EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0207

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2016.
Nissan Jidosha KK vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva li tinkludi l-element ‘CVTC’ – Talbiet għat-tiġdid imressqa għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom it-trade mark hija rreġistrata – Terminu addizzjonali – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 47 – Prinċipju ta’ ċertezza legali.
Kawża C-207/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:465

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

22 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Appell — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Trade mark figurattiva li tinkludi l-element ‘CVTC’ — Talbiet għat-tiġdid imressqa għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom it-trade mark hija rreġistrata — Terminu addizzjonali — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 47 — Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Fil-Kawża C‑207/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2015,

Nissan Jidosha KK, stabbilita f’Yokohama (il-Ġappun), irrappreżentata minn B. Brandreth, barrister, u D. Cañadas Arcas, abogada,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf u A. Folliard‑Monguiral, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President ta’ Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Nissan Jidosha KK (iktar ’il quddiem “Nissan”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Marzu 2015, Nissan Jidosha vs UASI (CVTC) (T‑572/12, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:136), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas-6 ta’ Settembru 2012 (Każ R 2469/2011‑1), dwar talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni figurattiva CVTC (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

2

L-Artikolu 46 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 78, p. 1), fil-verżjoni tagħha applikabbli f’dan il-każ, intitolat “Tul ta’ żmien tar-reġistrazzjoni” jipprevedi:

“It-trade marks tal-UE għandhom jiġu reġistrati għal perjodu ta’ għaxar snin mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni. Ir-reġistrazzjoni tista’ tiġi mġedda skont l-Artikolu 47 għal perjodi oħrajn ta’ għaxar snin.”

3

L‑Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament intitolat “It-tiġdid”, jipprovdi:

“1.   Ir-reġistrazzjoni ta’ trademark tal-UE għandha tiġi mġedda fuq talba tal-proprjetarju tat-trademark tal-UE jew ta’ kull persuna espressament awtorizzata minnu, sakemm id-drittijiet ikunu tħallsu.

2.   L-Uffiċċju għandu jinforma lill-proprjetarju tat-trademark tal-UE, u lil kull persuna li jkollha dritt reġistrat fir-rigward tat-trademark tal-UE, bl-iskadenza tar-reġistrazzjoni mill-inqas sitt xhur qabel tali skadenza. In-nuqqas li tingħata tali informazzjoni ma jinvolvix ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju u ma jaffettwax l-iskadenza tar-reġistrazzjoni.

3.   It-talba għat-tiġdid għandha tintbagħat f’perijodu ta’ sitt xhur qabel l-iskadenza tar-reġistrazzjoni. It-tariffa bażika għat-tiġdid, u fejn xieraq, tariffa ta’ klassi waħda jew aktar għal kull klassi ta’ oġġetti u servizzi li jaqbżu l-ewwel waħda għandhom ukoll jitħallsu f’dan il-perijodu. Jekk dan ma jsirx, it-talba tista’ tintbagħat u t-tariffi jitħallsu fi żmien perijodu ulterjuri ta’ sitt xhur wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni, dment li titħallas tariffa addizzjonali għall-pagament tard tat-tariffa għat-tiġdid jew is-sottomissjoni tard tat-talba għat-tiġdid fi żmien dan il-perijodu ulterjuri.

4.   Jekk it-talba tiġi sottomessa jew jekk id-drittijiet jiġu mħallsa biss fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun irreġistrata, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi mġedda għal dawk il-prodotti jew servizzi biss.

5.   It-tiġdid għandu jkollu effett mill-jum ta’ wara d-data meta r-reġistrazzjoni eżistenti tiskadi. It-tiġdid għandu jiġi reġistrat.”

4

L-Artikolu 48 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tibdil”, huwa redatt kif ġej:

“1.   It-trade mark tal-UE m’għandhiex tinbidel fir-Reġistru waqt il-perjodu ta’ reġistrazzjoni jew ladarba tiġġedded.

[...]”

5

L-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Ċessjoni” jipprovdi:

“1.   Trade mark tal-UE tista’ tiġi ċeduta fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata jew fir-rigward ta’ kollha.

2.   Iċ-ċessjoni għandha tiġi ddikjarata lill-Uffiċċju bil-miktub mill-proprjetarju tat-trade mark. M’għandhiex ikollha effett qabel ma tiddaħħal fir-Reġistru.

[...]”

6

L-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Restitutio in integrum”, jiddikjara:

“1.   L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark tal-UE jew kull parti oħra fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, li ma jkunux f’pożizzjoni li ikunu konformi mat-terminu ta’ żmien fil-konfront tal-Uffiċċju minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi, għandhom, wara li ssir applikazzjoni, jingħataw lura d-drittijiet tagħhom jekk l-ostaklu għall-konformità jkollha l-konsegwenza diretta, minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, li tikkawża t-telfien ta’ kull dritt jew mezz ta’ rimedju.

2.   L-applikazzjoni għandha tiġi preżentata bil-miktub fi żmien xahrejn mit-tneħħija tal-kawża ta’ non-konformità mat-terminu. L-att li ma jkunx sar għandu jsir fi żmien dan il-perjodu. L-applikazzjoni hija biss ammissibbli fi żmien sena immedjatament wara l-iskadenza tat-terminu mhux osservat. F’każ fejn it-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni ma tiġix sottomessa jew il-ħlas dovut għat-tiġdid ma jsirx, il-perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur msemmi fl-Artikolu 47(3), fit-tielet sentenza, għandu jitnaqqas mill-perjodu ta’ sena.

[...]”

Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95

7

Ir-Regola 30 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat‑13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 355/2009, tal-31 ta’ Marzu 2009 (ĠU L 109, p. 3), intitolata “Tiġdid tar-reġistrazzjoni”, tipprovdi:

“1.

Applikazzjoni għal tiġdid [talba għat-tiġdid] għandha tinkludi:

[...]

c)

jekk it-tiġdid jiġi mitlub għal parti biss mill-oġġetti u servizzi li għalihom il-marka hi rreġistrata, indikazzjoni ta’ dawk il-klassijiet jew dawk l-oġġetti u servizzi li għalihom it-tiġdid hu mitlub jew dawk il-klassijiet jew dawk l-oġġetti u servizzi li għalihom it-tiġdid mhux mitlub, miġbura skond il-klassijiet tal-klassifikazzjoni ta’ Nizza, kull grupp ikun preċedut bin-numru tal-klassi ta’ dik il-klassifikazzjoni li għaliha l-grupp ta’ oġġetti jew servizzi jappartjeni u ppreżentat fl-ordni tal-klassijiet ta’ dik il-klassifikazzjoni.

2.

Il-miżati pagabbli taħt l-Artikolu 47 tar-Regolament ta’ tiġdid ta’ trejdmark tal-Komunità għandu jikkonsisti f’dan li ġej:

a)

miżata bażika;

b)

in-numru tar-reġistrazzjoni tat-trejdmark tal-Komunit li trid tiġi mġedda;

u

c)

fejn applikabbli, miżata addizzjonali għal ħlas tard tal-miżata ta’ tiġdid jew sottomissjoni tard tat-talba ta’ tiġdid, skond l-Artikolu 47 (3) tar-Regolament, kif speċifikat fir-Regolament tal-Miżati

[...]

5.

Fejn l-applikazzjoni għat-tiġdid hi ffajljata jew hi sottomessa wara l-iskadenza tal-perjodu li għalih hu pprovdut fit-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 47(3) tar-Regolament, jew fejn il-miżati m’humiex imħallsa jew jitħallsu biss wara li l-kwestjoni skadiet, jew fejn id-defiċjenzi m’humiex rimedjati f’dak il-perjodu, l-Uffiċċju għandu jiddetermina li r-reġistrazzjoni skadiet u għandu jinnotifika b’dan lill-propjetarju tat-trejdmark tal-Unjoni Ewropea.

[...]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

8

Kif jirriżulta mill-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata, fit-23 ta’ April 2001 Nissan ressqet talba applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image

9

Il-prodotti li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 7, 9 u 12 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

10

It-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata fid‑29 ta’ Ottubru 2003 fir-rigward tal-prodotti f’dawn it-tliet klassijiet.

11

Fis‑27 ta’ Settembru 2010, l-EUIPO informat lil Nissan li din it-trade mark kellha tiġi mġedda qabel it‑23 ta’ April 2011.

12

Fis‑27 ta’ Jannar 2011, Nissan talbet lill-EUIPO sabiex iġedded l-imsemmija trade mark għal parti mill-prodotti koperti mir-reġistrazzjoni, jiġifieri dawk fil-klassijiet 7 u 12.

13

Fid‑9 ta’ Mejju 2011, l-EUIPO informa lil Nissan li t-tiġdid tat-trade mark inkwistjoni kien tniżżel fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea fit‑8 ta’ Mejju 2011 għall-prodotti fil-klassijiet 7 u 12 u li kien ipproċeda għall-irtirar mill-imsemmi reġistru tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 9.

14

Fl‑14 u t‑22 ta’ Lulju, kif ukoll fl‑1 ta’ Awwissu 2011, Nissan talbet lill-EUIPO sabiex jinkludi l-prodotti fil-klassi 9 fit-tiġdid tal-imsemmija trade mark.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Awwissu 2011, l-EUIPO ċaħad it-talba ta’ Nissan.

16

Fid‑29 ta’ Awwissu 2011, Nissan talab lill-EUIPO sabiex jannulla din id-deċiżjoni.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2011, id-Diviżjoni tal-amministrazzjoni tat-trade marks ikkonfermat l-imsemmija deċiżjoni tas‑26 ta’ Awwissu 2011.

18

Fil‑25 ta’ Novembru 2011, Nissan ressqet appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra din id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-amministrazzjoni tat-trade marks.

19

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad dan l-appell. Huwa qies, essenzjalment, li t-talba għat-tiġdid tat-trade mark inkwistjoni għall-prodotti fil-klassijiet 7 sa 12 kienet tikkostitwixxi rinunzja għal din it-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 9. Barra minn hekk, filwaqt li enfasizzat li t-tiġdid parzjali tal-imsemmija trade mark kien ġie rreġistrat mill-EUIPO u nnotifikat lil Nissan, u kien, sussegwentement, ipproduċa effetti erga omnes, l-imsemmi bord tal-appell qies li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ma setax jiġi permess lil Nissan tmur lura fuq id-deċiżjoni tagħha li ma ġġeddidx it-trade mark inkwistjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

20

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2012, Nissan talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

21

Insostenn tar-rikors tagħha, Nissan qajmet motiv uniku bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikoli 47 u 50 tar-Regolament Nru 207/2009.

22

Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 26 sa 30 tas-sentenza appellata, li l-EUIPO kien b’mod żbaljat ekwipara t-talba għat-tiġdid parzjali mressqa minn Nissan għal rinunzja għat-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 207/2009, għall-prodotti fil-klassi 9.

23

Madankollu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 34 sa 50 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija konstatazzjoni ma tistax twassal, f’dan il-każ, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, ġaladarba l-EUIPO kellu raġun, skont l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 207/2009, li jġedded it-trade mark inkwistjoni biss għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 7 u 12.

24

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv uniku mqajjem minn Nissan, kif ukoll, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet

25

Nissan titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

26

L-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Nissan għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

27

Insostenn tal-appell tagħha, Nissan tinvoka żewġ aggravji bbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 207/2009.

L-argumenti tal-partijiet

28

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Nissan tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 207/2009 jeskludi t-talbiet għat-tiġdid parzjali suċċessivi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Nissan issostni li ebda punt mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu ma jipprekludi dawn it-talbiet, li barra minn hekk jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet leġittimi. Fil-fehma tagħha, l-imsemmi artikolu jawtorizza b’mod ġenerali t-tiġdid ta’ tali trade mark qabel l-iskadenza tat-terminu addizzjonali previst fit-tielet sentenza Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009 (iktar ’il quddiem it-“terminu addizzjonali”).

29

F’dan ir-rigward, Nissan tosserva, fl-ewwel lok, li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali għandha bħala effett, minn naħa, li ċċaħħad lill-proprjetarji ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea li jieħdu ħsieb josservaw it-terminu inizjali previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 47(3) milli jibbenefikaw mit-terminu addizzjonali u, min-naħa l-oħra, li jiġu ffavoriti dawk li jinsabu f’pożizzjoni li jħallsu l-ammont tal-miżata ulterjuri li jinvolvi t-tiġdid, matul it-terminu addizzjonali.

30

Fit-tieni lok, Nissan tqis li l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-verità, tekwipara talba għat-tiġdid parzjali ma’ rinunzja, fis-sens tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 207/2009, għall-prodotti mhux imsemmija minn din it-talba, minkejja li l-kundizzjonijiet magħmula minn dan l-artikolu ma humiex osservati.

31

Fit-tielet lok, Nissan issostni li l-fatt li l-proprjetarji ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea jressqu b’mod ċar u inekwivoku talba għat-tiġdid parzjali ma jfissirx li dawn jistennew li t-talbiet tagħhom għat-tiġdid ulterjuri mressqa matul it-terminu addizzjonali jiġu miċħuda, u l-EUIPO diġà aċċetta, minn tal-inqas darbtejn, talbiet għat-tiġdid parzjali suċċessivi f’dawn iċ-ċirkustanzi.

32

Fir-raba’ lok, Nissan tosserva li l-punt 5 tar-Regola 30 tar-Regolament Nru 2868/95, kif emendat mir-Regolament Nru 355/2009 jippermetti t-tiġdid parzjali ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea matul il-perijodu kollu tat-terminu addizzjonali, permezz tal-ħlas progressiv tal-miżati relatati mal-prodotti differenti kkonċernati. Fil-fehma tagħha, ma teżisti ebda raġuni li tiġġustifika distinzjoni bejn il-każ inkwistjoni u tiġdid tal-imsemmija trade mark li tieħu l-forma ta’ talbiet għat-tiġdid parzjali suċċessivi.

33

Fil-ħames lok, Nissan issostni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma tipprekludix li talba għat-tiġdid ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi kkompletata matul it-terminu addizzjonali. Fil-fehma tagħha, iċ-ċertezza legali tat-terzi titqiegħed inkwistjoni biss jekk l-EUIPO tekwipara, b’mod żbaljat, talba għat-tiġdid parzjali ma’ rinunzja, billi tirreġistra d-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal tiġdid parzjali qabel l-iskadenza tat-terminu addizzjonali.

34

L-EUIPO twieġeb li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat korrettament l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 207/2009.

35

Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, l-EUIPO jsostni li mill-formulazzjoni tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta b’mod ċar li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tat-tiġdid ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ssodisfatti, bħala prinċipju, fit-terminu inizjali ta’ sitt xhur li jippreċedu l-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni. B’hekk fil-fehma tiegħu, it-tiġdid tardiv ta’ din it-trade mark matul it-terminu addizzjonali huwa ta’ natura eċċezzjonali, liema fatt huwa kkorroborat kemm mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta dan it-tiġdid għall-ħlas ta’ miżata addizzjonali kif ukoll mill-implikazzjonijiet tiegħu għas-sistema Ewropea tat-trade marks.

36

L-EUIPO jsostni, f’dan il-kuntest, li, skont l-Artikolu 47(5) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade marks tal-Unjoni Ewropea jiġu mġedda b’effett retroattiv fid-data ta’ skadenza tar-reġistrazzjoni. Konsegwentement, ir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea ma jirriflettix dejjem kif suppost il-livell ta’ protezzjoni mogħtija lil trade mark, fejn l-operaturi ekonomiċi għalhekk ma jistgħux jiżguraw ruħhom b’ċertezza dwar l-eżistenza u l-portata tad-drittijiet esklużivi rreġistrati. Peress li l-possibbiltà ta’ tiġdid ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea matul it-terminu addizzjonali toħloq livell ogħla ta’ inċertezza legali, jeħtieġ li t-tielet sentenza tal-Artikolu 47(3) ta’ dan ir-regolament tiġi interpretata b’mod restrittiv.

37

Għandu jingħad ukoll li l-EUIPO tqis li, fl-ipoteżi fejn talba għat-tiġdid “komplet”, li jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 207/2009, titressaq matul it-terminu inizjali msemmi iktar ’il fuq, anki jekk din it-talba tkun tirrigwarda biss parti mill-prodotti li għalihom hija rreġistrata t-trade mark tal-Unjoni Ewropea, inkwantu t-tielet sentenza tal-Artikolu 47(3) ta’ dan ir-regolament tibda bil-kliem “[j]ekk dan ma jsirx”, hija ma tistax tapplika.

38

Barra minn hekk, skont l-EUIPO, fid-dawl tal-Artikolu 47(4) tar-Regolament Nru 207/2009, meta l-proprjetarji ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea jippreżentaw talba għat-tiġdid parzjali bħal din, huma jiddikjaraw impliċitament li huma ma jixtiqux jestendu l-protezzjoni mogħtija mit-trade mark tagħhom għall-kumplament tal-prodotti. L-EUIPO josserva, fuq dan il-punt, li din l-interpretazzjoni ma tittrattax talba għat-tiġdid parzjali bħala rinunzja, fis-sens tal-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament, inkwantu din tal-aħħar tieħu effett fil-mument tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja tar-reġistrazzjoni konsekuttiva għal din id-dikjarazzjoni.

39

Ulterjorment, l-EUIPO jenfasizza li, sa fejn talba għat-tiġdid parzjali ma tkunx irregolari, huwa ma għandux neċessarjament jistenna li jintemm it-terminu addizzjonali sabiex jirreġistra u jippubblika talba għat-tiġdid ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mressqa, fiż-żmien, biss għal ċerti prodotti. Bil-kontra, konformement mal-Artikolu 47(5) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu l-obbligu li jipproċedi b’dan il-mod.

40

L-EUIPO jesponi wkoll il-fatt li r-reġistrazzjoni tat-tiġdid parzjali u, b’mod partikolari, l-iskadenza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti li t-tiġdid tagħhom ma ntalabx jipproduċu effetti erga omnes. Issa, skont l-EUIPO, għalkemm, skont it-tielet sentenza tar-Regolament Nru 207/2009, l-awtoritajiet kompetenti u l-pubbliku għandhom ikunu jafu li tali trade mark tista’ tiġi mġedda matul it-terminu addizzjonali madankollu huma ma jistgħux jantiċipaw il-fatt li trade mark tal-Unjoni Ewropea li ġiet validament imġedda biss parzjalment tiġi, sussegwentement, estiża għal prodotti oħra.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat, jekk, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprekludix it-tressiq ta’ talba għat-tiġdid li tirrigwarda ċerti klassijiet ta’ prodotti jew ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom ġiet irreġistrata trade mark tal-Unjoni Ewropea, matul it-terminu addizzjonali previst fit-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, meta talba għat-tiġdid li tirrigwarda klassijiet oħra ta’ prodotti jew ta’ servizzi koperti mill-istess trade mark tkun ġiet ippreżentata preċedentement, matul it-terminu previst fl-ewwel sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li “[...] mill-formulazzjoni [tat-tielet sentenza tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009], u b’mod partikolari mill-espressjoni ‘fin-nuqqas’, jirriżulta b’mod ċar li l-possibbiltà li t-talba għat-tiġdid titressaq wara l-perijodu inizzjali hija suġġetta għall-assenza ta’ tressiq ta’ talba għat-tiġdid matul l-imsemmi perijodu”, u li, “għalhekk, filwaqt li t-talba għat-tiġdid għandha sseħħ, bħala prinċipju, matul il-perijodu inizzjali, huwa biss b’mod eċċezzjonali, f’dan il-każ mingħajr ebda talba ma tkun tressqet matul il-perijodu inizzjali, li l-proprjetarju ta’ trade mark jew kull persuna espressament awtorizzata minnha tista’ tippreżenta din it-talba matul il-perijodu ta’ grazzja, permezz tal-ħlas ta’ miżata ulterjuri”.

43

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenza tad‑9 ta’ April 2014, GSV, C‑74/13, EU:C:2014:243, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Franċiża, eżaminata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, “[l]a demande de renouvellement est à présenter dans un délai de six mois expirant le dernier jour du mois au cours duquel la période de protection prend fin. Les taxes doivent également être acquittées dans ce délai. À défaut, la demande peut encore être présentée et les taxes acquittées dans un délai supplémentaire de six mois prenant cours le lendemain du jour visé dans la première phrase, sous réserve du paiement d’une surtaxe au cours dudit délai supplémentaire”. [verżjoni uffiċjali bil-Malti fil-punt 3 iktar ’il fuq]

45

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li hemm diverġenzi f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tat-tielet sentenza tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009 meta mqabbla mat-test riprodott fil-punt preċedenti inkwantu huma ma jużawx il-kliem “à defaut [fin-nuqqas (traduzzjoni mhux uffiċjali – verżjoni uffiċjali fil-punt 3 iktar ’il fuq)]”, li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fil-punt 38 tas-sentenza appellata, u lanqas ma jużaw kliem oħra simili.

46

B’mod indikattiv, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tipprovdi li “[d]er Antrag und die Gebühren können noch innerhalb einer Nachfrist von sechs Monaten nach Ablauf des in Satz 1 genannten Tages eingereicht oder gezahlt werden, sofern innerhalb dieser Nachfrist eine Zuschlagsgebühr entrichtet wird”, il-verżjoni bil-lingwa Olandiża tipprovdi li “[de] indiening van de aanvrage en de voldoening van de taksen kunnen nog binnen een extra termijn van zes maanden na het verstrijken van de in de eerste zin genoemde termijn geschieden, tegen betaling van een toeslag binnen deze extra termijn”, il-verżjoni bil-lingwa Portugiża tipprovdi li “[o] pedido pode ainda ser apresentado e as taxas pagas num prazo suplementar de seis meses, a contar do dia seguinte ao referido na primeira frase, sob reserva do pagamento de uma sobretaxa no decurso desse prazo suplementar”, u l-verżjoni bil-lingwa Finlandiża tipprovdi li “[h]akemus voidaan kuitenkin vielä esittää ja maksut suorittaa kuuden kuukauden lisämääräajan kuluessa, joka alkaa ensimmäisessä virkkeessä tarkoitetun päivän jälkeisenä päivänä, jos mainitun määräajan kuluessa suoritetaan lisämaksu”.

47

Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi dedott b’mod ċar u inekwivoku mill-espressjoni “à défaut [fin-nuqqas]” użata fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-imsemmija dispożizzjoni li huwa biss b’mod eċċezzjonali, mingħajr ma tressqet ebda talba oħra f’dan is-sens preċedentement, li talba għat-tiġdid ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi ppreżentata matul it-terminu addizzjonali.

48

Bil-kontra, il-formulazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha riprodotti fil-punti preċedenti, tissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta t-tressiq ta’ talba għat-tiġdid ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea matul it-terminu addizzjonali għas-sempliċi ħlas ta’ miżata ulterjuri, li tikkostitwixxi, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-uniku element li jippermetti li ssir distinzjoni bejn talba għat-tiġdid imressqa f’dawn iċ-ċirkustanzi u talba mressqa fit-terminu inizjali ta’ sitt xhur.

49

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali tat x’tifhem fil-punt 39 tas-sentenza appellata u għal dak li jsostni l-EUIPO, il-formulazzjoni ġenerali tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni din l-interpretazzjoni.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 47(4) ta’ dan ir-regolament, jekk it-talba għat-tiġdid titressaq biss għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom hija rreġistrata t-trade mark tal-Unjoni Ewropea, ir-reġistrazzjoni tiġġedded biss għal dawn il-prodotti jew servizzi, filwaqt li l-Artikolu 47(5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li t-tiġdid isir effettiv fil-ġurnata ta’ wara d-data ta’ skadenza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni u ladarba jkun irreġistrat.

51

Għandu jiġi kkonstatat li minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li huwa pprojbit li, matul it-termini msemmija fl-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009, jitressqu talbiet għat-tiġdid ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea b’mod progressiv fiż-żmien u li jkunu bbażati fuq klassijiet differenti ta’ prodotti jew ta’ servizzi.

52

Barra minn hekk, l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 207/2009 jikkorroboraw l-interpretazzjoni li l-imsemmija talbiet għat-tiġdid għandhom jiġu aċċettati, bil-kundizzjoni li jitressqu qabel l-iskadenza tat-terminu addizzjonali.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, billi pprovda l-possibbiltà li jintalab b’mod kontinwu t-tiġdid tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għal perijodi ta’ għaxar snin u billi pprovda, f’dan il-kuntest, żewġ termini konsekuttivi li matulhom l-imsemmi tiġdid seta’ jintalab, konformement mal-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament Nru 207/2009, dan tal-aħħar għandu l-għan li jiffaċilita, fid-dawl tal-importanza ekonomika tal-protezzjoni mogħtija mit-trade marks tal-Unjoni Ewropea, iż-żamma mill-proprjetarji tagħhom tad-drittijiet esklużivi tagħhom.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal‑24 ta’ Mejju 2011, intitolat “Suq uniku għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jagħti spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta’ kwalita għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa” [COM(2011) 287 finali] (p. 7), il-protezzjoni tat-trade marks tiffavorixxi l-investiment fil-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi, b’mod partikolari fis-setturi li jiddependu ħafna fuq immaġni ta’ trade mark u fuq il-fedeltà tal-konsumatur.

55

It-tiftix ta’ dan l-għan fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009 huwa wkoll ikkonfermat, minn naħa, bil-fatt li, skont l-Artikolu 47(2) ta’ dan ir-regolament, l-EUIPO għandu jinforma fi żmien utli lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u kull proprjetarju ta’ dritt irreġistrat fuqha dwar l-iskadenza tar‑reġistrazzjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 81 tal-imsemmi regolament, il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li, minkejja li wera d-diliġenza meħtieġa miċ-ċirkustanzi, ma kienx f’pożizzjoni li josserva terminu fir-rigward tal-EUIPO jista’ jiġi reintegrat fid-drittijiet tiegħu, permezz tat-tressiq ta’ talba f’terminu massimu ta’ sena mill-iskadenza tat-terminu mhux osservat.

56

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat il-punt dwar jekk ir-raġunijiet ta’ ċertezza legali, marbuta mal-effett erga omnes tar-reġistrazzjoni ta’ talba għat-tiġdid parzjali ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mill-ġurnata wara d-data tal-iskadenza tar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark, jipprekludux it-talbiet għat-tiġdid suċċessivi inkwistjoni f’dan il-każ, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata u kif sostnut mill-EUIPO.

57

F’dan ir-rigward jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-oġġezzjoni mqajma tistrieħ fuq il-premessa żbaljata li mill-Artikolu 47(4) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009 mhux biss jirriżulta li l-EUIPO għandu l-obbligu li jirreġistra talba għat-tiġdid parzjali qabel l-iskadenza tat-terminu addizzjonali, iżda wkoll li huwa impossibbli għall-EUIPO li, fil-każ ta’ reġistrazzjoni ta’ tali talba, minflok l-irtirar mir-reġistru ta’ ċerti klassijiet ta’ prodotti jew ta’ servizzi, tipprovdi għal miżuri ta’ informazzjoni li jippermettu li jitħarsu kemm id-drittijiet tal-proprjetarji tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-drittijiet tat-terzi.

58

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludu t-tressiq ta’ talba għat-tiġdid li tirrigwarda ċerti klassijiet ta’ prodotti jew ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom ġiet irreġistrata trade mark tal-Unjoni Ewropea, matul it-terminu addizzjonali, meta talba għat-tiġdid dwar klassijiet oħra ta’ prodotti jew ta’ servizzi koperti mill-istess trade mark ġiet ippreżentata preċedentement, matul it-terminu previst fl-ewwel sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni.

59

Għaldaqstant, jeħtieġ li jintlaqa’ l-ewwel aggravju, u, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 207/2009, li s-sentenza appellata tiġi annullata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

60

Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ hawnhekk.

61

F’dan ir-rigward, mill-punti 41 sa 58 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mill-punti 26 sa 30 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-motiv uniku invokat minn Nissan insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal‑Artikoli 47 u 50 tar-Regolament Nru 207/2009, huwa fondat u, konsegwentement, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża.

Fuq l-ispejjeż

62

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

63

Konformement mal-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

64

Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub minn Nissan, kemm fir-rigward tal-proċedura fl-ewwel istanza fil-Kawża T-572/12 kif ukoll tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Marzu 2015, Nissan Jidosha vs UASI (CVTC) (T‑572/12, mhux ippubblikata fil-Ġabra), hija annullata.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas-6 ta’ Settembru 2012 (Każ R 2469/2011‑1), dwar talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva CVTC hija annullata.

 

3)

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tiegħu, għal dawk sostnuti minn Nissan Jidosha KK, kemm fir-rigward tal-proċedura fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑572/12 kif ukoll f’dik tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top