This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0513
Opinion of Advocate General Bot delivered on 8 February 2017.#Proceedings brought by 'Agrodetalė' UAB.#Request for a preliminary ruling from the Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.#Reference for a preliminary ruling — Internal market — EC type-approval — Directive 2003/37/EC — Scope — Agricultural or forestry tractors — Placement on the market and registration in the European Union of used or second-hand vehicles imported from a third country — Concepts of ‘new vehicle’ and ‘entry into service’.#Case C-513/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-8 ta’ Frar 2017.
Kawża mressqa minn “Agrodetalė” UAB.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Approvazzjoni tat-tip tal-KE – Direttiva 2003/37/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti – Tqegħid fis-suq u reġistrazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ vetturi użati jew second-hand importati minn pajjiż terz – Kunċetti ta’ ‘vettura ġdida’ u ta’ ‘dħul fis-servizz’.
Kawża C-513/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-8 ta’ Frar 2017.
Kawża mressqa minn “Agrodetalė” UAB.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Approvazzjoni tat-tip tal-KE – Direttiva 2003/37/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti – Tqegħid fis-suq u reġistrazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ vetturi użati jew second-hand importati minn pajjiż terz – Kunċetti ta’ ‘vettura ġdida’ u ta’ ‘dħul fis-servizz’.
Kawża C-513/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:98
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-8 ta’ Frar 2017 ( 1 )
Kawża C‑513/15
“Agrodetalė” UAB
vs
Vilniaus miesto savivadybės administracija
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Suq intern — Tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti — Direttiva 2003/37/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Tqegħid fis-suq u reġistrazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ vetturi użati jew second-hand prodotti barra mill-Unjoni — Possibbiltà għall-Istati Membri li jirregolaw ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi — Vetturi ġodda mdaħħla fis-servizz mill-1 ta’ Lulju 2009 — Kunċetti ta’ ‘vettura ġdida’ u ta’ ‘dħul fis-servizz’”
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/44/UE, tat-18 ta’ Marzu 2014 ( 3 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Agrodetalė” UAB u l-Vilniaus miesto savivaldybės administracija (amministrazzjoni tal-muniċipalità tal-belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“muniċipalità ta’ Vilnjus”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tirreġistra tratturi użati li jiġu importati mill-Bjelorussja fir-reġistru nazzjonali tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom. |
3. |
Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma intiżi, essenzjalment, biex tkun taf jekk dawn il-vetturi użati li jiġu importati fl-Unjoni Ewropea minn pajjiż terz għandhomx josservaw ir-rekwiżiti tekniċi armonizzati previsti mid-Direttiva 2003/37 biex ikunu jistgħu jiġu rreġistrati fi Stat Membru. |
4. |
F’dawn il-konklużjonijiet, jien se nsostni li d-Direttiva 2003/37 għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex ikunu jistgħu jiġu rreġistrati fi Stat Membru, il-vetturi użati li jiġu importati fih minn pajjiż terz u li jaqgħu taħt il-kategoriji koperti minn din id-direttiva għandhom josservaw, qabel l-ewwel dħul fis-servizz tagħhom fl-Unjoni u meta dan iseħħ mill-1 ta’ Lulju 2009 ’il quddiem, ir-rekwiżiti tekniċi previsti mill-imsemmija direttiva. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
5. |
Kif turi l-ewwel premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 74/150/KEE, tal-4 ta’ Marzu 1974, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija ( 4 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni beda mill-konstatazzjoni li, “f’kull Stat Membru it-tratturi għandhom jikkonformaw ma’ ċerti ħtiġiet tekniċi mandatarji [rekwiżiti tekniċi mandatorji]; […] dawk il-ħtiġiet ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor u konsegwentement ifixklu l-kummerċ fil-Komunità Ekonomika Ewropea”. |
6. |
Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, dan il-leġiżlatur qies, kif jirriżulta mit-tieni premessa ta’ din id-direttiva, li “dak it-tfixkil għall-istabbiliment u t-tħaddim xieraq tas-suq komuni jista’ jitnaqqas, u jiġi wkoll eliminat, jekk l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess ħtiġiet [rekwiżiti], jew b’żieda jew minflok il-liġijiet eżistenti tagħhom”. |
7. |
Fit-tielet premessa tad-Direttiva 74/150, il-leġiżlatur tal-Unjoni jispeċifika li “l-ħtiġiet [r-rekwiżiti] ta’ din id-Direttiva japplikaw għal tratturi iffitjati b’tyres pnewmatiċi li jkollhom veloċitàa massima disinjata ta’ bejn is-6 km u l-25 km/siegħa [u li] dawn il-ħtiġiet huma maħsuba prinċipalment biex itejbu s-sigurezza fit-triq u fuq ix-xogħol safejn huwa kkonċernat id-disinn ta’ dawn il-vetturi”. |
8. |
Wara li rrileva, fir-raba’ premessa tad-Direttiva 74/150, li “hija l-prattika stabbilita li l-Istati Membri jivverifikaw li t-tratturi jikkonformaw mal-ħtiġiet [mar-rekwiżiti] tekniċi relevanti qabel ma jitqiegħdu fis-suq [u li] din il-verifika ssir fuq it-tipi tat-tratturi”, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies, fis-sitt premessa ta’ din id-direttiva, li, “fil-livell Komunitarju huwa meħtieġ li tiġi introdotta proċedura Komunitarja ta’ approvazzjoni tat-tip bħal [għal] kull tip ta’ trattur biex dik il-konformità [mar-rekwiżiti tekniċi armonizzati] tkun tista’ tiġi vverifikata u kull Stat Membru jkun jista’ jagħraf verifiki mwettqa minn Stati Membri oħra”. |
9. |
Skont is-seba’ premessa tad-Direttiva 74/150, “dik il-proċedura għandha tippermetti lil kull Stat Membru li jiżgura jekk tip ta’ tratturi ikunx tressaq għall-verifiki stabbiliti fid-Direttivi speċjali u elenkati f’ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip; […] dik il-proċedura għandha tagħmilha possibbli biex il-fabbrikanti jimlew ċertifikat tal-konformità għat-tratturi kollha li jikkonformaw ma’ tip approvat; […] trattur li jkollu miegħu ċertifikat ta’ din ix-xorta għandu jkun meqjus mill-Istati Membri kollha li jkun jikkonforma mal-liġijiet proprji tagħhom”. |
10. |
Id-Direttiva 74/150 tħassret mid-Direttiva 2003/37 b’effett mill-1 ta’ Lulju 2005 ( 5 ). |
11. |
Il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/37 tistabbilixxi: “Billi d-Direttiva preżenti hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali, jeħtieġ li jkun hemm perjodu transitorju twil biżżejjed qabel ma l-approvazzjoni tat-tip [tal-]KE ssir obbligatorja, biex dawk li jibnu dawk il-vetturi ikunu jistgħu jadattaw lilhom infushom mal-proċeduri armonizzati l-ġodda.” |
12. |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “1. Din id-Direttiva tapplika għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi maħdumin fi stadju wieħed jew f’aktar. Hija tapplika għall-vetturi kif imfissra fl-Artikolu 2(d), maħdumin li jkollhom veloċità massima ta’ mhux anqas minn 6 km/h. Din id-Direttiva tapplika wkoll għall-approvazzjoni KE tat-tip [approvazzjoni tat-tip tal-KE] tas-sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi. 2. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-:
|
13. |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]
[…]
|
14. |
Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/37: “1. Il-manifattur għandu jibgħat applikazzjoni għall-approvazzjoni KE tat-tip [approvazzjoni tat-tip tal-KE] ta’ vettura lill-awtorità ta’ approvazzjoni ta’ Stat Membru. Hija għandha tkun akkumpanjata b’folder ta’ informazzjoni li jkun fih l-informazzjoni meħtieġa skond l-Anness I. […] 4. Applikazzjonijiet għall-approvazzjoni KE tat-tip ta’ tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata jistgħu jintbagħtu lil Stat Membru wieħed. Applikazzjoni separata għandha tintbagħat għal kull tip li għandu jkun approvat.” |
15. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jiddisponi: “1. Kull Stat Membru għandu jagħti:
[…] 3. Għal kull tip ta’ vettura li għaliha tkun tat, irrifjutat li tagħti jew irtirat approvazzjoni KE tat-tip, l-awtorità ta’ approvazzjoni f’kull Stat Membru għandha tibgħat fi żmien xahar kopja taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni KE tat-tip akkumpanjat bid-dokumenti msemmija fil-Kapitolu Ċ ta’ l-Anness II lill-awtoritajiet ta’ l-approvazzjoni tat-tip fl-Istati Membri l-oħra.” |
16. |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “Fil-kapaċità tiegħu ta’ detentur ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni KE tat-tip [approvazzjoni tat-tip tal-KE], il-manifattur għandu joħroġ ċertifikat ta’ konformità. Dan iċ-ċertifikat, li kampjuni tiegħu jidhru fl-Anness III, għandu jkun f’kull vettura, kemm jekk kompleta jew inkompleta, manifatturata b’konformità mat-tip ta’ vettura approvat.” |
17. |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/37: “Kull Stat Membru għandu jirreġistra vetturi ġodda tat-tip approvat, jippermetti l-bejgħ tagħhom jew jippermetti d-dħul tagħhom fis-servizz għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni u t-tħaddim tagħhom biss jekk ikunu akkumpanjati b’ċertifikat validu ta’ konformità.” |
18. |
L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jiddisponi: “1. Waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jirrikonoxxi l-ekwivalenza bejn il-kondizzjonijiet jew id-disposizzjonijiet għall-approvazzjoni KE tat-tip [approvazzjoni tat-tip tal-KE] ta’ vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati stabbiliti permezz ta’ din id-Direttiva flimkien mad-direttivi separati u l-proċeduri stabbiliti b’regolamenti internazzjonali jew regolamenti ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ ftehim multilaterali jew ftehim bilaterali bejn il-Komunità u pajjiżi terzi. […] 3. L-ekwivalenza ta’ l-approvazzjonijiet tat-tip maħruġa fuq il-bażi tar-regolamenti UN/ECE li huma annessi mal-Ftehim rivedut ta’ l-1958 li jinsab fl-Anness II, Kapitolu B, Taqsima II-B, li jinsab ma’ din id-Direttiva, hija rikonoxxuta. […]” |
19. |
L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2003/37 jipprevedi: “1. Fir-rigward ta’ vetturi li jagħmlu parti mill-kategoriji T1, T2 u T3, l-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva għal:
|
20. |
Skont l-Artikolu 25 tagħha, id-Direttiva 2003/37 daħlet fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fid-9 ta’ Lulju 2003. |
B – Id-dritt Litwan
21. |
Il-punt 1 taz-žemės ūkio ministro įsakymas Nr. 3D‑396 dėl žemės ūkio ministro 2006 m. spalio 2 d. įsakymo Nr. 3d‑384 „dėl traktorių, savaeigių ir žemės ūkio mašinų ir jų priekabų registravimo taisyklių patvirtinimo“ pakeitimo (Digriet Nru 3D‑396 tal-ministru tal-agrikoltura, li jemenda d-Digriet Nru 3D‑384 tal-ministru tal-agrikoltura, tat-2 ta’ Ottubru 2006, li japprova r-regoli għar-reġistrazzjoni tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom), tal-1 ta’ Lulju 2014 ( 6 ), daħħal il-punt 191 fir-regoli għar-reġistrazzjoni tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom approvati permezz tad-Digriet Nru 3D‑384, liema punt huwa fformulat kif ġej: “It-tratturi għall-agrikoltura użati prodotti barra mill-pajjiżi tal-Unjoni wara l-1 ta’ Lulju 2009 u li ma humiex irreġistrati fil-pajjiżi tal-Unjoni għandhom jiġu rreġistrati skont dawn ir-regoli jekk ikunu ġew prodotti skont ir-rekwiżiti tad-[Direttiva 2003/37]”. |
II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22. |
Fl-1 ta’ Lulju u fit-8 ta’ Ottubru 2014, Agrodetalė ppreżentat, lill-muniċipalità ta’ Vilnjus, applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ tratturi użati prodotti fil-Bjelorussja wara l-1 ta’ Lulju 2009 fir-reġistru nazzjonali tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom. |
23. |
Permezz tad-deċiżjonijiet tagħha tal-4 ta’ Lulju u tat-13 ta’ Ottubru 2014, il-muniċipalità ta’ Vilnjus irrifjutat li taċċetta l-applikazzjoni ta’ Agrodetalė, minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ipprovdiet dokumenti li jiċċertifikaw li l-imsemmija tratturi kienu konformi mar-rekwiżiti fil-punt 1 tad-Digriet Nru 3D‑396. |
24. |
Il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), li quddiemha Agrodetalė ippreżentat rikors għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2015, issospendiet il-proċeduri quddiemha u ressqet quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja) talba għall-eżami tal-konformità tal-punt 1 ta’ dan id-digriet ma’ diversi regoli tad-dritt nazzjonali li għandhom saħħa ġuridika superjuri fil-ġerarkija tar-regoli. |
25. |
Skont il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnjus), ir-rekwiżiti tekniċi previsti mid-Direttiva 2003/37 japplikaw biss għar-reġistrazzjoni ta’ vetturi ġodda qabel id-dħul tagħhom fis-servizz. Dik il-qorti tqis li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għalhekk ma jipprevedux rekwiżiti tekniċi għall-vetturi użati u, għaldaqstant, ma jipprojbixxux lill-Istati Membri milli jirreġistraw il-vetturi użati li ma għandhomx approvazzjoni tat-tip tal-KE u ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-manifattur. |
26. |
Iz-Žemės ūkio ministerija (ministeru tal-agrikoltura, il-Litwanja) isostni, għall-kuntrarju, li r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva japplikaw għat-tratturi kollha prodotti wara l-1 ta’ Lulju 2009, inklużi dawk użati. |
27. |
Fid-dawl tal-pożizzjonijiet diverġenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ministeru tal-agrikoltura kienx iġġustifikat meta ppreveda, fil-punt 191 tar-regoli għar-reġistrazzjoni tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom approvati permezz tad-Digriet Nru 3D‑384, li ddaħħal mill-punt 1 tad-Digriet Nru 3D‑396, li r-reġistrazzjoni tat-tratturi użati tkun tiddependi mill-osservanza tar-rekwiżiti previsti mill-imsemmija direttiva. |
28. |
Skont dik il-qorti, huwa possibbli li jitqies li r-rekwiżiti tekniċi previsti mid-Direttiva 2003/37 japplikaw biss għar-reġistrazzjoni ta’ vetturi ġodda qabel id-dħul tagħhom fis-servizz, jiġifieri li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jimponux rekwiżiti tekniċi għall-vetturi użati u lanqas ma jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jirreġistraw dawn il-vetturi mingħajr l-approvazzjoni tat-tip tal-KE u ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-manifattur. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tenfasizza li din id-direttiva ma tispeċifikax jekk il-post ta’ produzzjoni tal-vetturi għandux importanza għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari jekk dawn il-vetturi jkunu prodotti barra mill-Unjoni. |
29. |
Billi qieset li l-kawża pendenti quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III – L-analiżi tiegħi
30. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk id-Direttiva 2003/37 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex ikunu jistgħu jiġu rreġistrati fi Stat Membru, il-vetturi użati li jiġu importati fih minn pajjiż terz għandhomx josservaw ir-rekwiżiti tekniċi previsti minn din id-direttiva. |
31. |
Hemm żewġ argumenti kontra xulxin fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda. |
32. |
Skont l-ewwel argument, sostnut minn Agrodetalė, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni, is-sistema ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ tratturi għall-agrikoltura implementata mill-imsemmija direttiva tista’ tapplika biss għall-vetturi ġodda, jiġifieri għall-vetturi li għadhom qatt ma ġew irreġistrati jew imdaħħla fis-servizz. Għaldaqstant, il-vetturi użati li jiġu importati fl-Unjoni minn pajjiż terz ma għandhomx ikunu suġġetti għal approvazzjoni tat-tip tal-KE u għalhekk ma humiex suġġetti, skont id-dritt tal-Unjoni, għall-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi previsti minn din id-direttiva. Minn dan isegwi li l-Istati Membri huma liberi li jissuġġettaw tali vetturi għal rekwiżiti nazzjonali speċifiċi. Skont Agrodetalė, dawn ir-rekwiżiti nazzjonali għandhom josservaw il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni. Il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, b’differenza minn Agrodetalė, iqisu li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, fl-eżerċizzju tas-setgħa regolatorja tagħhom, li jestendu r-rekwiżiti tekniċi previsti mid-Direttiva 2003/37 għall-vetturi użati li jiġu importati minn pajjiż terz. |
33. |
Min-naħa l-oħra, it-tieni argument, li huwa sostnut mill-Gvern Litwan, huwa bbażat fuq l-idea li l-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi previsti minn din id-direttiva hija obbligatorja għall-vetturi użati li jiġu importati fl-Unjoni minn pajjiż terz. |
34. |
Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, it-tentazzjoni tista’ tkun li jitqies li, peress li l-imsemmija direttiva tirreferi diversi drabi għall-kunċett ta’ “vetturi ġodda” ( 7 ), huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw ir-rekwiżiti tekniċi li jkunu suġġetti għalihom il-vetturi użati li jiġu importati fit-territorju tagħhom minn pajjiż terz. Dawn l-Istati Membri għalhekk ikollhom biss il-possibbiltà, u mhux l-obbligu, li jallinjaw dawn ir-rekwiżiti ma’ dawk meħtieġa mid-Direttiva 2003/37. |
35. |
Jien madankollu nikkondividi l-perspettiva tal-Gvern Litwan, favur applikazzjoni obbligatorja tar-rekwiżiti tekniċi armonizzati għall-vetturi użati li jiġu importati fl-Unjoni minn pajjiż terz, li jidhirli li hija l-unika waħda xierqa biex tiggarantixxi l-effett utli ta’ din id-direttiva. |
36. |
Infakkar li, skont l-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva, l-approvazzjoni tat-tip tal-KE hija l-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi rilevanti tad-Direttiva 2003/37. |
37. |
Il-qafas relatat mal-approvazzjoni tat-tip tal-KE huwa bbażat fuq il-prinċipju li l-vetturi ġodda kollha prodotti f’konformità ma’ tip ta’ vetturi approvat minn Stat Membru jibbenefikaw mid-dritt li jiġu kkummerċjalizzati u rreġistrati liberament fl-Istati Membri l-oħra. |
38. |
Kif tindika l-premessa 4 tad-Direttiva 2003/37, din tal-aħħar hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali. Permezz ta’ din id-direttiva, il-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE għalhekk saret obbligatorja għat-tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti li jappartjenu għal kategorija koperta mill-imsemmija direttiva, filwaqt li din qabel kienet fakultattiva. Għalhekk, skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2003/37, l-Istati Membri huma marbuta japplikaw din tal-aħħar għall-vetturi li jagħmlu parti mill-kategoriji T1, T2 u T3, minn naħa, għat-tipi ġodda ta’ vetturi mill-1 ta’ Lulju 2005, u, min-naħa l-oħra, għall-vetturi ġodda kollha mdaħħla fis-servizz mill-1 ta’ Lulju 2009. L-armonizzazzjoni totali tfisser ukoll li, għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE, ir-rekwiżiti tekniċi li jikkonċernaw il-produzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi huma stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. |
39. |
Skont dak li jipprevedi l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/37, il-manifattur għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru. Din l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’folder ta’ informazzjoni li jkun fih l-informazzjoni meħtieġa skont l-Anness I ta’ din id-direttiva. |
40. |
Mill-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-approvazzjoni tat-tip tal-KE għandha tingħata lit-tipi ta’ vetturi li jikkonformaw mad-dettalji fil-folder ta’ informazzjoni u li, skont il-kategorija tagħhom, jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi tad-direttivi separati kollha msemmija fil-Kapitolu B tal-Anness II tad-Direttiva 2003/37. |
41. |
Skont l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ dan l-Istat Membru għandhom sussegwentement jibagħtu lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip fl-Istati Membri l-oħra kopja taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE għal kull tip ta’ vettura li għaliha jkunu taw, irrifjutaw li jagħtu jew irtiraw approvazzjoni tat-tip tal-KE. |
42. |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li, fil-kapaċità tiegħu ta’ detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE, il-manifattur għandu joħroġ ċertifikat ta’ konformità, li jindika li l-vettura ġiet prodotta f’konformità mat-tip ta’ vettura approvat. Dan iċ-ċertifikat għandu jakkumpanja kull vettura ġdida li kienet suġġetta għal approvazzjoni tat-tip tal-KE. |
43. |
Il-vetturi ġodda li jkunu kisbu approvazzjoni tat-tip tal-KE u li jkollhom ċertifikat ta’ konformità validu ma jistgħux jiġu suġġetti għal approvazzjoni ġdida tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom u lanqas għall-osservazzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi addizzjonali li jikkonċernaw il-produzzjoni tagħhom u l-funzjonament tagħhom, sakemm ma jkunux ġew manifestament immodifikati wara li jkunu ħarġu mill-fabbrika tal-manifattur. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li għandhom ċertifikat ta’ konformità Komunitarju validu għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat nazzjonali li jiċċertifika l-konformità mar-rekwiżiti nazzjonali ma hijiex permessa ( 8 ). |
44. |
Il-vetturi li jkunu ġew approvati f’wieħed mill-Istati Membri b’osservanza tar-regoli armonizzati jistgħu sussegwentement jiġu kkummerċjalizzati legalment fl-Unjoni kollha. |
45. |
Għalhekk, permezz tal-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip fil-livell tal-Unjoni ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-kontrolli tal-konformità mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2003/37, kif ukoll mid-direttivi separati, li jkunu twettqu mill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni tad-diversi Stati Membri ( 9 ). |
46. |
L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva għalhekk jipprevedi li “[k]ull Stat Membru għandu jirreġistra vetturi ġodda tat-tip approvat, jippermetti l-bejgħ tagħhom jew jippermetti d-dħul tagħhom fis-servizz għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni u t-tħaddim tagħhom biss jekk ikunu akkumpanjati b’ċertifikat validu ta’ konformità”. Bl-istess loġika, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 ( 10 ) jiddisponi li “[l]-Istati Membri għandhom joħorġu permess għat-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew għad-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi […] biss li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament”. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament jindika li “[l]-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, ifixklu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi […] abbażi ta’ raġunijiet relatati mal-aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn dan ir-Regolament, jekk huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tiegħu”. |
47. |
Il-fatt li l-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip hija maħsuba biex tiġi applikata għal tip ta’ vetturi qabel il-produzzjoni f’serje tiegħu ma jeskludix, fil-fehma tiegħi, li Stat Membru jista’ jislet konsegwenzi mill-konstatazzjoni li vettura użata li tiġi importata minn pajjiż terz ma jkollhiex ċertifikat ta’ konformità, li huwa l-każ fil-kuntest tal-kawża prinċipali. |
48. |
Kif tindika Agrodetalė fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, it-tratturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom attestazzjonijiet ta’ konformità jew approvazzjonijiet li huma miżmuma fiċ-ċentru nazzjonali tal-ittestjar tal-vetturi. Skont Agrodetalė, l-unika raġuni li tiġġustifika li dawn it-tratturi ma għandhomx ċertifikat ta’ konformità hija li l-emissjonijiet li jniġġsu tagħhom jaqbżu bi ftit partijiet minn għaxra ta’ punt perċentwali r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-vetturi. |
49. |
Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, għalhekk jidhirli li t-tratturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx ċertifikat ta’ konformità minħabba li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tekniċi tad-Direttiva 2000/25/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2000, dwar l-azzjoni li għandha tittieħed kontra l-emissjonijiet ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni għat-tmexxija ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija u li temenda d-Direttiva 74/150 ( 11 ). |
50. |
Huwa importanti li jiġi rrilevat li vettura ġdida li tiġi importata minn pajjiż terz fi Stat Membru ma tistax tiġi rreġistrata f’dan tal-aħħar jekk tkun tagħmel parti minn kategorija ta’ vetturi koperta mid-Direttiva 2003/37 u jekk ma tkunx tappartjeni għal tip ta’ vetturi li kien suġġett għal approvazzjoni tat-tip tal-KE. |
51. |
Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, il-post ta’ produzzjoni tal-vettura. Kif tinnota ġustament il-Kummissjoni, l-għoti ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ma huwiex marbut mal-post ta’ produzzjoni ta’ vettura ġdida. Id-Direttiva 2003/37 għandha għalhekk tiġi applikata bl-istess mod, kemm jekk il-vettura ġdida kienet ġiet prodotta fl-Unjoni kif ukoll jekk barra minnha. |
52. |
Barra minn hekk nirrileva li, kif indikat il-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi ( 12 ), id-dritt li għandhom il-vetturi ġodda kollha prodotti b’konformità ma’ tip ta’ vettura approvat minn Stat Membru wieħed li jkunu kkummerċjalizzati u rreġistrati liberament fl-Istati Membri l-oħrajn “japplika għal dawn il-vetturi kollha, irrispettivament mill-oriġini tal-produzzjoni tagħhom. Dan ifisser li […] l-vetturi prodotti barra mill-[Unjoni] jistgħu jiġu importati liberament fl-[Unjoni], diment li l-manifattur ikun iċċertifika li dawn ġew prodotti b’konformità ma’ tip ta’ vettura approvat f’wieħed mill-Istati Membri tal-[Unjoni]” ( 13 ). |
53. |
Għalhekk, ir-rekwiżit tal-pussess ta’ ċertifikat ta’ konformità validu, li huwa stabbilit mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/37, japplikax mhux biss għall-vetturi ġodda prodotti fl-Unjoni, iżda wkoll għall-vetturi ġodda prodotti barra mill-Unjoni u li jiġu importati fiha minn pajjiż terz. |
54. |
Fil-fehma tiegħi, ikun paradossali u potenzjalment jista’ jwassal għal abbuż li kieku jiġi aċċettat li vettura użata li tiġi importata fl-Unjoni minn pajjiż terz tkun tista’ tiġi rreġistrata meta ma jkollhiex ċertifikat ta’ konformità. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-Istat Membru li fih tiġi importata din il-vettura huwa ġġustifikat li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/37, jirrifjuta li jirreġistra l-imsemmija vettura. |
55. |
Fil-fatt, inqis li, f’sitwazzjoni bħal din, vettura użata li tiġi importata minn pajjiż terz, li ma kinitx suġġetta għal approvazzjoni tat-tip tal-KE u li hija maħsuba biex tintuża għall-ewwel darba fl-Unjoni, għandha titqies li hija vettura ġdida u konsegwentement tiġi suġġetta għall-istess sistema legali bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/37. |
56. |
Diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jirreferu għall-kunċett ta’ “vetturi ġodda” [l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 23(1)(b)], iżda mingħajr ma jiddefinixxuh. |
57. |
Id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett tinsab, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 3(37) tar-Regolament Nru 167/2013. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li “vettura ġdida” tfisser “vettura li qatt ma ġiet reġistrata qabel jew qatt ma ġiet imdaħħla fis-servizz”. Kemm l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2003/37 kif ukoll l-Artikolu 3(40) tar-Regolament Nru 167/2013 jindikaw li tali dħul fis-servizz għandu jiġi ddefinit bħala l-ewwel użu ta’ vettura fl-Unjoni. |
58. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, huwa possibbli li jitqies li d-Direttiva 2003/37 tapplika għall-vetturi użati, li jiġu importati minn pajjiż terz u li jintużaw għall-ewwel darba fl-Unjoni. |
59. |
Barra minn hekk, inqis li huwa xieraq li tiġi applikata, b’analoġija, il-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fil-paragrafu 72 tal-Gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju 2006/42/KE ( 14 ). Fil-fatt, il-Kummissjoni tindika f’din id-dispożizzjoni li, “[b]’mod ġenerali, id-Direttiva dwar il-Makkinarju ma tapplikax għat-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju użat jew second-hand” u li hemm “eċċezzjoni waħda għal din ir-regola ġenerali”. Fil-fatt, “[i]d-Direttiva dwar il-Makkinarju tapplika għal makkinarju użat jew second-hand li jkun sar disponibbli għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni jew l-użu barra l-[Unjoni], meta sussegwentement jiġi mqiegħed fis-suq jew imqiegħed għas-servizz għall-ewwel darba fl-[Unjoni]” ( 15 ). |
60. |
Kif jindika, essenzjalment, il-Gvern Litwan, ir-riferiment fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/37 għall-“vetturi ġodda” huwa spjegat mill-fatt li ma huwiex possibbli li jiddaħħlu fis-servizz fis-suq intern vetturi li jagħmlu parti minn kategoriji koperti minn din id-direttiva u li jiġu prodotti fl-Unjoni mingħajr ma jkunu kisbu approvazzjoni tat-tip tal-KE, li jfisser li dawn il-vetturi ma setgħux jiddaħħlu fis-servizz qabel u għalhekk huma ġodda. B’mod analogu, jekk dawn il-vetturi ġodda prodotti f’pajjiż terz jiġu importati fl-Unjoni, dawn għandhom jiksbu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE qabel ma jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati. |
61. |
Ladarba jitwettqu l-formalitajiet previsti mid-Direttiva 2003/37, il-vetturi jistgħu jiċċirkulaw liberament fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u r-rekwiżiti previsti minn din id-direttiva ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu applikati mill-ġdid għalihom. Għaldaqstant, il-vetturi użati kollha li, fl-istat il-ġdid tagħhom, kienu jaqgħu taħt kategorija koperta mid-dritt sekondarju tal-Unjoni u li ddaħħlu fis-servizz fl-Unjoni jappartjenu għal kategoriji ta’ vetturi li kienu suġġetti għal approvazzjoni tat-tip tal-KE. Fuq il-bażi tal-Artikolu 28 TFUE, il-kummerċ tagħhom bejn l-Istati Membri ma għandux sussegwentement jiġi ostakolat. |
62. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2003/37 fil-fatt għandha l-għan li tiggarantixxi li l-vetturi mqiegħda għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi armonizzati fi ħdan l-Unjoni, iżda l-moviment sussegwenti bejn l-Istati Membri ta’ dawn il-vetturi li t-tip tagħhom kien ġie approvat huwa rregolat fuq il-bażi tad-dritt primarju tal-Unjoni. |
63. |
Kif jirrileva l-Gvern Litwan, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża hija madankollu dik fejn vetturi użati, li għalihom qatt ma kienet ġiet applikata proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE, ġew importati fl-Unjoni minn pajjiż terz, jiġifieri li dawn qatt ma ddaħħlu fis-servizz fl-Istati Membri tal-Unjoni. Bħal dan il-gvern, inqis li dawn il-vetturi mdaħħla fis-servizz għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni għandhom jitqiesu li huma ġodda fis-sens tad-Direttiva 2003/37. |
64. |
Fil-qosor, il-premessa li fuqha huwa bbażat il-moviment liberu tat-tratturi fl-Unjoni hija li dawn kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE meta kienu ġodda, jiġifieri qabel l-ewwel dħul fis-servizz tagħhom. |
65. |
Fil-fehma tiegħi, it-tratturi użati li jiġu importati minn pajjiż terz u li jiddaħħlu fis-servizz għall-ewwel darba fl-Unjoni għandhom jissodisfaw rekwiżit tal-istess livell. |
66. |
Din is-soluzzjoni hija konformi mas-sistema implementata mid-Direttiva 2003/37, li hija bbażata fuq il-prinċipju li l-vetturi kollha li jappartjenu għal kategoriji speċifiċi għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżiti tekniċi uniformi qabel l-ewwel dħul fis-servizz tagħhom fl-Unjoni. |
67. |
Inżid li, kif jirrileva essenzjalment il-Gvern Litwan, jekk wieħed jaċċetta l-interpretazzjoni li l-vetturi użati li jiġu importati fl-Unjoni minn pajjiż terz ma humiex suġġetti għar-rekwiżiti tekniċi armonizzati, ikun hemm riskju li dawn ir-rekwiżiti jiġu evitati. Ikun għalhekk biżżejjed li importatur jew distributur jiddikjara li huwa jimporta vetturi użati biex jeħles mill-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti. Barra minn hekk, kieku r-rekwiżiti tekniċi previsti mid-Direttiva 2003/37 ma kinux japplikaw għall-vetturi użati mqiegħda għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni, l-importaturi tagħhom u d-distributuri tagħhom jiksbu vantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri ta’ vetturi li qatt ma jkunu ddaħħlu fis-servizz. |
68. |
Tali interpretazzjoni tmur ukoll kontra l-għan ta’ tisħiħ tas-suq intern segwit suċċessivament mid-Direttiva 74/150 u sussegwentement mid-Direttiva 2003/37 u issa mir-Regolament Nru 167/2013. Bil-ħolqien ta’ lakuna fl-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi applikabbli għat-tratturi, jiġu ppreġudikati wkoll l-għanijiet intiżi biex jiggarantixxu s-sigurtà fit-toroq, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent. |
69. |
Jekk l-Istati Membri jitħallew jiddefinixxu r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-vetturi użati li jiġu importati min pajjiż terz fl-Unjoni, dan joħloq disparitajiet bejn dawn l-Istati Membri, li jkunu ta’ natura li jostakolaw il-moviment, bejn l-imsemmija Stati, ta’ vetturi użati li kienu importati minn pajjiż terz. Il-frammentazzjoni tas-suq intern li tirriżulta minn dan hija inkompatibbli mhux biss mal-imsemmi għan ta’ tisħiħ tas-suq intern, iżda wkoll mal-prinċipju, espress fil-premessa 4 tad-Direttiva 2003/37, li din tal-aħħar hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali. |
70. |
Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-mekkaniżmu ta’ ekwivalenza previst fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva jistax jiġi implementat fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, “[l]-ekwivalenza ta’ l-approvazzjonijiet tat-tip maħruġa fuq il-bażi tar-regolamenti UN/ECE li huma annessi mal-Ftehim rivedut ta’ l-1958 li jinsab fl-Anness II, Kapitolu B, Taqsima II‑B, li jinsab ma’ din id-Direttiva, hija rikonoxxuta”. L-implementazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu tista’, jekk ikun il-każ, tipprekludi r-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-tratturi użati importati minn Agrodetalė. |
71. |
Fl-aħħar nett, nispeċifika, b’risposta għat-tieni domanda, li l-analiżi preċedenti timmilita favur allinjament tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-ewwel dħul fis-servizz fl-Unjoni ta’ vetturi ġodda u ta’ vetturi użati li jiġu importati fl-Unjoni minn pajjiż terz. Skont dak li jipprevedi l-Artikolu 23(1)(b) tad-Direttiva 2003/37, l-osservanza, mill-vetturi li jiġu importati fl-Unjoni minn pajjiż terz, tar-rekwiżiti tekniċi previsti minn din id-direttiva għalhekk hija imposta fuq il-vetturi mdaħħla fis-servizz għall-ewwel darba fl-Unjoni mill-1 ta’ Lulju 2009 ’il quddiem. |
IV – Konklużjoni
72. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li tingħata risposta lil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja) bil-mod li ġej: |
73. |
Id-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/44/UE, tat-18 ta’ Marzu 2014, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex ikunu jistgħu jiġu rreġistrati fi Stat Membru, il-vetturi użati li jiġu importati fih minn pajjiż terz u li jaqgħu taħt il-kategoriji koperti mill-imsemmija Direttiva 2003/37 għandhom josservaw ir-rekwiżiti tekniċi previsti mill-istess direttiva, qabel l-ewwel dħul fis-servizz tagħhom fl-Unjoni Ewropea u meta dan iseħħ mill-1 ta’ Lulju 2009 ’il quddiem. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 311.
( 3 ) ĠU 2014, L 82, p. 20, iktar ’il quddiem “id-Direttiva 2003/37”.
( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 2, p. 68.
( 5 ) Ara l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2003/37.
( 6 ) Žin., 2014, no 9566, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 3D-396”.
( 7 ) Ara l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 23(1)(b) tad-Direttiva 2003/37.
( 8 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, VAG Sverige (C‑329/95, EU:C:1997:256).
( 9 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Lahousse u Lavichy (C‑142/09, EU:C:2010:694, punt 27).
( 10 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Frar 2013, dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU 2013, L 60, p. 1). Kif jindika l-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar ħassar id-Direttiva 2003/37, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016.
( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 365.
( 12 ) COM(2016) 31 final, ippreżentata fis-27 ta’ Jannar 2016.
( 13 ) Punt 3.2 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni ta’ din il-proposta, p. 5.
( 14 ) Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2006, dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU 2006, L 157, p. 24).
( 15 ) It-tieni edizzjoni ta’ din il-gwida, Ġunju 2010, p. 59.