Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0671

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fis-6 ta’ April 2017.
    Président de l’Autorité de la concurrence vs Association des producteurs vendeurs d’endives (APVE) et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Artikolu 42 TFUE – Regolament (KE) Nru°2200/96 – Regolament (KE) Nru 1182/2007 – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Prattiki antikompetittivi – Artikolu 101 TFUE – Regolament Nru 26 – Regolament (KE) Nru 1184/2006 – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Responsabbiltajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet – Prattiki ta’ ffissar ta’ prezz minimu għall-bejgħ – Prattika ta’ ftehim fuq il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq – Prattika ta’ skambji ta’ informazzjoni strateġika – Suq Franċiż tal-indivji.
    Kawża C-671/15.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:281

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WAHL

    ippreżentati fis-6 ta’ April 2017 ( 1 )

    Kawża C‑671/15

    Président de l’Autorité de la concurrence

    vs

    Association des producteurs vendeurs d’endives (APVE),

    Association Comité économique régional agricole fruits et légumes de la région Bretagne (Cerafel),

    Comité économique fruits et légumes du Nord de la France (Celfnord),

    Association des producteurs d’endives de France (APEF),

    Section nationale de l’endive (SNE),

    Fédération du commerce de l’endive (FCE),

    Société Fraileg,

    Société Prim’Santerre,

    Union des endiviers,

    Société Soleil du Nord,

    Société France endives,

    Société Cambrésis Artois-Picardie endives (CAP’Endives),

    Société Marché de Phalempin,

    Société Primacoop,

    Société Coopérative agricole du marais audomarois (Sipema),

    Société Groupe Perle du Nord,

    Société Valois-Fruits,

    Ministre de l’Économie, de l’Industrie et du Numérique

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prattiki antikompetittivi – Artikolu 101 TFUE – Applikabbiltà – Organizzazzjoni komuni tas‑swieq – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Responsabbiltajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet – Prattiki ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ, ta’ ftehim fuq il-kwantitajiet mqiegħda fis-suq u ta’ skambji ta’ informazzjoni strateġika – Suq Franċiż tal-indivja”

    1.

    Il-politika agrikola komuni (PAK) u l-politika Ewropea tal‑kompetizzjoni, li jikkostitwixxu pilastri tal-integrazzjoni Ewropea, jistgħu, prima facie, jidhru li diffiċilment huma rikonċiljabbli. Filwaqt li l‑ewwel waħda, intiża sabiex tirrimedja n-nuqqasijiet tas-swieq agrikoli, fil-bidu kienet twassal għal intervent pubbliku sinjifikattiv, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kwoti ta’ produzzjoni u ta’ għajnuna lill-produtturi, it-tieni tistrieħ, għall-kuntrarju, fuq l-idea li l‑liberalizzazzjoni tas-swieq hija l-aħjar garanzija ta’ effikaċja ekonomika u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-benesseri tal-konsumaturi. Dawn id‑diffikultajiet ta’ rikonċiljazzjoni, enfasizzati mid-duttrina u li l‑Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li teżaminahom, jirrikjedu definizzjoni preċiża tal-portata tad-“deroga agrikola” stabbilita mit‑Trattati, kif speċifikata mid-dritt sekondarju. Din hija l-kwistjoni ċentrali f’din il-kawża.

    2.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni ppreżentat mill-President tal-Autorité de la concurrence (awtorità tal‑kompetizzjoni, Franza) mis-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014 tal-Cour d’appel de Paris (qorti tal‑appell ta’ Pariġi, Franza) li biddlet id-Deċiżjoni Nru 12‑D‑08 tas‑6 ta’ Marzu 2012 dwar il-prattiki implementati fis-settur tal‑produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-indivja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) tal-awtorità tal‑kompetizzjoni. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, din l-awtorità, abbażi, b’mod partikolari, tal‑Artikolu 101(1) TFUE, ikkonstatat li kien hemm akkordju kumpless u kontinwu fuq perijodu ta’ 14-il sena fis‑suq Franċiż tal-indivja u imponiet sanzjoni ta’ kważi EUR 4 miljuni.

    3.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk hija mitluba tagħti kjarifiki, mistennija ferm ( 2 ) u li, minbarra l-importanza tagħhom bħala prinċipju, għandhom interess prattiku kbir ( 3 ), dwar ir-relazzjoni bejn il‑leġiżlazzjoni Ewropea fis-settur tal-PAK u l-applikazzjoni tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni. Tqum b’mod iktar partikolari l‑kwistjoni dwar jekk, minbarra l-eżistenza ta’ derogi ġenerali għall‑applikazzjoni tar-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni espressament previsti bir-regolamenti dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (iktar ’il quddiem l-“OKS”) – derogi li l-applikazzjoni tagħhom ma hijiex direttament ikkunsidrata f’din il-kawża – għandhomx jiġu rrikonoxxuti “derogi speċifiċi” li jirriżultaw impliċitament mir-responsabbiltajiet fdati, skont il-leġiżlazzjoni Ewropea adottata abbażi tal-Artikolu 42 TFUE, lill‑organizzazzjonijiet ta’ produtturi (iktar ’il quddiem l-“OP”) u lill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi (iktar ’il quddiem l-“AOP”).

    4.

    Din il-kwistjoni titlob, fl-opinjoni tiegħi, risposta kkwalifikata. Ċertament, kif nipproponi li nispjega fl-argumenti li ġejjin, ir‑responsabbiltajiet mogħtija lill-atturi ewlenin tal-OKS, jiġifieri l-OP u l‑AOP, neċessarjament jimplikaw li ċerti prattiki miftehma fi ħdan dawn l-entitajiet, li ma humiex koperti bid-derogi leġiżlattivi ġenerali, jistgħu jevitaw il-projbizzjoni tal-akkordji antikompetittivi stabbilita bl‑Artikolu 101(1) TFUE.

    5.

    Din l-esklużjoni fundamentalment hija bbażata fuq is‑supremazija tal-PAK, stabbilita bis-sentenza Maizena vs Il‑Kunsill ( 4 ) u li ġiet ikkonfermata mill-ġdid fil-ġurisprudenza iktar reċenti, fuq il-politika tal-kompetizzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li, ħlief jekk ma jiġix osservat ir-rekwiżit li l-każijiet ta’ esklużjoni mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għandhom jiġi interpretati b’mod strett, aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet, ma jistax jevita il‑projbizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li b’xi mod, huma intiżi għat‑twettiq tar-responsabbiltajiet mogħtija lill-OP u lill-AOP, b’mod partikolari l-għan ta’ “stabbilizzazzjoni ta’ prezzijiet” fil-kuntest tal-OKS. F’dan il-kuntest għandhom jiġu ddefiniti l-prattiki ta’ dawn l‑entitajiet li jaqgħu neċessarjament taħt dawn ir-responsabbiltajiet u dawk li, għall-kuntrarju, qabelxejn ma jistgħux jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    6.

    L-Artikolu 42 TFUE jipprevedi li r-regoli tal-kompetizzjoni tal‑Unjoni għandhom japplikaw għall-produzzjoni u għall‑kummerċ ta’ prodotti agrikoli biss sa fejn jiġi stabbilit mid-dritt sekondarju u fid-dawl tal‑għanijiet tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 39 TFUE.

    7.

    F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-settur tal-frott u l-ħaxix, id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li jirregolaw l-applikazzjoni tar‑regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli ġew adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar‑Regolament Nru 26 ( 5 ) li ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 1184/2006 ( 6 ) u l‑Artikoli 175 sa 182, tal-Parti IV intitolata “Regoli ta’ kompetizzjoni” tar‑Regolament (KE) Nru 1234/2007 ( 7 ).

    8.

    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-OKS fis-settur tal-frott u ħaxix, dispożizzjonijiet addizzjonali jinsabu fl-Artikolu 20 tar‑Regolament (KE) Nru 2200/96 ( 8 ) li ġew issostitwiti b’mod partikolari bl‑Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 ( 9 ) u sussegwentement bl‑Artikolu 176a tar-Regolament Nru 1234/2007.

    Ir-Regolament Nru 26

    9.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 26 jipprevedi:

    “Mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Artikoli 85 sa 90 tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet magħmula għall-implimentazzjoni tagħhom għandhom, bla ħsara għall-Artikolu 2 ta’ hawn taħt, japplikaw għall‑ftehim, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki kollha miftiehma li għalihom hemm referenza fl-Artikoli 85(1) u 86 tat-Trattat li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni jew il-kummerċ tal-prodotti mniżżla fil-lista fl-Anness II tat-Trattat.”

    10.

    Din id-dispożizzjoni ġiet essenzjalment riprodotta fl-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1184/2006 u sussegwentement fl-Artikolu 175 tar‑Regolament Nru 1234/2007.

    11.

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26 jipprevedi dan li ġej:

    “1.   L-Artikolu 85(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal dak il‑ftehim, deċiżjonijiet u prattiki li għalihom hemm referenza fl-Artikolu preċedenti li jifformaw parti integrali minn organizzazzjoni tas-suq nazzjonali jew li huma meħtieġa għall-kisba tal-miri ddikjarati fl‑Artikolu 39 tat-Trattat. B’mod partikolari, dan m’għandux japplika għall-ftehim, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki tal-bdiewa, l‑assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, jew l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn l‑assoċjazzjonijiet li jappartjienu għal Stat Membru wieħed u li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli jew l-użu ta’ faċilitajiet konġunti għall-ħażna, għat-trattament jew għall‑ipproċessar ta’ prodotti agrikoli, u li dwarhom ma hemm l-ebda obbligu li jintalbu prezzijiet identiċi, għajr jekk il-Kummissjoni ssib illi l-kompetizzjoni hija b’hekk eskluża jew li l-miri ta’ l-Artikolu 39 tat‑Trattat huma mhedda.

    2.   Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u tisma’ lill-impriżi jew lill‑assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi konċernati u lil kull persuna naturali jew legali oħra li tikkonsidra xierqa, il-Kummissjoni għandu jkollha l‑kompetenza esklussiva, suġġetta għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabilixxi, permezz ta’ deċiżjoni li għandha tiġi ppubblikata, liema ftehim, deċiżjonijiet jew prattiki jissodisfaw il‑kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1.

    3.   Il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha li tistabilixxi dan jew fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ impriża jew ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi interessati.

    4.   Il-pubblikazzjoni għandha tiddikjara l-ismijiet tal-partijiet u l‑kontenut prinċipali tad-deċiżjoni; għandha tieħu kont ta’ l-interess leġittimu ta’ l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.”

    12.

    Din id-dispożizzjoni essenzjalment hija riprodotta fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1184/2006 u sussegwentement fl-Artikolu 176 tar‑Regolament Nru 1234/2007.

    Ir-Regolament Nru 2200/96

    13.

    L-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi dan li ġej:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘organizzazzjoni ta’ produtturi’ tfisser kull entità legali:

    (a)

    li hija ffurmata fuq l-inizjattiva proprja ta’ dawk li jkabbru […]

    (b)

    li għandhom b’mod partikolari l-iskop li:

    (1)

    jassiguraw li l-produzzjoni tkun ippjanata u aġġustata skond id-domanda, partikolarment f’termini ta’ kwalità u kwantità;

    (2)

    jippromwovu l-konċentrazzjoni ta’ provvista u t-tqegħid fis‑suq ta’ prodotti mkabbra mill-membri tagħhom;

    (3)

    inaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-istabbilizzar tal‑prezzijiet tal-produtturi;

    (4)

    jippromwovu l-użu ta’ prattiċi ta’ kultivazzjoni, teknika ta’ produzzjoni u prattiċi tajbin għall-ambjent għall-immaniġġjar ta’ l‑iskart b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma, tal-ħamrija u tal-pajsaġġ u li jippreżervaw u/jew jinkoraġġixxu l‑biodiversità;

    […]”

    14.

    L-Artikolu 20(1) sa (3) tal-istess regolament jaqra kif ġej:

    “1.   Minkejja l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 26, l-Artikolu 85(1) tat‑Trattat m’għandux japplika għall-ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi konċertati ta’ organizzazzjonijiet bejn il-fergħat irrikonoxxuti maħsuba biex jimplimentaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 19(1)(ċ).

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika biss sakemm:

    – il-ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi kkonċertati jkunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni, u li

    – fi żmien xahrejn minn meta tirċievi d-dettalji kollha meħtieġa l‑Kummissjoni ma tkunx sabet li l-ftehim, deċiżjonijiet jew il-prattiċi kkonċertati jkunu inkompatibbli mar-regoli tal-Komunità.

    Il-ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi kkonċertati ma jistgħux jiġu implimentati qabel ma l-perjodu indikat fit-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu jkun skada.

    3.   Il-Ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi kkonċertati li:

    jistgħu jwasslu għal tqassim fi kwalunkwe forma fil-Komunità,

    jistgħu jaffettwaw l-operazzjoni soda ta’ l-organizzazzjoni tas-suq,

    jistgħu joħolqu distorzjonijiet ta’ kompetizzjoni li mhumiex essenzjali biex jintlaħħqu l-objettivi tal-politika agrikola komuni abbażi tal-miżura ta’ l-organizzazzjoni bejn il-fergħat,

    jinvolvu l-iffissar ta’ prezzijiet, mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda mill-organizzazzjonijiet bejn il-fergħat fl-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet speċifiċi tar-regoli Komunitarji,

    jistgħu joħolqu diskriminazzjoni jew jeliminaw kompetizzjoni fir‑rigward ta’ proporzjon sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni, għandhom f’kull każ jiġu dikjarat kuntrarji għar-regoli Komunitarji.”

    15.

    L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 2200/96 jaqra kif ġej:

    “Organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jistgħu jagħżlu li ma jqiegħdux għall-bejgħ prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2) kontribwiti mill-membri tagħhom, kemm fi kwantitajiet u kemm għal perjodi li jikkunsidraw xierqa.”

    Ir-Regolament Nru 1182/2007

    16.

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1182/2007 huwa essenzjalment analogu għall-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2200/96.

    Ir-Regolament Nru 1234/2007

    17.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 361/2008 ( 10 ), kien jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu organizzazzjonijiet ta’ produtturi, li:

    (a)

    huma kostitwiti minn produtturi ta’ wieħed mis-setturi li ġejjin:

    […]

    (iii)

    frott u ħaxix fir-rigward ta’ bdiewa li jkabbru wieħed mill‑prodotti jew aktar ta’ dak is-settur u/jew ta’ tali prodotti maħsuba biss għall-ipproċessar;

    […]

    (b)

    huma ffurmati fuq l-inizjattiva tal-produtturi;

    (c)

    isegwu għan speċifiku, li jista’ b’mod partikolari [jkun] relatat ma’:

    (i)

    l-iżgurar li l-produzzjoni hija ppjanata u aġġustata skond id‑domanda, partikolament f’termini ta’ kwalità u ta’ kwantità;

    (ii)

    il-konċentrazzjoni tal-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti tal-membri tagħha;

    (iii)

    l-ottimizzazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni u l‑istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-produzzjoni.

    […]”

    18.

    L-Artikolu 175 ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 491/2009 ( 11 ), kien jaqra kif ġej:

    “Ħlief kif previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, l-Artikoli 81 sa 86 tat‑Trattat u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħhom għandhom, soġġett għall-Artikoli 176 sa 177 ta’ dan ir-Regolament, japplikaw għall-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki kollha msemmijin fl-Artikoli 81(1) u 82 tat-Trattat li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni jew il-kummerċ tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament.”

    19.

    L-Artikolu 176 tal-imsemmi regolament kien jaqra kif ġej:

    “1.   L-Artikolu 81(1) tat-Trattat ma għandux japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattika msemmija fl-Artikolu 175 ta’ dan ir-Regolament li huma parti integrali minn organizzazzjoni tas-suq nazzjonali jew li huma meħtieġa għall-kisba ta’ l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 33 tat‑Trattat.

    B’mod partikolari, l-Artikolu 81(1) tat-Trattat m’għandux japplika għal ftehim, deċiżjonijiet u prattika tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, jew l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet li jappartjenu għal Stat Membru wieħed u li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli jew l-użu ta’ faċilitajiet konġunti għall-ħażna, trattament jew ipproċessar ta’ prodotti agrikoli, u li skondhom ma hemm l-ebda obbligu li jintalbu prezzijiet identiċi, għajr jekk il-Kummissjoni ssib illi l‑kompetizzjoni hija b’hekk eskluża jew li l-objettivi ta’ l-Artikolu 33 tat‑Trattat huma mhedda.

    2.   Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u tisma’ lill-impriżi jew lill‑assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi kkonċernati u lil kull persuna fiżika jew ġuridika oħra li tikkonsidra xierqa, il-Kummissjoni għandu jkollha l‑kompetenza esklussiva, suġġetta għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabbilixxi, permezz ta’ deċiżjoni li għandha tiġi ppubblikata, liema ftehim, deċiżjonijiet jew prattika jissodisfaw il‑kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1.

    Il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha li tistabilixxi dan jew fuq l‑inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi interessati.

    3.   Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandha tagħti l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni. Għandha tqis l-interess leġittimu ta’ l-impriżi fil‑protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.”

    20.

    L-Artikolu 176a ta’ dan l-istess regolament kien jipprevedi:

    “1.   L-Artikolu 81(1) tat-Trattat m’għandux japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattika miftiehma ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali bil-għan li jwettqu l-attivitajiet li jissemmew fl‑Artikolu 123(3)(c) ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika biss sakemm:

    (a)

    il-ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattika miftiehma ġew notifikati lill‑Kummissjoni;

    (b)

    fi żmien xahrejn minn meta tirċievi d-dettalji kollha meħtieġa l‑Kummissjoni ma tkunx sabet li l-ftehim, id-deċiżjonijiet jew il‑prattika miftiehma jkunu inkompatibbli mar-regoli tal-Komunità.

    3.   Il-ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattika miftiehma ma jistgħux jidħlu b’effett qabel ma jgħaddi l-perijodu msemmi fil-paragrafu 2(b).

    4.   Il-ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattika miftiehma li ġejjin, ikun xi jkun il-każ, għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mar-regoli Komunitarji:

    (a)

    ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jistgħu jwasslu għal separazzjoni tas-swieq fi kwalunkwe forma fi ħdan il-Komunità;

    (b)

    ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jistgħu jaffettwaw il‑funzjonament tajjeb ta’ l-organizzazzjoni tas-suq;

    (c)

    ftehim, deċiżjonijiet u prattika miftiehma li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni li ma jkunux essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika agrikola komuni li huma l-għan ta’ l-attività ta’ l-organizzazzjoni interprofessjonali;

    (d)

    ftehim, deċiżjonijiet u prattika miftiehma li jinvolvu l-iffissar tal‑prezzijiet, mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet imwettqa minn organizzazzjonijiet interprofessjonali fl-applikazzjoni ta’ regoli Komunitarji speċifiċi;

    (e)

    ftehim, deċiżjonijiet u prattika miftiehma li jistgħu joħolqu diskriminazzjoni jew jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ proporzjon sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

    5.   Jekk, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ xahrejn li jissemma fil‑paragrafu 2(b), il-Kummissjoni ssib li l-kondizzjonijiet biex jiġi applikat il-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, għandha tadotta Deċiżjoni li tiddikjara li l-Artikolu 81(1) tat-Trattat japplika għall-ftehim, għad‑deċiżjoni jew għall-prattika miftiehma in kwistjoni.”

    Id-dritt Franċiż

    21.

    L-Artikolu L.420‑1 tal-Code de commerce (kodiċi tal-kummerċ) jipprovdi:

    “L-azzjonijiet miftiehma, il-ftehimiet, l-akkordji espressi jew taċiti jew il-koalizzjonijiet għandhom ikunu pprojbiti anki jekk jitwettqu direttament jew indirettament minn kumpannija tal-grupp stabbilita barra minn Franza, meta jkollhom bħala għan jew jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’suq, b’mod partikolari meta jkunu intiżi li:

    1.

    Jillimitaw l-aċċess għas-suq jew l-eżerċizzju liberu tal-kompetizzjoni minn impriżi oħra;

    2.

    Jostakolaw l-iffissar tal-prezzijiet fuq il-bażi tal-funzjonament ħieles tas-suq billi jiffavorixxu b’mod artifiċjali ż-żieda jew it-tnaqqis tagħhom;

    3.

    Jillimitaw jew jikkontrollaw l-produzzjoni, l-opportunitajiet, l-investimenti jew il-progress tekniku;

    4.

    Jaqsmu s-swieq jew is-sorsi ta’ provvista.”

    Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    22.

    Wara operazzjonijiet ta’ spezzjoni u sekwestru li saru mis-servizzi tad-Direction générale de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes (direttorat ġenerali tal-kompetizzjoni, tal-konsum u tar-repressjoni tal-frodi, Franza) fit-12 ta’ April 2007, il-Ministre chargé de l’Économie (ministru tal‑ekonomija) irrefera lill-Conseil de la concurrence (kunsill tal-kompetizzjoni, li sussegwentement sar l‑awtorità tal-kompetizzjoni), fil-11 ta’ Lulju 2008, prattiki potenzjalment antikompetittivi implementati fis-settur tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-indivja.

    23.

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtorità tal-kompetizzjoni ddeċidiet li l-APEF, l-APVE, is-Celfnord, is-Cerafel, il-FCE, il‑FNPE, is-SNE, is-SAS Groupe Perle du Nord u l-OP Cap’Endives, Fraileg, France Endives, Marché de Phalempin, Nord Alliance, Primacoop, Prim’Santerre, Soleil du Nord, Sipema u Valois-Fruits kienu implementaw akkordju kumpless u kontinwu pprojbit mill-Artikolu L.420‑1 tal-kodiċi tal-kummerċ u mill‑Artikolu 101 TFUE fis-suq tal-indivja. Skont l-awtorità tal‑kompetizzjoni, dan l-akkordju kien jikkonsisti fi ftehim dwar il-prezz tal-indivja, permezz ta’ prattiki miftehma differenti, skont iż‑żmien, f’diversi forom – bħat-tqassim ta’ prezz minimu fil-ġimgħa, l-iffissar ta’ rata ċentrali, it-twaqqif ta’ borża għall-kummerċ, l-iffissar ta’ prezz ta’ riżerva u l-użu ħażin tal-mekkaniżmu tal-prezzijiet ta’ rtirar – ta’ kollużjoni fuq il-kwantitajiet ta’ indivja mqiegħda fis-suq u ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni strateġika li serviet sabiex ġiet stabbilita politika ta’ prezzijiet, u dawn il-prattiki kellhom l-għan li jiffissaw prezz minimu ta’ bejgħ għall-produzzjoni tal-indivja u ppermettew lill-produtturi u lil diversi organizzazzjonijiet professjonali tagħhom iżommu prezzijiet ta’ bejgħ minimi, u dan matul perijodu li beda fix-xahar ta’ Jannar 1998 u li kien għadu għaddej sad-data tad-deċiżjoni kkontestata. Hija għalhekk imponiet fuqhom sanzjonijiet finanzjarji għal ammont totali ta’ EUR 3970590.

    24.

    Fid-deċiżjoni kkontestata, l-awtorità tal-kompetizzjoni b’mod partikolari warrbet l-argument tal-produtturi li l-ftehimiet inkwistjoni kellhom jitqiesu li kienu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal‑PAK, peress li d-derogi previsti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1184/2006 u fl-Artikolu 176 tar-Regolament Nru 1234/2007 ma setgħux japplikaw f’dan il-każ. L-awtorità tal-kompetizzjoni kkunsidrat ukoll li l-prattiki kkritikati kienu jmorru “lil hinn mir-responsabbiltajiet leġittimi tal-organizzazzjonijiet professjonali inkwistjoni” u, barra minn hekk, li l-OP u l-AOP kienu jafu, fl-opinjoni tagħha, bin-natura illegali ta’ dawn il-prattiki.

    25.

    Fis-6 ta’ April 2012, diversi impriżi u korpi ssanzjonati ppreżentaw quddiem il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) rikors għal annullament u, sussidjarjament, rikors għal bidla tad-deċiżjoni kkontestata.

    26.

    Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, dik il-qorti biddlet id‑deċiżjoni kkontestata fid-dispożizzjonijiet kollha tagħha u, fuq il‑mertu, iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.420‑1 tal-kodiċi tal-kummerċ u tal-Artikolu 101(1) TFUE kienu ġew interpretati b’mod żbaljat. Il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) b’mod partikolari rrilevat li ma kienx stabbilit li t-tqassim ta’ struzzjonijiet ta’ prezzijiet minimi kien, fil‑każijiet kollha, neċessarjament u definittivament ipprojbit, b’tali mod li ma kienx ġie stabbilit mingħajr dubji li l-korpi inkwistjoni kienu eċċedew il-limiti tar-responsabbiltajiet legalment fdati lilhom għall‑istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet.

    27.

    Il-President tal-awtorità tal-kompetizzjoni ppreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is‑sentenza.

    28.

    Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 osservazzjonijiet quddiem il-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni). Hija spjegat li għall‑applikabbiltà tar-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni għas-settur agrikolu jeżistu mhux biss derogi ġenerali adottati abbażi tal-Artikolu 2 tar‑Regolamenti Nri 26 u 1184/2006 kif ukoll tal-Artikolu 176 tar‑Regolament Nru 1234/2007, iżda wkoll, skont l-Artikolu 175 ta’ dan l-istess regolament, derogi speċifiċi li jinsabu fid-diversi regolamenti li jirrigwardaw l-OKS u li jinkarigaw lil organizzazzjonijiet, attivi fil‑qasam tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u ħaxix, b’ċerti funzjonijiet partikolari li normalment jistgħu jaqgħu taħt il‑projbizzjonijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni. Madankollu, hija tikkunsidra li l-aġir prinċipali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l‑mekkaniżmi ta’ prezzijiet minimi miftehma fi ħdan l-AOP prinċipali, ma kienx jifforma parti mill-funzjonijiet speċifiċi previsti mill-OKS u ma jistax jitqies li kien kopert minn dawn id-derogi speċifiċi.

    29.

    Fis-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2015, il-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni) irrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-Artikolu 42 TFUE kien jistabbilixxi l-prinċipju ta’ applikabbiltà tar-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni fis-settur agrikolu u li ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli kienet tifforma parti mill-għanijiet tal-politika komuni tal-kompetizzjoni ( 12 ), filwaqt li kkunsidrat li, anki f’dak li jirrigwarda r-regoli tat-Trattat fil‑qasam tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 42 TFUE kien jistabbilixxi li l‑għanijiet tal-PAK jipprevalu fuq dawk tal-politika fil-qasam tal‑kompetizzjoni ( 13 ).

    30.

    Madankollu, hija tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar l-eżistenza tad-“derogi speċifiċi” imsemmija mill‑Kummissjoni u lanqas spjegat, fejn ikun il-każ, ir-relazzjoni tagħhom mad-“derogi ġenerali” imsemmija fir-regolamenti dwar l‑applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur agrikolu. Hija indikat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma ddeċidiet dwar il‑limitazzjonijiet tar-responsabbiltajiet fdati lill-OP u lill-AOP permezz tar-regolamenti li jirrigwardaw l-OKS fis-settur tal-frott u ħaxix (Regolamenti Nri 2200/96, 1182/2007 u 1234/2007).

    31.

    Għaldaqstant, il-Qorti ta’ Kassazzjoni ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Ftehim[iet], deċiżjonijiet jew prattiki ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi, ta’ [AOP] u ta’ organizzazzjonijiet professjonali, li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala antikompetittivi fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUR[TFUE], jistgħu jevitaw il-projbizzjoni prevista minn dan l-artikolu għas-sempliċi fatt li jistgħu jitqiesu bħala missjonijiet iddevoluti lil dawn l‑organizzazzjonijiet fil‑kuntest tal-[OKS] u dan, minkejja li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mid-derogi ġenerali previsti suċċessivament mill‑Artikolu 2 tar-Regolamenti [Nru 26], Nru 1184/2006, tal-24 ta’ Lulju 2006 u mill-Artikolu 176 tar-Regolament Nru 1234/2007 […]?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 11(1) tar-Regolament [Nru 220/1996], 3(1) tar-Regolament […] Nru 1182/2007, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament […] Nru 1234/2007, li jiffissaw, fost l-għanijiet attribwiti lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, dak li jirregolarizzaw il-prezzijiet għall‑produzzjoni u dak li jadattaw il-produzzjoni għad-domanda, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwantità tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li prattiki ta’ ffissar kollettiv ta’ prezz minimu, ta’ ftehim fuq il‑kwantitajiet imqiegħda fis-suq jew ta’ skambju ta’ informazzjoni strateġika, implementati minn dawn l-organizzazzjonijiet jew l‑assoċjazzjonijiet tagħhom, jevitaw il-projbizzjoni tal-akkordji antikompetittivi, inkwantu huma intiżi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet?”

    32.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-President tal-awtorità tal-kompetizzjoni, mill-Association Comité économique régional agricole fruits et légumes de Bretagne (Cerafel), mill-Comité économique fruits et légumes du Nord de la France (Celfnord), mill-Association des producteurs d’endives de France (APEF), mis- Section nationale de l’endive (SNE) u mill-Fédération du commerce de l’endive (FCE), flimkien, mill-kumpanniji Fraileg u Prim’Santerre, flimkien, mill-kumpanniji France Endive, Cambrésis Artois-Picardie endives (CAP’Endives), Marché de Phalempin, Primacoop, Coopérative agricole du marais audomarois (Sipema) u Groupe Perle du Nord, flimkien, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni.

    33.

    Saret seduta fil-31 ta’ Jannar 2017, li fiha pparteċipaw il-President tal-awtorità tal-kompetizzjoni, Cerafel, Celfnord, l-APEF, is-SNE, il-FCE, il-kumpanniji Fraileg u Prim’Santerre, il-kumpanniji France Endive, CAP’Endives, Marché de Phalempin, Primacoop, Sipema u Groupe Perle du Nord, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Spanjol, kif ukoll il-Kummissjoni.

    Analiżi

    34.

    L-eżami ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari jitlob li jitfakkru, qabelxejn, il-prinċipji ġenerali li jirregolow ir-relazzjoni bejn ir-regoli tal-kompetizzjoni u r-regoli tal-PAK.

    Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar ir-relazzjoni bejn ir-regoli relatati mal-PAK u r-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni

    35.

    Abbażi tal-konstatazzjoni li l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mill-PAK ma humiex neċessarjament dawk li tfittex li tippromwovi l‑politika tal-kompetizzjoni u li, għalhekk jista’ jkun hemm kunflitt fl‑implementazzjoni ta’ dawn il-politiki ( 14 ), l-Artikolu 42 TFUE, li l‑kliem tiegħu essenzjalment jikkorrispondi għall-Artikolu 36 tat-Trattat KE, filwaqt li jistabbilixxi s-supremazija tal-PAK fuq l-għanijiet tat‑Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni, jistabbilixxi regoli ġenerali ta’ rikonċiljazzjoni.

    36.

    Dan l-artikolu jipprevedi, fil-fatt, li r-regoli tal-kompetizzjoni għandhom japplikaw għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli biss sa fejn jiġi stabbilit mid-dritt sekondarju, fid-dawl tal-għanijiet imsemmija fl‑Artikolu 39 TFUE. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi, fil‑paragrafu 1 tagħha, l-għanijiet ekonomiċi u soċjali tal-PAK, jiġifieri żieda fil-produttività, garanzija ta’ livell ta’ għejxien xieraq għall‑popolazzjoni agrikola, stabbilizzazzjoni tas-swieq, garanzija tad‑disponibbiltà tal‑provvisti u żamma ta’ prezzijiet raġonevoli fil‑kunsinna tal-prodotti lill-konsumaturi.

    37.

    Għalhekk huwa fl-aħħar mill-aħħar il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li għandu d-dover li jiddefinixxi jekk u sa fejn ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni japplikaw fis-settur agrikolu, għalkemm din l-applikazzjoni ma għandhiex tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tal-PAK.

    38.

    Dan seħħ sa mill-1962 bl-adozzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 26, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni huma applikabbli għall-ftehimiet, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki li għalihom hemm riferiment fil-lista fl-Anness II tat-Trattat (fosthom il‑frott u l-ħaxix, li magħhom hija elenkata l-indivja). Din id-dispożizzjoni matul iż-żmien ġiet issostitwita b’dispożizzjonijiet identiċi jew simili. Għall-perijodu li għalih tirreferi l-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1184/2006 u l‑Artikoli 175 u 176 tar-Regolament Nru 1234/2007.

    39.

    Issa, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, bħala prinċipju, l‑applikazzjoni tar‑regoli tal-kompetizzjoni. Skont l-Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 1184/2006 (dispożizzjoni li essenzjalment hija riprodotta fl-Artikolu 176 tar-Regolament Nru 1234/2007), huma biss il‑ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE dwar il-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti agrikoli elenkati fl‑Anness I tat-Trattat li jiffurmaw parti integrali minn OKS jew li huma meħtieġa għat-twettiq tal-għanijiet tal-PAK li jistgħu jevitaw l‑applikazzjoni tagħhom. Iktar ’il quddiem nerġa’ nirreferi għad-derogi ġenerali li stabbilixxew dawn id-dispożizzjonijiet applikabbli (jiġifieri l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 26 u l-artikoli ekwivalenti li ssostitwewh).

    40.

    Minn dan jirriżulta li s-settur agrikolu, u b’mod partikolari s-settur tal-OKS, ma għandux jitqies li huwa “żona mingħajr kompetizzjoni” ( 15 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l‑Artikolu 42 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej fis-settur agrikolu u li ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli tifforma parti mill‑għanijiet tal-politika komuni tal-kompetizzjoni ( 16 ).

    41.

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-attività tal‑bdiewa, minkejja li tista’ tippreżenta ċertà partikolarità u tkun is‑suġġett ta’ regolamentazzjoni ddettaljata ferm, hija ta’ natura ekonomika u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE ( 17 ).

    42.

    Fid-dawl ta’ dan, u minkejja l-fatt li l-OKS ta’ prodotti agrikoli ma jikkostitwixxux “żoni mingħajr kompetizzjoni”, l-Artikolu 42 TFUE jkompli jistabbilixxi li l-għanijiet tal-PAK jipprevalu fuq dawk tal‑politika fil-qasam tal-kompetizzjoni ( 18 ).

    43.

    B’hekk, mill-Artikolu 42 TFUE, li jistabbilixxi kemm is‑supremazija tal-PAK fuq il-politika tal-kompetizzjoni kif ukoll il‑possibbiltà tal-Kunsill li jiddeċiedi sa fejn ir-regoli fil-qasam tal‑kompetizzjoni jistgħu japplikaw fis-settur agrikolu, jirriżulta li ċertu aġir tal-atturi tas-swieq agrikoli jista’ qabelxejn jevita r-regoli tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-akkordji antikompetittivi. Madankollu, din l-esklużjoni għandha tkun strettament limitata, peress li d-dritt sekondarju, li għalih jirreferi d-dritt primarju, jipprovdi hekk. Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, dan ifisser li għandu jinstab punt ta’ bilanċ bejn l-għanijiet tal-PAK u l-ħtieġa li tinżamm kompetizzjoni effettiva fis-swieq agrikoli.

    44.

    Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

    Fuq l-ewwel domanda

    45.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, lil hinn mid-“derogi ġenerali” previsti mil-leġiżlazzjoni rilevanti, ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki ta’ OP, ta’ AOP jew ta’ organizzazzjonijiet professjonali, “li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala antikompetittivi fir-rigward tal‑Artikolu 101 TFUR[TFUE]”, jistgħux jevitaw il-projbizzjoni tal-akkordji prevista f’dan l-artikolu minħabba s-sempliċi fatt li jistgħu jkunu relatati mar‑responsabbiltajiet mogħtija lil dawn l-organizzazzjonijiet fil‑kuntest tal-OKS.

    46.

    Wara li nispjega għaliex id-domanda magħmula mill-qorti tar‑rinviju għandha tiġi fformulata mill-ġdid sabiex tidentifika l-każijiet ta’ esklużjoni – u mhux ta’ “derogi” impliċiti – mill-applikazzjoni tar‑regoli tal-kompetizzjoni fis-settur tal-OKS, esklużjoni li hija bbażata primarjament fuq is-supremazija li għandha tingħata lill-PAK, ser nispjega l-kundizzjonijiet li l-aġir ikkritikat għandu jissodisfa sabiex jevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    Il-possibbiltà li ċertu aġir strettament relatat mar-responsabbiltajiet mogħtija lill-atturi tal-OKS jista’ jevita r-regoli tal-kompetizzjoni: esklużjoni iktar milli deroga impliċita mill-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE

    47.

    L-ewwel domanda, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, hija bbażata fuq il-premessa li l-aġir inkwistjoni huwa, a priori, antikompetittiv.

    48.

    Issa, tali premessa jidhirli li hija żbaljata.

    49.

    Fil-fatt, indipendentement mill-eżami tal-miżuri inkwistjoni mill‑perspettiva tal-effetti reali jew potenzjali tagħhom, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li aġir kollużorju għandu għan antikompetittiv, dejjem huwa mitlub li dan għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku tiegħu. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal‑istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni ( 19 ).

    50.

    B’mod partikolari, jekk aġir kollużorju partikolari jseħħ f’ambjent mhux kompetittiv, li jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li dan l-aġir huwa direttament relatat mat-twettiq tar-responsabbiltajiet mogħtija lill‑atturi tal-OKS bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni applikabbli, ma tibqax kwistjoni ta’ aġir antikompetittiv, li jista’ jaqa’ taħt l‑Artikolu 101(1) TFUE. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom l-ewwel jikkunsidraw ir-regoli tal-OKS sabiex jevalwaw jekk aġir adottat mill-OP u l-AOP huwiex ta’ natura antikompetittiva jew le ( 20 ).

    51.

    Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet jindikaw li, iktar minn deroga (jew eżenzjoni skont it-terminoloġija użata) mill‑applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, f’din il-kawża hija kwistjoni ta’ esklużjoni minn din l-applikazzjoni, li tirriżulta mill-ħtieġa li jitwettqu r-responsabbiltajiet mogħtija lill-atturi ewlenin tal-OKS. Fil‑fatt, sa fejn – u biss sa fejn – huwa stabbilit li l-prattiki implementati fil-kuntest ta’ OSK huma, fl-aħħar mill-aħħar, strettament neċessarji għat-twettiq ta’ dawn ir-responsabbiltajiet, l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal‑kompetizzjoni, u b’mod partikolari dawk relatati mal-akkordji antikompetittivi, għandha tiġi eskluża mill-ewwel. Kuntrarjament għall‑pożizzjoni mressqa minn ċerti intervenjenti, l-aġir inkwistjoni ma jistax, għalhekk, a priori, jitqies li huwa “antikompetittiv”, għas‑sempliċi raġuni li ma kienx qiegħed jintuża f’żona suġġetta għall‑kompetizzjoni.

    52.

    Din il-preċiżazzjoni terminoloġika ma hijiex mingħajr importanza. Għall-kuntrarju, hija għandha konsegwenzi sinjifikattivi kemm għall‑metodoloġija tal-eżami tal-miżuri meħuda mill-atturi tal-OKS kif ukoll għall-oneru tal-prova tan-natura potenzjalment antikompetittiva ta’ dawn il-miżuri.

    53.

    Fil-fatt, huwa stabbilit sew li hija l-awtorità inkarigata mill‑prosekuzzjoni tal-aġir antikompetittiv tal-impriżi li għandha kemm tistabbilixxi li l-miżuri inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll turi li dawn għandhom effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

    54.

    Issa, jekk nitilqu mill-premessa li l-imsemmija miżuri huma prima facie antikompetittivi, mingħajr eżami ddettaljat ta’ kif ġew żviluppati u implementati, il-possibbiltà għall-entitajiet ekonomiċi inkwistjoni li juru li dan l-aġir huwa relatat mill-qrib mat-twettiq tar-responsabbiltajiet li ġew fdati lilhom fil-kuntest tal-OKS, u għalhekk “żona mingħajr kompetizzjoni”, issir partikolarment diffiċli. F’każ bħal dan, l-entitajiet jistgħu juru biss li l-imsemmija miżuri għandhom ikunu eżentati mill‑applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kif ġew żviluppati. Dan ifisser li dawn l-entitajiet jintalbu jieħdu azzjoni simili għal dik introdotta sabiex jibbenefikaw minn deroga msejħa “ġenerali” jew inkella għal dik involuta f’talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE.

    55.

    F’dan il-każ, dak li għandu jiġi stabbilit għalhekk ma huwiex jekk l-Artikolu 101(1) TFUE jistax jiġi injorat minkejja li japplika għall-aġir ikkontestat, iżda iktar jekk din id-dispożizzjoni hijiex effettivament applikabbli.

    56.

    Sabiex ma tiġix iddeterminata minn qabel in-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni, il-problema quddiemna hija għalhekk jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għandhiex tiġi eskluża u mhux jekk hemmx deroga mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    57.

    Fid-dawl ta’ din l-ispjegazzjoni, jidhirli, f’dan il-każ, li fir-realtà l‑kwistjoni hija jekk jistax ikun hemm aġir ta’ impriżi li ma jaqax taħt id‑derogi ta’ natura ġenerali li, fid-dawl tal-importanza tiegħu għall‑funzjonament effettiv ta’ OKS fil-kuntest tal-PAK, jista’ xorta jevita l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE u, jekk ikun il-każ, liema huma l-kundizzjonijiet li l-prattiki inkwistjoni għandhom jissodisfaw.

    58.

    Għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, nikkunsidra li din il-mistoqsija għandha tingħata tweġiba fl-affermattiv.

    Il-ħtieġa li jiġi rrikonoxxut li ċerti miżuri indispensabbli għat-twettiq tar‑responsabbiltajiet fdati lill-OP u lill-AOP jistgħu jevitaw l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE

    – Ħtieġa li tirriżulta mir-regoli li jirregolaw l-OKS

    59.

    Fir-rigward tad-derogi espressament previsti mil-leġiżlatur tal‑Unjoni, għall-perijodu tal-fatti fil-kawża prinċipali u skont ir‑regolamenti rilevanti ( 21 ), huma previsti tliet każijiet ġenerali ta’ derogi skont ir-regoli fil-qasam tal-akkordji, li għalihom hija meħtieġa deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 22 ). Fir-realtà, il-Kummissjoni rarament aċċettat tali derogi ( 23 ) u l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li dawn għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta ( 24 ).

    60.

    L-ewwel każ ta’ deroga jirrigwarda l-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki li huma parti integrali ta’ organizzazzjoni nazzjonali ta’ suq. Il‑portata ta’ din id-deroga llum hija limitata, peress li kważi l-prodotti agrikoli kollha ġew gradwalment koperti b’OKS settorjali, u sussegwentement bir-Regolament Nru 1234/2007 li jistabbilixxi OKS unika ( 25 ).

    61.

    It-tieni każ ta’ deroga ġenerali jirrigwarda l-każ li fih il‑Kummissjoni wasslet sabiex tikkonstata li ċerti ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki restrittivi huma meħtieġa għat-twettiq tal-għanijiet tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 39 TFUE. Din id-deroga hija interpretata b’mod restrittiv mill-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu kien rikjest li l-aġir inkwistjoni għandu jippromwovi t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet kollha jew, tal-inqas, li l-imsemmija għanijiet kollha ġew ikkunsidrati ( 26 ).

    62.

    Finalment, l-aħħar deroga hija relatata mal-ftehimiet, mad-deċiżjonijiet u mal-prattiki restrittivi tal-kompetizzjoni minn bdiewa, assoċjazzjonijiet ta’ bdiewa jew assoċjazzjonijiet ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet li jappartjenu lil Stat Membru wieħed, inkwantu, “mingħajr ma jikkunsidraw l-obbligu li jużaw prezz stabbilit”, jikkonċernaw il-produzzjoni jew il-bejgħ ta’ prodotti agrikoli jew l-użu ta’ faċilitajiet komuni ta’ ħażna, ta’ trattament jew ta’ pproċessar ta’ prodotti agrikoli sakemm il-Kummissjoni ma tikkonstatax li b’hekk il-kompetizzjoni ġiet eskluża jew li l-għanijiet tal-PAK tpoġġew f’perikolu ( 27 ).

    63.

    Kif semmiet il-qorti tar-rinviju, dawn id-derogi ġenerali ma huma bl-ebda mod rilevanti f’dan il-każ ( 28 ) u ma għandix għalfejn nistabbilixxi jekk setgħux, li kieku kien il-każ, jiġu invokati mill-entitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ u kif jirriżulta minn spjegazzjonijiet preċedenti u min-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward – li, infakkar, kienet mitluba fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali –, jidhirli li huwa ċar li l-ebda waħda minn dawn id-derogi ma hija applikabbli f’dan il-każ.

    64.

    Kif ifformulata mill-ġdid (ara l-punt 57 iktar ’il fuq), l-ewwel domanda titlob, għall-kuntrarju, li jiġi stabbilit jekk esklużjonijiet iktar impliċiti mill-Artikolu 101(1)TFUE ma jistgħux jirriżultaw min‑natura stess tal-PAK u, b’mod iktar partikolari, mir‑responsabbiltajiet speċifiċi mogħtija lill-OP u lill-AOP mid-dritt sekondarju adottat abbażi tal-Artikolu 42 TFUE.

    65.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa stabbilit li l-għanijiet tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 39 TFUE jipprevalu fuq l-għanijiet tal‑kompetizzjoni. Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 38(2) TFUE jagħti, bħad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li ġew qablu, preċedenza lid‑dispożizzjonijiet speċifikament adottati fil-kuntest tal-PAK ( 29 ), mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar‑regolamenti inkwistjoni. L-Artikolu 40 TFUE, min-naħa tiegħu, jipprevedi li l-OKS, li ġiet stabbilita sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PAK, “tista’ tikkomprendi l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jinkisbu [dawn] l‑għanijiet […], b’mod partikolari, kontrolli tal-prezzijiet”. Kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, dan jimplika li l-awtoritajiet ta’ Stati Membri ma għandhomx jieħdu miżuri li jistgħu jikkawżaw preġudizzju lil OKS. B’mod partikolari, hija ddeċidiet li l-miżuri adottati mill‑awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma għandhomx jostakolaw il‑funzjonament tal-mekkaniżmi previsti minn OKS ( 30 ).

    66.

    B’hekk mis-sistema kif mixtieqa mill-awturi tat‑Trattati jirriżulta li miżura tista’ tevita l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni meta l‑imsemmija miżuri huma meħtieġa għall-OP u għall-AOP sabiex jissodisfaw funzjoni waħda jew iktar li ġew fdati lilhom.

    67.

    Tali konklużjoni hija riflessa fl-Artikolu 175 tar-Regolament Nru 1234/2007, dispożizzjoni li ssostitwixxiet l-Artikolu 1 tar‑Regolament Nru 26 u l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1184/2006, li jipprevedi li r-regoli tal-kompetizzjoni japplikaw “[ħ]lief kif previst mod ieħor f[l-imsemmi] Regolament”. Dan huwa l-każ b’mod partikolari tar‑regolamenti li jirrigwardaw l-OKS li jinkludu ċerti responsabbiltajiet u ċerti metodi ta’ intervent fis-swieq agrikoli. Dawn ir-regolamenti, fil‑fatt, jagħtu lill-entitajiet attivi fis-settur tal-produzzjoni u tal‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, b’mod iktar partikolari l‑OP u l-AOP, ċerti funzjonijiet u responsabbiltajiet speċifiċi li jistgħu jwassluhom sabiex jadottaw ċerti forom ta’ koordinazzjoni.

    68.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-OKS huwa intiż sabiex jirregola l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli kollha tal-Istati Membri. Hija tikkostitwixxi mekkaniżmu essenzjali sabiex jintlaħqu l‑għanijiet tal-PAK imsemmija fit-Trattat u, b’mod partikolari, l‑istabbilizzazzjoni tas-swieq agrikoli u ż-żamma ta’ livell ta’ għejxien xieraq għall-bdiewa.

    69.

    L-aspett intern tal-OKS jipprovdi b’hekk numru ta’ miżuri intiżi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi tas-suq agrikolu, li huwa kkaratterizzat minn konċentrazzjoni dejjem tikber tat-talba u, b’mod parallel, minn frammentazzjoni tal-provvista.

    70.

    F’kuntest fejn, kif jissemma fil-premessa 7 tar-Regolament Nru 2200/96, “l-iggruppament ta’ provvista […] huwa aktar minn qatt qabel neċessità ekonomika sabiex issaħħaħ il-posizzjoni tal-produtturi fis-suq”, l-OP u sussegwentement l-AOP, fir-regolamenti relatati mal‑OKS tas-settur tal-frott u ħaxix, kienu maħsuba fis-sens li jkun jista’ jkollhom rwol importanti sabiex, b’mod partikolari, jikkonċentraw il-provvista u jistabbilizzaw il-prezzijiet ( 31 ) u għalhekk, bħala atturi ewlenin ta’ din l-OKS. F’dan is-sens, din il-premessa tispjega li l-“[OP] huma l‑elementi bażiċi fl-organizzazzjoni komuni tas-suq, li jassiguraw fil‑livell tagħhom l-operazzjoni deċentralizzata” ( 32 ).

    71.

    Konsegwentement, meta, fir-regolamenti li jirregolaw l-OKS u r‑regolamenti li jirrigwardaw modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal‑aħħar, il-Kunsill jipprevedi għal xi miżuri ta’ ftehim, fl-istess ħin jipprekludi, l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni tal-akkordji antikompetittivi tal‑Artikolu 101(1) TFUE.

    72.

    F’dan il-każ, l-ewwel domanda preliminari titlob li jiġi kkunsidrat ir-rwol mogħti lil dawn l-atturi ewlenin tal-OKS, b’mod partikolari tal-OKS Frott u ħaxix, li huma l-OP u l-AOP bis-saħħa tar-regolamenti rilevanti.

    – Ħtieġa li hija ġġustifikata b’mod partikolari mir-rwol mogħti lill‑OP u lill-AOP fil-kuntest tal-OKS

    73.

    Fir-rigward tal-OP ( 33 ), dawn jissodisfaw il-ħtieġa imperattiva li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi tas-suq u huma ddefiniti bħala persuni ġuridiċi kkostitwiti, fuq bażi volontarja u utli, fuq inizjattiva tal‑produtturi sabiex, b’mod partikolari, ifittxu li jilħqu ċerti għanijiet. Ġeneralment, dawn il-produtturi jkollhom l-għan li jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom sabiex jerġgħu jilħqu bilanċ fir-relazzjonijiet kummerċjali li huma għandhom ma’ atturi ekonomiċi ’l isfel mill-industrija tagħhom u, b’mod partikolari, li jsaħħu s-setgħa ta’ negozjar tagħhom waqt il-bejgħ tal-prodotti tagħhom. L-OP jingħaqdu abbażi ta’ programm operattiv. Gruppi ta’ produtturi li jipproduċu prova li għandhom numru minimu ta’ membri u jkopru volum minimu ta’ produzzjoni li tista’ tinbiegħ għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala OP (ara l-Artikoli 15 sa 23 tar‑Regolament Nru 2200/96).

    74.

    L-OP huma kkostitwiti għal għan preċiż iddefinit mil-leġiżlazzjoni ( 34 ). L-għanijiet għall-kostituzzjoni ta’ OP jinkludu, b’mod partikolari, li jiżguraw li l-produzzjoni tkun ippjanata u aġġustata skont id-domanda, il-promozzjoni tal-konċentrazzjoni tal-provvista u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mkabbra mill-membri tagħhom kif ukoll it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal‑produtturi ( 35 ).

    75.

    Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-OP għandu jikkontrolla l‑kundizzjonijiet ta’ bejgħ u, b’mod partikolari, il-prezz ta’ bejgħ tal‑prodotti tal-produtturi membri. Min-naħa tagħhom, dawn tal-aħħar jintrabtu li japplikaw ċerti regoli adottati mill-OP, ikunu membri biss ta’ OP waħda u li jbigħu, permezz tal-OP li fiha huma membri, il‑produzzjoni kollha tagħhom ( 36 ). Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għal kull settur, huma ffissati limiti, ibbażati fuq in-numru ta’ produtturi jew inkella fuq il-valur tal-produzzjoni kummerċjali, li l-OP għandha obbligatorjament tilħaq sabiex tkun irrikonoxxuta.

    76.

    Skont il-leġiżlazzjoni rilevanti, l-OP jistgħu jingħaqdu f’AOP ( 37 ) jew f’organizzazzjonijiet professjonali ( 38 ).

    77.

    L-Artikolu 125c tar-Regolament Nru 1234/2007 jipprevedi li t‑twettiq ta’ dawn ir-responsabbiltajiet ġie estiż għall-AOP ( 39 ).

    78.

    Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi li r-responsabbiltajiet ta’ dawn l-atturi hija (i) li jiżguraw li l-produzzjoni tkun ippjanata u aġġustata skont id‑domanda, b’mod partikolari f’termini ta’ kwalità u kwantità, (ii) li jippromwovu l-konċentrazzjoni tal-provvista u t-tqegħid fis‑suq ta’ prodotti mkabbra mill-membri tagħhom, (iii) li jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-produtturi u (iv) li jippromwovu l-użu ta’ prattiċi ta’ kultivazzjoni, teknika ta’ produzzjoni u prattiċi tajbin għall-ambjent għall-immaniġġjar tal-iskart b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-kwalità tal-ilma, tal-ħamrija u tal‑pajsaġġ u li jippreżervaw u/jew jinkoraġġixxu l-biodiversità ( 40 ).

    79.

    Sabiex iwettqu b’mod effettiv dawn il-funzjonijiet, kemm l-OP kif ukoll l-AOP jistgħu għalhekk, l-ewwel nett, ikollhom jinnegozjaw direttament il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ tal-prodotti kollha tal-membri tagħhom mal-gruppi ta’ xiri.

    80.

    It-tieni nett, huma jista’ jkollhom jieħdu miżuri sabiex jiġġestixxu l-kwantitajiet imqiegħda fis-suq.

    81.

    F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Ewropea tipprevedi espressament li l-OP jistgħu jadottaw miżuri ta’ rtirar, jiġifieri jiddeċiedu li ma jpoġġux għall‑bejgħ ċerti kwantitajiet ta’ prodotti għal ċerti perijodi li jikkunsidraw opportuni. Matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 2200/96, jiġifieri sal-aħħar tas-sena 2007, dawn il-miżuri kienu maħsuba bħala miżuri ta’ intervent meħuda mill-OP u għalhekk li setgħu japplikaw kemm għall-membri tagħhom kif ukoll għal dawk li ma humiex membri sakemm l-OP ikkonċernat kien ikkunsidrat bħala rappreżentattiv ( 41 ). Il-ġestjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ rtirar, li ssir permezz ta’ fondi u ta’ programm operattiv ( 42 ), fir-realtà tirrikjedi li l-OP u l-AOP ikunu suġġetti għal ċertu skrutinju, peress li huma awtorizzati jadottaw regoli li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħmel mandatorji fuq il-produtturi kollha ta’ settur partikolari. Is-sistema ta’ miżuri ta’ rtirar kienet sostanzjalment emendata permezz tar-Regolament Nru 1234/2007, peress li ma baqgħux maħsuba bħala parti mill‑programmi operattivi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżi ( 43 ).

    82.

    Minbarra dawn il-miżuri ta’ rtirar, l-OP u l-AOP għandhom ukoll is-setgħa li jippjanaw il-produzzjoni sabiex jaġġustawha skont it-talba b’mod konformi mal-għanijiet kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni rilevanti ( 44 ).

    83.

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li l-OP u l-AOP huma inevitabbilment meħtieġa li jkollhom rwol determinanti sabiex jiċċentralizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħhom. Essenzjalment jikkostitwixxu lok ta’ konċentrazzjoni kollettiva.

    84.

    It-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom jirrikjedi, taħt piena li jintilef l-effett utli tal-leġiżlazzjonijiet relatati mal-OKS, li ċerti azzjonijiet li jieħdu u li huma strettament neċessarji għat-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom jistgħu jevitaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Sabiex iwettqu ir-responsabbiltajiet li ġew fdati bihom mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-OKS, dawn l-atturi huma mitluba jimplementaw forom ta’ koordinazzjoni u ta’ ftehim li ma humiex koperti bir-regoli tas-suq u li, għalhekk, ma humiex konsistenti mal-idea ta’ kompetizzjoni.

    85.

    Fir-realtà, it-twettiq ta’ tali responsabbiltajiet jimplika, inevitabbilment, kif il-Qorti Ġenerali kellha l-okkażjoni li tenfasizza ( 45 ), li l-OP ikkonċernata għandu jkollha kontroll reali tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u, b’mod partikolari, tal-prezzijiet ta’ bejgħ. Huwa preċiżament dan il-kontroll li l-produtturi membri jobbligaw ruħhom li jiżguraw billi jżommu ċerta dixxiplina, skont l-Artikolu 11(1)(c) tar-Regolament Nru 2200/96.

    86.

    Madankollu, dan ma jimplikax li OP u AOP differenti tal‑produzzjoni jiġu awtorizzati jaġixxu flimkien sabiex jistabbilixxu l-prezzijiet. Bl-istess mod, dan ma għandux iwassal sabiex azzjonijiet meħuda fi ħdan entitajiet jew organizzazzjonijiet li ma ġewx inkarigati mill-membri tagħhom bil-bejgħ tal-prodotti tagħhom jevitaw l‑applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Ser neżamina dan l-aspett f’iktar dettall iktar ’il quddiem.

    87.

    Minbarra d-derogi ġenerali msemmija iktar ’il fuq, il-prattiki segwiti minn dawn l-atturi għandhom, sabiex il-mekkaniżmi ta’ regolarizzazzjoni implementati bir-regolamenti li jirregolaw l-OKS ikollhom effett, jevitaw sa ċertu punt l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101(1) TFUE.

    88.

    Iktar milli deroga “speċifika”, din hija kwistjoni li għandhom jiġu misluta l-konklużjonijiet tad-deroga agrikola prevista mit-Trattati.

    89.

    Madankollu, huwa biżżejjed, kif sostnew ċerti partijiet intervenjenti, li l-miżuri meħuda minn OP jew minn AOP jgħinu b’xi mod it‑twettiq tar-responsabbiltajiet li ġew fdati lilhom permezz tar‑regolamenti li jirregolaw l-OKS sabiex ikunu jistgħu jevitaw l‑applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni?

    90.

    Jiena ma naħsibx.

    91.

    Kif ser nispjega fl-argumenti li ġejjin, huma biss il-prattiki relatati mar-responsabbiltajiet speċifikament fdati lill-OP, lill-AOP u lill‑organizzazzjonijiet professjonali li huma inkarigati mill-bejgħ tal‑prodotti kkonċernati li għandhom jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    – Ħtieġa li tirriżulta mir-rwol fdat lill-OP u lill-AOP li huma inkarigati mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati

    92.

    Ma hemmx għalfejn jingħad li l-esklużjonijiet mill-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni għal miżuri partikolari ma għandhomx jiġu aċċettati sempliċement għaliex, skont l-OP jew l-OAP ikkonċernati, jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali bħat-tnaqqis tal-ispejjeż tal‑produzzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-produzzjoni.

    93.

    B’mod ġenerali, għandu jiġi spjegat, kif sostniet il‑Kummissjoni, li sabiex tkun tista’ tiġi evitata l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE, għandu jiġi żgurat li l-prattiki inkwistjoni ġew effettivament adottati f’“livell tajjeb” u mill-“entità t-tajba”, jew minn OP jew minn AOP effettivament inkarigata mill-ġestjoni tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

    94.

    Apparti l-każijiet li fihom ir-regolament li jirregola l-OKS inkwistjoni jiddefinixxi bi preċiżjoni l-miżuri speċifiċi li l-OP u l-AOP jistgħu jieħdu, bħall-miżuri ta’ rtirar imsemmija iktar ’il fuq, il-prattiki li jseħħu bejn OP jew AOP jew li jinvolvu eventwalment atturi mhux membri fuq is-suq għandhom ikunu suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni.

    95.

    Konsegwentement, ftehim fuq il-prezzijiet, fuq il-kwantitajiet prodotti u fuq it-trażmissjoni ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva ma għandhomx ifissru kollużjoni bejn OP jew AOP differenti, jew fi ħdan entità li, ikun xi jkun l-isem reali jew allegat tagħha, ma ġietx inkarigata mill-membri tagħha mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni.

    96.

    Dan ir-rekwiżit jidhirli li jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament mil-leġiżlazzjoni applikabbli li tiddefinixxi r‑responsabbiltajiet ta’ konċentrazzjoni tal-provvista u l‑istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet mogħtija lil dawn l-entitajiet. Sabiex prattiki miftehma bejn OP jew AOP differenti jkunu jistgħu jevitaw l‑applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, ir-regolamenti li jirregolaw l‑OKS inkwistjoni kellhom jippreveduh b’mod espress.

    97.

    B’hekk l-Artikolu 11(1)(c) tar-Regolament Nru 2200/96, l‑Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1182/2007 u l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007 jiddikjaraw li r-rwol mogħti lil OP jikkonċerna unikament il-produzzjoni tal-membri jew tal‑produtturi msieħba fl-organizzazzjoni.

    98.

    F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali ( 46 ) diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li l-promozzjoni tal-konċentrazzjoni tal-provvista, prevista fil‑punt 2 tal‑Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 2200/96, kienet possibbli biss jekk parti sinjifikattiva tal-produzzjoni tal-membri tinbiegħ permezz tal-organizzazzjoni ta’ produtturi. Fin-nuqqas ta’ tali rekwiżit, il-miżuri adottati mill-OP u/jew mill-AOP ikollhom biss impatt żgħir ferm fuq is-suq u fuq il-konċentrazzjoni tal-provvista.

    99.

    Issa, hija preċiżament l-effikaċja tar-rwol li dawn l-entitajiet jista’ jkollhom f’din il-konċentrazzjoni tal-provvista u, fl-aħħar mill-aħħar, fl‑istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet li tista’, jekk ikun il-każ, tiġġustifika li huma jimplementaw forom ta’ prattiki miftehma li jevitaw ir-regoli ta’ kompetizzjoni, u b’mod partikolari l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE.

    100.

    Konsegwentement, apparti mill-miżuri ta’ intervent strettament previsti mir-regolament dwar l-OKS, jiena tal-opinjoni li l-prattiki miftehma adottati mhux biss bejn OP jew AOP differenti, iżda wkoll fi ħdan entitajiet li huma inkarigati biss minn parti sinjifikattiva tal-produzzjoni tal-membri taghhom, għandhom ikunu suġġetti għad-dritt tal‑kompetizzjoni.

    101.

    Fil-fatt, prattiki implementati fi ħdan OP jew AOP li ġiet effettivament inkarigata mill-ġestjoni tal-produzzjoni u tal‑kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħha huma komparabbli ma’ dawk adottati fi ħdan kumpannija jew grupp li jirrappreżenta lilu nnifsu, fis-suq ikkonċernat u fid-dawl tal‑karatteristiċi tas-suq agrikolu, bħala l-istess entità ekonomika waħda. Tali prattiki “interni” huma suġġetti għall-applikazzjoni tad-dritt tal‑kompetizzjoni. F’tali konfigurazzjoni, il-bdiewa rrappreżentati ma jibqgħalhom ebda kontroll, għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal‑produzzjoni tagħhom, fir-rigward tan-negozjar fuq l-oġġett u l-prezz.

    102.

    Għall-kuntrarju, u irrispettivament, anki hawn, mid‑dispożizzjonijiet espressament previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli, il-prattiki li jintużaw bejn OP jew AOP, fi ħdan entitajiet mhux inkarigati mill-kummerċjalizzazzjoni tal-membri tagħhom, jew dawk bejn OP/AOP u tipi oħra ta’ atturi fis-suq ikkonċernat, ma jistgħux jevitaw din l-applikazzjoni, peress li dawn il-prattiki jintużaw bejn entitajiet ekonomiċi li suppost huma indipendenti.

    103.

    Fil-fatt, għalkemm l-għan ta’ konċentrazzjoni tal-provvista segwit mil-leġiżlazzjoni relatata mal-OKS jimplika li l-membri tal-OP u tal-AOP inkarigati effettivament mill-kummerċjalizzazzjoni jistgħu jieħdu azzjoni miftehma, dan ma jfissirx li ftehimiet relatati mal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni konklużi bejn diversi OP, AOP u entitajiet oħra eventwalment mhux irrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni applikabbli jistgħu jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkordji antikompetittivi. Lanqas ma jippermetti li jiġu vvalidati prattiki, b’mod partikolari ta’ ffissar tal-prezzijiet, fi ħdan waħda minn dawn l-entitajiet, jekk din l-entità ma jkollhiex il‑kontroll tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħha. F’dan il-każ, ma tibqax kwistjoni ta’ konċentrazzjoni tal-provvista, iżda ta’ ftehim bejn entitajiet li għadhom jikkompetu fis-suq finali tal-prodott ikkonċernat.

    104.

    Huwa veru li jista’ jidher li dan ir-rekwiżit jista’ faċilment jiġi skartat bil-ħolqien, li jirriżulta mill-amalgamazzjoni tagħhom, ta’ OP u ta’ AOP ta’ skala kbira. Madankollu, għandu jitfakkar li d-daqs ta’ OP jew AOP huwa element li bħala regola jiġi kkunsidrat fl-istadju meta tiġi rrikonoxxuta jew meta jinżamm ir-rikonoxximent tagħha. Fil-fatt, fil-leġiżlazzjoni relatata mal-OKS huwa espressament previst li l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu, fuq talba, OP jew AOP jekk, b’mod partikolari “ma jkollhiex pożizzjoni dominanti f’suq partikolari”, sakemm dan ma jkunx meħtieg sabiex jiġu segwiti l-għanijiet tal‑PAK ( 47 ).

    105.

    Konsegwentement, kull aġir jew prattika li jmorru lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju għall-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet mogħtija lill-OP u lill-AOP fir-rigward tal-produtturi msieħba jistgħu jaqgħu taħt il-projbizzjoni tal-akkordji fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    106.

    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki ta’ OP, ta’ AOP u ta’ organizzazzjonijiet professjonali jistgħu, minkejja li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mid-derogi ġenerali previsti suċċessivament fl-Artikolu 2 tar-Regolamenti Nru 26 u Nru 1184/2006 u fl-Artikolu 176 tar-Regolament Nru 1234/2007, jevitaw il-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl‑Artikolu 101(1) TFUE, fil-każ li jiġi vverifikat li dan l-aġir, l-ewwel nett, huwa neċessarju jew permess għat-twettiq tal-funzjoni fdata lill-OP, lill-AOP jew lill-organizzazzjoni professjonali inkarigata b’mod effettiv mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati u, it-tieni nett, jittieħed fil-kuntest u b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni relatata mal-OKS ikkonċernata.

    Fuq it-tieni domanda

    107.

    It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-punt dwar jekk il‑prattiki kkontestati fil-kawża prinċipali, li jikkonċernaw, rispettivament, i) l-iffissar kollettiv ta’ prezz minimu, ii) il-ftehim fuq il‑kwantitajiet ta’ prodotti mqiegħda fis-suq u iii) l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva/strateġika, jistgħux jevitaw l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE, inkwantu huma intiżi b’mod partikolari għat‑twettiq tar-responsabbiltajiet ta’ stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal‑produzzjoni u ta’ aġġustament tal-produzzjoni għad-domanda, fdati lill‑OP u lill-AOP (ara l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2200/96; l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1182/2007, u l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007).

    108.

    Qabelxejn, għandi nenfasizza li l-fatt, imsemmi b’mod partikolari waqt is-seduta, li l-miżuri ttieħdu mill-atturi kkonċernati bl-intenzjoni li jilqgħu għad‑diffikultajiet allegati jew reali tal-produtturi tal-indivja, b’mod partikolari fid-dawl ta’ sitwazzjoni ekonomika diffiċli ta’ kunflitt mal‑atturi ta’ distribuzzjoni fuq skala kbira, ma huwiex rilevanti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, anki jekk jiġi stabbilit li l‑partijiet fi ftehim aġixxew mingħajr l-ebda intenzjoni suġġettiva li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, iżda bl-iskop li jagħmlu tajjeb għall-effetti tal-kriżi settorjali, tali kunsiderazzjonijiet ma humiex rilevanti għall‑finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, iżda jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu eżaminati sabiex tinkiseb eżenzjoni mill‑projbizzjoni prevista fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu ( 48 ).

    109.

    Barra minn hekk, mingħajr ma nixtieq assolutament nippreġudika l-eżami tal-fatti, li fl-aħħar mill-aħħar, għandu jsir mill-qorti nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prattiki involuti f’dan il-każ ma sarux biss fi ħdan OP jew AOP inkarigati mill-kummerċjalizzazzjoni tal-membri tagħhom, iżda kienu iktar wisgħin. Skont id-data miġbura mill-awtorità tal-kompetizzjoni fl-investigazzjonijiet tagħha, il-prattiki kkontestati kienu jinvolvu mhux biss għaxar OP u erba’ AOP, iżda wkoll ħames gruppi mhux irrikonoxxuti li ma huma inkarigati mill-ebda funzjoni partikolari skont il-leġiżlazzjoni rilevanti.

    110.

    Ċerti spjegazzjonijiet preliminari huma għalhekk meħtieġa, fl‑ewwel lok, fir-rigward tal-miżuri li jistgħu effettivament jittieħdu mid-diversi gruppi u OP fir-rigward tal‑istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet u l-aġġustament tal-produzzjoni għad‑domanda.

    111.

    Fit-tieni lok u fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fuq dan il-punt, ser neżamina wieħed wieħed id-diversi tipi ta’ miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi ssir distinzjoni, għal kull wieħed minnhom, bejn dawk li jirrigwardaw il‑membri ta’ OPI jew ta’ AOP inkarigata mill-kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti tal‑membri tagħha (iktar ’il quddiem il-“konfigurazzjoni interna”) u dawk li jintużaw fi ħdan entitajiet li, minkejja li huma kklassifikati bħala “OP” jew “AOP”, ma humiex inkarigati mill‑kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħhom, ta’ OP jew AOP differenti u/jew ma’ entitajiet li ma humiex irrikonoxxuti (iktar ’il quddiem il-“konfigurazzjoni esterna”).

    Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq il-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill‑OP u mill-AOP fil-funzjoni tagħhom ta’ stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet u ta’ aġġustament għad-domanda

    112.

    Kif diġà semmejt preċedentement, ir-rwol mogħti lill-OP u lill-AOP fil-qasam tal-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet u tal-aġġustament tad-domanda jista’ jwasslu sabiex jiġu adottati forom ta’ skambji u ta’ ftehim mal-membri tagħhom.

    113.

    Il-kwistjoni ewlenija li tqum f’dan il-każ hija jekk tali funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ aġġustament tistax twassal sabiex jiġi stabbilit, fi ħdan OP jew AOP u bi ftehim mal-membri tagħha, prezz minimu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti koperti bl-OKS.

    114.

    Jiena naħseb li dan, taħt l-ebda ċirkustanza, ma jista’ jseħħ.

    115.

    Fil-fatt, f’konfigurazzjoni interna, jekk il-membri ta’ OP jew ta’ AOP effettivament fdawlha, kif titlob il-leġiżlazzjoni relatata mal-OKS, il‑funzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni kollha jew kważi kollha tagħhom, jidher essenzjali li l-OP jew l-AOP tinnegozja mad‑distributuri prezz uniku applikabbli għal din il-produzzjoni kollha. L-OP jew l-AOP ikkonċernata tingħata, sa ċertu punt, mill-membri tagħha, il-kwalità ta’ negozjatur uniku b’mod partikolari mal-atturi li jinsabu ’l isfel mill-industrija. Dan il-prezz uniku, li huwa stabbilit skont il-perijodi ta’ kummerċjalizzazzjoni u tal-kwalità tal-prodott ikkonċernat, huwa, minnu nnifsu, varjabbli.

    116.

    Konsegwentement, fil-każ li l-integrazzjoni tal‑kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati fi ħdan l-OP jew l‑AOP twassal għad-determinazzjoni ta’ tali prezz uniku, ma jagħmilx sens li jkun hemm l-iffissar ta’ prezz minimu fi ħdan waħda mill-entitajiet li ma jista’ jkollu l-ebda varjazzjoni.

    117.

    Fil-fatt, il-prattiki ta’ ffissar ta’ prezz minimu jistgħu jsiru biss f’kuntest li fih il-produtturi tal-prodott ikkonċernat jibqgħalhom ċerta setgħa fir-rigward tan-negozjar tal-prezz ta’ bejgħ ta’ dan il-prodott.

    118.

    Kif irrilevat b’mod partikolari l-awtorità tal-kompetizzjoni, il‑funzjoni ta’ “stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-produzzjoni” (“stabilising producer prices”) mogħtija lill-OP/AOP għandha tinftiehem fil-kuntest tal-għan ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq segwit mill-OKS u fid‑dawl tal-mezzi li huma espressament previsti fil-leġiżlazzjoni Ewropea (miżuri ta’ rtirar u/jew pjani ta’ produzzjoni) u ma għandhiex twassal sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE għall-iffissar ta’ prezz minimu bħal dak li jidher li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-iffissar ta’ prezz impost fuq l-OP/AOP kollha u applikabbli għall-prodotti kollha inkwistjoni ta’ kważi l-produzzjoni nazzjonali kollha.

    119.

    Fir-rigward tal-konfigurazzjoni esterna, jekk l-OP/AOP huma, skont id-dispożizzjonijiet suċċessivi rilevanti ( 49 ), mogħtija funzjonijiet sinjifikattivi, b’mod partikolari ta’ konċentrazzjoni tal-provvista u ta’ stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-produzzjoni, l-importanza ta’ dawn il-funzjonijiet ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza azzjonijiet kollużorji ta’ ffissar ta’ prezzijiet imposti b’mod ġenerali fuq il-membri kollha tagħhom u fuq il-prodotti kkummerċjalizzati kollha.

    120.

    Bħala konklużjoni, l-esklużjoni mill-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE ma tistax tiġi estiża għall-prattiki miftehma li jseħħu bejn OP jew AOP differenti, jiġifieri fi ħdan entitajiet jew gruppi mhux irrikonoxxuti.

    Eżami tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali

    – Fuq il-prattiki ta’ ffissar kollettiv ta’ prezz

    121.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, prattiki ta’ ffissar ta’ prezz bejn OP jew bejn AOP jew bejnhom u entitajiet oħra, jiġifieri fil‑konfigurazzjoni esterna, għandhom, f’kull każ, ikunu suġġetti għad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li ġie spjegat li huwa stabbilit sew li prattiki ta’ ffissar ta’ prezzijiet jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li jikkawżaw preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tal‑kompetizzjoni ( 50 ).

    122.

    Din il-konklużjoni tapplika wkoll fil-każ li fih entità, li minkejja li tkun ġiet ikklassifikata bħala OP jew bħala AOP, effettivament ma ġietx inkarigata mill-membri tagħha bil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom. Dan jidher li huwa l-każ ta’ AOP imsejħa “ta’ governanza” ( 51 ) imsemmija fil-kawża prinċipali.

    123.

    Fir-rigward tal-konfigurazzjoni interna, fl-istess linja tal-argument li għadni kemm semmejt, ma hemmx raġuni għalfejn għandu jkun hemm l‑iffissar ta’ prezz minimu fi ħdan OP jew AOP effettivament inkarigata mill-kummerċjalizzazzjoni, minħabba l-eżistenza stess ta’ sistema ta’ prezz uniku għall-prodotti tal-membri tagħhom.

    124.

    B’mod ġenerali, jidhirli utli li jitfakkar li, skont l-istruttura tas‑sistema implementata fil-kuntest b’mod partikolari tal-OKS uniku, l‑istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet għandha neċessarjament issir permezz ta’ miżuri espliċitament imsemmija fil-leġiżlazzjoni relatata mal-OKS u li huma intiżi sabiex jirregolaw il-kwantitajiet tal-prodotti mqiegħda fis-suq ikkonċernat, jiġifieri miżuri ta’ rtirar u pjani ta’ produzzjoni li jistgħu jiġu implementati fi ħdan OP u AOP.

    125.

    Din il-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tista’, pereżempju, tieħu l-forma ta’ tqassim mill-OP jew mill-AOP ikkonċernata ta’ data li tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-suq, iżda bl-ebda mod ma tista’ tirriżulta fi skala ta’ prezzijiet irrakkomandati. Din il-funzjoni tista’ twassal ukoll sabiex l-OP jew l-AOP ikkonċernati jagħtu ċerti rakkomandazzjonijiet sabiex jinfluwenzaw il-volumi tal-prodotti li ser jitqiegħdu fis-suq.

    126.

    F’dan ir-rigward, jiena tal-opinjoni li l-eżistenza ta’ prezzijiet imsejħa “ta’ rtirar”, li kienu teoretikament possibbli qabel l‑implementazzjoni tal-OKS uniku bir-Regolament Nru 1234/2007, ma tistax tintuża bħala argument sabiex tiġi ġġustifikata prattika ta’ prezzijiet minimi implementati bejn OP jew AOP. Il-prezz ta’ rtirar fil-fatt huwa ddefinit bħala prezz taħt dak li l-produtturi msieħba ma jpoġġux għall‑bejgħ ċerta kwantità (u mhux it-totalità) tal-prodotti pprovduti mill‑imsieħba tagħhom, b’dawn tal-aħħar jirċievu kumpens inkambju għal dan. Il-kumplament tal-produzzjoni tal-membri tal-OP jew tal-AOP tibqa’ suġġetta għall-forzi tas-suq u għalhekk ma tistax tinbiegħ bi prezz minimu ffissat minn qabel minn dawn il-membri.

    127.

    Għalhekk, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftehma dwar il-prezz, li tirrigwarda b’mod partikolari l-iffissar ta’ prezz minimu, fl-ebda każ ma tista’ awtomatikament tevita l‑applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    128.

    Bħala konklużjoni, kemm jekk tkun fi ħdan l-istess OP jew AOP inkarigata mill-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-membri tagħha jew bejn OP jew AOP differenti, prattika ta’ ffissar ta’ prezz minimu bejn produtturi ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tevita l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE.

    – Fuq il-prattiki miftehma dwar il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq

    129.

    Għandu jiġi rrikonoxxut li prattika miftehma fuq il-kwantitajiet ta’ prodotti mqiegħda fis-suq tista’ tikkontribwixxi, b’mod partikolari f’kuntest ikkaratterizzat minn frammentazzjoni tal-produzzjoni agrikola, – li tista’ twassal sabiex toħloq żbilanċ fid-dawl tad-domanda, li ġeneralment tkun qawwija ħafna, tal-prodotti kkonċernati –, għall‑ippjanar tal-produzzjoni u għall-aġġustament tagħha għad-domanda. Tista’, finalment, tikkontribwixxi mhux biss sabiex tiżgura stabbilizzazzjoni tas-swieq ikkonċernati – billi tirregola n-natura u l‑volum tal-prodotti offruti fis-suq – iżda wkoll tirregola l-prezzijiet bil‑għan li żżomm livell ta’ ħajja xieraq għall-popolazzjoni agrikola.

    130.

    Il-leġiżlazzjoni rilevanti tipprevedi, f’dan ir-rigward, li l-OP/AOP jistgħu jadottaw regoli sabiex jaġġustaw il-volum tal-provvista ta’ prodott partikolari għar-rekwiżiti tas-suq, jiġifieri jipprogrammaw il‑kwantità ta’ prodotti offerti għal perijodu partikolari sabiex iżommu r‑rati tal-bejgħ f’ċertu livell.

    131.

    Sal-adozzjoni tal-OKS uniku permezz tar-Regolament Nru 1234/2007, il-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam kienet tipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ rtirar, li kienu jippermettu li jiġu introdotti pjani ta’ azzjoni għal perijodu qasir billi jiġu aġġustati l-volumi li jitqiegħdu fis-suq. L-OP u AOP jistgħu għalhekk jiddeċiedu li ma jpoġġux għall-bejgħ ċerta kwantità ta’ prodotti tal-membri tagħhom għal ċerti perijodi.

    132.

    Kif indikajt preċedentement, ir-Regolament Nru 1234/2007 madankollu naqqas il-possibbiltà li jintużaw dawn il-miżuri ta’ rtirar, peress li issa huma meqjusa biss bħala mezz ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni ta’ kriżi li bħala regola ma jistgħux jiġu estiżi għall-produtturi kollha kif kien il-każ qabel.

    133.

    Madankollu, fl-istess linja tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq fir-rigward tal-prattiki ta’ stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, jiena tal‑opinjoni li, irrispettivament mill-possibbiltà li jiġu implementati miżuri ta’ rtirar fil-kuntest ta’ pjani ta’ azzjoni għal perijodu qasir approvati minn qabel (skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 23 tar‑Regolament Nru 2200/96) ( 52 ), il-prattiki miftehma dwar il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq għandhom jiġu kkunsidrati b’mod differenti skont il‑konfigurazzjoni maħsuba.

    134.

    F’konfigurazzjoni interna, miżuri bħal dawk adottati fil-kuntest tal-pjani ta’ produzzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni Ewropea jistgħu, meta huma intiżi sabiex effettivament jirregolaw il-produzzjoni sabiex jistabbilizzaw il-prezzijiet tal-prodotti msemmija, jevitaw l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    135.

    Għall-kuntrarju, f’konfigurazzjoni esterna, tali prattiki ma jistgħux jevitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Għandu jiġi enfasizzat li, minn meta ġiet introdotta l-OKS unika permezz tar‑Regolament Nru 1234/2007, ma għadux possibbli li l-miżuri ta’ rtirar adottati fi ħdan l-OP u l-AOP jiġu estiżi għall-produtturi li ma għadhomx membri ta’ dawn l-entitajiet.

    136.

    F’dan il-każ, jidher li l-prattiki inkwistjoni kienu jikkonsistu fi ftehimiet li jillimitaw u ġeneralment jikkontrollaw kwantitajiet imqiegħda fis-suq fil-livell tas-suq kollu tal-indivja. Ftehim ta’ tali skala nazzjonali, magħmul bejn diversi OP u AOP, u li jwassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal limitazzjoni tal-produzzjoni għal perijodu twil ma jevitax l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    – Fuq il-prattiki ta’ skambji ta’ informazzjoni strateġika

    137.

    Bħall-approċċ meħud preċedentement, għandha ssir distinzjoni bejn il-prattiki użati fi ħdan OP jew AOP u dawk li huma fir-realtà intiżi sabiex jintroduċu politika globali u nazzjonali ta’ prezz bejn il-produtturi, u dan irrispettivament mis-sħubija tagħhom f’xi waħda minn dawn l‑organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet.

    138.

    Fil-konfigurazzjoni interna, għandu jiġi aċċettat li r-responsabbiltajiet mogħtija lill-OP u lill-AOP fil-kuntest ta’ OKS neċessarjament ifissru skambji ta’ informazzjoni strateġika fi ħdan AOP. It-twettiq ta’ responsabbiltajiet ta’ stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet u/jew ta’ ppjanar tal-produzzjoni u ta’ aġġustament għad-domanda li ġew fdati lilhom jistgħu, fil-fatt, ikunu kompromessi ħafna fin-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ data relatata man-natura u mal-volumi ta’ produzzjoni tal-ispeċi, iżda wkoll dwar il-volumi mibjugħa jew maħżuna.

    139.

    Din il-ħtieġa ġiet irrikonoxxuta fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 ( 53 ), li fl-Artikolu 23 tiegħu, jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-persunal, l-infrastruttura u t‑tagħmir meħtieġ sabiex […] jiżguraw il-funzjonament essenzjali tagħhom”, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda “l-għarfien tal-produzzjoni tal‑membri tagħhom” u “il-ġbir, l-għażla, il-ħżin u l-imballaġġ tal‑produzzjoni tal-membri tagħhom”.

    140.

    Konsegwentement, f’tali konfigurazzjoni interna, hemm lok li l‑qorti tivverifika li l-iskambji ta’ informazzjoni inkwistjoni jkunu marbuta mat-twettiq tar-responsabbiltajiet tal-OP u tal-AOP u, għalhekk, ma jistgħux japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l‑Artikolu 101(1) TFUE.

    141.

    Għall-kuntrarju, f’konfigurazzjoni esterna, l‑Artikolu 101(1) TFUE għandu japplika għall-prattiki ta’ skambji ta’ informazzjoni.

    142.

    Sabiex nirritornaw għall-kawża prinċipali, jidher li l-iskambji ta’ informazzjoni kkritikati kienu jikkonsistu f’komunikazzjonijiet ta’ prezzijiet bejn OP, AOP u entitajiet oħra kompetituri. Jidhirli li ma jistax jiġi konkluż li dawn huma relatati mar-responsabbiltajiet mogħtija lill‑OP/AOP fil-kuntest tal-OKS.

    143.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, skambji ta’ informazzjoni jistgħu jitqiesu li għandhom għan antikompetittiv, peress li jistgħu jeliminaw l-inċertezzi fir-rigward tal-aġir ippjanat mill-impriżi kkonċernati ( 54 ).

    144.

    Madankollu, skambji ta’ informazzjoni jistgħu jitqiesu li huma konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni f’ċerti ċirkustanzi: suq ta’ natura mhux ikkonċentrata ħafna, fejn l-informazzjoni hija pubblika u miġbura, kif ukoll fejn l-informazzjoni ma hijiex komparabbli ma’ skali ta’ prezzijiet u/jew li ma tippermettix li jiġu kkalkolati l-ispejjeż kollha tal-operaturi.

    145.

    B’hekk, is-swieq agrikoli jippreżentaw karatteristiċi, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ OKS, li jistgħu jiġġustifikaw skambji ta’ informazzjoni f’ċirkustanzi inqas stretti minn dawk f’suq inqas limitat.

    146.

    Madankollu, f’dan il-każ, jidher li ma ġiex stabbilit li l‑iskambji ta’ informazzjoni kontenzjużi, li, probabbilment, fir-realtà kienu intiżi sabiex isir qbil fuq il-prezzijiet tal-prodotti inkwistjoni, kienu imposti minħabba l-partikolarità tas-suq inkwistjoni.

    147.

    Bħala konklużjoni, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2200/96, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1182/2007, u l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxu, fost l-għanijiet mogħtija lill-OP u lill‑assoċjazzjonijiet tagħhom, dak li jistabbilizzaw il-prezzijiet għall‑produzzjoni u dak li jaġġustaw il-produzzjoni għad-domanda, għandhom jiġu interpretati fis-sens li prattiki ta’ ffissar kollettiv ta’ prezz minimu bejn OP u/jew AOP ma jistgħu f’ebda każ jevitaw awtomatikament l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Fir-rigward tal-prattiki ta’ skambji ta’ informazzjoni strateġika dwar il‑prezzijiet minimi implementati minn u bejn dawn l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, lanqas dawn ma jistgħu jevitaw il-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE sempliċement għaliex jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet ġenerali mogħtija lill‑OP u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom. Sabiex dan ikun il-każ, hija b’mod partikolari l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-prattika inkwistjoni, l-ewwel nett, hijiex imposta jew permessa għat-twettiq ta’ funzjoni speċifika fdata lill-OP, lill-AOP jew lill‑organizzazzjoni professjonali effettivament inkarigata mill‑kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati u, it-tieni nett, saritx fil-qafas u skont il-leġiżlazzjoni relatata mal-OKS ikkonċernata.

    148.

    Prattiki bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, implementati bejn OP, AOP u entitajiet mhux irrikonoxxuti differenti, li huma intiżi sabiex jiffissaw prezz minimu, sabiex jintlaħaq ftehim fuq il-prezzijiet u għal skambji ta’ informazzjoni strateġika ma humiex tali li jistgħu awtomatikament jevitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    Konklużjoni

    149.

    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza) bil-mod segwenti:

    1.

    Ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi, ta’ assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi u ta’ organizzazzjonijiet professjonali jistgħu, minkejja li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mid-derogi ġenerali previsti suċċessivament fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 26, tal-4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006, tal-24 ta’ Lulju 2006, li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli, u fl-Artikolu 176 tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) jevitaw il-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, fil-każ li jiġi vverifikat li dan l‑aġir, l-ewwel nett, huwa neċessarju jew permess għat-twettiq tal-funzjoni fdata lill-organizzazzjoni ta’ produtturi, lill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew lill-organizzazzjoni professjonali inkarigata b’mod effettiv mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati u, it-tieni nett, jittieħed fil-kuntest u b’mod konformi mar-regolamenti relatati mal‑organizzazzjoni komuni tas-swieq ikkonċernata.

    2)

    L-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, tat-28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007, tas-26 ta’ Settembru 2007, li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96, u l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxu, fost l-għanijiet mogħtija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi u lill‑assoċjazzjonijiet tagħhom, dak li jistabbilizzaw il-prezzijiet għall‑produzzjoni u dak li jaġġustaw il-produzzjoni għad-domanda, għandhom jiġu interpretati fis-sens li prattiki ta’ ffissar kollettiv ta’ prezz minimu ma jistgħu f’ebda każ jevitaw awtomatikament l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Fir-rigward tal-prattiki ta’ skambji ta’ informazzjoni strateġika dwar il‑prezzijiet minimi implementati minn u bejn dawn l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, lanqas dawn ma jistgħu jevitaw il-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE sempliċement għaliex jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet ġenerali mogħtija lill‑organizzazzjonijiet ta’ produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom. Sabiex dan ikun il-każ, hija b’mod partikolari l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-prattika inkwistjoni, l-ewwel nett, hijiex imposta jew permessa għat-twettiq ta’ funzjoni speċifika fdata lill-organizzazzjoni ta’ produtturi jew lill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi effettivament inkarigata mill‑kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati u, it-tieni nett, saritx fil-qafas u skont il-leġiżlazzjoni relatata mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq ikkonċernata.

    Prattiki bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, implementati bejn organizzazzjonijiet ta’ produtturi, assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi u entitajiet mhux irrikonoxxuti differenti, li huma intiżi sabiex jiffissaw prezz minimu, sabiex jintlaħaq ftehim fuq il-prezzijiet u għal skambji ta’ informazzjoni strateġika ma humiex tali li jistgħu awtomatikament l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Ara, b’mod partikolari, Report of the Agricultural Markets Task Force, “Improving market outcomes” (Brussell, Novembru 2016) (disponibbli fl-indirizz https://ec.europa.eu/agriculture/agri-markets-task-force_fr), li jgħid li “questions about the precise scope of the possibilities and constraints applying to producer cooperation abound. Ambiguity of rules also risks giving rise to diverging approaches by national competition authorities thereby undermining the internal market” (punt 147).

    ( 3 ) Dan jixhdu l-fatt, relattivament eċċezzjonali, (17-il darba fi 12-il sena), li l‑Kummissjoni Ewropea interveniet fil-kawża prinċipali bħala amicus curiae skont l‑Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi b’mod partikolari li, meta l-applikazzjoni koerenti tad‑dispożizzjonjiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni tirrikjedih, il-Kummissjoni, ex officio, tista’ tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-qrati tal-Istati Membri.

    ( 4 ) Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980, Maizena vs Il‑Kunsill (139/79, EU:C:1980:250, punt 23).

    ( 5 ) Regolament tal-4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall‑produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 6).

    ( 6 ) Regolament tal-Kunsill, tal-24 ta’ Lulju 2006, li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (ĠU 2008, L 352M, p. 463).

    ( 7 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU 2007, L 299, p. 1).

    ( 8 ) Regolament tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas‑suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55).

    ( 9 ) Regolament tal-Kunsill, tas-26 ta’ Settembru 2007, li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 (ĠU 2007, L 273, p. 1).

    ( 10 ) Regolament tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (“Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS”) (ĠU 2008, L 121, p. 1).

    ( 11 ) Regolament tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 2009, li jemenda r-Regolament Nru 1234/2007 (ĠU 2009, L 154, p. 1).

    ( 12 ) Sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union (C‑137/00, EU:C:2003:429, punti 5758), u tad-19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 37).

    ( 13 ) Sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union (C‑137/00, EU:C:2003:429, punt 81), u tad-19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 39).

    ( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980, Maizena vs Il‑Kunsill (139/79, EU:C:1980:250, punt 23).

    ( 15 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union (C‑137/00, EU:C:2003:429, punt 61), u digriet tat-22 ta’ Marzu 2010, SPM vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C-39/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:157, punt 47).

    ( 16 ) Sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union (C‑137/00, EU:C:2003:429, punti 5758), u tad-19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 37).

    ( 17 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/03 u T‑245/03, EU:T:2006:391, punti 52, 5386).

    ( 18 ) Sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union (C‑137/00, EU:C:2003:429, punt 81), u tad-19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (C-373/11, EU:C:2013:567, punt 39).

    ( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 20 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque et National Farmers’ Union (C-137/00, EU:C:2003:429, punt 94).

    ( 21 ) Ara l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1184/2006 u sussegwentement l-Artikoli 175 u 176 a tar-Regolament Nru 1234/2007.

    ( 22 ) Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas‑swieq fi prodotti agrikoli (ĠU 2013, L 347, p. 671), li ma huwiex applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ, dawn id-derogi “ġenerali” issa saru tnejn u r-rekwiżit ta’ intervent minn qabel mill-Kummissjoni ma għadux mitlub (sistema ta’ eċċezzjoni legali) [ara l‑Artikolu 209(2) tar-Regolament Nru 1308/2013].

    ( 23 ) Jidhirli li l-uniku każ li ġie aċċettat kien wara talba tar-Repubblika Franċiża fis-settur tal-patata [ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 88/109/KEE, tat‑18 ta’ Diċembru 1987, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.735 – Patata ġdida) (ĠU 1988, L 59, p. 25).

    ( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et (C‑399/93, EU:C:1995:434, punt 23).

    ( 25 ) L-indivja hija koperta minn OKS sa mill-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72, tat-18 ta’ Mejju 1972, dwar l-organizzazzjoni komuni fis-settur tal‑frott u ħaxix (ĠU 1972, L 118, p. 1).

    ( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1975, Nederlandse Vereniging voor de fruit en groentenimporthandel u Frubo vs Il‑Kummissjoni (71/74, EU:C:1975:61, punti 24 sa 26); tat-12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et (C‑399/93, EU:C:1995:434, punt 25), u tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et (C‑265/97 P, EU:C:2000:170, punt 94). Ara wkoll is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/03 u T‑245/03, EU:T:2006:391, punt 199), u tal-14 ta’ Mejju 1997, Florimex u VGB vs Il‑Kummissjoni (T‑70/92 u T-71/92, EU:T:1997:69, punt 153).

    ( 27 ) Fuq in-natura awtonoma u speċifika ta’ din id-deroga, ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1995, Dijkstra et (C-319/93, C-40/94 u C-224/94, EU:C:1995:433, punt 20).

    ( 28 ) Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet konvenuti fil-proċedura quddiem il‑Qorti ta’ Kassazzjoni jidhru li qed jaċċettaw li d-derogi ġenerali ma japplikawx.

    ( 29 ) Sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1979, McCarren (177/78, EU:C:1979:164, punt 9); tas‑16 ta’ Jannar 2003, Hammarsten (C‑462/01, EU:C:2003:33, punt 26), u tas‑26 ta’ Mejju 2005, Kuipers (C‑283/03, EU:C:2005:314, punt 32).

    ( 30 ) Sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union (C‑137/00, EU:C:2003:429, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Compañía Española de Comercialización de Aceite (C‑505/07, EU:C:2009:591, punt 55).

    ( 31 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-premessa 131 tar-Regolament Nru 1308/2013, regolament li ssostitwixxa r-Regolament Nru 1234/2007.

    ( 32 ) Għal perspettiva ġenerali ta’ post l-OP fil-kuntest tal-PAK, nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fruition Po (C‑500/11, EU:C:2013:259, b’mod partikolari l-punti 24 sa 31).

    ( 33 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 7 u 16 kif ukoll l-Artikoli 11 sa 18 tar‑Regolament Nru 2200/96; l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1182/2007 u l‑Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007.

    ( 34 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 2200/96 u l‑Artikolu 122(c) tar-Regolament Nru 1234/2007 – applikabbli għall-fatti tal-każ – li jirriproduċu l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) tal-Kummissjoni Nru 335/72, tas‑16 ta’ Frar 1972, li jistabbilixxi r-rimbors għall-esportazzjoni taz-zokkor abjad u taz-zokkor mhux maħdum f’dak l-istat (ĠU 1972, L 42, p. 8).

    ( 35 ) Ara l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 2200/96, li l-kontenut tiegħu huwa riprodott fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1182/2007 u fl-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 122(c) tar-Regolament Nru 1234/2007.

    ( 36 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(1)(c) tar-Regolament Nru 2200/96.

    ( 37 ) Ara l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2200/96; l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1182/2007; l-Artikolu 125c tar-Regolament Nru 1234/2007.

    ( 38 ) Ara l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament Nru 2200/96; l-Artikoli 20 u 21 tar‑Regolament Nru 1182/2007; l-Artikolu 123 tar-Regolament Nru 1234/2007.

    ( 39 ) Skont din id-dispożizzjoni, introdotta permezz tar-Regolament Nru 361/2008, l-Istati Membri jistgħu, fuq talba, jirrikonoxxu assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jekk l-Istat Membru jikkunsidra li din l-assoċjazzjoni tista’ teżerċita effettivament dawn l-attivitajiet u l-imsemmija assoċjazzjoni ma għandhiex pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, sakemm dan ma jkunx meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PAK.

    ( 40 ) Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2200/96; Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1182/2007; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122(c) tar-Regolament Nru 1234/2007 [dan tal-aħħar ma għadux ikopri l-promozzjoni tal-użu ta’ prattiċi ta’ kultivazzjoni, u ta’ teknika ta’ produzzjoni u ta’ ġestjoni ta’ skart għall-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tal-kwalità tal-ilma, tal-ħamrija, tal‑pajsaġġ u li jippreżervaw u/jew jinkoraġġixxu l-biodiversità li madankollu jinsabu, parzjalment, fl-Artikolu 125b(1)(a) ta’ dan ir-regolament].

    ( 41 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 16 u 18 kif ukoll l-Artikoli 23 u 24 tar‑Regolament Nru 2200/96.

    ( 42 ) Artikoli 15 sa 18 tar-Regolament Nru 2200/96.

    ( 43 ) Ara l-Artikolu 103c(2)(a) tar-Regolament Nru 1234/2007.

    ( 44 ) Ara l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 1182/2007; l-Artikolu 15(2)(a) u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2200/96; u l-Artikolu 103c(a) tar-Regolament Nru 1234/2007.

    ( 45 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑432/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:373, punti 53 sa 56).

    ( 46 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑432/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:373, punti 53 sa 56).

    ( 47 ) Ara, fir-rigward tal-OP, Artikolu 4(1)(g) tar-Regolament Nru 1182/2007 u l‑Artikolu 125b(1)(g) tar-Regolament Nru 1234/2007 u, fir-rigward tal-AOP, il‑punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1182/2007 u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 125c tar-Regolament Nru 1234/2007.

    ( 48 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643, punti 19 sa 21).

    ( 49 ) Ara l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 2200/96 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar‑Regolament Nru 1234/2007, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 361/2008.

    ( 50 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51).

    ( 51 ) Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni indikat li dawn l-AOP ta’ governanza, irrikonoxxuti mid-dritt Franċiż, iżda mhux previsti mil-leġiżlazzjoni OKS, ma humiex inkarigati mill-kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti. Huma għandhom rwol ta’ gwida nazzjonali għal kull prodott u grupp ta’ prodotti sabiex jaġġustaw aħjar l-offerta mad-domanda u jottimizzaw l-azzjonijiet ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni ta’ kriżi.

    ( 52 ) Dan jidher li kien il-każ fil-kawża prinċipali. Mill-proċess tal-kawża prinċipali jirriżulta li, mis-sena 1998 sas-sena 2007, l-AOP ipprattikaw miżuri ta’ rtirar, li kienu jipprevedu li l-OP u l-assoċjazzjonijiet tagħhom setgħu ma jbigħux iktar il-prodotti tal-membri tagħhom ’il fuq minn ċertu volum u matul ċertu perijodu.

    ( 53 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007 għas-setturi tal‑frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU 2011, L 157, p. 1).

    ( 54 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni (C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 88).

    Top