This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0220
Opinion of Advocate General Bobek delivered on 7 July 2016.#European Commission v Federal Republic of Germany.#Failure of a Member State to fulfil obligations — Free movement of goods — Directive 2007/23/EC — Placing on the market of pyrotechnic articles — Article 6 — Free movement of pyrotechnical articles compliant with the requirements of Directive 2007/23/EC — National rules making the placing on the market of pyrotechnic articles subject to additional requirements — Obligation to make a prior notification before a national body entitled to review and modify instructions for use of pyrotechnic articles.#Case C-220/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2016.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-merkanzija – Direttiva 2007/23/KE – Tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi – Artikolu 6 – Moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi konformi mar-rekwiżiti tad-direttiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tqegħid fis-suq tal-oġġetti pirotekniċi għal rekwiżiti addizzjonali – Obbligu ta’ dikjarazzjoni preliminari fi ħdan korp nazzjonali awtorizzat sabiex jeżamina u jemenda l-istruzzjonijiet ta’ użu tal-oġġetti pirotekniċi.
Kawża C-220/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2016.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-merkanzija – Direttiva 2007/23/KE – Tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi – Artikolu 6 – Moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi konformi mar-rekwiżiti tad-direttiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tqegħid fis-suq tal-oġġetti pirotekniċi għal rekwiżiti addizzjonali – Obbligu ta’ dikjarazzjoni preliminari fi ħdan korp nazzjonali awtorizzat sabiex jeżamina u jemenda l-istruzzjonijiet ta’ użu tal-oġġetti pirotekniċi.
Kawża C-220/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:534
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOBEK
ippreżentati fi 7 ta’ Lulju 2016 ( 1 )
Kawża C‑220/15
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligi — Moviment liberu tal-merkanzija — Direttiva 2007/23/KE — Tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi — Definizzjoni ta’ ‘tqegħid fis-suq’ — Proċedura ta’ notifika lil awtorità nazzjonali imposta fuq oġġetti pirotekniċi li għandhom il-marka CE — Setgħa tal-awtorità nazzjonali li teżamina u, jekk ikun meħtieġ, li temenda l-istruzzjonijiet ta’ użu”
I – Introduzzjoni
1. |
F’din il-kawża l-Kummissjoni Ewropea ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors skont l-Artikolu 258 TFUE fejn titlob dikjarazzjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Mejju 2007, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi ( 2 ). |
2. |
Id-dispożizzjoni nazzjonali li tifforma s-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tobbliga lill-produtturi u lill-importaturi jinnotifikaw oġġetti pirotekniċi lill-Bundesanstalt für Materialforschung und –prüfung (istitut federali għar-riċerka u l-ittestjar ta’ materjali, iktar ’il quddiem il-“BAM”) sabiex jiksbu numru ta’ identifikazzjoni. Hija tagħti wkoll lill-BAM is-setgħa li jeżamina u, jekk ikun meħtieġ, li jemenda l-istruzzjonijiet ta’ użu ta’ dawn l-oġġetti. |
3. |
Din il-kawża għandha diversi livelli. Taħt il-livell aktarx tekniku jinsab livell ieħor, wieħed iktar ġenerali, b’implikazzjonijiet usa’: jista’ Stat Membru jiġi kkritikat għaliex ma jkunx “interpreta mill-ġdid”, għall-finijiet tal-implementazzjoni nazzjonali tiegħu, il-formulazzjoni ċara ta’ direttiva meta din il-formulazzjoni ċara tista’ tidher li hija dubjuża fir-rigward tal-iskop globali ta’ din id-direttiva? |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2007/23, “[d]in id-Direttiva tistabbilixxi regoli bil-ħsieb li jinkiseb il-moviment liberu ta’ l-oġġetti pirotekniċi fis-suq intern, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u ta’ sigurtà pubblika u l-protezzjoni u s-sikurezza tal-konsumaturi, u tqis l-aspetti rilevanti relatati mal-protezzjoni ta’ l-ambjent”. |
5. |
L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2007/23 jipprovdi li, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: “[t]qegħid fis-suq’ tfisser l-ewwel tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq Komunitarju ta’ prodott individwali, sabiex jitqassam u/jew jintuża, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk bla ħlas. Il-logħob tan-nar magħmul minn manifattur għall-użu tiegħu stess u approvat minn Stat Membru għall-użu fit-territorju tiegħu m’għandux jitqies bħala mqiegħed fis-suq”. |
6. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/23, intitolat “Moviment liberu”, jipprovdi dan li ġej: “1. L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu milli jitqiegħdu fis-suq l-oġġetti pirotekniċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti minn din id-Direttiva. 2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jipprekludu miżuri meħuda minn Stat Membru, liema miżuri jkunu ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà jew sikurezza, jew protezzjoni ambjentali, li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-pussess, l-użu u/jew il-bejgħ lill-pubbliku ġenerali tal-logħob tan-nar tal-kategoriji 2 u 3, ta’ oġġetti pirotekniċi teatrali u ta’ oġġetti pirotekniċi oħra. […]”. |
7. |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2007/23, intitolat “Is-sorveljanza tas-suq”, jgħid li: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha sabiex jiżguraw li l-oġġetti pirotekniċi, jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk, meta jkunu korrettament maħżuna u użati għall-għan li huma jkunu maħsuba għalih, huma ma jkunux ta’ periklu għas-saħħa u għas-sikurezza tal-persuni. 2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu spezzjonijiet regolari ta’ l-oġġetti pirotekniċi mad-dħul tagħhom fil-Komunità u fis-siti fejn jiġu maħżuna u manifatturati. […] 4. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw u jagħmlu sorveljanza adegwata fuq il-prodotti mqiegħda fis-suq filwaqt li titqies adegwatament il-preżunzjoni tal-konformità tal-prodotti li jkollhom il-marka CE. […] 6. Fejn Stat Membru jaċċerta ruħu li xi oġġett pirotekniku, li jkollu l-marka CE, akkumpanjat mid-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE u użat skond l-għan li jkun maħsub għalih, jista’ jipperikola s-saħħa u s-sikurezza tal-persuni, huwa għandu jieħu l-miżuri provviżorji adegwati kollha sabiex jirtira dak l-oġġett mis-suq, jipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq jew jirrestrinġi l-moviment liberu tiegħu. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan. […]”. |
B – Id-dritt Ġermaniż
8. |
L-Artikolu 6 tal-ewwel regolament ta’ applikazzjoni tal-liġi dwar l-esplożivi ( 3 ), (Erste Verordnung zum Sprengstoffgesetz, iktar ’il quddiem il-“1. SprengV”) ( 4 ) jipprovdi li: “(4) Notifika dwar sustanzi esplożivi u oġġetti pirotekniċi għandha tingħata lill-[BAM] mill-manifattur jew mill-importatur qabel l-ewwel użu skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi. In-notifika għandha tinkludi […]
Il-[BAM] għandu joħroġ numru ta’ identifikazzjoni bħala prova ta’ notifika. In-numru ta’ identifikazzjoni għandu jkun inkluż fl-istruzzjonijiet. Il-[BAM] jista’, għall-prevenzjoni ta’ periklu għall-ħajja u għas-saħħa ta’ impjegati u terzi jew għal proprjetà, jirrestrinġi jew jikkompleta l-istruzzjonijiet ta’ użu adottati mill-manifattur; restrizzjoni jew żieda sussegwenti huma permessi. Ir-raba’ sentenza ma tapplikax għal oġġetti pirotekniċi għal vetturi jew logħob tan-nar fil-kategoriji 1 u 4, jekk in-numru ta’ identifikazzjoni jkun inkluż fil-listi li għandhom jinżammu skont il-punt 3 tal-Artikolu 13(1).” |
9. |
L-awtorizzazzjoni eċċezzjonali tal-BAM tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar l-ittikkettjar ta’ oġġetti pirotekniċi ( 5 ), tat ex officio deroga ġenerali mid-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta’ ttikkettjar skont l-Artikolu 14(1) tal-1. SprengV flimkien mal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV. Skont din id-deroga, “kuntrarjament għat-tielet sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV, għal oġġetti pirotekniċi skont it-tifsira tad-Direttiva 2007/23, ma hijiex meħtieġa l-inklużjoni tan-numru ta’ identifikazzjoni fl-istruzzjonijiet”. |
III – Il-proċedura prekontenzjuża
10. |
Matul evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/23 fl-2011, il-Kummissjoni sabet li kien hemm il-poċedura ta’ notifika fil-Ġermanja. Wara li kien sar skambju ta’ korrispondenza skont il-proċedura EU Pilot (3631/12/ENTR), il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-25 ta’ Jannar 2013. |
11. |
Fl-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni qalet li l-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV ma huwiex konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 essenzjalment għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, l-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV jobbliga lill-produtturi u lill-importaturi jinnotifikaw oġġetti pirotekniċi lill-BAM sabiex jiksbu numru ta’ identifikazzjoni u juru dan in-numru fl-istruzzjonijiet ta’ użu. It-tieni nett, il-BAM kien ingħata s-setgħa li jeżamina u, jekk ikun meħtieġ, li jemenda l-istruzzjonijiet ta’ użu ta’ dawn l-oġġetti. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dawn ir-rekwiżiti jmorru lil hinn minn dak li huwa pprovdut fid-Direttiva 2007/23. Għalhekk jistgħu jinvolvu restrizzjoni illegali għall-moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi li tkun diġà saritilhom evalwazzjoni ta’ konformità fi Stat Membru differenti. |
12. |
B’ittra ta’ tweġiba tal-21 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat l-eżistenza ta’ ksur tad-Direttiva 2007/23. |
13. |
B’ittra tat-23 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li fiha ddeskriviet in-nuqqas ta’ din tal-aħħar twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet b’ittri tal-20 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014. Fit-tweġibiet tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qalet li, skont id-deroga introdotta mill-BAM fil-11 ta’ Marzu 2014, l-obbligu li jiddaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni mogħti mill-BAM fl-istruzzjonijiet ta’ użu ma kienx applikabbli sa mis-27 ta’ Marzu 2014. Il-Kummissjoni ħadet nota ta’ din in-notifika fir-rikors tagħha iżda tqis li dan ma jirrimedjax l-istanzi l-oħra ta’ ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 deskritti fl-opinjoni motivata tagħha. Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors skont l-Artikolu 258 TFUE. |
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
14. |
Permezz tar-rikors tagħha tat-12 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
15. |
Il-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
16. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Iż-żewġ partijiet għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-27 ta’ April 2016. |
V – Analiżi
A – L-allegat nuqqas ta ’ konformità mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 u l-kliem “tqegħid fis-suq ”
1. Is-suġġett ta’ din il-kawża
17. |
Din il-kawża hija dwar rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE. Dan il-fatt għandu implikazzjonijiet sinjifikattivi għar-rekwiżiti relatati mal-azzjoni nnfisha u għall-proċeduri sussegwenti. Tlieta minn dawn l-implikazzjonijiet ser jiġu deskritti bħala introduzzjoni f’din it-taqsima. |
18. |
L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u minn ġurisprudenza rilevanti ( 6 ), rikors mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE għandu jgħid b’mod ċar u preċiż il-motivi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors, sabiex il-konvenut ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar ir-rikors. Il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jinftiehem fl-istess rikors kif ukoll fit-talbiet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix ultra petita jew tabilħaqq tonqos milli tiddeċiedi dwar l-ilment ( 7 ). |
19. |
Għalhekk, fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE, ir-rikorrent iġorr piż doppju. L-ewwel nett, huwa jkollu jidentifika b’mod ċar id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom jibbaża ruħu. It-tieni nett, huwa għandu l-obbligu li jistabbilixxi l-fatti bħala prova ta’ ksur tad-dispożizzjoni speċifika invokata jew tad-dispożizzjonjiet speċifiċi invokati tad-dritt tal-Unjoni. |
20. |
F’dan ir-rigward, għandu jkun enfasizzat li dan ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat biss u esklużivament fuq l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23. Il-Kummissjoni ma invokat il-ksur ta’ ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva. Lanqas ma qalet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. Minħabba li hija marbuta mal-portata tat-talba kif ifformulata mill-Kummissjoni, l-analiżi li ġejja hija limitata għall-eżami tal-allegat nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjoni speċifika invokata tad-Direttiva 2007/23, jiġifieri l-Artikolu 6(1). |
21. |
It-tieni nett, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-argument li d-dispożizzjoni Ġermaniża inkwistjoni f’dan il-każ hija imposta fuq oġġetti pirotekniċi li kienu diġà suġġetti għal evalwazzjoni ta’ konformità skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/23. Il-Kummissjoni tissottometti li s-sistema skont l-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV tfixkel il-moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi li għandhom diġà l-marka CE u, għalhekk, tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23. Il-Kummissjoni la ma tindirizza u lanqas ma tressaq l-argument addizzjonali dwar l-effetti li d-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata jista’ jkollha fuq oġġetti pirotekniċi li jkunu għadhom ma ġewx suġġetti għal evalwazzjoni ta’ konformità skont id-Direttiva. |
22. |
It-tielet nett, id-Direttiva 2007/23 kienet tħassret b’effett mill-1 ta’ Lulju 2015 mid-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 2013, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi ( 8 ). Madankollu, kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sewwa nnotat, din il-proċedura tirrigwarda biss allegat ksur tad-Direttiva 2007/23, u, għalhekk, bl-ebda mod ma tirrigwarda s-sitwazzjoni rregolata bid-Direttiva 2013/13. |
2. It-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23
23. |
Bħalma huwa evidenti mit-tliet punti magħmula iktar ’il fuq u minħabba l-mod li bih il-Kummissjoni ddefendiet din l-azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħafna jiddependi mill-interpretazzjoni tal-kliem speċifiku “tqegħid fis-suq” li jinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23. |
24. |
Ir-rikors tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ewwel ilment tagħha (il-proċedura ta’ notifika tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV) u tat-tieni lment tagħha (is-setgħa tal-BAM li jeżamina, u jekk ikun meħtieġ, li jemenda u jikkompleta l-istruzzjonijiet ta’ użu, skont il-ħames sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV) isostni li d-dispożizzjonijiet Ġermaniżi inkwistjoni f’din il-kawża huma imposti fuq oġġetti pirotekniċi li jkunu diġà ġew suġġetti għal evalwazzjoni ta’ konformità skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/23. Skont il-Kummissjoni, dan imur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 sa fejn ifixkel il-moviment liberu tal-oġġetti pirotekniċi li jkunu diġà konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva. |
25. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-allegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni. Hija ssostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 huwa rrelatat biss mat-“tqegħid fis-suq”, kif mifhum skont id-definizzjoni li hemm fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li tagħmel riferiment għal “l-ewwel tqegħid għad-disponibbiltà” fis-suq tal-Unjoni. Skont il-Ġermanja, dan ifisser li ladarba oġġett pirotekniku jkun diġà sar disponibbli fis-suq tal-Unjoni, l-Artikolu 6(1) ma jibqax japplika. Ostakoli oħra għall-moviment liberu jistgħu jkunu koperti mid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. Madankollu, minħabba li l-Kummissjoni bbażat esklużivament ir-rikors tagħha fuq l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23, ksur eventwali tal-Artikolu 34 TFUE ma jaqax fl-ambitu ta’ din il-proċedura. |
26. |
Fil-fehma tiegħi, l-obbligi legali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 huma l-qofol ta’ din il-kawża. Żewġ approċċi huma konċepibbli għall-interpretazzjoni tagħha: (a) litterali jew (b) teleoloġiku. It-tnejn ser jiġu eżaminati wieħed wara l-ieħor. |
a) Interpretazzjoni litterali
27. |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 jipprovdi li “[l]-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu milli jitqiegħdu fis-suq l-oġġetti pirotekniċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti minn din id-Direttiva” ( 9 ). Għall-finijiet tad-Direttiva, it-tifsira tal-kliem “tqegħid fis-suq” hija ddefinita b’mod ċar u espliċitu fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2007/23. Għalhekk, id-Direttiva tipprovdi definizzjoni ġuridika tal-kliem “tqegħid fis-suq”, li tiddefinihom bħala “l-ewwel tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq Komunitarju ta’ prodott individwali, sabiex jitqassam u/jew jintuża, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk bla ħlas” ( 10 ). |
28. |
Din id-definizzjoni, u b’mod partikolari r-riferiment għal “l-ewwel” tqegħid għad-disponibbiltà, għandhom l-istess kontenut fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva ( 11 ). Interpretazzjoni testwali, inkluża d-dimensjoni testwali lingwistika komparativa, għalhekk ma tħallix lok għal dubju dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 12 ). |
b) Interpretazzjoni teleoloġika
29. |
Minkejja l-formulazzjoni tiegħu, jistgħu jitressqu diversi argumenti insostenn tal-fehma li l-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 għandu jkopri, minkejja t-test tiegħu, mhux biss “l-ewwel” tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq tal-Unjoni, iżda wkoll kull tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq/swieq tal-Istati Membri, kif issostni l-Kummissjoni. |
30. |
L-ewwel nett, jista’ jiġi preżunt li l-Artikolu 6 kien intiż sabiex ikun klawżola ta’ moviment liberu, kif jidher ċar mit-titolu stess tiegħu. It-tieni nett, l-għan tad-Direttiva 2007/23 hija l-promozzjoni tal-moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessi 2, 13 u 19 tad-Direttiva. It-tielet nett, l-istruttura u s-sistema tad-Direttiva 2007/23 bla dubju jikkorrispondu għal dawk ta’ direttiva ta’ armonizzazzjoni, skont il-prinċipji stabbiliti fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill, tas-7 ta’ Mejju 1985, dwar approċċ ġdid lejn l-armonizzazzjoni u l-istandards tekniċi ( 13 ), li l-qofol tagħhom huwa l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija. |
3. Il-limiti ta’ interpretazzjoni teleoloġika
31. |
Fil-qosor, il-qofol ta’ din il-kawża huwa dan: skont l-istandards tad-dritt tal-Unjoni, formulazzjoni notevolment ċara ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tgħid X. Il-Kummissjoni tiġi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u titlobha tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-Trattat billi ma interpretatx din id-dispożizzjoni, minkejja l-formulazzjoni ċara tagħha, fid-dawl tal-ispirtu globali tad-Direttiva, sabiex tkun tfisser Y (jew pjuttost X u Y u forsi wkoll Z) u, għaldaqstant, ma adattatx il-liġijiet nazzjonali tagħha. |
32. |
Għal għadd ta’ raġunijiet li ser niddeskrivi iktar ’il quddiem fil-bqija ta’ din it-taqsima, l-opinjoni tiegħi hija li dikjarazzjoni bħal din tkun, mill-inqas, profondament problematika. Ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. Jispikkaw tliet raġunijiet f’dan ir-rigward: il-limiti tal-interpretazzjoni legali; is-separazzjoni tal-poteri u l-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali. |
33. |
L-ewwel nett, hemm limiti għall-interpretazzjoni legali, kuntrarjament għall-abbozzar leġiżlattiv. Ċertament, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mir-regoli li hija tkun tagħmel parti minnhom ( 14 ). Barra minn hekk, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun miftuħa għal diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lill-interpretazzjoni li tiżgura li d-dispożizzjoni żżomm l-effettività tagħha ( 15 ). L-għanijiet u l-kuntest ġenerali ta’ strument ta’ dritt sekondarju huma, għalhekk, naturalment rilevanti għad-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ kunċetti li tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jagħti ebda definizzjoni ( 16 ). |
34. |
Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali tal-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni legali huma suġġetti għal kundizzjoni: it-test tad-dispożizzjoni nnifsha għandu jkun jista’ jingħata interpretazzjonijiet differenti, li jippreżentaw ċertu element ta’ ambigwità u nuqqas ta’ preċiżjoni testwali. |
35. |
Naturalment, l-ambigwità interpretattiva ma hijiex bipolari. Dispożizzjoni la tkun għalkollox ċara u lanqas għalkollox mhux ċara: hemm skala varjabbli. Hemm gradi ta’ ambigwità. Madankollu, huwa preċiżament fuq tali skala ta’ ambigwità li l-metodi tradizzjonali ta’ interpretazzjoni (test, kuntest, skop) jikkomplementaw lil xulxin. Iktar ma jkun hemm ambigwità testwali, iktar ikun hemm il-ħtieġa li wieħed joqgħod fuq il-kuntest u/jew l-iskop. Għall-kuntrarju, iktar ma jkun hemm preċiżjoni u ċarezza testwali, inqas ikun hemm il-ħtieġa, b’mod ġenerali, ta’ kuntest u skop. |
36. |
F’din il-kawża, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2007/23 fih definizzjoni ġuridika preċiża u mhux ambigwa tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”: hija “l-ewwel tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq Komunitarju”. L-istess jista’ jingħad, kif diġà ssemma’, għal dak li jirrigwarda l-verżjonijiet linguistiċi l-oħra tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva. Għalhekk ma tantx hemm dubju dwar it-tifsira tal-imsemmija dispożizzjoni li jirrikjedi, sabiex jiġi riżolt, li jsir riferiment għall-kuntest u/jew għall-iskop tad-dispożizzjoni. |
37. |
L-elementi sussegwenti ta’ din id-definizzjoni, relatati mal-iskop tat-“tqegħid fis-suq”, u l-eċċezzjoni għal oġġetti pirotekniċi mmanifatturati għall-użu personali, ma jibdlux il-fatt li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2007/23 jagħmel riferiment għal avveniment partikolari li jikkorrispondi għall-mument li fih prodott jitqiegħed għad-dispożizzjoni għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni ( 17 ), kif ikkonfermat mill-premessa 8 tad-Direttiva. |
38. |
Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha stess, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, minkejja l-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ dispożizzjoni ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni, tagħti interpretazzjoni “li tkun intiża sabiex tiġi kkoreġuta din id-dispożizzjoni u sabiex b’hekk jiġu estiżi l-obbligi tal-Istati Membri” ( 18 ). Meta tingħata interpretazzjoni “fid-dawl tal-kuntest” tad-dispożizzjoni inkwistjoni, wieħed jiltaqa’ mal-limitazzjonijiet ta’ tali interpretazzjoni meta l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni nfisha ma tkunx ambigwa ( 19 ). Fi kliem ieħor, iċ-ċarezza tal-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni tirrappreżenta l-limitu massimu ta’ kull sforz interpretattiv, li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet hija stess meta pprekludiet interpretazzjonijiet “contra legem” ( 20 ). |
39. |
Dawn il-limiti interpretattivi għandhom rabta mill-qrib mat-tieni element imsemmi iktar ’il fuq, dak tas-separazzjoni tal-poteri (jew aħjar, fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, il-bilanċ istituzzjonali). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “ma hijiex intitolata tassumi r-rwol tal-leġiżlatur Komunitarju u tinterpreta dispożizzjoni b’mod kuntrarju għall-kontenut espress tagħha”, billi saħqet li “hija l-Kummissjoni li għandha tissottometti proposti għal emendi leġiżlattivi xierqa għal dan il-għan” ( 21 ). |
40. |
It-tielet nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, hija ġurisprudenza stabbilita li regoli tal-Unjoni għandhom jgħinu lil dak li jkun sabiex isir jaf b’mod preċiż il-portata tal-obbligi imposti fuqu ( 22 ). Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jitlob li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli ( 23 ), li jimplika, inter alia, “li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom” ( 24 ). |
41. |
Nirrikoxxi faċilment li Stat Membru ma huwiex individwu, jiġifieri persuna fiżika jew ġuridika (privata). Għalhekk naf li l-parametri stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatati maċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ individwi ma humiex trasponibbli kompletament għal proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonċernaw lill-Istati Membri ( 25 ). |
42. |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma min-natura tagħhom tilwimiet “istituzzjonali”, li jinvolvu biss lill-Kummissjoni u/jew lill-Istati Membri, ifisser li l-anqas ma japplikaw elementi “residwali” ta’ ċertezza legali jew ta’ legalità? ( 26 ) L-obbligu li wieħed jista’ jikkritika (f’dikjarazzjoni skont l-Artikolu 258 TFUE) u, potenzjalment, iktar tard jadotta sanzjonijiet (skont l-Artikolu 260 TFUE) abbażi biss ta’ obbligu legali fformulat b’mod ċar, ma għandux ikun ta’ applikazzjoni universali għal kull eżerċizzju tal-awtorità pubblika, ċertament f’Unjoni msejsa fuq l-istat tad-dritt? ( 27 ) |
43. |
F’din il-kawża, intqal ħafna b’rabta mal-kuntest li fih id-Direttiva 2007/23 kienet adottata, essenzjalment għall-finijiet ta’ interpretazzjoni li tbiddel il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1). Madankollu, argumenti kuntestwali u analoġiji misluta flimkien ma’ diversi strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni jċajpru t-tifsira tal-Artikolu 6(1) iktar milli jipprovdu xi għamla ta’ ċertezza interpretattiva. |
44. |
Kif il-leġiżlatur Ewropew innifsu rrikonoxxa, il-kunċetti u d-definizzjonijiet użati fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni dwar il-moviment liberu tal-merkanzija kienu nieqsa mill-konsistenza meta kienet abbozzata u adottata d-Direttiva 2007/23. Tabilħaqq, id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE ( 28 ) sussegwenti espressament tindirizza dan, billi qalet li “[f]il-passat, il-liġijiet dwar il-moviment liberu ta’ oġġetti użaw lista ta’ termini, uħud minnhom mingħajr definizzjoni, u għalhekk inħasset il-ħtieġa ta’ linji gwida li jagħtu tifsira u interpretazzjoni. Fejn ġew introdotti definizzjonijiet legali, dawn fihom differenzi, sa ċertu punt, fit-testi u xi drabi anki fit-tifsiriet tagħhom, u dan kien iġib miegħu diffikultajiet fl-interpretazzjoni u fl-implimentazzjoni korretta tagħhom. […]” ( 29 ). Bħala rimedju għal din is-sitwazzjoni, din id-deċiżjoni stabbilixxiet definizzjonijiet ġodda ta’ kunċetti fundamentali li minn dak iż-żmien lil hawn ġew inkorporati fi strumenti sussegwenti ta’ dritt sekondarju, li waħda minnhom hija d-Direttiva 2013/29 ġdida ( 30 ). |
45. |
It-terminoloġija ġdida u d-definizzjonijiet ġodda tad-Direttiva 2013/29 jirrigwardaw partikolarment il-kliem “tqegħid fis-suq” u jintroduċu wkoll il-kunċett ġdid ta’ “tagħmel disponibbli fis-suq” ( 31 ). Fid-dawl tal-bidliet importanti fit-terminoloġija introdotti sabiex id-dritt sekondarju jiġi aġġustat għall-qafas terminoloġiku ġdid stabbilit bid-Deċiżjoni 768/2008, l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li d-definizzjonijiet u l-obbligi skont il-klawżola tal-moviment liberu tad-Direttiva 2007/23 jikkorrispondu għal dawk tad-Direttiva 2013/29, ma jistax jintlaqa’. |
46. |
Terminoloġija ġdida adottata bi strument sussegwenti ma tistax tintuża sabiex jiġi interpretat strument preċedenti li juża manifestament terminoloġija differenti ( 32 ). Fil-fatt, konklużjoni kuntrarja għal dik invokata mill-Kummissjoni tista’ plawsibbilment tinstilet ukoll: il-fatt li d-Direttiva 2013/29 ġdida tuża terminoloġija differenti, aktarx iktar rilevanti minn dik tal-predeċessur tagħha, id-Direttiva 2007/23, jista’ wkoll ifisser li t-terminoloġija tat-tnejn kienet irrikonoxxuta li kienet differenti u kienet ikkoreġuta intenzjonalment fl-istrument sussegwenti. Sabiex nesprimi l-punt b’mod iktar dirett: jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni preċedenti kien tant ovvju u ċar, għaliex kellu jinkiteb mill-ġdid? |
47. |
Barra minn hekk, dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2007/23 juru li hemm distinzjoni bejn “tqegħid fis-suq”, mifhum bħala l-ewwel tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq tal-Unjoni, u l-moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi sussegwenti. Pereżempju, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2007/23 (relatat mas-sorveljanza tas-suq) jipprovdi għal mekkaniżmi differenti ta’ sorveljanza għal oġġetti li jkollhom jitqiegħdu fis-suq u għal dawk diġà mqiegħda fis-suq. |
48. |
Minħabba l-inkoerenza tat-terminoloġija u meta wieħed jiftakar kemm huwa speċifiku s-settur kopert mid-Direttiva 2007/23, huwa diffiċli li jinsiltu xi konklużjonijiet fuq il-bażi ta’ analoġiji ma’ direttivi oħra ta’ armonizzazzjoni f’setturi oħra u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretahom. |
49. |
L-ewwel nett, għadd ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitati mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha jikkonċerna dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ( 33 ). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk il-kawżi ma hijiex, għalhekk, trasponibbli per se għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju inkwistjoni f’din il-kawża. Ġurisprudenza oħra ċċitata mill-Kummissjoni, kif ukoll kawżi oħra relatati mal-klawżoli tal-moviment liberu f’direttivi ta’ armonizzazzjoni, jikkonċernaw jew strumenti li ma fihom ebda definizzjoni speċifika tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” jew li għandhom klawżoli tal-moviment liberu abbozzati b’mod usa’ sabiex jinkludu espressament il-“moviment liberu”, it-tqegħid fis-suq fit-territorju tal-Istati Membri jew l-istadji sussegwenti għal “tqegħid fis-suq” — “tqegħid fis-servizz” jew “użu” ( 34 ). |
50. |
It-tieni nett, l-Artikolu 6(1) jagħmel parti mid-Direttiva 2007/23. Din id-Direttiva tirrigwarda oġġetti pirotekniċi li minnhom infushom huma perikolużi. It-tħassib partikolari dwar l-ordni pubbliku, sigurtà jew sikurezza u l-protezzjoni ambjentali f’dan is-settur sensittiv wasslu, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, sabiex kompetenzi importanti jiġu rriżervati għall-Istati Membri. Dan huwa rifless fl-allokazzjoni ta’ kompetenzi fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva li jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-bejgħ, l-użu u l-pussess ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti pirotekniċi ( 35 ). |
4. Konklużjoni (u post scriptum)
51. |
Għar-raġunijiet kollha mogħtija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tiġi kkritikata talli adottat u żammet fis-seħħ regoli nazzjonali li huma konformi mal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23, anki jekk din tista’ ma tkunx jaqbel mal-ispirtu u mal-iskop ġenerali tad-Direttiva ( 36 ). |
52. |
L-azzjoni tal-Kummissjoni f’din il-kawża hija bbażata esklużivament fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV għal oġġetti pirotekniċi li kienu diġà suġġetti għal evalwazzjoni ta’ konformità, u, għalhekk, kienu diġà tqiegħdu fis-suq. Fid-dawl ta’ dan il-fatt u fid-dawl tad-diskussjoni preċedenti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23, ma naħsibx li jkun xieraq li jiġi ddikjarat li l-obbligu ta’ notifika tal-Ġermanja u s-setgħa tal-BAM li jeżamina u jemenda l-istruzzjonijiet ta’ użu jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. |
53. |
Għalhekk nipproponi li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jiġi miċħud. |
54. |
Madankollu, għandhom jiżdiedu tliet punti, li jirriflettu sa ċertu punt l-osservazzjonijiet introduttorji magħmula iktar ’il fuq fit-Taqsima V.A.1 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-ewwel nett, projbizzjoni ġenerali ta’ restrizzjoni jew tfixkil tal-moviment liberu tal-merkanzija teżisti, f’kull każ, skont l-Artikolu 34 TFUE li jipprojbixxi mhux biss restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li jkollha effett ekwivalenti, iżda jeżiġi wkoll li jkun hemm ir-rikonoxximent reċiproku ta’ prodotti mmanifatturati u mqiegħda fis-suq legalment fi Stati Membri oħra ( 37 ). It-tieni nett, id-Direttiva 2007/23 bla dubju għandha diversi dispożizzjonijiet sostantivi oħra mfassla għall-protezzjoni tal-moviment liberu ( 38 ). Madankollu, il-Kummissjoni bbażat ir-rikors tagħha esklużivament fuq l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, mingħajr ma semmiet fit-talbiet tar-rikors tagħha ebda dispożizzjoni sostantiva oħra tad-Direttiva 2007/23 jew id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. It-tielet nett, fil-kuntest partikolari tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, mingħajr ma taġixxi ultra petita ( 39 ), tifformula mill-ġdid l-argumenti mressqa quddiemha, kif xi drabi jista’ jkun possibbli f’rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
B – L-alternattiva
55. |
Għar-raġunijiet mogħtija fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, persważ li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud. Jekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma tadottax il-motivazzjoni deskritta iktar ’il fuq, ser noffri, f’din it-taqsima, deskrizzjoni fil-qosor ta’ approċċ alternattiv, sabiex b’hekk nissodisfa l-irwol kostituzzjonali ta’ Avukat Ġenerali u nassisti b’mod sħiħ lill-Qorti tal-Ġustizzja (Artikolu 252 TFUE). |
56. |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat mill-bidu nett li dan kollu li ġej ikun ta’ rilevanza biss jekk il-kliem “l-ewwel tqegħid fis-suq (tal-Unjoni)”, artikolati b’mod ċar fl-Artikoli 6(1) u 2(2) tad-Direttiva 2007/23, kellhom effettivament jinkitbu mill-ġdid sabiex ifissru “moviment liberu”. |
1. Il-proċedura ta’ notifika tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV
57. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura ta’ notifika tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV (li tibqa’ tapplika minkejja d-deroga tal-11 ta’ Marzu 2014 li tneħħi l-obbligu li jiddaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni fl-istruzzjonijiet ta’ użu) tikser l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Din il-proċedura tiġi applikata qabel ma oġġetti pirotekniċi jkollhom aċċess għas-suq Ġermaniż. Skont il-Kummissjoni, hija tikkostitwixxi piż finanzjarju u amministrattiv supplementari li, fin-nuqqas ta’ regola de minimis, imur lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/23 u, għalhekk, iġib miegħu ostakolu għall-moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi li diġa jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. |
58. |
Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tissottometti li l-proċedura ta’ notifika ma tikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva minħabba li hija applikabbli wara li l-oġġetti pirotekniċi jkunu effettivament saru disponibbli fis-suq Ġermaniż. Għalhekk, ma tikkostitwixxix evalwazzjoni ta’ konformità doppja ta’ dawn l-oġġetti. Sussidjarjament, il-Ġermanja ssostni li l-proċedura ta’ notifika tikkostitwixxi miżura għat-tħejjija tas-sorveljanza tas-suq, bil-għan li tiġi ffaċilitata t-traċċabbiltà ta’ oġġetti pirotekniċi. Barra minn hekk, il-proċedura ta’ notifika tista’ wkoll titqies bħala miżura għat-tħejjija tas-sorveljanza ta’ utenti, minħabba li tippermetti lill-BAM jikkontrolla u jemenda l-istruzzjonijiet ta’ użu ta’ oġġetti pirotekniċi sabiex jiġi żgurat li dawn jintużaw b’mod korrett u sikur. |
59. |
Fil-fehma tiegħi, kieku l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23 kien jinkludi “moviment liberu” u mhux biss l-ewwel “tqegħid fis-suq”, il-proċedura ta’ notifika tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV kienet tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu. |
60. |
Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV għandha formalitajiet addizzjonali għal dawk stabbiliti mid-Direttiva 2007/23, li jimponu fuq produtturi u importaturi obbligu li jinnotifikaw oġġetti pirotekniċi lill-BAM qabel ma jintużaw għall-ewwel darba fit-territorju Ġermaniż. Sabiex jikkompleta l-proċedura ta’ notifika, u suġġett għal tariffa, il-BAM jagħti lil importatur/produttur numru ta’ identifikazzjoni. Kif ġie ċċarat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-seduta, nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-obbligu jammonta għal ksur u jista’ jagħti lok għal sanzjonijiet. Il-Kummissjoni ssostni li din il-proċedura hija applikabbli wkoll għal prodotti li diġà għandhom il-marka CE u jkunu diġà tqiegħdu fis-suq fi Stati Membri oħra. |
61. |
Naqbel mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-proċedura ta’ notifika ma hijiex repetizzjoni tal-evalwazzjoni ta’ konformità msemmija fid-Direttiva. Madankollu, ma nistax naċċetta l-argument li s-sistema nazzjonali inkwistjoni ma tfixkilx aċċess għas-suq Ġermaniż. Anki kieku l-proċedura ta’ notifika ma kinitx tikkostitwixxi kundizzjoni formali minn qabel għat-tqegħid ta’ oġġetti pirotekniċi fis-suq, hija tikkostitwixxi tfixkil għal moviment liberu. Hija timponi formalitajiet fuq l-importazzjoni ta’ prodotti pirotekniċi mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra u, għalhekk, tista’ tkun ta’ ostakolu għall-aċċess għas-suq Ġermaniż. |
62. |
Barra minn hekk, l-argument imressaq sussidjarjament mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jgħid li l-proċedura ta’ notifika tikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ tħejjija għas-sorveljanza tas-suq u li, għalhekk, hija koperta mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2007/23, lanqas ma jista’ jintlaqa’. |
63. |
L-ewwel nett, l-Artikolu 14(4) huwa bbażat fuq il-preżunzjoni ta’ konformità. Għalhekk, attivitajiet ta’ sorveljanza ta’ suq fuq oġġetti pirotekniċi li diġà jkollhom il-marka CE huma limitati għal kontrolli ta’ oġġetti pirotekniċi u d-dokumentazzjoni tagħhom. Ma tistax tinftiehem bħala li tippermetti kontrolli sistematiċi fuq l-oġġetti pirotekniċi kollha li jidħlu fis-suq ta’ Stat Membru ( 40 ). |
64. |
Barra minn hekk, fis-seduta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċċarat li s-sorveljanza tas-suq ma taqax fil-kompetenza tal-BAM iżda f’dik tal-Länder Ġermaniżi u tal-awtoritajiet rilevanti tagħhom. Dan il-fatt ikompli jikkonferma li l-proċedura ta’ notifika ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/27 u lanqas ma tista’ tiġi kklassifikata bħala mekkaniżmu ta’ sorveljanza tas-suq. |
65. |
It-tieni nett, fir-rigward tal-argument imressaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’rabta mal-għan li oġġetti pirotekniċi jkunu jistgħu jiġu rrintraċċati, huwa minnu li l-miżuri ta’ implementazzjoni, previsti fl-Artikolu 18(2)(a) tad-Direttiva 2007/23, fir-rigward tat-“twaqqif ta’ sistema ta’ rintraċċament” ( 41 ), ġew fil-fatt adottati mid-Direttiva 2014/58/UE ( 42 ). Għalhekk, ma kinux fis-seħħ fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Madankollu, minkejja d-dewmien sabiex jiġu adottati tali miżuri ta’ implementazzjoni, jibqa’ l-fatt li d-Direttiva tipprevedi l-adozzjoni ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni. L-Artikolu 18(2)(a) tad-Direttiva ma jistax jitqies li jagħti s-setgħa lill-Istati Membri, fil-perijodu qabel ma jkunu ġew adottati miżuri ta’ implementazzjoni, li jistabbilixxu sistema ta’ reġistrazzjoni nazzjonali tagħhom stess applikabbli għal prodotti li jkunu diġà ġew suġġetti għal evalwazzjoni ta’ konformità. |
66. |
Jiena wkoll mhinix konvint bl-argumenti mressqa sussidjarjament mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jgħidu li l-proċedura ta’ notifika tikkostitwixxi miżura għat-tħejjija tas-sorveljanza ta’ utenti koperta bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23. |
67. |
L-ewwel nett, kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja stess tirrikonoxxi, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni la jirrestrinġu u lanqas jipprojbixxu pussess, użu u/jew bejgħ. |
68. |
It-tieni nett, l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23 hija applikabbli biss għal kategoriji speċifiċi ta’ oġġetti pirotekniċi. Mingħajr ma nibda diskussjoni dwar il-bażi legali nazzjonali xierqa tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV ( 43 ), biżżejjed ngħid li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni hija abbozzata b’mod ġenerali mingħajr ma tiddistingwi bejn il-kategoriji differenti ta’ oġġetti pirotekniċi ( 44 ). Dan fih innifsu huwa diġà problematiku, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23. |
69. |
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet ( 45 ) li leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li importatur jirreġistra prodotti kimiċi mal-awtorità nazzjonali kompetenti meta dan l-importatur diġa jkollu obbligu, skont ir-Regolament REACH ( 46 ), li jirreġistra l-istess prodotti mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, ma tkunx, f’ċerti kundizzjonijiet, prekluża minn dan ir-Regolament. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-motivazzjoni li hija l-bażi ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi trasposta għall-kuntest tad-Direttiva 2007/23. L-ewwel nett, iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jsegwu għanijiet differenti u għandhom struttura differenti. It-tieni nett, u iktar importanti, il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza tat l-ikbar importanza lill-Artikolu 128(2) tar-Regolament REACH, li ma jarmonizzax ċerti istanzi ta’ “tqegħid fis-suq” ( 47 ). B’mod ħafna iktar differenti, f’dan il-kuntest, l-Artikolu 6(2) ma joperax fuq il-preżunzjoni li d-Direttiva 2007/23 ma tarmonizzax ċerti istanzi ta’ “tqegħid fis-suq”. Minflok, skont l-Artikolu 6(2), l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu, għal raġunijiet speċifiċi, l-użu, il-pussess jew il-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti pirotekniċi. |
2. Is-setgħa tal-BAM li jeżamina u jemenda l-istruzzjonijiet ta’ użu (il-ħames sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV)
70. |
Il-Kummissjoni ssostni li s-setgħa mogħtija lill-BAM bil-ħames sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-1. SprengV, li jippermetti lil dan il-korp jikkompleta u jemenda l-istruzzjonijiet ta’ użu ta’ oġġetti pirotekniċi, hija eżerċitata minkejja l-fatt li dawn l-oġġetti jkunu diġà ġew suġġetti għal evalwazzjoni ta’ konformità. Din il-prattika hija, għalhekk, kuntrarja għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23. Il-Kummissjoni tammetti li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23 jħalli setgħat importanti fir-rigward tal-pussess, tal-użu u/jew tal-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti pirotekniċi lill-Istati Membri. Madankollu, is-setgħa li jiġu emendati l-istruzzjonijiet ta’ użu ma tikkostitwixxix miżura li tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-pussess, l-użu u/jew il-bejgħ ta’ oġġetti pirotekniċi. Barra minn hekk, il-preżunzjoni ta’ konformità ta’ oġġetti pirotekniċi li għandhom il-marka CE testendi għall-istruzzjonijiet ta’ użu tagħhom. |
71. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-Direttiva 2007/23 u, b’mod partikolari, il-punt 3(h) tal-Anness I ma tinvolvix evalwazzjoni kompleta tal-istruzzjonijiet ta’ użu. Hija ssostni li l-evalwazzjonijiet ta’ konformità mwettqa skont id-Direttiva 2007/23 ma jistgħux jinvolvu kontroll fuq il-lingwa tal-istruzzjonijiet ta’ użu peress li ma jkunx prevedibbli f’dan l-istadju ta’ evalwazzjoni f’liema Stati Membri dawn l-oġġetti pirotekniċi ser jinbiegħu u jiġu kkummerċjalizzati. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jemendaw il-limitazzjonijiet ta’ età u d-distanzi minimi ta’ sigurtà. Il-korpi li għandhom jiġu nnotifikati skont id-Direttiva, għalhekk, jiltaqgħu ovvjament ma’ diffikultajiet kunsiderevoli sabiex iwettqu kontroll xieraq ta’ dawn ir-rekwiżiti. Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li s-setgħat tal-BAM huma intiżi għas-sorveljanza tas-suq jew għall-protezzjoni ta’ utenti, konformement mal-Artikolu 14 u mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23. |
72. |
M’iniex konvint bl-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
73. |
L-ewwel nett, kif il-Kummissjoni tinnota korretament, ir-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza li magħhom għandu jikkonforma ruħu l-manifattur (u l-importatur, jekk ikun il-każ) huma stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2007/23. Malli oġġett pirotekniku jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, l-Istati Membri ma għandhomx, skont l-Artikolu 6(1), jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid tiegħu fis-suq (jekk dan jinftiehem bħala li jinkludi l-moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi fost l-Istati Membri). |
74. |
Il-punt 3(h) tal-Anness I tad-Direttiva 2007/23 tinkludi, fost l-informazzjoni u l-karatteristiċi li korpi nnotifikati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni jew jittestjaw, l-“[i]struzzjonijiet u, fejn meħtieġ, markaturi adegwati fir-rigward ta’ l-immaniġġar, ħżin, użu (inklużi distanzi ta’ sikurezza) u rimi mingħajr periklu fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru reċipjenti [ta’ destinazzjoni]”. |
75. |
Bħala konsegwenza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tippretendi li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża hija intiża sabiex jiġi żgurat li l-istruzzjonijiet ta’ użu jiġu abbozzati korrettament bil-Ġermaniż, u li d-distanzi ta’ sikurezza speċifiċi preskritti mill-Ġermanja jkunu riflessi sewwa. Il-punt 3(h) tal-Anness I tad-Direttiva 2007/23 tagħmel riferiment espliċitu għall-istruzzjonijiet adatti u, meta jkun meħtieġ, għal markaturi fir-rigward ta’ immaniġġar, ħżin u użu mingħajr periklu, inklużi distanzi ta’ sikurezza, fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, bħala wħud mir-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza. Bl-istess mod, u kuntrarju għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza tal-Anness I tad-Direttiva 2007/23 ikopru wkoll l-apparat tat-tqabbid ( 48 ). |
76. |
It-tieni nett, il-fatt li l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2007/23, iżidu l-limiti ta’ età stipulati fl-Artikolu 7(1) ma jwassalx għal konklużjoni differenti. Skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva, l-ittikkettjar ta’ oġġetti pirotekniċi għandu jinkludi, inter alia, il-limiti minimi ta’ età kif indikat fl-Artikolu 7(1) u (2). Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni, ġie approvat standard Ewropew armonizzat dwar ir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar minimu ( 49 ). |
77. |
Għal dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa sussidjarjament mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq relatati mal-proċedura ta’ notifika ( 50 ) japplikaw kollha għas-setgħa tal-BAM li jikkompleta u jemenda l-istruzzjonijiet ta’ użu. Din l-aħħar setgħa hija marbuta b’mod indissoċjabbli mal-proċedura ta’ notifika, li hija nfisha la tikkostitwixxi miżura għall-protezzjoni ta’ utenti koperta mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, u lanqas miżura għat-tħejjija tas-sorveljanza tas-suq li tista’ tkun koperta mill-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva. |
78. |
Fl-aħħar nett, għandu jingħad li Stati Membri ma jistgħux jadottaw unilateralment miżuri korrettivi bħala reazzjoni għal nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn Stati Membri oħra. Huma obbligati jaġixxu skont il-proċeduri u r-rimedji legali stabbiliti mit-Trattat ( 51 ). |
79. |
Min-naħa l-oħra, l-istruttura tad-Direttiva u l-preżunzjoni ta’ konformità ta’ oġġetti li għandhom il-marka CE ma jżommux lill-Istati Membri milli jintervjenu fil-każ li jkun jidher li hemm riskju ( 52 ). Għall-kuntrarju, id-Direttiva 2007/23 tistabbilixxi regoli intiżi sabiex jinkiseb il-moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi fis-suq intern filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-sigurtà pubblika, kif ukoll il-protezzjoni u s-sikurezza tal-konsumaturi. Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2007/23 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom tista’ ssir sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri. B’mod partikolari, l-Artikolu 14(6) jippermetti lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha adatti sabiex jiġu rtirati prodotti li għandhom il-marka CE u li jistgħu jqiegħdu fil-periklu s-saħħa u sikurezza tal-persuni. |
80. |
Fil-kuntest tas-superviżjoni tas-suq, l-Istati Membri jistgħu, barra minn hekk, jissorveljaw it-twettiq tal-obbligi imposti fuq distributuri ta’ oġġetti pirotekniċi. Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/23, distributuri għandhom jivverifikaw li oġġett pirotekniku jkollu l-marka jew il-marki meħtieġa ta’ konformità u jkollu miegħu d-dokumenti meħtieġa ( 53 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 20 tad-Direttiva jgħid li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva. Fl-aħħar nett, ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 ( 54 ) jipprevedi proċedura ta’ oġġezzjoni kontra standards armonizzati adottati, meta l-Istati Membri jqisu li dawn l-istandards ma jkunux jissodisfaw kompletament l-għanijiet tad-Direttiva. |
81. |
Bħala konklużjoni, ma huwiex ikkontestat li fil-kuntest sensittiv ta’ oġġetti pirotekniċi, l-Istati Membri huma intitolati jikkontrollaw u jispezzjonaw, kif irrikonoxxut espressament mid-Direttiva 2007/23 nfisha. Il-kwistjoni, għalhekk, ma hijiex jekk għandhiex issir spezzjoni, iżda kif għandha ssir. F’dan il-kuntest, sistemi ta’ notifika ġenerali ex ante li jkunu applikabbli għall-prodotti kollha, anki dawk diġà approvati u ammessi mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra, aktarx li ma jkunux kompatibbli ma’ sistema bbażata fuq il-moviment liberu u r-rikonoxximent reċiproku. |
VI – Spejjeż
82. |
Nipproponi li r-rikors għandu jiġi miċħud. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
VII – Konklużjoni
83. |
Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU L 154, p. 1.
( 3 ) Liġi dwar sustanzi esplożivi fil-verżjoni ppubblikata fl-10 ta’ Settembru 2002 (BGBl. I, p. 3518) kif emendata bl-Artikolu 4(67) tal-liġi tas-7 ta’ Awwissu 2013 (BGBl. I, p. 3154) (iktar ’il quddiem l-“iSprengG”).
( 4 ) Fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-31 ta’ Jannar 1991 (BGBl.I, p. 169), kif emendata bl-Artikolu 20 tal-liġi tal-25 ta’ Lulju 2013 (BGBl. I, p. 2749).
( 5 ) Bekanntmachung, Ausnahmebewilligung Nr. 2‑0615/14 zur Kennzeichnung von pyrotechnischen Gegenständen, ippubblikata fil-Gazzetta Federali AT, B6, p. 1 fis-27 ta’ Marzu 2014.
( 6 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑252/13, EU:C:2014:2312, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 7 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (C‑361/13, EU:C:2015:601, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑501/04, EU:C:2007:431, punti 24 sa 27).
( 8 ) ĠU L 178, p. 27.
( 9 ) Enfasi miżjuda minni.
( 10 ) Enfasi miżjuda minni.
( 11 ) Pereżempju, bil-Franċiż: “première mise à disposition, sur le marché communautaire”; bil-Ġermaniż “[…] erstmalige Bereitstellung eines bestimmten Produkts […] auf dem Gemeinschaftsmarkt”; bl-Ispanjol “primera puesta a disposición en el mercado comunitario”; bit-Taljan “la prima messa a disposizione sul mercato comunitario di un prodotto”; biċ-Ċek “první předání jednotlivého výrobku k dispozici na trh Společenství”; bl-Olandiż “het voor de eerste keer in de handel van de Gemeenschap beschikbaar stellen”.
( 12 ) Ara, għal sitwazzjoni differenti, b’verżjonijiet lingwistiċi differenti, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑385/02, EU:C:2004:522, punt 34).
( 13 ) ĠU C 136, p. 1, imsemmija fil-premessa 8 tad-Direttiva 2007/23.
( 14 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Holger Forstmann Transporte (C‑152/13, EU:C:2014:2184, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2014, Holger Forstmann Transporte (C‑152/13, EU:C:2014:2184, punt 26), tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 51), jew tal-15 ta’ Ġunju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑348/97, EU:C:2000:317, punt 53).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1988, Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni (349/85, EU:C:1988:34, punt 9) u tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar (C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) L-enfasi fuq l-element ratione temporis tinsab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta definizzjoni simili li hemm fi strument differenti ta’ leġiżlazzjoni sussidjarja. Ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Rätzke (C‑319/13, EU:C:2014:210, punti 34 et seq).
( 18 ) Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑582/08, EU:C:2010:429, punt 51), tal-5 ta’ Ġunju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑198/12, EU:C:2014:1316, punt 35) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen f’dik il-kawża (C‑198/12, EU:C:2013:739, punt 46). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C‑48/07, EU:C:2008:758, punt 44). Il-projbizzjoni ta’ tali “interpretazzjoni korrettiva” naturalment ma tapplikax meta t-tifsira tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma tkunx ċara. Ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑524/10, EU:C:2012:129, punt 56 et seq) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑524/10, EU:C:2011:613, punti 56 et seq).
( 19 ) Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, BĊE vs Il‑Ġermanja (C‑220/03, EU:C:2005:748, punt 31) u tat-28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivatiC‑263/06, EU:C:2008:128, punt 48). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑304/15, EU:C:2016:479, punt 44).
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 24) u tal-15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑582/08, EU:C:2010:429, punt 33).
( 21 ) Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol (C‑310/98 u C‑406/98, EU:C:2000:154, punt 32).
( 22 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini (169/80, EU:C:1981:171, punt 17).
( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean (C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 31).
( 24 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara, inter alia, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑316/99, EU:C:2001:38, punti 12 u 13), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑385/02, EU:C:2004:276, punt 47 et seq).
( 26 ) Ara, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑582/08, EU:C:2010:429, punt 50), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-qafas ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li anki jekk “[h]uwa minnu li din il-ġurisprudenza tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-individwi u l-awtorità pubblika […] din il-ġurisprudenza hija rilevanti wkoll fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttiva li tikkonċerna l-qasam fiskali”. Ara wkoll il-konjklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑582/08, EU:C:2010:286, punt 64).
( 27 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23), u s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 60).
( 28 ) Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, p. 82).
( 29 ) Premessa 16.
( 30 ) L-aġġustamenti terminoloġiċi fid-Direttiva 2013/29 jaqblu ma’ dawn il-kunċetti u d-definizzjonijiet ġodda. Ara, dwar dan, il-premessa 3 tad-Direttiva 2013/29. B’mod partikolari, ġiet introdotta d-definizzjoni ta’ “tagħmel disponibbli fis-suq”. Il-“klawżola dwar il-moviment liberu” attwali tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/29 tagħmel riferiment għall-kunċett ta’ “disponibbiltà” fis-suq, li jidher ukoll fit-titolu tad-Direttiva.
( 31 ) Din il-bidla fl-approċċ hija spjegata ulterjorment bl-avviż tal-Kummissjoni tal-5 ta’ April 2016, li fih il-verżjoni l-iktar reċenti tal-“Gwida Blu” dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar prodotti, C(2016) 1958 finali.
( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑135/03, EU:C:2005:457, punt 38).
( 33 ) Dan huwa partikolarment il-każ tas-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2012, Fra.bo (C‑171/11, EU:C:2012:453), tal-10 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑432/03, EU:C:2005:669), tal-15 ta’ Marzu 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑54/05, EU:C:2007:168) u tat-8 ta’ Frar 1983, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (124/81, EU:C:1983:30).
( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑100/13, EU:C:2014:2293), iċċitata mill-Kummissjoni, jew is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL (C‑14/02, EU:C:2003:265) u tat-30 ta’ April 2009, Lidl Magyarország (C-132/08, EU:C:2009:281).
( 35 ) Ara l-premessa 10 tad-Direttiva 2007/23.
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑582/08, EU:C:2010:429, punt 48).
( 37 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Elenca (C‑385/10, EU:C:2012:634, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara, fir-rigward ta’ klawżola simili ta’ moviment liberu, is-sentenza tal-5 ta’ April 1979, Ratti (148/78, EU:C:1979:110, punt 13), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li klawżola ta’ moviment liberu “ma kellhiex valur indipendenti, minħabba li kienet biss l-element addizzjonali neċessarju għad-dispożizzjonijiet sostantivi li hemm fl-imsemmija artikoli u intiża sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-prodotti inkwistjoni”.
( 39 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑326/07, EU:C:2008:611, punti 33 sa 34).
( 40 ) Definizzjoni illustrattiva ta’ sorveljanza tas-suq tinsab fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, p. 30), li jagħmel riferiment, inter alia, għal “kontrolli adegwati fuq il-karatteristiċi ta’ prodotti fuq skala adegwata, permezz ta’ kontrolli dokumentarji, u, jekk ikun meħtieġ, kontrolli fiżiċi u tal-laboratorju ibbażati fuq kampjuni rappreżentattivi adegwati”.
( 41 ) Skont din id-dispożizzjoni, is-sistema tinkludi “numru ta’ reġistrazzjoni u reġistru fil-livell ta’ l-UE sabiex ikunu identifikati t-tipi ta’ oġġetti pirotekniċi u l-manifattur tagħhom”.
( 42 ) Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ April 2014, li tistabbilixxi, skont id-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sistema ta’ traċċabilità ta’ oġġetti pirotekniċi (ĠU, L 115, p. 28). Sistema ta’ traċċabbiltà hija pprovduta wkoll fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/29.
( 43 ) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-bażi legali tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija l-Artikolu 6(1)(2)(d) tal-iSprengG, li jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti jadottaw proċedura għall-ħruġ ta’ numri ta’ identifikazzjoni għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni u awtorizzazzjoni għall-bejgħ u għall-użu, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ressqet bħala bażi legali għall-proċeduta ta’ notifika l-Artikolu 6(1)(3)(d) tal-iSprengG, li jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti jipprovdu li “sustanzi esplossivi miksuba jew importati skont l-Artikolu 1(1) għandhom jiġu nnotifikati u tali notifika għandha tkun akkumpanjata b’dokumenti speċifiċi.”
( 44 ) F’dan ir-rigward, differenzazzjoni hija prevista biss fis-sitt sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-iSprengV, li tintroduċi eċċezzjoni mill-obbligu li jiddaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni fl-istruzzjonijiet ta’ użu skont ir-raba’ sentenza tal-istess dispożizzjoni.
( 45 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Canadian Oil Company Sweden u Rantén (C‑472/14, EU:C:2016:171, punt 41).
( 46 ) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU, L 396, p. 1, u corrigendum ĠU L 136, p. 3), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 552/2009 tat-22 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 164, p. 7).
( 47 ) Skont l-Artikolu 128(2) tar-Regolament REACH, l-Istati Membri ma humiex preklużi milli jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali intiżi sabiex jipproteġu l-ħaddiema, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li japplikaw fil-każijiet fejn dan ir-Regolament ma jarmonizzax ir-rekwiżiti fil-qasam tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu. Ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Canadian Oil Company Sweden u Rantén (C‑472/14, EU:C:2016:171, punti 26 u 27).
( 48 ) Punt 5(Ċ)(1) sa (7) tal-Anness I tad-Direttiva 2007/23. Apparat tat-tqabbid huwa wkoll kopert bl-istandard Ewropew EN 15947. Ara wkoll il-punt 3(j) ta’ dan l-anness, li jirreferi għal “[l]-ispeċifikazzjoni ta’ l-apparat u aċċessorji kollha meħtieġa u l-istruzzjonijiet għall-funzjonament mingħajr periklu ta’ l-oġġett pirotekniku”.
( 49 ) EN 15947, ippubblikat fil-ĠU 2013, C 136, p. 6. Ara wkoll l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2007/13.
( 50 ) Ara l-punti 61 sa 63 u 65 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 51 ) Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑111/03, EU:C:2005:619, punt 66).
( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET (C-470/03, EU:C:2007:213, punt 62).
( 53 ) Ara, b’analoġija, s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto (C‑40/04, EU:C:2005:519, punt 51). Ara wkoll, għalkemm f’kuntest differenti, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Lidl Italia (C‑315/05, EU:C:2006:736, punt 43 et seq).
( 54 ) Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (ĠU L 316, p. 12 sa 33. Dan ir-Regolament ħassar l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2007/23).