Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0617

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fit-12 ta’ Jannar 2017.
    Hummel Holding A/S vs Nike Inc. u Nike Retail B.V.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 97(1) – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Proċedimenti ta’ vjolazzjoni mressqa kontra kumpannija stabbilita fi Stat terz – Sottosussidjarja stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża – Kunċett ta’ ‘stabbiliment’.
    Kawża C-617/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:13

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    TANCHEV

    ippreżentati fit-12 ta’ Jannar 2017 ( 1 )

    Kawża C‑617/15

    Hummel Holding A/S

    vs

    Nike Inc.

    Nike Retail B.V.

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Ġurisdizzjoni internazzjonali — Ġurisdizzjoni estiża għall-Unjoni Ewropea kollha — actor sequitur forum rei — Kunċett ta’ ‘stabbiliment’ skont l‑Artikolu 97(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark kontra impriża li għandha s-sede tagħha barra mill-Unjoni Ewropea — Ġurisdizzjoni bbażata fuq is-sede f’Stat Membru tas-sussidjarja ġuridikament indipendenti tal-impriża fl-Istat terz”

    1. 

    It-trade marks Ewropej jeħtieġu protezzjoni effettiva madwar l-Unjoni Ewropea ( 2 ).

    2. 

    Din tista’ tinkiseb billi l-qrati jingħataw permess jagħtu rimedji ta’ natura panEwropea, li jkopru ksur tat-trade mark li ma jseħħx biss fl-Istat Membru tal-qorti kompetenti iżda wkoll fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE ( 3 ). Il-leġiżlatura tal-UE pprevediet rimedju komprensiv ta’ dan it-tip ( 4 ), iżda tagħti l-ġurisdizzjoni estiża meħtieġa ( 5 ) esklużivament lil qorti li tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ( 6 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”). Dan jieħu preċedenza fuq ir-regoli ġurisdizzjonali iktar ġenerali tar-Regolament Nru 207/2009 u dawk tar-Regolament “Brussell I” ( 7 ) ( 8 ).

    3. 

    L-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf, il-Ġermanja), li taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala qorti tat-trade marks Komunitarji, tistaqsi jekk għandhiex tali ġurisdizzjoni komprensiva ta’ dan it-tip għal proċedimenti ta’ vjolazzjoni mressqa minn kumpannija Daniża kontra konvenuta mill-Istati Uniti. Skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-qrati għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali jekk konvenut, li ma għandux id-domiċilju tiegħu fl-UE, għandu stabbiliment fl-Istat Membru tal-qorti kompetenti. Peress li l-konvenut mill-Istati Uniti għandu sottosussidjarja fil-Ġermanja, tqum il-kwistjoni dwar jekk dik l-entità hijiex “stabbiliment” għall-finijiet tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A. Ir-Regolament Nru 207/2009

    4.

    Il-premessa 16 tiddikjara li:

    “Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għandhom ikollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, li huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u tal-Uffiċċju u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks Komunitarji ma jiġix imxejjen. Hemm id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skont il-liġi li tirrigwarda trade marks Komunitarji, ħlief fejn dan ir-Regolament jidderoga minn dawn ir-regoli.”

    5.

    L-Artikolu 97 huwa intitolat “Il-ġurisdizzjoni internazzjonali” u fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdi li:

    “1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal kull dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 94, il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 96 għandhom jinfetħu fil-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.

    2.   Jekk il-konvenut ma jkollu la domiċilju u lanqas stabbiliment f’ebda wieħed mill-Istati Membri, dawn il-proċedimenti għandhom jinfetħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-attur għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk m’għandu domiċilju f’ebda wieħed mill-Istati Membri, fejn huwa għandu stabbiliment.”

    6.

    L-Artikolu 98 huwa intitolat “Il-firxa tal-ġurisdizzjoni”; il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:

    “1.   Qorti ta’ trade marks Komunitarji li għandha ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’:

    (a)

    atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri;

    (b)

    atti li jaqgħu taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3), mwettqa fit-territorju ta’ xi wieħed mill-Istati Membri.”

    B. Ir-Regolament Brussell I

    7.

    Il-premessi 11 u 12 jiddikjaraw:

    “(11)

    Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

    (12)

    B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

    8.

    Is-Sezzjoni 1, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali” tal-Kapitolu II, intitolat “Ġurisdizzjoni” jinkludi l-Artikoli 2 sa 4, li fl-ewwel paragrafu tagħhom jipprovdu:

    “Artikolu 2

    1.   Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    “Artikolu 4

    1.   Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

    II. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    9.

    Hummel Holdings A/S, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija produttur ta’ prodotti għall-isports u ħwejjeġ għall-isports u għar-rikreazzjoni u għandha s-sede tagħha fid-Danimarka. Hummel fetħet kawża fil-Ġermanja quddiem il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali, Düsseldorf, il-Ġermanja) kontra żewġ konvenuti fil-grupp Nike għall-bejgħ ta’ oġġetti ta’ ħwejjeġ għall-isports allegatament bi ksur tat-trade mark figurattiva internazzjonali tagħha Nru 943057, li kienet ġiet irreġistrata wkoll biex ikollha effett fl-Unjoni Ewropea għal prodotti fil-klassi 25.

    10.

    L-ewwel konvenuta, Nike Inc., hija l-kumpannija holding prinċipali tal-grupp Nike u għandha s-sede tagħha fl-Istati Uniti tal-Amerika.

    11.

    It-tieni konvenuta Nike Retail B.V. tappartjeni għal dak il-grupp u għandha d-domiċilju tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Nike Retail topera s-sit internet www.nike.com/de, li fuqu jiġu rreklamati u offerti prodotti NIKE bl-Ingliż u bil-Ġermaniż għall-bejgħ fil-Ġermanja kif ukoll f’pajjiżi oħra.

    12.

    Ħafna mill-vjolazzjonijiet tat-trade mark tar-rikorrenti huma allegati li seħħew fil-Ġermanja. Fil-Ġermanja l-prodotti jistgħu jiġu ordnati online permezz tas-sit internet ta’ Nike Retail’s jew permezz ta’ negozjanti indipendenti li ma humiex parti mill-Grupp Nike u li huma stess jordnaw dawn il-prodotti mingħand Nike Retail. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ qabel il-bejgħ u dawk wara l-bejgħ huma pprovduti minn Nike Deutschland GmbH. Din il-kumpannija ma tbigħx prodotti NIKE iżda tipprovdi assistenza lill-klijenti bit-telefon jew b’posta elettronika meta dawn ikunu qegħdin jordnawhom, u taġixxi wkoll bħala aġent ta’ Nike Retail għal kuntratti konklużi ma’ negozjanti. Fir-rigward tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ, Nike Deutschland tittratta kwistjonijiet dwar skambji jew ilmenti, u tipprovdi assistenza lin-negozjanti fir-reklamar u fl-eżekuzzjoni ta’ dawk il-kuntratti.

    13.

    Nike Deutschland GmbH għandha s-sede tagħha fi Frankfurt am Main u ma hijiex parti fil-kawża prinċipali. Din hija madankollu sottosussidjarja tal-ewwel konvenuta Nike Inc, u l-preżenza tagħha fil-Ġermanja hija ċentrali għall-argument tar-rikorrenti dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi.

    14.

    Quddiem il-Landgericht Düsseldorf, ir-rikorrenti talbet (I) ordni li tipprojbixxi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, ir-reklamar, l-offerta għall-bejgħ u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati jew li dawn il-prodotti jitħallew jitqiegħdu fis-suq, u (II) ordnijiet ta’ żvelar inkluż ta’ kopji ta’ fatturi, u ordnijiet ta’ rtirar miċ-ċirkulazzjoni u fir-rigward tal-qerda tal-prodotti kkonċernati, u fl-aħħar nett (III) dikjarazzjoni ta’ dritt għal kumpens.

    15.

    Fir-rigward tal-ewwel konvenuta, ir-rikorrenti fittxet dawn l-ordnijiet (1) fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni Ewropea, u alternattivament, (2) fir-rigward tat-territorju tal-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fir-rigward tat-tieni konvenuta, is-suġġett tar-rikors kien jaqa’ biss taħt it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Id-digriet tar-rinviju jikkonċerna biss l-ewwel talba għal rimedju.

    16.

    Il-Landgericht Düsseldorf, fuq il-bażi li Nike Deutschland GmbH kellha titqies bħala stabbiliment tal-ewwel konvenuta, li b’hekk tinħoloq rabta bejn il-konvenuta mill-Istati Uniti u l-Ġermanja, sostniet li hija kellha ġurisdizzjoni internazzjonali, kif ukoll fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni Ewropea kollu. Madankollu, hija ċaħdet il-kawża fuq il-mertu. Fl-appell mir-rikorrenti quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf, il-konvenuti jkomplu jsostnu li l-qrati Ġermaniżi ma għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward tal-ewwel forma ta’ rimedju mfittex.

    17.

    Huwa f’dak il-kuntest li l-Oberlandesgericht Düsseldorf għamlet id-domanda preliminari li ġejja:

    “Taħt liema kundizzjonijiet kumpannija ġuridikament indipendenti, stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni, li hija sottosussidjarja ta’ impriża li ma għandhiex hija stess is-sede tagħha fl-Unjoni, għandha titqies li hija ‘stabbiliment’ ta’ din l-impriża fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009?”

    18.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti u miż-żewġ konvenuti, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet kollha minbarra l-Gvern Taljan ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fis-6 ta’ Ottubru 2016.

    III. Evalwazzjoni

    A. Introduzzjoni

    19.

    Qabelxejn, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, skont ir-Regolament Nru 207/2009, “[i]l-qrati tat-trade marks Komunitarji” biss, li huma qrati nazzjonali magħżula b’mod speċifiku u mogħtija din il-funzjoni ( 9 ), jistgħu jiddeċiedu dwar proċedimenti ta’ vjolazzjoni ( 10 ). Il-Landgericht Düsseldorf u l-Oberlandesgericht Düsseldorf kienu ġew maħtura bħala tali mill-Gvern Ġermaniż ( 11 ).

    20.

    Madankollu, mhux il-qrati tat-trade marks Komunitarji kollha jistgħu jagħtu r-rimedji fl-Unjoni kollha ( 12 ) mitlub mir-rikorrenti f’din il-kawża.

    21.

    Il-fatt li qorti tat-trade marks Komunitarji partikolari jkollha jew ma jkollhiex din is-setgħa komprensiva, jiddependi minn jekk tistax tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 13 ). F’dak il-każ biss qorti tat-trade marks Komunitarji għandu jkollha “ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri” ( 14 ).

    22.

    Għaldaqstant, filwaqt li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li vjolazzjoni li seħħet fil-Ġermanja tikkostitwixxi bażi ġurisdizzjonali għal proċedimenti ta’ vjolazzjoni tat-trade mark Komunitarja fil-Ġermanja skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 15 ), din id-dispożizzjoni tista’ sservi biss ta’ bażi għal ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti kompetenti ( 16 ). Din ma hijiex bażi suffiċjenti biex jingħata r-rimedju mitlub mir-rikorrenti, li l-effetti tiegħu jmorru lil hinn mit-territorju Ġermaniż. Għal dan, ġurisdizzjoni trid tkun neċessarjament ibbażata fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 17 ).

    23.

    Kif diġà semmejt, l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi tali bażi ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali jekk l-Istat terz konvenut ikollu stabbiliment fl-Istat Membru tal-qorti kompetenti ( 18 ). Għaldaqstant, l-Oberlandesgericht Düsseldorf tfittex kjarifika dwar il-kundizzjonijiet li fihom Nike Deutschland, bis-sede tagħha fil-Ġermanja, tista’ tiġi kkaratterizzata bħala stabbiliment ta’ Nike Inc.

    B. Kunċett ta “stabbiliment

    24.

    L-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li proċedimenti ta’ vjolazzjoni fi kwistjonijiet ta’ trade marks Komunitarji “għandhom jinfetħu fil-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.”

    1.  Definizzjoni awtonoma

    25.

    L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi indirizzata hija jekk it-terminu “stabbiliment” għandux, bħal ma l-Kummissjoni semmiet waqt is-sottomissjonijiet orali, tifsira awtonoma estiża tal-UE jew jekk għandux jitħalla f’idejn il-qorti nazzjonali biex tiddeterminah fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali tagħha ( 19 ).

    26.

    Din l-aħħar soluzzjoni jista’ jkun li hija ssuġġerita mill-fatt li t-terminu “domiċilju”, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Brussell I ( 20 ) għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-kwistjoni titressaq quddiem qorti. Madankollu bl-istess mod, l-Artikolu 60 tar-Regolament Brussell I jipprovdi definizzjoni awtonoma ta’ domiċilju għall-kumpanniji u għall-assoċjazzjonijiet ( 21 ).

    27.

    Bħala regola ġenerali, dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu ( 22 ). Barra minn hekk, tifsira estiża għall-UE ta’ “stabbiliment” hija konsistenti mal-għan tal-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009 biex tinħoloq bażi uniformi għall-ġurisdizzjoni estiża għall-Unjoni Ewropea komprensiva. Għaldaqstant, l-approċċ li ttieħed f’dawn il-konklużjonijiet huwa li trid tiġi pprovduta interpretazzjoni awtonoma mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 23 ).

    2.  “Stabbiliment ” skont ir-Regolament Nru 207/2009

    28.

    Għalkemm ġew inklużi xi definizzjonijiet statutorji fir-Regolament Nru 207/2009 ( 24 ), il-leġiżlatura ma pprovdietx definizzjoni għat-terminu “stabbiliment”.

    29.

    Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja, sa issa, kien għad ma kellhiex l-opportunità ( 25 ) li tagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u lanqas tat-terminu “stabbiliment” kif użat f’dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 207/2009 ( 26 ).

    30.

    Minħabba li l-materjal leġiżlattiv ( 27 ) ma jipprovdi l-ebda gwida, it-terminu “stabbiliment” skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 bilfors li jrid jiġi ddeterminat bl-użu ta’ sorsi li jmorru lil hinn mir-Regolament Nru 207/2009.

    31.

    Prima facie, ir-Regolament dwar il-proċeduri ta’ insolvenza ( 28 ) jidher li huwa sors tajjeb ta’ dan it-tip. Fl-Artikolu 2(h) tiegħu, huwa jipprovdi definizzjoni statutorja ( 29 ) tat-terminu “stabbiliment”, inter alia għall-kuntest ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

    32.

    Madankollu f’dan il-kuntest, din id-definizzjoni la tista’ tiġi applikata direttament u lanqas użata bħala analoġija. Din hija mogħtija unikament “[g]ħall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament”. L-għan ta’ rbit mal-istabbiliment fir-Regolament dwar l-insolvenza huwa pjuttost differenti mill-kuntest tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009: ġurisdizzjoni bbażata fuq l-istabbiliment taħt ir-Regolament dwar l-insolvenza hija operattiva biss fil-kuntest ta’ proċeduri sekondarji li ma humiex ibbażati fuq iċ-ċentru ta’ interess prinċipali tad-debitur; minbarra dan, id-deċiżjonijiet mogħtija f’dawn il-proċeduri għandhom effett limitat ( 30 ). Bil-kontra, l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 jorbot mal-istabbiliment sabiex tiġi identifikata ġurisdizzjoni ċentrali sabiex jingħataw sentenzi b’ġurisdizzjoni b’effett estiż.

    3.  “Stabbiliment ” fis-sens tar-Regolament Brussell I

    33.

    Sors naturali għal gwida fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni dwar ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 huwa, madankollu, ir-Regolament Brussell I, peress li dan l-istrument legali jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali Ir-Regolament Brussell I japplika għall-proċedimenti relatati mat-trade marks Komunitarji ( 31 ), sakemm speċifikat mod ieħor fir-Regolament Nru 207/2009. Bl-istrument predeċessur tiegħu (il-Konvenzjoni ta’ Brussell) imur lura sal-1968, ir-Regolament Brussell I jipprovdi qafas kunċettwali minn żmien twil, u wieħed li wkoll jispeċifika regoli dwar ġurisdizzjoni iktar reċenti li jinsabu f’regolamenti speċifiċi bħar-Regolament Nru 207/2009.

    34.

    Ir-Regolament Brussell I fid-dispożizzjonijiet ġenerali tiegħu jipprovdi xi definizzjonijiet statutorji ( 32 ), iżda ma jiddefinixxix it-terminu “stabbiliment”.

    35.

    Madankollu, ir-Regolament Brussell I juża t-terminu “stabbiliment” bħala fattur ta’ konnessjoni għal ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikoli 5(5) u 18.

    36.

    Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Taljan sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-verżjoni Taljana tat-terminu “stabbiliment” kif użat fir-Regolament Brussell I (“sede d’attività”) ma hijiex identika għal dik użata fl-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 (“stabile organizzazzione”). Madankollu, fid-dawl tal-konnessjoni fil-qrib bejn iż-żewġ strumenti legali li hija stabbilita b’riferiment speċifiku għar-Regolament Brussell I fil-premessa 16 u fl-Artikoli 97 u 94 tar-Regolament Nru 207/2009, id-diverġenza lingwistika f’verżjoni lingwistika waħda ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirreferi għar-Regolament Brussell I, li huwa l-istrument legali klassiku dwar ġurisdizzjoni internazzjonali.

    37.

    Bħal ma rrilevaw il-partijiet fil-proċedura preliminari kif ukoll il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni tas-sens tat-terminu “stabbiliment” tat lok għal ġurisprudenza b’saħħitha fil-kuntest tar-Regolament Brussell I.

    a)  L‑Artikolu 5(5) tar-Regolament Brussell I

    38.

    L-ewwel dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, kienet l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Brussell I ( 33 ), li skontha “[ġ]urisdizzjoni speċjali” ( 34 ) tkun “f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjoni li toriġina mill-operazzjonijiet ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post li fih jkunu jinstabu l-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment”.

    39.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti għall-ewwel darba fl-1976 fis-sentenza tagħha De Bloos li fiha hija sostniet li “wieħed mill-elementi essenzjali li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ fergħa jew ta’ aġenzija huwa l-issuġġettar għad-direzzjoni u għall-kontroll tal-kumpannija omm” u li l-kunċett ta’ stabbiliment huwa “bbażat fuq l-istess elementi essenzjali bħal dawk ta’ fergħa jew ta’ aġenzija” ( 35 ).

    40.

    Fis-sentenza tagħha Somafer, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “b’kunsiderazzjoni lejn il-kunċetti previsti li jagħtu l-possibbiltà li ssir deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni, l-interpretazzjoni tagħhom għandha tippermetti li tiġi żvelata mingħajr diffikultà r-rabta partikolari li tiġġustifika din l-eċċezzjoni” ( 36 ), filwaqt li żiedet “li din ir-rabta speċjali tikkonċerna, fl-ewwel lok, is-sinjali materjali li jippermettu faċilment li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza tal-fergħa, tal-aġenzija jew tal-istabbiliment u, fit-tieni lok, ir-relazzjoni li teżisti bejn l-entità hekk lokalizzata u s-suġġett tal-kawża ppreżentata kontra l-kumpannija omm”.

    41.

    Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-kunċett ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ kull stabbiliment ieħor jimplika ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern bħala l-estensjoni ta’ kumpannija ommi, li għandha tmexxija u hija materjalment mgħammra b’mod li tista’ twettaq kummerċ ma’ terzi, b’tali mod li dawn, filwaqt li jkunu jafu li rabta legali eventwali ser isseħħ mal-kumpannija omm li l-uffiċċju rreġistrat tagħha qiegħed f’pajjiż barrani, huma eżentati milli jindirizzaw direttament ruħhom lil din, u jistgħu jikkonkludu negozju fiċ-ċentru operattiv li jikkostitwixxi l-estensjoni tagħha”.

    42.

    Fir-rigward tat-tieni kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li minbarra dan huwa neċessarju li s-suġġett tat-tilwima jikkonċerna l-operat tal-fergħa, tal-aġenzija jew ta’ kull stabbiliment ieħor” u li “dan il-kunċett ta’ operat jinkludi, minn naħa, it-tilwimiet li jirrigwardaw id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali li jirrigwardaw il-ġestjoni hekk imsejħa tal-aġenzija, tal-fergħa jew tal-istabbiliment stess, bħal dawk li jirrigwardaw il-kiri tal-immobbli fejn dawn l-entitajiet ikunu stabbiliti jew għar-reklutaġġ fuq il-post tal-persunal li jaħdem hemm” ( 37 ).

    43.

    Fl-aħħar nett, fis-sentenzi Blanckaert & Willems u SAR Schotte, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fergħa, aġenzija jew stabbiliment “għandha tidher f’għajnejn terzi b’mod faċilment identifikabbli bħala estensjoni ta’ kumpannija omm” ( 38 ) u li “r-rabta ta’ konnessjoni mill-qrib bejn il-kontestazzjoni u l-ġurisdizzjoni li hija msejħa li tisma’ l-kawża hija evalwata […] ukoll abbażi tal-mod kif dawn iż-żewġ impriżi jġibu ruħhom fir-relazzjonijiet ta’ negozju tagħhom u kif jippreżentaw ruħhom fir-rigward ta’ terzi fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom” ( 39 ).

    b)  Artikolu 18(2) tar-Regolament Brussell I

    44.

    F’deċiżjoni iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti interpretazzjoni tal-istess kunċetti fil-kuntest tal-Artikolu 18 tar-Regolament Brussell I, li jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu li “[m]eta impjegat jidħol f’kuntratt individwali ta’ impjieg ma’ min jimpjegah u dan ta’ l-aħħar li ma jkunx domiciljat fi Stat Membru iżda li jkollu fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dak li jimpjega għandu, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, aġenzija jew stabbiliment, huwa meqjus li jkun domiċiljat f’dak l-Istat Membru”.

    45.

    Fis-sentenza Mahamdia, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi ta’ analiżi tal-preċedenti msemmija iktar ’il fuq li jikkonċernaw l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Brussell I, identifikat żewġ kriterji bħala deċiżivi għall-ħolqien ta’ rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti kompetenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “[f]l-ewwel lok, il-kunċett ta’ ‘fergħa’, ta’ ‘aġenzija’ u ta’ ‘xi stabbiliment ieħor’ jipresupponu l-eżistenza ta’ ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ sede prinċipali [kumpannija omm]. Dan iċ-ċentru għandu jkollu tmexxija u jkun materjalment mgħammar b’mod li jista’ jinnegozja ma’ terzi li huma b’hekk eżenti milli jindirizzaw direttament lis-sede prinċipali […]. Fit-tieni lok, il-kwistjoni għandha tikkonċerna kemm l-atti li jirrigwardaw l-operat ta’ dawn l-entitajiet, kemm tal-impenji meħuda minn dawn f’isem is-sede prinċipali, meta dawn tal-aħħar għandhom ikunu eżegwiti fl-Istat fejn huma jinsabu” ( 40 ).

    46.

    Is-sentenza Mahamdia kienet tikkonċerna kawża fil-qasam tal-impjiegi mressqa minn xufier impjegat minn ambaxxata tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija kontra dak l-Istat. F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “għandu jingħad li ambaxxata tista’ tiġi assimilata ma’ ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul esternament u li jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u għar-rappreżentanza tal-Istat minn fejn toriġina” ( 41 ).

    47.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk żiedet aspett partikolari għar-rabta bejn il-“kumpannija omm” u l-istabbiliment, jiġifieri identifikazzjoni u rappreżentazzjoni. Dan jikkorrispondi mal-funzjonijiet differenti li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Brussell I għandu, meta mqabbel mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Brussell I: l-Artikolu 18(2) jikkonċerna s-sitwazzjoni speċjali li fiha konvenut ma jkollux domiċilju fl-UE u, billi mbagħad jintrabat mal-istabbiliment tiegħu, iqis dak l-istabbiliment bħala element ta’ sostituzzjoni għall-assenza ta’ domiċilju billi jsostni li l-konvenut għandu jkun “meqjus li jkun domiċiljat f’dak l-Istat Membru”. Jekk din hija kwistjoni ta’ sostituzzjoni, l-identifikazzjoni hija l-element ċentrali.

    c)  Sintesi

    48.

    It-tnejn li huma, l-Artikoli 5(5) u 18(2) tar-Regolament Brussell I, jippermettu lir-rikorrenti tippreżenta rikors kontra konvenuta fil-post li ma huwiex id-domiċilju tagħha, iżda li fih għandha stabbiliment.

    49.

    Madankollu, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jeħtieġu, lil hinn mis-sempliċi eżistenza ta’ stabbiliment, li t-tilwima tkun oriġinat “mill-operazzjonijiet tal-istabbiliment”. B’hekk, skont dawn ir-regoli, l-istabbiliment fih innifsu ma huwiex suffiċjenti biex tiġi kkostitwita r-rabta mal-Istat tal-qorti kompetenti, iżda huwa meħtieġ element addizzjonali. It-tieni miż-żewġ kriterji, li ġew żviluppati fil-ġurisprudenza tar-Regolament Brussell I deskritta iktar ’il fuq, jirreferi esklużivament għal dak l-element addizzjonali.

    50.

    Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ma fihiex dan it-tieni element, iżda pjuttost tillimita ruħha li tagħti ġurisdizzjoni lill-Istat Membru li fih konvenut għandu stabbiliment. Għalhekk, it-tieni kriterju tat-test b’żewġ partijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikoli 5 u 18 tar-Regolament Brussell I jista’ jiġi injorat f’dan il-kuntest.

    4.  “Stabbiliment ” fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009

    51.

    L-ewwel kriterju, li għalhekk huwa l-uniku wieħed rilevanti għall-analiżi tiegħi, fih żewġ elementi li jindikaw karatteristiċi li huma indipendenti mill-azzjoni partikolari li fiha ssir ir-rabta mal-istabbiliment. Dawn jitfgħu dawl fuq l-essenza tal-kunċett ta’ stabbiliment innifsu. Dawn il-karatteristiċi huma (a) ċentru operattiv, li (b) jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ kumpannija omm.

    a)  Ċentru operattiv

    52.

    Fir-rigward taċ-“ċentru operattiv” bħala l-ewwel karatteristika, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ulterjorment li l-istabbiliment irid ikollu tmexxija u jkun materjalment mgħammar b’mod li jista’ jinnegozja ma’ teżi, sabiex b’hekk ma jkollhomx għalfejn jindirizzaw lilhom infushom direttament mal-kumpannija omm ( 42 ). Mingħajr ma jsir riferiment għall-kuntest partikolari ta’ kuntratti, wieħed jista’ jiddeduċi li hija meħtieġa ċerta attività operattiva u li hija neċessarja ċerta preżenza reali u stabbli bħalma huwa mmanifestat mill-persunal u mit-tagħmir materjali fuq il-post. Ċertament, huwa meħtieġ livell minimu ta’ organizzazzjoni u ċerta stabbiltà; il-preżenza biss ta’ oġġetti u kontijiet bankarji ma hijiex suffiċjenti biex jiġi kkostitwit “stabbiliment” ( 43 ). Minbarra dan, il-ġurisprudenza Brussell II b’mod ċar teħtieġ tmexxija fuq livell lokali.

    53.

    L-element ta’ preżenza reali u operattiva f’dan il-każ huwa ssodisfatt b’mod evidenti, fejn Nike Deutschland GmbH hija kumpannija lokali li fil-fatt twettaq servizzi ta’ qabel u ta’ wara l-bejgħ għal konsumaturi ta’ Nike fil-Ġermanja. Nike Deutschland hija GmbH ġuridikament indipendenti sa fejn l-element ta’ tmexxija lokali huwa ssodisfatt.

    b)  Manifestazzjoni fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta ’ kumpannija omm

    54.

    Madankollu, dak li l-konvenuti jikkontestaw f’din il-kawża, huwa jekk fil-fatt hemmx rabta suffiċjenti bejn Nike Deutschland u l-ewwel konvenuta. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dik ir-rabta hija stabbilita billi “[timmanifesta ruħha] fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ sede prinċipali [kumpannija omm]” ( 44 ). Dan jissuġġerixxi ċertu livell ta’ dipendenza u sottomissjoni min-naħa tal-istabbiliment.

    55.

    Il-konvenuti f’dan il-kuntest jagħmlu żewġ oġġezzjonijiet.

    1) Indipendenza legali tal-istabbiliment

    56.

    L-ewwel nett, il-konvenuti jissuġġerixxu li, għal raġunijiet formali, Nike Deutschland ma tistax tkun stabbiliment ta’ soċjetà oħra peress li hija kumpannija ġuridikament indipendenti u, fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, jeħtieġ li jittieħed approċċ formali.

    57.

    Madankollu, bħalma deher iktar ’il fuq, teżisti ġurisprudenza stabbilita ( 45 ) li entità ġuridikament indipendenti tista’ tiġi kklassifikata bħala stabbiliment. Fil-kawża SAR Schotte ( 46 ), l-istabbiliment ikkonċernat kien inkorporat ukoll bħala GmbH Ġermaniża.

    58.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Mahamdia ( 47 ) fejn huwa sostna li huwa stabbilit li l-kunċetti ta’ “fergħa”, “aġenzija” u “stabbiliment” essenzjalment jirreferu għal entitajiet mingħajr personalità ġuridika. Madankollu din l-affermazzjoni kienet obiter dictrum, peress li l-kawża Mahamdia kienet tikkonċerna ambaxxata mingħajr personalità ġuridika separata. L-istess japplika għall-Opinjoni 1/03 tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 48 ) li l-Avukat Ġenerali Mengozzi jirreferi għaliha. L-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja wkoll ma ddiskutietx l-indipendenza ġuridika iżda pjuttost żiedet l-attribut “mingħajr personalità ġuridika”colorandi causa, fil-kuntest ta’ regoli “għall-fergħat, għall-aġenziji jew għall-istabbilimenti l-oħra” inġenerali. Il‑kwistjoni dwar jekk entità li għandha personalità ġuridika tistax tiġi kklassifikata bħala stabbiliment ta’ impriża oħra ma kinitx inkwistjoni hemmhekk.

    59.

    Min-naħa l-oħra, jekk kelli nfittex definizzjonijiet f’kuntesti oħrajn, tista’ tiġi stabbilita konferma, fejn jingħad b’mod ċar li “l-forma legali ta’ stabbiliment bħal dan, kemm jekk sempliċi fergħa jew sussidjarju b’personalità ġuridika, [ma hijiex] il-fattur determinanti dwar dan” ( 49 ).

    60.

    Għalhekk, f’dan il-kuntest, ma hemm l-ebda raġuni għal devjazzjoni mill-ġurisprudenza rilevanti li ilha stabbilita ċċitata iktar ’il fuq.

    61.

    L-approċċ formali, ġeneralment meħud fi proċedura ċivili, li l-konvenuti jirreferu għalih, ma jipprekludix il-perspettiva ekonomika adottata hawnhekk dwar jekk konvenut għandux stabbiliment fi Stat jew le. L-istabbiliment ma huwiex parti fil-proċedura iżda jservi sempliċement bħala rabta bejn il-konvenut u ċertu territorju. L-argument li l-istabbiliment innifsu ma jistax jintrabat mis-sentenza mal-kumpannija parent tiegħu huwa irrilevanti għall-kwistjoni dwar jekk il-post ta’ ċerta sussidjarja jistax jistabbilixxi rabta bejn il-konvenut u ċertu Stat u l-qrati tiegħu ( 50 ). Minflok, dak li huwa deċiżiv huwa jekk sussidjarja tistax titqies bħala bażi tal-kumpannija konvenuta li minnha din tal-aħħar tista’ tiddefendi l-interessi tagħha.

    2) Il-kontroll tal-konvenuta fuq l-istabbiliment

    62.

    It-tieni nett, Nike Deutschland ma għandhiex l-istess diretturi bħall-ewwel konvenuta ( 51 ). Il-konvenuti għaldaqstant jargumentaw li kwalunkwe kontroll li Nike Inc. għandha fuq Nike Deutschland jista’ jkun dgħajjef u mhux immedjatament trasparenti lil terzi. Dan l-argument iqajjem il-kwistjoni sa fejn id-“direzzjoni u l-kontroll tal-kumpannija omm” ( 52 ) għandha tiġi estiża u kif dan jista’ jiġi aċċertat, kwistjoni li teħtieġ li titqies fl-isfond tal-importanza kbira tal-prevedibbiltà ( 53 ) fi kwistjonijiet ġurisdizzjonali.

    63.

    B’ħarsa lura lejn il-ġurisprudenza stabbilita, madankollu, jidher ċar li l-kontroll effettiv ma huwiex inkwistjoni, iżda iktar il-perċezzjoni ta’ terzi ( 54 ) fl-Istat fejn jinsab l-istabbiliment. Jeħtieġ li dawn ikollhom l-impressjoni li l-entità tappartjeni lill-kumpannija parent, jiġifieri li, “filwaqt li jafu li rabta legali eventwali ser tiġi stabbilita mal-kumpannija omm, li s-sede tagħha hija f’pajjiż ieħor, huma eżentati milli jindirizzaw direttament lilha, u jistgħu jikkonkludu negozju fiċ-ċentru operattiv li kkostitwixxa l-estensjoni” ( 55 ). L-evalwazzjoni għandha ssir ukoll “abbażi tal-mod kif dawn iż-żewġ impriżi jġibu ruħhom fir-relazzjonijiet ta’ negozju tagħhom u kif jippreżentaw ruħhom fir-rigward ta’ terzi fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom” ( 56 ). Għalkemm is-sempliċi preżenza simbolika ma hijiex biżżejjed, dak li huwa deċiżiv huwa, li din “[t]ikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u għar-rappreżentanza” tal-kumpannija omm “minn fejn toriġina” ( 57 ).

    64.

    F’din il-kawża, Nike Deutschland hija ppreżentata bħala l-kuntatt Ġermaniż li għandu jintuża fir-rigward tal-prodotti NIKE ( 58 ) u din tifforma, billi tipprovdi servizzi ta’ qabel u ta’ wara l-bejgħ, parti rilevanti tal-organizzazzjoni tal-bejgħ integrata sew fl-istruttura operattiva tal-grupp. Minkejja li hija stess ma taġixxix bħala bejjiegħ, din għandha funzjoni essenzjali fi ħdan il-ġestjoni tal-bejgħ u hija parti integrali tal-organizzazzjoni tal-bejgħ u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ Nike fil-Ġermanja. Element essenzjali ta’ din l-integrazzjoni huwa l-użu prominenti tal-isem “Nike” u wkoll il-fatt li l-isem tas-sussidjarja Ġermaniża ma fih l-ebda restrizzjoni għal ċerti kompiti jew negozji, iżda sempliċement iżid l-isem tal-pajjiż mal-isem kummerċjali kumplessiv. L-identità tal-ismijiet kienet fattur rilevanti wkoll fil-kawża SAR Schotte ( 59 ).

    65.

    L‑evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi teħtieġ li ssir mill-perspettiva tal-ambjent nazzjonali fl-Istat tal-qorti kompetenti. Huwa għalhekk li l-qorti nazzjonali hija fl-aħjar pożizzjoni biex taċċerta jekk is-sussidjarja tippreżentax lilha nnifisha bħala stazzjonament marbut sew mal-konvenut jew le. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi li jistgħu jiġu vverifikati. Il-fatturi materjali meqjusa għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-karatterizzazzjoni bħala stabbiliment iridu jkunu aċċertabbli minn terzi ( 60 ). Dawn kellhom isiru pubbliċi jew tal-inqas ikunu biżżejjed aċċessibbli sabiex terzi jkunu jafu dwarhom ( 61 ); data interna dwar il-kontroll effettiv fi ħdan il-grupp ma hijiex rilevanti għal dan ( 62 ).

    66.

    Il-konvenuti jargumentaw li sa fejn sempliċi preżunzjoni li entità hija stabbiliment tista’ tkun il-bażi ta’ ġurisdizzjoni, ir-rikorrent kien bilfors ibbaża ruħu fuq din il-preżunzjoni (element suġġettiv). Il-konvenuti jsostnu li dan huwa prinċipju ġenerali ta’ dritt, li japplika biss meta l-parti li tinvokah jistħoqqilha protezzjoni ( 63 ).

    67.

    Madankollu, dan l-argument ma huwiex konvinċenti. L‑Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 billi huwa marbut mal-istabbiliment tal-konvenuta, ma huwiex intiż li jipproteġi l-interessi tar-rikorrenti iżda dawk tal-konvenuta ( 64 ). Għandu jerġa’ jiġi enfasizzat ukoll li kriterji oġġettivi huma neċessarji sabiex tinħoloq l-impressjoni ta’ kontroll tal-konvenuta fuq l-entità li hija potenzjalment stabbiliment. Fi kwalunkwe każ, l-ewwel element ta’ ċentru operattiv ta’ negozju reali għadu meħtieġ. Għalhekk, bl-approċċ meħud hawnhekk, l-istabbiliment qatt ma huwa għal kollox fittizju.

    68.

    F’dan l-isfond, iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà ( 65 ) huma żgurati, mill-perspettiva tar-rikorrenti kif ukoll tal-konvenuta. F’din il-kawża, Nike Inc., l-ewwel konvenuta, li hija l-kumpannija omm tal-Grupp Nike, tinsab fil-pożizzjoni li tagħmel dikjarazzjonijiet ċari u tikkoreġi impressjonijiet ħżiena. Huwa għalhekk għar-riskju ta’ Nike Inc li tiċċara l-konnessjonijiet legali u kummerċjali bejnha u l-istabbiliment intiż billi tagħti messaġġi pubbliċi espliċiti, jew billi tirristruttura l-organizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha jew billi tirrestrinġi l-użu tal-isem kummerċjali tagħha mis-sussidjarja Ġermaniża, fil-każ li ma tkunx tixtieq tkun suġġetta għall-ġurisdizzjoni Ġermaniża komprensiva skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

    c)  Ma huwa meħtieġ l-ebda element ieħor

    69.

    Minkejja li l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jeħtieġx b’mod espliċitu li t-tilwima tkun oriġinat “mill-operazzjonijiet tal-istabbiliment” ( 66 ), fil-fehma tal-konvenuti ( 67 ), madankollu ċertu involviment tal-istabbiliment fl-aġir li jikkostitwixxi delitt li għalih il-konvenuta tressqet quddiem il-qorti, jeħtieġ li jeżisti ( 68 ).

    1) Din ma hijiex “bażi alternattiva ta ’ ġurisdizzjoni

    70.

    Il-premessa 12 tar-Regolament Brussell I tista’ tkun il-bażi tal-affermazzjoni li lil hinn mis-sempliċi preżenza ta’ stabbiliment, huwa meħtieġ element ieħor. Il-premessa 12 tiddikjara li “[b]’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

    71.

    Sabiex jiġi aċċertat jekk l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxix “bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni” ta’ dan it-tip, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lir-raġunament li fuqu hija bbażata r-regola, in-natura tagħha u l-funzjoni tat-terminu “stabbiliment” fi ħdan norma usa’.

    72.

    L-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009 jelenka kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru, li l-qrati tiegħu għandhom jiġu fdati li jagħtu, b’sentenza waħda, protezzjoni effettiva tat-trade marks Komunitarji fl-Unjoni Ewropea kollha ( 69 ).

    73.

    Sabiex għall-inqas Stat Membru wieħed jiġi pprovdut bil-qrati kompetenti għal kull sitwazzjoni, il-leġiżlatura bniet fl-Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 70 )“sellum ta’ rabta” għal ġurisdizzjoni internazzjonali li jistabbilixxi ordni ġerarkika komposta minn diversi punti ta’ rabta. Wieħed minn dawn il-punti ta’ rabta huwa l-“istabbiliment” tal-konvenut.

    74.

    Is-sellum ta’ rabta għal ġurisdizzjoni internazzjonali għandu total ta’ ħames tarġiet, bl-ewwel waħda hija d-domiċilju fl-UE tal-konvenut, u t-tieni waħda hija l-istabbiliment fl-UE tal-konvenut ( 71 ). It-tielet waħda hija d-domiċilju fl-UE tar-rikorrenti, u r-raba’ waħda hija l-istabbiliment fl-UE tar-rikorrenti ( 72 ). Fl-aħħar nett, is-sede tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tista’ tiddetermina l-qorti kompetenti ( 73 ).

    75.

    “Stabbiliment” jibda japplika mit-tieni livell ta’ rabta. Dan huwa applikabbli biss jekk il-konvenut ma għandux domiċilju fi ħdan l-UE, peress li dan huwa l-ewwel pass. B’hekk, id-domiċilju jżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala l-fattur ta’ konnessjoni primarju għal ġurisdizzjoni, filwaqt li l-istabbiliment huwa sekondarju.

    76.

    Taħt is-sistema ġenerali stabbilita mir-Regolament Brussell I, li fiha d-domiċilju fl-UE tal-konvenut huwa wkoll il-punt ta’ rabta primarju ( 74 ), id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali għal konvenuti minn Stat terz titħalla f’idejn il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-qorti kompetenti ( 75 ). Dan ma jkunx mixtieq taħt il-ġurisdizzjoni panEwropea estiża tar-Regolament Nru 207/2009. Il-protezzjoni ta’ trade mark uniformi fl-Unjoni kollha f’sentenza waħda permezz ta’ ġurisdizzjoni komprensiva teħtieġ bażi uniformi ta’ ġurisdizzjoni. Huwa għalhekk li skont ir-Regolament Nru 207/2009, ir-regoli dwar ġurisdizzjoni ġenerali pprovduti mir-Regolament Brussell I kienu ddikjarati inapplikabbli fir-Regolament Nru 207/2009 ( 76 ) u ġew issostitwiti mis-sellum awtonomu ta’ rabta speċifiku fl-Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009.

    77.

    Fir-rigward tan-natura tal-Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jidher li din tikkostitwixxi regola speċifika ta’ ġurisdizzjoni ġenerali pjuttost milli regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali. Din ma toħloqx “bażi alternattiva” ta’ ġurisdizzjoni ( 77 ) iżda tiddefinixxi l-ġurisdizzjoni ġenerali għall-finijiet tar-Regolament Nru 207/2009, u b’hekk tissostitwixxi r-regoli ġenerali li inkella jkunu applikabbli. “Stabbiliment” fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jipprovdix bażi ta’ ġurisdizzjoni “[b]’żieda mad-domiċilju tal-konvenut” ( 78 ). Pjuttost, dan japplika “minflok id-domiċilju tal-konvenut”, meta dan id-domiċilju ma jkunx disponibbli. Għalhekk dan jitqies aħjar bħala sostituzzjoni milli bħala “alternattiva”.

    78.

    Konsegwentement, ma huwa meħtieġ l-ebda element ieħor.

    2) Interpretazzjoni wiesgħa fid-dawl ta “actor sequitur forum rei

    79.

    Barra minn hekk ma hemm l-ebda raġuni biex tiġi segwita l-fehma tal-konvenuti li l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jeħtieġ li jiġi interpretat b’mod strett. Dan ikun meħtieġ biss għal ġurisdizzjonijiet speċjali, peress li dawn huma eċċezzjonijiet minquxa mir-regola ġenerali ( 79 ).

    80.

    It-terminu “stabbiliment” skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 pjuttost għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa. Dan ma jikkostitwixxix eċċezzjoni għar-regola ġenerali iżda pjuttost jimplementaha. Din ir-regola ġenerali hija stabbilita fil-premessa 11 tar-Regolament Brussell I, li tiddikjara “r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom […] jiġu stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa”.

    81.

    L-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 bir-rabta primarja tiegħu mad-domiċilju tal-konvenut, li hija sostnuta bir-rabta sekondarja mal-istabbiliment tiegħu, jimplementa eżattament dak il-prinċipju, li huwa (għal kawżi ċivili ġenerali) kkodifikat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell I u li jsegwi r-regola “actor sequitur forum rei” ( 80 ).

    82.

    Dan il-prinċipju ġenerali ta’ ġurisdizzjoni huwa mfassal biex jipproteġi l-interessi proċedurali tal-konvenut, li ma huwiex meqjus biss bħala li huwa fiżikament eqreb għall-post tad-domiċilju tiegħu iżda anki iktar familjari mal-lingwa u mal-liġijiet proċedurali u sostantivi ta’ dak il-pajjiż. Għalkemm dan ma huwiex prinċipju universali, din ir-regola li ilha stabbilita, ispirata mill-approċċi Ewropej kontinentali, hija bażika u tipika għar-regoli ġurisdizzjonali Ewropej ( 81 ).

    83.

    Dan il-prinċipju jiffavorixxi b’mod ċar l-interessi ġurisdizzjonali tal-konvenuta fuq dawk tar-rikorrenti. Fis-sentenza Dumez France SA vs Hessische Landesbank ( 82 ) il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell bħala l-istrument predeċessur tar-Regolament Brussell I ( 83 ), irreferiet ukoll għal “ostilità tal-Konvenzjoni lejn l-għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qorti tad-domiċilju tar-rikorrenti” ( 84 ).

    84.

    Is-sellum ta’ rabta li l-leġiżlatura bniet fl-Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa konformi perfettament ma’ dan l-approċċ ġenerali fil-proċedura ċivili Ewropea, peress li ma hemm ebda tarġa li torbot ġurisdizzjoni mad-domiċilju jew mal-istabbiliment tar-rikorrenti qabel ma jiġi żgurat li l-konvenut ma għandu l-ebda konnessjoni rilevanti ma’ wieħed mill-Istati Membri - konnessjoni li, fl-assenza ta’ domiċilju, tista’ tkun l-istabbiliment tiegħu.

    85.

    Il-funzjoni doppja ta’ din ir-rabta sekondarja mal-istabbiliment tal-konvenut hija li tipprovdi għall-inqas ċerta protezzjoni lil dik il-parti billi tintrabat ma’ post fejn il-konvenut jitqies li għandu ċerta preżenza minima, minkejja li din ma tammontax għal preżenza fuq skala sħiħa, li domiċilju ( 85 ) biss ikun jista’ jipprovdi. B’hekk “stabbiliment” bħala fattur ta’ konnessjoni f’dan il-kuntest iservi (1) bħala l-aħħar istanza tal-għoti ta’ effett lill-prinċipju li ġurisdizzjoni tintrabat mal-post tal-konvenut, u fl-istess ħin (2) bħala limitu li jipprevjeni bidla wisq ta’ malajr għall-post tar-rikorrenti.

    86.

    Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tinterpreta l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u b’mod iktar preċiż il-kunċett ta’ “stabbiliment” fih, id-definizzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant se tinfluwenza jekk jitteħidx it-tielet pass, inqas ippreferut, li jmiss fuq is-sellum, punt fejn il-ġurisdizzjoni internazzjonali se tiċċaqlaq minn Stat Membru b’konnessjoni mal-konvenut lejn waħda b’konnessjoni mar-rikorrenti. Din hija ċaqliqa li jeħtieġ li tiġi evitata jekk possibbli. Bejn dawn iż-żewġ passi hemm ix-xiżma kunċettwali ċentrali deskritta iktar ’il fuq. B’hekk hija meħtieġa interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “stabbiliment” sabiex jingħata effett lill-prinċipju ċentrali ta’ “actor sequitur forum rei”.

    3) Stabbilimenti f’iktar minn Stat Membru wieħed

    87.

    L-interpretazzjoni wiesgħa li ġiet issuġġerita hawnhekk tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn il-konvenut jitqies li għandu iktar minn stabbiliment wieħed fi ħdan l-UE. F’din il-kawża, x’aktarx mhux Nike Deutschland biss iżda anki Nike Retail se tiġi kklassifikata bħala stabbiliment.

    88.

    Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-istabbilimenti kollha humiex fuq l-istess livell jew jekk wieħed minnhom biss jistax iservi bħala fattur ta’ konnessjoni skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Bħalma indikaw il-konvenuti waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Nike Retail hija l-istabbiliment prinċipali tal-organizzazzjoni Nike fl-Ewropa. B’hekk, jekk ġurisdizzjoni internazzjonali setgħet tintrabat biss mal-post tal-istabbiliment prinċipali, l-Oberlandesgericht Düsseldorf ma setgħetx toħroġ ir-rimedju panEwropew, li ġie mitlub. Dan seta’ jsir biss minn qorti Olandiża.

    89.

    Madankollu, minflok ma jipprevedi rabta mal-“istabbiliment prinċipali” ( 86 ), l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jitkellem sempliċement dwar “[il]-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut […] għandu stabbiliment” ( 87 ). Minbarra dan, “stabbiliment prinċipali” diġà jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “domiċilju ta’ kumpannija” ( 88 ). Ma jagħmilx sens li jkun hemm żewġ kategoriji fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, bi “domiċilju” li huwa primarju u “stabbiliment” li huwa sekondarju, jekk “stabbiliment” kien jinkludi biss l-istabbiliment prinċipali ( 89 ).

    90.

    Għaldaqstant, kwalunkwe stabbiliment fi Stat Membru jista’ jservi bħala fattur ta’ konnessjoni biex tiġi stabbilita ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan jikkorrispondi mal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 fis-sens li, fil-kuntest ta’ domiċilju ta’ kumpanniji, kumpannija tista’ jkollha iktar minn domiċilju wieħed ( 90 ). F’tali każijiet ta’ ġurisdizzjoni alternattiva, skont il-prinċipji ġenerali ta’ proċedura ċivili, l-għażla bejn diversi qrati kompetenti għandha titħalla f’idejn ir-rikorrenti.

    91.

    Madankollu, fid-dawl tal-għan li jiġi limitat in-numru ta’ qrati kompetenti fil-kawżi tat-trade marks Komunitarji ( 91 ), li huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni internazzjonali estiża ( 92 ), il-prospett ta’ pluralità ta’ Stati Membri li l-qrati tagħhom jistgħu jkollhom ġurisdizzjoni jista’ jintuża bħala kontroargument kontra l-interpretazzjoni wiesgħa ta’ “stabbiliment” skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

    92.

    Il-fatt li ġurisdizzjoni estiża fuq Nike Inc. tista’ tiġi eżerċitata minn qrati fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja joħloq riskju ta’ forum shopping, minkejja li wieħed limitat. Madankollu se jiġu evitati ( 93 ) deċiżjonijiet inkonsistenti bil-mekkaniżmi tar-Regolament Brussell I, b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament dwar lis pendens ( 94 ), li japplikaw ukoll skont ir-Regolament Nru 207/2009. Fl-aħħar nett, din is-sitwazzjoni għandha tiġi aċċettata għall-valur ogħla li tintlaqa’ l-idea tal-protezzjoni proċedurali tal-konvenut li hija żgurata bl-għoti ta’ tifsira usa’ ta’ “stabbiliment” skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

    93.

    Il-protezzjoni legali mogħtija lill-konvenut billi l-ġurisdizzjoni tintrabat mal-istabbiliment tiegħu, tabilħaqq, ma hijiex b’saħħitha daqs il-protezzjoni li tintlaħaq billi tintrabat mad-domiċilju tiegħu, fejn il-konvenut għandu l-panoplija sħiħa tar-riżorsi tiegħu. Madankollu meta l-konvenut ma jkollux domiċilju fl-Unjoni Ewropea, protezzjoni minima bażika f’tilwima bbażata fuq ġurisdizzjoni estiża hija pprovduta permezz tal-istabbilimenti tiegħu fl-Istati Membri.

    IV. Konklużjoni

    94.

    Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej:

    F’ċirkustanzi bħal dawk li taw lok għall-proċedura fil-kawża prinċipali, kumpannija ġuridikament indipendenti, stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li hija sottosussidjarja ta’ impriża li ma għandhiex hija stess is-sede tagħha fl-Unjoni għandha titqies li hija “stabbiliment” ta’ din l-impriża fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009 L 78, p. 1), jekk din is-sottosussidjarja ġuridikament indipendenti hija ċentru operattiv li, fl-Istat Membru fejn tinsab, timmanifesta ruħha fit-tul lejn l-estern, bħala l-estensjoni tal-kumpannija omm ibbażata fi Stat terz.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Il-kunċett li huwa l-bażi tad-dritt dwar il-proprjetà intellettwali huwa, tradizzjonalment, dak ta’ “Schutzlandprinzip” (prinċipju tal-pajjiż ta’ protezzjoni), li huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li dritt ta’ proprjetà intellettwali huwa dritt territorjali li jista’ jiġi invokat fil-pajjiż li stabbilixxih u li huwa applikabbli fit-territorju tiegħu, ara Oliver Ruhl, Gemeinschaftsgeschmacksmuster. Kommentar, it-2 ed. 2010, Artikolu 82(4).

    ( 3 ) Fir-rigward ta’ dan ara l-ewwel sentenza tal-premessa 16 tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 4 ) Skont l-ewwel sentenza tal-premessa 16 tar-Regolament Nru 207/2009, deċiżjonijiet “għandhom ikollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità”. Il-parti operattiva ta’ din is-sentenza għalhekk tista’ tirreferi għat-territorju sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikonoxximent u infurzar transkonfinali madankollu għadu suġġett għar-regoli ġenerali, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) No 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Brussell I) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) jew ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (Brussell Ia) (ĠU 2012 L 351, p. 1). Il-Qorti tal-Ġustizzja iktar speċifikament interpretat dan l-effett fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France (Kawża C‑235/09, EU:C:2011:238).

    ( 5 ) Ara l-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja. Dan ir-regolament ġie emendat mir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-Trademarks u d-Disinji). Il-bidliet sostantivi li ġabet l-emenda ma humiex rilevanti għal din il-kawża. Madankollu saret modernizzazzjoni terminoloġika sa fejn it-terminu “trade mark Komunitarja” minn issa ’l quddiem ġie ssostitwit bi “trademark tal-Unjoni Ewropea”. Skont l-Artikolu 4 tiegħu, ir-regolament irriformulat daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016.

    ( 7 ) Għall-kawżi mressqa quddiem il-qrati mill-10 ta’ Jannar 2015, huwa applikabbli r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (Brussell Ia) (ĠU 2012, L 351, p. 1), ara l-Artikolu 81(2) tiegħu. Peress li l-kawża prinċipali tressqet fl-2013, ir-Regolament Brussell I huwa applikabbli. Madankollu għandu jiġi nnotat li anki skont l-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 207/2009, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell I japplikaw ukoll f’kull mument fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 8 ) Dan l-istrument legali jipprovdi wkoll ir-regoli ġurisdizzjonali applikabbli għall-kawżi mressqa relatati mat-trade marks Komunitarji, ara pereżempju t-tieni sentenza tal-premessa 16 u l-Artikoli 94(1) u 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 9 ) Ara l-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 10 ) Ara l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 207/2009. It-tilwimiet relatati ma’ vjolazzjoni u validità jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tagħhom (ara wkoll il-premessa 15 tar-Regolament Nru 207/2009). Dawn il-qrati huma l-uniċi li jistgħu jikkunsidraw trade mark Komunitarja bħala invalida; skont l-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 207/2009 il-qorti nazzjonali f’kawża, mhux bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 207/2009, relatata ma’ trade mark Komunitarja għandha tqis din it-trade mark bħala valida.

    ( 11 ) Ara l-Artikolu 95(1) moqri flimkien mal-Verordnung tal-10 ta’ Ottubru 1996 (Regolament tal-10 ta’ Ottubru 1996) GV NW 1996, 428 (Landgericht Düsseldorf) u § 125 e (2) DE-MarkenG (liġi Ġermaniża dwar it-trade marks) (Oberlandesgericht Düsseldorf).

    ( 12 ) Ara l-punt 2 iktar ’il fuq.

    ( 13 ) Ara l-Artikolu 98(2) moqri flimkien mal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 14 ) Ara l-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 15 ) B’hekk, in casu, din tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għaż-żewġ talbiet l-oħra mressqa mir-rikorrenti kontra l-konvenuti.

    ( 16 ) Ara l-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 17 ) Ara l-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 18 ) Ara t-tieni parti tal-alternattiva prevista fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Peress li l-partijiet ma qablux dwar għażla tal-qrati kompetenti, l-Oberlandesgericht Düsseldorf ma tistax tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq l-Artikolu 97(4) tar-Regolament Nru 207/2009. L-Artikolu 97(2) jew (3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax jipprovdi bażi għal ġurisdizzjoni sakemm dan ma jkunx previst mill-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 19 ) Din il-kwistjoni ġiet diskussa fir-rigward tat-terminu “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 5, Numru 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78 EU:C:1978:205, punti 3 sa 7).

    ( 20 ) Din ir-regola ma nbidlitx taħt ir-Regolament Brussell Ia, ara l-Artikolu 62 tiegħu.

    ( 21 ) Ara wkoll it-tieni sentenza tal-premessa 11 tar-Regolament Brussell I. Skont l-Artikolu 97(1), moqri flimkien mal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa stess moqri flimkien mal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Brussell I, “domiċilju” fil-kuntest tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 b’hekk għandu jiġi ddefinit bħala “[l]-post fejn hi jkollha (a) is-sede statutorja, jew (b) iċ-ċentru amministrattiv, jew (ċ) il-post prinċipali tan-negozju”.

    ( 22 ) Ara pereżempju s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1982, Corman (64/81 EU:C:1982:5, punt 8); is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Nokia (C‑316/05 EU:C:2012:739, punt 21); is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak (C‑116/11 EU:C:2012:739, punt 49).

    ( 23 ) Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11 EU:C:2012:491, punt 42), li fiha l-Qorti qieset li l-kunċetti ġuridiċi ta’ “fergħa, aġenzija jew stabbiliment” li jinsabu fl-Artikolu 18 tar-Regolament Brussell I “għandhom ikunu interpretati b’mod awtonomu li b’hekk ikun komuni għall-Istati kollha”, kif ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 5, Nru 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78 EU:C:1978:205, punt 7 et seq).

    ( 24 ) Ara, pereżempju, l-Artikoli 1 (“It-trade mark Komunitarja”), 2 (“Uffiċċju”) u 95 (“Il-qrati tat-trade marks Komunitarji”).

    ( 25 ) It-test preċedentement applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 93(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, ukoll ma kienx suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318) tittratta l-Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94.

    ( 26 ) L-istess japplika għall-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 207/2009, dispożizzjoni li l-Kummissjoni semmiet fl-osservazzjonijiet tagħha, peress li tuża wkoll it-terminu “stabbiliment” fil-kuntest ta’ proċedura ta’ trade mark Komunitarja, bil-kuntest partikolari madankollu jkun ir-rappreżentazzjoni quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern. L-Artikolu 92(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi: “[…] persuni naturali jew ġuridiċi li m’għandhom la domiċilju u lanqas post prinċipali ta’ kummerċ jew stabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali ġewwa l-Kommunità għandhom jiġu rappreżentati quddiem l-Uffiċċju […]”.

    ( 27 ) Fil-proposta għal regolament tal-Kunsill (KEE) dwar it-trade marks Komunitarji ppreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill fil-25 ta’ Novembru 1980 (COM (80)635) minflok “stabbiliment” tuża t-terminu “post tan-negozju”, fejn tipprevedi fl-ewwel u r-raba’ sentenzi tal-Artikolu 74(1): “Kawżi għal vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu jew, jekk huwa ma għandu l-ebda residenza abitwali fil-Komunità, li fih għandu post tan-negozju […]. Il-qorti li tittressaq l-azzjoni quddiemha għandu jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-atti tal-allegata vjolazzjoni li jkunu twettqu fi kwalunkwe Stat Membru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-ewwel verżjoni tar-regolament dwar it-trade marks Komunitarji li daħlet fis-seħħ kienet ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993. Dan l-istrument fl-Artikolu 93(1) tiegħu minflok “residenza abitwali” u “post tan-negozju” diġà uża t-termini “domiċilju” u “stabbiliment”, li l-verżjoni aġġornata u kkonsolidata tar-Regolament Nru 207/2009 applikabbli f’din il-kawża għadha tuża fl-Artikolu 97(1) tiegħu. Sa fejn jista’ jidher, la d-definizzjonijiet u lanqas l-ispjegazzjonijiet fir-rigward tat-terminoloġija ma huma disponibbli.

    ( 28 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

    ( 29 ) L‑Artikolu 2(h) tar-Regolament dwar il-proċeduri ta’ insolvenza jipprovdi li: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament: ‘stabbiliment’ għandu jfisser xi post ta’ operazzjonijiet fejn id-debitur iwettaq l-attività ekonomika tiegħu mhux tranżitorja b’meżżi umani jew oġġetti.”

    ( 30 ) Ara l-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar il-proċeduri ta’ insolvenza.

    ( 31 ) Ara l-premessa 16 u l-Artikoli 94(1) u 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Din hija r-raġuni għaliex anki jekk, kif isostnu l-konvenuti ir-Regolament Nru 207/2009 u l-lex specialis, bl-ebda mod ma jieħdu preċedenza b’mod ġenerali fuq ir-Regolament Brussell I.

    ( 32 ) Ara d-definizzjoni tat-termini “domiċilju” u “sede statutorja” ta’ kumpanniji fl-Artikolu 60 tar-Regolament Brussell I.

    ( 33 ) Iktar preċiżament, it-test li ppreċedih, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Brussell, li kienet applikabbli fil-parti l-kbira tas-sentenzi iktar ’l isfel. Il-premessa 19 tar-Regolament Brussell I tħeġġeġ in-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità bejn dawn iż-żewġ strumenti ġuridiċi.

    ( 34 ) Ara t-titolu tas-Sezzjoni 2 tar-Regolament Brussell I, li l-Artikolu 5 jifforma parti minnha.

    ( 35 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos (14/76, EU:C:1976:134, punti 2021).

    ( 36 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 11).

    ( 37 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punti 1213).

    ( 38 ) Sentenza tat-18 ta’ Marzu 1981, Blanckaert & Willems (139/80, EU:C:1981:70, punt 12).

    ( 39 ) Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 16).

    ( 40 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48).

    ( 41 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 50).

    ( 42 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 12); sentenza tat-18 ta’ Marzu 1981, Blanckaert & Willems (139/80, EU:C:1981:70, punt 11) u s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48).

    ( 43 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 62) u tal-4 ta’ Settembru 2014, Burgo Group (EU:C:2014:2158, punt 31) dwar ir-regolament relatat mal-proċeduri ta’ insolvenza. Dan ir-regolament jiddefinixxi t-terminu “stabbiliment” fl-Artikolu 2(h) tiegħu. Minkejja li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni huwa limitat b’mod espliċitu għal dan ir-regolament (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), b’mod li din id-definizzjoni ma tistax tiġi applikata direttament hawnhekk, din xorta waħda tista’ tipprovdi elementi li għandhom jitqiesu meta noqrob lejn id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett f’kuntesti oħra u għalhekk ta’ natura li jkollha effett indirett.

    ( 44 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 11); is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 10); sentenza tat-18 ta’ Marzu 1981, Blanckaert & Willems (139/80, EU:C:1981:70, punt 12); u s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48).

    ( 45 ) Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 15), u, fil-kuntest tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 4849), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 4(1)(a) ta’ dik id-direttiva, kif ukoll is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Burgo Group (C‑327/13, EU:C:2014:2158, punt 32), dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(h) tar-regolament relatat mal-proċeduri ta’ insolvenza.

    ( 46 ) Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 15).

    ( 47 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:309, punt 43), li jagħmlu riferiment għall-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni Ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 150).

    ( 48 ) Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni Ġdida ta’ Lugano) tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 150).

    ( 49 ) Ara l-premessa 19 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

    ( 50 ) L‑Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf, il‑Ġermanja), fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Jannar 2012 – I-20 U 175 paragrafu 47 tosserva, li l-kumpannija omm għandha rabta mal-Istat fejn is-sussidjarja tagħha ġuridikament indipendenti għandha s-sede tagħha, tal-inqas sa fejn is-sussidjarja tagħha hija suġġetta għall-ordinament ġuridiku ta’ dak l-Istat. F’din is-sentenza, l-Oberlandesgericht tinterpreta t-terminu “stabbiliment” fl-Artikolu 82(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, li għandu dispożizzjoni li l-formulazzjoni tagħha hija identika għall-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u li ssegwi l-istess skop, bħala li tinkludi wkoll kumpanniji indipendenti.

    ( 51 ) Madankollu dan kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 13) li fiha ż-żewġ kumpanniji kellhom l-istess isem u l-istess tmexxija.

    ( 52 ) Meħtieġa skont is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos (14/76, EU:C:1976:134, punt 20).

    ( 53 ) Ara l-premessa 11 tar-Regolament Brussell I.

    ( 54 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 12).

    ( 55 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 12).

    ( 56 ) Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 16).

    ( 57 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 50), dwar ambaxxata fir-rigward tal-Istat li tirrappreżenta.

    ( 58 ) Ara l-indikazzjonijiet fuq is-sit internet tal-grupp Nike www.nike.com u anki fit-termini tal-kundizzjonijiet ġenerali bil-Ġermaniż, aċċessibbli fuq is-sit internet.

    ( 59 ) Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 16).

    ( 60 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 49) li tikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur skont ir-regolament relatat mal-proċeduri ta’ insolvenza.

    ( 61 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 49).

    ( 62 ) Il-gvern Taljan jirreferi għall-interpretazzjoni stabbilita sew ta’ “stabbiliment” fil-kuntest ta’ tassazzjoni internazzjonali. Il-liġi dwar it-taxxa lanqas ma tħares lejn formalitajiet, iżda tikkunsidra s-sussidjarja bħala indipendenti biss jekk topera taħt l-organizzazzjoni awtonoma, f’isimha stess u bir-riskju tagħha stess. Madankollu, dawn huma elementi li, minkejja li jistgħu jiġu evalwati minn awtorità tat-taxxa, jibqgħu ġeneralment mhux magħrufa mill-pubbliku.

    ( 63 ) Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-konvenuti jirreferu għal Leible, St. u Müller, M., “Der Begriff der Niederlassung im Sinne von Art. 82, Abs. 1 Alt. 2 GGV und Art. 97 Abs. 1 Alt. 2 GMV”, dans Wettbewerb in Recht und Praxis, 2013, 1, 9.

    ( 64 ) Ara f’iktar dettall il-punti 81 u 85 iktar ’l isfel. Ikun iktar ta’ benefiċċju għall-konvenut li jippreżumi li ma kien hemm ebda stabbiliment tal-konvenuta skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għaliex f’dak il-każ, taħt l-Artikolu 97(2) tar-Regolament Nru 207/2009, id-domiċilju tar-rikorrenti jkun deċiżiv għal ġurisdizzjoni internazzjonali (ara l-punt 83).

    ( 65 ) Premessa 11 tar-Regolament Brussell I tfakkar li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà.

    ( 66 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 50 iktar ’il fuq.

    ( 67 ) Minbarra dan, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf, il‑Ġermanja) fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Jannar 2012 ‑ I-20 U 175 – filwaqt li interpretat it-terminu “stabbiliment” fl-Artikolu 82(1) tar-Regolament dwar id-disinji Komunitarji- li għandu test identiku u ratio analogu bħall-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, tidher li ssostni li xi parteċipazzjoni tal-istabbiliment hija meħtieġa u li normalment din hija ssodisfatta bl-attivitajiet ta’ bejgħ tas-sussidjarja.

    ( 68 ) Jeħtieġ li jiġi enfasizzat, madankollu, li l-kwistjoni, li qegħdin nittrattaw hawnhekk, ma hijiex kwistjoni ta’ liġi sostantiva jew ta’ mertu, pereżempju li żżomm lis-sussidjarja responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi delitt imwettaq mill-kumpannija omm jew bil-kontra, li timputa responsabbiltà ta’ aġir li jikkostitwixxi delitt tal-istabbiliment lill-kumpannija omm. Minflok, din hija kwistjoni proċedurali.

    ( 69 ) Skont l-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 70 ) Il-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni kkodifikati fl-Artikolu 97(4) tar-Regolament Nru 207/2009 moqri flimkien mal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Brussell I huma min-natura tagħhom esklużivi u b’hekk jistgħu jitqiesu bħala addizzjonali, jew anki pass iktar dominanti fuq dak is-sellum li jantiċipa l-oħrajn kollha. F’din il-kawża dan il-pass jista’, madankollu, jinqabeż peress li l-konvenuta tikkontesta l-ġurisdizzjoni invokata mir-rikorrenti.

    ( 71 ) It-tnejn imsemmija fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 72 ) It-tnejn imsemmija fl-Artikolu 97(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 73 ) Artikolu 97(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 74 ) Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell I.

    ( 75 ) L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell I. Għal kritika ta’ din l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ara, pereżempju, Alex Mills, “Private International Law and EU External Relations: Think local act global, or think global act local?”, ICLQ Vol. 65, 2016, pp. 541-571. Il‑kritika tirriżulta essenzjalment mill-fatt li d-deċiżjonijiet mogħtija abbażi ta’ dawn ir-regoli ta’ dritt nazzjonali fil-qasam ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, minkejja l-fatt li għandhom natura eċċessiva, minkejja kollox jibbenefikaw mir-regoli ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ssimplifikati previsti mir-Regolament Brussell I.

    ( 76 ) Ara l-Artikolu 94(2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-riferiment fih għall-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Brussell I.

    ( 77 ) Madankollu l-ġurisdizzjonijiet speċjali jeżistu wkoll taħt ir-Regolament Nru 207/2009, ara pereżempju l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 78 ) Premessa 12 tar-Regolament Brussell I.

    ( 79 ) Ara pereżempju s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 8), iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 40 li tittratta l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell I, li jikkostitwixxi r-regola ġenerali.

    ( 80 ) Ara pereżempju s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 35); is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 52), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża A (C‑112/13, EU:C:2014:207, punt 37).

    ( 81 ) Ara Andrew Bell, “Forum Shopping and venue in transnational litigation”, Oxford 2003, Nri 3.60 ss., li joħloq kuntrast bejn il-prinċipju ta’ “actor sequitur forum rei” stabbilit bil-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001 bil-filosofija ċentrali tiegħu tkun l-adegwatezza prima facie tat-tfittix tal-konvenut bil-qorti fil-post ta’ domiċilju tiegħu u bl-għeruq tiegħu fil-patrimonju legali komuni tal-partijiet – Ewropej kontinentali – oriġinali għall-Konvenzjoni ta’ Brussell (Nru 3.66). Bell isejjaħ il-prinċipju ta’ “actor sequitur forum rei” bħala l-“Grundnorm” tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

    ( 82 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba (C‑220/88, EU:C:1990:8, punt 16).

    ( 83 ) Fir-rigward tar-rilevanza tal-ġurisprudenza mogħtija dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell għar-regolament, ara l-premessa 19 tar-Regolament Brussell I.

    ( 84 ) Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehmann Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15, punt 17).

    ( 85 ) Id-domiċilju huwa ddefinit fl-Artikolu 60 tar-Regolament Brussell I bħala, għall-kumpanniji u l-persuni ġuridiċi, il-post fejn għandhom is-sede statutorja, iċ-ċentru amministrattiv jew il-post prinċipali tan-negozju.

    ( 86 ) Peress li l-leġiżlaturi tar-Regolament Nru 207/2009 kienu familjari sew mar-Regolament Brussell I, li fil-Artikolu 60(1)(ċ) juża t-terminu “[l]-post prinċipali tan-negozju”, huwa kellu jkun konxju ta’ dik il-possibbiltà li jispeċifika liema stabbiliment għandu jkun deċiżiv, kieku kellu l-intenzjoni li jagħżel wieħed minn diversi stabbilimenti. Barra minn hekk anki l-leġiżlatura tar-Regolament Nru 207/2009 nnifisha tuża t-terminu “post prinċipali ta’ kummerċ” fl-Artikolu 92(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 87 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 88 ) Skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Brussell I.

    ( 89 ) Ara Leible, St./Müller, M., ‘Der Begriff der Niederlassung im Sinne von Art. 82 Abs. 1 Alt. 2 GGV und Art. 97 Ab. 1 Alt. 2 GMV’, Wettbewerb in Recht und Praxis, 2013, 1, 4.

    ( 90 ) Ara d-definizzjoni wiesgħa ta’ “domiċilju” ta’ kumpannija fl-Artikolu 60 tar-Regolament Brussell I (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna, punt 85). Ara wkoll ir-Rapport ta’ Schlosser Nru 79.

    ( 91 ) Ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 207/2009 (“numru kemm jista’ jkun limitat”).

    ( 92 ) Din hija waħda mir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-ġerarkija stretta li tipprevedi r-rabta fl-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 93 ) Fir-rigward ta’ dan l-għan ara l-premessa 16 tar-Regolament Nru 207/2009.

    ( 94 ) Ara s-Sezzjoni 9 tar-Regolament Brussell I magħmula mill-Artikoli 27 sa 29. Fil-kuntest ta’ diversi, il-punt 75 tar-Rapport Schlosser jirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet dwar lis pendens u azzjonijiet relatati sabiex jiġu solvuti l-problemi li jistgħu jirriżultaw minn din is-sitwazzjoni.

    Top