EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0156

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016.
"Private Equity Insurance Group" SIA vs "Swedbank" AS.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/47/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘kollateral finanzjarju’, ta’ ‘obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti’ u ta’ ‘provvista ta’ kollateral finanzjarju’ – Possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ kollateral finanzjarju indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza – Kuntratt ta’ kont kurrenti li jipprevedi klawżola ta’ rahan finanzjarju.
Kawża C-156/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:851

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2002/47/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċetti ta’ ‘kollateral finanzjarju, ta’ ‘obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti’ u ta’ ‘provvista ta’ kollateral finanzjarju’ — Possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ kollateral finanzjarju indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza — Kuntratt ta’ kont kurrenti li jipprevedi klawżola ta’ rahan finanzjarju”

Fil-Kawża C‑156/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Civillietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet ċivili, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2015, fil-proċedura

“Private Equity Insurance Group” SIA

vs

“Swedbank” AS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Private Equity Insurance Group” SIA, minn N. Šlitke, avukat,

għal “Swedbank” AS, minn R. Vonsovičs, D. Lasmanis u I. Balmaks, avukati, kif ukoll minn R. Rubenis,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u J. Treijs-Gigulis, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. García-Valdecasas Dorrego u V. Ester Casas, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Kraehling, bħala aġent, assistita minn J. Holmes, barrister, kif ukoll de M. B. Kenelly, QC,

għall‑Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius, A. Sauka u K.‑Ph. Wojcik, bħala aġenti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ġunju 2002, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 89).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Private Equity Insurance Group” SIA u “Swedbank” AS, rigward rikors għad-danni ppreżentat mill-ewwel kumpannija kontra t-tieni waħda.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id‑Direttiva 98/26/KE

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 1998, dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 107):

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal:

a)

xi sistema kif definita fl-Artikolu 2(a), irregolata bil-liġi ta’ Stat Membru u li topera f’kull munita, l-[euros] jew il-muniti varji li s-sistema tikkonverti waħda ma’ l-oħra;

b)

kull parteċipant f’sistema bħal din;

ċ)

sigurtà kollaterali pprovduta b’konnessjoni ma’:

parteċipazzjoni f’sistema, jew

operazzjonijiet tal-banek ċentrali ta’ l-Istati Membri fil-funzjonijiet tagħhom bħala banek ċentrali.”

4

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

a)

‘sistema’ għandha tfisser arranġament formali:

bejn tlieta jew aktar parteċipanti, mingħajr ma wieħed iqis il-possibbiltà ta’ aġent għall-ftehim, possibbiltà ta’ kontraparti ċentrali, possibbiltà ta’ stabbiliment bankarju jew possibbiltà ta’ parteċipant indirett, bir-regoli komuni u arranġamenti standardizzati għat-twettiq ta’ ordnijiet ta’ trasferiment bejn il-parteċipanti,

irregolati bil-liġi ta’ Stat Membru magħżul mill-parteċipanti; il-parteċipanti jistgħu, madankollu, jagħżlu biss il-liġi ta’ Stat Membru f’liema wieħed minnhom għandu l-uffiċċju ewlieni tagħhom, u

innominati, mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet l-oħra aktar ħorox ta’ l-implimentazzjoni ġenerali ddettata mil-liġi nazzjonali, bħala sistema u notifikata lill-Kummissjoni mill-Istat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli, wara li dak l-Istat Membru jkun sodisfatt skond kemm ir-regoli tas-sistema jkunu addattati.”

Id-Direttiva 2002/47

5

Il-premessi 1, 3 sa 5, 9, 10, 17 u 18 tad-Direttiva 2002/47 jiddikjaraw:

“(1)

Id-Direttiva [98/26] hija l-pilastru dwar it-twaqqif ta’ qafas legali sod għas-sistemi ta’ ħlasijiet u finalizzar ta’ garanziji. L-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva wriet l-importanza li jiġi limitat ir-riskju sistematiku eżistenti, u li joħorġu minn influwenzi differenti ta’ diversi ġurisdizzjonijiet, u l-benefiċċji ta’ regoli komuni f’relazzjoni ma’ kollaterali kostitwiti ma’ sistemi bħal dawn.

[…]

(3)

Għandu jiġi mwaqqaf reġim tal-Komunità, sabiex jipprovdi għal garanziji u flus bħala kollaterali (iktar ’il quddiem il-“kollaterali finanzjarji”) kemm taħt imgħax tal-garanziji, kif ukoll strutturi ta’ trasferiment ta’ titolu inkluż ftehim ta’ xiri mill-ġdid (repos). Dan jikkkontribwixxi għall-integrazzjoni u l-konvenjenza tas-suq finanzjarju, kif ukoll l-istabbilità tas-sistema finanzjarja fil-Komunità, u b’hekk tappoġġja l-libertà sabiex jiġu pprovduti servizzi u l-moviment ħieles tal-kapital f’suq wieħed fis-servizzi finanzjarji. Din id-Direttiva tiffoka fuq arranġamenti finanzjarji kollaterali.

(4)

Din id-Direttiva hija addotata f’kuntest legali Ewropew li jikkonsisti partikularment minn din id-Direttiva [98/26] kif ukoll id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-4 t’April 2001 dwar l-organizazzjoni mill-ġdid u x-xoljiment ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15)] u tad-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Marzu 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ impriżi ta’ l-assigurazzjoni [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 3)] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191)]. Din id-Direttiva hija in linea mal-mudell ġenerali ta’ dawn l-atti legali preċedenti, u mhux kuntrarja għalih. Ċertament, din id-Direttiva tikkumplimenta dawn l-atti legali eżistenti billi titratta kwistjonijiet oħra, u tmur lil hinn minnhom in konnessjoni ma’ materji partikulari, ġia trattati minn dawn l-atti.

(5)

Sabiex tiġi mtejba iċ-ċertezza legali ta’ l-arranġamenti finanzjarji kollaterali, l-Istati Membri iridu jassiguraw li ċerti dispożizzjonijiet dwar il-liġi tal-falliment ma japplikawx għal dawn l-arranġamenti, partikularment dawk li jinibixxu ir-realizazzjoni effettiva tal-kollateral finanzjarju, jew jixħtu dubbju dwar il-validità ta’ tekniċi korrenti bħall-close-out netting bilaterali, l-għoti ta’ kollateral addizzjonali fil-foma ta’ kollateral top-up u s-sostituzzjoni tal-kollateral.

[…]

(9)

Sabiex jiġu limitati il-piżijiet amministrattivi għall-partijiet li jużaw il-kollateral finanzjarju bl-iskop ta’ din id-Direttiva, l-unika bżonn ta’ perfezzjoni li l-liġi nazzjonali tista timponi dwar il-kollateral finanzjarju, għandu jkun dak li jiġi mwassal, trasferit, miżmum, reġistrat jew kif xort’oħra msejjaħ il-kollateral finanzjarju, sabiex ikun f’pusses jew taħt il-kontroll ta’ minn jakkwista l-kollateral, jew ta’ persuna li taġixxi għan-nom ta’ min jakkwista l-kollateral, mingħajr ma jeskludi tekniċi kollaterali, fejn min jipprovdi l-kollateral huwa permess li jissostitwixxi l-kollateral jew jirtira l-kollateral eċċessiv.

(10)

Għall-istess raġunijiet, il-ħolqien, validità, perfezzjoni, enforzabilità jew ammissibilità fl-evidenza ta’ arranġament dwar kollateral finanzjarju, jew l-għoti ta’ kollateral finanzjarju taħt arranġament dwar kollateral finanzjarju, m’għandhux isir dipendenti fuq it-twettiq ta’ kwalunkwe att formali bħall-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe dokument f’xi forma speċifika jew b’xi manjiera partikulari, it-twettiq jew preżentazzjoni ma’ kwalunkwe korp uffiċċjali jew pubbliku, jew reġistrazzjoni f’xi reġistru pubbliku, reklam f’gazzetta jew ġurnal, f’reġistru uffiċċjali jew publikazzjoni, jew fi kwalunkwe forma oħra, notifika lil uffiċċjal pubbliku jew l-għoti ta’ evidenza f’forma partikulari bħala d-data ta’ l-esekuzzjoni ta’ dokument jew strument, l-ammont ta’ l-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti jew kwalunkwe materja oħra. Din id-Direttiva iżda, għandha tipprovdi bilanċ bejn l-effiċjenza fis-suq, u s-sigurtà tal-partijiet għall-arranġament u partjiet terzi, b’hekk jiġi evitat inter alia, ir-riskju ta’ frodi. Dan il-bilanċ għandu jintlaħaq, permezz ta’ l-iskop ta’ din id-Direttiva, li tkopri biss dawn l-arranġamenti dwar il-kollateral finanzjarju li jipprovdu għal xi forma ta’ spussess, i.e. l-għoti ta’ kollateral finanzjarju, u meta l-għoti tal-kollateral finanzjarju jista jintwera bil-miktub jew f’medju li jservi, sabiex jiġi assigurat li jkun intraċċat dak il-kollateral. […]

[…]

(17)

Din id-Direttiva tipprovdi għall proċeduri t’enforzar rapidi u mhux formali, sabiex tipproteġi l-istabbilita finanzjarja u tillimita l-effetti kontaġġjużi fil-każ li parti tkun inadempjenti għall-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju. […]

(18)

[…] Flus kontanti tfisser biss flus li huma rappreżentati permezz ta’ kreditu f’kont, jew talbiet simili dwar ħlas mill-ġdid ta’ flus (bħal depożiti ta’ flus fis-suq), u għalhekk espliċitament esklużi karti tal-flus.”

6

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi reġim tal-Komunità applikabbli għall-arranġamenti dwar il-kollateral finanzjarju li jissodisfaw il-ħtiġijiet mfassla f’paragrafi 2 u 5, u għall-kollateral finanzjarju skond il-kondizzjonijiet imfassla f’paragrafi 4 u 5.

2.   Min jieħu l-kollateral u min jipprovdi l-kollateral, iridu jkunu t-tnejn jappartjenu għal wieħed mis-segwenti kategoriji:

a)

awtorità pubblika […]

b)

bank ċentrali […]

ċ)

istituzzjoni finanzjarja soġġetta għas-superviżjoni prudenzjali […]

d)

kontroparti ċentrali, aġent ta’ ħlas jew dar ta’ tneħħija, kif definiti rispettivament fl-Artiklu 2(ċ), (d) u (e) tad-Direttiva [98/26] […]

e)

persuna oltre persuna naturali, nklużi azjendi mhux inkorporati u soċjetajiet, kemm-il darba l-parti l-oħra hija istituzzjoni kif definita fil-punti (a) sa (d).

3.   Stati Membri jistgħu jeskludu mill-iskop ta’ din id-Direttiva, arranġamenti dwar kollateral finanzjarju fejn waħda mill-partijiet hija persuna msemmija fil-paragrafu 2(e).

[…]

4.   (a) Il-kollateral finanzjarju li jrid jiġi pprovdut irid jikkonsisti fi flus kontanti jew strumenti finanzjarji.

[…]

5.   Din id-Direttiva tapplika għall-kollateral finanzjarju, ladarba tkun ġiet ipprovduta u jekk dik l-għotja tkun tista tiġi testimonjata bil-mikub.

Ix-xhieda ta’ l-għoti ta’ kollateral finanzjarju għandha tippermetti għall-identifikazzjoni tal-kollateral finanzjarju li għalih japplika. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li jiġi ppruvat illi l-kollateral tal-garanziji tat-tiniżżil fil-ktieb, ikunu ġew ikkreditati ġo kont magħżul [jew jikkostitwixxi kreditu fih u li l-kollateral fi flus kontanti jkun ġie kkreditat fil-kont magħżul jew jikkostitwixxi kreditu fih].

[…]”

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave annwali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘arranġament dwar kollateral finanzjarju’ tfisser arranġament kollaterali finanzjarju dwar trasferiment ta’ titlu jew arranġament dwar kollaterali finanzjarju ta’ garanzija, irrispettivament jekk humiex koperti jew le minn ftehim primarju jew termini ġenerali u kondizzjonijiet;

[…]

(ċ)

‘arranġament kollaterali finanzjarju’ jfisser arranġament, liema arranġament taħtu, min jipprovdi l-kollateral, jipprovdi kollateral finanzjarju permezz ta’ garanzija favur ta’ jew lil, min jakkwista l-kollateral, u meta l-propjeta sħiħa tal-kollateral finanzjarju tibqa ma’ min ikun jipprovdi il-kollateral, meta id-dritt tas-sigurtà ikun stabbillit;

(d)

‘flus kontanti’ tfisser flus ikkreditati ġo kont bi kwalunkwe munita, jew talbiet simili għall-ħlas mill-ġdid ta’ flus, bħal depożiti fis-suq tal-flus;

[…]

(f)

‘obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti’ tfisser l-obbligazzjonijiet li huma garantiti permezz ta’ arranġament dwar il-kollateral finanzjarju u li jagħtu dritt għal ħlas ta’ flus kontanti u/jew konsenja ta’ strumenti finanzjarji.

Obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti jistgħu jikkonsistu jew jinkludu:

i)

obbligazzjonijiet, preżenti jew futuri, attwali jew kontinġenti jew prospettivi (inklużi dawk l-obbligazzjonijiet li jkunu ġejjin taħt ftehim primarju jew arranġament simili);

ii)

obbligazzjonijiet dovuti lil min jakkwista l-kollateral minn persuna oltre l-persuni li tipprovdi l-kollateral; jew

iii)

obbligazzjonijiet ta’ klassi speċifika jew tip, li jiġu żmien għal żmien;

[…]

2.   Referenzi f’din id-Direttiva għal kollateral finanzjarju bħala jkun ‘ipprovdut’, jew għall ‘għoti’ ta’ kollateral finanzjarju, huma għall-kollateral finanzjarju bħala konsenjat, trasferit, miżmum, reġistrat jew xort’oħra msejjaħ sabiex ikun fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ min ikun qiegħed jakkwista l-kollateral jew ta’ persuna li tkun qed taġixxi għan-nom ta’ min ikun qiegħed jakkwista l-kollateral Kwalunkwe dritt ta’ sostituzzjoni jew sabiex jiġi rtirat l-eċċess tal-kollateral finanzjarju, favur min ikun qiegħed jipprovdi l-kollateral, m’għandux jippreġudika il-kollateral finanzjarju, bħala pprovdut lil min ikun qiegħed jakkwista l-kollateral, kif imsemmi f’din id-Direttiva.

3.   Referenzi f’din id-Direttiva għall-‘bil-miktub’, jinkludu reġistrazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi jew kwalunkwe medju ieħor durabbli.”

8

Skont l-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Ħtiġijiet formali”:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx jinħtieġu illi l-ħolqien, il-validita, il-perfezzjoni, l-enforzabilita jew l-ammisibilità fl-evidenza tal-kollateral finanzjarju tkun dipendenti fuq ir-rendiment ta’ kwalunkwe att formali.

2.   Paragrafu 1 huwa biss bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-kollateral finanzjarju, meta jkun ipprovdud u meta dan l-għoti jkun jista jiġi testimonjat bil-mikub jew b’manjiera legali ekwivalenti.”

9

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/47, intitolat “L-enforzar ta’ l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju”, jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi meta jseħħ avveniment t’enforzar, min jakkwista l-kollateral għandu jkun jista jirrealizza permezz tas-segwenti, kwalunkwe kollateral finanzjarju pprovdut taħt, u soġġett għat-termini mifthiema f’arranġament dwar il-kollateral finanzjarju tal-garanzija:

[…]

(b)

flus kontanti permezz ta’ tpaċija ta’ l-ammont kontra, jew billi jiġi applikat bħala skarigu ta’ l-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti.

[…]

4.   Il-manjieri ta’ kif jiġi realizzat il-kollateral finanzjarju li għalih saret referenza fil-paragrafu 1, għandhom ikunu soġġetti għat-termini mifthiema fl-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju ta’ garanzija:

a)

għandu jkun ingħata avviż dwar l-intenzjoni għall-irrealizzar, minn qabel;

b)

it-termini ta’ l-irrealizzar ikun approvati minn kwalunkwe qorti, uffiċċjal pubbliku jew persuna oħra;

ċ)

ir-realizazzjoni għandha tkun kondotta permezz ta’ rkant pubbliku, jew permezz ta’ kwalunkwe manjiera oħra preskritta; jew

d)

kwalunkwe terminu ieħor miżjud, irid ikun skada.

5.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jidħol fis-seħħ skond it-termini tiegħu, nonostante l-inizzjalar jew il-kontinwazzjoni tal-proċeduri ta’ xoljiment jew miżuri ta’ organizazzjoni mill-ġdid, dwar minn jipprovdi l-kollateral jew min jakkwista l-kollateral.

[…]”

10

L‑Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ċerti dispożizzjonijiet dwar il-falliment ma’ japplikawx”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju, kif ukoll il-għoti ta’ kollateral finanzjarju taħt dan l-arranġament, jista ma jiġix dikjarat invalidu jew bla effett, jew li jiġi mdawwar a bażi biss li l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jkun ġie fis-seħħ, jew il-kollateral finanzjarju jkun ġie pprovdut:

a)

fil-jum li fih jinbdew il-proċeduri dwar ix-xoljiment, jew il-miżuri dwar l-organizazzjoni mill-ġdid, iżda qabel l-ordni jew digriet li bih jinbdew; jew

b)

f’terminu preskritt qabel, u definit permezz ta’ referenza għall-inizzjalar ta’ dawn il-proċeduri jew miżuri jew permezz ta’ referenza għall-għoti ta’ kwalunkwe ordni jew digriet, jew it-teħid ta’ kwalunkwe azzjoni oħra jew okkorrenza ta’ kwalunkwe avveniment ieħor fil-kors ta’ dawn il-proċeduri jew miżuri.

2.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw meta jkun ġie fis-seħħ arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja rilevanti, jew ikun ġie pprovdut il-kollateral finanzjarju fil-jum ta’ iżda wara l-mument ta’ l-inizzjalar tal-proċeduri ta’ xoljiment jew miżuri ta’ organizazzjoni mill-ġdid, għandu jkun enforzabbli legalment u li jorbot fuq terzi persuni jekk min ikun akkwista l-kollateral jista jipprova li ma kienx konxju, jew lanqas ma suppost kien jaf, bl-inizzjalar ta’ dawn il-proċeduri jew miżuri.

3.   Meta l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jkun fih:

a)

obbligazzjoni sabiex jiġi pprovdut il-kollateral finanzjarju jew kollateral finanzjarju addizzjonali sabiex ikun jista jieħu kont tal-bidliet fil-valur tal-kollateral finanzjarju jew fl-ammont ta’ l-obbligazzjonijiet finanzjarji rilevanti, jew

b)

dritt sabiex jiġi rtirat il-kollateral finanzjarju, permezz ta’ sostituzzjoni jew skambju, kollateral finanzjarju ta’ l-istess valur,

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-għoti tal-kollateral finanzjarju, kollateral finanzjarju addizzjonali jew sostituzzjoni jew kollateral finanzjarju dwar tibdil taħt dik l-obbligazzjoni jew dritt, m’għandux jiġi ttrattat bħala invalidu jew imdawwar jew dikjarat bla effett a bażi biss illi:

i)

dan l-għoti jkun sar fil-jum li jkunu ġew inizzjati l-proċeduri ta’ xoljiment jew organizazzjoni mill-ġdid, iżda qabel l-ordni jew digriet li tkun inizzjalat dawn il-proċeduri, jew f’terminu preskritt qabel ma’, u definit permezz ta’ referenza għal inizzjalar tal-proċeduri dwar ix-xoljiment miżuri ta’ organizazzjoni mill-ġdid jew permezz ta’ referenza għall-għoti ta’ kwalunkwe ordni jew digriet jew it-teħid ta’ kwalunkwe azzjoni oħra jew okkorrenza ta’ kwalunkwe avveniment ieħor fil-kors ta’ dawn il-proċeduri jew miżuri; u/jew

ii)

l-obbligazzjonijiet finanzjarji rilevanti jkunu saru qabel id-data ta’ l-għoti tal-kollateral finanzjarju, kollateral finanzjarju addizzjonali, jew kollateral finanzjarju ta’ sostituzzjoni jew tibdil.

[…]”

Id-dritt Latvjan

11

Il‑Finanšu nodrošinājuma likums (liġi dwar il-kollateral finanzjarju) ġiet adottata sabiex id-Direttiva 2002/47 tiġi trasposta fid-dritt Latvjan.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fl‑14 ta’ April 2007, “Izdevniecība Stilus” SIA, li Private Equity Insurance Group kienet is-suċċessur fid-dritt tagħha, u Swedbank ikkonkludew kuntratt standard ta’ kont bankarju kurrenti. Dan il-kuntratt jinkludi klawżola ta’ kollateral finanzjarju li skont din il-fondi ddepożitati fil-kont kurrenti ta’ Izdevniecība Stilus jingħataw bħala rahan finanzjarju bħala kollateral għall-krediti kollha ta’ Swedbank kontra Izdevniecība Stilus.

13

Fil-25 ta’ Ottubru 2010, Izdevniecība Stilus ġiet iddikjarata falluta. Sussegwentement, l-amministratur tal-proċedura ta’ falliment ikkonkluda kuntratt ġdid ta’ kont kurrenti ma’ Swedbank li jinkludi l-istess klawżola ta’ rahan finanzjarju.

14

Fit-8 ta’ Ġunju 2011, Swedbank ġibed is-somma ta’ LVL 192.30 (madwar EUR 274) mill-kont kurrenti ta’ Izdevniecība Stilus, bħala spejjeż taż-żamma tal-kont għall-perijodu sad-dikjarazzjoni ta’ falliment.

15

Izdevniecība Stilus, irrappreżentata mill-amministratur tal-proċedura ta’ falliment, ressqet talba ġudizzjarja kontra Swedbank biex tirkupra din is-somma, billi bbażat ruħha fuq il-prinċipju tad-dritt nazzjonali li jiggarantixxi l-ugwaljanza tal-kredituri fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza kif ukoll fuq il-projbizzjoni għal kreditur individwali li jwettaq atti li jikkawżaw dannu lil kredituri oħra.

16

Il-qrati Latvjani, tal-ewwel istanza u tal-appell ċaħdu din it-talba billi b’mod partikolari bbażaw ruħhom fuq il-liġi dwar il-kollateral finanzjarju, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu jeskludu l-kollateral finanzjarju mill-applikazzjoni tad-dritt tal-insolvenza. L‑Augstākās tiesas Civillietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet ċivili, il‑Latvja) għalhekk ippreżentat appell ta’ kassazzjoni.

17

F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li d-Direttiva 2002/47 ġiet adottata f’kuntest ikkostitwit, b’mod partikolari, mid-Direttiva 98/26, li tirrigwarda s-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli. Għalhekk, hija tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-punt jekk id-Direttiva 2002/47 tapplikax ukoll għal fondi ddepożitati f’kont bankarju ordinarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, użat barra mill-qafas tas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli msemmija fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 98/26.

18

Fit-tieni lok, l-Augstākās tiesas Civillietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet ċivili) għandu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-prijorità tal-kollateral finanzjarju fir-rigward tat-tipi l-oħra kollha ta’ garanziji, b’mod partikolari dawk imdaħħla f’reġistru pubbliku, bħall-ipoteka, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza. Hija b’mod partikolari tistaqsi jekk tali prijorità hijiex iġġustifikata u proporzjonata fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2002/47.

19

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-liġi dwar il-kollateral finanzjarju tapplika kemm għall-persuni msemmija fl-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva 2002/47 kif ukoll għall-persuni fiżiċi. Konsegwentement, hija tistaqsi, minn naħa, jekk din id-dispożizzjoni tippermettix li r-regoli previsti minn din id-direttiva jiġu estiżi għal persuni li huma speċifikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni hijiex direttament applikabbli. Filwaqt li tammetti li dawn huma mistoqsijiet ipotetiċi fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din il-qorti tikkunsidra li dawn jistgħu jiżvelaw ruħhom bħala rilevanti fil-każ ta’ eventwali stħarriġ ta’ kostituzzjonalità li l-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) tista’ teżerċita fuq il-liġi dwar il-kollateral finanzjarju.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas, Civillietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet ċivili) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, eżaminat fid-dawl tal-premessi 1 u 4 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss il-kontijiet li jintużaw għar-regolarizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli jew li japplika għal kwalunkwe kont miftuħ f’bank, inkluż kont kurrenti li ma jintużax għar-regolarizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli?

2)

L-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2002/47/KE, eżaminati fid-dawl tal-premessi 3 u 5 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li din tal-aħħar għandha bħala għan li tiggarantixxi lill-istabbilimenti ta’ kreditu trattament prijoritarju partikolarment favorevoli fil-każ ta’ falliment tal-klijenti tagħhom, u b’mod iktar speċifiku, meta mqabbla ma’ kredituri oħra ta’ dawn il-klijenti, bħall-ħaddiema fir-rigward ta’ krediti ta’ salarju, bħall-Istat fir-rigward ta’ krediti fiskali u bħall-kredituri li għandhom privileġġ fuq il-bażi ta’ garanzija li tibbenefika minn awtentiċità li tirriżulta minn reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku?

3)

L-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva 2002/47/KE għandu jitqies li huwa dispożizzjoni ta’ armonizzazzjoni minima jew sħiħa, jiġifieri, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil Stat Membru jestendi din id-dispożizzjoni għal persuni li huma espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni [ta’ din id-Direttiva]?

4)

L-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva 2002/47/KE huwa dispożizzjoni direttament applikabbli?

5)

Fil-każ li l-għan u l-portata tad-Direttiva 2002/47/KE ikunu iktar limitati mill-għan u mill-portata effettivi tal-liġi nazzjonali, li l-adozzjoni tagħha kienet formalment iġġustifikata mill-obbligu li tiġi trasposta [din id-direttiva], huwa possibbli li jsir użu mill-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva sabiex tiġi ddikjarata invalida klawżola finanzjarja kollaterali bbażata fuq id-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

21

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2002/47 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tagħti lir-riċevitur ta’ kollateral finanzjarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skont dan il-fondi ddepożitati f’kont bankarju jingħataw bħala rahan lill-bank sabiex jiġu ggarantiti l-krediti kollha tiegħu kontra d-detentur tal-kont, id-dritt li dan il-kollateral jiġi eżegwit indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral.

22

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2002/47, din hija intiża sabiex tikkontribwixxi għall-integrazzjoni u għall-funzjonament bl-aħjar prezz tas-suq finanzjarju, kif ukoll l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea.

23

Għal dan il-għan, din id-direttiva stabbilixxiet sistema li għandha bħala għan, hekk kif jirriżulta mill-premessi 5, 9, 10 u 17 tagħha, li tillimita l-formalitajiet amministrattivi li japplikaw il-partijiet li jużaw il-kollateral finanzjarju li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali ta’ dan il-kollateral billi jiġu esklużi minn ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ insolvenza u li jiġu previsti proċeduri ta’ eżekuzzjoni rapidi u mhux formali, sabiex tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja u jiġu limitati l-effetti kontaġjużi fil-każ li parti tkun inadempjenti għall-arranġament dwar kollateral finanzjarju.

24

Għalhekk, minn naħa, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva essenzjalment jipprojbixxi lill-Istati Membri li l-ħolqien, il-validità, il-perfezzjoni, l-enforzabbiltà jew l-ammissibbiltà fl-evidenza ta’ kuntratt ta’ kollateral finanzjarju jkunu dipendenti fuq ir-rendiment ta’ kwalunkwe att formali.

25

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/47 jipprevedi li r-riċevitur ta’ kollateral finanzjarju ta’ sigurtà għandu jkun jista’ jirrealizzah b’wieħed mill-modi li jiddeskrivi. Skont l-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jkun jista’ jidħol fis-seħħ skont it-termini tiegħu, nonostante l-bidu jew il-kontinwazzjoni tal-proċeduri ta’ xoljiment jew miżuri ta’ organizzazzjoni mill-ġdid, dwar minn jipprovdi l-kollateral jew ir-riċevitur tal-kollateral.

26

Konsegwentement, is-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/47, filwaqt li teskludi li l-użu tal-kollateral finanzjarju jkun suġġett għat-twettiq ta’ atti formali, tagħti lir-riċevituri ta’ dan il-kollateral id-dritt li jeżegwixxuh indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral.

27

Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi stabbilit jekk kollateral bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

28

Fir-rigward ta’ dan, huwa paċifiku li l-kollateral inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva, hekk kif ippreċiżat fl-Artikolu 1(2) tagħha.

29

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2002/47, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-obbligi żgurati mill-kollateral għandhom jikkostitwixxu “obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) ta’ din id-direttiva. Skont id-definizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni, l-“obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti” huma obbligi li huma ggarantiti permezz ta’ arranġament dwar il-kollateral finanzjarju u li jagħtu dritt għal ħlas ta’ flus kontanti u/jew kunsinna ta’ strumenti finanzjarji. Huma jistgħu jikkonsistu totalment jew parzjalment f’obbligi preżenti jew futuri, inklużi l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim primarju jew minn dispożizzjonijiet simili, f’obbligi lejn ir-riċevitur tal-kollateral li jkollha persuna li ma tkunx min ikun qed jipprovdi l-kollateral, jew f’obbligi ta’ klassi speċifika jew tip, li jiġu żmien għal żmien.

30

Hekk kif sostnew il-partijiet kollha li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-definizzjoni ta’ “obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti” li għalhekk tinsab fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2002/47 tkopri sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-kollateral ikopri l-krediti kollha tal-bank kontra d-detentur tal-kont.

31

Fil-fatt, minn naħa, fl-assenza ta’ limitazzjoni speċifika prevista fit-test tad-Direttiva 2002/47, it-termini “obbligi li jagħtu dritt għal ħlas ta’ flus kontanti” li jinsabu fid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2002/47 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal kull obbligu li jagħti dritt għal ħlas ta’ flus kontanti u, għaldaqstant, ukoll djun pekunjarji ordinarji ta’ detentur ta’ kont fir-rigward tal-bank tiegħu, bħall-ispejjeż taż-żamma tal-kont inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32

Min-naħa l-oħra, sa fejn l-obbligi finanzjarji koperti jistgħu, skont it-termini stess tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2002/47, jikkonsistu totalment jew parzjalment f’obbligi preżenti kif ukoll bħala obbligi futuri, inklużi l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim primarju jew minn dispożizzjonijiet simili, din id-dispożizzjoni hija intiża wkoll għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-kollateral ikopri mhux biss obbligu individwali, iżda l-krediti kollha tal-bank kontra d-detentur tal-kont.

33

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 1(4)(a) tad-Direttiva 2002/47, il-kollateral intiż minnha irid jikkonsisti fi flus kontanti jew strumenti finanzjarji. Fir-rigward tal-kunċett ta’ “flus kontanti”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(d) ta’ din id-direttiva bħala flus ikkreditati ġo kont jew krediti simili li jagħtu dritt għall-ħlas lura ta’ flus, bħad-depożiti fis-suq monetarju. Minbarra dan, mill-premessa 18 ta’ din l-istess direttiva jirriżulta li l-karti tal-flus huma esklużi minn din id-definizzjoni. Peress li ebda esklużjoni oħra ma kienet prevista mid-Direttiva 2002/47, hemm lok li jiġi kkonstatat, bħal ma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din id-definizzjoni tkopri l-fondi ddepożitati f’kont bankarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

Fuq il-kwistjoni, imqajma mill-qorti tar-rinviju, dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2002/47 għandux, fir-rigward tal-kuntest li fih din id-direttiva ġiet adottata, jiġi limitat biss għall-fondi ddepożitati f’kontijiet użati fil-kuntest tas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli msemmija fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 98/26, għandu jiġi rrilevat li tali limitazzjoni ma għandha ebda bażi fit-test tad-Direttiva 2002/47. Bil-kontra, għalkemm huwa veru, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 u 4 ta’ din id-direttiva, li din ġiet adottata f’kuntest ikkostitwit, b’mod partikolari, mid-Direttiva 98/26 u li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li kien vantaġġuż li kollateral ipprovdut fil-kuntest tas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli msemmija minn din l-aħħar direttiva jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni komuni, id-Direttiva 2002/47 madankollu, kif tfakkar ukoll il-premessa 4 tagħha, ikkompletat l-atti ġuridiċi fis-seħħ billi ttrattat kwistjonijiet oħra billi daħlet f’iktar dettall minnhom. Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU 2001, C 180 E, p. 312) tikkonferma wkoll li d-Direttiva 2002/47 ġiet adottata bl-għan li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/26.

35

Isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2002/47 ma jistax jitqies bħala limitat għal fondi ddepożitati f’kontijiet użati fil-kuntest tas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli msemmija fid-Direttiva 98/26.

36

Fid-dawl ta’ dan, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(5) tagħha, id-Direttiva 2002/47 tapplika ladarba l-kollateral finanzjarju jkun ġie pprovdut u jekk din il-provvista tkun tista’ tintwera bil-miktub, li jinkludi, skont l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, reġistrazzjoni ta’ dokumenti permezz ta’ mezzi elettroniċi jew kwalunkwe mezz ieħor li jservi għal żmien twil. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi espliċitament li l-projbizzjoni li l-provvista ta’ kollateral finanzjarju tkun suġġetta għat-twettiq ta’ atti formali, prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva, hija bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar mill-mument meta dan il-kollateral finanzjarju jkun ġie pprovdut sa fejn din il-provvista hija murija bil-miktub.

37

Skont id-definizzjoni li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47, il-provvista ta’ kollateral finanzjarju tindika li dan jiġi kkunsinnat, ittrasferit, miżmum, irreġistrat jew ikun għadda minn kwalunkwe trattament ieħor li għandu bħala effett li r-riċevitur tal-kollateral jew il-persuna li taġixxi f’ismu jiksbu l-pussess jew il-kontroll ta’ dan il-kollateral finanzjarju.

38

Madankollu, din id-direttiva ma tippreċiżax taħt liema kundizzjonijiet il-kriterju li r-riċevitur tal-kollateral għandu jikseb “il-pussess jew il-kontroll” tiegħu huwa ssodisfatt f’każ ta’ kollateral inkorporat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda fondi ddepożitati f’kont bankarju.

39

Fl-assenza ta’ riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri, dan il-kriterju għandu jsib, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tiegħu, il-kuntest tiegħu u l-għan tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, A, C‑184/14, EU:C:2015:479, punti 3132 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, mill-premessa 10 tad-Direttiva 2002/47 jirriżulta li din hija intiża sabiex jiġi stabbilit ekwilibriju, minn naħa, bejn l-effikaċja tas-suq, billi tiġi evitata l-formalità madwar il-provvista ta’ kollateral finanzjarju, u, min-naħa l-oħra, is-sigurtà tal-partijiet għall-arranġament kollaterali finanzjarju u terzi, billi jkun meħtieġ li l-provvista tal-kollateral finanzjarju timmaterjalizza ruħha permezz ta’ ċerta forma ta’ spussess.

41

Fil-fatt, ir-rekwiżit relatat mal-provvista tal-kollateral finanzjarju huwa intiż sabiex jiġi żgurat li r-riċevitur tal-kollateral indikat fl-arranġament finanzjarju kollaterali jkun effettivament fil-pożizzjoni li jiddisponi minnu f’każ li jseħħ l-avveniment li jwassal għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kollateral.

42

Għandu jingħad ukoll li mill-premessa 17 tad-Direttiva 2002/47 jirriżulta li din tipprovdi għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni rapidi u mhux formali, sabiex tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja u jiġu limitati l-effetti kontaġjużi fil-każ li parti tkun inadempjenti għall-arranġament finanzjarju kollaterali. Ir-rekwiżit relatat mal-provvista tal-kollateral finanzjarju, sa fejn jagħti l-assigurazzjoni li r-riċevitur ser ikun effettivament fil-pożizzjoni li jiddisponi minnu, huwa ta’ natura li jippromwovi dan l-għan.

43

Minbarra dan, it-test tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47 jipprevedi li d-dritt ta’ sostituzzjoni jew sabiex jiġi rtirat l-eċċess tal-kollateral finanzjarju favur min jipprovdi l-kollateral ma jippreġudikax il-kollateral ipprovdut favur ir-riċevitur tal-kollateral. Issa, dan id-dritt ikun mingħajr portata, jekk ir-riċevitur ta’ kollateral li jirrigwarda fondi ddepożitati f’kont bankarju kien meqjus bħala li kiseb “il-pussess jew il-kontroll” ta’ dawn il-fondi wkoll fil-każ fejn id-detentur tal-kont jista’ jiddisponi minnu liberament.

44

Isegwi li r-riċevitur ta’ kollateral bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda fondi ddepożitati f’kont bankarju ordinarju, ma jistax jitqies bħala li kiseb “il-pussess jew il-kontroll” ta’ dawn il-fondi ħlief bil-kundizzjoni li min jipprovdi l-kollateral ikun prekluż li jiddisponi minnu.

45

Hemm lok ukoll li jiġi kkunsidrat li kollateral finanzjarju bħala prinċipju ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/47, jekk dan ikun ipprovdut wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

46

Fil-fatt, l-Artikolu 8(1) u (3) ta’ din id-direttiva essenzjalment jipprekludi li proċedura ta’ insolvenza jista’ jkollha effett retroattiv fuq il-kollateral finanzjarju pprovdut qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, meta kollateral ikun ipprovdut wara l-ftuħ ta’ tali proċedura, l-arranġament kollaterali ma jipproduċix effetti legali u ma jistax jiġi infurzat kontra terzi ħlief eċċezzjonalment, jiġifieri unikament jekk il-kollateral ikun ġie pprovdut fid-data ta’ dan il-ftuħ u jekk ir-riċevitur jipproduċi l-prova li ma kellux għarfien li din il-proċedura kienet infetħet jew li ma setax raġonevolment ikun jaf dan. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, isegwi li, bla ħsara għall-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ din l-istess direttiva, din ma tkoprix il-kollateral ipprovdut wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

47

F’dan il-każ, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 44 u 46 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li b’mod partikolari għandha tivverifika, minn naħa, jekk il-fondi meħuda minn Swedbank mill-kont ta’ Izdevniecība Stilus tħallsux f’dan il-kont qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jew jekk dawn tħallsu fih fid-data ta’ dan il-ftuħ, Swedbank kien ipproduċa prova li ma kienx jaf li din il-proċedura kienet infetħet jew li ma setax raġonevolment ikun jaf dan u, min-naħa l-oħra, jekk Izdevniecība Stilus kienet prekluża milli tiddisponi minn dawn il-fondi wara l-ħlas tagħhom f’dan il-kont.

48

Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali ftehmu sabiex jirrilevaw, minn naħa, li l-fondi meħuda minn Swedbank ma kinux ġew iddepożitati fil-kont inkwistjoni ħlief wara d-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u, min-naħa l-oħra, li l-arranġament finanzjarju kollaterali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinkludix klawżola li tipprovdi li Izdevniecība Stilus kienet prekluża milli tiddisponi minn dawn il-fondi wara l-ħlas tagħhom f’dan il-kont.

49

Fl-aħħar nett, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tas-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/47 mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ kredituri fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, hemm lok ukoll li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ugwaljanza fid-dritt, stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm divrenzjar ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit‑trattament ikkonċernat (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punti 7677 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Hekk kif jirriżulta mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, is-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/47, filwaqt li teskludi li l-provvista ta’ kollateral finanzjarju tiġi suġġetta għat-twettiq ta’ atti formali, tagħti lir-riċevituri ta’ dan il-kollateral id-dritt li jeżegwixxuh indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral. Din is-sistema tagħti, għalhekk, vantaġġ lill-kollateral finanzjarju fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ garanziji li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

51

Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali differenza fit-trattament hija bbażata fuq kriterju oġġettiv li huwa relatat mal-għan leġittimu tad-Direttiva 2002/47, li huwa li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u l-effikaċità ta’ kollateral finanzjarju sabiex lis-stabbiltà tas-sistema finanzjarja tiġi żgurata.

52

Minbarra dan, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tirreferi għal ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li din id-differenza fit-trattament hija sproporzjonata mal-għan imfittex. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/47 ratione materiae tiddependi mill-provvista tal-kollateral u teħtieġ, bla ħsara għall-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, li din il-provvista tkun seħħet qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. Isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-somom imħallsa fil-kont ta’ min jipprovdi l-kollateral wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza bħala prinċipju ma jistgħux ikunu koperti mis-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/47. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 1(3) tagħha jawtorizza lill-Istati Membri li jeskludu l-arranġamenti finanzjarji kollaterali li fihom waħda mill-partijiet hija persuna intiża fl-Artikolu 1(2)(e) ta’ din l-istess direttiva. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li s-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/47 tikkonċerna biss parti mill-attiv ta’ min jipprovdi l-kollateral li fir-rigward ta’ dan tal-aħħar ikun aċċetta ċerta forma ta’ spussess.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-eżami tal-ewwel u tat-tieni domandi preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2002/47 fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel u t-tieni domandi għandhom jiġu risposti li d-Direttiva 2002/47 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tagħtix lir-riċevitur ta’ kollateral finanzjarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skont dan il-fondi ddepożitati f’kont bankarju jingħataw bħala rahan lill-bank sabiex il-krediti tiegħu kollha kontra d-detentur tal-kont jiġu ggarantiti, id-dritt li jeżegwixxi dan il-kollateral indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral ħlief jekk, minn naħa, il-fondi suġġetti għal dan il-kollateral kienu tħallsu fil-kont inkwistjoni qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura jew jekk dawn il-fondi kienu tħallsu fih fid-data ta’ dan il-ftuħ, il-bank ikun ipproduċa l-prova li ma kienx jaf li din il-proċedura kienet infetħet jew li ma setax raġonevolment ikun jaf dan, u jekk, min-naħa l-oħra, id-detentur ta’ dan il-kont kien prekluż milli jiddisponi minn dawn il-fondi wara l-ħlas tagħhom f’dan l-istess kont.

Fuq it-tielet u r-raba ’ domandi

55

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva 2002/47 għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza Stat Membru jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva għall-persuni fiżiċi, u jekk din id-dispożizzjoni hijiex direttament applikabbli.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, talba għal deċiżjoni preliminari tkun iġġustifikata mhux mill-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda mill-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni (ara. f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo, C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tammetti li t-tielet u r-raba’ domandi tagħha huma purament ipotetiċi fil-kuntest tal-kawża prinċipali, peress li din tal-aħħar ma timplika ebda persuna fiżika.

58

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċirkustanza li dawn id-domandi jistgħu jirriżultaw rilevanti fil-kuntest ta’ eventwali stħarriġ ta’ kostituzzjonalità tal-liġi dwar il-kollateral finanzjarju mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (qorti Kostituzzjonali) ma jistax ineħħi n-natura ipotetika ta’ dawn id-domandi fil-kawża prinċipali.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet u r-raba’ domandi huma inammissibbli.

Fuq il-ħames domanda

60

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk huwiex possibbli, fl-ipoteżi fejn l-għan u l-portata tad-Direttiva 2002/47 ikunu iktar stretti mill-għan u mill-portata tal-liġi nazzjonali li tittrasponi din tal-aħħar, li jsir riferiment għall-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva sabiex klawżola ta’ rahan finanzjarju bbażata fuq id-dritt nazzjonali tiġi ddikjarata invalida, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tagħhom u li għandha l-obbligu li tosserva bir-reqqa (digrieti tat-12 ta’ Mejju 2016, Security Service et, C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 18, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2016, Google Ireland u Google Italy, C‑322/15, EU:C:2016:672, punt 15).

62

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din diġà ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom titlob l-interpretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 115, kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Security Service et, C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 20).

63

Hemm lok li jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-informazzjoni pprovduta fit-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, iżda wkoll sabiex tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-persuni kkonċernati oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 20, kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ Settembru 2016, Google Ireland u Google Italy, C‑322/15, EU:C:2016:672, punt 17).

64

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju sempliċement tagħmel il-ħames domanda, mingħajr ma tispjegaha iktar fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju. Fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ din id-domanda, din sempliċement tagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għall-ipoteżi fejn l-għan u l-portata tad-Direttiva 2002/47 ikunu iktar stretti mill-għan u mill-portata tal-liġi nazzjonali, mingħajr ma tindika l-elementi jew id-dispożizzjonijiet konkreti ta’ din id-direttiva u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li wasslet lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel din id-domanda.

65

Għalhekk huwa impossibbli li persuna tifhem b’ċertezza l-ipoteżi li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għaliha fil-ħames domanda tagħha. B’mod partikolari, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk din il-qorti tirreferix għas-sitwazzjoni, purament ipotetika fil-kawża prinċipali, li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2002/47 hija iktar stretta minn dik tad-dritt nazzjonali, jew jekk hija tirreferix għal ipoteżijiet oħra.

66

Minħabba dawn il-lakuni, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix la lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lanqas lill-partijiet ikkonċernati l-oħra fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jippreżentaw osservazzjonijiet utli dwar il-ħames domanda u lanqas lill-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi risposta utli għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames domanda hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ġunju 2002, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tagħtix lir-riċevitur ta’ kollateral finanzjarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skont dan il-fondi ddepożitati f’kont bankarju jingħataw bħala rahan lill-bank sabiex il-krediti tiegħu kollha kontra d-detentur tal-kont jiġu ggarantiti, id-dritt li jeżegwixxi dan il-kollateral indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral ħlief jekk, minn naħa, il-fondi suġġetti għal dan il-kollateral kienu tħallsu fil-kont inkwistjoni qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura jew jekk dawn il-fondi kienu tħallsu fih fid-data ta’ dan il-ftuħ, il-bank ikun ipproduċa l-prova li ma kienx jaf li din il-proċedura kienet infetħet jew li ma setax raġonevolment ikun jaf dan, u jekk, min-naħa l-oħra, id-detentur ta’ dan il-kont kien prekluż milli jiddisponi minn dawn il-fondi wara l-ħlas tagħhom f’dan l-istess kont.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top