Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0344

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:661

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑344/15

National Roads Authority

vs

The Revenue Commissioners

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Appeal Commissioners (awtorità tal-appell fil-qasam doganali u fiskali (l-Irlanda)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxi — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 13(1) — Persuni taxxabbli — Attivitajiet jew tranżazzjonijiet imwettqa minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku bħala awtoritajiet pubbliċi — Bini u operat ta’ toroq b’pedaġġ — Distorsjonijiet tal‑kompetizzjoni”

Introduzzjoni

1.

It-tassazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il‑“VAT”) tal-attivitajiet ta’ korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi tista’ tidher bla sens. Fil-fatt, din hija sors ta’ kumplikazzjonijiet amministrattivi notevoli, mingħajr ma tipproduċi riżultati oħra viżibbli għall-finanzi pubbliċi ħlief li tittrasferixxi fondi minn kont għall-ieħor. Madankollu, żewġ raġunijiet importanti jimmilitaw favur tali tassazzjoni meta, min-natura tagħha, l-attività tal‑operaturi pubbliċi hija simili għal attività ekonomika ordinarja.

2.

L-ewwel nett, il-prinċipju ta’ ġeneralità tat-tassazzjoni tal-VAT jeħtieġ li kull attività ekonomika tkun, sa fejn huwa possibbli, suġġetta għall-VAT. It-tieni nett, ikun hemm diversi distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jekk mingħajr ma jkunu suġġetti għall-VAT, korpi pubbliċi jwettqu attività taħt l-istess sistema bħal dik li taħtha jeżerċitaw jew jistgħu jeżerċitaw l-operaturi privati ( 2 ).

3.

Huwa għalhekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda li l-attivitajiet eżerċitati minn korpi pubbliċi jkunu taxxabbli meta n-nuqqas ta’ tali tassazzjoni twassal ghal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Dan il‑prinċipju diġà kien is-suġġett ta’ serje ta’ sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja, iżda xorta waħda jibqa’ jqajjem diffikultajiet prattiċi. Din il-kawża toffri l-opportunità li jiġu ttrattati wħud minn dawn id-diffikultajiet u li tissupplimenta l-ġurisprudenza attwali.

Il-qafas ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

4.

Skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( 3 )

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti”.

Id-dritt Irlandiż

5.

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Irlandiż li jittrasponu l‑Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 u applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali kienu l-Artikolu 8(2A) tal-Value Added Tax Act 1972 (liġi dwar il-VAT tal-1972) kif miżjud bl-Artikolu 117(1)(b) tal‑Finance Act 2010 (liġi dwar il-finanzi tal-2010).

6.

In-National Roads Authority, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NRA”), kienet stabbilita mir-Roads Act 1993 (liġi dwar it-toroq tal-1993) bħala awtorità pubblika indipendenti responsabbli mill-kostruzzjoni u l-operat tan-netwerk ta’ toroq pubbliċi nazzjonali. Skont l-Artikolu 17(1) ta’ din il-liġi, il-missjoni prinċipali tagħha hija li tiżgura l-eżistenza ta’ netwerk ta’ toroq nazzjonali sigur u effettiv.

7.

Skont l-Artikoli 56 u 57 tal-liġi dwar it-toroq tal-1993, in-NRA, bħala “awtorità tat-toroq” għat-toroq nazzjonali, għandha d-dritt li tistabbilixxi sistema ta’ pedaġġ f’ċerti toroq nazzjonali. L-Artikolu 61 ta’ din il-liġi jawtorizzaha wkoll tadotta dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni dwar is-sistema ta’ toroq b’pedaġġ.

8.

Konformement mal-Artikolu 58 tal-liġi dwar it-toroq tal-1993, in-NRA hija awtorizzata tiġbor pedaġġ f’ammont ugwali għal dak iffissat minnha stess fid-dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni li hija tadotta. Madankollu, skont l-Artikolu 63 ta’ din il-liġi, in-NRA tista’, permezz ta’ ftehim, tafda l-ġbir ta’ dan il-pedaġġ f’idejn terzi. Dawn il-ftehimiet jimponu wkoll fuq terzi obbligi li jirrigwardaw il-bini u l-manutenzjoni tat-triq b’pedaġġ, jew li jirrigwardaw il-finanzjament tal-bini u l-manutenzjoni ta’ din it-triq, kif ukoll dwar l-operat tagħha matul il-perijodu tal-ftehim.

Il-fatti, l-iżvolġiment tal-proċedura u d-domandi preliminari

9.

Il-parti l-kbira tat-toroq b’pedaġġ fl-Irlanda huma amministrati minn operaturi privati abbażi ta’ ftehimiet konklużi man-NRA. Madankollu, tnejn minn dawn it-toroq, jiġifieri l-Westlink Toll Road (awtostrada b’pedaġġ Westlink) u d-Dublin Tunnel (mina ta’ Dublin, li tgħaqqad lil Dublin mal-port), huma operati min-NRA, li tiġbor pedaġġ minnhom ( 4 ). Għandu jiġi rrilevat li, sax-xahar ta’ Awwissu 2008, il‑Westlink Toll Road kienet ukoll operata minn operatur privat abbażi ta’ ftehim konkluż man-NRA. Madankollu, dan l-operatur irrifjuta li jbati l-ispejjeż marbuta mal-modifika tas-sistema ta’ pedaġġ, b’tali mod li n-NRA rrexxindiet il-ftehim u ħadet lura l-operat dirett ta’ din it-triq.

10.

Il-pedaġġ imħallas mill-utenti tat-toroq, kemm dawk operati mill‑operaturi privati kif ukoll dawk amministrati min-NRA, huwa miżjud bil-VAT. Madankollu n-NRA talbet lir-Revenue Commissioners (l-awtorità fiskali kompetenti) ir-rimbors, għax-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu 2010, tat-taxxa marbuta maż-żewġ toroq nazzjonali li hija tamministra direttament, billi sostniet li fil-kwalità tagħha ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku, hija ma hijiex suġġetta għall-VAT skont id‑dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2006/112. Peress li r-Revenue Commissioners irrifjutat ir‑rimbors tal-VAT, in-NRA ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

11.

Billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, din il-qorti ssospendiet l-proċeduri quddiemha u għamlet dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Jekk korp irregolat mid-dritt pubbliku jeżerċita attività bħal dik li jiġi pprovdut l-aċċess għal triq bi ħlas ta’ pedaġġ u jekk fl-Istat Membru jeżistu strutturi privati li jiġbru pedaġġi fuq toroq oħra skont ftehim mal-korp pubbliku kkonċernat skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13[(1)] tad-Direttiva [2006/112], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp pubbliku kkonċernat għandu jiġi kkunsidrat bħala li qed jikkompeti mal-operaturi privati kkonċernati, b’tali mod li t-trattament tal-korp pubbliku bħala persuna mhux taxxabbli għandu jiġi kkunsidrat bħala li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ ċertu kobor, minkejja l-fatt li (a) ma teżistix kompetizzjoni reali bejn il-korp pubbliku u l-operaturi privati kkonċernati u din ma tistax teżisti u (b) ma huwiex ippruvat li operatur privat għandu l-possibbiltà reali li jidħol fis-suq bil-għan li jibni u jopera triq b’pedaġġ li tikkompeti mat-triq b’pedaġġ operata mill-korp pubbliku?

(2)

Jekk ma teżistix preżunzjoni, liema kriterju għandu jiġi adottat sabiex jiġi ddeterminat jekk teżisti distorsjoni ta’ kompetizzjoni ta’ ċertu kobor skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13[(1)] tad-Direttiva […] 2006/112?”

12.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja fis-6 ta’ Lulju 2015. Il-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l‑istess partijiet, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u dak Pollakk, kienu rrappreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Mejju 2016.

Analiżi

13.

Id-domandi preliminari f’din il-kawża, li għandhom jiġu eżaminati konġuntivament, huma bbażati fuq l-ipoteżi espressament indikata mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha, li tipprovdi li billi tiġbor il-pedaġġi tat-toroq, in-NRA taġixxi fil-kwalità ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel subparagrafu Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2006/112. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li n‑NRA ma tistax eventwalment tkun ikkunsidrata bħala persuna taxxabbli ħlief fil-każ fejn in-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-attività tagħha twassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni. Jekk il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, huwa proprju għaliex hija ppreżumiet li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal‑imsemmija direttiva huwa applikabbli. Madankollu, ma iniex totalment konvint dwar il-fondatezza tal-ipoteżi tal-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, jidhirli li huwa utli li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari dwar din il-kwistjoni ( 5 ).

Il-ġbir ta ’ pedaġġi tat-toroq bħala attività mwettqa minn awtorità pubblika

14.

Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2006/112, il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku ma humiex ikkunsidrati bħala persuni taxxabbli għall-attivitajiet jew tranżazzjonijiet li huma jwettqu “bħala awtoritajiet pubbliċi”. Għalhekk, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk, billi jiġbru l-pedaġġi marbuta mal‑użu tat-toroq pubbliċi, korpi bħan-NRA jaġixxux bħala awtoritajiet pubbliċi.

15.

Jidhirli li huwa evidenti li l-fatt li tiġi żgurata l-eżistenza u l‑funzjonament ta’ infrastrutturi pubbliċi xierqa, bħall-infrastrutturi tat-toroq, huwa missjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi, b’tali mod li l-korpi responsabbli milli jiżguraw it-twettiq ta’ din il-missjoni jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll, f’serje ta’ sentenzi, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura tat-toroq permezz ta’ ħlas ta’ pedaġġ jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-VAT ( 6 ). Dan huwa spjegat b’mod partikolari mill-fatt li, meta tali pedaġġi jinġabru għall-użu ta’ ċerti partijiet tat-toroq, u mhux b’mod ġenerali, għall-użu tan-netwerk ta’ toroq kollu tal-pajjiż, jew għat-toroq kollha ta’ ċerta kategorija, dawn ikunu toroq ta’ standard għoli (pereżempju awtostrada) jew li jippreżentaw rotta speċifika (pereżempju mini jew pontijiet ta’ tul notevoli). F’dawn il-każijiet, teżisti bħala regola ġenerali alternattiva li tippermetti l-wasla fl-istess punt permezz ta’ toroq bla ħlas. It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali triq ma jibqax jaqa’ fil-missjoni tal-awtorità pubblika li tiżgura infrastruttura tat-toroq u jiġi jixbah servizz ta’ natura kummerċjali ( 7 ).

16.

F’dawn l-istess sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) attwali tad‑Direttiva 2006/112 ( 8 ) jitlob interpretazzjoni stretta, jiġifieri limitata għall-funzjonijiet ta’ awtorità pubblika, li teskludi l-attività tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura tat-toroq permezz ta’ pedaġġ ( 9 ). Din il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tinftiehem jekk jiġi kkunsidrat li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, il‑persuni taxxabbli huma l-persuni li jeżerċitaw attività ekonomika ( 10 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/112 jeskludi biss it‑tassazzjoni tal-attività ta’ natura ekonomika, għaliex l-esklużjoni ta’ attività mhux ekonomika ma jkollha ebda sens ( 11 ).

17.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont il-ġurisprudenza tagħha, l‑attivitajiet eżerċitati bħala awtoritajiet pubbliċi huma dawk imwettqa mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku fil-kuntest tas-sistema ġuridika li hija partikolari għalihom, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet li jeżerċitaw fl‑istess kundizzjonijiet ġuridiċi bħall-operaturi ekonomiċi privati ( 12 ).

18.

Billi ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod impliċitu li l-ġbir ta’ pedaġġi tat-toroq jista’ jkun ikkunsidrat kemm bħala attività ta’ awtorità pubblika kif ukoll bħala attività ekonomika ta’ operaturi privati, u dan anki fl-Istati fejn dawn iż-żewġ sistemi ta’ ġbir ta’ pedaġġi jikkoeżistu ( 13 ). Madankollu jiena ma nikkunsidrax li minn dawn is-sentenzi għandu jiġi konkluż li korp pubbliku li jiġbor pedaġġi tat-toroq jaġixxi dejjem bħala awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2006/112.

19.

Is-sentenzi ċċitati ngħataw fi proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi min-naħa ta’ Stat Membru. Kif iddeċidiet il-Qorti tal‑Ġustizzja, f’dawn il-proċeduri l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l‑korpi pubbliċi fid-diversi Stati Membri konvenuti li jiġbru pedaġġi aġixxew fl-istess kundizzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi privati ( 14 ). F’din is-sitwazzjoni, u fid-dawl tan-natura kontradittorja tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex possibbiltà oħra għajr li tikkonstata li l-Istati Membri konvenuti ma kinux kisru l-obbligi tagħhom skont it-Trattati billi ma ssuġġettawx għall-VAT il-pedaġġi miġbura mill-korpi pubbliċi.

20.

Madankollu dan ma jfissirx, fl-opinjoni tiegħi, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) attwali tad-Direttiva 2006/112 għandu jkun interpretat fis-sens li l-korpi pubbliċi li jiġbru pedaġġi tat-toroq jaġixxu dejjem bħala awtoritajiet pubbliċi. Din il-kwistjoni titlob analiżi individwali, każ b’każ, skont il-kriterju li semmejt fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Infakkar li, skont dan il-kriterju, għandu jiġi stabbilit jekk il-korpi pubbliċi jaġixxux fil-kuntest ta’ sistema ġuridika li hija partikolari għalihom jew skont regoli ġenerali li japplikaw jew jistgħu japplikaw ukoll għall-operaturi privati.

21.

Biex nerġgħu lura għal din il-kawża, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk korp pubbliku li jiġbor pedaġġi tat-toroq jaġixxix biss abbażi tad-dispożizzjonijiet partikolari għalih jew skont prinċipji ġenerali wkoll. Madankollu, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall‑punti li ġejjin.

22.

Kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-digriet tar-rinviju, in-NRA kienet ikkostitwita abbażi tal-liġi dwar it-toroq tal-1993, li tiddefinixxi wkoll ir-regoli tal-funzjonament tagħha. Skont id‑dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi, in-NRA hija awtorizzata tistabbilixxi sistema ta’ pedaġġi fit-toroq nazzjonali li hija topera. Hija awtorizzata wkoll tadotta dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni li jirregolaw il-funzjonament ta’ tali sistema ta’ pedaġġi. Tista’ tiġbor hija stess dawn il-pedaġġi jew tafda l-ġbir tagħhom lil operatur privat ( 15 ).

23.

Jista’ jidher ukoll evidenti li, billi tiġbor pedaġġi tat-toroq, in‑NRA taġixxi fil-kuntest tas-sistema ġuridika partikolari għaliha, li mingħajr dubju jikkostitwixxu d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-toroq tal-1993. Għandu jitfakkar ukoll li l-operaturi privati li joperaw it-toroq bi ħlas abbażi ta’ ftehim man-NRA jaġixxu wkoll abbażi ta’ din l-istess liġi, kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni adottati min-NRA. Bħall-operaturi privati, din hija wkoll, fil-ġbir ta’ dawn il-pedaġġi, marbuta bid-dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tagħha stess li jirregolaw is-sistema ta’ pedaġġi inkwistjoni (jiġifieri s-sistema ta’ pedaġġi applikabbli għal parti kkunsidrata tat-toroq nazzjonali).

24.

Għalhekk ma huwiex eskluż li n-NRA taġixxi bħala awtorità pubblika biss meta hija tiddeċiedi dwar l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ pedaġġi fuq ċerta parti ta’ triq u tadotta dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni li jirrigwardaw din is-sistema, iżda mill-banda l-oħra hija taġixxi skont l-istess regoli bħal operatur privat meta hija tiġbor l-imsemmija pedaġġi. F’tali sitwazzjoni, l-esklużjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 ma hijiex applikabbli. Jiena nikkunsidra li l-qorti tar-rinviju għandha teżamina mill-ġdid, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-ipoteżi tagħha li fil-ġbir ta’ pedaġġi tat-toroq in-NRA taġixxi bħala awtorità pubblika u hija għalhekk suġġetta għall-imsemmija esklużjoni. Jekk, konsegwentement għal dan l-eżami mill-ġdid, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li n-NRA ma taġixxix bħala awtorità pubblika meta tiġbor pedaġġi, id-domandi preliminari f’din il-kawża ma jkunx għad baqgħalhom skop.

Dwar id-domandi preliminari

25.

Permezz tad-domandi preliminari li hija qiegħda tagħmel f’din il-kawża u li għandhom jiġu eżaminati konġuntivament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta skont id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, il-pedaġġi jistgħu u effettivament jinġabru kemm minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku kif ukoll minn operaturi privati, il‑korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhomx ikunu kkunsidrati bħala persuni suġġetti għall-VAT minħabba distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni, anki jekk ma teżisti ebda possibbiltà reali ta’ kompetizzjoni diretta bejn it-toroq li fuqhom il-korp irregolat mid-dritt pubbliku jiġbor il-pedaġġi u dawk li fuqhom jinġabru mill-operatur privat.

26.

Sabiex issir interpretazzjoni korretta tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, din id‑dispożizzjoni għandha tiddaħħal fis-sistema komuni tal-VAT. Konformement mal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, huwa kkunsidrat bħala persuna taxxabbli kull min jeżerċita, b’mod indipendenti, attività ekonomika. Infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja ( 16 ), it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura tat-toroq b’pedaġġ tikkostitwixxi tali attività. L-operatur li jwettaq din l‑attività huwa għalhekk fil-prinċipju persuna taxxabbli. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 jimponi madankollu li ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli l‑korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi. Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hawn fuq imsemmija ( 17 ), attività eżerċitata minn korp pubbliku bħala awtorità pubblika hija attività mwettqa fil-kuntest ta’ sistema ġuridika li hija partikolari għal dan il‑korp. Din l-esklużjoni hija għalhekk ibbażata fuq l-ipoteżi li l‑operatur pubbliku jwettaq l-attività tiegħu bi speċi ta’ monopolju: peress li din l-attività hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet li huma partikolari għal dan il-korp, hija ma tistax fil-prinċipju tkun affettwata minn operaturi oħra, b’mod partikolari privati. F’dan il-każ, ma hemmx riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, peress li l-kompetizzjoni hija eskluża fil-prinċipju.

27.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 jillimita madankollu r-regola prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ din id‑dispożizzjoni, billi jimponi r-ritorn għall-prinċipju ġenerali tat‑tassazzjoni tal-attività ekonomika, meta n-nuqqas ta’ tassazzjoni tal‑attività mwettqa mill-korp irregolat mid-dritt pubbliku jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni. Loġikament, it‑tieni subparagrafu huwa intiż sabiex japplika meta l-attività tal-korp pubbliku, minkejja li tkun eżerċitata fil-kuntest ġuridiku partikolari għaliha, ma tkunx ta’ natura ta’ monopolju, u tkun għalhekk tista’ ssir minn operaturi oħra, b’mod partikolari privati. Fil-fatt il‑preżunzjoni tan-nuqqas ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma hijiex applikabbli f’każ bħal dan.

28.

Skont din il-loġika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-Awla Manja, li fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni bi ħlas ta’ postijiet ta’ parkeġġ minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li għalihom iwassal in-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom ikunu evalwati skont it-tip ta’ attività li huma jirrigwardaw, u mhux tas-suq inkwistjoni u tal‑probabbiltà li effettivament iseħħu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ( 18 ).

29.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet hekk għal żewġ raġunijiet. L‑ewwel nett, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) attwali tad‑Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fid-dawl tat-tielet subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni. Dan is-subparagrafu jipprovdi li l-korpi pubbliċi għandhom fi kwalunkwe każ il-kwalità ta’ persuni taxxabbli għall-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn iwasslux jew le għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-prattika fis-suq inkwistjoni. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) attwali tad‑Direttiva 2006/112 għandu, b’analoġija, ikun interpretat bħala li jirrigwarda t-tip ta’ attività fiha nnifisha u mhux is-sitwazzjonijiet fid-diversi swieq ( 19 ).

30.

It-tieni nett, il-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ ċertezza legali jipprekludu wkoll, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) attwali tad-Direttiva 2006/112 li l-possibbiltà li jseħħu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandha tkun evalwata skont is-sitwazzjoni tas-suq inkwistjoni. Tali interpretazzjoni twassal fil-fatt, mhux biss għal trattament differenti għall-korpi pubbliċi u għall-operaturi privati, iżda wkoll għall-korpi pubbliċi bejniethom, peress li għall-istess tip ta’ attività, uħud jistgħu jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli u oħrajn le. Dan jirriżulta fi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT ( 20 ). Barra minn hekk, tali interpretazzjoni teħtieġ li jsiru analiżijiet ekonomiċi kumplessi fi swieq differenti, li r-riżultati tagħhom jistgħu barra minn hekk ivarjaw matul iż-żmien, u dan ikun kontradittorju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 21 ).

31.

Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet sostnuti min-NRA fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha f’din il-kawża, jiena nikkunsidra li din il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun interpretata bħala li tistabbilixxi preżunzjoni li jseħħu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) attwali tad-Direttiva 2006/112 huwa bbażat fuq preżunzjoni li jseħħu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni meta l‑korpi pubbliċi jwettqu waħda mill-kategoriji ta’ attivitajiet elenkati fl‑Anness I attwali tad-Direttiva ( 22 ). Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li jistgħu jeżistu, fl-Istati Membri differenti, kategoriji oħra ta’ attivitajiet li, mingħajr ma jissemmew fl-Anness tad-Direttiva, jitwettqu kemm mill-korpi pubbliċi kif ukoll mill-operaturi privati. Huwa għal dawn li japplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) attwali tad-Direttiva 2006/112 ( 23 ). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma bbażati fuq l-istess loġika ( 24 ).

32.

Fl-opinjoni tiegħi, dan ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkun interpretat biss b’tali mod li jekk, fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru, ċertu tip ta’ attivitajiet jitwettaq minn korp irregolat mid-dritt pubbliku fil-kuntest ġuridiku partikolari għalih, iżda li, b’mod konkomitanti, dawn l-istess attivitajiet jistgħu jitwettqu wkoll minn operaturi privati skont regoli ġenerali, għandha tiġi preżunta l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minkejja s-sitwazzjoni effettiva tas‑suq inkwistjoni. Dan jeħtieġ li l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli għal dak li jirrigwarda dan it-tip ta’ attivitajiet skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2006/112.

33.

Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat is-sentenza hawn fuq imsemmija fuq analiżi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw it‑tassazzjoni tal-attivitajiet imwettqa minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku, u mhux skont l-attività speċifika konkreta li din il-kawża tirrigwarda, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni bi ħlas ta’ postijiet ta’ parkeġġ. Għalhekk jiena ma nara ebda raġuni għaliex din il-linja ġurisprudenzjali ma għandhiex tkun estiża għal tipi ta’ attivitajiet oħra, pereżempju dik li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura tat-toroq b’pedaġġ. Jekk tali attività titwettaq esklużivament minn korp jew korpi rregolati mid-dritt pubbliku fil‑kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari għalihom, jiġifieri b’monopolju, ma hemm ebda riskju li jseħħu distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni. Il-korpi pubbliċi li jwettqu din l-attività ma għandhomx għalhekk ikunu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli. Mill-banda l-oħra, meta bħalma huwa l-każ fl-Irlanda, pedaġġi jistgħu jinġabru wkoll mill‑operaturi privati, tali attività ma taqax f’monopolju ta’ korp pubbliku, b’tali mod li għandha tiġi preżunta l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u għalhekk li jiġu suġġetti wkoll għall‑VAT it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku. F’dan ir-rigward huwa irrilevanti li t-toroq li fuqhom pedaġġi jinġabru mill-korpi pubbliċi ma għandhomx relazzjoni ta’ kompetizzjoni mat-toroq li fuqha dawn il-pedaġġi jinġabru minn operaturi privati. L-aspett essenzjali effettivament jinsab fl-identità tat‑tip ta’ attività mwettqa, u mhux fis-sitwazzjoni li tikkaratterizza lis‑suq inkwistjoni, jiġifieri l-parti tat-triq inkwistjoni jew it-toroq marbuta ma’ ċerti lokalitajiet.

34.

Ċerti kunsiderazzjonijiet li għalihom tagħmel riferiment il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, mogħtija f’kawża li tirrigwarda servizzi ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni bi ħlas ta’ postijiet ta’ parkeġġ f’diversi lokalitajiet tar-Renju Unit, jistgħu b’mod evidenti jkunu inqas rilevanti f’din il-kawża li tirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni bi ħlas ta’ infrastruttura tat-toroq minn korp li l-kompetenzi tiegħu jestendu għall‑pajjiż kollu. Fl-ewwel lok, fil-fatt ma teżisti ebda problema ta’ differenza fit-trattament li għaliha huma suġġetti diversi korpi pubbliċi, għaliex tali korp, bħala awtorità ċentrali, huwa uniku. Fit-tieni lok, il‑kwistjoni tal-analiżi tal-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni tidher inqas kumplessa għal dak li jirrigwarda parti minn triq milli fil-każ ta’ postijiet ta’ parkeġġ. Id-deċiżjoni dwar jekk jiġix intaxxat jew le t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura tat-toroq tista’ għalhekk tkun inqas suġġetta għal prekawzjoni mill-perspettiva taċ-ċertezza legali.

35.

Madankollu, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tkun suġġetta għall‑istruttura tal-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri differenti, iżda għandha tkun universali, u li tista’ tiġi applikata fit-territorju kollu tal‑Unjoni. Issa, ma huwiex eskluż li l-istess diffikultajiet indikati mill‑Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda t-tqegħid għad‑dispożizzjoni ta’ postijiet ta’ parkeġġ iqumu wkoll f’xi Stati Membri fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura tat‑toroq. Barra minn hekk, id-diskussjonijiet magħmula f’din il-kawża dwar jekk u sa fejn il-parti tat-triq b’pedaġġ imsejħa Westlink Toll Road, li tikkostitwixxi parti mill-bypass tal-punent ta’ Dublin, hijiex f’kompetizzjoni mal-bypass ta’ din il-belt, juru li anki għal dak li jirrigwarda infrastruttura tat-toroq, l-analiżi tad-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni qatt ma hija sempliċi u evidenti.

36.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi hemm argument addizzjonali li jimmilita favur interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 li l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandha tkun evalwata skont it-tip ta’ attivitajiet li huma jirrigwardaw u mhux skont is-sitwazzjoni tas-suq inkwistjoni.

37.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li fil-prattika huwa impossibbli li jkun hemm kompetizzjoni bejn il-partijiet tat-toroq li fuqhom jinġabru pedaġġi min-NRA u oħrajn, diġà eżistenti jew futuri, li fuqhom il-pedaġġi jistgħu eventwalment jinġabru minn operaturi privati. Billi waslet għal din il-konstatazzjoni, il-qorti tar-rinviju ħadet inkunsiderazzjoni biss il-kompetizzjoni li tista’ teżisti bejn it-toroq mill‑perspettiva tal-utenti tagħhom, u kkonkludiet li tali tip ta’ kompetizzjoni ma hijiex prevedibbli. Din il-konklużjoni hija ġġustifikata b’mod evidenti minn tali perspettiva, peress li sewwieq li jixtieq imur minn punt A għal punt B ma huwiex ser imur f’punt C għall-unika raġuni li b’hekk iħallas pedaġġi orħos.

38.

L-operaturi privati li jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-infrastrutturi tat-toroq b’korrispettiv ta’ pedaġġ huma madankollu fornituri mhux biss fir-rigward tal-utenti ta’ dawn it-toroq, iżda wkoll fir-rigward tal‑awtoritajiet pubbliċi bħan-NRA fl-Irlanda, li fdathom b’din il‑missjoni. L-infrastruttura tat-toroq hija fil-fatt infrastruttura pubblika, li l-bini u l-manutenzjoni tagħha huma missjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi. Dawn l-awtoritajiet jistgħu jafdaw l-eżekuzzjoni ta’ dawn il‑missjonijiet lill-operaturi privati inkambju għad-dritt li jiġbru pedaġġi mingħand l-utenti. F’tali sitwazzjoni, l-operaturi privati jippreżentaw ruħhom bħala fornituri ta’ servizzi fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi. Huwa irrilevanti li r-remunerazzjoni għal dan is-servizz ma hijiex ta’ natura ta’ prezz stabbilit minn qabel, iżda għandha l-forma ta’ dritt li jinġabar pedaġġ.

39.

Id-deċiżjoni li tafda l-operat ta’ parti mit-triq bi ħlas lil operatur privat tiddependi fuq serje ta’ fatturi diversi. Wieħed minn dawn huwa mingħajr kontestazzjoni l-ammont tal-pedaġġ li jista’ jiġbor l-operatur privat. Min-naħa l-oħra, mill-perspettiva ta’ dan l-operatur privat, l‑ammont tal-pedaġġi li jistgħu jinġabru jikkostitwixxi wkoll wieħed mill-fatturi prinċipali tad-deċiżjoni li jassumi l-attività, peress li huwa dan li jiddetermina l-profittabbiltà tagħha.

40.

Meta, fl-istess ħin, l-awtorità pubblika għandha l-għażla bejn li tafda l-operat ta’ triq u l-ġbir ta’ pedaġġi lil operatur privat jew li teżerċita hija stess din l-attività, hija tinsab awtomatikament f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-operaturi privati li jistgħu jeżerċitawha wkoll. F’tali sitwazzjoni, in-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-attività eżerċitata mill‑korp pubbliku, flimkien mat-tassazzjoni ta’ din l-istess attività meta titwettaq minn operatur privat, twassal inevitabbilment għal distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni. B’pedaġġi ugwali għall-utenti, l‑attività tkun iktar ta’ profitt jekk tkun eżerċitata mill-korp pubbliku milli jekk tkun eżerċitata minn operatur privat, li jrid inaqqas l-ammont tal-VAT dovut lill-Istat mill-pedaġġi miġbura mingħand l-utenti. Din id-differenza ta’ profittabbiltà ma jistax ma jkollhiex effett fuq id-deċiżjoni tal-awtorità pubblika li tafda l-operat tat-triq lil operatur privat, li huwa suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

41.

Din il-konklużjoni hija iktar u iktar fondata meta l-awtorità pubblika, li hija awtorizzata tieħu d-deċiżjoni li eventwalment tafda lill‑korp privat bl-operat tat-triq u l-ġbir ta’ pedaġġi, kif inhu l-każ tan‑NRA, tiddetermina l-ammont massimu tal-imsemmija pedaġġi għall-utenti. F’tali każ, il-korpi privati jkunu jinsabu b’mod evidenti f’sitwazzjoni inqas favorevoli, peress li l-pedaġġi li huma jiġbru u li l‑ammont tagħhom huwa stabbilit minn qabel iservuhom sabiex ikopru, barra l-ispejjeż tagħhom u l-profitt li jibqgħalhom, il-ħlas tal-VAT.

42.

Din l-analiżi twieġeb għall-argument li l-Gvern Pollakk qajjem matul is-seduta u li huwa bbaża fuq in-natura purament teoretika tal‑possibbiltà li operatur privat jidħol f’suq tat-tip tas-suq ta’ servizzi ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura tat-toroq b’pedaġġi, għaliex dan id-dħul jiddependi mid-deċiżjoni tal-awtorità pubblika. Hija preċiżament is-sitwazzjoni fejn iseħħu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, peress li din l-awtorità pubblika tieħu d‑deċiżjoni li tawtorizza fis-suq operaturi privati, waqt li teżerċita hija stess attività f’dan l-istess suq, iżda f’kundizzjonijiet differenti, peress li ma hijiex persuna taxxabbli.

43.

Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkontestata mill-argument imqajjem min-NRA fis-seduta u sostnut mill-Gvern Ġermaniż, li l-ġbir ta’ pedaġġi minn korp pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika jrid jilħaq għanijiet differenti mis-sempliċi twettiq ta’ profitt, bħal dak li jillimita t-traffiku f’ċerti partijiet jew id-dawrien lejn rotot oħra. Dan l‑argument huwa barra minn hekk f’kontradizzjoni mal-allegazzjoni bbażata fuq in-nuqqas totali ta’ kompetizzjoni bejn partijiet differenti tat-triq.

44.

L-ewwel nett, li t-tassazzjoni jew nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ attività mwettqa minn korp pubbliku tkun issuġġettata għall-għan li jrid jintlaħaq minn din l-attività huwa totalment kontradittorju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali. L-istabbiliment ta’ pedaġġi jista’ effettivament jilħaq diversi għanijiet. Kultant l-għan ikun dak tal-limitazzjoni tat-traffiku, kultant it-trasferiment tal-ispejjeż ta’ bini ta’ triq fuq operatur privat inkambju għad-dritt li jiġbor imbagħad pedaġġi minn din it-triq, jew anki sabiex jinġabru riżorsi għall-bini u manutenzjoni ta’ toroq pubbliċi oħra. Dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu separatament jew konġuntivament, u jistgħu jvarjaw maż-żmien, meta pereżempju, l-ispejjeż tal-bini tat-triq ikunu koperti iżda jibqa’ jinġabar pedaġġ minnha. Għalhekk dan ma huwiex kriterju li jippermetti li jiġi ddeterminat b’mod ċert u a priori jekk attività għandhiex tkun suġġetta għal tassazzjoni.

45.

It-tieni nett, għanijiet oħra li jridu jintlaħqu barra t-twettiq ta’ profitt ma jeskludux ir-responsabbiltà ta’ operatur privat li jiġbor il‑pedaġġi. Fl-aħħar mill-aħħar għall-utent ta’ triq ma tagħmilx differenza min jiġbor il-pedaġġ minnha. Għalhekk huwa possibbli li jinkiseb l-aġir mixtieq min-naħa tal-utenti ta’ triq indipendentement mill-korp li jiġbor il-pedaġġ.

46.

Finalment, it-tielet nett, skont l-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, titqies persuna taxxabbli kull persuna li twettaq attività ekonomika, “ikunu x’ikunu l-għanijiet u r‑riżultati ta’ din l-attività”. Peress li, kif inhuwa magħruf ( 25 ), it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura tat-toroq b’pedaġġ hija attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-għan u r-riżultati ta’ din l‑attività ma jikkostitwixxux kriterju xieraq ta’ differenzjar fid‑determinazzjoni dwar jekk l-operatur li jeżerċita din l-attività għandux ikun ikkunsidrat persuna taxxabbli.

47.

Għalhekk, jiena nikkunsidra li kull darba li, skont id-dritt nazzjonali, il-korp irregolat mid-dritt pubbliku jista’ jafda l-eżerċizzju ta’ ċerta attività lill-operaturi privati, filwaqt li jista’ jwettaqha huwa stess, għandha tiġi preżunta l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk din l-attività ma tiġix intaxxata meta titwettaq minn korp pubbliku iżda tiġi intaxxata meta titwettaq minn operatur privat.

48.

Dan ma jfissirx li kif issuġġerixxa l-Gvern Ġermaniż fis-seduta, f’tali ipoteżi, kull attività ta’ awtorità pubblika mwettqa bi ħlas għandha tkun taxxabbli minħabba li tista’ fit-teorija tkun fdata lill-operaturi privati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet li fl-evalwazzjoni tal‑possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kompetizzjoni attwali, iżda wkoll il‑kompetizzjoni potenzjali ( 26 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-possibbiltà purament teoretika li operatur privat jibda attività ma tistax tkun assimilata mal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, iżda li din il-possibbiltà għandha tkun reali, u mhux purament ipotetika ( 27 ).

49.

Dan il-prinċipju għandu jiġi interpretat flimkien ma’ dak li jipprovdi li l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandha tkun analizzata mill-perspettiva tat-tip ta’ attività li hija tirrigwarda u mhux tas-sitwazzjoni tas-suq inkwistjoni. Għalhekk, jekk bħalma huwa l-każ fil-Ġermanja, il-pedaġġi jinġabru esklużivament mill-awtoritajiet pubbliċi (jew għan-nom tagħhom jew b’rappreżentanza tagħhom), ma hemm ebda possibbiltà reali li operaturi privati jeżerċitaw din l‑attività, b’tali mod li lanqas teżisti kompetizzjoni potenzjali, u għalhekk ebda possibbiltà li din tkun is-suġġett ta’ distorsjonijiet. Mill‑banda l-oħra, meta bħal fil-każ tal-Irlanda, mhux biss il-liġi tipprevedi l-possibbiltà li l-ġbir ta’ pedaġġi jiġi fdat lill-operaturi privati, iżda wkoll li fil-prattika dan jiġri b’mod frekwenti, peress li n‑NRA tiġbor pedaġġi biss bħala eċċezzjoni, fuq żewġ toroq, huwa fl‑opinjoni tiegħi evidenti li l-possibbiltà li operaturi privati jeżerċitaw din l-attività ma tistax tkun ikkunsidrata bħala purament teoretika.

50.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 jeħtieġ barra minn hekk li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-attività tal-korp pubbliku jkunu sinjifikattivi. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-espressjoni għandha tiġi interpretata b’analoġija mad-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, fis‑sens li n-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ korpi pubbliċi tista’ tkun aċċettata biss fil-każ li twassal biss għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni negliġibbli ( 28 ).

51.

L-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni f’dan il-każ humiex iktar minn negliġibbli hija kwistjoni ta’ fatt li taqa’ b’mod evidenti taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet u qrati nazzjonali. Nenfasizza sempliċement li l-konstatazzjoni ta’ natura mhux negliġibbli ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma tikkonfutax il-preżunzjoni tal‑eżistenza ta’ tali distorsjonijiet, iżda sempliċement tippermetti li l‑attività tal-korp pubbliku ma tkunx intaxxata, minkejja dawn id‑distorsjonijiet.

Konklużjoni

52.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Appeal Commissioners (awtorità tal-appell fil-qasam doganali u fiskali, l-Irlanda) kif ġej:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 2006/112, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is‑sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru, il‑pedaġġi jistgħu u huma effettivament miġbura kemm minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku kif ukoll minn operaturi privati, il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom ikunu kkunsidrati persuni taxxabbli għall-VAT minħabba distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni, anki jekk ma teżistix possibbiltà reali ta’ kompetizzjoni diretta bejn it-toroq li minnhom jinġabru l-pedaġġi mill-korp irregolat mid‑dritt pubbliku u dawk li minnhom dawn jinġabru minn operatur privat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

( 2 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën (C‑520/14, EU:C:2015:855, punti 22 sa 27).

( 3 ) ĠU 2006, L 347, p. 1.

( 4 ) Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, in-NRA fdat lill-impriżi terzi l‑operat tekniku marbut mal-ġbir tal-pedaġġ, iżda l-metodi huma differenti minn dawk fil-każ ta’ ftehimiet ta’ operat konklużi abbażi tal-Artikolu 63 tal-liġi dwar it-toroq tal-1993, u d-dħul magħmul minnu jmur fil-kont tan-NRA.

( 5 ) Sabiex ikun kollox ċar, għandu jiżdied ukoll li l-applikazzjoni fil-proċedura tal-kawża prinċipali tat‑tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 hija eskluża, għaliex il-ġbir tal-pedaġġi ma jaqax taħt it-tip ta’ attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, ma jaqax fil-kamp tat-trasport ta’ oġġetti u tat-trasport ta’ persuni (punti 3 u 5, Anness I) – ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑358/97, EU:C:2000:425, punt 4).

( 6 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑276/97, EU:C:2000:424, punt 36); Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑358/97, EU:C:2000:425, punt 34); Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑359/97, EU:C:2000:426, punt 46), u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑408/97, EU:C:2000:427, punt 30).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑408/97, EU:C:2000:43, punt 52).

( 8 ) Is-sentenzi ċċitati ngħataw abbażi tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas‑17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23). L‑Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jikkorrispondi għall-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2006/112.

( 9 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑276/97, EU:C:2000:424, punt 41); Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑358/97, EU:C:2000:425, punt 39); Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑359/97, EU:C:2000:426, punt 51), u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑408/97, EU:C:2000:427, punt 36).

( 10 ) Ara l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112.

( 11 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑554/07, li għadha ma ġietx ippubblikata, EU:C:2009:464, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑276/97, EU:C:2000:424, punt 40); Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑358/97, EU:C:2000:425, punt 38); Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑359/97, EU:C:2000:426, punt 50), u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑408/97, EU:C:2000:427, punt 35).

( 13 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑359/97, EU:C:2000:426, punti 5657).

( 14 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑276/97, EU:C:2000:424, punt 42); Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑358/97, EU:C:2000:425, punt 40); Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑359/97, EU:C:2000:426, punt 52), u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑408/97, EU:C:2000:427, punt 37).

( 15 ) Ara l-punti 6 sa 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punti 31 sa 40 u l-punt 1 tad-dispożittiv).

( 19 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punti 38 sa 40).

( 20 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punti 42 sa 45).

( 21 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punti 47 sa 51).

( 22 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punt 35).

( 23 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punti 3637).

( 24 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punti 38). Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-Kawża Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:345, punti 1819).

( 25 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.

( 26 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punti 60 sa 63).

( 27 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punt 64).

( 28 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punt 76 u l-punt 3 tad-dispożittiv).

Top