Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0570

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-8 ta’ Marzu 2017.
    X vs Staatssecretaris van Financiën.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(b)(i) – Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar – Persuna impjegata fi Stat Membru u li teżerċita parti mill-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru tar-residenza tagħha.
    Kawża C-570/15.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:182

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fit-8 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

    Kawża C‑570/15

    X

    vs

    Staatssecretaris van Financiën

    [Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Sigurtà soċjali – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Artikoli 13(2)(a) u 14(2)(b)(i) – Persuna impjegata normalment fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri – Persuna impjegata fi Stat Membru wieħed u li twettaq parti mill-attività tax-xogħol tagħha fl-Istat Membru tar-residenza tagħha l-iktar bħala xogħol mid-dar”

    Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tirriżulta minn proċeduri pendenti quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi Baxxi) bejn X u s-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) rigward il-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali għall-2009.

    2.

    Il-qorti tar-rinviju titlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt li jinsabu fl-Artikoli 13 u 14 li jappartjenu għat-Titolu II tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 ( 2 ). B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk persuna li hija impjegata fi Stat Membru wieħed u tgħix fi Stat Membru ieħor, li twettaq ukoll parti mill-attività tagħha għall-istess persuna li timpjega (madwar 6.5 % tal-ħin tax-xogħol) fl-Istat Membru tar-residenza tagħha, l-iktar permezz ta’ xogħol mid-dar, għandhiex titqies li hija impjegata normalment fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

    Il-kuntest ġuridiku

    3.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 fih id-definizzjonijiet li ġejjin ta’ “persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha”:

    “(a)

    persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha jfissru rispettivament:

    (i)

    kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili;”

    4.

    L-Artikolu 13 ta’ dak ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14c u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

    2.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Artikoli 14 sa 17:

    a)

    ħaddiem impjegat fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri għandu jkun soġġett għall-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat saħansitra jekk ikun jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew l-uffiċċju reġistrat jew tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegawh jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;”

    5.

    L-Artikolu 14(2)(b)(i) ta’ dak ir-Regolament jipprovdi:

    “2)

    Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

    (b)

    Persuna għajr dik li hemm referenza għaliha f(a) tkun suġġetta:

    (i)

    għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih tabita, jekk twettaq l-attività tagħha parzjalment fit-territorju jew jekk hija marbuta ma diversi impriżi u diversi persuni li jimpjegawha li għandhom l-uffiċċji reġistrati jew il-postijiet tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ Stati Membri differenti;”

    Il-fatti fil-kawża prinċipali

    6.

    X huwa ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi li kien jgħix il-Belġju fis-sena inkwistjoni, l-2009.

    7.

    Matul dik is-sena huwa ħadem bħala maniġer tal-kontijiet u maniġer tar-relazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni għal persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    8.

    Fl-2009, X ħadem għall-persuna li timpjegah għal 1872 siegħa. Minn dawk, huwa ħadem 121 siegħa fil-Belġju, jiġifieri madwar 6.5 % tan-numru totali ta’ sigħat maħduma. Dawn kienu jinvolvu 17-il siegħa fi żjarat lil klijenti tal-persuna li timpjega li huma stabbiliti fil-Belġju u 104 sigħat ta’ xogħol mid-dar fil-Belġju. Dan tal-aħħar sar fuq total ta’ 13-il jum fl-2009, għal 8 sigħat kull darba.

    9.

    L-attivitajiet li saru mid-dar kienu jikkonsistu fl-ipproċessar ta’ e-mails u li jagħmel u jibgħat offerti. L-attivitajiet fil-Belġju ma sarux skont mudell stabbilit. X ħadem prinċipalment mid-dar fil-ġimgħat wara l-vaganzi tas-sajf tiegħu u mhux fil-perijodu tax-xitwa. Il-kuntratt ta’ impjieg ta’ X ma kien fih ebda arranġament għal xogħol mid-dar jew minn xi mkien ieħor fil-Belġju.

    10.

    X wettaq il-bqija tax-xogħol tiegħu għall-persuna li timpjega (1751 siegħa fl-2009) fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm fl-uffiċċju kif ukoll matul iż-żjarat lil klijenti potenzjali stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    11.

    It-tilwima bejn X u s-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-valutazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni soċjali imposti għall-2009. B’mod partikolari, it-tilwima tiffoka fuq jekk X kienx suġġett għal assigurazzjoni fuq bażi obbligatorja taħt is-sistema ta’ assigurazzjoni nazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi u għaldaqstant kienx obbligat iħallas kontribuzzjonijiet.

    12.

    Il-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), fl-appell kontra s-sentenza tar-Rechtbank Zeeland-West-Brabant (Qorti Distrettwali, Zeeland-West-Brabant), iddeċidiet li x-xogħol li wettaq X fil-Belġju fl-2009 kien biss okkażjonali. Il-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Hertogenbosch) ikkunsidrat f’dak ir-rigward:

    (i)

    li ma kien hemm ebda indikazzjoni li l-persuna li timpjega u X kellhom l-intenzjoni li huwa għandu jwettaq ix-xogħol regolarment mill-Belġju,

    (ii)

    li x-xogħol normalment kien isir fil-Pajjiżi l-Baxxi,

    (iii)

    li ż-żjarat lill-klijenti fil-Belġju kienu biss okkażjonali u

    (iiii)

    li fir-rigward tax-xogħol mid-dar, ma kien hemm ebda indikazzjoni ta’ xi ftehim li sar bejn il-persuna li timpjega u X f’dak ir-rigward jew ta’ tendenza strutturali.

    13.

    Il-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Hertogenbosch) iddeċidiet ukoll li x-xogħol okkażjonali mwettaq minn X fit-territorju Belġjan ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi ddeterminata liema leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali hija applikabbli. Il-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Hertogenbosch) għalhekk waslet għall-konklużjoni li X huwa normalment impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, il-Pajjiżi l-Baxxi, u għalhekk tapplika biss il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

    14.

    X ippreżenta appell fuq punt ta’ liġi kontra l-imsemmija sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    15.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-appell fuq punt ta’ liġi jqajjem il-kwistjoni dwar liema dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 tindika l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-parti interessata. Minn naħa, kieku l-attivitajiet imwettqa minn X fil-Belġju jiġu injorati, ir-regola ta’ kunflitt ġenerali li tinsab fl-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmi regolament tkun tapplika, li tindika bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli dik tal-Istat Membru tal-impjieg. Min-naħa l-oħra, kieku dawk l-attivitajiet kellhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni, allura l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dak ir-regolament tfisser li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tibqax dik tal-Pajjiżi l-Baxxi iżda ssir dik tal-Belġju kull darba li l-post li minnu jsir ix-xogħol realment imwettaq minn X jinqaleb mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-Belġju, u viċe versa. Alternattivament, jista’ jitqies li X kien impjegat normalment fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju u li, għaldaqstant, fuq il-bażi tar-regola speċjali fl-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza tiegħu biss tapplika għalih.

    Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    16.

    Huwa fiċ-ċirkustanzi msemmija li l-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Liema kriterju jew kriterji għandhom jiġu applikati sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 1408/71 fil-każ ta’ ħaddiem residenti fil-Belġju li, matul is-sena inkwistjoni, eżerċita l-maġġoranza l-kbira tal-attivitajiet tiegħu għall-persuna li timpjegah Olandiża fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li, barra minn hekk, eżerċita 6.5 % tal-attivitajiet totali tiegħu fil-Belġju, jew f’daru, jew għand klijenti, ladarba din il-proporzjon ma tikkorrispondix għal pjan ta’ xogħol stabbilit b’mod preċiż u ladarba huwa qatt ma kkonkluda mal-persuna li timpjegah xi ftehim dwar l-eżerċizzju ta’ attività fil-Belġju?”

    17.

    Id-deċiżjoni tar-rinviju, datata t-30 ta’ Ottubru 2015, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2015. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Gvern Belġjan u mill-Gvern Ċek, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Kemm X, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali matul is-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2016.

    Analiżi

    18.

    Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk persuna impjegata fi Stat Membru wieħed u tgħix fi Stat Membru ieħor, li, matul is-sena inkwistjoni, eżerċitat parti żgħira mill-attivitajiet tagħha għall-istess persuna li timpjega (madwar 6.5 % tal-ħin tax-xogħol) fl-Istat Membru tar-residenza tagħha, l-iktar permezz ta’ xogħol mid-dar, għandhiex tiġi kkunsidrata li hija impjegata normalment b’mod esklużiv fl-ewwel Stat Membru jew fiż-żewġ Stati Membri, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1408/71.

    19.

    Il-qorti tar-rinviju għalhekk tixtieq tiddetermina liema leġiżlazzjoni hija applikabbli għal tali persuna skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu II ta’ dak ir-regolament.

    20.

    Il-pożizzjonijiet tal-partijiet interessati huma differenti dwar din il-kwistjoni.

    21.

    Fis-seduta, X sostna li huwa għandu jitqies bħala normalment impjegat f’żewġ Stati Membri u għalhekk li huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza tiegħu, skont l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71. Dan sostna li huwa intitolat li jaħdem mid-dar, u li l-attivitajiet tiegħu fid-dar, bħal li jirrispondi emails u jikkuntattja lill-klijenti permezz tat-telefon, huma parti mill-kompiti ewlenin tax-xogħol tiegħu. Huwa sostna wkoll li dawk l-attivitajiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli.

    22.

    Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri intervenjenti u l-Kummissjoni jaqblu li r-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem residenti fil-Belġju, li jeżerċita l-maġġoranza wiesgħa tal-attivitajiet tiegħu għall-persuna li timpjegah stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li, barra minn hekk, wettaq 6.5 % ta’ dawn l-attivitajiet matul is-sena inkwistjoni fil-Belġju, għandu jitqies bħala impjegat biss fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, u suġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont ir-regola ta’ kunflitt lex loci laboris kif ipprovdut fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dak ir-regolament.

    23.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li l-Artikoli 13 u 14 jagħmlu parti minnu, jikkostitwixxu sistema kompleta u uniformi ta’ regoli tal-kunflitt tal-liġijiet li l-iskop tagħhom huwa dak li jiġi żgurat li l-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni jkunu suġġetti għal sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn tkun applikabbli iktar minn sistema leġiżlattiva waħda u biex jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dik is-sitwazzjoni . ( 3 )

    24.

    Fil-kawża preżenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni taqax taħt ir-regola ġenerali ta’ kunflitt li tinsab fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (lex loci laboris) jew taħt ir-regola speċjali tal-Artikolu 14(2)(b)(i) (lex domicilii), jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-attività ta’ X fil-Belġju għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    25.

    Kieku dik l-attività kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, X għandu jitqies bħala normalment impjegat fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71. Inkella, tapplika r-regola ta’ kunflitt ġenerali li tinsab fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dak ir-regolament.

    26.

    Nosserva li l-fatt li X jaħdem għal persuna li timpjega waħda bl-ebda mod ma jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà pprovdiet f’Calle Grenzshop Andresen, dik id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll meta l-persuna kkonċernata twettaq l‑attivitajiet tagħha fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar għall-istess impriża ( 4 ).

    27.

    Barra minn hekk, jidher li fil-każ preżenti ma hemm l-ebda dubju li l-attività ta’ X fil-Belġju ma taqax taħt it-tifsira ta’ post fis-sens tal-Artikolu 14(l)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, peress li huwa jwettaq l-attivitajiet tiegħu fil-Belġju mingħajr ebda limitu ta’ żmien, billi parzjalment jeżerċita d-dmirijiet tax-xogħol ewlenin tiegħu mid-dar bi ftehim taċitu mal-persuna li timpjegah.

    28.

    L-ipoteżi tal-Artikolu 14(2)(b)(i) tipprevedi s-sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata tkun “normalment” impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar u teżerċita wkoll l-attività tagħha “parzjalment” fit-territorju tal-Istat Membru tar-residenza tagħha.

    29.

    It-termini użati minn dik id-dispożizzjoni jimplikaw li l-attività ta’ impjieg eżerċitata fl-Istat Membru tar-residenza tal-impjegat għandha tkun sa punt minimu partikolari. Inkella, anki t-twettiq ta’ attività negliġibbli jew okkażjonali jkun jista’ jwassal għall-konsegwenzi legali tal-Artikolu 14(2)(b)(i). L-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 għalhekk tkun esposta għar-riskju ta’ evitar ( 5 ).

    30.

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward ta’ attività ta’ impjieg indipendenti, il-kelma “normalment” timplika li l-persuna kkonċernata abitwalment twettaq attivitajiet “sinjifikattivi” fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru ( 6 ).

    31.

    Din l-interpretazzjoni ma hijiex kontradetta mis-sentenza Calle Grenzshop Andresen, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem Daniż, residenti fid-Danimarka u impjegat fil-Ġermanja, li regolarment jaħdem diversi sigħat kull ġimgħa parzjalment fid-Danimarka, jaqa’ taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 ( 7 ). Dan ħadem bħala maniġer f’negozju li jinsab fil-Ġermanja, qrib il-fruntiera Ġermaniża-Daniża, u ħadem ukoll għall-persuna li timpjegah madwar għaxar sigħat kull ġimgħa fid-Danimarka, billi jwettaq kompiti ta’ koordinazzjoni u ta’ sorveljanza. Jirriżulta b’mod ċar mill-analiżi pprovduta mill-Avukat Ġenerali Lenz f’dak il-każ li dik l-attività mwettqa fl-Istat Membru ta’ residenza ma tistax titqies bħala insinjifikanti ( 8 ).

    32.

    F’Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex titqies bħala impjegata “normalment” fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tax-xogħol kif iddefinit fid-dokumenti kuntrattwali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet prevedibbli jammontawx għal attivitajiet ta’ impjieg li jkopru, fuq iktar minn sempliċiment bażi ta’ darba, it-territorju ta’ diversi Stati Membri, kif ukoll sabiex jiġi kkunsidrat ix-xogħol attwalment imwettaq ( 9 ).

    33.

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex impjegata “normalment” fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1408/71, wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont u l-importanza ta’ attività partikolari, fuq il-bażi tad-dokumenti kuntrattwali kif ukoll ix-xogħol attwali mwettaq mill-impjegat.

    34.

    Fil-każ preżenti, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-ħin tax-xogħol attribwibbli għall-attivitajiet ta’ X fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu jammonta għal 6.5 % tal-ħin totali tax-xogħol matul il-perijodu rilevanti. L-ammont ta’ xogħol effettivament imwettaq fil-Belġju jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, indikazzjoni qawwija li dawk l-attivitajiet huma insinjifikanti fir-rigward tar-relazzjoni kuntrattwali ġenerali jew, kif tipproponi l-Kummissjoni, li dawn huma eżerċitati biss “okkażjonalment”, meta mqabbla mal-parti l-kbira tad-dmirijiet tiegħu bħala impjegat.

    35.

    It-tul ta’ żmien tax-xogħol, fil-fehma tiegħi, ma huwiex l-uniku element deċiżiv. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu kkunsidrati ċirkustanzi oħra, bħan-natura tal-attivitajiet u ċ-ċirkustanzi li jsiru fihom ( 10 ).

    36.

    Fil-każ preżenti, l-attivitajiet ta’ X fil-Belġju kienu jinvolvu żjarat okkażjonali lill-klijenti u, b’mod predominanti, xogħol mid-dar, mingħajr ebda ftehim espliċitu mal-persuna li timpjega jew xi mudell ta’ ħidma.

    37.

    Nosserva li dan huwa wieħed mill-vantaġġi – jew, għal xi nies, żvantaġġi – tal-ekonomija diġitali, li impjegat jista’ jintalab jew ikun awtorizzat li jwettaq parti mill-kompiti tal-uffiċċju tiegħu meta jkun ’il bogħod mill-uffiċċju, possibbilment, billi jaħdem mid-dar.

    38.

    Il-partikolarità ta’ tali arranġament tax-xogħol tinsab fil-fatt li potenzjalment dan jimmina l-kunċett ta’ post partikolari ta’ impjieg, bħala fattur rilevanti għad-determinazzjoni tal-Istat Membru li għandu l-eqreb konnessjoni mar-relazzjoni ta’ impjieg. Persuna tista’ tagħmel telexogħol fuq il-kompjuter tagħha jew it-telefon tad-dar jew waqt li tivvjaġġa u dan il-mod ta’ ħidma jista’ jammonta għal parti sinjifikattiva mill-attività tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-futur se jkollha tiddeċiedi kif din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli.

    39.

    Din il-kunsiderazzjoni ma tqumx fil-każ preżenti, peress li hemm indikaturi oħra – l-ammont żgħir ta’ xogħol u n-nuqqas ta’ kwalunkwe mudell strutturali riflessi fid-dokumenti kuntrattwali – li wkoll jindikaw in-natura marġinali tal-attivitajiet ta’ X fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu.

    40.

    F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta x-xogħol mid-dar ma jkunx rifless b’mod espliċitu fid-dokumenti kuntrattwali, ma jikkostitwixxix mudell strutturali u barra minn hekk jammonta għal perċentwal relattivament żgħir tal-ħin totali tax-xogħol, naħseb li ma jkunx xieraq li niddependu fuq dik iċ-ċirkustanza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1408/71.

    41.

    Għaldaqstant inqis li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-attivitajiet imwettqa minn impjegat għall-istess persuna li timpjega fi Stat Membru ieħor, li jammontaw għal madwar 6.5 % tal-ħin tax-xogħol u, barra minn hekk, imwettqa l-iktar permezz ta’ xogħol mid-dar, għandhom jitqiesu bħala marġinali u ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1408/71. Il-persuna f’tali sitwazzjoni għaldaqstant għandha titqies bħala impjegata normalment fi Stat Membru wieħed biss u suġġetta għal-leġiżlazzjoni ddeterminata mir-regola ta’ kunflitt ġenerali li tinsab fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dak ir-regolament.

    42.

    Bħala kunsiderazzjoni sussidjarja, nosserva li dik il-konklużjoni tidher li hija kkorroborata mill-kunċett ta’ “attività marġinali” introdott fl-Artikolu 14(5)(b) tar-Regolament Nru 987/2009 ( 11 ) u spjegat fil-Gwida prattika li tħejjiet, taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni, mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali, sabiex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali japplikaw ir-regoli ta’ kunflitt tar-Regolament Nru 883/2004 ( 12 ).

    43.

    Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-Gwida prattika jirriżulta li l-attivitajiet “marġinali” ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tar-regoli ta’ kunflitt li jikkonċernaw persuna li hija impjegata jew li taħdem għal rasha f’żewġ Stati Membri jew iktar. Persuna li twettaq attivitajiet marġinali fi Stat Membru ieħor ma tistax titqies bħala li “normalment” twettaq attività f’żewġ Stati Membri jew iktar. L-attivitajiet marġinali huma ddefiniti iktar bħala attivitajiet li huma permanenti iżda insinjifikanti f’termini ta’ ħin u qligħ ekonomiku, liema ħaġa tissuġġerixxi, bħala indikatur, li l-attivitajiet li jammontaw għal inqas minn 5 % tal-ħin tax-xogħol regolari tal-ħaddiem u/jew inqas minn 5 % tar-remunerazzjoni totali tiegħu għandhom jitqiesu bħala marġinali. In-natura tal-attivitajiet, pereżempju, il-fatt li ma jkunux indipendenti jew li jsiru mid-dar, jista’ wkoll jindika li huma marġinali.

    Konklużjoni

    44.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi):

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, persuna impjegata fi Stat Membru wieħed u residenti fi Stat Membru ieħor, li, matul is-sena inkwistjoni, eżerċitat parti żgħira mill-attivitajiet tagħha għall-istess persuna li timpjega – madwar 6.5 % tal-ħin tax-xogħol – fl-Istat Membru msemmi l-aħħar, l-iktar permezz ta’ xogħol mid-dar, għandha titqies li hija impjegata esklużivament fl-Istat Membru msemmi l-ewwel għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 ta’ dak ir-regolament.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). Madankollu, jibqa’ applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

    ( 3 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1994, Van Poucke (C‑71/93, EU:C:1994:120, punt 22).

    ( 4 ) Sentenza tas-16 ta’ Frar 1995 (C‑425/93, EU:C:1995:37, punt 13).

    ( 5 ) Ninnota li l-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jibdel ir-regola ta’ kunflitt li qabel kienet tinsab fl-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 billi jintroduċi l-ħtieġa li parti “sostanzjali” tal-attività ta’ persuna tkun twettqet fl-Istat Membru ta’ residenza.

    ( 6 ) Sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et (C‑178/97, EU:C:2000:169, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 7 ) Sentenza tas-16 ta’ Frar 1995 (C‑425/93, EU:C:1995:37).

    ( 8 ) Sentenza tas-16 ta’ Frar 1995, Calle Grenzshop Andresen (C‑425/93, EU:C:1995:37, punt 15) u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz f’Calle Grenzshop Andresen (C‑425/93, EU:C:1995:12, punti 28-33).

    ( 9 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe (C‑115/11, EU:C:2012:606, punti 44-45).

    ( 10 ) Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973, Hakenberg (13/73, EU:C:1973:92, punt 20) u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz f’Calle Grenzshop Andresen (C‑425/93, EU:C:1995:12, punt 32).

    ( 11 ) L-Artikolu 14(5)(b) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009 L 284, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 (ĠU 2012 L 149, p. 4) jipprovdi: “5b. L-attivitajiet marġinali m’għandhomx jitqiesu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. […]”.

    ( 12 ) Gwida Prattika tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2013 dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Unjoni Ewropea (UE), iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-Isvizzera, p. 27.

    Top