This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0491
Opinion of Advocate General Bobek delivered on 21 September 2016.#Rainer Typke v European Commission.#Appeal — Access to documents of the institutions — Regulation (EC) No 1049/2001 — Article 3 — Notion of document — Article 2(3) — Documents held by an institution — Characterisation of information contained in a database — Obligation to create a document which does not already exist — None — Existing documents capable of being extracted from a database.#Case C-491/15 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fil-21 ta’ Settembru 2016.
Rainer Typke vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 3 – Kunċett ta’ dokument – Artikolu 2(3) – Dokumenti miżmuma minn istituzzjoni – Klassifikazzjoni ta’ informazzjoni miżmuma f’database – Obbligu li jiġi stabbilit dokument ineżistenti – Assenza – Dokumenti eżistenti li jistgħu jiġu estratti minn database.
Kawża C-491/15 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fil-21 ta’ Settembru 2016.
Rainer Typke vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 3 – Kunċett ta’ dokument – Artikolu 2(3) – Dokumenti miżmuma minn istituzzjoni – Klassifikazzjoni ta’ informazzjoni miżmuma f’database – Obbligu li jiġi stabbilit dokument ineżistenti – Assenza – Dokumenti eżistenti li jistgħu jiġu estratti minn database.
Kawża C-491/15 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:711
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOBEK
ippreżentati fil-21 ta’ Settembru 2016 ( 1 )
Kawża C‑491/15 P
Typke vs Il‑Kummissjoni
“Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament 1049/2001 — Kompetizzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) — Databases — Talba għal aċċess għal tabella li fiha serje ta’ data li saret anonima — Kunċett ta’ dokument — Dokument ġdid jew eżistenti”
I – Introduzzjoni
1. |
R. Typke (l-appellant) ipparteċipa fit-testijiet ta’ aċċess għal żewġ kompetizzjonijiet miftuħa tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (iktar ’il quddiem l-“EPSO”). Wara li ġie informat bir-riżultati tiegħu, huwa talab aċċess, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) ( 2 ), għal tabella li fiha serje ta’ data li saret anonima relatata ma’ dawk it-testijiet sabiex jissodisfa s-suspetti tiegħu dwar diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talbiet tiegħu għal aċċess għal dik id-data. L-appellant ikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. |
2. |
Permezz ta’ dan l-appell, l-appellant jikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ċaħdet ir-rikors tiegħu. Partikolarment, huwa jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-dokument li huwa talab ma kienx jeżisti u l-konklużjoni tagħha li r-Regolament 1049/2001 ma kienx jobbliga lill-EPSO jiġġenera dokument ġdid. |
3. |
Bi qbil mat-talba magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jiffokaw fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dokument eżistenti” fir-rigward ta’ databases elettroniċi – il-kwistjoni legali prinċipali li tqum f’din il-kawża. |
II – Il-kuntest ġuridiku
4. |
Ir-Regolament 1049/2001 jimmira li jintroduċi trasparenza fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk iġib fis-seħħ il-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 1(2) TUE. |
5. |
L-Artikolu 2 tar-Regolament huwa intitolat “Benefiċjarji u skop”. L-Artikolu 2(1) jipprovdi li “kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.” Skont l-Artikolu 2(3), “dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.” |
6. |
L-Artikolu 3 fih għadd ta’ definizzjonijiet. B’mod partikolari Artikolu 3(a) jipprovdi li “‘dokument’ tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju [format] tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż [awdjoviż iv]) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”. |
7. |
L-Artikolu 6 jinkludi r-regoli dwar it-talbiet għal aċċess għal dokument. Skont din id-dispożizzjoni: “(1) Applikazzjonijiet [talbiet] għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mill-ilsna msemmija fl-Artikolu 314 tat-Trattat tal-KE u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument. L-applikant [Il-persuna li tressaq it-talba] mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni. (2) Jekk applikazzjoni m’hijiex preċiża biżżejjed, l-istituzzjoni għandha titlob lill-applikant sabiex jiċċara l-applikazzjoni u għandha tgħin l-applikant f’dan il-proċess billi, per eżempju, tagħti tagħrif dwar l-użu tar-reġistri pubbliċi ta’ dokumenti. (3) Fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, l-istituzzjoni involuta tista’ tkellem lill-applikant b’mod informali, sabiex isibu soluzzjoni imparzjali. (4) L-istituzzjoni għandha tagħti tagħrif u għajnuna lil ċittadini dwar kif u fejn l-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti jistgħu jsiru”. |
8. |
Finalment, l-Artikolu 10 jittratta l-prattikalitajiet ta’ aċċess attwali għad-dokumenti ladarba talba tkun ġiet milqugħa. Skont l-Artikolu 10(1) “L-applikant [Il-persuna li tressaq it-talba] għandu jkollu aċċess għad-dokumenti jew billi jarhom fil-post jew billi jirċievi kopja, inkluż, fejn disponibbli, kopja elettronika, skond il-preferenza ta’ l-applikant […]”.Skont l-Artikolu 10(3), “Dokumenti għandhom jiġu forniti f’verżjoni u format eżistenti (inklużi dawk elettroniċi jew f’format alternattiva bħal Braille, tipa kbira jew tejp) b’kull kunsiderazzjoni tal-preferenza ta’ l-applikant”. |
III – Il-fatti u l-proċeduri legali
9. |
R. Typke huwa membru tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa ħa sehem fit-testijiet ta’ aċċess għal żewġ kompetizzjonijiet miftuħa tal-EPSO għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fil-grad AD5 u AD7 rispettivament. Wara li ġie informat bir-riżultati tiegħu, l-appellant ressaq żewġ talbiet suċċessivi quddiem l-EPSO għal aċċess għal dokumenti bil-ħsieb li jivverifika jekk it-testijiet li għamel kinux ġew organizzati f’manjiera konsistenti mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. B’mod partikolari l-appellant issuspetta li ċerti żbalji ta’ traduzzjoni seta’ kellhom impatt negattiv fuq ċerti gruppi lingwistiċi. |
10. |
Fl-ewwel talba tiegħu (Proċedura Gestdem 2012/3258), l-appellant talab aċċess għal “tabella” li fiha serje ta’ data li saret anonima fuq it-testijiet li qagħdu għalihom madwar 45000 kandidat. Dik it-tabella kienet tkun tinkludi informazzjoni fil-forma ta’ kodiċijiet ta’ identifikazzjoni għal kull kandidat li tabbina l-kandidat mal-mistoqsijiet li huwa jkun wieġeb; kodiċijiet ta’ identifikazzjoni għal kull mistoqsija magħmula mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut tagħha; it-tip ta’ mistoqsija; il-lingwa li fiha kull mistoqsija ġiet magħmula lil kull kandidat; u l-ħin iddedikat minn kull kandidat sabiex iwieġeb kull mistoqsija. |
11. |
Sitt xhur wara, fit-tieni talba tiegħu (Proċedura Gestdem 2013/0068), l-appellant ma pprovax jikseb tabella li tiġbor l-informazzjoni kollha mitluba. Minflok, talab aċċess għal partijiet mid-dokumenti eżistenti f’forma elettronika li jkun fihom l-istess informazzjoni bħal dik koperta fl-ewwel talba tiegħu, kif ukoll il-livell ta’ diffikultà ta’ kull mistoqsija mpoġġija lil kull kandidat. |
12. |
Fir-rigward tal-ewwel proċedura, l-EPSO ċaħad l-ewwel talba fid-9 ta’ Awwissu 2012. L-EPSO ammetta li kellu din l-informazzjoni. Però, stqarr li d-dokument mitlub ma kienx jeżisti. Abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 1049/2001, l-appellant imbagħad ressaq talba konfermatorja li titlob lill-istituzzjoni sabiex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni essenzjalment ikkonferma l-pożizzjoni tal-EPSO. Huwa spjega li r-Regolament 1049/2001 ma kienx jobbliga lill-EPSO jwettaq operazzjonijiet informatiċi sabiex tiġi estratta informazzjoni rreġistrata f’diversi databases. |
13. |
Fir-rigward tat-tieni proċedura, l-EPSO naqas milli jirrispondi għat-tieni talba mressqa mill-appellant. Sussegwentement, l-appellant ressaq quddiem il-Kummissjoni talba konfermatorja. |
14. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2013 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet it-talba konfermatorja fl-ewwel proċedura abbażi tar-raġunijiet segwenti: l-ewwel, id-dokument mitlub ma kienx jeżisti. It-tħejjija tat-tabella mitluba tkun tinvolvi mhux biss l-estratt ta’ informazzjoni dwar għexieren ta’ eluf ta’ testijiet relevanti minn diversi databases, iżda wkoll ta’ informazzjoni minn databases oħra, bħad-database ġenerali ta’ mistoqsijiet. It-tieni, l-għoti ta’ aċċess għal dokument bħal dan ikun jinvolvi wisq xogħol amministrattiv. |
15. |
Xahar wara, permezz ta’ ittra ddatata t-13 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ħadet it-“tieni deċiżjoni kkontestata”. F’dik l-ittra l-Kummissjoni naqset milli tindirizza s-sustanza tat-tieni talba konfermatorja. Għalhekk, l-appellant interpreta l-ittra, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament, bħala rispons negattiv għat-talba konfermatorja tiegħu fit-tieni proċedura. Fis-27 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni sussegwentement ħadet tardivament deċiżjoni espliċita ta’ rifjut f’dik il-proċedura. |
IV – Is-sentenza appellata u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
16. |
Quddiem il-Qorti Ġenerali, R. Typke talab l-annullament tal-ewwel u tat-tieni deċiżjonijiet ikkontestati abbażi li dawn kisru r-Regolament 1049/2001. Il-Kummissjoni sostniet li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara li, fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita ta’ rifjut fit-tieni proċedura, fis-27 ta’ Mejju 2013, ma kienx hemm lok li tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors sa fejn dan kien jirrigwarda l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors sa fejn dan kien jikkonċerna l-ewwel deċiżjoni kkontestata. |
17. |
Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-argumenti tal-Kummissjoni ( 3 ) Hija ddikjarat li ma kienx hemm iktar lok li tiddeċiedi fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li tirrifjuta l-aċċess fit-tieni proċedura (punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata), ċaħdet ir-rikors fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kkontestata (punt 2), u kkundannat lil R. Typke għall-ispejjeż (punt 3). Il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari sostniet li d-dokument mitlub fl-ewwel proċedura ma kienx dokument eżistenti li seta’ jintalab aċċess għalih skont ir-Regolament 1049/2001. |
18. |
Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellant isostni li punti 2 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandhom jiġu annullati. Huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat is-sens ċar tal-provi billi ddikjarat li l-appellant ma kienx talab l-aċċess għal dokumenti eżistenti fl-ewwel proċedura. Minbarra dan, l-appellant jitlob li tiġi annullata d-deċiżjoni adottata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea fl-ewwel proċedura (Gestdem 2012/3258). |
19. |
Il-qofol ta’ dan l-appell huwa l-iżball ta’ liġi allegat imwettaq fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dokument eżistenti” fir-rigward ta’ databases elettroniċi. F’dan ir-rigward, l-appellant iressaq aggravju wieħed maqsum f’żewġ fergħat relatati. |
20. |
Fl-ewwel lok, l-appellant jissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tar-Regolament 1049/2001, b’mod partikolari, tal-Artikoli 3(a) u 4(6) tiegħu. Hija assumiet b’mod żbaljat li l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għal databases relazzjonali tirrikjedi distinzjoni bejn l-aċċess parzjali għad-dokumenti inklużi f’database relazzjonali, u s-sempliċi aċċess għall-informazzjoni inkluża f’din id-database. |
21. |
Fit-tieni lok, l-appellant jirrileva li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddikjarat li t-talba tal-appellant ma kinitx tirreferi għal dokument eżistenti iżda għal wieħed ġdid u, fi kwalunkwe każ, li ma kinitx tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. L-appellant isostni b’mod partikolari li l-kombinazzjoni ta’ data mitluba tammonta għal dokument, skont it-tifsira tar-Regolament, billi tista’ tinkiseb minn tfittxija fid-database permezz ta’ għodod ta’ tfittxija disponibbli għad-database inkwistjoni. Ir-Regolament ma kienx jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu talba għal aċċess għal database relazzjonali li tirrikjedi l-formulazzjoni ta’ mistoqsijiet f’lingwaġġ ta’ mistoqsijiet strutturati (mistoqsijiet “Structured Query Language”, iktar ’il quddiem “mistoqsijiet SQL”) li ma kinux ipprogrammati minn qabel jew użati mill-istituzzjoni mitluba fuq bażi regolari għad-database inkwistjoni. Iktar minn hekk, is-sentenza appellata tkun tmur kontra l-effet utile tar-Regolament. Effettivament l-aċċess ikun ristrett għad-data li l-EPSO jkun iddeċieda ex ante li jikkomunika lill-pubbliku ġenerali. Istituzzjoni tista’ wkoll intenzjonalment tipprekludi l-aċċess għad-databases. |
22. |
Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni b’mod notevoli tirrileva li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-kunċett ta’ “dokument eżistenti”. Huma biss ir-riżultati ta’ mistoqsijiet SQL miktubin minn qabel li jistgħu jitqiesu bħala dokumenti eżistenti. Id-dokument mitlub, li jinvolvi t-tħejjija ta’ mistoqsijiet SQL ġodda, ma jistax jinsab permezz ta’ tfittxija normali jew ta’ rutina fis-sens tas-sentenza Dufour vs Il-BĊE ( 4 ). Iktar minn hekk, l-effet utile tar-Regolament ma jkunx imminat ladarba r-Regolament ma jimmirax li jissodisfa l-bżonnijiet taċ-ċittadini għal informazzjoni ġenerali. Skont il-Kummissjoni, l-appellant ma ressaqx evidenza li tagħti x’tifhem li l-Kummissjoni kienet intenzjonalment ħassret skedi SQL bi ħsieb sabiex taħbi dokument. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż. |
V – Evalwazzjoni
23. |
Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. L-ewwel, sejjer neżamina l-kunċett ta’ “dokument” fil-kuntest ta’ databases elettroniċi bl-iskop li ninterpreta r-Regolament 1049/2001 (Taqsima A). It-tieni, sejjer nanalizza x’jammonta, fl-istess kuntest, għal dokument “eżistenti,” għall-kuntrarju tal-ħolqien ta’ dokument “ġdid” (Taqsima B). It-tielet, lura għall-każ inkwistjoni, ser nikkunsidra jekk it-tabella li talab l-appellant tistax tikkwalifika bħala “dokument eżistenti” (Taqsima Ċ). |
A – Il-kunċett ta ’ dokument u l-modalitajiet ta ’ aċċess fl-era diġitali
24. |
Ir-Regolament 1049/2001 huwa espressjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TEU ( 5 ). Għandu l-għan li jagħti l-iktar effett possibbli lid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti lill-pubbliku ( 6 ) bil-għan li jżid it-trasparenza fix-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-UE, b’hekk jagħmel lil dawn l-istituzzjonijiet iktar leġittimi u responsabbli lejn iċ-ċittadini ( 7 ). |
25. |
Bl-iskop li jilħaq dawn l-għanijiet, il-leġiżlatur adotta tifsira pjuttost wiesgħa tal-kunċett ta’ “dokument” fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament. Skont dik id-dispożizzjoni, “dokument” tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju [format] tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”. |
26. |
Minn dik id-definizzjoni estensiva, isegwi li dokument jista’ jkun: kwalunkwe kontenut, fuq kwalunkwe format, dwar kwalunkwe attività tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
27. |
B’analoġija, tifsira wiesgħa simili tal-kunċett ta’ “dokument” tinstab fid-Direttiva 2003/98/KE. ( 8 ) L-Artikolu 2(3) ta’ dik id-direttiva jiddefinixxi “dokument” bħala “kull kontenut ikun x’ikun il-mezz [format] tiegħu (miktub fuq karta jew maħżun f’forma elettronika jew rekordjar bħala ħoss, viżwali jew awdjoviżwali)”, jew kull parti ta’ dak il-kontenut. Il-premessa 11 ta’ dik id-direttiva żżid li “dokument” jista’ jkun “kull rappresentazzjoni ta’ atti, fatti jew informazzjoni – u kull kumpliazzjoni ta’ dawk l-atti, fatti jew informazzjoni – ikun x’ikun il-mezz [format] tagħhom (miktuba fuq karta, jew maħżuna f’format elettroniku jew bħala rrekordjar ta’ ħoss, viżwali jew awdjoviżwali), miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku”. |
28. |
Għaldaqstant, jidher li virtwalment kollox, kull data, set ta’ data, jew ġabra ta’ informazzjoni tista’ titqies bħala dokument għall-finijiet tar-Regolament 1049/2001. |
29. |
Madankollu, minkejja l-kunċett ċertament wiesa’ ta’ “dokument”, it-tifsira attwali tiegħu hija pjuttost imċajpra fir-rigward ta’ databases elettroniċi u/jew tad-dokumenti li jinsabu f’dawn id-databases. Dan jinkludi kull tip ta’ data kkodifikata f’database? Għandu jingħata aċċess għal kwalunkwe kombinazzjoni ta’ data li possibbilment tista’ tittieħed mid-databases, wara tfittxijiet kumplessi? |
30. |
Minbarra sentenza waħda tal-Qorti Ġenerali, ( 9 ) ftit hemm gwida li tista’ tinstab fil-ġurisprudenza aġġornata tal-Unjoni dwar id-definizzjoni ta’ “dokument” fil-kuntest ta’ databases elettroniċi. Madankollu, fuq il-bażi tal-gwida utli li hemm f’dik id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif ukoll tal-ittra u tal-ispirtu tar-Regolament, nissuġġerixxi li minn tal-inqas tliet tipi ta’ informazzjoni f’databases elettroniċi jistgħu jitqiesu bħala “dokument” għall-finijiet tar-Regolament 1049/2001:
|
31. |
B’mod ġenerali, kwalunkwe minn dawk it-tlieta jew ilkoll f’daqqa jistgħu jitqiesu bħala dokumenti fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament. Ma jistax jingħad b’mod astratt jekk jikkwalifikawx bħala “dokumenti” f’każ individwali. Ikun jiddependi minn għadd ta’ varjabbli, b’mod notevoli t-tip u l-istruttura speċifika tad-database partikolari u l-formulazzjoni tat-talba nnifisha fil-każ individwali. Naturalment, hemm differenza vasta bejn, minn naħa, spreadsheet sempliċi li fiha għaxar ringieli b’żewġ kolonni ta’ sempliċi ċifri u, min-naħa l-oħra, database relazzjonali kumplessa b’kodifikazzjoni estensiva meħtieġa sabiex tagħti struttura lid-data mhux ipproċessata u li potenzjalment taħdem fuq diversi servers. |
32. |
Madankollu, għandhom jingħadu xi rimarki ġenerali sabiex inpoġġu l-kunċett wiesa’ ta’ “dokument” fir-rigward ta’ databases elettroniċi fil-kuntest xieraq tiegħu (għall-inqas mal-ewwel ħarsa) |
33. |
Jidher ċar li l-fatt li ġabra ta’ informazzjoni tikkwalifika bħala “dokument” skont ir-Regolament ma jfissirx awtomatikament li hemm dritt ta’ aċċess għal dak id-dokument. Huwa wkoll stabbilit li l-aċċess għal dokumenti jista’ jkun legalment limitat għal raġunijiet sostantivi jew prattiċi. Iktar minn hekk, dawk iż-żewġ tipi ta’ raġunijiet ma jeskludux lil xulxin. |
34. |
Minn naħa, l-aċċess jista’ jkun limitat jew saħansitra pprojbit għal raġunijiet sostantivi. L-Artikolu 4 tar-Regolament jelenka dawn ir-raġunijiet. Dawn jikkostitwixxu eċċezzjonijiet legali għal aċċess (sħiħ) għal dokumenti. Dawk l-eċċezzjonijiet sostantivi huma konnessi ma’ għadd ta’ interessi jew valuri li jipprevalu, bħall-interess pubbliku, ( 10 ) il-privatezza u l-integrità tal-individwu u l-protezzjoni ta’ data personali ( 11 ) u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( 12 ). |
35. |
Però, għandu jkun enfasizzat b’mod ċar li l-eżistenza ta’ eċċezzjoni bħal din f’każ konkret ma għandha l-ebda piż fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dokument” innifsu. Dan huwa rifless b’mod notevoli bil-fatt li l-proċedura sabiex jinkiseb aċċess għal dokumenti hija magħmula minn żewġ stadji distinti li għandhom jiġu eżaminati b’mod awtonomu ( 13 ). L-ewwel, hemm dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament? It-tieni, hemm raġunijiet sostantivi li jiġġustifikaw restrizzjoni jew saħansitra projbizzjoni ta’ aċċess? Eċċezzjonijiet huma distinti minn definizzjonijiet. L-eżistenza ta’ eċċezzjonijiet potenzjali ma għandhiex tillimita l-portata tal-kunċett ta’ “dokument”. Fi kliem ieħor, ma huwiex permess raġunar b’lura: il-fatt li parti mid-dokument jew id-dokument kollu jista’ ma jkunx aċċessibbli minħabba li tapplika xi waħda mill-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 ma jfissirx li ma hemmx “dokument”. |
36. |
Min-naħa l-oħra, l-aċċess għal “dokument” jista’ jkun limitat minħabba raġunijiet prattiċi. Tlieta minnhom ser jissemmew bħala ta’ relevanza partikolari fil-kuntest tal-aċċess għal dokumenti elettroniċi. |
37. |
L-ewwel nett, l-aċċess huwa kondizzjonali fuq it-tressiq ta’ talba preċiża. B’mod ġenerali, huwa f’idejn il-persuna li tressaq it-talba li tidentifika d-“dokument” preċiż li hija tixtieq tikseb. Dan ir-rekwiżit jirriżulta mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament. Skont dawk id-dispożizzjonijiet, talbiet għal aċċess għal dokument għandhom isiru “b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument […]. Jekk applikazzjoni [talba] m’hijiex preċiża biżżejjed, l-istituzzjoni għandha titlob lill-applikant [persuna li tressaq it-talba] sabiex jiċċara l-applikazzjoni u għandha tgħin l-applikant f’dan il-proċess billi, per eżempju, tagħti tagħrif dwar l-użu tar-reġistri pubbliċi ta’ dokumenti”. |
38. |
Wieħed jista’ jifhem li r-rekwiżit ta’ preċiżjoni jista’ joħloq problemi prattiċi f’każijiet meta persuna li tressaq talba tkun qiegħda titlob aċċess għal datasets jew għal data mhux ipproċessata mingħajr ma tkun taf l-istruttura eżatta tad-database inkwistjoni. F’każijiet bħal dawn, forsi għandha ssir iktar enfasi fuq ir-rekwiżit tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament li jipprovdi li l-istituzzjoni għandha tassisti b’mod raġjonevoli lill-persuna li tressaq it-talba sabiex tiċċara t-talba tagħha. Fi kwalunkwe każ, xejn ma jipprekludi li titressaq talba ġdida għal aċċess għal dokumenti mill-istess persuna, b’għarfien aħjar tal-istruttura tad-database inkwistjoni, ibbażat fuq ċaħda jew ċaħdiet preċedenti. |
39. |
It-tieni nett, id-daqs tad-dokument ma għandux piż fuq il-klassifikazzjoni tiegħu bħala “dokument”. Madankollu, jista’ jkollu impatt fuq il-modi li bihom jingħata aċċess. Dan jirriżulta mill-Artikolu 6(3) u, ukoll, mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament 1049/2001. Tal-ewwel jipprovdi li l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tikkonsulta informalment mal-persuna li tressaq it-talba, bl-iskop li tinstab soluzzjoni ġusta ( 14 ), fil-każ ta’ talba relatata ma’ dokument twil ħafna jew ma’ għadd kbir ta’ dokumenti. Tal-aħħar jistabbilixxi sensiela ta’ metodi li bihom dokumenti jistgħu jkunu aċċessati bħal pereżempju konsultazzjoni fuq il-post (possibbilment għal dokumenti estensivi jew sensittivi). |
40. |
Iż-żewġ dispożizzjonijiet jagħmluha ċara wkoll li r-Regolament 1049/2001 huwa dwar id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, iżda mhux neċessarjament dwar id-dritt li wieħed jikseb kopji ta’ dokumenti. Iż-żewġ dispożizzjonijiet huma ta’ importanza kunsiderevoli għad-dokumenti elettroniċi, li fir-rigward tagħhom diversi limitazzjonijiet “fiżiċi” relatati mal-volum li jista’ raġonevolment jintalab ( 15 ) fil-biċċa l-kbira ma jibqgħux japplikaw. Dawk id-dispożizzjonijiet jimplikaw li xi limitazzjonijiet raġonevoli u proporzjonati jistgħu jiġu imposti fuq il-kwantità ta’ kopji ta’ dokumenti elettroniċi li jistgħu jinkisbu mill-amministrazzjoni pubblika. |
41. |
It-tielet nett, il-piż amministrattiv li jiġi mal-għoti ta’ aċċess għal dokumenti jista’ jkun ukoll fattur. L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li jingħata xi tip ta’ aċċess għal “dokument” kopert bir-Regolament 1049/2001 sakemm, f’ċirkustanzi tassew eċċezzjonali, ix-xogħol li dan jinvolvi huwa sproporzjonat. ( 16 ) L-istituzzjonijiet jistgħu jibbilanċjaw l-interess tal-persuna li tressaq it-talba għal aċċess max-xogħol li jirriżulta mill-ipproċessar tat-talba għal aċċess sabiex jiġu mħarsa l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba. ( 17 ) |
B – Dokument eżistenti
42. |
Il-kunċett ta’ “dokument”, inklużi dokumenti f’forma elettronika, fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa wiesa’. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dritt ta’ aċċess għal “dokumenti” miżmuma minn xi istituzzjoni japplika biss għal dokumenti eżistenti fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata. ( 18 ) |
43. |
Il-fatt li jiġi limitat l-aċċess għal “dokumenti eżistenti” jirriżulta b’mod ċar kemm mill-ittra u kemm mill-ispirtu tar-Regolament. Fir-rigward tat-test, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament jirrikjedi li l-persuna li tressaq it-talba tindika preċiżament liema dokumenti tkun qiegħda titlob sabiex “tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument”. ( 19 ) Bl-istess mod, skont l-Artikolu 10(3), “dokumenti għandhom jiġu forniti f’verżjoni u format eżistenti”. ( 20 ) It-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet juri li l-aċċess għal dokumenti għandu jkun limitat għal dokumenti eżistenti. |
44. |
L-ispirtu tar-Regolament għandu bħala għan li jtejjeb it-trasparenza. It-trasparenza tirrikjedi t-tqassim ta’ dokumenti li huma fil-fajl mal-istituzzjonijiet. Kif sottomess mill-Kummissjoni f’dan il-każ, l-iskop kollu tat-trasparenza huwa sabiex iċ-ċittadin jitqiegħed fl-istess livell ta’ uffiċjal tal-istituzzjonijiet. B’hekk, kemm iċ-ċittadini u kemm l-uffiċjali huma, fil-prinċipju, mogħtija aċċess għall-istess dokumenti. Fil-prattika dan ifisser li ċittadin jista’ jaqra l-istess fajls u dokumenti bħal uffiċjal li jaħdem fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, sew jekk fuq karta u kemm fuq l-iskrin, fuq il-post jew f’post iktar imbiegħed. Għall-kuntrarju, ir-Regolament ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-istituzzjonijiet jibdew jiġġeneraw dokumenti li huma mhux diġà għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. |
45. |
Madankollu, id-distinzjoni bejn dokument “eżistenti” u wieħed “ġdid” issir iktar imċajpra fil-kuntest ta’ databases elettroniċi. Fir-rigward tal-karta, jekk test partikolari jew porzjon minnu jkunx diġà miktub xi mkien jew le jista’ xi kultant ikun problematiku f’termini ta’ prova, iżda mhux ladarba jkun ġie stabbilit li tali dokument jeżisti fiżikament. Madankollu, fir-rigward ta’ databases elettroniċi t-terminu “dokument eżistenti” huwa iktar diffiċli li jiġi kkonċettwalizzat. Jiddependi mill-istruttura u l-organizzazzjoni interna tagħha, ħafna informazzjoni tista’ tinkiseb minn database elettronika, spiss bi sforz minimu. Simili ħafna għal meta wieħed iħares f’kalejdoskopju, rotazzjoni żgħira (kmand jew klikk) tista’ tbiddel l-istampa kompletament. Però l-mistoqsija hija: dak id-“dokument” preċiż kien jeżisti fil-konfigurazzjoni ta’ data speċifika tiegħu qabel il-klikk, sabiex b’hekk jikkostitwixxi “dokument eżistenti”, li għalih għandha dritt ta’ aċċess persuna li tressaq talba f’dan ir-rigward, jew ikun ġie ġġenerat “dokument ġdid” permezz tal-klikk, li għalih il-persuna li tressaq it-talba ma għandha ebda dritt ta’ aċċess? |
46. |
Mingħajr ma nixtieq nidħol f’dibattiti ontoloġiċi profondi dwar in-natura tal-esseru u tal-eżistenza f’dan l-istadju, forsi huwa ċar li fi sfond teknoloġiku differenzjat bħal dan, distinzjoni statika bejn dokumenti “eżistenti” b’kuntrast ma’ dokumenti “ġodda”, li toriġina fid-dinja tal-karta materjali, għandha mnejn ma tkunx verament ta’ għajnuna. Strettament, dokument li jista’ jiġi ġġenerat faċilment minn database jista’ ma jkunx, fil-mument tat-tressiq tat-talba għal aċċess, “eżistenti” f’dik il-konfigurazzjoni partikolari. Madankollu, id-data tas-sors neċessarja sabiex jiġi ġġenerat tinsab f’dataset ikbar. B’hekk, fil-kuntest partikolari ta’ databases elettroniċi, l-analiżi li twassal għad-distinzjoni bejn dokumenti “eżistenti” u dokumenti “ġodda” għandha forsi tiffoka fuq l-eżami tal-grad tan-natura dinamika u kreattiva tal-proċess li jiġġenera d-dokument mitlub. |
47. |
Fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ “dokument eżistenti” fil-kuntest ta’ databases elettroniċi jista’ jiġi ddelinjat b’żewġ modi: pożittivament u negattivament. Id-definizzjoni pożittiva tibbaża ruħha fuq analoġija mad-dritt sui generis fil-proprjetà intellettwali. ( 21 ) Dan ifisser li, fil-qasam ta’ databases elettroniċi, dokument għandu jitqies bħala “ġdid” jekk ikun ir-riżultat ta’ investiment sostanzjali li jbiddel id-database innifisha. Fi kliem ieħor, l-ammont ta’ xogħol meħtieġ sabiex jiġi ġġenerat id-dokument mitlub fil-forma ta’ database jew ta’ dataset huwa tant kbir li jammonta, de facto, għal database jew għal dataset differenti u b’hekk ġdida. |
48. |
L-eżistenza ta’ investiment sostanzjali bħal dan għandha tiġi eżaminata każ b’każ, fuq il-fatti ta’ kull każ individwali. Madankollu, eżempji illustrattivi li jistgħu jingħataw jistgħu jinkludu sitwazzjonijiet fejn sabiex jiġi ġġenerat id-dokument mitlub permezz ta’ talba, valuri ġodda (oqsma, indiċi, identifikaturi etc) esterni għad-database li diġà teżisti jkollhom jiġi miżjuda; jew, sabiex jiġi ġġenerat id-dokument, ikun meħtieġ tiftix kumpless bejn database u oħra u jkunu meħtieġa operazzjonijiet kumplessi; jew, ukoll, f’każijiet fejn il-ġenerazzjoni tad-dokument mitlub tkun teħtieġ tibdil sostanzjali fl-istruttura nnifisha ta’ database, bħal kodifikazzjoni ġdida jew proċess ta’ indiċi ġdid tad-database. F’dawk l-eżempji kollha, li la huma eżawrjenti u lanqas reċiprokament esklużivi, jidher li “dokument ġdid” ikollu jiġi ġġenerat sabiex tiġi ssodisfatta t-talba għal informazzjoni. |
49. |
Iddefinit b’mod negattiv, “dokument ġdid” fis-sens tar-Regolament aktarx ma jinħoloqx b’sempliċi tħassir jew filtrazzjoni (inkluż anonimizzazzjoni) ta’ xi parti mid-data eżistenti fuq id-database jew dataset. Madankollu, dejjem skont l-istruttura preċiża tad-database, ma tantx huwa probabbli li tali operazzjonijiet jinvolvu investiment (intellettwali) sostantivi, b’hekk ma jkun hemm ebda ħolqien ta’ “dokument ġdid”, iżda biss l-arranġament mill-ġdid ta’ wieħed eżistenti. |
50. |
Eżempji f’dik il-kategorija negattiva jinkludu tfittxijiet normali jew ta’ rutina li jistgħu jsiru bl-użu tal-għodod għat-tiftix disponibbli għad-database inkwistjoni ( 22 ). Madankollu, it-tħassir jew il-filtrazzjoni ta’ xi parti mid-data f’database eżistenti wkoll ma tammontax għall-ħolqien ta’ “dokument ġdid”. Anonimizzazzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, tipikament tip ta’ filtrazzjoni jew operazzjoni ta’ tħassir. Sakemm l-anonimizzazzjoni ma tirrikjedix bidliet fl-istruttura tad-database, din ma tiġġenerax xi valur miżjud peress li tikkonsisti fis-sempliċi tneħħija ta’ ċerta informazzjoni mid-database. |
51. |
Għandu jkun aċċettat b’mod ċar, bħala konklużjoni għal din il-parti, li l-approċċ imsemmi iktar ’il fuq iħeġġeġ interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-kunċett ta’ “dokument eżistenti” fil-kuntest ta’ databases elettroniċi. Ir-raġunijiet huma, kif diġà ġie spjegat, ta’ natura teknika: b’kuntrast mad-dinja tal-karta materjali, jista’ jsir ħafna iżjed b’mod iktar faċli fid-dinja tad-databases elettroniċi. B’hekk, il-kunċett ta’ “dokument eżistenti” interpretat fil-kuntest ta’ databases elettroniċi ma għandux jiffoka fuq l-eżistenza statika u fiżika ta’ dokument fil-mument tat-tressiq tat-talba, iżda fuq il-kwistjoni tal-iskop tal-proċess kreattiv meħtieġ sabiex jiġi ġġenerat id-dokument mitlub. Il-bażi ta’ kejl ta’ investiment sostanzjali fil-kuntest ta’ databases elettroniċi għaldaqstant ikun ifisser, f’termini prattiċi, u forsi b’kuntrast mal-lingwaġġ komuni, li l-kunċett ta’ “dokument eżistenti” ikun jinkludi dokumenti li jistgħu ma kinux jeżistu fiżikament fil-forma speċifika jew fil-konfigurazzjoni speċifika fil-mument tat-tressiq tat-talba għal aċċess għal informazzjoni, iżda li l-preparazzjoni tagħhom hija kwistjoni ta’ operazzjoni mekkanika sempliċi. |
C – Applikazzjoni għal dan il-każ
52. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, issa ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk it-tabella mitluba fl-ewwel talba tal-persuna li ressqet it-talba, li hija s-suġġett ta’ dan l-appell, tammontax għal “dokument” fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001. |
53. |
Kif ikkunsidrat il-Qorti Ġenerali ( 23 ), R. Typke talab speċifikament, fl-ewwel talba tiegħu, għal tabella li tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
54. |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-produzzjoni tat-tabella mitluba kienet tammonta għall-ħolqien ta’ dokument ġdid. It-talba tal-appellant tkun tirrikjedi “ħidma ta’ programmazzjoni informatika, jiġifieri l-iżvilupp ta’ [mistoqsijiet] SQL ġodda u għalhekk, il-ħolqien ta’ riżultat ġdid ta’ tfittxija fid-database […] l-operazzjonijiet li jimplikaw l-ħidma ta’ programmazzjoni […] ma jistgħux jiġu ttrattati bħala tfittxija normali jew ta’ rutina fid-database kkonċernata, imwettqa permezz ta’ għodod ta’ tiftix li huma disponibbli lill-Kummissjoni għal din id-database” ( 24 ). |
55. |
Fl-appell tiegħu, l-appellant essenzjalment jargumenta li l-formulazzjoni ta’ mistoqsija ta’ tfittxija SQL speċifika li tiġġenera d-dokument fil-format ta’ tabella magħmula sabiex tipproduċi l-informazzjoni kollha mitluba minnu speċifikament, tammonta għal tfittxija normali jew ta’ rutina u għalhekk mhux għall-ħolqien ta’ dokument ġdid. |
56. |
Abbażi tal-fatti hekk kif stabbiliti mill-Qorti Ġenerali, relatati mat-tip ta’ databases użati mill-Kummissjoni u mal-formulazzjoni speċifika tal-ewwel talba mressqa mill-appellant, fl-opinjoni tiegħi jidher li sabiex jissodisfa t-talba speċifika tal-appellant, EPSO kien tabilħaqq ikollu joħloq dokument ġdid. |
57. |
Mingħajr ma nixtieq nidħol f’evalwazzjoni fattwali fir-rigward ta’ liema mistoqsijiet SQL huma pprogrammati minn qabel u liema livell ta’ kompetenza fl-ipprogrammar huwa raġonevolment mistenni mill-utenti u/jew amministraturi ta’ databases relazzjonali, jirriżultali li l-ħolqien tat-tabella speċifika mitluba mill-appellant ikun jeħtieġ investiment sostanzjali fis-sens imsemmi fil-parti ta’ qabel. B’mod partikolari, kif deskritt fid-dettall mill-Qorti Ġenerali, kien ikollhom jiġu attribwiti kodiċi ta’ identifikazzjoni ġodda għall-oqsma magħżula tad-database, b’kodifikazzjoni sostanzjali involuta u b’potenzjalment proċess ta’ indiċi involut, u dan kollu fuq diversi databases. |
58. |
Għal dawn ir-raġunijiet, ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-talba mressqa fl-ewwel proċedura ma kinitx tikkonċerna l-aċċess għal “dokument eżistenti”. |
59. |
Għandhom jiġu miżjuda żewġ rimarki konklussivi. L-ewwel nett, f’dan il-każ, jidher li hemm xi fluss fir-rigward tas-suġġett prinċipali preċiż tat-talbiet individwali li saru fiż-żewġ proċeduri, fejn l-appellant donnu jifformula t-talbiet tiegħu b’modi differenti fi stadji differenti. Kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq, fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa xorta waħda d-dmir tal-appellant li jkun speċifiku fir-rigward tas-suġġett prinċipali tat-talba. Min-naħa l-oħra, din ir-riġidità relattiva ( 25 ) f’termini ta’ formulazzjoni tas-suġġett tat-talba hija kkumpensata mill-fatt li persuna li tressaq talba tista’ tressaq talba oħra għal aċċess f’data ulterjuri. |
60. |
It-tieni nett, għandu jitfakkar li t-tliet tipi ta’ dokumenti fil-kuntest ta’ databases elettroniċi msemmijin iktar ’il fuq fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma humiex reċiprokament esklużivi. Għalhekk, il-fatt li l-kombinazzjoni speċifika ta’ data mitluba minn persuna li tressaq talba għal aċċess ma tikkwalifikax bħala “dokument eżistenti” għaliex il-ħolqien tagħha jirrikjedi investiment sostanzjali ma jfissirx li din il-persuna ma tistax tikseb l-informazzjoni li trid permezz tat-tressiq ta’ talba ġdida li fiha titlob aċċess għal data mhux ipproċessata, għal parti mid-database jew għad-database kollha kemm hi. |
61. |
B’hekk, sabiex inkun dirett, persuna ma hijiex intitolata, bis-saħħa tar-Regolament, ikollha aċċess għal dokument “personalizzat” imħejji skont ix-xewqat tagħha, u b’hekk effettivament iddawwar l-amministrazzjoni f’aġenzija ta’ riċerka privata tagħha. Madankollu, dan ma jwaqqafhiex milli twettaq ir-riċerka neċessarja hija nnifisha abbażi tad-data mhux ipproċessata jew tad-dataset mhux ipproċessata. Għal darba oħra, kif diġà ntqal, l-istituzzjonijiet għandhom jiżvelaw dak li għandhom. Madankollu ma humiex obbligati li jibdew jiġġeneraw dokumenti ġodda sostantivi skont ix-xewqat tal-“utenti”. |
62. |
Fl-aħħar nett, l-aċċess alternattiv għal data mhux ipproċessata jkun irregolat mill-istess regoli u eċċezzjonijiet diġà msemmijin fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Partikolarment, fl-għoti ta’ aċċess għal settijiet ikbar ta’ data mhux ipproċessata jew għad-database sħiħa, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa għall-protezzjoni tad-data ta’ kandidati oħra u tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata, kif ukoll għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ persuni terzi relatati ma’ software u programmazzjoni li jinsabu fid-database. Dawk il-kunsiderazzjonijiet, flimkien ma’ oħrajn iktar prattiċi dwar id-daqs tad-dokument effettivament mitlub, jiddeterminaw il-mezzi konkreti li bihom persuna tista’ taċċessa d-dokumenti kkonċernati (pereżempju jekk id-dokument isirx disponibbli permezz ta’ kopja jew biss fuq il-post, possibbilment taħt is-superviżjoni ta’ speċjalista fl-IT u/jew persuna tas-sigurtà). Huwa f’idejn l-istituzzjonijiet sabiex jiddeterminaw il-bilanċ xieraq bejn l-interessi li jikkompetu fil-kuntest ta’ kull każ individwali. |
VI – Konklużjoni
63. |
Għal dawn ir-raġunijiet, u bla ħsara għall-argument dwar l-iżnaturament tal-provi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fir-rigward tal-iżbalji ta’ liġi allegati mill-appellant. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1 Vol. 3, p. 331).
( 3 ) Sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, Typke vs Il‑Kummissjoni (T‑214/13, EU:T:2015:448).
( 4 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs Il-BĊE, (T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 153).
( 5 ) Ara l-premessa 1, kif interpretata mis-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni (C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 72).
( 6 ) Ara l-premessa 4, kif interpretata pereżempju mis-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 33) u tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 69).
( 7 ) Ara l-premessi 2 u 3. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, (C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 54).
( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Novembru 2003, dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 32, p. 701), kif emendata bid-Direttiva 2013/37/UE (ĠU 2013 L 175, p. 1).
( 9 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs Il‑BĊE, (T‑436/09, EU:T:2011:634).
( 10 ) Ara l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament.
( 11 ) Ara l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament.
( 12 ) Ara l-Artikolu 4(2) tar-Regolament.
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, (C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 40); is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 35-36).
( 14 ) Dik is-soluzzjoni tista’ tirrigwarda biss il-kontenut jew l-għadd ta’ dokumenti mitluba. Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014Strack vs Il‑Kummissjoni, (C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 26).
( 15 ) Ara, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament, li tipprovdi li kopji ta’ inqas minn 20 paġna A4 għandhom ikunu b’xejn.
( 16 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014Strack vs Il‑Kummissjoni (C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 28).
( 17 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014Strack vs Il‑Kummissjoni (C–127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 27).
( 18 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014Strack vs Il‑Kummissjoni (C‑127/13 P, EU:C:2014:2250).
( 19 ) Enfasi miżjuda.
( 20 ) Enfasi miżjuda.
( 21 ) Ara d-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Vol 15, p. 459). B’mod partikolari, skont l-Artikolu 7, “Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id- database”. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, (C–338/02, EU:C:2004:696, punt 19 et seq.); tal-15 ta’ Jannar 2015, Ryanair, (C‑30/14, EU:C:2015:10, punt 34); u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb, (C‑202/12, EU:C:2013:850, punt 36).
( 22 ) Fis-sens tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs Il-BĊE, (T‑436/09, EU:T:2011:634, punti 150 u 153).
( 23 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, Typke vs Il‑Kummissjoni, (T‑214/13, EU:T:2015:448, punt 4).
( 24 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, tal-kawża Typke vs Il‑Kummissjoni, (T‑214/13, EU:T:2015:448, punti 67 sa 68, kif ukoll punti 62 sa 64).
( 25 ) “Relattiva” għaliex id-dmir ta’ assistenza raġonevoli fil-kjarifikazzjoni ta’ talbiet mhux preċiżi jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament 1049/2001.