EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0211

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2016.
Orange vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil France Télécom – Riforma tal-metodu ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma’ France Télécom – Tnaqqis tal-kumpens dovut lill-Istat minn France Télécom – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Natura selettiva – Effett fuq il-kompetizzjoni – Żnaturament tal-fatti – Nuqqas ta’ motivazzjoni – Sostituzzjoni tal-motivi.
Kawża C-211/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:798

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil France Télécom — Riforma tal-metodu ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma’ France Télécom — Tnaqqis tal-kumpens dovut lill-Istat minn France Télécom — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet — Kunċett ta’ ‘għajnuna’ — Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ — Natura selettiva — Effett fuq il-kompetizzjoni — Żnaturament tal-fatti — Nuqqas ta’ motivazzjoni — Sostituzzjoni tal-motivi”

Fil-Kawża C‑211/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-6 ta’ Mejju 2015,

Orange, li kienet France Télécom, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn S. Hautbourg u S. Cochard‑Quesson, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u L. Flynn, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, A. Arabadjiev (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Orange titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni (T‑385/12, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:117), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet it-talba tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/540/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 25/08 (ex NN 23/08) – Riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma’ France Télécom imwettqa mir-Repubblika Franċiża favur France Télécom (ĠU 2012, L 279, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma miġbura fil-qosor kif ġej fil-punti 1 sa 19 tas-sentenza appellata:

“1

Il-miżuri li huma s-suġġett ta’ din il-kawża jikkonsistu fil-bidliet introdotti fl-1996 fl-iskema tal-obbligi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta[l-appellanti], Orange, li qabel kienet tissejjaħ France Télécom, fir-rigward tal-ħlas tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-persunal tagħha li għandu l istatus ta’ uffiċjal.

2

Din l-iskema, li kienet stabbilita sa mit-twaqqif, fl-1990, ta’ France Télécom bħala impriża indipendenti mill amministrazzjoni tal-Istat, permezz tal-Liġi Nru 90‑568, tat 2 ta’ Lulju 1990, relatata mal-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet (JORF tat-8 ta’ Lulju 1990, p. 8069, iktar ’il quddiem il-‘liġi tal-1990’), ġiet emendata permezz tal-Liġi Nru 96‑660, tas-26 ta’ Lulju 1996, relatata mal-impriża nazzjonali France Télécom (JORF tas-26 ta’ Lulju 1996, p. 11398, iktar ’il quddiem ‘il-liġi tal-1996’). L iskema l-ġdida ġiet introdotta, minn naħa, meta France Télécom twaqqfet bħala kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata kif ukoll meta ġiet offruta fis-suq u meta nfetħet parti akbar tal-kapital tagħha, u min-naħa l-oħra, meta nfteħu totalment għall kompetizzjoni is-swieq fejn hija kienet topera, fi Franza u fl Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

3

F’dak li jikkonċerna r-responsabbiltajiet relatati mal finanzjament tal-benefiċċji soċjali tal-persunal li għandu l istatus ta’ uffiċjal pubbliku, il-liġi tal-1996 emendat il-kumpens li l-Artikolu 30 tal-liġi tal-1990 kien impona fuq France Télécom li tħallas lit-Teżor għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tagħha mill-Istat (iktar ’il quddiem il-‘miżura kkontestata’).

4

Il-liġi tal-1990 kienet tipprevedi li France Télécom kienet obbligata tħallas lit-Teżor, inkambju għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati għall-uffiċjali tagħha, l-ammont li jitnaqqas mis-salarju tal-uffiċjal, li r-rata tiegħu kienet stabbilita mill‑Artikolu L.61 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet ċivili u militari tal-irtirar Franċiż u kontribuzzjoni supplimentari li tippermetti t-teħid ta’ responsabbiltà kollha għall‑ispejjeż tal-pensjonijiet mogħtija u li għandhom jingħataw lill-uffiċjali rtirati.

5

France Télécom ipparteċipat ukoll fl-iskemi msejħa ta’ ‘kumpens’ u ta’ ‘kumpens żejjed’, li jipprevedu trasferimenti bil-għan li jiżguraw il-bilanċ bejn l-iskemi tal-irtirar ta’ uffiċjali ta’ entitajiet pubbliċi oħra.

6

Il-liġi tal-1996 emendat il-kumpens previst fl-Artikolu 30 tal‑liġi tal-1990 skont il-modalitajiet esposti kif ġej. L-ewwel nett, France Télécom kienet obbligata tħallas l-ammont li jitnaqqas mis-salarju tal-uffiċjal, li l-ammont tiegħu kien baqa’ l‑istess meta mqabbel mal-liġi tal-1990. It-tieni nett, hija kienet suġġetta għal ‘kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja’ li ssostitwixxiet il-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega preċedenti. Din il-kontribuzzjoni l-ġdida kienet ibbażata fuq ‘rata ta’ ekwità kompetittiva’ li minn naħa tagħha hija bbażata fuq ibbilanċjar tal-livell ta’ kontribuzzjonijiet soċjali u fiskali obbligatorji, ibbażati fuq is-salarji, bejn France Télécom u l‑impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet li jaqgħu taħt il‑liġi komuni tas‑servizzi soċjali, li tinkludi r-riskji komuni għall-impjegati tas‑settur privat u għall-uffiċċjali tal-Istat u li teskludi r-riskji mhux komuni għall-impjegati tas-settur privat u għall-uffiċċjali tal-Istat (b’mod partikolari l-qgħad u d-djun tal‑impjegati f’każ ta’ rimedju ġudizzjarju jew likwidazzjoni tal‑impriża). It-tielet nett, France Télécom kienet suġġetta għal ‘kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali’, li ġiet stabbilita bil-Liġi Nru 96‑1181, tal-31 ta’ Diċembru 1996, dwar il-finanzi għas-sena 1997 (JORF tal-31 ta’ Diċembru 1996, p. 19490), fl-ammont ta’ Frank Franċiż 37.5 biljuni (ekwivalenti għal EUR 5.7 biljuni). Din l‑aħħar kontribuzzjoni kienet tinkludi, minn naħa, l‑ammont tal-provvedimenti annwali (EUR 3.6 biljuni) li France Télécom kienet stabbilixxiet sa mill-1996 sabiex tilqa’ għall‑obbligi tal-irtirar futur li ġew previsti dak iż-żmien u, min‑naħa l-oħra, ammont addizzjonali (EUR 2.1 biljuni).

7

Barra minn hekk, il-liġi tal-1996 eskludiet lil France Télécom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskemi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed.

[...]

9

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem id‑‘deċiżjoni ta’ ftuħ’) kontra l-għajnuna inkwistjoni. Ir‑Repubblika Franċiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit‑18 ta’ Lulju 2008.

[...]

12

Fl-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [kkontestata], li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet.

13

Fid-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni ikkonstatat li l‑miżura kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis‑sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

14

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal‑vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni stabilixxiet li l-miżura kkontestata kienet tagħti vantaġġ ekonomiku lil France Télécom, inkwantu kienet timponi obbligu ġdid u tqil fuq l-Istat fir‑rigward tal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati għall‑uffiċjali ta’ France Télécom, filwaqt li tnaqqas il‑kumpens li France Télécom kienet ħallset minn qabel.

15

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, minn naħa, fil‑premessa 105 tad-deċiżjoni [kkontestata], ikkalkolat l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni bħala d-differenza annwali bejn il‑kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja mħallsa minn France Télécom skont il-liġi tal-1996 u l-obbligi li hija kienet ħallset skont il-liġi tal-1990, u, min-naħa l-oħra, fil-premessa 113 tad-deċiżjoni [kkontestata], ikkunsidrat li l-ħlas tal‑kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali kien naqqas l-ammont tal‑għajnuna li minnha kienet tibbenefika France Télécom.

16

Il-Kummissjoni stabilixxiet ukoll li l-miżura kkontestata kienet selettiva minħabba li kienet tikkonċerna biss lil France Télécom u li hija kienet tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni għaliex kienet tippermetti lil France Télécom tiddisponi minn bilanċ finanzjarju mnaqqas, li kien jippermettilha tiżviluppa fis‑swieq ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet li kienu nfetħu b’mod gradwali għall-kompetizzjoni, fi Franza u fi Stati Membri oħra.

17

Il-Kummissjoni mbagħad ipproċediet b’evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà tal-miżura kkontestata mas-suq intern, fis-sens tal‑Artikolu 107(3)(ċ) TFUE u kkonkludiet li din ma kinitx tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu ma kinitx tippermetti bbilanċjar tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni. Skont il-Kummissjoni, il-kumpens finanzjarju mħallas minn France Télécom lill-Istat ma kienx ikopri l-obbligi soċjali kollha li kellhom jitħallsu mill-baġit tal-kompetituri ta’ France Télécom.

18

Għaldaqstant, il-Kummissjoni stabilixxiet li, sabiex jiġi ssodisfatt il‑kriterju ta’ konformità mal-interess komuni previst fl‑Artikolu 107(3) TFUE, il-kompatibbiltà mas-suq intern tal‑għajnuna inkwistjoni kienet tirrikjedi li l-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja li kellha titħallas minn France Télécom tiġi kkalkolata u mħallsa b’mod li jsiru ugwali l‑livelli tal-obbligi soċjali u fiskali obbligatorji kollha, ibbażati fuq is‑salarji, bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat‑telekomunikazzjonijiet li jaqgħu taħt il-liġi komuni tas-servizzi soċjali, billi jiġu kkunsidrati wkoll ir-riskji mhux komuni tal‑impjegati tas-settur privat u tal-uffiċjali impjegati minn France Télécom. Din il-kontribuzzjoni kellha titħallas minn France Télécom mill‑ġurnata meta l-ammont tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali, kapitalizzata bir-rata ta’ aġġornament li tirriżulta mill‑applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il‑metodu ta’ ffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ aġġornament (ĠU 1996, C 232, p. 10, iktar ’quddiem il-‘komunikazzjoni dwar ir‑rati ta’ riferiment), ikun laħaq l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet u obbligi li France Télécom kellha tħallas skont l-Artikolu 30 tal‑liġi tal-1990.

19

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni [kkontestata] jipprevedi kif ġej:

‘Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li tirriżulta mit-tnaqqis tal-kumpens li għandu jitħallas lill-Istat għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati, b’applikazzjoni tal-Kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari, lill‑uffiċjali ta’ France Télécom b’applikazzjoni tal-[liġi tal-1996] li temenda l-[liġi tal-1990] hi kompatibbli mas-suq intern, skont il‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja, dovuta minn France Télécom skont l-Artikolu 30(c) tal-[liġi tal-1990], għandha tiġi kkalkolata u tinġabar b’mod li tibbilanċja l-livelli tal-obbligi soċjali u fiskali obbligatorji kollha bbażati fuq is-salarji bejn France Télécom u l‑impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jirriżultaw mil-liġi komuni tas-servizzi soċjali.

Biex tiġi ssodisfata din il-kundizzjoni, mhux aktar minn seba’ xhur wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika Franċiża:

a)

għandha temenda l-Artikolu 30 tal-[liġi tal-1990] u t-testi regolatorji jew oħrajn maħruġa għall-applikazzjoni tagħha b’mod li l-bażi tal-kalkolu u l-ġbir tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja, dovuta minn France Télécom, ma jkunux limitati biss għar‑riskji komuni għall-impjegati rregolati bil-liġi privata u għall-uffiċjali tal-Istat imma jinkludu wkoll ir-riskji mhux komuni;

b)

tiġbor mingħand France Télécom, mill-ġurnata meta l-ammonti ta’ kontribuzzjoni eċċezzjonali implimentata bil-[liġi tal-1996] kapitalizzati bir-rata ta’ aġġornament li tirriżulta mill‑applikazzjoni tal-[komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ riferiment] applikabbli f’dan il-każ jugwalaw l-ammont tal‑kontribuzzjonijiet u l-obbligi li France Télécom kienet tkompli tħallas skont l-Artikolu 30 tal-[liġi tal-1990] fl-abbozz inizjali tagħha, kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja kkalkolata skont il-metodi speċifikati fil-punt a), b’kunsiderazzjoni tar-riskji komuni u mhux komuni għall‑impjegati rregolati bil-liġi privata u għall-uffiċjali tal‑Istat.

[...]’”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Awwissu 2012, Orange ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

4

Insostenn tar-rikors tagħha, Orange invokat erba’ motivi fosthom l-ewwel wieħed kien ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura kkontestata kienet tikkostitwixi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

5

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu u kkundannat lil Orange għall-ispejjeż.

It-talbiet tal-partijiet

6

Orange titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

7

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lil Orange għall-ispejjeż.

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

8

Sussegwentement għall-għoti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2016Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), Orange, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Lulju 2016, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

9

Insostenn ta’ din it-talba, Orange essenzjalment issostni li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata relattiva għall-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv hija rrikonċiljabbli ma’ dik li dik l-istess qorti waslet għaliha fl-imsemmija sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016 u li l-kunsiderazzjonijiet legali relatati magħha jirrigwardaw direttament l-evalwazzjoni tal-ewwel u tat-tieni aggravji ta’ dan l-appell.

10

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni, C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punt 28).

11

Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew fid-dawl ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

12

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura kkontestata bħala għajnuna mill-Istat

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ

– L-argumenti tal-partijiet

13

L-ewwel nett, Orange ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata, li l-allegata natura kumpensatorja tal-miżura kkontestata ma kinitx tippermetti li titwarrab il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat minħabba li huwa biss sa fejn intervent Statali għandu jitqies bħala kumpens li jirrappreżenta l-ħlas għas-servizzi mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), li dan ma jkunx jaqa’ taħt l-Artikolu 107(1) TFUE.

14

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tikkonstata l-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx, fil-punt 97 tas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368), li n-natura kumpensatorja ta’ miżuri għajr dawk relatati ma’ provvisti mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku tista’ tneħħilhom in-natura ta’ għajnuna mill-Istat.

15

It-tieni nett, Orange tqis li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li deroga mid-dritt komuni Taljan ma kinitx taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, minħabba li liġi, li tillimita ruħha tevita li l-baġit ta’ impriża jitgħabba b’obbligu li, f’sitwazzjoni normali, ma kienx jeżisti, ma tagħtix lil din l-impriża vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

16

Minn naħa, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punti 38 sa 41 tas-sentenza appellata, ebda element tas-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse(C‑237/04, EU:C:2006:197), ma jippermetti li tiġi limitata l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza biss għall-iskemi msejħa “li [j]idderoga[w] doppjament”, jiġifieri għall-iskemi li, sabiex jiġi evitat li l-baġit tal-benefiċjarju tagħhom jitgħabba b’obbligu li, f’sitwazzjoni normali, ma kienx jeżisti, jipprevedu deroga intiża sabiex tiġi nnewtralizzata deroga preċedenti mis-sistema tad-dritt komuni.

17

Min-naħa l-oħra, Orange tenfasizza li l-liġi tal-1990 kienet issuġġettat lil France Télécom għal obbligu li l-kompetituri tagħha ma kellhomx isostnu u li kien għaldaqstant jikkostitwixxi obbligu anormali, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, li kien ġie rrimedjat bil-liġi tal-1996.

18

It-tielet nett, Orange tirrileva li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, ħadet bħala qafas ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti mil-liġi tal-1996 l-iskema inizjali li għaliha kienu suġġetti l-uffiċjali ta’ France Télécom bis-saħħa tal-liġi tal-1990.

19

Issa, Orange tippreċiża li l-għan tal-liġi tal-1996 kien li France Télécom titqiegħed f’sitwazzjoni tad-dritt komuni fir-rigward tal-metodu ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma’ din l-impriża u li, fid-dawl ta’ dan il-għan, il-qafas ta’ riferiment li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni kien dak li kien applikabbli għall-impriżi kompetitriċi fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tal-persuna li timpjega ta’ rtirar għall-persunal tagħhom

20

Għaldaqstant, skont Orange, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonfermat l-għażla tal-qafas ta’ riferiment adottata mill-Kummissjoni

21

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Orange

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li Orange, permezz tat-tieni u tat-tielet argumenti tagħha tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, miġbura fil-qosor fil-punti 10 sa 15 ta’ din is-sentenza, issostni li l-Istat Franċiż ma taha ebda vantaġġ ekonomiku meta adotta l-liġi tal-1996. Permezz tal-ewwel argument ta’ din l-ewwel parti, miġbur fil-qosor fil-punti 13 u 14 ta’ din is-sentenza, din il-kumpannija ssostni li, anke fuq il-preżunzjoni li din il-liġi involviet tali vantaġġ, dan kien ikun limitat sabiex jikkumpensa l-iżvantaġġ strutturali eżistenti, taħt l-iskema stabbilita bil-liġi tal-1990, fir-rigward tal-kompetituri tagħha, b’mod li tali vantaġġ ma setax jagħti lok għall-konstatazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

23

Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku, Orange sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li mis-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197), jirriżulta li liġi li tillimita ruħha tevita li l-baġit ta’ impriża jitgħabba b’obbligu li, f’sitwazzjoni normali, ma kienx jeżisti, ma tagħtix lil din l-impriża vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

24

Barra minn hekk, Orange argumentat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-għażla mill-Kummissjoni tal-qafas ta’ riferiment bil-għan li tiġi ddeterminata l-eżistenza jew le ta’ vantaġġ ekonomiku, jiġifieri l-iskema li kienet applikabbli għal France Télécom skont il-liġi tal-1990, u mhux l-iskema li kienet applikabbli għall-impriżi kompetitriċi, kienet żbaljata fid-dritt u kienet ivvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

25

Fil-punti 39 sa 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti bbażati fuq is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197), billi kienet tqis li din il-ġurisprudenza hija intiża biss sabiex tapplika meta tkun involuta skema “li tidderoga doppjament”, jiġifieri skema li, sabiex jiġi evitat li l-baġit tal-benefiċjarju tagħha jitgħabba b’obbligu li, f’sitwazzjoni normali, ma kienx jeżisti, tipprevedi deroga intiża sabiex tiġi nnewtralizzata deroga preċedenti mis-sistema tad-dritt komuni, fatt li ma kienx il-każ hawnhekk.

26

Issa, din l-evalwazzjoni ma hijiex ivvizzjata bl-iżbalji ta’ liġi li Orange tallega fit-tieni argument tagħha ta’ din il-parti.

27

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punti 46 sa 48 tas-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma toffrix vantaġġ la lill-azzjonisti ta’ kumpannija u lanqas lil din il-kumpannija nnifisha, sa fejn din tillimita ruħha tevita li l-baġit ta’ impriża jitgħabba b’obbligu li, f’sitwazzjoni normali, ma kienx jeżisti u għaldaqstant sempliċiment tirregola possibbiltà eċċezzjonali mingħajr ma tipprova tnaqqas obbligu li din l-istess kumpannija kien normalment ikollha ssostni ma tistax titqies bħala vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

28

Hemm lok li jiġi enfasizzat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197), kellha bħala partikolarità li kienet tirrigwarda miżura nazzjonali li kellha bħala effett li tinnewtralizza l-effetti ta’ skema li tidderoga mid-dritt komuni.

29

Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, permezz tal-evalwazzjoni indipendenti tagħha tal-fatti mwettqa fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li l-iskema tal-irtirar tal-uffiċjali ta’ France Télécom kienet ġuridikament distinta u separata b’mod ċar mill-iskema applikabbli għall-impjegati tas-settur privat. Minn dan hija ddeduċiet li din l-aħħar skema ma kinitx l-iskema normalment applikabbli għall-uffiċjali ta’ France Télécom, b’mod li l-liġi tal-1996 ma kinitx neħħiet obbligu anormali li għandu jitħallas mill-baġit ta’ din l-impriża u lanqas marret lura għall-iskema normali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li “ma [kienx] possibbli li jiġi konkluż, hekk kif [għamlet l-appellanti], li l-miżura kkontestata [kienet] intiża sabiex jiġi evitat li France Télécom tkun suġġetta għal obbligu li, f’sitwazzjoni normali, [ma kellux jitħallas] mill-baġit tagħha fis-sens tas-sentenza [tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197)]”.

31

Għaldaqstant, it-tieni argument ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

32

Fir-rigward tat-tielet argument tal-ewwel parti, dwar l-għażla tal-qafas ta’ riferiment, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li, billi naqset l-obbligi soċjali introdotti bil-liġi tal-1990, il-liġi tal-1996, bħala prinċipju, tat vantaġġ lil France Télécom.

33

Barra minn hekk, u hekk kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-iskema tal-irtirar tal-uffiċjali tirriżulta minn skema ġuridikament distinta u separata b’mod ċar mill‑iskema applikabbli għall-impjegati tas-settur privat, bħall-impjegati tal‑kompetituri ta’ France Télécom, u li l-liġi tal-1990 ma kinitx introduċiet skema derogatorja, peress li l-kontribuzzjonijiet li jirrigwardaw il-pensjonijiet tal-uffiċjali ma kinux suġġetti, minn qabel, għall-iskema komuni ta’ kontribuzzjonijiet ta’ pensjoni tal-irtirar.

34

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Orange li l-Kummissjoni kienet użat, bil-għan li tiddetermina l-eżistenza jew le ta’ vantaġġ ekonomiku, qafas ta’ riferiment żbaljat.

35

Issa, permezz tat-tielet argument ta’ din il-parti, kif miġbur fil-qosor fil-punti 13 sa 15 ta’ din is-sentenza, Orange ma tikkontestax, hekk kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, l-evalwazzjoni li tinstab fil-punt 37 tas-sentenza appellata u tillimita ruħha tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-qafas ta’ riferiment korrett, l-għanijiet li l-Istat Franċiż ried jilħaq meta huwa adotta l-liġi tal-1996.

36

Fil-fatt, Orange essenzjalment issostni li l-għan tal-liġi tal-1996 kien li tistabbilixxi mill-ġdid il-kundizzjonijiet tad-dritt komuni fir-rigward tal-metodu ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma’ France Télécom u, għaldaqstant, li tqiegħed lill-kumpannija f’sitwazzjoni identika għal dik tal-kompetituri tagħha. Għaldaqstant u fid-dawl tal-għanijiet li din il-liġi tal-1996 riedet tilħaq, is-sitwazzjoni “tip” li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din tal-aħħar kinitx neħħiet obbligu normali jew anormali hija dik ta’ operatur privat.

37

Għaldaqstant, l-argument ta’ Orange ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali, meta ċaħdet l-ilment ta’ din il-kumpannija dwar l-għażla żbaljata mill-Kummissjoni tal-qafas ta’ riferiment, wettqitx żbalji ta’ liġi oħra għajr dak ibbażat fuq nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet li l-Istat Franċiż irid jilħaq.

38

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi Statali, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Minn dan jirriżulta li t-tielet argument ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

40

Fir-rigward tal-ewwel argument tal-ewwel parti, dwar il-kumpens għal żvantaġġ strutturali, Orange bbażat ruħha fl-ewwel istanza fuq is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il‑Kummissjoni (T‑157/01, EU:T:2004:76), u tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, EU:T:2008:537) sabiex issostni li vantaġġ li jelimina obbligi supplementari li jirriżultaw minn skema derogatorja li ma humiex sostnuti mill-impriżi kompetitriċi ma jikkostitwixxix għajununa mill-Istat. Fil-fatt, skont Orange, il-kumpens għal żvantaġġ strutturali jippermetti li titwarrab il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi minbarra s-sempliċi każ ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

41

Fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument billi kkonstatat li, anke fuq il-preżunzjoni li tkun stabbilita, in-natura kumpensatorja tat-tnaqqis tal-obbligi li ngħata f’dan il-każ ma tippermettix li titwarrab il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala “għajnuna mill-Istat”.

42

F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-punti 90 sa 92 tas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368), jirriżulta li huwa biss sa fejn intervent Statali għandu jitqies bħala kumpens li jirrappreżenta l-ħlas għas-servizzi pprovduti mill-impriżi inkarigati b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali sabiex jesegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, skont il-kriterji stabbiliti permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), li dan l-intervent ma jkunx jaqa’ taħt l-Artikolu 107(1) TFUE.

43

Issa, dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex ivvizzjati bl-iżball ta’ liġi li Orange tallega fl-ewwel argument tagħha ta’ din il-parti.

44

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, sal-lum, l-uniku każ irrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fih il-konstatazzjoni tal-għoti ta’ vantaġġ ekonomiku ma twassalx għall-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE huwa dak ta’ intervent Statali li jirrappreżenta l-ħlas għas-servizzi pprovduti mill-impriżi inkarigati b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali sabiex jesegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, skont il-kriterji stabbiliti permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

45

Għaldaqstant, huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li Orange ma setgħetx, f’dan il-każ, tislet argument validu mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali ċċitati fil-punt 40 ta’ din is-sentenza sabiex tistabbilixxi li l-kumpens għal żvantaġġ strutturali kien jippermetti li titwarrab il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat.

46

Minn dan jirriżulta li l-ewwel argument ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud bħala infondat

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha dwar in-natura selettiva tal-miżura kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

48

Orange tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, li l-miżura kkontestata hija selettiva minħabba li din tirrigwarda lil Orange biss.

49

Skont Orange, miżura individwali tkun selettiva biss jekk din tkun tiffavorixxi lil impriża speċifika meta mqabbla ma’ impriżi oħra f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Orange tinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia (C‑417/10, EU:C:2012:184, punt 40), u tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235, punt 28).

50

Fil-fatt, peress li n-natura selettiva ta’ miżura timplika tqassim b’mod mhux ugwali tal-vantaġġi bejn l-impriżi li jinstabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli, ebda evalwazzjoni ma tista’ ssir mingħajr paragun mal-operaturi li jinstabu f’tali sitwazzjoni.

51

Issa, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm impriżi oħra li setgħu jaqgħu taħt il-qafas ta’ riferiment iddefinit minnha, Orange tqis li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tillimita ruħha tippreżumi li l-kriterju ta’ selettività kien issodisfat fid-dawl tan-natura ad hoc tal-miżura kkontestata.

52

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Orange.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-liġi tal-1996 kienet tirrigwarda biss lil France Télécom u qieset li, minħabba dan il-fatt, din kienet ta’ natura selettiva. Skont il-Qorti Ġenerali, il-kriterju tal-paragun tal-benefiċjarju ma’ operaturi oħra li jinstabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq mill-miżura joriġina u huwa ġġustifikat mill-qafas tal-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżuri ta’ applikazzjoni potenzjalment ġenerali u għaldaqstant ma huwiex rilevanti fil-każ, bħal f’dan il-każ, tal-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura ad hoc, li tirrigwarda biss impriża waħda u li hija intiża sabiex tbiddel ċerti obbligi kompetittivi li huma speċifiċi għaliha.

54

Peress li dawn l-evalwazzjonijiet huma, hekk kif irrileva l-Avukat Ġernali fil-punti 66 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60), dawn ma humiex ivviżjati bi żball ta’ liġi, u għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha dwar il-kriterju tal-effett fuq il-kompetizzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

55

Orange tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u ma ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha meta kkunsidrat, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, li l-kriterju tal-effett fuq il-kompetizzjoni kien issodisfatt, peress li r-riżorsi finanzjarji meħlusa permezz tal-miżura kkontestata setgħu jiffavorixxu l-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ Orange fis-swieq reċentement miftuħa għall-kompetizzjoni u li din il-kumpannija kienet irrikonoxxiet hija stess li l-imsemmija miżura kienet indispensabbli sabiex tippermettilha tipparteċipa fl-iżvilupp tal-kompetizzjoni.

56

Skont Orange, għalkemm dawn iż-żewġ elementi setgħu jistabbilixxu li l-miżura kkontestata, billi tiżgura kompetizzjoni skont il-merti, kellha impatt pożittiv fuq il-kompetizzjoni, dawn ma kinux biżżejjed sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi li din il-miżura kienet tassew ta’ natura li toħloq distorzjoni jew thedded li toħloq distorzjoni tal-kompetizzjoni.

57

Kieku l-Qorti Ġenerali kienet wettqet stħarriġ sħiħ tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tqis li l-kriterju tal-effett fuq il-kompetizzjoni kien issodisfatt, hija setgħet tikkonstata li l-eżistenza ta’ tali effett antikompetittiv ma kienx ġie stabbilit b’mod validu, peress li l-qafas ta’ riferiment iddefinit kien jinkludi biss lil Orange u li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li l-miżura kkontestata kienet neċessarja sabiex tiżgura kompetizzjoni skont il-merti f’suq li kien ser jinfetaħ għall-kompetizzjoni.

58

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Orange.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59

Fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Orange miġbur fil-qosor fil-punt 57 ta’ din is-sentenza billi qieset, l-ewwel nett, li r-riżorsi finanzjarji meħlusa permezz tal-miżura kkontestata setgħu jiffavorixxu l-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ France Télécom f’swieq reċentement miftuħa għall-kompetizzjoni, fi Franza u fi Stati Membri oħra.

60

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat li Orange kienet hija stess irrikonoxxiet li l-miżura kkontestata kellha impatt sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni, sa fejn din kienet indispensabbli sabiex tippermettilha tipparteċipa fl-iżvilupp tal-kompetizzjoni.

61

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata kinitx neċessarja jew le sabiex tippermetti lil France Télécom taffronta l-allegat żvantaġġ kompetittiv tagħha ma kinitx taqa’ taħt l-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar id-distorzjoni tal-kompetizzjoni, iżda iktar taħt dik dwar il‑vantaġġ, u li dan il-fatt kien ġie eżaminat fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tal-ewwel istanza.

62

Għaldaqstant, minn naħa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sentenza appellata tindika b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kriterju tad-distorzjoni tal-kompetizzjoni.

63

Peress li l-motivazzjoni adottata għaldaqstant tippermetti, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-qasam ta’ appell, l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud.

64

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata, mhux li turi l-eżistenza ta’ impatt reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorzjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorzjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan ir-rigward, il-fatt li settur ekonomiku kien is-suġġett ta’ liberalizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni huwa ta’ natura li jikkaratterizza impatt reali jew potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll l-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (sentenza tat-30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Fir-rigward tal-kundizzjoni tad-distorzjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, l-għajnuna intiża li teħles impriża mill-ispejjeż li hija jkollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha, bħala prinċipju toħloq distorzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tat-30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li mill-premessi 114 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-liġi tal-1996 ippermettiet u tippermetti lil Orange jkollha riżorsi finanzjarji ikbar sabiex topera fis-swieq li fihom hija attiva, li s-swieq tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet li fihom operat u topera Orange fit-territorju kollu ta’ Franza u fi Stati Membri oħra nfetħu gradwalment għall-kompetizzjoni u li dawn iż-żewġ fatturi ppermettewlha tiżviluppa b’iktar faċiltà fi swieq ta’ Stati Membri oħra reċentement miftuħa għall-kompetizzjoni.

68

Issa, fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati minn Orange, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonferma l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżura kkontestata setgħet toħloq distorzjoni tal-kompetizzjoni.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tal-ewwel aggravju u, għaldaqstant, dan l-aggravju kollu kemm huwa għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżura kkontestata.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żnaturament tal-fatti u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenrali fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-għan tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali

– L-argumenti tal-partijiet

70

Orange ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li kienu sottomessi lilha u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta kkunsidrat, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, li l-kliem tal-liġi tal-1996 ma kienx jipprekludi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali ma kinitx tikkostitwixxi obbligu soċjali, iżda kienet tilħaq għanijiet oħra, u li, għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji mhux komuni fil-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja ma setgħetx tkun ikkumpensata bl-imsemmija kontribuzzjoni.

71

Fil-fatt, kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, il-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali hija obbligu soċjali għal Orange, peress li l-kliem tal-Artikolu 30 tal-liġi tal-1996 jipprevedi li din għandha titħallas “bħala kumpens għal-likwidazzjoni u l-ħlas mill-Istat tal‑pensjonijiet allokati għall-persunal uffiċjal tagħha”.

72

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Orange.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kliem tal-liġi tal-1996 ma kienx jipprekludi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali ma kinitx tikkostitwixxi obbligu soċjali bħall-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja, iżda kienet tilħaq għanijiet oħra, u minn dan hija ddeduċiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi u lanqas eċċediet il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji mhux komuni fil-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja ma setgħetx tkun ikkumpensata bil-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali.

74

Din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni, fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, li “mill-qari flimkien tal-Artikolu 30(c) u (d) tal-liġi tal-1990, kif emendata bil-liġi tal-1996, jirriżulta li l-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja kienet intiża sabiex ‘isiru ugwali l-livelli tal-obbligi soċjali u fiskali obbligatorji bbażati fuq is-salarji’ bejn France Télécom u l-kompetituri tagħha, filwaqt li l-istess dispożizzjonijiet ma jipprevedu xejn fir-rigward tal-għan tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali”.

75

Għaldaqstant, minn naħa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sentenza appellata tindika b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ Orange.

76

Peress li l-motivazzjoni adottata għaldaqstant tippermetti, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-qasam ta’ appell, l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud.

77

Min-naħa l-oħra, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argument miġbur fil-qosor fil-punt 71 ta’ din is-sentenza ma huwiex ta’ natura li jinvalida l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 92 tas-sentenza appellata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-allegat żnaturament ma jirriżultax b’mod manifest mid-dokumenti tal-fajl u li, permezz tal-argumenti tagħha, Orange, fir-realtà tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti u tal-provi, fatt li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar.

78

Minn dan jirriżulta li l-argument ibbażat fuq żnaturament tal-liġi tal-1996 għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

79

Konsegwentement, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda bħala kompletament infondata.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-“preċedent La Poste”

– L-argumenti tal-partijiet

80

Permezz tat-tieni parti, Orange ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi llimitat ruħha, fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza appellata, tuża l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma għamlet analiżi tal-argumenti ppreżentati minn Orange sabiex tistabbilixxi li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu żbaljati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti l-oħra ppreżentati minn Orange intiżi li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni ma kinitx fondata li tittratta b’mod differenti r-riforma tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali li jaħdmu ma’ Orange u dik tal-uffiċjali li jaħdmu ma’ La Poste.

81

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Orange.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82

F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 sa 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunsiderazzjonjiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza appellata saru biss b’mod addizzjonali. Għaldaqstant, l-argument imressaq minn Orange fl-appell huwa ineffettiv, peress li, anke fuq il-preżunzjoni li dan huwa fondat, dan ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

83

Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni aggravju u, għaldaqstant, dan l-aggravju kollu kemm huwa għandhom jiġu miċħuda bħala kompletament infondati

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha dwar il-perijodu li fih l-għajnuna ġiet innewtralizzata mill-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali

L-argumenti tal-partijiet

84

Orange tqis li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u wettqet sostituzzjoni ta’ motivi meta kkunsidrat, fil-punti 107 u 108 tas‑sentenza appellata, li t-tneħħija tal-obbligi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed kienet tagħmel parti mill-għajnuna ddefinita fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-fatt li, fil-premessa 119 ta’ din id‑deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet illimitat ruħha tikkonkludi li din l-għajnuna kienet tikkonsisti fit-tnaqqis tal-kumpens li kien jikkostitwixxi l‑kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega, mingħajr ma ssemmi l-obbligi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed.

85

Orange żżid li l-obbligi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed huma normalment sostnuti mill-fondi ta’ pensjoni u mhux direttament mill-impriżi. Għaldaqstant, xejn ma kien ippermetta lill-Qorti Ġenerali tqis li l-iskema introdotta permezz tal-liġi tal-1990 kienet tikkostitwixxi obbligi normali u li, għaldaqstant, il-liġi tal-1996 kienet ħelset lill-impriża minn obbligi li normalment jitħallsu mill-baġit tagħha.

86

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Orange.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87

Fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat “li, sfortunatament, il-premessa 119 tad deċiżjoni [kkontestata], li tinkludi l-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE, tillimita ruħha sabiex tindika li l-għajnuna tikkonsisti fit-tnaqqis tal-‘kumpens li jikkostitwixxi l-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega’ mingħajr ma ssemmi l-obbligi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed”.

88

Fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, hija qieset li, madankollu, “għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta kemm mill-kuntest tad-deċiżjoni [kkontestata] kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha li l-għajnuna tikkonsisti, skont il-Kummissjoni, fit-tnaqqis tal-kumpens imħallas minn qabel mi[ll-appellanti], li jinkludi neċessarjament l-obbligi kollha sostnuti minn din tal-aħħar qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura kkontestata”.

89

Din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, li jinsabu fil-punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata:

“104

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-għajnuna mill-Istat hija ddefinita, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kkontestata], bħala dik ‘li tirriżulta mit-tnaqqis tal-kumpens li għandu jitħallas lill-Istat għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati, b’applikazzjoni tal-Kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari, lill uffiċjali ta’ France Télécom b’applikazzjoni tal-[liġi tal-1996] li temenda l-[liġi tal-1990]”.

105

Fil-premessa 105 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni tispjega li l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni jista’ jiġi kkalkolat ‘permezz tad-differenza annwali bejn il-kumpens li jikkostitwixxi l-kontribuzzjoni liberatorja ta’ min iħaddem imħallas minn France Télécom lill-Istat Franċiż u l-obbligi li kienet tħallas b’applikazzjoni tal-Liġi tal-1990, elenkati fit-Tabella 1, kieku din kienet tibqa’ ma tinbidilx, wara li jitnaqqas l-ammont tal-kontribuzzjoni fissa mħallsa fl-1997’. Issa, mit-Tabella 1 li tinstab fil-premessa 18 tad-deċiżjoni [kkontestata] jirriżulta li l-obbligi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed huma inklużi fl-obbligi imħallsa mi[ll-appellanti] lill-Istat bejn l-1991 u l-1996.

106

Il-Kummissjoni għaldaqstant indikat li l-obbligi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed kienu inklużi fil-kalkolu tal-kumpens imħallas skont il-liġi tal-1990 u li l-għajnuna mill-Istat kienet iddefinita u kkalkolata bħala t-tnaqqis ta’ dan il-kumpens imwettaq permezz tal-liġi tal-1996.”

90

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi rraġunat b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ssostitwixxiet il-motivi tagħha stess għal dawk li jinstabu fid-deċiżjoni kkontestata, iżda llimitat ruħha tinterpreta din tal-aħħar fid-dawl tal-kontenut tagħha stess. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega Orange, din l-interpretazzjoni tirrifletti b’mod fidil l-inkoerenzi ta’ din id-deċiżjoni mingħajr ma tiżnaturahom.

91

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala kompletament infondat.

92

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

93

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

94

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

95

Peress li Orange tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Orange hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top