xi mkien ieħor f’dan l-Istat Membru, li huma ġeneralment ċittadini Griegi. Din id-dispożizzjoni tiżvantaġġa l-werrieta li ma jirresjedux fl-imsemmi Stat Membru, li ġeneralment ikunu barranin jew ċittadini Griegi li eżerċitaw l-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat FUE, billi jaħdmu, jistudjaw jew jirresjedu barra mill-Greċja.

11

B’risposta għall-argument invokat mir-Repubblika Ellenika, li s-sitwazzjoni tar-residenti u dik ta’ dawk li ma humiex residenti ma kinux paragunabbli fir-rigward tal-bżonnijiet tal-persuni kkonċernati fil-qasam tal-alloġġ fil-Greċja, il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li r-residenti Griegi huma b’mod ġenerali nieqsa minn alloġġ u li dawk li ma humiex residenti ma humiex hekk nieqsa.

12

Fl-aħħar, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital invokata mir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni inkwistjoni tikkositwixxi sempliċiment “faċilità ġenerali”, li ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet ta’ politika ta’ alloġġ jew ta’ politika soċjali, peress li din ma hijiex issubordinata għall-okkupazzjoni mill-eredi tal-proprjetà li jkunu rċevewha mill-wirt.

13

Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-fondatezza tal-argument żviluppat mill-Kummissjoni u tikkonkludi favur il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kkontestata mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital.

14

Preliminarjament, dan l-Istat Membru jsostni li ċ-ċittadini tal-Istati l-oħra li huma partijiet fil-Ftehim taż-ŻEE ma humiex esklużi mill-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 26 A tal-kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni. Dawn ma jidhrux fih minħabba żball li huwa jimpenja lilu nnifsu li jirrettifika, peress li ma kienet teżisti l-ebda raġuni sabiex dawn jiġu esklużi jew li dawn jingħataw trattament differenti meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni.

15

Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-dispożizzjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

16

Filwaqt li osservat, f’dan ir-rigward, li l-punt 1 tal-Artikolu 26 A tal-kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni jikkonċerna mod partikolari ħafna ta’ kif jiġu rregolati s-suċċessjonijiet u eżenzjoni limitata u speċifika ħafna mit-taxxa tas-suċċessjoni, ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li suċċessjoni aċċettata minn werrieta li jibbenefikaw mis-sehem irriżervat skont il-liġi ma timplikax, fl-assenza tal-libertà li jiġu magħżula l-werrieta u, konsegwentement, indipendentement mill-volontà tad-decujus u tal-akkwirent, moviment tal-kapital. Hija tqis, fil-fatt, li l-kunċett ta’ moviment liberu tal-kapital huwa marbut iktar mal-fakultà tal-investiment milli mat-trażmissjoni causa mortis tal-patrimonju lil membri viċini tal-familja tad-decujus, irregolata mil-liġi.

17

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika ssostni li jekk il-werrieta li jibbenefikaw mis-sehem irriżervat ma jkunux jirresjedu b’mod permanenti fil-Greċja, l-ebda persua oħra ma tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni, u li s-sistema fiskali Griega tinkludi skali uniċi li japplikaw kemm għaċ-ċittadini nazzjonali kif ukoll għal dawk ta’ Stati Membri oħra, b’tali mod li ma kienet teżisti l-ebda diskriminazzjoni la fil-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni u lanqas fl-ammont tal-eżenzjoni inkwistjoni. Hija żżid li l-ħlas tat-taxxa tas-suċċessjoni mingħajr l-applikazzjoni tal-eżenzjoni ma jirrappreżentax “tassazzjoni żejda”, iżda tassazzjoni ordinarja, li, sabiex jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, iċ-ċittadini nazzjonali u ċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet u li l-fatt li ma tingħatax l-eżenzjoni lill-werrieta li ma humiex residenti ma hijiex ta’ natura li tiddisswadi persuna milli tinvesti fi proprjetà immobbli li tinsab fil-Greċja.

18

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ellenika tenfasizza, fir-rigward tal-Artikolu 65(1)(a) TFUE u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, b’mod partikolari s-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C‑35/98, EU:C:2000:294, punt 43), tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, EU:C:2004:484, punti 2829), kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑387/11, EU:C:2012:670, punt 45), li, fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni marbuta mal-proprjetà immobbli meqjusa bħala residenza prinċipali, is-sitwazzjoni tal-werrieta residenti b’mod permanenti fil-Greċja ma hijiex oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-werrieta li ma jirresjedux b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, filwaqt li l-werrieta residenti ma jkollhomx proprjetà immobbli adegwata fil-Greċja u jkollhom bżonnijiet fil-qasam tal-alloġġ fl-imsemmi Stat Membru, li jistgħu jiġu ssodisfatti jew ikkompletati mill-proprjetà immobbli akkwistata mill-wirt, il-werrieta mhux residenti ikollhom, bħala regola ġenerali, residenza prinċipali barra mill-pajjiż u ma jkunux bżonn il-proprjetà immobbli suġġetta għal suċċessjoni u li tkun tinsab fil-Greċja sabiex jalloġġjaw fiha.

19

Skont ir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni, billi tqis li s-sitwazzjoni tar-residenti u dik ta’ dawk li ma humiex residenti huma paragunabbli, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-għanijiet segwiti mill-eżenzjoni inkwistjoni. Din tal-aħħar kienet tikkonċerna b’mod limitattiv l-akkwist, minn persuna residenti b’mod permanenti, ta’ residenza prinċipali fil-Greċja permezz ta’ suċċessjoni. Il-persuni li ma jirresjedux f’dan l-Istat Membru u li jirtu proprjetà immobbli li tinsab f’dan l-aħħar imsemmi pajjiż kienu jokkupaw din il-proprjetà immobbli matul perijodi limitati jew jużawha mod ieħor u mhux biex jirresjedu fiha. Il-Kummissjoni tinterpreta wkoll b’mod żbaljat il-fatt li huwa prattikament impossibbli li tiġi kkontrollata proprjetà immobbli li tkun tinsab barra l-pajjiż. Konsegwentement, il-persuna mhux residenti li tiret proprjetà immobbli li tkun tinsab fil-Greċja tkun tinsab f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik li tkun fiha persuna residenti.

20

Fit-tielet lok, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-eventwali restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ta’ natura soċjali u finanzjarja.

21

B’hekk, permezz tal-eżenzjoni speċjali u limitata tat-taxxa tas-suċċessjoni relattiva għar-residenza prinċipali, prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 26 A tal-kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni u mogħtija fil-kuntest tal-politika soċjali implementata mill-Istat, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jgħin il-membri viċini tal-familja tad-decujus, li ma jkollhomx proprjetà immobbli adegwata fil-Greċja, fejn huma jirresjedu b’mod permanenti fil-mument tat-tnissil tal-obbligu fiskali, jakkwistaw, f’dan l-Istat Membru, tali proprjetà immobbli bħala residenza prinċipali, billi jagħtihom benefiċċju fiskali. Konsegwentement dan kien vantaġġ soċjali, li l-benefiċċju minnu jiddependi fuq ir-rabta mas-soċjetà Griega u mal-grad ta’ integrazzjoni fiha.

22

L-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 26 A ma jimponix fuq il-werriet benefiċċjarju mill-eżenzjoni inkwistjoni l-obbligu li juża l-proprjetà immobbli akkwistata permezz tal-wirt bħala residenza prinċipali, minkejja li dak ikun ġeneralment il-każ, peress li, minn naħa, dan l-obbligu jikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà tal-benefiċċjarju, kuntrarju għall-Kostituzzjoni Ellenika, u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur ipprefera li jżomm approċċ realist, billi jieħu inkunsiderazzjoni t-tibdiliet eventwali tas-sitwazzjoni professjonali jew familjari tal-werriet.

23

Restrizzjoni eventwali tal-moviment liberu tal-kapital hija wkoll iġġustifikata għal raġuni oħra imperattiva ta’ interess ġenerali, maħsuba sabiex jiġi evitat it-tnaqqis tad-dħul fiskali, peress li l-estensjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni għall-akkwist ta’ residenza prinċipali għal dawk li ma humiex residenti ikollha l-konsegwenza inevitabbli ta’ tali tnaqqis u tkun tiżnatura l-għan li fid-dawl tiegħu ġiet stabbilita din l-eżenzjoni.

24

Fl-aħħar, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-punt 1 tal-Artikolu 26 A tal-kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinżamm tqassim ibbilanċjat fiskali bejn l-Istati Membri u sabiex jiġu preklużi arranġamenti li jkollhom bħala l-għan esklużiv tagħhom l-għoti ta’ vantaġġ fiskali mhux iġġustifikat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-libertà kkonċernata

25

Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-taxxa imposta fuq is-suċċessjonijiet, li jikkonsistu fi trażmissjoni lil persuna jew persuni tal-patrimonju mħolli minn persuna li tiġi nieqsa, taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE marbuta mal-moviment tal-kapital, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn l-elementi kostituttivi tagħhom ikunu limitati għal Stat Membru wieħed biss (sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, van Hilten-van der Heijden, C‑513/03, EU:C:2006:131, punt 42 ; tas-17 ta’ Jannar 2008, Jäger, C‑256/06, EU:C:2008:20, punt 25 ; tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C‑181/12, EU:C:2013:662, punt 20, u tat-3 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑127/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2130, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, il-punt 1 tal-Artikolu 26 A tal-kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni jipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni marbuta ma’ proprjetà immobbli akkwistata b’wirt mill-konjugu jew il-wild ta’ decujus jekk dawn ikunu Griegi jew ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni u residenti permanenti fil-Greċja.

27

Din id-dispożizzjoni li hija marbuta mat-taxxa fuq is-suċċessjonijiet, tirrigwarda sitwazzjonijiet li l-elementi kostituttivi tagħhom ma humiex limitati għal Stat Membru wieħed biss u b’hekk jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-kapital.

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital

28

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tas-suċċessjonijiet, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63 TFUE, sa fejn jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li għandhom l-effett li jnaqqsu l-valur tas-suċċessjoni ta’ resident ta’ Stat minbarra l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni kkonċernati u li jkun jintaxxa s-suċċessjoni tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Barbier, C‑364/01, EU:C:2003:665, punt 62, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C‑181/12, EU:C:2013:662, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tistabbilixxi li l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni tiddependi fuq il-post ta’ residenza tad-decujus jew tal-benefiċċjarju fil-mument tal-mewt, meta din twassal sabiex is-suċċessjonijiet li jinvolvu persuni mhux residenti ikunu suġġetti għal oneru fiskali ikbar minn dawk li jinvolvu biss persuni residenti, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C‑181/12, EU:C:2013:662, punti 2526, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑127/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2130, punt 58).

30

F’dan il-każ, il-punt 1 tal-Artikolu 26 A tal-kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni jeżenta mit-taxxa tas-suċċessjoni marbuta ma’ residenza jew ma’ art, sa ċertu ammont, lil konjugu jew lil wild tad-decujus, dment li dawn tal-aħħar ma jkollhomx id-dritt sħiħ għall-proprjetà jew ta’ użufrutt jew ta’ abitazzjoni fuq proprjetà immobbli oħra li tkun suffiċjenti għall-bżonnijiet fil-qasam tal-alloġġ tal-familja tagħhom, ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni u jkunu jirresjedu b’mod permanenti fil-Greċja.

31

Din id-dispożizzjoni għandha l-effett li tnaqqas il-valur tas-suċċessjoni għall-werriet li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha rikjesti ħlief dawk marbuta mal-obbligu ta’ residenza permanenti fil-Greċja, billi ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni u billi twassal b’hekk sabiex din tal-aħħar tkun suġġetta għal oneru fiskali ikbar minn dak impost fuq werriet residenti b’mod permanenti fil-Greċja.

32

Isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.

Fuq il-ġustifikazzjonijiet ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

33

Fir-rigward ta’ ġustifikazzjoni eventwali tar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital ibbażata fuq l-Artikolu 65 TFUE, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 65(1)(a) “l’Artikolu 63 [TFUE] [ma għandux jippreġudika] id-dritt ta’ l-Istati Membri [...] li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”.

34

Din id-dispożizzjoni, sa fejn tidderoga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għalhekk, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tinvolvi distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn jirresjedu jew l-Istat Membru li fih dawn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, din id-deroga tinsab fil-kuntest tal-Artikolu 65(3) TFUE li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]”. Għaldaqstant hemm lok li ssir distinzjoni bejn it-trattamenti inugwali permessi skont l-Artikolu 65 TFUE u d-diskriminazzjonijiet arbitrarji pprojbiti skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑127/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2130, punti 71 sa 73).

35

F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni, tadopera differenza fit-trattament bejn il-persuni residenti u dawk mhux residenti, tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew għandha tkun iġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C‑181/12, EU:C:2013:662, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑428/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:218, punt 34, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑211/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2148, punt 47). Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali hija xierqa sabiex tħares it-twettiq tal-għan invokat biss jekk hija verament tirrispondi għall-intenzjoni li tilħqu b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, C-184/13 sa C-187/13, C-194/13, C-195/13 u C-208/13, EU:C:2014:2147, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, hemm lok li jitfakkar li, peress li ġaladarba leġiżlazzjoni nazzjonali tpoġġi fuq l-istess pjan, għall-finijiet tat-tassazzjoni ta’ proprjetà immobbli akkwistata minn suċċessjoni u li tinsab fl-Istat Membru kkonċernat, il-werrieta mhux residenti u l-werrieta residenti, hija ma tistax, mingħajr ma tikser ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, tittratta lil dawk il-werrieta b’mod differenti, fil-kuntest ta’ din l-istess tassazzjoni, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni marbuta ma’ din il-proprjetà immobbli. Billi jittratta b’mod identiku, ħlief fir-rigward tal-eżenzjoni li jista’ minnha l-werriet, is-suċċessjonijiet miftuħa favur dawn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni, il-leġiżlatur nazzjonali, ammetta, fil-fatt, li bejn dawn tal-aħħar ma hemm, fid-dawl tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet li bihom it-taxxa fuq is-suċċessjoni tinġabar, l-ebda differenza oġġettiva ta’ sitwazzjoni li tiġġustifika differenza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte, C‑181/12, EU:C:2013:662, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika ssostni, billi tinvoka l-argument espost fil-punti 18 u 19 ta’ din is-sentenza, li teżisti differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjoni tal-werrieta li jirresjedu b’mod permanenti fil-Greċja u dik tal-werrieta li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni, fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattiva għar-residenza prinċipali. Madankollu, dan l-Istat Membru jindika li s-sistema fiskali Griega tinvolvi skali uniċi, li japplikaw kemm għaċ-ċittadini nazzjonali kif ukoll għal dawk ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-ammont ta’ taxxa tas-suċċessjoni relattiva għal proprjetà immobbli li tinsab fil-Greċja. Huwa biss fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattiva għar-residenza prinċipali li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża tadopera differenza fit-trattament bejn is-suċċessjonijiet li jikkonċernaw werriet residenti b’mod permanenti fil-Greċja u dawk li jikkonċernaw werriet mhux residenti.

38

Isegwi li s-sitwazzjoni ta’ werriet li jirresjedi b’mod permanenti fil-Greċja u dik ta’ werriet mhux residenti huma paragunabbli għall-finijiet tal-għoti tal-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni inkwistjoni.

39

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-leġiżlazzjoni kontenzjuża tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

40

Hemm lok li jiġi kkonstatat, qabelxejn, li, b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-punt 1 tal-Artikolu 26 A tal-kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni ma huwiex adatt sabiex ikun permess li jintlaħaq, b’mod koerenti u sistematiku, l-għan ta’ interess ġenerali, ta’ ordni soċjali, invokat mir-Repubblika Ellenika u li jikkonsisti fis-sodisfazzjoni tal-bżonnijiet fil-qasam tal-alloġġ fil-Greċja, peress li l-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex suġġetta għall-obbligu, tal-werriet, li jistabbilixxi r-residenza prinċipali tiegħu fil-proprjetà immobbli li hija suġġetta għas-suċċessjoni, u lanqas għal dak li jokkupa l-imsemmija proprjetà immobbli.

41

Fl-assenza ta’ tali obbligu, huwa irrilevanti l-argument tar-Repubblika Ellenika li l-werrieta li ma jirresjedux f’dan l-Istat Membru jokkupaw il-proprjetà immobbli akkwistata b’wirt biss matul perijodi limitati jew jużawha b’mod ieħor iżda mhux biex jirresjedu fiha. Lanqas ma huwa konvinċenti l-argument li d-dispożizzjoni inkwistjoni kienet intiża sabiex tirrendi l-għoti tal-imsemmija eżenzjoni dipendenti fuq ir-rabta li l-werriet ikollu mas-soċjetà Griega u fuq il-grad ta’ integrazzjoni fiha, peress li werriet li ma jirresjedix b’mod permanenti fil-Greċja fil-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni u li ma għandux proprjetà immobbli jista’, bħal werriet residenti f’dan l-Istat Membru, iżomm rabta mill-qrib mas-soċjetà Griega u jkun irid jakkwista, fl-imsemmi Stat, il-proprjetà immobbli suġġetta għas-suċċessjoni, sabiex fiha jistabbilixxi r-residenza prinċipali tiegħu.

42

F’dan ir-rigward, l-argument tar-Repubblika Ellenika espost fil-punti 19 u 22 ta’ din is-sentenza għandu wkoll jitwarrab. Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li r-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom ikunu akkumpanjati minn provi adegwati jew minn analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll minn elementi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C-515/14, EU:C:2016:30, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ir-Repubblika Ellenika ma sostnietx l-argumenti li hija invokat, bl-istess mod li ma wrietx li jkun impossibbli li jiġi kkontrollat jekk il-werriet mhux residenti jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni.

43

Sussegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża ma tistax tiġi ġġustifikata min-neċessità li jiġi prekluż it-tnaqqis tad-dħul fiskali li jirriżulta, skont dan l-Istat Membru, jekk l-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni kkonċernata tiġi estiża għall-persuni mhux residenti. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-neċessità li jiġi prekluż it-tnaqqis ta’ dħul fiskali la tidher fost l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE, u lanqas fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni fuq libertà stabbilita mit-Trattat FUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C‑319/02, EU:C:2004:484, punt 49; tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, EU:C:2009:33, punt 46, u tal-10 ta’ Frar 2011, Missionswerk Werner Heukelbach, C‑25/10, EU:C:2011:65, punt 31).

44

Fl-aħħar, ir-Repubblika Ellenika bl-ebda mod ma wriet li l-esklużjoni tal-werrieta li ma jirresjedux b’mod permanenti fil-Greċja mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 26 A tal-kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni tirriżulta mit-tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri u hija neċessarja sabiex jiġu evitati l-abbużi.

45

Isegwi li r-Repubblika Ellenika ma invokatx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika, f’dan il-każ, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Artikolu 40 tal-Ftehim taż-ŻEE

46

Fir-rigward tal-preġudizzju miġjub mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża fir-rigward tal-Artikolu 40 tal-Ftehim taż-ŻEE, invokat mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika ssostni li ċ-ċittadini tal-Istati l-oħra partijiet fil-Ftehim taż-ŻEE tħallew barra mill-punt 1 tal-Artikolu 26 A tal-kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni, minħabba żball li hija impenjat lilha nnifisha li tikkoreġi.

47

Huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif tkun is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-351/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2150, punt 20; tal-5 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-317/14, EU:C:2015:63, punt 34, u tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-66/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:5, punt 36).

48

Indipendentement mill-imsemmija omissjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li, sa fejn l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Ftehim taż-ŻEE huma tal-istess portata legali bħad-dispożizzjonijiet, identiċi, essenzjalment, tal-Artikolu 63 TFUE, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, marbuta mal-eżistenza ta’ restrizzjoni abbażi tal-Artikolu 63 TFUE, huma, f’ċirkustanzi bħal fil-kawża odjerna, trasponibbli mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 40 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-250/08, EU:C:2011:793, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat.

50

Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattiva għar-residenza prinċipali, li tapplika biss għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni li jirresjedu fil-Greċja, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim taż-ŻEE.

Fuq l-ispejjeż

51

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattiva għar-residenza prinċipali, li tapplika biss għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni li jirresjedu fil-Greċja, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.

 

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top