Изберете експерименталните функции, които искате да изпробвате

Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.

Документ 62015CC0231

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fl-14 ta’ Ġunju 2016.
    Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel sp. z o.o. w Płocku vs Polkomtel sp. z o.o.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikolu 4(1) – Dritt ta’ appell minn deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali – Mekkaniżmu effettiv ta’ appell – Żamma tad-deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali sakemm isir magħruf l-eżitu tal-proċedura ta’ appell – Effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddikjara l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali – Possibbiltà li tiġi annullata deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali b’effett retroattiv – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
    Kawża C-231/15.

    Сборник съдебна практика — общ сборник

    Идентификатор ECLI: ECLI:EU:C:2016:440

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fl-14 ta’ Ġunju 2016 ( 1 )

    Kawża C‑231/15

    Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej,

    Petrotel sp. z o.o. w Płocku

    vs

    Polkomtel sp. z o.o.

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Sąd Najwyższy (qorti suprema Pollakka)]

    “Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 4(1) — Deċiżjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Soluzzjoni ta’ tilwima bejn operaturi — Effetti tal-annullament ta’ deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali — Dritt għal rimedju effettiv — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47 — Portata tad-deċiżjoni ġudizzjarja”

    1. 

    Is-Sąd Najwyższy (qorti suprema Pollakka) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja risposta dwar id-dubju tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi ( 2 ).

    2. 

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-awtorità Pollakka fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ( 3 ). Fil-qosor, din tistaqsi jekk, skont id-Direttiva Qafas, is-sentenza tal-qorti nazzjonali li tannulla din id-deċiżjoni amministrattiva għandhiex ikollha effetti ex tunc (jiġifieri, mill-mument li fih ġiet adottata mill-NRA) jew ex nunc biss (jiġifieri, mid-data tas-sentenza ta’ annullament stess).

    3. 

    Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, għaldaqstant, jirrigwarda l-infurzabbiltà tal-atti tal-NRA tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-impatt tad-deċiżjonijiet li jiddikjarawhom invalidi. F’dan il-każ hemm ukoll żewġ ċirkustanzi importanti: a) id-deċiżjoni tal-NRA ma kinitx ġiet sospiża b’mod kawtelatorju, u għalhekk kienet infurzabbli immedjatament ( 4 ), u b) din id-deċiżjoni imponiet il-konfigurazzjoni mill-ġdid tal-kuntratti li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn żewġ impriżi tat-telekomunikazzjonijiet.

    4. 

    Jidher li l-problema ssir iktar kumplessa minħabba li s-Sąd Najwyższy (il-qorti suprema) ma taqbilx mal-ġurisprudenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema kontenzjuża-amministrattiva) Pollakka li tgħid li, jekk att amministrattiv li l-implementazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet sospiża jiġi annullat permezz ta’ sentenza, din tipproduċi effetti biss minn meta tingħata, b’tali mod li l-konsegwenzi preċedenti tal-applikazzjoni ta’ dak l-att, inizjalment mhux sospiż iżda li mbagħad ġie annullat, jibqgħu l-istess. Is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) għandha dubji dwar kemm din il-ġurisprudenza hija konformi mal-prinċipju ta’ effettività, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

    5. 

    L-aspett ġdid tad-domanda preliminari jirrigwarda l-potenzjal tal-mekkaniżmi ta’ appell previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas u, b’mod partikolari, il-portata li, skont din id-dispożizzjoni, għandha tingħata lis-sentenzi ta’ annullament tad-deċiżjonijiet tal-ARN, aspetti li fir-rigward tagħhom, sakemm mhux qed inkun żbaljat, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ħaditx deċiżjoni.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

    1. Id-Direttiva Qafas

    6.

    Skont il-premessa 12 tagħha:

    “Kull parti li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja għandu jkollha d-dritt ta’ appell lil korp li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp jista’ jkun qorti. B’żieda, kull impriża li tqies li l-applikazzjonijiet tagħha għall-għoti ta’ drittijiet ta’ faċilitajiet ta’ stallazzjoni ma ġewx ittrattati skond il-prinċipji stipulati f’din id-Direttiva għandu jkollha d-dritt li tappella kontra dawk id-deċiżjonijiet. Din il-proċedura ta’ appell hija mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi fi ħdan is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji u tad-drittijiet ta’ entitajiet legali u persuni naturali taħt il-liġi nazzjonali”.

    7.

    L-Artikolu 4(1) jistipula:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom kull utent jew impriża li tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta’ appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp, li jista’ jkun qorti, għandu jkollu l-ħila adattata disponibbli biex tippermettilu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jingħata kont debitu tagħhom u li jkun hemm mekkaniżmu effettiv ta’ appell. Sakemm jinqata’ dak l-appell, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità għandha tibqa’ [fis-seħħ] sakemm il-bord ta’ l-appell ma jiddeċidix xort’oħra” ( 5 ).

    2. Id-Direttiva 2009/140

    8.

    Skont il-premessi 14 u 15 tagħha:

    “(14)

    Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għal atturi fis-swieq, korpi ta’ appell għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod effettiv; b’mod partikolari, proċeduri ta’ appell m’għandhomx ikunu twal indebitament. Miżuri interim li jissospendu l-effett tad-deċiżjoni ta’ [ARN] għandhom jingħataw biss f’każijiet urġenti sabiex ma jitħalliex li ssir ħsara kbira u irreparabbli lill-parti li tkun qed titlob dawk il-miżuri u jekk il-bilanċ tal-interessi jirrikjedi li jsir hekk.

    (15)

    Kien hemm diverġenza wiesgħa fil-mod kif il-korpi tal-appell kienu japplikaw il-miżuri interim biex jissospendu d-deċiżjonijiet tal-[ARN]. Sabiex tinkiseb aktar konsistenza fl-istrateġiji, għandhom jiġu applikati standards komuni konformement mal-ġurisprudenza Komunitarja. […]”

    3. Il-Karta

    9.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tagħha:

    “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

    B – Il-liġi Pollakka

    1. Il-liġi tat-telekomunikazzjonijiet ( 6 )

    10.

    Skont l-Artikolu 40, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 25(4), il-President tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (iktar ’il quddiem, il-“President tal-UKE”) jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jimponi fuq operatur li jkollu preżenza sinjifikattiva fis-suq li jiffissa t-tariffi relatati mal-aċċess għat-telekomunikazzjonijiet, skont l-ispejjeż li jkunu ntefqu.

    11.

    L-Artikolu 206(2aa), tal-imsemmija liġi jagħraf li d-deċiżjonijiet tal-President tal-UKE huma direttament applikabbli.

    2. Il-kodiċi tal-proċedura amministrattiva

    12.

    L-Artikolu 145(1), taħt l-intestatura “ftuħ mill-ġdid tal-proċedura”, jipprevedi:

    “Meta tkun ittieħdet deċiżjoni finali, il-proċedura terġa’ tinfetaħ jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    8)

    Id-deċiżjoni tkun ġiet magħmula fuq il-bażi ta’ deċiżjoni oħra jew ta’ deċiżjoni ta’ qorti li tkun ġiet annullata jew emendata.”

    13.

    Skont l-Artikolu 156(1):

    “Awtorità pubblika għandha tannulla deċiżjoni meta din:

    […]

    2)

    Tkun ġiet adottata mingħajr bażi legali jew bi ksur gravi tad-dritt.

    […]”

    3. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

    14.

    L-Artikolu 47963 jipprevedi li qorti tista’, fuq talba ta’ min ikun ippreżenta r-rikors, tissospendi l-implementazzjoni tad-deċiżjoni sakemm tintemm il-proċedura, jekk tqis li jista’ jkun hemm riskji sinjifikattivi jew effetti irriversibbli.

    15.

    L-Artikolu 47964 jipprevedi li, wara li l-kwistjoni tkun ġiet eżaminata, il-qorti tista’ tiċħad ir-rikors jew taċċettah. F’dan l-aħħar każ, hija tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew temendaha, kompletament jew parzjalment, u tiddeċiedi fuq il-mertu tal-każ.

    II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    16.

    L-UKE, wara analiżi komparattiva tat-tariffi mitluba minn Polkomtel Sp. z o.o. ( 7 ) (iktar ’il quddiem, “Polkomtel”) fir-rigward tas-servizz ta’ tmiem ta’ telefonati bil-vuċi fuq in-netwerk tat-telefonija mobbli tagħha ( 8 ) u l-evalwazzjoni tar-regolarità tagħhom, stqarr li kien hemm differenzi bejn it-tariffi MTR mitluba minn Polkomtel u dawk ta’ Stati Membri oħra, u li l-istabbiliment tagħhom kien il-konsegwenza ta’ metodi ta’ kalkolu żbaljati.

    17.

    Il-President tal-UKE adotta l-ewwel deċiżjoni (iktar ’il quddiem, “Deċiżjoni MTR 2008”) fit-30 ta’ Settembru 2008, li permezz tagħha ġew imposti fuq Polkomtel ċerti tariffi massimi għall-provvista ta’ servizzi ta’ tmiem ta’ telefonati lil operaturi oħra tat-telekomunikazzjonijiet, skont skeda speċifika.

    18.

    Polkomtel ikkontestat id-Deċiżjoni MTR 2008 quddiem ir-Rejonowy Sąd (qorti distrettwali) ta’ Varsavja, li annullat din id-deċiżjoni b’sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2011. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata, fl-appell, fit‑30 ta’ Jannar 2012, mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) u hija finali ( 9 ).

    19.

    Filwaqt li kien qed jinstema’ r-rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni MTR 2008, fl-4 ta’ Diċembru 2008 Polkomtel ippreżentat lil Petrotel Sp. z o.o. ( 10 ) (operatur li jirċievi s-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ tmiem tat-telefonati ta’ Polkomtel fuq ħlas ta’ miżata) proposta għall-emendar tat-tariffi MTR, fil-kuntest tal-kuntratt tal-21 ta’ Ottubru 1999 li kien jirregola l-kontenut tad-dritt ta’ aċċess ta’ Petrotel għan-netwerk ta’ Polkomtel.

    20.

    Petrotel, fin-nuqqas ta’ qbil ma’ Polkomtel fir-rigward tal-implementazzjoni tat-tariffa skont id-Deċiżjoni MTR, fis-6 ta’ Frar 2009, talbet l-intervent tal-UKE, sabiex jiġi emendat il-kuntratt ta’ aċċess għan-netwerk.

    21.

    Il-President tal-UKE solva l-kwistjoni bejn Petrotel u Polkomtel billi adotta deċiżjoni, fis-17 ta’ Marzu 2009 (iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni”), li permezz tagħha ġie emendat il-kuntratt li kien jorbot liż-żewġ operaturi. Id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni kienet tikkonforma mas-sistema tat-tariffi tad-Deċiżjoni MTR 2008.

    22.

    Id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni ġiet appellata minn Polkomtel quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie — Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (qorti reġjonali ta’ Varsavja — qorti għal kwistjonijiet li jirrigwardaw id-difiża tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur), li, permezz tas-sentenza tagħha tas-26 ta’ Ottubru 2012 annullat din id-deċiżjoni. Ir-raġunijiet tas-sentenza kienu, fil-qosor u inter alia, li d-Deċiżjoni MTR 2008 diġà kienet ġiet iddikjarata invalida fil-proċedura preċedenti. Peress li d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni kienet sempliċement tapplika d-Deċiżjoni MTR 2008, ladarba din tal-aħħar ġiet annullata hija ma setgħetx tikkostitwixxi l-bażi legali tal-obbligi assenjati lil Polkomtel permezz tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni.

    23.

    Petrotel u l-UKE ppreżentaw żewġ appelli quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) mis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2012, li ġew miċħuda bis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, fejn ġie aċċettat b’mod sostanzjali l-approċċ tal-qorti tal-ewwel istanza.

    24.

    Skont is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja), l-annullament tad-Deċiżjoni MTR 2008 ma pproduċiex biss effetti ex nunc, peress li, f’dak il-każ, kienu jkunu fittizji kemm id-dritt tal-impriża li tipprovdi n-netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li tikkontesta d-Deċiżjoni MTR 2008, kif ukoll l-effetti tas-sentenza li tilqa’ t-talba mogħtija fil-proċedura kontra din id-deċiżjoni.

    25.

    Petrotel u l-UKE ppreżentaw appell kontra s-sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) quddiem is-Sąd Najwyższy (qorti suprema), li, qabel ma sabet soluzzjoni, qieset li kien meħtieġ li tifformula d-domanda preliminari.

    26.

    Is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) tqis li, bħala prinċipju, il-pożizzjoni meħuda fis-sentenzi taż-żewġ istanzi preċedenti tosserva d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 47 tal-Karta). Madankollu, hija tesprimi d-dubji tagħha fir-rigward tal-liġi nazzjonali li tgħid li, skont il-prinċipji ta’ legalità u ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti, l-annullament ta’ att amministrattiv iċaħħadha mill-kapaċità tagħha li tipproduċi effetti legali biss mill-mument li fih is-sentenza ta’ annullament tidħol fis-seħħ, jiġifieri, tkun effettiva ex nunc ( 11 ).

    27.

    Barra minn hekk, l-annullament ta’ deċiżjoni tal-ARN, li serviet bħala bażi għall-ħruġ ta’ att amministrattiv ieħor, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar: dan l-annullament jippermetti l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, u d-deċiżjoni sussegwenti li tittieħed se jkollha biss effetti ex nunc ( 12 ).

    28.

    L-applikazzjoni mill-qrati tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq tfisser li l-annullament tad-Deċiżjoni MTR 2008 (li abbażi tagħha ġiet stabbilita t-tariffa massima użata sussegwentement mid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni) huwa irrelevanti fir-rikors ippreżentat minn Polkomtel kontra d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni.

    29.

    Fid-dawl tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, id-Deċiżjoni MTR 2008 se tibqa’ tkun valida, sakemm ma tiġix annullata. L-annullament sussegwenti tagħha, għalhekk, ma għandux impatt fuq it-tariffi MTR applikabbli għar-relazzjoni bejn Petrotel u Polkomtel matul il-perijodu ta’ żmien bejn id-data tal-emenda tal-kuntratt, mogħtija mil-ARN, u l-annullament finali tad-Deċiżjoni MTR 2008, mill-qorti. Issa, dan jista’ jinvolvi restrizzjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    30.

    Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fin-nuqqas ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-konsegwenzi tas-sentenzi li jannullaw id-deċiżjonijiet tal-ARN, japplika l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, b’limitazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas huwa manifestazzjoni ta’ dan. Id-dubji tagħha jqumu minħabba li, fin-nuqqas ta’ miżura kawtelatorja skont l-aħħar paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni, l-infurzabbiltà immedjata tista’ tinterferixxi fid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jiġi rrispettat biss billi jingħata effett retroattiv lis-sentenza ta’ annullament.

    31.

    Fuq din il-bażi, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) tagħmel din id-domanda preliminari:

    “L-ewwel u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE […],għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta impriża li tipprovdi netwerk (network provider) tikkontesta d-deċiżjoni tal-[ARN] li tistabbilixxi t-tariffa tat-tmiem tat-telefonata (call termination rate) fin-netwerk tal-imsemmija impriża (deċiżjoni MTR), u meta sussegwentement tikkontesta d-deċiżjoni konsekuttiva tal-[ARN] li temenda l-kuntratt li jorbot id-destinatarju tad-deċiżjoni MTR ma’ impriża oħra b’mod li t-tariffi mħallsa minn din l-impriża l-oħra għat-tmiem tat-telefonata fin-netwerk tad-destinatarju tad-deċiżjoni MTR jikkorrispondu mat-tariffi stabbiliti fid-deċiżjoni MTR (deċiżjoni ta’ implementazzjoni), il-qorti nazzjonali, li tikkonstata li d-deċiżjoni MTR ġiet annullata, ma tistax tannulla d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni fid-dawl tal-formulazzjoni tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21 kif ukoll tal-interessi li l-impriża li tibbenefika mid-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tislet mill-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali; jew inkella l-ewwel u [t-tielet] sentenzi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tannulla d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal- [ARN] u konsegwentement tħassar l-obbligi previsti f’din id-deċiżjoni għall-perijodu ta’ qabel is-sentenza jekk din tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li tkun ippreżentat ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-[ARN] li timplementa l-obbligi previsti fid-deċiżjoni MTR li ġiet annullata sussegwentement?”

    III – Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

    32.

    Polkomtel tiddikjara li d-domanda preliminari hija inammissibbli, peress li hija ipotetika. Ir-risposta eventwali li tingħata, barra minn hekk, tkun irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, u d-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw iktar l-effetti tad-Deċiżjoni MTR 2008 milli d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni, minkejja li din hija l-uniku suġġett tal-proċedura prinċipali. Barra minn hekk, il-qorti a quo ma ddeskrivietx is-sistema ġuridika nazzjonali kkontestata, bi ksur tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    33.

    Skont Polkomtel, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) tindirizza kwistjonijiet li jmorru lil hinn mil-limiti tal-kawża, għaliex jirreferu għall-proċedura li jkollu jsegwi l-UKE, ladarba tiġi annullata d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni, skont ir-raġuni għall-annullament, kif ukoll għall-azzjonijiet possibbli bejn iż-żewġ impriżi kkonċernati. Hija tikkritika wkoll il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma analizzatx l-implikazzjonijiet possibbli li jirriżultaw mill-interpretazzjoni ta’ regoli proċedurali. Hija ssostni li ma hemm ebda raġuni aċċettabbli sabiex l-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali, wara li tkun ikkonfermat l-annullament tad-Deċiżjoni MTR 2008, ma tistax tannulla d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni fid-dawl tal-kliem tal-aħħar sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni, peress li l-effetti tas-sentenza għandhom jiġu evalwati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet materjali tal-liġi nazzjonali.

    34.

    Il-UKE jenfasizza li, għalkemm id-Deċiżjoni MTR 2008 ġiet annullata, Polkomtel tibqa’ obbligata li tistabbilixxi t-tariffi tagħha fuq il-bażi tal-ispejjeż sostnuti, kif impost fuqha minn deċiżjoni oħra, tad-19 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni SMP”), li hija finali.

    35.

    Huwa jsostni li, meta ngħatat id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni, id-Deċiżjoni MTR 2008 kienet fis-seħħ. L-annullament tagħha ma jfissirx direttament l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni, peress li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas tistabbilixxi l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, sakemm ma jittiħdux miżuri kawtelatorji. Kemm id-Deċiżjoni MTR 2008 kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni kienu konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

    36.

    Skont l-UKE, huwa raġonevoli li l-annullament ta’ deċiżjoni tal-ARN jipproduċi effetti ex nunc, b’mod konformi ma’ duttrina u ġurisprudenza stabbilita. Il-fatt li deċiżjoni amministrattiva li tkun serviet bħala l-bażi għal oħra ulterjuri tiġi ddikjarata invalida ma jfissirx neċessarjament u direttament, li din tal-aħħar tkun nulla, iżda li tippermetti lill-partijiet sabiex jitolbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, skont il-punt 8 tal-Artikolu 145(1) tal-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva Pollakk.

    37.

    Fir-rigward tad-dispożizzjoni (it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas) li tgħid li l-qorti ta’ appell għandha ssolvi l-“merti tal-każ”, il-UKE jsostni l-effettività ex nunc tas-sentenza. B’kunsiderazzjoni tal-argumenti tal-partijiet u tal-provi prodotti, il-qorti tal-appell tkun tista’ tieħu deċiżjoni fuq il-mertu li taffettwa l-kontenut tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata, u tissostitwixxiha.

    38.

    Il-UKE jqis li l-qorti ma għandhiex tillimita ruħha li tinvalida d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni minħabba l-annullament preċedenti tad-Deċiżjoni MTR 2008, iżda għandha tanalizza l-kwistjonijiet sostantivi u tiddeċiedi dwar il-kalkolu tat-tariffa, abbażi tal-ispejjeż attwalment sostnuti minn Polkomtel, u għalhekk dan l-obbligu huwa impost fuqha permezz tad-Deċiżjoni SMP, anki jekk id-Deċiżjoni MTR 2008 tkun ġiet annullata.

    39.

    Il-UKE jipproponi, għalhekk, bħala risposta għad-domanda preliminari li l-annullament tad-Deċiżjoni MTR 2008 ma huwiex suffiċjenti bħala bażi sabiex id-Dikjarazzjoni ta’ implementazzjoni tiġi ddikjarata nulla, sa fejn il-qorti nazzjonali ta’ appell għandha tevalwa l-aspetti kollha tal-merti tal-każ.

    40.

    Petrotel tinnota li, skont il-liġi Pollakka, id-deċiżjonijiet tal-UKE huma immedjatament infurzabbli, għalkemm il-kodiċi proċedurali ċivili jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji jekk ikun hemm riskju ta’ ħsara sinjifikattiva jew konsegwenzi irriversibbli oħra. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-appellant ma huwiex meħtieġ li d-deċiżjoni amministrattiva kkontestata tiġi annullata b’effett retroattiv, li jista’ jikser iċ-ċertezza legali u jikkawża konsegwenzi negattivi għal terzi.

    41.

    Petrotel tipproponi bħala risposta għad-domanda preliminari magħmula li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta impriża li tipprovdi netwerk tikkontesta deċiżjoni MTR u sussegwentement id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tagħha, il-konferma mill-qorti nazzjonali li d-Deċiżjoni MTR kienet invalidata wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni ma tiġġustifikax l-annullament ta’ din tal-aħħar.

    42.

    Għall-Gvern Pollakk, ir-regola li d-deċiżjoni tal-ARN hija immedjatament infurzabbli, [l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas] ma tipprekludix li d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell, li tannulla dik id-deċiżjoni, għandha effett retroattiv, kif muri mill-possibbiltà, inkluża fl-istess sentenza, li din il-qorti tista’ tordna l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji.

    43.

    Il-Gvern Pollakk iqis li d-delimitazzjoni tas-setgħa tal-qrati tal-appell taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, b’osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Huwa jenfasizza kif fil-liġi Pollakka jeżistu regoli li jippermettu li l-qorti tal-appell, kemm jekk tkun adottat miżuri kawtelatorji matul is-smigħ tal-kawża u anki jekk ma tkunx adottat tali miżuri, tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-mertu sabiex temenda, kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni kkontestata ( 13 ). Madankollu, il-ġurisprudenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema kontenzjuża-amministrattiva) Pollakka tagħti effetti ex nunc lis-sentenzi ta’ annullament, u dan jagħti l-opportunità lil persuni kkonċernati li jippreżentaw talba għall-kumpens għad-danni, skont il-prinċipji ġenerali f’dan il-qasam.

    44.

    Huwa jżid li l-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi bbilanċjat ma’ dawk ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. F’dan il-każ, l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni ma jaffettwax biss ir-relazzjoni bejn l-UKE u Polkomtel, iżda wkoll il-kuntratt iffirmat minn Polkomtel ma’ terz (Petrotel), u d-deċiżjoni li terġa’ tittieħed tista’ tibbenefika lil waħda mill-partijiet tal-kuntratt u tagħmel ħsara lill-parti l-oħra.

    45.

    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Gvern Pollakk jipproponi li l-artikolu kkontestat jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-qorti nazzjonali, f’sitwazzjoni bħal dik tal-proċedura a quo, milli tannulla d-deċiżjoni tal-ARN b’effett retroattiv. Il-mod ta’ kif tiġi żgurata l-effettività tad-dritt ta’ appell hija kwistjoni rregolata mill-ordinament u mill-ġurisprudenza nazzjonali.

    46.

    Għall-Kummissjoni, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jipprevedi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem korp indipendenti u jipprevedi l-prinċipju ta’ infurzabbiltà immedjata tad-deċiżjonijiet tal-ARN, sakemm ma tiġix adottata miżura kawtelatorja ta’ sospensjoni. Il-ħtieġa ta’ din id-dispożizzjoni hija dovuta għall-eżistenza ta’ sistemi nazzjonali li fihom il-kontestazzjoni ġudizzjarja tad-deċiżjonijiet amministrattivi tinvolvi s-sospensjoni awtomatika tal-implementazzjoni tagħha, sakemm il-kawża tiġi deċiża.

    47.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-implementazzjoni immedjata tal-att ikkontestat tipproduċi biss effetti temporanji, sakemm tkun qed tinstema’ u tiġi deċiża l-kawża, mingħajr ma tiġi limitata l-kapaċità tal-qorti sabiex tiddeċiedi fuq il-merti tal-kawża. Jekk id-deċiżjoni tiġi annullata, l-effetti ta’ invalidità jkunu applikabbli mill-mument li fih ġiet adottata (effetti ex tunc). Jekk il-qrati tal-appell ma jkollhomx il-possibbiltà li jitolbu l-ħlas tal-ammonti rċevuti indebitament abbażi tad-deċiżjoni annullata, għandha tiġi applikata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tawtorizza s-sospensjoni tal-implementazzjoni.

    48.

    Il-portata tal-effetti tas-sentenza li tannulla deċiżjoni tal-ARN taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, iżda dejjem b’osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Sabiex tiġi żgurata l-operattività tal-mekkaniżmu tal-appell, il‑Kummissjoni temmen li huwa essenzjali li tiġi rrikonoxxuta effettività ex tunc lid-deċiżjoni ta’ annullament. Proċedura ta’ appell li ma tippermettix li d-deċiżjonijiet tal-ARN jiġu invalidati b’effett retroattiv, iżda biss pro futuro, jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, fittizju.

    IV – Analiżi

    A – Ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

    49.

    Is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-kontroversja tqum bħala riżultat tal-infurzabbiltà immedjata ta’ żewġ deċiżjonijiet konsekuttivi, maħruġa mill-ARN, li ġew appellati u li fir-rigward tagħhom ma ġiet adottata ebda miżura kawtelatorja ta’ sospensjoni, iżda li sussegwentement ġew annullati ( 14 ).

    50.

    Fl-ewwel waħda (id-Deċiżjoni MTR 2008), l-ARN ordnat lil Polkomtel biex ma taqbiżx tariffi massimi ta’ aċċess għan-netwerk tagħha, applikabbli għall-operaturi kollha tal-komunikazzjonijiet li xtaqu jużawh. Peress li Polkomtel ma ftehmitx ma’ wieħed minn dawn l-operaturi (speċifikament, ma’ Petrotel) dwar kif għandu jiġi emendat il-kuntratt li jirregola r-relazzjonijiet tagħhom, sabiex jinġieb konformi mad-Deċiżjoni MTR 2008, fit-tieni deċiżjoni (id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni) il-President tal-UKE stabbilixxa b’mod imperattiv — fuq talba ta’ Petrotel — it-tariffa massima għall-kuntratt ta’ aċċess ta’ Petrotel għan-netwerk ta’ Polkomtel.

    51.

    Peress li d-Deċiżjoni MTR 2008 ġiet annullata mill-qorti waqt li r-rikors kontra d-Deċiżjoni tal-implementazzjoni kien pendenti, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) Pollakka ssawrulha dubji dwar jekk id-dritt tal-Unjoni (b’mod speċifiku, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas) jaffettwax ir-riżultat tal-kawża. B’mod partikolari, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk, skont din id-dispożizzjoni, id-dikjarazzjoni sussegwenti ta’ invalidità tad-Deċiżjoni MTR 2008, infurzabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni, tippermettix (jew timponix l-obbligu) li l-qorti — li għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar din tal-aħħar — tannulla u tiddikjara ineffettivi l-obbligi li ħarġu minnha matul iż-żmien li kienet fis-seħħ.

    52.

    Polkomtel targumenta li d-domanda preliminari magħmula hija inammissibbli, għar-raġunijiet deskritti hawn fuq ( 15 ). Ma naqbilx mal-oġġezzjonijiet tagħha, peress li d-domanda magħmula ma hijiex ipotetika u l-qorti tar-rinviju esponiet b’mod konċiż, imma suffiċjenti sabiex jinftiehmu, ir-regoli u l-fatti li fuqhom tiżvolġi l-kawża. Il-qorti tirreferi għal-liġi Pollakka u għall-ġurisprudenza tal-qorti suprema kontenzjuża-amministrattiva ta’ dak il-pajjiż, billi tiċċita, b’mod partikolari, żewġ sentenzi ta’ din il-qorti, kif ukoll, inter alia, l-Artikolu 145(1)(8) tal-kodiċi proċedurali amministrattiv ( 16 ), sabiex tiċċara l-problema li qed taffaċċja. Ċertament, setgħet kienet iktar espliċita, iżda, nirrepeti, li d-digriet tar-rinviju tagħha fih l-informazzjoni essenzjali sabiex il-kwistjoni tiġi deċiża u fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari l-partijiet esprimew mingħajr ebda diffikultà l-argumenti tagħhom favur jew kontra t-teoriji rispettivi.

    53.

    Il-problema li tirreferi għaliha s-Sąd Najwyższy (qorti suprema) għandha żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, dak purament intern, idderivat mir-regoli u mill-ġurisprudenza nazzjonali. Skont id-deskrizzjoni magħmula mill-qorti a quo, is-sentenzi li jannullaw id-deċiżjonijiet tal-ARN jipproduċu effetti mid-data li jingħataw. Meta l-annullament ta’ att huwa r-riżultat tal-annullament ta’ att preċedenti, fejn l-ewwel wieħed huwa l-att li jimplementa t-tieni, għandha terġa’ tinfetaħ il-proċedura amministrattiva, li permezz tagħha d-deċiżjoni finali adottata jkollha biss effetti pro futuro. Il-konsegwenza hija li l-effetti tal-atti mwettqa skont id-deċiżjoni annullata jibqgħu ma jinbidlux.

    54.

    Is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) għandha dubju dwar jekk l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali, interpretati fis-sens spjegat hawn fuq, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u huwa hawnhekk fejn jidħol it-tieni aspett tad-domanda magħmula. Jekk tintalab l-interpretazzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas (u tal-Artikolu 47 tal-Karta), dan isir minħabba li, fil-fehma tagħha, jista’ jinfluwenza s-sentenza li għandha tittieħed.

    55.

    Meta titqies f’dawn it-termini, id-domanda preliminari hija ammissibbli. Ċertament, sabiex tingħata risposta għaliha, għandhom jingħarblu l-argumenti mressqa mill-qorti a quo ( 17 ), b’tali mod li xi wħud minn dawk enfasizzati minnha jiġu injorati, peress li huma inqas rilevanti. Dan jiġri, pereżempju, fir-rigward tal-effett tal-annullament minn qabel tad-Deċiżjoni MTR 2008 fuq il-validità tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni: l-importanti huwa li jiġi deċiż, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, x’effetti għandha d-dikjarazzjoni ta’ nullità tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni, irrispettivament mir-raġunijiet li, f’dak il-mument, wasslu għal dik is-sentenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja, loġikament, lanqas ma tista’ tinterferixxi fl-interpretazzjoni tal-liġi Pollakka, li taqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

    B – Il-mekkaniżmi ta ’ appell previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

    56.

    Se nibda billi nillimita l-kontroversja billi niffoka fuq l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

    57.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tinterpreta ( 18 ) dan l-artikolu, billi ddikjarat li “jikkostitwixxi emanazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li skontu huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mid-dritt tal-Unjoni” ( 19 ). Hija affermat ukoll li “[f]is-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri għalhekk huma obbligati jipprevedu dritt għal azzjoni legali quddiem organu ġudizzjarju sabiex jiġu protetti d-drittijiet li jitnisslu favur l-utenti u l-impriżi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni”. Hija ddeċidiet ukoll dwar l-osservanza tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’kawżi oħra relatati mal-komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma ġew indirizzati l-portata u l-effetti tad-deċiżjonijiet tal-qorti tal-appell ( 20 ).

    58.

    L-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas sempliċement tikkontempla aspett ieħor minn dawk inerenti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jiġifieri, dak li tingħata b’mod kawtelatorju. Il-leġiżlatur Komunitarju jibda mill-premessa li d-deċiżjonijiet tal-ARN jistgħu jiġu sospiżi ( 21 ), sakemm tingħata s-sentenza finali, mill-qrati (jew “entitajiet ta’ appell li jkunu indipendenti mill-partijiet involuti”) li quddiemhom ikunu ġew ikkontestati. Huwa jżid li, jekk ma tiġix sospiża, id-deċiżjoni tal-ARN tibqa’ effettiva ( 22 ). Barra minn hekk, minn din il-frażi ma jistax jiġi dedott, bħal ma jagħmlu xi wħud mill-partijiet tal-kawża, li ż-żamma (temporanja, waqt li tkun qed tinstema’ l-kawża) tal-effettività tad-deċiżjoni tal-ARN hija ostaklu sabiex is-sentenza finali, jekk tkun ta’ annullament, tinvalida wkoll l-effetti ta’ dik id-deċiżjoni (li sa issa kienu temporanji), li kienet tinsab sub iudice, fejn jiġu ddikjarati wkoll li jmorru kontra l-liġi.

    59.

    In-nuqqas ta’ miżuri kawtelatorji li, sakemm kawża tkun pendenti, jipparalizzaw l-effettività tad-deċiżjoni tal-ARN ma jistax jiġi tradott, mill-perspettiva tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, fin-nuqqas ta’ possibbiltà li s-sentenza li ttemm il-proċedura ma tiddikjarax biss id-deċiżjoni kkontestata bħala nulla, iżda testendi d-dikjarazzjoni ta’ nullità għall-effetti kollha tagħha, mgħoddija jew futuri. Din hija, barra minn hekk, il-loġika tas-sistema ta’ rikorsi li jinkorporaw talbiet għall-annullament ta’ atti amministrattivi, fejn tapplika r-regola ġenerali quod nullum est, nullum effectum producit. Jekk il-qorti jkollha s-setgħa li tissospendi l-att amministrattiv b’mod kawtelatorju, żgur li jkollha s-setgħa li tiżgura l-implementazzjoni tas-sentenza ta’ annullament, filwaqt li tannulla l-effetti tal-att ikkontestat.

    60.

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jeħtieġ, u minn perspettiva oħra, li l-Istati Membri jipprevedu fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom “mekkaniżmu effettiv ta’ appell” kontra d-deċiżjonijiet tal-ARN, espressjoni li hija rripetuta fl-ewwel u fit-tielet frażi tad-dispożizzjoni. Din tal-aħħar iżżid li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jingħata kont debitu tagħhom”.

    61.

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għaldaqstant, fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom il-miżuri leġiżlattivi neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet tal-appell kontra l-ftehimiet tal-ARN fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu “effettivi”. Id-Direttiva Qafas, madankollu, ma tmurx lil hinn mill-formulazzjoni riprodotta iktar ’il fuq, u tħalli ċertu marġni ta’ manuvra lill-awtonomija proċedurali u ġurisdizzjonali tal-Istati Membri, b’tali mod li dak l-għan jinkiseb bil-mezzi (f’dan il-każ, proċedurali) li kull wieħed minnhom jidhirlu li huma xierqa.

    62.

    L-importanza tal-effettività msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas tirrikjedi, b’mod inevitabbli, li s-sentenza li ttemm l-appell billi tannulla deċiżjoni tal-ARN tagħmel dan b’effetti ex tunc? Fir-realtà, din hija d-domanda ewlenija tar-rinviju, jekk l-analiżi tagħha titqies mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

    63.

    Għalkemm diġà pprovdejt li l-potenzjalità ex tunc tas-sentenza ta’ annullament ma hijiex imdgħajfa bir-riferiment għaż-“żamma” tad-deċiżjoni tal-ARN, fl-assenza ta’ miżura kawtelatorja li tissospendiha [l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(1)], issa l-kontroversja ma tirrigwardax il-possibbiltà, iżda l-preżunt obbligu li jitneħħew, mill-bidu tagħhom, l-effetti li nżammew fis-seħħ temporanjament.

    64.

    Kif diġa stqarrejt, il-loġika tas-sistema ta’ appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-ARN timplika li, bħala prinċipju, jekk jiġu invalidati minn qorti, l-invalidità tagħhom għandha testendi wkoll għall-effetti li jkunu pproduċew, peress li dawn jiġu mċaħħda mill-bażi legali li jkunu ħarġu minnha. Madankollu, dan huwa approċċ ġenerali li jippermetti ċerti eċċezzjonijiet.

    65.

    Waħda mill-eċċezzjonijiet (li n-natura straordinarja tagħha, jekk ikun hemm bżonn, tikkonferma r-regola normali) hija li l-qorti tiddeċiedi, meta s-sistema legali tagħha tippermetti dan, li ċerti effetti tal-att iddikjarat null jinżammu b’mod permanenti ( 23 ). Raġunijiet marbutin maċ-ċertezza legali, mad-drittijiet ta’ terzi jew mal-interess pubbliku, inter alia, jistgħu jissuġġerixxu li, jekk il-qorti li għandha tiddeċiedi tqis li dan huwa rilevanti, jinżammu l-effetti tal-att annullat, speċjalment jekk l-effettività immedjata tad-dikjarazzjoni ta’ annullament mogħtija fis-sentenza tinvolvi konsegwenzi partikolarment serji għal dawn l-interessi.

    66.

    Eċċezzjoni oħra sinjifikattiva tista’ tiġi ammessa meta fil-proċedura tal-appell ma tkunx ġiet diskussa l-legalità tal-att ikkontestat fir-rigward tal-għan u tal-kontenut tiegħu, jekk mhux għal raġunijiet mhux relatati mal-mertu, minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-entità li tkun ħarġitu jew minħabba l-preżenza ta’ difetti oħra, ftit jew wisq sostanzjali, ta’ natura formali. L-aċċettazzjoni tal-appell għal dawn ir-raġunijiet, bl-annullament sussegwenti tal-att, tista’ tkun akkumpanjata (għal darb’oħra, jekk is-sistema legali ta’ Stat partikolari tawtorizza dan) mid-dikjarazzjoni taż-żamma tal-effetti tiegħu, filwaqt li l-att annullat ma jissostitwixxix att ieħor li ma jkollux dawk id-difetti, sabiex ma tinħoloqx lakuna legali b’konsegwenzi inkwetanti għall-interess pubbliku ( 24 ). Is-sentenza ta’ annullament, għaldaqstant, f’dawn il-każijiet ikollha effettività iktar futureska milli retroattiva.

    67.

    L-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali jistgħu jipprevedu wkoll li l-qrati tagħhom, għal darb’oħra b’mod straordinarju u fil-każ ta’ raġunijiet serji relatati mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, inaqqsu l-portata ratione temporis ta’ sentenza ( 25 ). Anki jekk, loġikament, għandha tinżamm in-natura mhux tas-soltu ta’ dan it-tip ta’ sentenzi ġudizzjarji, b’tali mod li ma titnaqqasx l-importanza tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenzi ( 26 ), l-eżistenza tagħhom hija indispensabbli u tista’ tiġi ġġustifikata, mingħajr ma jitnaqqas id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    68.

    Fl-aħħar nett, huwa aċċettabbli wkoll li, f’ċerti każijiet, id-dritt nazzjonali jipprevedi, bi tweġiba għal talba ta’ annullament ta’ att amministrattiv (jew ta’ kuntratt pubbliku), li s-sentenza li tiddikjara l-invalidità tagħhom tiġi mċaħħda mill-effettività “naturali” tagħha, u tiġi ssostitwita minn obbligu li jitħallas kumpens jew miżuri alternattivi oħra. Din il-possibbiltà hija rrikonoxxuta fid-dritt tal-Unjoni ( 27 ), u ma nsibx raġuni għaliex ma tistax tiġi estiża għad-drittijiet nazzjonali, f’każ ta’ sitwazzjonijiet analogi.

    69.

    Ir-riflessjonijiet li ppreżentajt jikkonfermaw li l-operattività tal-“mekkaniżmi ta’ appell” kontra d-deċiżjonijiet tal-ARN, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, teħtieġ, bħala regola ġenerali, li s-sentenza li tannullahom tinvalida wkoll l-effetti provviżorji li jkunu ħarġu minnha. Din ir-regola, madankollu, hija suġġetta għal eċċezzjonijiet, bħal dawk li għadni kif semmejt, li l-implementazzjoni tagħhom fid-dritt tagħhom stess għandha ssir mill-Istati Membri, dejjem b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li jillimitaw l-awtonomija proċedurali tagħhom.

    70.

    Bl-istess mod, ir-riferiment għall-Artikolu 47 tal-Karta ma jżid xejn sinjifikattiv (li apparti hekk, ratione temporis, diffiċilment jista’ jkun applikabbli għal sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta minn deċiżjonijiet adottati, u minn appelli ppreżentati, fis-snin 2008 u 2009). Id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sanċit fil-Karta għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 51 tagħha, ma jimponix soluzzjoni unika għall-problemi li jinqalgħu fir-rigward tal-effettività tas-sentenzi li jannullaw l-atti amministrattivi. Minn dan id-dritt tista’ tiġi dedotta, ċertament, ir-regola ġenerali li semmejt, iżda din l-istess regola ma tipprojbixxix il-possibbiltà li jiġu aċċettati l-eċċezzjonijiet imsemmija preċedentement.

    71.

    Naħseb li l-bqija tal-kontroversja bejn l-UKE u ż-żewġ operaturi tal-komunikazzjonijiet effettwati mill-istabbiliment tat-tariffi massimi (u l-impatt ta’ dawn fuq il-kuntratti tagħhom għal aċċess għan-netwerk), kif rifless fit-talbiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, matul din it-talba għal deċiżjoni preliminari, iktar tinvolvi analiżi ermenewtika dwar il-liġi domestika milli dwar id-dritt tal-Unjoni nnifsu. Bejniethom (u l-Gvern Pollakk) jeżistu diskrepanzi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali ( 28 ) u tal-ġurisprudenza tal-qrati superjuri tiegħu, fid-dritt ċivili u amministrattiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex responsabbli sabiex tipparteċipa f’dak id-dibattitu, li ma jaqax fil-funzjoni tagħha li tinterpreta biss id-dritt tal-Unjoni.

    72.

    Is-soluzzjoni li nissuġġerixxi għad-domanda preliminari, b’konformità mar-riflessjonijiet li spjegajt, hija limitata għall-kjarifika tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, f’termini li, fl-istess ħin, ikunu utli għall-qorti a quo, imma ma jinterferixxux fil-ġurisdizzjoni tagħha li tinterpreta l-liġi domestika.

    73.

    Minn din il-perspettiva, jidher xieraq li r-risposta tinqasam, billi dik li tirrigwarda l-ewwel sentenza tad-dispożizzjoni (li tgħid li l-Istati Membri għandhom “mekkaniżmu effettiv” sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-ARN fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika) tiġi diżassoċjata minn dik dwar l-aħħar sentenza (li, fil-każijiet ta’ appell, issostni l-effettività tad-deċiżjoni kkontestata, sakemm ma tiġix sospiża mill-qorti tal-appell).

    74.

    Fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, il-kontenut tagħha, kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jservi bħala bażi tagħha, jimplika li l-qrati tal-appell jistgħu jannullaw id-deċiżjonijiet tal-ARN li jkunu mitluba jiġġudikaw, u jestendu l-invalidità ddikjarata fis-sentenza tagħhom għall-effetti diġà prodotti mid-deċiżjonjijiet.

    75.

    F’dak li jirrigwarda l-aħħar sentenza tal-istess artikolu, iż-żamma provviżorja tal-effettività tad-deċiżjonijiet tal-ARN, sakemm ma tiġix sospiża mill-qrati tal-appell, hija kompatibbli mal-fatt li l-annullament sussegwenti ta’ dawk id-deċiżjonijiet jinkludi, ex tunc, l-effetti li jkunu pproduċew.

    76.

    Iż-żewġ frażijiet tad-dispożizzjoni, madankollu, ma jipprekludux, li meta l-liġi nazzjonali tawtorizza dan, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-ARN jista’, b’mod eċċezzjonali, jkollu biss effetti ex nunc jekk il-qorti tal-appell tqis li dan huwa rilevanti, għal raġunijiet imperattivi intiżi għaż-żamma taċ-ċertezza legali u għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jew sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet ta’ terzi, jew għal raġunijiet ta’ interess ġenerali.

    77.

    Għandi nżid osservazzjoni fir-rigward tat-tielet sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, għalkemm ma hijiex essenzjali li ssir fid-dispożittiv tas-sentenza. Ir-regola titlob li l-“merti tal-każ” jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-appell. Tabilħaqq, jekk ikun hemm biżżejjed provi ta’ dan, huwa xieraq li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu, kemm billi jiġu milqugħa jew miċħuda t-talbiet rispettivi. Madankollu, il-qorti tal-appell għandha tiddetermina jekk, wara li l-proċedura tiġi ffinalizzata, għandhiex l-elementi ta’ evalwazzjoni u l-provi essenzjali sabiex tittieħed deċiżjoni f’dan ir-rigward. Ukoll, is-sentenza tagħha tista’, f’każijiet bħal dan, tkun ibbażata, fost fatturi oħra, fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata ( 29 ).

    78.

    B’mod iktar speċifiku, jekk il-qorti tar-rinviju taqbel ma’ dawk ta’ istanza u ta’ appell li d-Deċiżjoni MTR 2008, minn perspettiva materjali, kienet neċessarja għall-kontenut tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni, b’tali mod li, jekk l-ewwel waħda tiġi annullata, it-tieni waħda għandha tiġi annullata wkoll, din l-azzjoni ma tmurx kontra t-tielet sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

    79.

    Lanqas ma jkun hemm ostaklu, idderivat minn tali dispożizzjoni, sabiex, jekk il-liġi domestika tipprevedi li tittieħed deċiżjoni sabiex tissostitwixxi dik annullata, ladarba terġa’ tinfetaħ il-proċedura korrispondenti mill-ARN, it-tariffa massima l-ġdida, b’mod konformi mal-liġi, isservi sabiex isiru l-likwidazzjonijiet li jikkorrispondu għall-perijodi dovuti, kemm jekk bil-ħlasijiet jew rimborsi xierqa. Din tkun għażla leġittima, li fl-istess ħin tirrispetta l-kliem tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, li tevita li jsir differiment għal rikors għad-danni (kumpens) tal-konsegwenzi ekonomiċi possibbli tad-dikjarazzjoni ta’ annullament.

    V – Konklużjoni

    80.

    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema Pollakka) kif ġej:

    “1)

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Nru 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas), fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jipprevedi li:

    il-qrati jistgħu jannullaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji li huma mitluba jiġġudikaw, kif ukoll jestendu s-setgħa invalidanti tas-sentenza ta’ annullament għall-effetti diġà prodotti minnhom;

    iż-żamma provviżorja tal-effettività tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, sakemm ma tiġix sospiża mill-qrati tal-appell, hija kompatibbli mal-fatt li l-annullament sussegwenti ta’ dawk id-deċiżjonijiet jinkludi, ex tunc, l-effetti li jkunu pproduċew.

    2)

    Meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jista’, b’mod eċċezzjonali, ikollu biss effetti ex nunc, jekk il-qorti tal-appell tqis li dan huwa xieraq, għal raġunijiet imperattivi li jipproteġu ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jew sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet ta’ terzi, jew għal raġunijiet ta’ interess ġenerali”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349; iktar ’il quddiem, id-“Direttiva Qafas”).

    ( 3 ) Imsejjaħ “Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi” (f’akronimu u suċċessivament, l-“UKE”). Sabiex isir riferiment għall-dawn l-awtoritajiet, jintużaw normalment u mingħajr distinzjoni, it-termini “awtorità regolatorja nazzjonali” jew “awtorità nazzjonali regolatorja”. Anki jekk bejniethom jista’ jkun hemm xi differenzi, f’dan il-każ jistgħu jintużaw bl-istess mod. Iktar ’il quddiem, ser nuża l-akronimu “NRA”.

    ( 4 ) Din hija r-regola ġenerali fis-sistemi ġuridiċi li jagħtu preżunzjoni ta’ legalità lill-atti maħruġa mill-Amministrazzjoni. Il-preżunzjoni normalment tinvolvi l-infurzabbiltà immedjata ta’ dawn l-atti (anki, kif se naraw, fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas) li l-effikaċja tagħhom, madankollu, tista’ tiġi sospiża mill-qorti li quddiemha jiġu kkuntestati.

    ( 5 ) Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2009, L 337 p. 37).

    ( 6 ) Verżjoni fis-seħħ fid-data ta’ meta ġraw il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    ( 7 ) Polkomtel, fil-Polonja, kellha setgħa sinjifikattiva fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ tmiem ta’ telefonati fuq in-netwerk tat-telefonija mobbli.

    ( 8 ) Mobile termination rates (iktar ’il quddiem, “tariffi MTR”).

    ( 9 ) Ir-raġunijiet li għalihom ġiet annullata d-Deċiżjoni MTR 2008 huma relatati mal-assenza ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni kif previst fil-liġi.

    ( 10 ) Iktar ’il quddiem, Petrotel.

    ( 11 ) Sentenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema kontenzjuża-amministrattiva) tat‑13 ta’ Novembru 2012.

    ( 12 ) L-Artikolu 145(1)(8) tal-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva u s-sentenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema kontenzjuża-amministrattiva) tas-27 ta’ Mejju 2011.

    ( 13 ) Isir riferiment għall-Artikolu 47964 tal-kodiċi proċedurali ċivili. Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 14 ) Id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni ġiet annullata fiż-żewġ sentenzi ta’ istanza, filwaqt li l-appell jinsab pendenti kontra t-tieni waħda minnhom quddiem is-Sąd Najwyższy (qorti suprema).

    ( 15 ) Ara l-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 16 ) Ara l-punt 12 preċedenti u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 10 u 11.

    ( 17 ) Il-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dubji tas-Sąd Najwyższy (qorti suprema) għandhom portata ikbar minn dak li evidentement jista’ jidher. Fil-fatt, din tixtieq tkun taf sa fejn jista’ jasal l-istħarriġ ġudizzjarju fuq l-azzjonijiet tal-ARN. Il-fatt li din hija kwistjoni li hija s-suġġett ta’ diskussjoni huwa evidenzjat mill-fatt li, fl-allegazzjonijiet tagħhom, uħud mill-parti ipproponew li l-qorti nazzjonali tagħti sentenza li ssolvi l-kwistjoni dwar il-merti tal-każ (jiġifieri, il-korrezzjoni tat-tariffi massimi imposti, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ Polkomtel), kemm jekk billi l-appell jiġi miċħud b’mod definittiv jew billi jingħata kontenut speċifiku lid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni, li torbot lil kulħadd.

    ( 18 ) Xi drabi, id-deċiżjoni tagħha kienet tanġenzjali ħafna. Għalhekk, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584), punt 29, u s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, KPN (C‑85/14, EU:C:2015:610), punt 54, jirreferu għall-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-ARN kif ukoll għal kif id-deċiżjonijiet tagħhom huma suġġetti għal rimedju effettiv. Is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Mobistar (C‑438/04, EU:C:2006:463) iffokat l-attenzjoni tagħha fuq l-aċċess tal-qorti tal-appell għal ċerti dokumenti kunfidenzjali, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-merti b’elementi suffiċjenti sabiex tinsab soluzzjoni.

    ( 19 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, T‑Mobile Austria (C‑282/13, EU:C:2015:24), punt 33.

    ( 20 ) Sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication (C‑426/05, EU:C:2008:103), punti 3031; u tat-22 ta’ Jannar 2015, T‑Mobile Austria (C‑282/13, EU:C:2015:24), punti 3334. Dawn jirreferu għall-kunċett ta’ “affettwat”, għall-finijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas.

    ( 21 ) Fir-rigward ta’ dan il-punt ara, fil-punt 9 iktar ’il fuq, il-premessi 14 u 15 tad-Direttiva 2009/140.

    ( 22 ) Il-verżjonijiet lingwistiċi li kkonsultajt jaqblu li tinżamm l-effettività tad-deċiżjoni tal-ARN, pjuttost milli l-validità tagħha. Għalhekk, b’mod espliċitu l-kliem bil-Portugiż (“Na pendência do recurso, a decisão da autoridade reguladora nacional mantém-se eficaz”) u, b’termini simili, bil-Ġermaniż (“Bis zum Abschluss eines Beschwerdeverfahrens bleibt die Entscheidung der nationalen Regulierungsbehörde wirksam”), bl-Ingliż (“Pending the outcome of the appeal, the decision of the national regulatory authority shall stand”), bil-Franċiż (“Dans l’attente de l’issue de la procédure, la décision de l’autorité réglementaire nationale est maintenue”) jew bit-Taljan (“In attesa dell’esito del ricorso, resta in vigore la decisione dell’autorità nazionale di regolamentazione”) (mingħajr enfasi fit-test oriġinali). Madankollu, fit-test Spanjol jintqal li d-deċiżjoni tal-ARN “seguirá siendo válida” (“se tibqa’ tkun valida”), li ma huwiex konsistenti mal-verżjonijiet l-oħra, peress li tgħaqqad kategoriji legali differenti b’mod mhux dovut, bħall-validità ta’ att u l-effettività tiegħu.

    ( 23 ) Din il-possibbiltà, mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tar-rikorsi diretti, ġiet inkorporata fid-dritt primarju tal-Unjoni: l-Artikolu 264 TFUE jipprevedi li, “[j]ekk l-azzjoni tkun fondata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara d-deċiżjoni inkwistjoni bħala nulla. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk tikkunsidra dan meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta' l-att li ddikjarat null għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi” (mingħajr enfasi fl-oriġinal).

    ( 24 ) Speċjalment fil-każ ta’ atti ta’ natura legali.

    ( 25 ) Dan japplika wkoll għad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara s-sentenza tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56), iddeċidiet diversi drabi dwar il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenzi tagħha, fejn ipprovat tirrikonċilja l-ħtiġijiet li jirriżultaw miċ-ċertezza legali ma’ dawk idderivati, bħala prinċipju, mill-inkompatibbiltà tar-regoli nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Edis (C‑231/96, ECLI:EU:C:1998:134), punti 15 et seq.

    ( 26 ) Hekk stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Lulju 1992, Legros et (C‑163/90, EU:C:1992:326), punt 30: “Huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti għall-ordinament ġuridiku Komunitarju, tillimita l-possibbiltà għal kull min ikun ikkonċernat li jinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex jikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. [...] Sabiex jiġi deċiż jekk il-portata ratione temporis ta’ sentenza għandiex tiġi llimitata jew le, huwa meħtieġ li wieħed jinnota li, għalkemm il-konsegwenzi prattiċi ta’ kull deċiżjoni ġudizzjarja għandhom jiġu evalwati b’attenzjoni, din ma tistax twassal sabiex tinfluwenza l-oġġettività tal-liġi u tikkomprometti l-applikazzjoni tagħha fil-ġejjieni minħabba l-impatt li jista’ jkollha deċiżjoni ġudizzjarja fir-rigward tal-passat (sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot, 24/86 [EU:C:1988:43], il-punti 28 u 30)”.

    ( 27 ) Pereżempju, fid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31). Din tippermetti (fil-premessa 22 u l-Artikoli 2d u 2e) li, f’kuntratti li l-ineffettività tagħhom għandha tiġi ddikjarata bħala prinċipju, minħabba l-oriġini illegali tagħhom, il-qorti ta’ appell indipendenti tista’ tagħżel li, jekk ikun hemm raġunijiet serji ta’ interess ġenerali, jiġu rrikonoxxuti “l-effetti temporali (ratione temporis) kollha tiegħu jew uħud minnhom”, jiġifieri, jinżammu l-effetti tal-kuntratt, bla ħsara għall-impożizzjoni tas-sanzjonijiet korrispondenti u tal-kumpensi għad-danni u l-ħsara.

    ( 28 ) Id-differenzi jiffokaw, speċjalment, fuq il-logħba tar-regoli ta’ proċedura ċivili [Artikolu 47963, Artikolu 47964], u l-Artikolu 365(1) u dawk tal-kodiċi proċedurali amministrattiv [Artikolu 145(1)], fir-rigward ta’ sentenza li tannulla att amministrattiv, meta jkun meħtieġ li jinħareġ ieħor li jissostitwixxi dan l-att u għandha tinfetaħ proċedura ġdida għal dan. Lanqas ma jaqblu bejniethom fir-rigward tal-impatt li, fuq id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni, jista’ jkollha l-invalidità tad-Deċiżjoni MTR 2008 u lanqas fuq ir-raġunijiet determinanti għall-annullament tal-ewwel waħda (li jirrigwardaw kemm id-difett formali tal-assenza ta’ konsultazzjoni, kif ukoll għall-użu indebitu tal-mekkaniżmu ta’ eċċezzjoni pprovdut fil-liġi Pollakka tat-telekomunikazzjonijiet, minbarra n-nuqqas ta’ bażi legali, ladarba d-Deċiżjoni MTR 2008 ġiet iddikjarata invalida). L-UKE introduċa, fl-aħħar nett, fattur addizzjonali li ma jitqiesx bħala rilevanti fit-test tat-talba għal deċiżjoni preliminari, id-Deċiżjoni SMP il-ġdida wara d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni.

    ( 29 ) Ir-riferiment għall-“merti tal-każ” bl-ebda mod ma jipprekludi li l-istħarriġ tal-qorti tal-appell ikun limitat għan-nuqqasijiet proċedurali li jiddeterminaw l-annullament tal-att, mingħajr ma jkun meħtieġ li jmur lil hinn. Jekk għat-tħejjija ta’ tali att, pereżempju, ma jintużawx il-proċeduri essenzjali, dan id-difett jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġi ddikjarat invalidu.

    Нагоре