This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0188
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 14 March 2017.#Asma Bougnaoui and Association de défense des droits de l’homme (ADDH) v Micropole SA.#Request for a preliminary ruling from the Cour de cassation.#Reference for a preliminary ruling — Social policy — Directive 2000/78/EC — Equal treatment — Discrimination based on religion or belief — Genuine and determining occupational requirement — Meaning — Customer’s wish not to have services provided by a worker wearing an Islamic headscarf.#Case C-188/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Marzu 2017.
Asma Bougnaoui u Association de défense des droits de l’homme (ADDH) vs Micropole SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti – Kunċett – Xewqa ta’ klijent li s-servizzi ma jiġux ipprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku.
Kawża C-188/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Marzu 2017.
Asma Bougnaoui u Association de défense des droits de l’homme (ADDH) vs Micropole SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti – Kunċett – Xewqa ta’ klijent li s-servizzi ma jiġux ipprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku.
Kawża C-188/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:204
*A9* Cour de cassation, 09/04/2015 (A 13-19.855)
- Wolmark, Cyril: Le foulard dans l'entreprise - La CJUE invitée dans le débat, Droit social 2015 p.648-649
*P1* Cour de cassation, chambre sociale, arrêt du 22/11/2017 (2484 FP-P+B+R+I)
https://www.courdecassation.fr/jurisprudence_2/chambre_sociale_576/2484_22_38073.html
https://www.courdecassation.fr/jurisprudence_2/notes_explicatives_7002/relative_arret_37989.html
Publication Flash News "Décisions de suivi" N°3/17
Information rapide n°11-2017
file://G:\INFORMATIONS_RAPIDES\2017\Informations-rapides-11-2017-FR.pdf
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
14 ta’ Marzu 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament — Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin — Rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti — Kunċett — Xewqa ta’ klijent li s-servizzi ma jiġux ipprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku”
Fil-Kawża C‑188/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza) b’deċiżjoni tad-9 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ April 2015, fil-proċedura
Asma Bougnaoui,
Association de défense des droits de l’homme (ADDH)
vs
Micropole SA, li kienet Micropole Univers SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, M. Berger, M. Vilaras u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, F. Biltgen (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Bougnaoui u l-Association de défense des droits de l’homme (ADDH), minn C. Waquet, avukat, |
— |
għal Micropole SA, minn D. Célice, avocat, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Simmons, bħala aġent, assistita minn A. Bates, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Van Hoof, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Asma Bougnaoui u l-Association de défense des droits de l’homme (ADDH) (assoċjazzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, iktar ’il quddiem l-“ADDH”), minn naħa, u Micropole SA, li kienet Micropole Univers SA, (iktar ’il quddiem, “Micropole”), min-naħa l-oħra, rigward it-tkeċċija minn din tal-aħħar ta’ A. Bougnaoui għaliex hija rrifjutat li tneħħi l-velu Iżlamiku tagħha meta tkun fuq missjoni għand il-klijenti ta’ din l-impriża. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2000/78
3 |
Il-premessi 1, 4 u 23 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedu:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament.” |
5 |
L-Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda: […]
[…]” |
7 |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi: “Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.” |
Id-dritt Franċiż
8 |
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 ġew trasposti fid-dritt Franċiż, b’mod partikolari, fl-Artikoli L. 1132‑1 u L. 1133‑1 tal-code du travail (kodiċi tax-xogħol) kif jirriżultaw mil-Liġi Nru 2008-496, tas-27 ta’ Mejju 2008, li tistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet ta’ adattament għad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet (JORF tat-28 ta’ Mejju 2008, p. 8801). |
9 |
L-Artikolu L. 1121-1 tal-kodiċi tax-xogħol jgħid: “Ħadd ma’ jista’ jillimita d-drittijiet personali u l-libertajiet individwali u kollettivi bi kwalunkwe restrizzjoni li ma tkunx iġġustifikata min-natura tal-kompitu li għandu jitwettaq jew proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq.” |
10 |
L-Artikolu L. 1132-1 tal-imsemmi kodiċi, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi: “L-ebda persuna ma tista’ tiġi eskluża minn proċedura ta’ reklutaġġ jew mill-aċċess għal esperjenza ta’ xogħol jew perijodu ta’ taħriġ f’impriża, l-ebda impjegat ma jista’ jiġi ddixxiplinat, imkeċċi jew suġġett għal trattament diskriminatorju, kemm direttament kif ukoll indirettament, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 2008‑496 tas-27 ta’ Mejju 2008 li tistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet ta’ adattament għad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu L. 3221‑3, skemi ta’ inċentiv jew ta’ tqassim ta’ ishma, taħriġ, klassifikazzjoni mill-ġdid, allokazzjoni, ċertifikazzjoni, klassifikazzjoni, promozzjoni fil-karriera, trasferiment, jew tiġdid tal-kuntratt, minħabba l-oriġini tiegħu, is-sess tiegħu, l-aġir tiegħu, l-orjentament sesswali tiegħu, l-età tiegħu, […],l-opinjonijiet politiċi tiegħu, l-attivitajiet sindakali jew tal-kunsill tax-xogħol tiegħu, it-twemmin reliġjuż tiegħu, l-apparenza fiżika tiegħu, kunjomu jew minħabba l-istat ta’ saħħa jew diżabbiltà tiegħu.” |
11 |
L-Artikolu L. 1133‑1 tal-istess kodiċi huwa fformulat kif ġej: “L-Artikolu L. 1132‑1 ma għandux jipprekludi d-differenzi fit-trattament li jissodisfaw rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, bil-kundizzjoni li l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat.” |
12 |
L-Artikolu L. 1321-3 tal-kodiċi tax-xogħol, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi: “Ir-regolamenti interni ma għandhomx jinkludu:
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 |
Mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li A. Bougnaoui ltaqgħet, fix-xahar ta’ Ottubru 2007, waqt fiera għall-istudenti, qabel ir-reklutaġġ tagħha mal-impriża privata Micropole, ma’ rappreżentant ta’ din, li informaha bil-fatt li l-ilbies tal-velu Iżlamiku seta’ joħloq problema meta hija tkun f’kuntatt mal-klijenti ta’ din il-kumpannija. Meta A. Bougnaoui ppreżentat ruħha, fl-4 ta’ Frar 2008, għand Micropole sabiex tagħmel hemmhekk perijodu ta’ taħriġ ta’ tmiem tal-istudji, hija kienet liebsa sempliċi bandana. Sussegwentement, hija libset velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol tagħha. Fi tmiem dan il-perijodu ta’ taħriġ, Micropole rreklutatha, mill-15 ta’ Lulju 2008, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, bħala inġinier ta’ proġetti. |
14 |
Wara li ssejħet, fil-15 ta’ Ġunju 2009, għal intervista qabel tkeċċija possibbli, A. Bougnaoui tkeċċiet b’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2009 redatta kif ġej: “[…] Bħala parti mid-dmirijiet tiegħek, ħadt sehem f’xogħlijiet f’isem il-klijenti tagħna. Tlabnik taħdem għall-klijent […] fil-15 ta’ Mejju, fis-sit [tiegħu] […] Wara dak ix-xogħol, il-klijent qalilna li l-ilbies ta’ velu, li inti fil-fatt tilbes kuljum, kien imbarazza lil numru ta’ impjegati tagħha. Talab ukoll li ma jkunx hemm ‘velu d-darba li jmiss’. Meta ġejt impjegata mill-kumpannija tagħna, fl-intervisti tiegħek mal-Maniġer operattiv tiegħek, […], u l-Maniġer responsabbli mir-reklutaġġ, […], ġie diskuss is-suġġett tal-ilbies tal-velu b’mod ċar ħafna miegħek. Aħna għednilek li nirrispettaw għalkollox il-prinċipju tal-libertà ta’ opinjoni u t-twemmin reliġjuż ta’ kulħadd, imma billi inti kont se tkun f’kuntatt intern jew estern mal-klijenti tal-kumpannija, ma tkunx tista’ tilbes il-velu fiċ-ċirkustanzi kollha. Fl-interessi u għall-iżvilupp tal-impriża, aħna ninsabu kostretti, fir-rigward tal-klijenti tagħna, li nirrikjedu li tintuża diskrezzjoni fir-rigward tal-espressjoni tal-preferenzi personali tal-impjegati tagħna. Fl-intervista tagħna tas-17 ta’ Ġunju, aħna tennejnilek dan il-prinċipju ta’ newtralità neċessarja u tlabnik tapplikah fir-rigward tal-klijenti tagħna. Erġajna staqsejnik jekk stajtx taċċetta dawn ir-rekwiżiti professjonali billi taċċetta li ma tilbisx il-velu, u inti rrispondejtna fin-negattiv. Aħna nikkunsidraw li dawn il-fatti jiġġustifikaw, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħek. Billi l-pożizzjoni tiegħek tagħmilha impossibbli li tkompli bil-funzjonijiet tiegħek f’isem il-kumpannija, billi ma nistgħux nikkontemplaw, minħabba l-pożizzjoni li inti ħadt, li tkompli tipprovdi servizzi fil-postijiet tal-klijenti tagħna, mhux se tkun tista’ taħdem il-perijodu ta’ avviż tiegħek. Billi dan in-nuqqas li taħdem matul il-perijodu ta’ avviż huwa imputabbli lilek, m’intix ser tiġi rremunerata għall-perijodu ta’ avviż tiegħek. Jiddispjaċina b’din is-sitwazzjoni peress li l-kompetenza professjonali tiegħek u l-potenzjal tiegħek ġiegħluna nittamaw li jkun hemm kollaborazzjoni fit-tul.” |
15 |
Peress li qieset li din it-tkeċċija kienet diskriminatorja, A. Bougnaoui ppreżentat, fit-8 ta’ Settembru 2009, rikors quddiem il-conseil de prud’hommes de Paris (tribunal tax-xogħol ta’ Pariġi, Franza). Fl-4 ta’ Mejju 2011, dan ikkundanna lil Micropole għall-pagament ta’ kumpens fir-rigward tal-perijodu ta’ avviż tagħha talli ma indikatx fl-ittra ta’ tkeċċija tagħha l-gravità tal-allegat nuqqas ta’ A. Bougnaoui u ċaħad il-kumplament tar-rikors, minħabba li r-restrizzjoni tal-libertà ta’ A. Bougnaoui li tilbes il-velu Iżlamiku kienet iġġustifikata mill-kuntatt ta’ din tal-aħħar ma’ klijenti ta’ din il-kumpannija u proporzjonata mal-għan segwit minn Micropole li huwa intiż sabiex tiġi ppreżervata l-immaġni ta’ din u sabiex ma jiġix offiż it-twemmin tal-klijenti tagħha. |
16 |
A. Bougnaoui, sostnuta mill-ADDH, appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi, Franza). B’deċiżjoni tat-18 ta’ April 2013, din ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Conseil de prud’hommes de Paris (tribunal tax-xogħol ta’ Pariġi). Fid-deċiżjoni tagħha, hija fost l-oħrajn iddikjarat li t-tkeċċija ta’ A. Bougnaoui ma kinitx ġejja minn diskriminazzjoni bbażata fuq it-twemmin reliġjuż tal-impjegata, għaliex din kienet awtorizzata tkompli tesprimih fi ħdan l-impriża, u li kienet iġġustifikata minn restrizzjoni leġittima li ġejja mill-interessi tal-impriża filwaqt li l-eżerċizzju, mill-impjegata, tal-libertà li timmanifesta t-twemmin reliġjuż tagħha kien imur lil hinn mill-konfini tal-impriża u kien impost fuq il-klijenti ta’ din tal-aħħar mingħajr kunsiderazzjoni għas-sensittivitajiet tagħhom, u dan kien jikser id-drittijiet ta’ ħaddieħor. |
17 |
A. Bougnaoui u l-ADDH appellaw quddiem il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza) kontra d-deċiżjoni tat-18 ta’ April 2013. Huma sostnew quddiem din il-qorti li l-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) kienet kisret b’mod partikolari l-Artikoli L. 1121‑1, L. 1321‑3 u L. 1132‑1 tal-kodiċi tax-xogħol. Fil-fatt, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà reliġjuża għandhom ikunu ġġustifikati min-natura tal-kompitu li għandu jitwettaq u għandhom jissodisfaw rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti sakemm l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat. Issa, l-ilbies tal-velu Iżlamiku minn impjegata ta’ impriża privata, f’kuntatt mal-klijentela, ma jippreġudikax id-drittijiet jew it-twemmin ta’ ħaddieħor u l-iskumdità jew is-sensittività tal-klijentela ta’ kumpannija kummerċjali, li allegatament jinħassu mas-sempliċi dehra ta’ simbolu ta’ affiljazzjoni reliġjuża, la jikkostitwixxu kriterju effettiv u lanqas wieħed leġittimu, li ma huwa relatat ma’ ebda diskriminazzjoni, li jiġġustifika l-fatt li tingħata prevalenza lill-interessi ekonomiċi jew kummerċjali tal-imsemmija kumpannija fuq il-libertà fundamentali ta’ reliġjon ta’ impjegat. |
18 |
L-awla għall-oqsma soċjali tal-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni), adita bl-appell ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tosserva li, fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddikjarat li l-fatt li persuna li timpjega tiddikjara pubblikament li mhux ser tirrekluta impjegati b’ċerta oriġini etnika jew razzjali jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fir-reklutaġġ fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), iżda ma ddeċidietx fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, minħabba n-natura ta’ attività professjonali jew il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, ix-xewqa ta’ klijent ta’ persuna li timpjega li l-provvisti ta’ servizzi ta’ din ma jibqgħux jingħataw minn ħaddiem għal waħda mir-raġunijiet li hemm riferiment għalihom fl-imsemmija direttiva. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari: “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 2000/78] għandhom jiġu interpretati fis-sens li x-xewqa ta’ klijent ta’ kumpannija ta’ konsulenza informatika li s-servizzi informatiċi ta’ din il-kumpannija ma jibqgħux jiġu pprovduti lilu minn impjegata, inġinier ta’ proġetti, liebsa velu Iżlamiku, tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali partikolari kkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu?” |
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
20 |
Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Micropole ressqet, fit-18 ta’ Novembru 2016, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali taħt l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
21 |
Insostenn tat-talba tagħha, Micropole sostniet li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tieħu nota tal-osservazzjonijiet tagħha wara l-għoti tal-imsemmija konklużjonijiet u li hija xtaqet tagħti informazzjoni komplementari lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
23 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li għandha l-elementi meħtieġa kollha sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari li tressqet quddiemha u li din ma għandhiex tiġi eżaminata fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx diskuss quddiemha. |
24 |
Għaldaqstant, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali mressqa minn Micropole għandha tiġi miċħuda. |
Fuq id-domanda preliminari
25 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-volontà ta’ persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat ta’ klijent li s-servizzi tal-imsemmija persuna li timpjega ma jibqgħux jiġu pprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
26 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, din għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bl-iskop li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
27 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “reliġjon”, li jinsab fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi osservat li din id-direttiva ma tinkludix definizzjoni tal-imsemmi kunċett. |
28 |
Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera, fil-premessa 1 tad-Direttiva 2000/78, għad-drittijiet fundamentali kif huma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), li tipprevedi, fl-Artikolu 9 tagħha, li kull persuna għandha dritt għal-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, u dan id-dritt jimplika, b’mod partikolari, il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti. |
29 |
Fl-istess premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera wkoll għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, inkwantu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fost id-drittijiet li jirriżultaw minn dawn it-tradizzjonijiet komuni u li ġew affermati mill-ġdid fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), hemm id-dritt għal-libertà ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta. Skont din id-dispożizzjoni, dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin, kif ukoll il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku, jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-dritt iggarantit fl-Artikolu 10(1) ta’ din jikkorrispondi mad-dritt iggrantit fl-Artikolu 9 tal-KEDB u, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, huwa għandu l-istess sens u l-istess portata bħal dan. |
30 |
Sa fejn il-KEDB u, sussegwentement, il-Karta jagħtu sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “reliġjon”, inkwantu huma jinkludu f’dan il-kunċett il-libertà tal-persuni li jimmanifestaw ir-reliġjon tagħhom, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iżomm l-istess approċċ fl-adozzjoni tad-Direttiva 2000/78, b’tali mod li l-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża. |
31 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li wieħed ikun jaf jekk id-domanda tal-qorti tar-rinviju hijiex ibbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin jew fuq konstatazzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq tali kriterji. |
32 |
F’dan ir-rigward, jekk, u dan għandu jiġi vverifikat minn din il-qorti, it-tkeċċija ta’ A. Bougnaoui kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ regola interna li kienet fis-seħħ fi ħdan din l-impriża, li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, u jekk jirriżulta li din ir-regola li tidher newtrali twassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jkollhom reliġjon jew twemmin speċifiku, bħal A. Bougnaoui, ikun hemm lok li jiġi konkluż li teżisti differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, G4S Secure Solutions, C‑157/15, punti 30 u 34). |
33 |
Madankollu, skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din id-direttiva, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta, jekk tkun iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, bħall-implementazzjoni, minn Micropole, ta’ politika ta’ newtralità fir-rigward tal-klijenti tagħha, u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, G4S Secure Solutions, C‑157/15, punti 35 sa 43). |
34 |
Min-naħa l-oħra, fil-każ li t-tkeċċija ta’ A. Bougnaoui ma tkunx ibbażata fuq l-eżistenza ta’ regola interna bħal dik imsemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat, hekk kif titlob id-domanda tal-qorti tar-rinviju, jekk il-volontà ta’ persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqa ta’ klijent li s-servizzi ma jibqgħux jiġu pprovduti minn ħaddiema li, bħal A. Bougnaoui, ġiet assenjata minn din il-persuna li timpjega lil dan il-klijent u li tilbes velu Iżlamiku, tikkostitwixxix rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78. |
35 |
F’dan ir-rigward, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li differenza fit-trattament ibbażata fuq karatteristika marbuta ma’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attività professjonali jew il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, il-karatteristika inkwistjoni tkun tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, sakemm l-għan ikun leġittimu u sakemm ir-rekwiżit ikun proporzjonat. |
36 |
B’dan il-mod, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu, fejn xieraq, li differenza fit-trattament ibbażata fuq karatteristika marbuta ma’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni. Dan jidher li huwa l-każ hawnhekk, bis-saħħa tal-Artikolu L. 1133‑1 tal-kodiċi tax-xogħol, li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
37 |
Wara li ngħad dan, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li ma hijiex ir-raġuni li fuqha hija bbażata d-differenza fit-trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ din ir-raġuni, li għandha tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf, C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 35; tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 66; tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez,C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 36, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 33). |
38 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2000/78, huwa biss f’kundizzjonijiet limitati ħafna li karatteristika marbuta, b’mod partikolari, mar-reliġjon tista’ tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti. |
39 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skont it-termini nfushom tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, il-karatteristika inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi tali rekwiżit biss “minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu”. |
40 |
Minn dawn id-diversi indikazzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għal rekwiżit oġġettivament iddettat min-natura jew mill-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività professjonali inkwistjoni. Huwa ma jistax, min-naħa l-oħra, ikopri kunsiderazzjonijiet suġġettivi, bħall-volontà tal-persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni xewqat partikolari tal-klijent. |
41 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-volontà ta’ persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat ta’ klijent li s-servizzi tal-imsemmija persuna li timpjega ma jibqgħux jiġu pprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku ma tistax titqies bħala rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-volontà ta’ persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat ta’ klijent li s-servizzi tal-imsemmija persuna li timpjega ma jibqgħux jiġu pprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku ma tistax titqies bħala rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.